Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0651

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Montenegro”

ĠU C 18, 19.1.2011, p. 11–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Montenegro”

2011/C 18/03

Relatur: is-Sinjura DRBALOVÁ

F'ittra datata l-14 ta' Lulju 2009, il-Kummissarju Margot Wallström u l-Kummissarju Olli Rehn talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex ifassal opinjoni esploratorja dwar

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Montenegro.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta' April 2010.

Matul l-462 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta' April 2010 (sessjoni tat-28 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'101 vot favur u 6 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet li jsaħħu l-validità ta' din l-opinjoni kemm għall-Montenegro kif ukoll għall-istituzzjonijiet Ewropej

Lill-Parlament tal-Montenegro:

1.1

Il-proċedura biex jiġu nnominati r-rappreżentanti tal-Organizzazzjonijiet Nongovernattivi (NGOs) fil-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni fl-UE (1) għandha tiġi ddefinita permezz ta' digriet Parlamentari u tkun ibbażata fuq kriterji ċari tal-kredibbiltà u l-leġittimità tal-NGOs b'esperjenza fl-affarijiet tal-UE.

1.2

Il-Liġi dwar il-Voluntiera li għad trid tiġi approvata għandha tinkorpora l-fehmiet tal-NGOs.

Lill-Gvern tal-Montenegro:

1.3

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha tissaħħaħ b'konformità mar-rakkomandazzjoni mressqa fir-rapport ta' progress tal-KE. Il-korruzzjoni li għad hemm f'ħafna oqsma għadha problema partikolarment serja.

1.4

L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali adottata għall-kooperazzjoni bejn il-Gvern tal-Montenegro u l-NGOs trid tissaħħaħ. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari sabiex ikun hemm rappreżentazzjoni ġenwina tal-NGOs f'diversi entitajiet skont l-ispirtu tar-regolament eżistenti, u b'mod speċjali fi ħdan il-Kunsill ippjanat għall-kooperazzjoni mal-NGOs, fejn ir-rappreżentanti tal-NGOs m'għandhomx jiġu eletti mill-gvern; għandu biss jiġi vverifikat li ntgħażlu fuq il-bażi ta' kriterji ta' eliġibbiltà.

1.5

L-uffiċċju attwali għall-kooperazzjoni mal-NGOs għandu riżorsi umani u tekniċi limitati ħafna biex jassisti lill-NGOs kif jixraq u biex jassigura li l-NGOs ikomplu jiżviluppaw fil-Montenegro. Il-pjan li jiġi stabbilit Kunsill tal-Gvern għall-NGOs b'rappreżentanti ġenwini tal-NGOs għandu jingħata prijorità għolja.

1.6

Ir-regolamenti fiskali għall-NGOs għandhom jiġu speċifikati b'mod ċar, u fejn meħtieġ għandhom jiġu introdotti liġijiet rilevanti. Barra minn hekk, l-NGOs għandhom ikunu inklużi b'mod iktar effettiv fid-dibattiti pubbliċi dwar l-abbozzi ta' liġijiet sabiex jikkontribwixxu biex il-leġiżlazzjoni tal-Montenegro tkun konformi mal-istandards u l-prattika t-tajba tal-UE. L-istess jgħodd għall-aġġornamenti tal-Pjan Nazzjonali għall-Integrazzjoni u l-ipprogrammar tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni.

1.7

Ir-reġistru tal-NGOs għandu jiġi aġġornat u ppubblikat fuq is-sit tal-Internet tal-entità kompetenti, sabiex ikun hemm informazzjoni preċiża dwar l-għadd ta' NGOs u b'hekk tieqaf il-manipulazzjoni f'dan il-qasam. L-NGOs kollha għandhom jippubblikaw ir-rapporti narrattivi u finanzjarji tagħhom regolarment, sabiex jikkontribwixxu għall-proċess ġenerali ta' trasparenza fis-soċjetà u jsaħħu l-kredibbiltà tagħhom stess. Għandha tiġi adottata bażi legali adegwata, jiġifieri leġiżlazzjoni dwar l-attivitajiet ta' negozju fl-agrikoltura, is-sajd u professjonijiet indipendenti oħra, u d-dritt li wieħed jissieħeb fi trade union għandu jiġi estiż għal kulħadd, u ma jibqax għall-impjegati biss.

1.8

L-abbozz ta' liġi dwar ir-rappreżentattività tat-trade unions, li għandu pendenti, għandu joħloq qafas legali li jistabbilixxi kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji għar-rappreżentattività tal-organizzazzjonijiet tat-trade unions, u għandu jippermetti li jkun hemm pluralità ta' trade unions fil-pajjiż. Il-kriterji dettaljati għar-rappreżentattività tal-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem għandhom ikunu koperti mil-liġi wkoll, hekk kif din tkun iddefinita għat-trade unions.

1.9

Għandu jintuża l-potenzjal tal-Kunsill Soċjali billi huwa għodda effettiva għall-konsultazzjoni u l-informazzjoni tal-imsieħba soċjali, sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali rilevanti kollha.

1.10

Il-Kummissjoni tal-gvern għall-Integrazzjoni Ewropea għandha tinfetaħ għar-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u tinvolvihom gradwalment fil-proċess tal-integrazzjoni tal-pajjiż fl-UE.

Lill-Kummissjoni Ewropea:

1.11

Fil-proċess ta' monitoraġġ għandhom jiġu applikati indikaturi ġodda – wieħed għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u ieħor għad-djalogu soċjali – sabiex jiġi assigurat li s-soċjetà ċivili tkun iktar involuta, u b'mod iktar effettiv, fil-proċess ta' preadeżjoni.

1.12

Għandha tkompli tappoġġja s-sħubijiet tas-soċjetà ċivili u l-iżvilupp tal-kapaċità, tinkludi s-soċjetà ċivili fl-ipprogrammar tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u tippromovi l-istabbiliment ta' Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Montenegro hekk kif il-Montenegro jingħata l-istatut ta' pajjiż kandidat.

Il-KESE:

1.13

Ser ikompli jikkoopera mas-soċjetà ċivili organizzata tal-Montenegro, jgħinha fil-proċess ta' preadeżjoni u jieħu passi konkreti għall-istabbiliment ta' Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Montenegro.

2.   Ċifri u fatti ewlenin dwar il-Montenegro

2.1

Wara s-separazzjoni tal-Federazzjoni Jugoslava fl-1989, il-Montenegro tħalla f'pożizzjoni prekarja. Bejn l-1991 u l-1992 is-Slovenja, il-Kroazja, il-Bosnja-Ħerzegovina kif ukoll dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kollha sseparaw minn mal-Jugoslavja. Fis-27 ta' April 1992, is-Serbja u l-Montenegro ngħaqdu u adottaw il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja f'Belgrad. Għalkemm il-Montenegro tenna l-għaqda politika tiegħu mas-Serbja, is-sens ta' identità Montenegrina separata kompla jikber. Fl-4 ta' Frar 2003 ġiet adottata l-Karta Kostituzzjonali tal-Unjoni tal-Istati tas-Serbja u l-Montenegro.

2.2

Ir-Repubblika tal-Montenegro organizzat b'suċċess referendum dwar l-indipendenza fil-21 ta' Mejju 2006 u ddikjarat l-indipendenza tagħha fit-3 ta' Ġunju.

2.3

Il-Montenegro huwa l-iżgħar pajjiż fil-Balkani tal-Punent, bi 13 812 km2 u popolazzjoni ta' 620 145 persuna. Dan għandu impatt fuq il-pożizzjoni tal-pajjiż fil-kuntest ġeostrateġiku reġjonali u politiku wiesa'.

2.4

L-għamla multietnika tas-soċjetà dejjem ġiet ikkunsidrata bħala wieħed mill-ikbar assi tal-pajjiż. Il-maġġoranza hija magħmula mill-Montenegrini (43,16 %), imbagħad jiġu s-Serbi (31,99 %), il-Bosnijaċi (7,77 %), l-Albaniżi (5,03 %), il-Musulmani (2) (3,97 %) u l-Kroati (1,10 %).

2.5

Fl-2008 (3), il-PDG per capita kien EUR 4 908 (43 % tal-medja Ewropea) u r-rata tal-qgħad kienet 16,8 %. Is-salarju nett medju kien EUR 416 (4), iżda 12,2 % taċ-ċittadini kienu jgħixu b'inqas minn EUR 116 fix-xahar u 4,7 % tal-popolazzjoni kienet tgħix f'faqar estrem. L-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut kienet 9 % fl-2008. Fl-2009, id-dejn pubbliku kien EUR 1 071,1 miljun, jew 34,7 % tal-PDG (5), filwaqt li d-dejn domestiku kien EUR 426 miljun (13,8 %) u d-dejn estern EUR 645,2 miljun (20,9 %). Ir-rata ta' alfabetiżmu fost l-adulti kienet 97,5 %.

3.   Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Montenegro

3.1

Illum l-isfida ewlenija li qiegħed jiffaċċja l-Montenegro hija l-bini tal-istat u l-istituzzjonijiet, ir-rispett tal-istandards u l-kriterji stabbiliti mill-UE u konsegwentement l-istabbiliment ta' rwol funzjonali tas-sistema legali bl-inklużjoni sħiħa tal-gruppi kollha tas-soċjetà. Dawn l-isfidi huma parti mill-istess proċess u jinfluwenzaw lil xulxin b'mod qawwi, u għalhekk iridu jiġu analizzati fil-kuntest ta' din l-interazzjoni.

3.2

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Montenegro huma bbażati fuq il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u l-Montenegro, kif ukoll il-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ u Kwistjonijiet Relatati ffirmat f'Ottubru 2007. Il-Montenegro qiegħed jagħmel progress fl-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea.

3.3

Il-Montenegro ilu mill-2007 jirċievi l-assistenza finanzjarja tal-preadeżjoni fil-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), li qiegħda tiġi amministrata mid-Delegazzjoni l-ġdida tal-UE f'Podgorika. Għall-komponenti I u II tal-IPA, fl-2007 l-Montenegro rċieva EUR 31,4 miljun, fl-2008 EUR 32,6 miljun, u fl-2009 EUR 33,3 miljun.

3.4

Il-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien huma parti essenzjali tal-proċess lejn is-sħubija fl-UE. Il-Montenegro qiegħed jipparteċipa fil-ħidma dwar l-inizjattivi reġjonali, inkluża l-ħidma fi ħdan il-Proċess ta' Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk (SEECP), li tiegħu ser jieħu l-Presidenza fl-2010-2011, u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni Reġjonali (RCC), li ssostitwixxa l-Patt ta' Stabbiltà għall-Ewropa tax-Xlokk, u qiegħed jimmira lejn qafas iktar reġjonali. Il-Montenegro kellu l-Presidenza tal-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) fl-2009 u jipparteċipa wkoll fit-Trattat tal-Komunità dwar l-Enerġija u l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni Ewropew tal-Avjazzjoni (ECAAA).

3.5

Il-Montenegro kompla jrawwem relazzjonijiet bilaterali tajbin mal-pajjiżi ġirien u l-Istati Membri tal-UE. Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien issaħħet b'mod partikolari fil-qasam tal-kooperazzjoni transkonfinali (erba' programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali: mal-Bosnja-Ħerzegovina, l-Albanija, is-Serbja u l-Kroazja), ix-xjenza u t-teknoloġija (l-Albanija), il-ħarsien tal-minoranzi (il-Kroazja) u ċ-ċittadinanza doppja (dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja). Ir-relazzjonijiet mas-Serbja għadhom affettwati mid-deċiżjoni tal-Montenegro li jirrikonoxxi l-indipendenza tal-Kosovo (6). Ir-relazzjonijiet mat-Turkija baqgħu tajbin. Ġew iffirmati ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles u l-kooperazzjoni ta' difiża bilaterali. Ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Italja, l-imsieħba kummerċjali ewlenija tal-Montenegro fl-UE, komplew jiżviluppaw. L-imsieħba kummerċjali ewlenija tal-Montenegro fir-reġjun tibqa' s-Serbja, b'terz tal-kummerċ totali tal-Montenegro.

3.6

Fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħu fix-xena internazzjonali, il-Montenegro qiegħed jagħmel progress kostanti. Sar membru tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), il-Kunsill tal-Ewropa u għadd ta' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali oħra. Il-Gvern jistqarr li l-adeżjoni mal-UE hija l-għan ewlieni tiegħu u hemm apoġġ pubbliku wiesa' għal dan (7).

3.7

Ir-Rapport ta' Progress tal-2009 tal-Montenegro  (8) jiddeskrivi r-relazzjonijiet bejn il-Montenegro u l-Unjoni Ewropea, jeżamina l-progress imwettaq mill-Montenegro biex jissodisfa l-kriterji politiċi ta' Kopenħagen, janalizza s-sitwazzjoni ekonomika tal-Montenegro u jirrevedi l-kapaċità tal-Montenegro li jimplimenta l-istandards Ewropej, jiġifieri li ftit ftit iġib il-leġiżlazzjoni u l-politiki tiegħu konformi mal-acquis. Ikopri wkoll il-miżuri kollha meħudin mill-pajjiż biex jiffaċċja l-kriżi finanzjarja u ekonomika.

3.8

Minkejja l-fatt li r-rapport jinnota progress sinifikanti f'ħafna oqsma, l-amministrazzjoni pubblika tal-Montenegro, il-ġudikatura u l-politiki kontra l-korruzzjoni ser jibqgħu sfida ewlenija fil-ġejjieni.

3.9

Il-Gvern kompla jtejjeb u jissemplifika l-attivitajiet għall-integrazzjoni Ewropea billi kompla jadotta l-leġiżlazzjoni l-ġdida b'ritmu kostanti. Madankollu, wieħed irid jagħmel distinzjoni ċara bejn it-tfassil u l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida, li jsiru fi żmien raġonevoli u f'ħafna każijiet b'mod effettiv, u l-implimentazzjoni li ħafna drabi teħtieġ riżorsi aħjar jew rieda politika.

3.10

Il-liberalizzazzjoni fil-qasam tal-viża kienet kwistjoni ewlenija fl-2009: fil-15 ta' Lulju l-KE pproponiet li tilliberalizza s-sistema jekk il-Montenegro jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Pjan Direzzjonali. Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Ministri tal-Affarijiet Interni tal-Unjoni Ewropea qablu formalment li b'effett mid-19 ta' Diċembru 2009 jneħħu l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini ta' dik li kienet ir-Repubblika Jogoslava tal-Maċedonja, is-Serbja u l-Montenegro li jkunu deħlin fiż-żona Schengen.

3.11

Fir-rigward tal-kriterji ekonomiċi, il-kunsens domestiku dwar il-punti ewlenin tal-politika ekonomika nżamm. Il-funzjonament tal-mekkaniżmu tas-suq kellu jiffaċċja l-isfida tal-firxa wiesgħa ta' aġġustamenti li kienu qed isiru fil-kontabbiltà esterna u fis-settur finanzjarju. Il-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi kibret fl-2009. Il-politika makroekonomika tmexxiet b'mod wiesa' mill-kriżi finanzjarja. L-enfasi kienet fuq l-implimentazzjoni ta' politika fiskali iktar prudenti u fuq l-aċċelerazzjoni tar-riformi strutturali.

4.   Is-soċjetà ċivili  (9) f'kuntest soċjoekonomiku ġdid

4.1   Kummenti preliminari

4.1.1

Is-soċjetà ċivili tal-Montenegro m'għandhiex għeruq storiċi jew tradizzjonijiet b'saħħithom  (10). L-ewwel assoċjazzjoni volontarja ġiet stabbilita f'nofs is-seklu 19 u ffukat prinċipalment fuq l-attivitajiet ta' karità. L-ewwel trade unions u għaqdiet tal-ħaddiema twaqqfu fil-bidu tas-seklu 20. Mal-wasla tar-reġim Komunista fl-1945, l-organizzazzjonijiet ċiviċi indipendenti ma tħallewx ikomplu jaħdmu u l-ħidma tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ ġiet limitata ħafna.

4.1.2

Fil-kuntest Montenegrin, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi huma sinonimi – l-NGOs huma parti mis-soċjetà ċivili li, skont il-metodoloġija żviluppata minn CIVICUS (11), għandha 19-il element ieħor. Anke jekk nippruvaw napplikaw kategoriji usa', irridu nirrikonoxxu li s-soċjetà ċivili hija rappreżentata wkoll mill-komunitajiet reliġjużi, it-trade unions, il-mezzi tax-xandir, l-assoċjazzjonijiet professjonali, il-fondazzjonijiet, il-movimenti soċjali, eċċ. Madankollu, fil-perċezzjoni taċ-ċittadini tal-Montenegro, l-NGOs huma s-soċjetà ċivili; dan huwa essenzjalment marbut mal-kontribut reali li jagħtu l-NGOs għall-istabbiliment tal-prinċipji ta' soċjetà ċivika miftuħa u bilanċ tajjeb tal-poteri, iżda jipponta wkoll lejn livelli baxxi ħafna ta' attiviżmu, potenzjal u inizjattiva soċjali f'kategoriji oħra tas-soċjetà ċivili.

4.2   Il-grupp tal-interessi varji fil-Montenegro

4.2.1

Il-qafas legali għall-ħidma tal-NGOs huwa sod – It-twaqqif tagħhom huwa ggarantit mid-dritt kostituzzjonali għall-assemblea (12) u stipulat f'iktar dettall fil-Liġi dwar l-NGOs (13) kif ukoll f'għadd ta' siltiet ta' leġiżlazzjoni oħra. Madankollu, ċerti aspetti tal-ħidma tal-NGOs mhumiex iddefiniti b'mod ċar, b'mod speċjali fir-rigward tas-sistema tat-taxxa, u hemm lok għal titjib. Barra minn hekk, l-abbozz ta' liġi dwar il-voluntiera approvat mill-Gvern fl-14 ta' Jannar 2010 ma rrikonoxxiex il-pożizzjoni tar-rappreżentanti tal-NGOs u b'hekk xeħet dubju fuq l-ispirtu ta' din il-liġi.

4.2.2

Ir-reġistrazzjoni tal-NGOs – Il-proċedura hija faċli u kultant wasslet għal reġistrazzjoni ta' għadd kbir ta' NGOs. Sal-2006 r-Reġistru kien jinżamm fil-Ministeru tal-Ġustizzja, imbagħad ġie ttrasferit għall-Ministeru tal-Affarijiet Interni u l-Amministrazzjoni Pubblika b'konformità mal-bidla tal-mandati fil-Gvern. Iċ-ċifra approssimattiva ta' 4 500 NGO rreġistrati kkwotata ta' spiss fil-pubbliku mhijiex ta' min joqgħod fuqha billi r-Reġistru mhuwiex miżmum sewwa, bir-riżultat li l-organizzazzjonijiet il-ġodda jiżdiedu iżda dawk li ma baqgħux jeżistu ma jitneħħewx miċ-ċifra globali kkwotata. Il-Gvern ħabbar li dalwaqt ser iniedi programm li għandu jsolvi dawn il-kwistjonijiet kontroversjali. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet professjonali bħall-għaqdiet tal-bdiewa jew tas-sajjieda huma rreġistrati bħala NGOs ukoll, billi m'hemm l-ebda bażi jew forma legali oħra għall-attività tagħhom.

4.2.3

Il-fondi pubbliċi – L-isforzi mwettqa matul is-snin mill-NGOs biex jiksbu finanzjament pubbliku wasslu għall-provvista ta' ammont konsiderevoli ta' fondi għad-dispożizzjoni tal-NGOs fil-livell lokali (fi ħdan il-baġits tal-gvernijiet awtonomi lokali, bejn wieħed u ieħor EUR 883 900 (14)) u f'dak nazzjonali (mill-Kummissjoni Parlamentari għall-allokazzjoni tal-fondi lill-NGOs b'fond stmat għal EUR 20 000 (15), kif ukoll mill-Kummissjoni għall-allokazzjoni ta' parti mid-dħul tal-lotterija b'fond ta' EUR 3 440 000 (16)). Barra minn hekk, ċerti Ministeri għandhom fondi speċjali għall-organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-oqsma rispettivi tagħhom (17). B'kollox, dawn il-fondi jistgħu jgħinu l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili konsiderevolment. Madankollu, minħabba l-fatt li għadd limitat ta' oqsma ta' ħidma tal-NGOs jirċievu l-biċċa l-kbira tal-fondi, b'mod speċjali mill-ikbar fond tal-lotterija (18), u minħabba n-nuqqas ġenerali ta' trasparenza fil-ħidma tal-kummissjoni u problemi serji fl-allokazzjoni tal-fondi, fir-realtà dawn il-fondi (19) ma jilħqux lil ħafna mill-NGOs attivi u ġenwini u ma jappoġġjawx il-programmi mmirati lejn id-demokratizzazzjoni tas-soċjetà. Ir-regolament dwar l-allokazzjoni ta' dawn il-fondi tfassal minn task force magħmula minn uffiċjali tal-gvern u rappreżentanti tal-NGOs u ġie adottat mill-gvern fl-2008. Huwa jifforma qafas sod, iżda l-applikazzjoni tiegħu għadha soġġetta għal manipulazzjoni wiesgħa u hija sors ta' tħassib serju (20). Fl-2010 ser jitwaqqaf grupp intersettorjali ġdid biex jaħdem fuq regolamenti ġodda bil-għan li jiġu solvuti dawn il-kwistjonijiet.

4.2.4

Finanzjament minn sorsi internazzjonali – Il-komunità tal-NGOs fil-Montenegro kienet qed taħdem b'mod speċjali bl-appoġġ tad-donaturi internazzjonali. Reċentement, dan il-finanzjament sar problematiku minħabba l-fatt li ħafna donaturi bilaterali waqfu jagħtu l-flus b'riżultat tal-prijoritajiet tagħhom, kif ukoll minħabba l-fatt li l-assistenza tal-Istati Uniti naqset ħafna u ħalliet lis-settur tal-NGOs dipendenti mill-fondi tal-UE, li huma marbutin ma' proċeduri pjuttost ikkumplikati. Dan diġà qiegħed iwassal għal sitwazzjoni li fiha l-ikbar organizzazzjonijiet biss ser ikunu jistgħu jkomplu jaħdmu u jiżviluppaw filwaqt li l-oħrajn ser ikunu limitati fl-azzjonijiet u fit-tkabbir tagħhom.

4.2.5

Bini tal-kapaċità tal-NGOs Il-persunal tal-NGOs jinbidel ta' spiss u m'hemmx għajnuna finanzjarja min-naħa tal-istituzzjonijiet, fattur limitanti anke għall-NGOs żviluppati. Is-CRNVO (21) kellha firxa ta' programmi għall-bini tal-kapaċità iżda t-tluq tad-donaturi li kienu jappoġġjaw dawn l-attivitajiet affettwa b'mod serju dak li tista' toffri f'termini ta' kwantità. L-assistenza teknika l-ġdida mogħtija mill-UE lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Balkani tal-Punent (22) qiegħda titħejja. B'mod ġenerali, hemm bżonn kontinwu ta' programmi għall-bini tal-kapaċità u l-iżvilupp ta' għarfien speċjalizzat u kompetenzi f'diversi oqsma, kif ukoll ta' għajnuna finanzjarja min-naħa tal-istituzzjonijiet immirata lejn il-bini ta' kapaċità individwali. Barra minn hekk, l-NGOs għandhom jaġixxu iktar fuq suġġetti speċifiċi permezz ta' pjattaformi u netwerks ad hoc jew operattivi fuq perijodu twil, sabiex l-azzjonijiet tagħhom ikunu iktar effikaċi u jkollhom impatt ikbar fuq il-partijiet involuti.

4.2.6

Awtoregolazzjoni tal-NGOs – fi ħdan il-Koalizzjoni tal-NGOs “Nilħqu l-objettiv permezz tal-kooperazzjoni”, li hija l-ikbar koalizjoni ta' dan it-tip li tiġbor fiha madwar 200 NGO fil-Montenegro (23), twaqqaf korp awtoregolat u tfassal Kodiċi tal-Kondotta li ġie aċċettat mill-biċċa l-kbira tal-NGOs il-kbar, kif ukoll minn għadd ta' NGOs oħra, li ppubblikaw l-arkivji narrattivi u finanzjarji tagħhom b'konformità mal-Kodiċi tal-Kondotta. Dan huwa kruċjali biex tittejjeb it-trasparenza tal-NGOs u konsegwentement il-fiduċja tal-pubbliku fihom.

4.2.7

Rappreżentanza fil-kunsilli li jindirizzaw diversi interessi tas-soċjetà b'konformità mal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida li titlob il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha, l-NGOs ingħataw pożizzjoni ggarantita fil-Kunsill tal-RTCG (24), il-Kunsill tal-Kontroll Ċiviku għall-Pulizija (25), il-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea (26), il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata, il-Kunsill għall-kura tal-persuni b'diżabbiltà, il-Kunsill għall-kura tat-tfal, eċċ., kif ukoll f'ċerti korpi lokali. F'ħafna każijiet sar xi titjib wara ħafna snin ta' sforzi persistenti min-naħa tal-NGOs, iżda l-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea għadu korp inkwetanti ħafna fil-kuntest tal-leġittimità u l-legalità tar-rappreżentanti tal-NGOs.

4.2.8

Is-sostenibbiltà tas-settur tal-NGOs fil-Montenegro – is-settur tal-NGOs fil-Montenegro għandu tradizzjoni dgħajfa u ġejjieni inċert (27) minħabba l-fatt li b'mod ġenerali l-kultura politika u l-kultura tad-drittijiet tal-bniedem mhumiex żviluppati biżżejjed. Is-settur jiddependi ħafna mill-għajnuna barranija kif ukoll mill-mexxejja ewlenin tiegħu, u minħabba f'hekk huwa fraġli meta jinbidlu l-personalitajiet jew jitilqu xi donaturi. Fl-ikbar organizzazzjoni ttieħdu xi miżuri għar-riorganizzazzjoni interna u l-ippjanar strateġiku kif ukoll għall-introduzzjoni ta' servizzi li jikkontribwixxu għall-baġit iżda din mhijiex garanzija soda tas-sostenibbiltà ġenerali tas-settur.

4.3   Id-djalogu soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali

4.3.1

Il-Liġi tax-Xogħol adottata fl-2008 (28) tirregola d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kollettivi, il-proċedura għat-titjib tar-relazzjonijiet mutwi bejn il-partijiet tan-negozjar kollettiv u kwistjonijiet oħra importanti għal dawk li jħaddmu u l-impjegati. Għandu jiġi nnegozjat ftehim kollettiv ġenerali mal-awtorità kompetenti tat-trade union rilevanti, l-għaqda tal-impjegati u l-gvern.

4.3.2

Il-Liġi tax-Xogħol tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-impjegati u l-organizzazzjoni tal-impjegati. L-impjegati u dawk li jħaddmu għandhom kull dritt li jagħżlu li jistabbilixxu l-organizzazzjonijiet tagħhom u jsiru membri tagħhom mingħajr approvazzjoni minn qabel u bir-rispett tal-kundizzjonijiet stipulati fl-istatuti u r-regoli ta' dawn l-organizzazzjonijiet.

4.3.3

Il-libertà tal-organizzazzjoni ta' trade unions. L-impjegati għandom il-garanzija tal-libertà tal-organizzazzjoni ta' trade union u li jimpenjaw ruħhom fl-attivitajiet tat-trade union mingħajr ma dan jiġi approvat minn qabel. L-organizzazzjonijiet tat-trade unions jinsabu fir-reġistru tal-organizzazzjonijiet tat-trade unions miżmum mill-Ministeru tax-Xogħol u tal-Benesseri Soċjali. Skont il-Liġi, trade union rappreżentattiva hija organizzazzjoni li għandha l-ikbar numru ta' membri u hija rreġistrata bħala tali fil-Ministeru. Fil-fatt dan ifisser li trade union waħda biss tista' tkun rappreżentattiva fil-livell nazzjonali, irrispettivament mill-għadd ta' trade unions oħra u r-rappreżentattività tagħhom. Fl-aġenda tal-Kunsill Soċjali hemm proposta għal liġi dwar ir-rappreżentattività tat-trade unions.

4.3.4

It-trade unions huma rrappreżentati mill-Konfederazzjoni tat-Trade Unions tal-Montenegro (KTUM) u l-Unjoni tat-Trade Unions Ħielsa tal-Montenegro (UTUĦM). Il-KTUM hija membru tal-KITU (29) u osservatur fil-proċess ta' sħubija fil-KETU (30). L-UTUĦM hija organizzazzjoni maħluqa reċentement li nfirdet minn mal-KTUM u stabbiliet ruħha uffiċjalment f'Novembru 2008; għalhekk għadha mhijiex integrata fl-organizzazzjonijiet tat-trade unions internazzjonali (KITU) u Ewropej (KETU), għalkemm tinsab fil-kuntatt magħhom. Il-KTUM ngħatat l-istatus ta' msieħba soċjali għalkemm fil-prattika l-ebda organizzazzjoni tat-trade unions m'għaddiet minn proċedura legali biex tkun rikonoxxuta bħala rappreżentattiva taħt il-Liġi tax-Xogħol il-ġdida.

4.3.5

L-Għaqdiet ta' Min Iħaddem. Skont il-liġi, l-għaqdiet ta' min iħaddem huma kkunsidrati bħala rappreżentattivi jekk il-membri tagħhom jimpjegaw minimu ta' 25 % tal-impjegati fl-ekonomija tal-Montenegro u jikkontribwixxu għal mill-inqas 25 % tal-PDG tal-Montenegro. L-għaqdiet ta' min iħaddem huma obbligati jirreġistraw mal-Ministeru tax-Xogħol u tal-Benesseri Soċjali għaż-żamma tar-reġistri. Il-Ministeru jiddeċiedi kif għandhom jinżammu r-reġistri dwar l-għaqdiet ta' min iħaddem u jipprovdi kriterji dettaljati biex jiġi ddeterminat kemm huma rappreżentattivi l-għaqdiet ta' min iħaddem.

4.3.6

Min iħaddem fil-Montenegro huwa rrappreżentat mill-Federazzjoni ta' Min Iħaddem tal-Montenegro (MEF) f'Podgorika. L-MEF hija membru attiv ħafna tal-Għaqda Internazzjonali ta' Min Iħaddem (IOE) li tinsab f'Ġinevra, u hija involuta f'ħafna proġetti. Hija wkoll osservatur ta' BUSINESSEUROPE  (31).

4.3.7

Il-Montenegro għandu wkoll Kamra tal-Kummerċ, organizzazzjoni obbligatorja stabbilita fl-1928 li fil-livell Ewropew hija membru osservatur ta' Eurochambers u Eurocommerce. Il-Kamra tal-Kummerċ m'għandhiex status ta' msieħba soċjali. Fil-livell nazzjonali hija membru tal-Kunsill Nazzjonali kontra l-ostakoli għan-negozju u għat-titjib tal-kompetittività, kif ukoll tal-Kummissjoni Governattiva għall-Integrazzjoni Ewropea.

4.3.8

Il-Kunsill Soċjali huwa l-ogħla korp tripartitiku u ġie stabbilit f'Ġunju 2008 fuq il-bażi ta' liġi adottata fl-2007 (Il-Liġi dwar il-Kunsill Soċjali). Il-Kunsill jinkludi 11-il rappreżentant tal-gvern, 11-il rappreżentant tat-trade unions awtorizzati u 11-il rappreżentant tal-għaqdiet ta' min iħaddem. Il-Kunsill Soċjali jinkludi diversi kumitati ta' ħidma li jindirizzaw kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali differenti.

4.3.9

Il-Memorandum dwar is-Sħubija Soċjali fil-kuntest tal-kriżi ekonomika globali ġie ffirmat f'April 2009. L-imsieħba soċjali huma miftuħin u kemm-il darba jieħdu l-opportunità biex jorganizzaw konsultazzjonijiet formali u informali fil-kuntest attwali tal-kriżi ekonomika globali.

4.3.10

Minkejja li sar xi progress fid-djalogu tripartitiku, id-djalogu soċjali bilaterali għadu dgħajjef ħafna u jiffoka fuq kollox fuq in-negozjar tal-ftehimiet kollettivi settorjali. Għalkemm fil-livell nazzjonali l-għan huwa li jitfassal Ftehim Kollettiv Ġenerali (FKĠ) wieħed iffirmat mit-trade unions, min iħaddem u l-gvern, qiegħda tiġi diskussa l-possibbiltà li jiġu introdotti żewġ FKĠ – għall-ekonomija u l-amministrazzjoni pubblika. Kwalunkwe deċiżjoni f'dan ir-rigward għandha tkun ibbażata fuq analiżi iktar dettaljata. L-istabbiliment ta' Ċentru tar-Riżorsi bipartitiku għad-Djalogu Soċjali jista' jkun importanti ħafna għad-djalogu soċjali ġenerali u għall-analiżi konġunta tal-imsieħba soċjali.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Ir-raba' rapport ta' progress tal-KE dwar il-Montenegro ma juri l-ebda restrizzjoni fir-rigward tal-libertà tal-assemblea u l-assoċjazzjoni. Sar xi progress fir-rigward tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Ħafna NGOs għad għandhom profil pubbliku u politiku għoli. Fil-livell nazzjonali hemm Strateġija tal-Gvern dwar il-kooperazzjoni mal-NGOs iżda l-implimentazzjoni tagħha għadha lura u l-impatt reali tal-NGOs fuq it-tfassil tal-politika għadu limitat minkejja l-għarfien espert u r-riżorsi disponibbli fis-settur tal-NGOs. L-NGOs jintlaqgħu mill-Gvern meta jkunu politikament aċċettabbli jew meta jipprovdu diversi servizzi, iżda l-problemi f'dan ir-rigward jitfaċċaw fi ħdan il-programmi ta' sorveljanza u monitoraġġ, kif ukoll fil-konsultazzjoni effettiva u l-inklużjoni fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjoni u ta' tfassil tal-politiki.

5.2

Ir-rwol tal-Uffiċċju għall-Kooperazzjoni tal-NGOs attwali, li jaħdem bħala parti mis-Segretarjat Ġenerali tal-Gvern tal-Montenegro, għandu jkun li jassisti lill-NGOs u jiggarantixxi l-iżvilupp sod tagħhom fil-pajjiż. Ir-realtà hija li l-kapaċità u t-tagħmir ta' dan l-uffiċċju huma limitati ħafna. Minkejja l-isforzi tal-persunal, l-attività tiegħu mhijiex ċara għar-rappreżentanti tal-NGOs. L-istabbiliment tal-Kunsill Governattiv għall-Kooperazzjoni mal-NGOs għadu f'fażi bikrija u l-Uffiċċju għandu jaqdi r-rwol tas-Segretarjat tal-Kunsill. Dan jista' jkun pass 'il quddiem għat-titjib tas-sitwazzjoni.

5.3

Is-soċjetà ċivili għandha wkoll żewġ rappreżentanti fil-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni fl-UE. Madankollu, xi NGOs affidabbli qajmu dubji dwar il-legalità u l-leġittimità tal-ħatra tal-membri attwali ta' dan il-kunsill. Għandhom jiġu ddefiniti kriterji ċari permezz ta' digriet parlamentari. Dawn għandhom jitfasslu b'tali mod li jassiguraw it-trasparenza, ir-rappreżentanza u l-kwalità tal-membri rispettivi. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni fl-UE jista' jkun għodda tajba biex is-soċjetà ċivili tiġi involuta iktar u b'mod iktar effettiv fil-proċess ta' integrazzjoni tal-UE. Il-potenzjal tagħha m'għandu jiġi ristrett bl-ebda mod.

5.4

Minkejja l-istqarrija tal-gvern u tal-ministeri rilevanti fir-rigward tal-konsultazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala parti mill-proċess għall-ħolqien ta' qafas leġiżlattiv, l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għadu mhux sodisfaċenti.

5.5

Il-kundizzjonijiet (b'mod partikolari dawk finanzjarji) biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaħdmu tajjeb għandhom jittejbu u l-kapaċità tagħhom trid tissaħħaħ permezz tad-diversifikazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sorsi finanzjarji tagħhom.

5.6

Il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tħejjijiet għas-sħubija fl-UE hija limitata wkoll. L-istrutturi u l-mekkaniżmi adegwati diġà ġew stabbiliti iżda għadhom mhux qed jintużaw biżżejjed. Il-kontribut attiv tas-soċjetà ċivili jista' jikkontribwixxi għall-andament tajjeb tal-proċess ta' negozjar tal-UE u jsawwar komunikazzjoni effettiva bejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE.

5.7

Id-djalogu tripartitiku fi ħdan il-Kunsill Soċjali għadu għaddej. Madankollu r-rwol u l-potenzjal tal-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali għadhom sottovalutati. Il-Kunsill Soċjali jista' jkun korp b'saħħtu ħafna fil-proċess ta' sħubija tal-UE u jista' jgħin biex jingħelbu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali.

5.8

Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tax-Xogħol eżistenti li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tar-rappreżentattività tal-organizzazzjonijiet tat-trade unions fil-livell nazzjonali huma diskriminatorji fir-rigward tal-organizzazzjonijiet iż-żgħar u jimpedixxu żvilupp tajjeb tal-pluraliżmu tat-trade unions. Għalkemm l-UTUĦM qiegħda tipparteċipa fil-grupp ta' ħidma tal-gvern li qiegħed jinnegozja l-proposta leġiżlattiva l-ġdida dwar ir-rappreżentattività tat-trade unions, għadu ma rnexxilux jinfluwenza l-ħidma tiegħu. Il-gvern iddeċieda b'mod unilaterali favur kwota ta' 20 %, jiġifieri li 20 % tal-impjegati kollha tal-Montenegro jridu jkunu organizzati fit-trade unions sabiex dawn jissodisfaw il-kriterji għar-rappreżentattività fil-livell nazzjonali. Madankollu l-kriterji għandhom ukoll jirriflettu elementi oħra bħall-istruttura territorjali u settorjali u l-kapaċità li jiddefendu d-drittijiet tal-ħaddiema b'mod effettiv.

5.9

L-imsieħba soċjali ma kinux involuti kemm kellhom ikunu fil-kwestjonarju tal-UE. Il-Federazzjoni ta' Min Iħaddem u l-Kamra tal-Kummerċ biss ikkoopreaw bħala korpi tal-gvern u wieġbu l-kwestjonarju. Skont l-istruzzjonijiet tal-UE l-imsieħba soċjali kollha kellhom jiġu kkonsultati fil-parti rilevanti tal-kwestjonarju.

5.10

Il-Kummissjoni governattiva għall-Integrazzjoni Ewropea, taħt l-awspiċji tal-Ministeru għall-Integrazzjoni Ewropea, qiegħda tikkoordina l-amministrazzjoni statali fil-proċess ta' integrazzjoni tal-pajjiż fl-UE. Il-Kamra tal-Kummerċ biss hija rrappreżentata f'dan il-korp. L-imsieħba soċjali mhumiex involuti.

5.11

Il-kapaċità tal-imsieħba soċjali trid tkompli tiġi żviluppata. Il-forom kollha ta' assistenza huma mixtieqa. F'dan ir-rigward, il-KESE japprezza r-rwol tal-IOE u l-KITU fil-livell internazzjonali u ta' BUSINESSEUROPE u l-KETU fil-livell Ewropew. Ħafna programmi u proġetti integrati qegħdin jitnedew biex isaħħu l-kapaċità tal-imsieħba soċjali u biex jippromovu d-djalogu soċjali.

5.12

Il-KESE jilqa' wkoll l-assistenza finanzjarja u teknika pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tal-istrateġija tagħha tat-tkabbir u r-riżorsi disponibbli. Involviment ikbar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jsaħħaħ il-kwalità tad-demokrazija u jgħin fir-rikonċiljazzjoni. Permezz tal-implimentazzjoni tal-istrument dwar is-soċjetà ċivili tal-IPA, il-KE ffinanzjat il-ftuħ ta' uffiċċji ta' assistenza teknika f'kull stat ikkonċernat, kif ukoll għadd dejjem ikbar ta' żjarat żgħar fl-istituzzjonijiet tal-UE u l-parteċipazzjoni ta' madwar 800 persuna f'workshops fil-Balkani tal-Punent u fit-Turkija.

6.   Ir-rwol tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

6.1

It-tkabbir tal-UE u l-progress imwettaq mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent lejn is-sħubija fl-UE huma fost il-prijoritajiet tal-KESE fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni. Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni żviluppat għodda effiċjenti biex tilħaq l-għanijiet ewlenin tagħha, jiġifieri li tappoġġja s-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent u ttejjeb il-kapaċità tagħha li tkun imsieħba tal-gvernijiet fi triqithom lejn l-adeżjoni mal-UE.

6.2

Il-Grupp ta' Kuntatt tal-Balkani tal-Punent beda l-ħidma tiegħu f'Ottubru 2004. L-ambitu ġeografiku tiegħu jkopri l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo taħt UNSCR 1244/1999. Huwa l-korp permanenti u speċifiku tal-KESE għal dan ir-reġjun partikolari.

6.3

Ġew organizzati żewġ Forums tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent fi Brussell (2006) u f'Ljubljana (2008), li wrew il-volontà tas-soċjetà ċivili li tiltaqa' fuq bażi transkonfinali sabiex titħaddet dwar ġejjieni aħjar għall-partijiet kollha. It-tielet Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent ser isir fi Brussell nhar it-18 u d-19 ta' Mejju 2010.

6.4

L-aktar għodda importanti l-oħra għad-djalogu permanenti bejn is-soċjetà ċivili tal-UE u s-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent huma l-Kumitati Konsultattivi Konġunti (KKK). L-opinjoni esploratorja tal-KESE tal-2006 dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent  (32) enfasizzat il-pożizzjoni tal-KESE u l-għarfien u r-riżorsi umani konsiderevoli tiegħu, u enfasizzat ir-rwol tal-KKK fil-proċess ta' tkabbir.

6.5

Għal din ir-raġuni, il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Montenegro hekk kif il-Montenegro jingħata l-istatut ta' pajjiż kandidat għall-adeżjoni fl-UE. Dan il-KKK jippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ naħat li jkollhom djalogu iktar fil-fond u jimmonitorjaw il-progress tal-pajjiż lejn l-UE.

Brussell, 28 ta’ April 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Il-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni fl-UE jopera fi ħdan il-Parlament, iżda minbarra l-MP jinkludi wkoll ir-rappreżentanti tal-ġudikatura, l-NGOs, l-Università tal-Montenegro, l-Akkademija tax-Xjenza tal-Montenegro, il-Kunsill Soċjali u l-Uffiċċju tal-President.

(2)  Data uffiċjali minn ċensiment. F'dan iċ-ċensiment il-Musulmani fil-Montenegro huma trattati bħala grupp etniku b'konformità mal-prattika f'dik li qabel kienet il-Jugoslavja.

(3)  Eurostat.

(4)  Monstat: http://www.monstat.org/Mjesecna%20saopstenja.htm

(5)  Programm Ekonomiku u Fiskali 2009-12, 21 ta' Jannar 2010.

(6)  B'konformità mar-Riżoluzzjoni Nru 1244/1999 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(7)  Skont l-istħarriġ li sar matul dawn l-aħħar snin, bejn 75 % u kważi 80 % taċ-ċittadini tal-Montenegro huma favur l-adeżjoni mal-UE.

(8)  Rapport ta' Progress tal-Montenegro 2009 SEC(2009) 1336, li jakkumpanja mal-Komunikazzjoni tal-KE COM(2009) 533 Strateġija ta' Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2009-2010.

(9)  Fil-kuntest wiesa' ta' din l-opinjoni, soċjetà ċivili tfisser l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, fosthom l-organizzazzjonijiet professjonali, l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali, il-konsumaturi, il-bdiewa, l-artiġjani, il-komunitajiet reliġjużi, il-fondazzjonijiet, il-movimenti soċjali, il-mezzi tax-xandir, eċċ.

(10)  TRIALOG, Soċjetà Ċivili tal-Montenegro, Maša Lekič.

(11)  CIVICUS – World Alliance for Citizen Participation, www.civicus.org.

(12)  Il-Kostituzzjoni ġiet adottata f'Ottubru 2006, iżda dan il-punt kien jinsab fil-Kostituzzjoni preċedenti wkoll.

(13)  Adottata fl-1999, emendata fl-2002 u fl-2007.

(14)  Data mir-riċerka CRNVO għall-2008, fejn huwa nnutat li EUR 883 900 kienu ppjanati filwaqt li fir-realtà tqassmu EUR 860 764,66.

(15)  Data tal-2009.

(16)  B'konformità mar-Regolament dwar l-għoti ta' parti mid-dħul tal-lotterija, 75 % minn dan l-ammont għandu jiġi allokat lil NGOs u l-bqija lil organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet oħra. Barra minn hekk, l-ispejjeż tal-membri tal-kummissjoni u tal-proċess amministrattiv globali huma ffinanzjati mill-istess baġit. Din iċ-ċifra hija tal-2009; iċ-ċifra għall-2010 hija iktar baxxa.

(17)  Il-Ministeru tat-Turiżmu, il-Ministeru tal-Kultura, tal-Mezzi tax-Xandir u tal-Isport, il-Ministeru tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Minoranzi.

(18)  L-oqsma koperti huma dawn li ġejjin: 1) il-benesseri soċjali u l-attivitajiet umanitarji, 2) il-bżonnijiet tal-pesuni b'diżabbiltà, 3) l-iżvilupp tal-isport, 4) il-kultura u l-kultura teknika, 5) l-edukazzjoni nonistituzzjonali u 6) il-ġlieda kontra d-drogi u kull xorta ta' vizzju.

(19)  Rapport ta' Monitoraġġ taċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Ċivika dwar l-allokazzjoni tal-fondi mill-Kummissjoni għall-allokazzjoni ta' parti mid-dħul tal-lotterija fl-2009.

(20)  Rapport ta' Monitoraġġ taċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Ċivika dwar l-allokazzjoni tal-fondi mill-Kummissjoni għall-allokazzjoni ta' parti mid-dħul tal-lotterija fl-2009.

(21)  CRNVO – Ċentru għall-Iżvilupp tal-NGOs Montenegrini.

(22)  Programm għall-assistenza tas-soċjetà ċivili.

(23)  Għal aktar tagħrif, żur: www.saradnjomdocilja.me.

(24)  Liġi dwar is-Servizzi Pubbliċi tax-Xandir RTCG, adottata fl-2002, kif ukoll il-Liġi dwar is-Servizzi Pubbliċi tax-Xandir tal-Montenegro adottata fl-2008 (li tissostitwixxi l-ewwel waħda).

(25)  Liġi dwar il-Pulizija adottata fl-2005.

(26)  Deċiżjoni dwar l-istabbiliment tal-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea, adottata fl-2008.

(27)  CIVICUS Assessment on Montenegrin Civil Society “Weak Tradition, Uncertain Future” (Valutazzjoni tas-CIVICUS tas-Soċjetà Ċivili tal-Montenegro, “Tradizzjoni Dgħajfa, Futur Insikur”), 2006, ed. S. Muk, D. Uljarevic u S. Brajovic.

(28)  Il-Liġi tax-Xogħol, Ġurnal Uffiċjali tal-Montenegro, Nru 49/08.

(29)  KITU – Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (ITUC – International Trade Union Confederation).

(30)  KETU – Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC – European Trade Union Confederation).

(31)  BUSINESSEUROPE – Il-Konfederazzjoni Ewropea tan-Negozju.

(32)  ĠU C 195, 18.5.2006, p. 88.


Top