EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0382

Kawża T-382/10: Rikors ippreżentat fid- 9 ta’ Settembru 2010 — Villeroy u Boch vs Il-Kummissjoni

ĠU C 301, 6.11.2010, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/42


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2010 — Villeroy u Boch vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-382/10)

()

2010/C 301/68

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Villeroy u Boch (Parigi, Franza) (rappreżentanti: J. Philippe u K. Blau-Hansen, avukati, u A. Villette, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropej

Talbiet tar-rikorrent(i)

tiddikjara d-deċiżjoni kkontestata nulla, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, konsegwentement tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob, prinċipalment, l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem “ŻEE”) (Każ COMP/39.092 — Installazzjonijiet sanitarji), li tikkonċerna akkordju fis-suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju, dwar il-koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka seba’ motivi bbażati:

fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 ŻEE, billi kklassifikat il-ksur bħala ksur uniku, kumpless u kontinwat, il-konvenuta kisret l-obbligu tagħha ta’ evalwazzjoni ġuridika tal-aġiri individwali tad-destinatarji tad-dċiżjoni kkontestata;

fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, peress li fid-deċiżjoni kkontestata l-konvenuta ma pprovdietx definizzjoni suffiċjentement preċiża tas-swieq rilevanti;

fuq nuqqas ta’ prova suffiċjenti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur imwettaq fi Franza;

fuq ksur tal-prinċipju nulla poena sine lege stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-piena għall-ksur stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 49 tal-Karta moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 tal-Karta u mal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 (1), peress li l-konvenuta imponiet multa in solidum fuq ir-rikorrenti u fuq il-kumpannija parent;

fuq kalkolu żbaljat tal-multa, peress li l-konvenuta inkludiet dħul mill-bejgħ magħmul mir-rikorrenti li mhuwiex relatat mal-ilmenti invokati waqt il-kalkolu tal-multa;

fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta, peress li t-tul eċċessivament twil tal-proċedura ma tteħidx inkunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tal-multa;

fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni u fuq żbalji ta’ evalwazzjoni waqt il-kalkolu tal-multa, peress li l-ammont inizjali ġie stabbilit għal 15 % u peress li l-ammont globali tal-multa jaqbeż il-limitu ta’ 10 % meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)


Top