Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0380

Kawża T-380/10: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Settembru 2010 — Wabco Europe et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 288, 23.10.2010, p. 64–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 288/64


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Settembru 2010 — Wabco Europe et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-380/10)

()

(2010/C 288/114)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Wabco Europe BVBA (Brussell, il-Belġju), Wabco Austria GesmbH (Vjenna, l-Awstrija), Trane Inc. (Piscataway, l-Istati Uniti), Ideal Standard Italia s.r.l. (Milano, l-Italja) u Ideal Standard GmbH (Bonn, il-Ġermanja), (rappreżentanti: S. Völcker, F. Louis, A. Israel u N. Niejahr, avukati, C. O’Daly u E. Batchelor, Solicitors, u F. Carlin, Barrister))

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla parzjalment l-Artikolu 2 u, sa fejn neċessarju, it-tielet u r-raba subparagrafi tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39092 — Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju

tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39092 — Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, relatata ma’ akkordju bejn impriżi li jkopri s-suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, dwar il-prezzijiet tal-bejgħ u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva kif ukoll, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu l-motivi segwenti:

 

L-ewwel, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma osservatx l-istandards legali applikabbli fil-kuntest tal-isforzi tagħha sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Ideal Standard Italia s.r.l. u ta’ Ideal Standard GmbH fi ksur relatat maċ-ċeramika fl-Italja.

 

It-tieni, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni naqset milli tnaqqas il-multa imposta fuqhom għall-ksur Franċiż u Belġjan minkejja li tat immunità parzjali minn multi għal tali ksur skont l-aħħar paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż tal-Kummissjoni tal-2002 dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (1).

 

It-tielet, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat li Grohe Beteiligungs GmbH u Grohe AG u s-sussidjarji tagħha, minflok Ideal Standard Italia s.r.l. u Ideal Standard GmbH, kienu l-ewwel li pprovdew “valur miżjud sinnifikattiv” skont l-Avviż tal-Kummissjoni tal-2002 dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell.

 

Fl-aħħar, ir-rikorrenti jallegaw li l-applikazzjoni retroattiva tal-Kummissjoni tal-Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (2) kienet illegali, inkwantu ppenalizzat lil Ideal Standard Italia s.r.l. u lil Ideal Standard GmbH għat-tip ta’ informazzjoni li pprovdiet bħala dik li qed titlob il-klemenza bl-aspettattiva in bona fine li l-Kummissjoni ma tbiddilx drastikament il-kuntest applikabbli fil-qasam tal-multi għad-detriment tagħhom.


(1)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

(2)  Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2).


Top