Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2010/163A/01

Direttorat Ġenerali “Tkabbir” (ELARG) — Pubblikazzjoni ta' post vakanti għall-kariga ta' Konsulent hors classe (Grad AD 15) (L-Artikolu 29 (2) tar-Regolamenti tal-Persunal) — COM/2010/ 10273

ĠU C 163A, 23.6.2010, pp. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 163/1


DIRETTORAT ĠENERALI“TKABBIR” (ELARG)

Pubblikazzjoni ta' post vakanti għall-kariga ta' Konsulent hors classe (Grad AD 15)

(L-Artikolu 29 (2) tar-Regolamenti tal-Persunal)

COM/2010/ 10273

(2010/C 163 A/01)

Il-Kummissjoni Ewropea qed tirrekluta Konsulent hors classe biex issostni l-attivitajiet tad-DĠ għat-Tkabbir.

Min aħna

Id-Direttorat-Ġenerali għat-Tkabbir. Dan id-Direttorat Ġenerali huwa responsabbli għall-proċess tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u

jiddefinixxi u jimplimenta l-istrateġija tat-tkabbir;

jamministra r-relazzjonijiet mal-Pajjiżi Kandidati (fil-preżent il-Kroazja, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u t-Turkija) u l-pajjiżi kandidati potenzjali (bħalissa l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo skont UNSCR 1244 u l-Islanda);

jiżgura implimentazzjoni kontinwa u finanzjarjament soda tal-għajnuna qabel u wara l-adeżjoni għall-Istati Membri ġodda li tammonta għal iktar minn EUR 1 biljun fis-sena.

Id-DĠ ELARG għandu forza lavorattiva ta' 465 membru tal-persunal, huwa organizzat f'ħames (5) Direttorati u huwa preżenti fuq il-post permezz ta' tmien Delegazzjonijiet u Uffiċċju ta' Kollegament.

Nipproponu

Il-pożizzjoni ta' Konsulent hors classe li, taħt l-awtorità tad-Direttur-Ġenerali, jgħinu f'dan li ġej:

il-valutazzjoni tal-bżonnijiet, l-identifikazzjoni ta' opportunitajiet u l-iżvilupp ta' politiki relatati mat-tkabbir tal-UE u l-proċess tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

id-defininzzjoni tal-istrateġija ta' komunikazzjoni dwar kwistjonijiet ta' tkabbir;

l-għoti ta' konsulenza dwar l-implimentazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

ir-rappreżentanza tad-DĠ f'kuntatti u negozjati fuq livell għoli.

Qed infittxu

Tingħata preferenza lill-kandidati li għandhom:

esperjenza professjonali fil-qasam tal-affarijiet Ewropej;

esperjenza fil-koordinazzjoni u/jew konsulenza politika u amministrattiva f'livell għoli;

għarfien tajjeb ħafna tal-politiki u l-istituzzjonijiet tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir u taż-żona ġeografika koperta mid-DĠ;

għarfien tal-programmi tal-assistenza tal-UE u l-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba;

il-kapaċità li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni f'kuntatti u negozjati ta' livell għoli, fuq il-bażi ta' esperjenza ppruvata;

l-abbiltà li jmexxi 'l quddiem l-iżvilupp tal-politika fil-qasam tat-tkabbir;

ħiliet sodi fil-komunikazzjoni u n-negozjar;

għarfien sod tal-Ingliż jew il-Franċiż.

L-applikanti għandhom (kriterji ta' eliġibbiltà)

1.

Ikunu ċittadini ta' wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE.

2.

Ikollhom:

i)

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b'diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar;

ii)

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji li tlestew, iċċertifikati minn diploma, u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun mill-inqas ta' tliet snin.

3.

Ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali wara l-istudji universitarji f'livell li l-kwalifiki msemmija hawn fuq jagħtu aċċess għalih mill-inqas 5 snin minn dik l-esperjenza professjonali jridu jkunu nkisbu fl-livell għoli (1) ta' ġestjoni jew fil-provvediment ta' konsulenza politika fuq livelli għoli (2).

4.

Ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta' lingwa uffiċjali oħra.

5.

Età massima: ma jkunux għadhom laħqu l-età tal-irtirar, li għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, hi ffissata li tkun l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tilħaq l-età ta' 65 sena (Ara Art.52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal).

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Il-kandidati huma mitluba jikkonfermaw il-volontà tagħhom li jagħmlu dikjarazzjoni tal-impenn tagħhom li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku u dikjarazzjoni ta' kwalunkwe interess li jista' jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

Ħatra u kundizzjonijiet tal-impjieg

Il-Konsulent hors classe ser jintgħażel u jinħatar mill-Kummissjoni skont il-proċeduri tagħha tal-għażla u r-reklutaġġ (ara wkoll id-Dokument ta' Kumpilazzjoni dwar il-Politika dwar Uffiċjali Għolja). Bħala parti minn dan il-proċess tal-għażla, il-kandidati li jissejħu għal intervista mill-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni għall-Ħatriet, ikollhom jgħaddu, qabel din l-intervista, valutazzjoni ta' ġurnata sħiħa mmexxi minn konsulenti esterni ta' reklutaġġ.

Il-kandidati huma ġentilment mgħarrfa li l-proċeduri tal-għażla ser isiru bl-Ingliż, bil-Franċiż u/jew bil-Ġermaniż biss (3).

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma dawk stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali fil-grad AD 15 tal-Unjoni Ewropea. L-applikanti għandhom iqisu r-rekwiżit għall-persunal ġdid kollu, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, li jgħaddu b'suċċess żmien ta' prova ta' disa' xhur.

Opportunitajiet indaqs

L-Unjoni Ewropea tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs.

Proċedura tal-applikazzjoni

Din il-pożizzjoni tista' tiġi ppubblikata b'mod parallel ma' numru ta' pożizzjonijiet oħra għal uffiċjali għolja. Il-kandidati li jixtiequ japplikaw għal iżjed minn pożizzjoni waħda jridu jissottomettu applikazzjoni separata għal kull kariga.

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b'attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta' eliġibilità kollha (“L-applikanti għandhom”), b'mod partikolari dawk rigward it-tipi ta' diplomi u l-esperjenza professjonali meħtieġa. Min ma jissodisfax dawn il-kriterji tal-eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet billi żżur il-websajt:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura.

Hija responsabbiltà tiegħek li r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek issir fil-ħin (4). Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista' tibdel jew iżżid kwalunkwe dejta. Bħala regola ġenerali, ir-reġistrazzjonijiet bil-posta elettronika normali li jaslu tard mhumiex ser jiġu aċċettati.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan l-indirizz jintuża biex tiġi identifikata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex tkun infurmat bir-riżultat tal-proċedura. Għalhekk, għandek tinforma lill-Kummissjoni Ewropea f'każ ta' xi bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella' CV fil-format WORD jew PDF u li timla, onlajn, ittra ta' motivazzjoni (massimu ta' 8 000 karattru). Kemm is-CV kif ukoll l-ittra għandhom ikunu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Ladarba tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek, inti tirċievi fuq l-iskrin in-numru tar-reġistrazzjoni li għandek tniżżel u tiftakar — dan ikun in-numru ta' referenza tiegħek f'kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek. Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess tar-reġistrazzjoni jkun intemm — in-numru huwa konferma li aħna nkunu rreġistrajna l-informazzjoni li tkun daħħalt. Jekk ma tirċievi l-ebda numru, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li tissorvelja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat/a dwar l-istat tal-applikazzjoni tiegħek direttament mid-DĠ li qiegħed jirrekluta.

Jekk tbati minn diżabbiltà li ma tippermettilekx tirreġistra onlajn, tista' tibgħat l-applikazzjoni (is-CV u l-ittra ta' motivazzjoni) fuq karti permezz ta' posta reġistrata  (5) , b'timbru postali b'data li ma tkunx aktar tard mid-data meta tagħlaq ir-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F'dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek għandek tehmeż ċertifikat li jiċċertifika d-diżabbiltà tiegħek, maħruġ minn entità rikonoxxuta. Għandek issemmi wkoll, fuq karta separata, kwalunkwe arranġamenti speċjali li taħseb li jkunu meħtieġa biex jiffaċilitaw l-parteċipazzjoni tiegħek fl-għażla.

Jekk teħtieġ aktar tagħrif u/jew tiltaqa' ma' problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat posta elettronika lil HR-A2-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu.

Kuntatt

Il-persuna ta' kuntatt għal informazzjoni addizzjonali: Michaela Di Bucci, Kap tar-Riżorsi Umani ELARG

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija l-20 ta' Lulju 2010. Ir-reġistrazzjoni online ma tkunx possibbli wara 12.00 nofsinhar, ħin ta' Brussell.


(1)  Fis-CV tagħhom, l-applikanti għandhom jindikaw għall-inqas għal dawn il-ħames snin li fihom kisbu l-esperjenza maniġerjali; (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kienu fihom, (2) in-numru ta' persunal li kienu jmexxu f'dawn il-pożizzjonijiet, (3) id-daqs tal-baġits ġestiti, u (4) in-numru ta' livelli ġerarkiċi 'l fuq u l-isfel u n-numru ta' persunal fl-istess livell

(2)  Fis-CVs tagħhom l-applikanti għandhom jindikaw almenu għal dawk il-ħames snin li matulhom eżerċitaw konsulenza politika fuq livell għoli, it-titolu u d-dettalji tal-pożizzjoni tagħhom

(3)  Il-bordijiet tal-għażla ser jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ lill-kelliema nattivi ta' dawn it-tliet lingwi.

(4)  Mhux iktar tard minn 12:00 nofsinhar ħin ta' Brussell, fl-20 ta' Lulju 2010.

(5)  

European Commission

Directorate-General Human Resources and Security

Unit for Executive Staff and CCA secretariat

COM/2010/10273

SC 11 8/47

1049 Brussels

BELGIUM


Top