This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010XC0619(01)
Communication from the Commission on voluntary schemes and default values in the EU biofuels and bioliquids sustainability scheme
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi fl-iskema ta' sostenibbiltà tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi fl-UE
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi fl-iskema ta' sostenibbiltà tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi fl-UE
ĠU C 160, 19.6.2010, p. 1–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 160/1 |
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi fl-iskema ta' sostenibbiltà tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi fl-UE
2010/C 160/01
1. INTRODUZZJONI
Fl-2009, l-UE introduċiet skema ta' sostenibbiltà vinkolanti, li hi l-iktar waħda komprensiva u avvanzata ta' dan it-tip fid-dinja. Id-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli (1) tistabbilixxi dawn il-kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijofjuwils u l-bijolikwidi. Għall-bijofjuwils, id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil (2) tistabbilixxi l-kriterji korrispondenti. Dawn japplikaw għall-bijofjuwils/bijolikwidi prodotti fl-UE u għall-bijofjuwils/bijolikwidi importati. L-Istati Membri huma fid-dmir li jiżguraw li l-kriterji ta' sostenibbiltà qegħdin jintlaħqu mill-operaturi ekonomiċi meta l-bijofjuwils/bijolikwidi jitqiesu għall-finijiet (3) elenkati fid-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli, id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwils, il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien ambjentali (4) u r-Regolament dwar is-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri (5).
L-iskema ta' sostenibbiltà fiha żewġ għodod li l-mira tagħhom hi li jnaqqsu l-piż amministrattiv li għandhom l-operaturi ekonomiċi.
(1) |
Il-possibbiltà li jintużaw “skemi volontarji” rikonoxxuti jew “ftehimiet bilaterali u multilaterali” sabiex ikun jidher li qed tinżamm konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà kollha jew xi wħud minnhom; u wkoll |
(2) |
Il-possibbiltà li jintużaw il-“valuri awtomatiċi” stipulati fid-Direttiva sabiex ikun jidher li qed tinżamm konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. |
Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li l-iskemi volontarji jew il-ftehimiet bilaterali u multilaterali konklużi mill-Unjoni fihom dejta preċiża dwar il-kriterji ta' sostenibbiltà. Il-Kummissjoni tista' żżid valuri awtomatiċi għall-metodi ta' produzzjoni ġodda tal-bijofjuwils/bijolikwidi u taġġorna l-valuri eżistenti. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-mod kif il-Kummissjoni fi ħsiebha twettaq id-dmirijiet tagħha sabiex tasal għal dawn id-deċiżjonijiet. Tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri, lill-pajjiżi terzi, lill-operaturi ekonomiċi u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Flimkien ma' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tal-iskema ta' sostenibbiltà tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi fl-UE u dwar ir-regoli li għandhom jitqiesu għall-bijofjuwils (6) li l-għan tagħha hu li tiffaċilita l-implimentazzjoni konsistenti tal-iskema ta' sostenibbiltà.
Din il-Komunikazzjoni tuża n-numri tal-artikoli li hemm fid-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli sabiex tagħmel referenzi għad-dispożizzjonijiet speċifiċi. It-tabella tindika fejn jinsabu d-dispożizzjonijiet korrispondenti għall-bijofjuwils fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwils. Ir-referenzi għad-“Direttiva” f'din il-Komunikazzjoni huma referenzi għad-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli. Fejn hemm dispożizzjonijiet korrispondenti fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwils, dawn japplikaw l-istess għal dik id-Direttiva.
Tabella 1: Artikoli u annessi msemmijin f'din il-Komunikazzjoni
Id-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli |
Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil |
l-Artikolu 17: Kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi |
l-Artikolu 7b: Kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijokarburanti |
l-Artikolu 18: Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi |
l-Artikolu 7c: Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti |
l-Artikolu 19: Kalkolu tal-impatt tal-gass b'effett serra tal-bijokarburanti u bijolikwidi |
l-Artikolu 7d: Kalkolu tal-emissjonijiet ta' gass b'effett serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja mill-bijokarburanti |
l-Artikolu 24: Pjattaforma ta' trasparenza (7) |
mhux inkluż (8) |
l-Artikolu 25: Kumitati |
mhux inkluż |
Anness V: Regoli għall-kalkolu tal-impatt tal-gass b'effett serra tal-bijokarburanti, bijolikwidi u l-komparaturi tal-karburant fossili tagħhom |
Anness IV: Regoli għall-kalkolu tal-emissjonijiet b'effett serra fiċ-ċiklu tal-ħajja mill-bijokarburanti |
2. SKEMI VOLONTARJI
L-operaturi ekonomiċi għandhom juru lill-Istati Membri li l-kriterji ta' sostenibbiltà b'rabta mat-tnaqqis tal-gass b'effett serra, l-art b'valur għoli ta' bijodiversità u l-art li fiha ħażna kbira ta' karbonju (9) jkunu ntlaħqu (10). Huma jistgħu jagħmlu dan bi tliet modi:
(1) |
Billi jfornu lill-awtorità nazzjonali rilevanti bid-dejta, konformi mar-rekwiżiti li l-Istat Membru jkun stabbilixxa (“sistema nazzjonali”) (11); |
(2) |
Billi jużaw “skema volontarja” li l-Kummissjoni tkun irrikonoxxiet għal dan il-għan (12); |
(3) |
Skont it-termini tal-ftehim bilaterali jew multilaterali konkluż mill-Unjoni mal-pajjiżi terzi u li l-Kummissjoni tkun irrikonoxxiet għal dan il-għan (13). |
Skema volontarja għandha tkopri l-kriterji ta' sostenibbiltà li jinsabu fid-Direttiva (14) kollha jew uħud minnhom. Tista' tkopri wkoll kwistjonijiet oħra ta' sostenibbiltà (15) li mhumiex koperti mill-kriterji tad-Direttiva (16).
Meta tintalab tirrikonoxxi skema volontarja, il-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni dwar kemm l-iskema tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti. Il-proċedura ta' valutazzjoni hija stabbilita hawn taħt.
2.1. Il-proċess tal-valutazzjoni u tar-rikonoxximent
Għall-valutazzjoni tal-iskemi, il-Kummissjoni fi ħsiebha:
— |
Tibda l-proċess ta' valutazzjoni meta tkun intalbet tirrikonoxxi l-iskema; |
— |
Tagħmel valutazzjoni tal-iskemi, ikun x'ikun l-oriġini tagħhom, kemm pereżempju jekk ikunu żviluppati minn organizzazzjoni governattiva kif ukoll minn organizzazzjoni privata; |
— |
Tagħmel valutazzjoni tal-iskemi, irrelevanti jekk ikunx hemm skema oħra rikonoxxuta li tkopri l-istess tip ta' materja prima għall-industrija, żona, eċċ.; |
— |
Tagħmel valutazzjoni ta' skemi skont il-kriterji ta' sostenibbiltà li jinsabu fid-Direttiva (17) u r-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tar-rikonoxximent stabbiliti fit-taqsima li jmiss; |
— |
Tagħmel valutazzjoni dwar jekk l-iskemi jistgħux iservu bħala sors ta' dejta preċiża dwar kwistjonijiet oħra ta' sostenibbiltà li mhumiex koperti mill-kriterji ta' sostenibbiltà (18) li jinsabu f'din id-Direttiva (19). |
Jekk il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tindika li l-iskemi jkunu ssodisfaw il-kriterji ta' sostenibbiltà u r-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tar-rikonoxximent, il-Kummissjoni fi ħsiebha:
— |
Tibda l-proċess (20) li jwassal għall-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni; |
— |
Tirrikonoxxi l-iskemi, ikun x'ikun l-oriġini tagħhom, kemm pereżempju jekk ikunu żviluppati minn organizzazzjoni governattiva kif ukoll minn organizzazzjoni privata; |
— |
Tirrikonoxxi l-iskemi, irrelevanti jekk ikunx hemm skemi oħra rikonoxxuti li jkopru l-istess tip ta' materja prima għall-industrija, żona, eċċ.; |
— |
Bħala regola ġenerali, tirrikonoxxi l-iskemi għall-perjodu massimu awtorizzat ta' 5 snin (21); |
— |
Tispeċifika fid-deċiżjoni liema parti(jiet) tal-kriterji ta' sostenibbiltà tad-Direttiva huma koperti minn xi skema; |
— |
Tispeċifika fid-deċiżjoni dwar liema kwistjonijiet oħra ta' sostenibbiltà, jekk hemm, l-iskema fiha dejta preċiża (22); |
— |
Tirreferi għad-deċiżjoni dwar il-pjattaforma tat-trasparenza tal-Kummissjoni ladarba tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali. |
Jekk il-valutazzjoni tindika li xi skema ma tissodisfax ir-rekwiżiti, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-organizzazzjoni li tkun għamlet it-talba b'dan.
Jekk isiru xi tibdiliet f'xi skema volontarja, wara li tkun ġiet irrikonoxxuta fil-kontenut tagħha b'mod li taffettwa l-bażi tar-rikonoxximent inizjali, il-Kummissjoni tistenna li tkun mgħarrfa dwar dan. Il-Kummissjoni tkun tista' imbagħad tagħmel valutazzjoni dwar jekk ir-rikonoxximent inizjali jibqax validu.
2.2. Valutazzjoni u rekwiżiti għar-rikonoxximent
Skema volontarja għandha tkopri l-kriterji tas-sostenibbiltà kollha stipulati fid-Direttiva (23) jew parti minnhom. L-iskema jkollha tinkludi sistema ta' verifika (24) li r-rekwiżiti għaliha huma stipulati f'din it-taqsima.
2.2.1. Ġestjoni tad-dokumentazzjoni
Sabiex jipparteċipaw fl-iskemi volontarji, l-operaturi ekonomiċi għandu:
— |
jkollhom sistema li tista' tivverifika l-evidenza li jkollha x'taqsam mat-talbiet li jagħmlu jew li jkunu bbażati fuqha; |
— |
iżommu kwalunkwe evidenza għall-anqas għal 5 snin; u wkoll |
— |
jaċċettaw ir-responsabbiltà sabiex iħejju kwalunkwe informazzjoni li jkollha x'taqsam mal-verifika ta' din l-evidenza. |
Is-sistema li tista' tiġi vverifikata normalment għandha tkun sistema ta' kwalità li tiffoka fuq il-punti 2 u 5.2 tal-Modulu D1 (“L-assigurazzjoni tal-kwalità tal-proċess ta' produzzjoni”) tal-Anness II għad-Deċiżjoni dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti (25).
2.2.2. Standard xieraq ta' awditjar indipendenti
Bħala regola ġenerali, skema volontarja għandha tiżgura li ssir verifika tal-operaturi ekonomiċi qabel ma dawn jitħallew jipparteċipaw fl-iskema (26).
Għal dan it-tip ta' awditjar, jista' jsir “awditjar ta' grupp” – b'mod partikolari għall-bdiewa li ġejjin minn azjendi żgħar, organizzazzjonijiet u kooperattivi tal-produtturi. F'dawn il-każijiet, il-verifika għall-unitajiet kollha kkonċernati tista' titwettaq abbażi ta' kampjun ta' unitajiet (27), fejn hu xieraq jitqies standard rilevanti li hu żviluppat għal dan il-għan (28). L-awditjar ta' grupp li jsir sabiex dan ikun konformi mal-kriterji relatati mal-iskema jista' jiġi aċċettat biss meta ż-żoni kollha kkonċernati jkunu viċin xulxin u jkollhom l-istess karatteristiċi. L-awditjar ta' grupp bil-għan li jiġi kkalkulat kemm jista' jiġi ffrankat gass serra jista' jiġi aċċettat biss meta l-unitajiet ikollhom l-istess sistemi ta' produzzjoni u l-istess prodotti.
Barra minn dan, l-iskema volontarja għandha tagħmel arranġamenti sabiex isir awditjar retrospettiv regolari, għall-anqas darba fis-sena ta' kampjun tat-talbiet li jinsabu taħt l-iskema (29). Hija r-responsabbiltà tal-verifikaturi li jiddefinixxu d-daqs tal-kampjun li jħallihom jilħqu l-livell neċessarju ta' kunfidenza sabiex joħorġu rapport tal-verifika.
Għaż-żewġ tipi ta' verifika msemmijin hawn fuq, il-verifikatur li jintgħażel għandu jkun persuna:
— |
esterna: il-verifika ma titwettaqx mill-operatur ekonomiku jew mill-iskema stess; |
— |
indipendenti: l-awdituri huma indipendenti mill-attività li tiġi vverifikata u ma għandux ikollhom kunflitt ta' interess; |
— |
li jkollha l-ħiliet ġenereċi: il-korp tal-verifika għandu l-ħiliet ġenerali sabiex iwettaq il-verifiki; u wkoll |
— |
li jkollha l-ħiliet speċifiċi xierqa: l-awdituri għandhom il-ħiliet neċessarji sabiex tkun konkluża l-verifika li għandha x'taqsam mal-kriterji tal-iskema. |
L-iskemi volontarji għandhom, fit-talbiet tagħhom, juru r-rikonoxximent ta' kif se jiżguraw li huma jirrispettaw dawn il-kriterji fil-proċedura tal-għażla tal-verifikatur(i). It-Tabella 2 tindika xi modi kif dan jista' jintwera.
Jaqbel, anke jekk mhux essenzjali li l-awdituri, meta possibbli u fejn hu xieraq, ikunu akkreditati għat-tip ta' kompiti li jwettqu b'rabta mal-awditjar (30).
Tabella 2: Eżempji ta' kif wieħed jista' juri li l-verifikaturi huma konformi mar-rekwiżiti
L-attribut tal-verifikatur |
Rekwiżiti koperti |
||||||
L-esperjenza li jkun kiseb fit-twettiq tal-verifiki li jkunu konformi mal-istandard tal-ISO Nru 19011 (31) li jistabbilixxi linji gwida għall-kwalità u/jew verifiki tas-sistemi ta' ġestjoni ambjentali. |
|
||||||
L-akkreditazzjoni skont l-istandard ISO 14065 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-validazzjoni tal-gass serra u l-korpi ta' verifikazzjoni għall-użu sabiex issir l-akkreditazzjoni jew xi forom oħra ta' rikonoxximent (32). |
|
||||||
L-esperjenza li jkun kiseb fit-twettiq tal-verifiki li jkunu konformi mal-istandard tal-ISO 14064-3 li jistabbilixxi speċifikazzjoni u gwida sabiex issir il-validazzjoni u l-verifika tad-dikjarazzjonijiet dwar il-gassijiet serra. |
|
||||||
L-esperjenza li jkun kiseb fit-twettiq tal-verifiki li jkunu konformi mal-Istandard Internazzjonali dwar l-Ingaġġi għall Assikurazzjoni (ISAE) 3000 fir-rigward tal-ingaġġi għall-assikurazzjoni għajr verifiki jew analiżi tal-informazzjoni storika finanzjarja. |
|
||||||
L-akkreditazzjoni skont l-istandard ISO Guide 65 (33) li jistabbilixxi rekwiżiti ġenerali għall-korpi li joperaw sistemi li jiċċertifikaw il-prodotti (34). |
|
It-talbiet li jsiru lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent għandhom juru li l-verifiki se jitħejjew, jitwettqu u li se jsir rapport dwarhom kif xieraq. Dawn normalment jinkludu li l-awditur:
— |
Jidentifika l-attivitajiet imwettqin mill-operatur ekonomiku li jkunu rilevanti għall-kriterji tal-iskema; |
— |
Jidentifika s-sistemi rilevanti tal-operatur ekonomiku u l-organizzazzjoni kumplessiva tiegħu fir-rigward tal-kriterji tal-iskema u jiċċekkja l-implimentazzjoni effettiva tas-sistemi rilevanti tal-kontroll; |
— |
Jistabbilixxi għall-anqas “livell ta' assigurazzjoni limitat” (35) fil-kuntest tan-natura u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-operatur ekonomiku; |
— |
Janalizza r-riskji li jistgħu jwasslu għal stqarrija falza materjali, imsejsa fuq l-għarfien professjonali tal-verifikatur u fuq l-informazzjoni kif ippreżentata mill-operatur, |
— |
Ifassal pjan ta' verifikazzjoni li jkun jikkorrespondi mal-analiżi tar-riskju u l-ambitu tal-kumplessità tal-attivitajiet tal-operatur ekonomiku, u li jiddefinixxi l-metodi ta' kif għandhom jittieħdu l-kampjuni li għandhom jintużaw fir-rigward tal-attivitajiet tal-operatur; |
— |
Iwettaq il-pjan tal-verifika billi jiġbor evidenza skont il-metodi definiti ta' kif għandhom jittieħdu l-kampjuni, kif l-evidenza rilevanti addizzjonali kollha, li l-konklużjoni tal-verifika li jagħti l-verifikatur għandha tkun ibbażata fuqhom; |
— |
Jitlob lill-operatur sabiex jipprovdi xi elementi li kienu nieqsa fis-sensiela tal-verifika, jispjega l-varjazzjonijiet, jew jirrevedi l-kalkoli, qabel ma jasal għall-konklużjoni tal-verifika finali. |
2.2.3. Sistema ta' bilanċ tal-massa
Tipikament, il-bijofjwils/bijolikwidi għandhom katina tal-produzzjoni b'ħafna ħoloq, mill-post fejn jinsab il-fjuwil sakemm jiġi distribwit. Il-materja prima għall-industrija normalment tiġi trasformata fi prodott intermedju u mbagħad fi prodott finali. Iż-żamma tal-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva għandha tintwera fir-rigward tal-prodott finali. Għal dan il-għan, hemm bżonn li jsiru talbiet dwar il-materja prima u/jew il-prodotti użati.
Il-metodu li permezz tiegħu ssir konnessjoni bejn l-informazzjoni u t-talbiet li jikkonċernaw il-materja prima jew il-prodotti intermedjarji u t-talbiet dwar il-prodotti finali hu magħruf bħala l-katina ta' informazzjoni li permezz tagħha jiġi traċċat il-metodu. Il-katina ta' informazzjoni li permezz tagħha jiġi traċċat il-metodu normalment tinkludi l-fażijiet kollha tal-produzzjoni tal-materja prima għall-industrija sakemm dan il-fjuwil jinħareġ għall-konsum. Il-metodu stipulat fid-Direttiva għall-katina ta' informazzjoni li permezz tagħha jiġi traċċat huwa l-metodu ta' bilanċ tal-massa (36).
L-iskema volontarja għandha tirrikjedi verifika tas-sistema ta' bilanċ tal-massa li għandha titwettaq simultanjament mal-verifika tal-korretezza sabiex jiġu ssodisfati l-kriterji tal-iskema (37). Dan għandu jinkludi l-verifika ta' kwalunkwe evidenza jew sistemi użati bil-għan li jkunu konformi mar-rekwiżiti tas-sistema ta' bilanċ tal-massa.
Is-sistema ta' bilanċ tal-massa (38) hija sistema li fiha l-“karatteristiċi ta' sostenibbiltà” jibqgħu assenjati għal “kunsinni”. Il-karatteristiċi tas-sostenibbiltà jistgħu jinkludu pereżempju:
— |
Evidenza li turi li qed tinżamm konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà stipulati fid-Direttiva; u/jew |
— |
Stqarrija li l-materja prima użata kienet miksuba b'tali mod li hu konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà tal-art li jinsabu fid-Direttiva; u/jew |
— |
Ċifra li tikkorrispondi għall-emissjonijiet tal-gass serra; u/jew |
— |
Deskrizzjoni tal-materja prima użata (39); u/jew |
— |
L-istqarrija “il-produzzjoni ngħatat ċertifikat tat-tip X mill-iskema volontarja rikonoxxuta Y”; eċċ. |
Il-karatteristiċi ta' sostenibbiltà għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-pajjiż tal-oriġini tal-materja prima ħlief għall-bijofjuwils (40).
Meta l-kunsinni li jkollhom karatteristiċi ta' sostenibbiltà differenti (jew li ma jkollhomx karatteristiċi ta' sostenibbiltà) ikunu mħalltin (41), id-daqsijiet separati (42) u l-karatteristiċi ta' sostenibbiltà ta' kull kunsinna jibqgħu assenjati mat-taħlita (43). Jekk xi taħlita tiġi sseparata, kwalunke kunsinna li tittieħed minnha tista' tiġi assenjata kwalunkwe sett ta' karettistiċi ta' sostenibbiltà (44) (akkumpanjati mad-daqsijiet) sakemm il kombinazzjoni tal-kunsinni kollha li toħroġ mit-taħlita tkun tal-istess daqsijiet għal kull sett ta' karatteristiċi ta' sostenibbiltà li kienu jinsabu fit-taħlita. “Taħlita” jista' jkollha kwalunkwe forma li fiha l-kunsinni normalment ikunu f'kuntatt, bħal f'kontejner, fi proċess jew f'faċilità jew sit loġistiku jew ta' proċessar (definiti bħala lokazzjoni ġeografika bil-limiti preċiżi li fiha l-prodotti jistgħu jitħalltu).
Il-bilanċ fis-sistema jista' jkun kontinwu fiż-żmien, jiġifieri f'dan il-każ mhux meħtieġ li jsir xi “defiċit” li jfisser, li f'ħin partikolari jkun tneħħa iktar materjal sostenibbli meta mqabbel ma' dak li jkun żdied. Minflok, il-bilanċ jista' jintlaħaq fuq perjodu xieraq ta' żmien u jiġi vverifikat b'mod regolari. Fiż-żewġ każijiet, hu neċessarju li jkunu implimentati l-arranġamenti xierqa sabiex ikun żgurat li l-bilanċ jiġi mħares.
2.3. Skemi volontarji mhux tipiċi
It-Taqsima 2.2 tiddeskrivi r-rekwiżiti li l-Kummissjoni bi ħsiebha tagħmel valutazzjoni tagħhom sabiex tirrikonoxxi l-iskemi volontarji “tipiċi” li jkopru direttament waħda jew iktar mill-kriterji tad-Direttiva. Skemi “mhux tipiċi” jista' jkollhom forom differenti bħal ngħidu aħna mapep li juru li ċerti żoni ġeografiċi huma jew mhumiex konformi mal-kriterji, l-għodod tal-kalkolu li jivvalutaw it-tnaqqis tal-gass serra jew tal-valuri tal-gass serra agrikoli reġjonali assoċjati ma' materja prima għall-industrija partikolari. Għal dawn l-iskemi, il-Kummissjoni se tiddetermina proċedura xierqa ta' valutazzjoni meta tirċievi talba għar-rikonoxximent ta' skema bħal din. Il-Kummissjoni se tqis jekk il-prinċipji u r-rekwiżiti msemmijin hawn fuq għandhomx jiġu applikati jew inkella jekk hux neċessarju li jiġu adottati approċċi differenti.
2.4. Aġġornament
Peress li l-esperjenza tinkiseb biss ladarba jkunu bdew isiru l-valutazzjonijiet, il-flessibbiltà tista' tkun neċessarja. Il-Kummissjoni tista' tirrevedi l-proċedura stipulata hawn taħt, imsejsa fuq l-esperjenza li tkun qiegħda dejjem tkompli tinkiseb jew fuq l-iżviluppi fis-suq, inkluż ix-xogħol li jsir mill-korpi tal-istandardizzazzjoni. F'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni bi ħsiebha tagħmel referenza kif xieraq għall-pjattaforma tat-trasparenza.
2.5. Skemi volontarji għall-bijolikwidi
Għall-bijolikwidi, il-Kummissjoni ma tistax tirrikonoxxi b'mod espliċitu skema volontarja bħala sors ta' dejta preċiża għall-kriterji relatati mal-art (45). Madankollu, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li xi skema volontarja tipprovdi dejta preċiża fejn il-bijofjuwils huma kkonċernati, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jaċċettaw dawn l-iskemi bl-istess mod għall-bijolikwidi.
2.6. Rikonoxximent tal-ftehimiet bilaterali jew multilaterali
L-Unjoni tista' tikkonkludi ftehimiet bilaterali jew multilaterali ma' pajjiżi terzi li jkun fihom dispożizzjonijiet dwar il-kriterji ta' sostenibbiltà li jikkorrispondu ma' dawk li jissemmew fid-Direttiva (46). Ftehim bħal dan, wara li jiġi konkluż, xorta waħda hemm bżonn li jiġi rikonoxxut għall-finijiet tad-Direttiva bl-istess mod għall-iskemi volontarji (47). Dan il-proċess jista' jieħu inkonsiderazzjoni l-partijiet rilevanti tat-taqsima 2.2.2.
3. VALURI AWTOMATIĊI
Id-Direttiva tinkludi “valuri awtomatiċi” li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jużaw sabiex juru li huma konformi mal-kriterji ta' sostenibbilta dwar it-tnaqqis tal-gass serra. Dan għandu jnaqqas il-piż amministrattiv lill-operaturi ekonomiċi, minħabba li l-kumpaniji se jkunu jistgħu jagħżlu dawn il-valuri predeterminati minflok ma jikkalkulaw valur attwali (48). Il-valuri awtomatiċi huma ffissati f'livell konservattiv li jagħmilha improbabbli għall-operaturi ekonomiċi – billi jużaw il-valuri awtomatiċi – li jiddikjaraw valuri li jkunu aħjar mill-valur attwali tagħhom. Il-valuri awtomatiċi jistgħu jiġu aġġornati skont il-progress tekniku u xjentifiku li jsir (49).
3.1. Sfond dwar il-kalkolu tal-valuri awtomatiċi
Il-valuri awtomatiċi fid-Direttiva huma msejsa fuq tliet elementi: sett ta' dejta xjentifika, il-metodoloġija fid-Direttiva (50); u regola għat-trasformazzjoni tal-valuri tipiċi f'valuri awtomatiċi. Id-dejta xjentifika għall-mod ta' kif jiġi prodott bijofjuwil/bijolikwidu partikolari tiġi pproċessata skont il-metodoloġija użata għall-produzzjoni ta' valur tipiku tal-proċess. Fattur ta' + 40 % japplika għall-emissjonijiet mill-element “ta' proċessar” sabiex il-valuri tipiċi jiġu trasformati f'valuri awtomatiċi konservattivi. L-ebda fattur bħal dan ma japplika għat-“trasport u d-distribuzzjoni”, minħabba li l-kontribut tiegħu għall-emissjonijiet kumplessivi huwa żgħir (51). Lanqas ma japplika l-fattur għall-“kultivazzjoni”, minħabba li hawn il-kwistjoni tal-konservatiżmu hija indirizzata minn ċerti restrizzjonijiet fuq l-użu tal-valuri awtomatiċi (52).
3.2. Aġġornamenti u żidiet tal-valuri awtomatiċi fil-ġejjieni
Id-dejta xjentifika tinġabar minn esperti indipendenti (53) u tiġi ppubblikata fuq is-sit taċ-ĊKR (54). Wieħed għandu jagħmel kuntatt dirett mal-esperti biex jikkummenta dwar id-dejta u jibgħat stqarrijiet xjentifiċi ġġustifikati. B'hekk id-dejta tista' tiġi rriveduta kif xieraq waqt iċ-ċiklu ta' aġġornamenti li jmiss (55).
Id-Direttiva fiha kemm:
— |
“proċessi ġenerali”, jiġifieri proċessi li huma kkaratterizzati mit-tip ta' materja prima għall-industrija u t-tip ta' bijofjuwil/bijolikwidu, bħalma hu l-“etanol tal-pitrava taz-zokkor”; u wkoll |
— |
“proċessi speċifiċi”, jiġifieri proċessi li huma kkaratterizzati minn deskrizzjoni iktar speċifika mill-proċessi ġenerali, bħalma hu l-“etanol tal-qamħ (tiben bħala fjuwil ta' proċess f'impjant CHP)”. |
Il-Kummissjoni bi ħsiebha tinkludi l-valuri awtomatiċi għall-proċessi addizzjonali jekk:
— |
dawn ikollhom importanza fis-suq tal-UE u għall-anqas jeżisti impjant jew proċess wieħed; jew inkella proċess ġenerali kredibbli li mistennij jintuża għall-UE fil-ġejjieni qarib; u wkoll |
— |
hemm dejta disponibbli rilevanti ta' kwalità u ċertezza sodisfaċenti skont l-esperti indipendenti. |
Sabiex jiġu introdotti proċessi speċifiċi, il-Kummissjoni bi ħsiebha tqis żewġ kriterji addizzjonali:
— |
jekk id-differenza bejn il-valuri awtomatiċi għall-proċessi speċifiċi u dawk ġenerali hijiex kbira fid-daqs; u wkoll |
— |
(fil-każ ta' proċessi speċifiċi b'valuri awtomatiċi ta' tnaqqis ta' gass serra inqas mill-valuri tal-proċess ġenerali) jekk hu stmat li għall-anqas waħda minn kull għaxar kunsinni tal-UE tal-proċess ġenerali tal-bijofjuwil/bijolikwidu kkonċernat hijiex prodotta permezz tal-prattiki użati li jwasslu għal emissjonijiet li jkunu ikbar minn dawk indikati mill-valur awtomatiku għal dak il-proċess ġenerali. |
Il-Kummissjoni mhijiex bi ħsiebha tintroduċi l-valuri awtomatiċi għall-proċessi speċifiċi skont l-oriġini ġeografiku ta' minn fejn tiġi l-materja prima jew minn fejn jiġu prodotti l-bijofjuwils/bijolikwidi, imma skont il-prattiċi, teknoloġiji speċifiċi, eċċ.
Il-Kummissjoni bi ħsiebha taġġorna/żżid l-valuri awtomatiċi, jekk xieraq, kull sentejn li jibdew mill-2010 u sussegwentament flimkien mar-rapport meħtieġ li l-Kummissjoni għandha tħejji fl-2012 u kull sentejn minn hemm ’il quddiem dwar il-valuri awtomatiċi għall-bijofjuwils tal-ġejjieni (56). Madankollu, l-aġġornamenti jistgħu jsiru fil-perjodu intermedju jekk iċ-ċirkostanzi jkunu jitolbu hekk. Hi u tħejji dan, il-Kummissjoni se tagħmel valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-inklużjoni ta' proċessi speċifiċi, kif stabbilit hawn fuq, humiex issodisfati. Il-proċess għall-partijiet interessati sabiex jissuġġerixxu l-emenda tal-proċessi jew proċessi ġodda huwa l-istess bħall-proċess għall-kummenti dwar id-dejta (ara hawn fuq).
4. KONKLUŻJONIJIET
Fl-2009, l-UE introduċiet skema ta' sostenibbiltà vinkolanti, li hi l-iktar waħda komprensiva u avvanzata ta' dan it-tip fid-dinja. F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni indikat kif fi ħsiebha taġixxi, fis-snin li ġejjin, permezz ta' żewġ għodod tal-iskema ta' sostenibbiltà li huma mfassla biex inaqqsu l-piż amministrattiv għall-operaturi ekonomiċi: il-valutazzjoni u r-rikonoxximent ta' skemi volontarji u ftehimiet bilaterali u multilaterali; u ż-żieda u l-aġġornament ta' valuri awtomatiċi. Dan għandu jiffaċilita t-tħaddim tal-iskema ta' sostenibbiltà. L-iskemi volontarji jista' jkollhom impatt ikbar fis-swieq tal-merkanzija milli fil-bijofjuwils u bijolikwidi, u potenzjalment, bħala effett sekondarju, isaħħu l-produzzjoni sostenibbli tal-materja prima fis-settur agrikolu. Il-ftehimiet bilaterali jew multilaterali jistgħu jsaħħu dan iktar. Għajr dawn il-proċessi li ġew adottati mill-politika l-ġdida tal-UE dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli, il-Kummissjoni se taħdem ukoll permezz tal-fora internazzjonali li hi attiva fil-promozzjoni tal-kriterji ta' sostenibbiltà f'livell globali.
(1) Direttiva 2009/28/KE.
(2) Direttiva 98/70/KE kif emendata mid-Direttiva 2009/30/KE.
(3) Iktar dettalji jinsabu http://ec.europa.eu/energy/renewables/transparency_platform_en.htm
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009.
(6) Ara paġna 8 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(7) Dan jinsab fuq l-internet: http://ec.europa.eu/energy/renewables/transparency_platform_en.htm
(8) Meta d-dokumenti jkunu rilevanti għad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil, il-Kummissjoni fi ħsiebha tippubblikahom ukoll fuq is-sit tal-internet tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil.
(9) Artikolu 17(2)-(5).
(10) Artikolu 18(1).
(11) Artikolu 18(3).
(12) Artikolu 18(4) it-tieni subparagrafu; Artikolu 18(7).
(13) Artikoli 18(4) l-ewwel subparagrafu; Artikolu 18(7).
(14) L-iskemi volontarji mhumiex mistennija jkopru l-kriterji b'rabta mar-rekwiżiti agrikoli u ambjentali u l-istandards għall-bdiewa li ġejjin mill-UE (Artikolu 17(6)). Ara t-Taqsima 2.2 tal-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tal-iskema ta' sostenibbiltà.
(15) Din tista' tinkludi l-kwistjonijiet imsemmijin fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 18(4).
(16) L-Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jużaw l-inklużjoni ta' dawn il-kwistjonijiet ta' sostenibbiltà fi skema volontarja bħala raġuni li għaliha l-bijofjuwils/bijolikwidi li mhumiex koperti mill-iskema ma jitqisux fl-iskema jekk dawk il-bijofjuwils/bijolikwidi jissodisfaw il-kriterji ta' sostenibbiltà stipulati fid-Direttiva.
(17) Organizzazzjonijiet li jibagħtu t-talbiet tagħhom huma mitluba jindikaw għal liema kriterji (jew xi aspett b'rabta magħhom) li hemm fl-Artikoli 17(2)–5 u għal liema informazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li għad trid tittieħed kif imsemmi fl-Artikolu 18(3) it-tielet subparagrafu qegħdin jitolbu biex jiġu rikonoxxuti.
(18) Ara l-Artikolu 18(4), it-tieni subparagrafu. L-organizzazzjonijiet li jagħmlu t-talbiet tagħhom huma mitluba jindikaw jekk dawn l-affarijiet humiex koperti bl-iskema li jkunu bagħtu.
(19) Skont ma jkun fattibbli, il-Kummissjoni tista' ma tagħmilx dan immedjatament, imma għandha l-ħsieb li tagħmel dan mill-iktar fis possibbli.
(20) Billi tinvolvi l-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u l-Bijolikwidi stabbilit bl-Artikolu 25(2).
(21) Artikolu 18(6).
(22) Għall-anqas b'rabta ma' dawk imsemmijin fl-Artikolu 18(4) it-tieni subparagrafu.
(23) Ara n-nota [15] ta' qiegħ il-paġna.
(24) It-termini “awditjar”/“awditur” u “verifika”/“verifikatur” jitqiesu li għandhom l-istess tifsira f'din il-Komunikazzjoni.
(25) Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.
(26) Jista' jkun hemm eċċezzjonijiet għal din ir-regola minħabba l-karattru partikolari ta' ċerti skemi (pereżempju, skemi li jkunu jikkonsistu biss minn valuri standard għall-kalkoli tal-gassijiet serra); f'dawn il-każijiet, dan għandu jiġi spjegat sew meta l-iskema titressaq biex tiġi rikonoxxuta.
(27) Hija r-responsabbiltà tal-verifikaturi sabiex jiddefinixxu d-daqs tal-kampjun li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq il-livell neċessarju ta' kunfidenza.
(28) Eż. International Social and Environmental Accreditation and Labelling Alliance (ISEAL) standard P035 li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Komuni għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Gruppi ta' Produtturi.
(29) L-operaturi ekonomiċi inklużi fil-kampjun għandhom ivarjaw minn perjodu għal ieħor.
(30) Din l-akkreditazzjoni ssir mill-membri tal-Forum Internazzjonali tal-Akkreditazzjoni, mill-korpi msemmijin fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u mill-korpi li għandhom ftehim bilaterali mal-Kooperazzjoni Ewropea tal-Akkreditazzjoni.
(31) Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni
(32) L-akkreditazzjoni skont dan l-istandard spiss tinkludi fl-istess ħin l-akkreditazzjoni skont “programm dwar il-gass serra” speċifiku, bħal ngħidu aħna l-Iskema Ewropea dwar in-Negozjar tal-Emissjonijiet. F'dan il-każ, kwalunkwe rekwiżiti oħra ta' dak il-programm ma għandhomx għalfejn jitqiesu għall-finijiet f'din it-tabella. Ma għandhomx jitqiesu meta jkun hemm kunflitt mad-Direttiva.
(33) L-istandard Ewropew ekwivalenti hu EN 45011.
(34) L-akkreditazzjoni skont dan l-istandard normalment tinkludi fl-istess ħin l-akkreditazzjoni skont rekwiżiti speċifiċi marbutin ma' prodott, per eżempju. F'dan il-każ, kwalunkwe rekwiżiti oħra ta' dak il-programm ma għandhomx għalfejn jitqiesu għall-finijiet f'din it-tabella. Ma għandhomx jitqiesu meta jkun hemm kunflitt mad-Direttiva.
(35) “Livell ta' assigurazzjoni limitat” timplika inqas riskju għal livell aċċettabbli bħala l-bażi għal forma negattiva ta' espressjoni mill-awditur bħal ngħidu aħna “imsejsa fuq il-valutazzjoni li għamilna, xejn ma deher li jwassalna biex nemmnu li hemm żbalji fl-evidenza”, filwaqt li “livell ta' assigurazzjoni raġonevoli” timplika inqas riskju għal livell aċċettabbilment baxx bħala l-bażi għal forma pożittiva ta' espressjoni bħal ngħidu aħna “imsejsa fuq il-valutazzjoni tagħna, l-evidenza ma fihiex stqarrijiet żbaljati materjali”. (Ara ISEA 3000).
(36) Artikolu 18(1).
(37) Skema volontarja mhux se tkun teħtieġ dan meta tkun tkopri biss rabta waħda fil-katina (eż. il-post fejn tiġi prodotta l-materja prima).
(38) Skont l-Artikolu 18(1).
(39) Eż. sabiex jintalab valur awtomatiku.
(40) Ara l-Artikolu 7a(1)(a) tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil.
(41) Meta kunsinni bl-istess karatteristiċi ta' sostenibbiltà jitħalltu, id-daqs biss tal-kunsinna hija aġġustata skont dan. Il-karatteristiċi ta' sostenibbiltà aktarx ikunu l-istess meta tintuża l-istess materja prima għall industrija u jintużaw “il-valuri awtomatiċi” jew “il-valuri attwali reġjonali”.
(42) Meta jkun hemm xi pass fil-proċess jew xi telf, għandhom jintużaw fatturi ta' konverżjoni xierqa sabiex jiġi aġġustat id-daqs ta' kunsinna b'mod xieraq.
(43) Għalhekk, jekk il-karatteristiċi jinkludu ċifri differenti dwar l-emissjonijiet tal-gass serra jibqgħu separati; ma tistax tittieħed il-medja ta' dawn iċ-ċifri bil-għan li tintwera l-konformità mar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà.
(44) Dan ifisser li meta “karatteristika ta' sotenibbiltà” tkun id-deskrizzjoni tal-materja prima għall-industrija, eż. “iż-żerriegħa tal-kolza”, din il-karatteristika tista' tkun differenti minn dak li l-kunsinna hi magħmula minnu fiżikament, eż. taħlita ta' żerriegħa tal-kolza u żejt magħmul mill-ġirasol.
(45) Ara l-Artikolu 18(4) u tismija tal-Artikoli 17(3)–17(5) fih.
(46) Il-mekkaniżmu għall-Unjoni sabiex jiġi konkluż ftehim internazzjonali huwa stabbilit fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(47) Artikolu 18(4).
(48) Artikolu 19(1).
(49) Artikolu 19(7).
(50) L-Anness V, il-parti C.
(51) Ara l-Artikolu 19(7)(a).
(52) Artikolu 19(2)-19(4).
(53) L-Istitut għall-Ambjent u s-Sostenibbiltà taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR), bħala parti mill-Konsorzju JEC (konsorzju magħmul miċ-Ċentri Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, l-assoċjazzjoni tal-prodotturi għar-Riċerka u l-Iżvilupp fl-Ewropa fis-settur tal-karozzi u l-assoċjazzjoni tal-kumpaniji Ewropej tar-raffinar taż-żejt għall-ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent (CONCAWE)).
(54) http://re.jrc.ec.europa.eu/biof/html/input_data_ghg.htm Il-Kummissjoni bi ħsiebha tippubblika, abbażi tal-pjattaforma tat-trasparenza tagħha, spreadsheet li turi l-kalkoli tal-valuri awtomatiċi msejsin fuq dik id-dejta.
(55) Ara l-Premessa 83 tad-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli.
(56) Dawk inklużi fl-Anness V fil-partijiet B u E; Ara l-Artikolu 19(5).