Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0120

    Kawża T-120/10: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Marzu 2010 — ClientEarth et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 134, 22.5.2010, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 134/42


    Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2010 — ClientEarth et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-120/10)

    2010/C 134/71

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: ClientEarth (Londra, ir-Renju Unit), Transport & Environment (Brussell, il-Belġju), European Environmental Bureau (Brussell, il-Belġju) u BirdLife International (Brussell, il-Belġju), (rappreżentanti: S. Hockman QC, Barrister)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tiddikjara li l-konvenuta kisret ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1) u r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (2);

    tiddikjara li r-raġunijiet għal rifjut għal aċċess għal dokument skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandhom jingħataw f’risposta bil-miktub fit-termini previsti mill-proċedura amministrattiva ta’ żewġ stadji, jew inkella jiġu rrifjutati bħala eċċezzjoni ta’ difiża invokati skont il-liġi, jew inkella jaqgħu barra l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju;

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata tad-9 ta’ Frar 2010 (SG.E3/MM/psi-Ares (2010)70321), li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li ma tagħtix aċċess lir-rikorrenti għal ċerti dokumenti li fihom informazzjoni ambjentali;

    tordna lill-konvenuta tagħti aċċess għad-dokumenti mitluba kollha identifikati fil-proċess tal-eżami tal-applikazzjoni tagħha tal-15 ta’ Ottubru 2009, tal-applikazzjoni ta’ konferma tas-17 ta’ Diċembru 2009, u d-dokumenti kollha redatti fl-evalwazzjoni tagħha, mingħajr dewmin jew editjar skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001; u

    tordna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti, inklużi l-ispejjeż ta’ kwalunkwe intervenjenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti jitolbu, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Frar 2010, li permezz tagħha l-konvenuta ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tiċħad milli tagħti lir-rikorrenti aċċess għal ċerti dokumenti li fihom informazzjoni ambjentali dwar emissjonijiet tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-produzzjoni ta’ bijokarburanti, prodotti u/jew użati mill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2009/28/KE (3).

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jippreżentaw is-segwenti motivi:

     

    L-ewwel nett, ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 minħabba nuqqas milli tipprovdi aċċess għad-dokumenti fi żmien utli jew ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas. L-applikazzjoni tressqet fil-15 ta’ Ottubru 2009. Il-konvenuta ħarġet rifjut parzjali, fejn tat aċċess għal erba’ dokumenti u fejn ma tatx aċċess għal bejn wieħed u ieħor mitejn dokument. Ir-rikorrenti kkontestaw il-bażi tar-rifjut. Fid-9 ta’ Frar 2010, id-data tal-iskadenza tat-terminu previst mir-regolament, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess għall-bqija tad-dokumenti jew milli tagħti raġunijiet validi għaliex ma tatx aċċess għalihom.

     

    It-tieni nett, ksur tal-Artikoli 7(1) u 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 minħabba nuqqas milli tipprovdi raġunijiet dettaljati għar-rifjut ta’ aċċess għal kull dokument. Sabiex tingħata eċċezzjoni, iridu jingħataw raġunijiet dettaljati għalfejn ma ngħatax aċċess għal kull dokument permezz ta’ risposta bil-miktub fit-terminu previst. Fid-9 ta’ Frar 2010, id-data tal-iskadenza tat-teminu previst mir-regolament, il-Kummissjoni rrifjutat aċċess għall-bqija tad-dokumenti u ma tat l-ebda raġunijiet dettaljati għal rifjut ta’ aċċess kif meħtieġ mir-Regolament u mill-ġurisprudenza.

     

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li kien hemm ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut ta’ kull dokument. Il-Kummissjoni hija meħtieġa twettaq evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut ta’ kull dokument meta tkun qed tistabbilixxi jekk id-dokument jew kwalunkwe parti minnu jaqax taħt eċċezzjoni għar-regola ġenerali li għandu jkun hemm aċċess għad-dokumenti kollha. Fid-9 ta’ Frar 2010, id-data tal-iskadenza tat-terminu previst mir-Regolament, il-Kummissjoni ammettiet li din l-analiżi ma kinitx twettqet fuq id-dokumenti mitluba u, sa fejn setgħet saret analiżi, din ma kinitx magħmula disponibbli għar-rikorrenti.

     

    Minbarra dan, ir-rikorrenti jsostnu li kien hemm ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 għall-applikazzjoni illegali tal-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 4(3). Il-Kummissjoni oriġinarjament talbet l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 4(3) għal bejn wieħed u ieħor mitejn dokument. Fid-9 ta’ Frar 2010, id-data tal-iskadenza tat-terminu previst fir-Regolament, il-Kummissjoni ma tatx aċċess għad-dokumenti. Sabiex tinvoka l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 4(3), il-Kummissjoni għandha turi li d-dokument jew l-informazzjoni kontenuta fih jippreġudika serjament il-proċess tagħha ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Ir-rikorrenti jallegaw li d-dokumenti li fihom informazzjoni ambjentali dwar emissjonijiet fl-ambjent, ma jippreġudikawx serjament il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u, sa fejn kwalunkwe dokument jew informazzjoni oħra jista’ jew tista’ jikwalifika jew tikwalifika għal eċċezzjoni, hemm interess pubbliku sovran għall-iżvelar.

     

    Fl-istess waqt, ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 minħabba nuqqas milli jiġu editjati dokumenti. Fil-każ fejn il-Kummissjoni tirrifjuta li tagħti aċċess għad-dokumenti mitluba, għandha tkkunsidra editjar, jekk possibbli, ta’ dawk is-sezzjonijiet li altrimenti jikkwalifikaw għal talba għall-eċċezzjoni u tagħti aċċess għal dawk il-partijiet li ma jaqgħux fl-eċċezzjoni. Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra u twettaq editjar u, b’riżultat ta’ dan, żammet informazzjoni jew partijiet minn dokumenti li altrimenti kellhom ikunu żvelati.

     

    Fl-aħħar nett, ġie sostnut li l-konvenuta kisret l-Artikolu 4(7) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għal nuqqas milli tidentifika l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 4(3). Fil-każ fejn il-Kummissjoni tirrifjuta milli tagħti aċċess għad-dokumenti mitluba jew partijiet minnhom, hija għandha tidentifika l-perijodu li fih tapplika l-eċċezzjoni. Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra u tikkomunika l-perijodu li fih tapplika kwalunkwe talba altrimenti valida għall-eċċezzjoni.


    (1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3 p. 331)

    (2)  Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13)

    (3)  Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 140, p. 16)


    Top