Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0104

    Kawża T-104/10: Rikors ippreżentat fit- 3 ta’ Marzu 2010 — Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 134, 22.5.2010, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 134/37


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2010 — Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-104/10)

    2010/C 134/65

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: J. Möller u C. von Donat, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 10561, tat-18 ta’ Diċembru 2009, li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(95) 2539, tas-27 ta’ Novembru 1995 u, l-aħħar waħda, C(1999) 3557, tal-15 ta’ Novembru 1999, għall-programm Resider II rigward Saarland (1994-1999), fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna totali mogħtija mill-FEŻR favur l-inizjattiva Komunitarja RESIDER II SAARLAND (1994-1999) fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq ħames motivi.

    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li ma hemm l-ebda bażi legali għall-kalkolu b’rata fissa u għall-estrapolazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji għall-perjodu finanzjarju 1994-1999.

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 (1), għaliex mhumiex sodisfatti r-rekwiżiti għat-tnaqqis. F’dan ir-rigward, hija ssostni, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “irregolarità”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-amministrazzjoni tal-fondi strutturali ma kinux wettqu l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 4253/88. Sabiex tiġi allegata irregolarità sistematika jonqos determinazzjoni suffiċjenti tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll meħtieġa. L-affermazzjoni ta’ żbalji sistematiċi fl-amministrazzjoni u fil-kontroll hija bbażata, min-naħa l-oħra, fil-fehma tar-rikorrenti, fuq konstatazzjonijiet ta’ fatti żbaljati. Hija tallega wkoll li elementi importanti tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ġew stabbiliti u evalwati b’mod żbaljat.

    Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni bħala t-tielet motiv tagħha l-fatt li t-tnaqqis ordnat fid-deċiżjoni kkontestata huwa sproporzjonat. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Kummissjoni ma eżerċitatx id-diskrezzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88. Barra minn hekk, il-korrezzjonijiet b’rata fissa applikati jeċċedu l-ħsara (potenzjali) lill-baġit Komunitarju. Ir-rikorrenti tqis ukoll li, min-naħa l-oħra, ġew akkumulati indiċi ta’ korrezzjoni mingħajr ma r-riżultat ma ġie kkunsidrat fid-daw tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-rikorrenti tikkunsidra wkoll li l-estrapolazzjoni ta’ żbalji magħmula mill-Kummissjoni kienet sproporzjonata minħabba li żbalji speċifiċi ma jistgħux jiġu trasposti għal assjem eteroġenu.

    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex suffiċjenti. F’dan ir-rigward, hija tallega li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax kif u għaliex il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-kalkoli b’rata fissa li hija applikat. Barra minn hekk, ma jidhirx li l-Kummissjoni eżaminat suffiċjentement l-espożizzjoni tal-fatti tal-awtoritajiet Ġermaniżi. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma ddeduċietx konsegwenzi mill-problemi osservati fil-verifiki tal-proġett imwettqa mill-awdituri esterni f’dak li jirrigwarda l-affidabbiltà tal-konklużjonijiet.

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega permezz tal-ħames motiv tagħha li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni għaliex hija qiegħda tibbaża ruħha fuq id-“dokumenti dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż” li ġew stabbiliti biss fil-perijodu finanzjarju attwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq in-nuqqas sistematiku fis-sistema ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll indipendentement mill-fatt li ġiet ikkonfermata l-kapaċità funzjonali tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll matul il-perijodu finanzjarju.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jipprovdi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 dwar il-koordinazzjoni tad-diversi attivitajiet tal-Fondi Strutturali bejniethom u bejn dawn u l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra (ĠU L 374, p. 1).


    Top