Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0121

    Kawża C-121/10: Rikors ippreżentat fil- 5 ta’ Marzu 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 134, 22.5.2010, p. 24–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 134/24


    Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Marzu 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-121/10)

    2010/C 134/36

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Di Bucci, L. Flynn, A. Stobiecka-Kuik, K. Walkerová, aġenti)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/1017/UE, tat-22 ta’ Diċembru 2009, dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Ungerija għax-xiri ta’ art agrikola bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013 (1)

    tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Meta adotta d-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kunsill ħassar l-iskop tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li rriżultat mill-approvazzjoni inkundizzjonata mir-Repubblika tal-Ungerija tal-proposta ta’ miżuri utli prevista fil-punt 196 tal-linji gwida (2) li jobbligaw lil din tal-aħħar sabiex tħassar qabel il-31 ta’ Diċembru 2009 l-għajnuna mogħtija għall-akkwist ta’ art agrikola. Taħt il-pretest ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kunsill fil-fatt ippermetta lir-Repubblika tal-Ungerija żżomm fis-seħħ din l-għajnuna matul il-perijodu kopert mil-linji gwida li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013. Iċ-ċirkustanzi evokati mill-Kunsill sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu ma jidhrux prima facie ta’ natura eċċezzjonali daqstant li jiġġustifika d-deċiżjoni meħuda, u ma jippermettux li ssir deroga mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq dan il-punt.

    Il-Kummissjoni tqajjem erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha:

    (a)

    L-ewwel nett, hija tikkunsidra li l-Kunsill ma kienx kompetenti sabiex jaġixxi skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, sa fejn l-għajnuna li huwa awtorizza kienet għajnuna eżistenti li r-Repubblika tal-Ungerija kienet intrabtet li tħassar qabel it-tmiem tal-2009 billi aċċettat il-miżuri utli li pproponiet il-Kummissjoni.

    (b)

    It-tieni nett, il-Kunsill wettaq abbuż ta’ poter, billi pprova jinnewtralizza l-idea li l-għajnuna li l-Ungerija setgħat iżomm fis-seħħ sat-tmiem tal-2009, iżda mhux wara din id-data setgħat tinżamm fis-seħħ sal-2013.

    (c)

    It-tielet nett, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali li japplika għall-Istati Membri iżda wkoll bejn l-istituzzjonijiet. Bid-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill ħeles lir-Repubblika tal-Ungerija mill-obbligu tagħha biex tikkoopera mal-Kummissjoni fil-mużuri utli aċċettati minn dan l-Istat Membru minflok l-għajnuna eżistenti għall-akkwist ta’ art agrikola fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 108(1) TFUE.

    (d)

    Fl-aħħar motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ikkunsidra li jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżura approvata.


    (1)  ĠU L 348, p. 55.

    (2)  Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu u forestali 2007-2013 (2006/C 319/01) ĠU 2006, C 319, p. 1.


    Top