Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IR0149

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju

    ĠU C 79, 27.3.2010, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 79/1


    IL-81 SESSJONI PLENARJA FIL-5 U S-7 ta’ Ottubru 2009

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju”

    (2010/C 79/01)

    I.   KUMMENTI ĠENERALI

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa’ l-fatt li matul is-sessjoni plenarja tal-Kumitat tar-Reġjuni fit-8 ta’ Ottubru 2008 l-Kummissjoni Ewropea ħabbret li ser tinbeda l-ħidma fuq strateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju bħal dik li diġà teżisti għar-reġjun tal-Baħar Baltiku (1);

    2.

    jilqa’ l-fatt li fit-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009 l-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tfassal Strateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju qabel tmiem l-2010;

    3.

    jilqa’ l-fatt li fis-27 ta’ Novembru 2008 twaqqaf il-grupp interreġjonali għad-“Danubju” li huwa msawwar minn membri ta’ gruppi politiċi differenti fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni, u jappoġġja l-ħidma ta’ dan il-grupp;

    4.

    jilqa’ l-attenzjoni li l-Parlament Ewropew ta lir-reġjun tad-Danubju, u jilqa’ wkoll l-isforzi li qed isiru sabiex jitwaqqaf grupp magħmul minn membri ta’ gruppi politiċi differenti fi ħdan il-Parlament Ewropew (2);

    5.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li strateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju taqdi l-għan li tinħoloq aktar prosperità, sigurtà u paċi għaċ-ċittadini li jgħixu fl-inħawi. Minn dan tibbenefika l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    6.

    jinnota li f’Unjoni Ewropea li issa tħaddan 27 Stat Membru l-makroreġjuni qegħdin jaqdu rwol dejjem akbar, partikolarment għall-koeżjoni territorjali tal-UE;

    7.

    jirrimarka li r-reġjun tad-Danubju jinkludi kemm il-pajjiżi li jmissu mad-Danubju kif ukoll il-pajjiżi li jinsabu fiż-żona idrografika (catchment area) tax-xmara; jinnota wkoll li r-reġjun tad-Danubju huwa magħmul minn Stati Membri tal-UE, pajjiżi kandidati tal-UE, pajjiżi kandidati potenzjali u pajjiżi li jagħmlu parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat;

    8.

    jagħmel enfasi fuq il-perspettiva Ewropea tar-reġjun tad-Danubju; fl-istess ħin jenfasizza d-dimensjoni esterna tar-reġjun tad-Danubju u jisħaq li r-reġjun tad-Danubju jista’ jkun ix-xempju tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi;

    9.

    jiġbed l-attenzjoni għar-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali kbar li saru fir-reġjun tad-Danubju mill-waqgħa tal-purtiera tal-ħadid ’l hawn. Il-Kummissjoni Ewropea inkludiet din il-bidla bħala tema għall-2009 fil-Programm ta’ Ħidma (3) tagħha u fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew “Ħames snin ta’ UE mkabbra – Kisbiet u sfidi ekonomiċi” (4).

    10.

    jagħraf l-appoġġ tar-reġjun tad-Danubju fil-livell Ewropew kif ukoll il-promozzjoni kontinwa tad-demokrazija u l-istat tad-dritt f’dan ir-reġjun, u jappoġġja b’mod partikolari l-pajjiżi fir-reġjun tad-Danubju li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea sabiex ikomplu jagħmlu progress fl-iżvilupp tad-demokrazija;

    11.

    jemmen li l-kooperazzjoni tal-livell reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni tal-prinċipji Ewropej tas-sussidjarjetà, il-prossimità u s-sħubija kif ukoll il-gvernanza responsabbli fil-pajjiżi terzi huma importanti ħafna, u jinnota l-valur miżjud tal-kooperazzjoni reġjonali u lokali fir-reġjun tad-Danubju sabiex il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali jersqu aktar lejn l-Unjoni Ewropea;

    12.

    jagħmel enfasi fuq l-għaqda kulturali u storika tradizzjonali li teżisti fir-reġjun tad-Danubju kollu, u jisħaq fuq il-kontribut tal-awtoritajiet reġjonali u lokali b’mod partikolari għal dan il-qasam;

    13.

    jieħu nota tal-kooperazzjoni, netwerks u istituzzjonijiet internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali li diġà huma attivi fir-reġjun tad-Danubju, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-esperjenza tagħhom għandha tiġi inkluża fid-djalogu mal-istituzzjonijiet Ewropej;

    14.

    jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-iżvilupp ta’ relazzjonijiet effettivi u komprensivi mal-pajjiżi ġirien u ta’ relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi adattati għall-ħtiġijiet partikolari tar-reġjuni u l-imsieħba individwali;

    15.

    jenfasizza l-importanza, ir-rwol u r-responsabbiltà partikolari tar-reġjun tad-Danubju li huwa magħmul minn Stati Membri tal-UE, pajjiżi kandidati tal-UE, pajjiżi kandidati potenzjali u pajjiżi li jagħmlu parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat. Dan ir-reġjun jirrappreżenta żona importanti fejn jiltaqgħu l-programmi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, il-miżuri għall-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali kif ukoll il-programmi maħsuba għall-pajjiżi li jagħmlu parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat;

    16.

    jisħaq fuq ir-rwol politiku li jaqdi l-Kumitat tar-Reġjuni fil-qafas strateġiku li jgħaqqad flimkien il-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-Kummissjoni Ewropea u l-istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju. Il-Kumitat tar-Reġjuni jaf x’inhuma l-ħtiġijiet lokali, u għalhekk jista’ janalizza tajjeb ħafna l-impatt ta’ dawn il-miżuri u l-programmi;

    17.

    jisħaq fuq l-importanza li l-makroreġjun tad-Danubju jiġi rikonoxxut mill-politika Ewropea ta’ koezjoni u jenfasizza r-rwol tiegħu għall-iżvilupp territorjali ġejjieni fl-UE u l-pajjiżi ġirien, bl-istess mod li huma rikonoxxuti l-Baħar Baltiku u l-Baħar l-Iswed;

    18.

    jemmen b’mod partikolari li l-kontenut tal-istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar Baltiku tista’ sservi ta’ mudell għar-reġjun tad-Danubju. Iż-żewġ makroreġjuni jħeġġu l-integrazzjoni ta’ pajjiżi li qabel kienu komunisti fl-Unjoni Ewropea u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Iż-żewġ reġjuni jirrappreżentaw l-għaqda tal-istrateġiji interni tal-UE mal-forom ta’ kooperazzjoni mal-istati barra l-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, ta’ min isemmi l-esperjenza tal-Politika Ewropea tal-Viċinat implimentata mir-reġjuni ultraperiferiċi flimkien mal-pajjiżi terzi fil-madwar;

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Strateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju

    19.

    jemmen li t-talba tal-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni biex tfassal Strateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju qabel tmiem l-2010 hija rikonoxximent tal-importanza tar-Reġjun tad-Danubju għall-iżvilupp tal-UE fil-futur u għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi ġirien; u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi lill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali fit-tfassil ta’ din l-istrateġija; tħares ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u d-diviżjoni interna tal-kompetenzi tagħhom matul l-implimentazzjoni, kif ukoll taħdem mal-istituzzjonijiet eżistenti u fil-qasam tar-rappurtar tal-obbligi u l-proċessi ta’ monitoraġġ eżistenti;

    20.

    jemmen li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet li huma responsabbli għall-iżvilupp reġjonali, għandhom ikunu msieħba ewlenin fi kwalunkwe strateġija għad-Danubju. Dawn jagħtu kontribut konsiderevoli billi jiżviluppaw b’suċċess il-kunċett tal-koeżjoni territorjali u l-kooperazzjoni transkonfinali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet involuti fis-setturi tal-ekonomija, ix-xjenza, il-kultura, l-organizzazzjonijiet ambjentali u l-istituzzjonijiet soċjali jaqdu rwol importanti f’dan ir-rigward;

    21.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li – kif ħabbret il-Kummissjoni Ewropea – l-awtoritajiet lokali u reġjonali, flimkien mal-aġenziji u l-korpi li huma responsabbli għall-iżvilupp reġjonali, li minħabba li jinsabu qrib iċ-ċittadini jafu sewwa l-ħtiġijiet u l-preokkupazzjonijiet tagħhom, għandhom jaqdu rwol ċentrali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp kontinwu ta’ strateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju;

    22.

    jisħaq li l-iżvilupp tar-reġjun tad-Danubju huwa element importanti għall-integrazzjoni b’suċċess tal-istati, ir-reġjuni, il-muniċipalitajiet u ċ-ċittadini ta’ dan ir-reġjun, u jappoġġja l-isforzi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea biex jagħtu spinta ’l quddiem lil din l-integrazzjoni;

    23.

    jappoġġja l-fatt li l-Patt ta’ Stabbiltà għall-Ewropa tax-Xlokk inbidel f’netwerk ta’ kooperazzjoni reġjonali (Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, KKR) li jaħdem taħt it-tmexxija ġenerali tal-Proċess ta’ Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk (SEECP). Dan il-punt ta’ referenza reġjonali ser ikun siewi għall-ħtiġijiet u l-eżiġenzi partikolari tar-reġjun tad-Danubju;

    Oqsma ta’ politika strateġiċi

    24.

    jemmen li l-oqsma ta’ politika strateġiċi tat-trasport, il-ħarsien tal-ambjent u s-sigurtà tal-enerġija, l-ekonomija, is-sigurtà, l-edukazzjoni u l-kultura, ix-xogħol, is-saħħa u l-affarijiet soċjali huma l-oqsma ewlenin tal-istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju;

    25.

    jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi territorjali kbar fl-attività ekonomika fir-reġjun tad-Danubju, u jħoss li l-inklużjoni tar-reġjun tad-Danubju fost il-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea għall-2010 u l-fatt li r-reġjun tad-Danubju jiġi kkunsidrat bħala unità waħda ewlenija huma kundizzjonijiet essenzjali għat-tisħiħ tal-integrazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tiegħu;

    It-trasport

    26.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex, b’konformità mal-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli, tqis ir-rwol speċjali li d-Danubju jista’ jaqdi fil-futur bħala rotta tat-trasport u tal-ilma fl-Ewropa, li jista’ jnaqqas b’mod sinifikattiv il-konġestjoni fir-rotot tat-trasport Ewropej l-oħra. L-iżvilupp tal-infrastruttura – kemm fuq l-ilma kif ukoll fuq l-art – ser jgħin lir-reġjun kollu jaqdi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu bħala pont bejn il-Lvant u l-Punent kif ukoll bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u fuq kollox biex isaħħaħ il-kompetittività tiegħu stess;

    27.

    huwa favur l-implimentazzjoni rapida tal-proġetti tal-infrastruttura fil-qasam tat-TEN-T għaliex dawn jikkontribwixxu bil-kbir biex ir-reġjun tad-Danubju jingħaqad aħjar mar-rotot tat-trasport Ewropej li diġà jeżistu u biex il-pajjiżi tad-Danubju jkollhom konnessjonijiet aktar effiċjenti. F’dan ir-rigward iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li qed jieħdu sehem biex jipproponu soluzzjonijiet anke għal dawk il-problemi u d-diffikultajiet li ilhom żmien twil iħabbtu wiċċhom magħhom, u dawn is-soluzzjonijiet għandhom jiġu implimentati fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli;

    28.

    jenfasizza li t-trasport u l-ħarsien tal-ambjent m’għandhomx jeskludu lil xulxin iżda għandhom jimxu id f’id; jagħmel enfasi fuq il-fatt li l-għan ewlieni għandu jkun l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun tad-Danubju u li l-prinċipji ta’ tmexxija stabbiliti fl-Istqarrija Konġunta dwar l-Iżvilupp tan-Navigazzjoni Interna u l-Ħarsien Ambjentali fil-Baċir tax-Xmara tad-Danubju adottata mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tad-Danubju (ICPDR) u l-Kummissjoni Internazzjonali tal-Baċir tax-Xmara Sava (ISRBC) għandhom jiġu applikati;

    Il-ħarsien tal-ambjent u s-sigurtà tal-enerġija

    29.

    jisħaq li l-kooperazzjoni transkonfinali hija essenzjali fl-oqsma tal-ambjent, tal-ġlieda konġunta kontra l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u tal-protezzjoni mill-għargħar;

    30.

    jaħseb li l-pajjiżi tar-reġjun tad-Danubju għandhom rwol importanti fis-sigurtà tal-enerġija, u jenfasizza wkoll ir-rwol tad-Danubju li, bħala sors tal-enerġija naturali u rinnovabbli, joffri potenzjal sinifikattiv għall-enerġija idroelettrika; l-użu ta’ dan is-sors għandu jiġi mħeġġeġ l-aktar f’dawk l-oqsma fejn l-ekoloġija u l-ekonomija jistgħu jinġiebu f’armonija ma’ xulxin;

    31.

    f’dan il-kuntest jagħmel referenza għal konvenzjonijiet bħall-konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni għall-ħarsien u l-użu sostenibbli tad-Danubju (il-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tad-Danubju li waqqfet il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tad-Danubju (ICPDR) (5), li daħlet fis-seħħ fl-1998 u l-Konvenzjoni Qafas dwar il-protezzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-Karpazji (il-Konvenzjoni tal-Karpazji). L-Istqarrija Konġunta dwar l-Iżvilupp tan-Navigazzjoni Interna u l-Ħarsien Ambjentali fil-Baċir tax-Xmara tad-Danubju (6) hija eżempju tajjeb ta’ din il-kooperazzjoni;

    32.

    iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tar-reġjun tad-Danubju, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet li huma responsabbli għall-iżvilupp reġjonali, jikkooperaw fil-programmi ambjentali appoġġjati mill-Kummissjoni Ewropea, bħall-Programm LIFE+ (ir-riġenerazzjoni tax-xmajjar u taż-żoni madwar ix-xmajjar), il-programmi Ewropej fil-qasam tal-kooperazzjoni territorjali (ETC) u l-programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa (IEE) bil-għan li jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ proġetti lokali ta’ netwerking fil-qasam tal-enerġija fost l-awtoritajiet lokali taż-żona;;

    33.

    jenfasizza li l-miżuri marbuta mal-implimentazzjoi tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-preservazzjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut. Fid-Danubju hemm ħafna stokkijiet ta’ ħut differenti, fosthom ħafna speċijiet ta’ ħut endemiċi u li għalhekk għandhom bżonn ta’ protezzjoni partikolari;

    34.

    jenfasizza l-importanza ta’ approċċi Komunitarji sostenibbli fil-qasam tat-turiżmu. Pereżempju, il-pajjiżi tad-Danubju jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni ta’ bejniethom fl-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet ta’ Espoo (7), ta’ Aarhus (8) u ta’ Bern (9). L-eżempju tal-passaġġi għar-roti tad-Danubju juri l-frott li tista’ tħalli tali kooperazzjoni għall-partijiet ikkonċernati kollha.

    35.

    jemmen li l-iskambju tal-esperjenzi f’dawn l-oqsma bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet li huma responsabbli għall-iżvilupp reġjonali, huwa utli għall-iżvilupp globali tar-reġjun tad-Danubju. Bis-saħħa tal-kompetenzi speċjalizzati tagħhom u l-għarfien li għandhom dwar is-sitwazzjoni lokali, dawn l-awtoritajiet jiggarantixxu li l-approċċi komuni jiġu implimentati b’mod għaqli. Il-ftehimiet u l-kooperazzjoni li diġà jeżistu bejn il-gvernijiet ta’ ħafna pajjiżi u reġjuni li jinsabu fir-reġjun tad-Danubju juru kif tista’ tiżviluppa l-kooperazzjoni b’rabta ma’ għan partikolari;

    L-ekonomija

    36.

    jinnota li l-Danubju għandu jiġi kkunsidrat ukoll bħala xprun sabiex l-ekonomija tar-reġjun tkompli tiżviluppa, billi jgħaqqad, pereżempju, ir-rotot ta’ fuq l-ilma ma’ dawk ta’ fuq l-art, kif ukoll il-portijiet u ċ-ċentri tal-ekonomija fir-reġjun;

    37.

    jisħaq fuq l-importanza ta’ proġetti transkonfinali li jistgħu jgħinu lir-reġjuni tal-fruntiera jegħlbu l-iżolazzjoni ekonomika tagħhom u jiżviluppaw il-kompetittività u l-istabbiltà tagħhom;

    38.

    jirrimarka li r-reġjuni u l-muniċipalitajiet għandhom rwol ċentrali x’jaqdu billi jappoġġjaw il-kuntatti mal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju;

    39.

    fil-fehma tal-Kumitat, huwa importanti immens li l-proġetti transkonfinali u transnazzjonali, inklużi dawk ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, tal-atturi ekonomiċi u soċjali u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu promossi aktar. Hawnhekk għandu jiġi żgurat li jintużaw is-sinerġiji bejn il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali (Objettiv 3) u l-programmi tal-Objettivi 1 u 2. B’hekk il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-muniċipalitjiet tar-reġjun tad-Danubju li jinsabu barra l-UE jersqu aktar lejn l-Unjoni Ewropea, u jixxerrdu b’mod speċjali l-valuri tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fost il-popolazzjoni lokali; jagħti importanza speċjali lit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-oqsma tal-iżvilupp teknoloġiku u r-riċerka, abbażi tal-potenzjal disponibbli (riżorsi umani, infrastruttura) bil-għan li jinkiseb żvilupp ekonomiku sostenibbli fir-reġjun tad-Danubju;

    40.

    jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-pajjiżi li jmissu mad-Danubju jieħdu l-miżuri xierqa bil-għan li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jieħdu sehem fir-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) fil-ġejjieni, b’konformità mar-Regolament (KE) 1082/2006;

    Is-sigurtà

    41.

    ifakkar li mid-Danubju jgħaddi ħafna traffiku u fil-ġejjieni dan it-traffiku ser ikompli jiżdied; għaldaqstant jisħaq fuq l-importanza li jittieħdu miżuri sabiex tittejjeb is-sigurtà tat-trasport;

    42.

    b’rabta ma’ dan jagħmel referenza għall-Konvenzjoni ta’ Belgrad (10) li tirregola n-navigazzjoni fid-Danubju;

    43.

    iħeġġeġ lill-pajjiżi li jmissu mad-Danubju biex ikomplu jiġġieldu flimkien kontra kull xorta ta’ kriminalità transkonfinali, b’mod partikolari l-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-drogi, l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin;

    44.

    jisħaq fuq il-fatt li s-sigurtà ambjentali hija aspett importanti tas-sigurtà, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni tat-tniġġis u l-għargħar transkonfinali;

    L-edukazzjoni u l-kultura

    45.

    jagħmel enfasi fuq ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-promozzjoni tad-djalogu interkulturali. Billi l-popolazzjoni tagħhom ħafna drabi tkun eteroġena, il-bliet u r-reġjuni huma adatti ħafna sabiex jappoġġjaw id-djalogu interkulturali u d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet permezz tal-esperjenzi diretti tagħhom;

    46.

    jenfasizza l-importanza tal-attivitajiet kulturali reġjonali għall-integrazzjoni Ewropea, peress li dawn iservu ta’ pont mar-reġjuni ta’ oriġini li jinsabu fil-pajjiżi li jmissu mad-Danubju;

    47.

    jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati l-ġemellaġġi bejn il-bliet, bħal pereżempju n-netwerk DonauHanse®, għaliex dawn huma miżura essenzjali sabiex jitwettaq il-motto Ewropew “Magħquda fid-diversità” bis-saħħa tal-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea. Id-djalogu ma jikkontribwixxix biss biex jingħelbu l-preġudizzji interkulturali, iżda jibni wkoll il-qafas għall-kooperazzjoni ekonomika u soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, u b’hekk jippromovi l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona;

    48.

    jirrimarka li l-istituzzjonijiet bħall-Akkademja Ewropea tad-Danubju, l-Università Gyula Andrássy f’Budapest jew l-Istitut għar-Reġjun tad-Danubju u l-Ewropa Ċentrali jistgħu jaqdu rwol importanti billi jiġbru flimkien il-potenzjal attwali u jistabbilixxu miri ġodda;

    Ix-xogħol, is-saħħa u l-affarijiet soċjali

    49.

    jaħseb li s-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) u s-Sena Ewropea tal-Volontarjat (2011) joffru l-okkażjoni biex wieħed jenfasizza li flimkien mal-iżvilupp soċjali tar-reġjun tad-Danubju għandha tiġi żviluppata wkoll l-ekonomija sabiex is-soċjetà tikkonvinċi ruħha mill-vantaġġi tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini kollha;

    50.

    jirringrazzja lill-atturi kollha li jieħdu ħsieb l-iskambju tal-esperjenzi mal-organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi bil-għan li jiġi aċċellerat l-iżvilupp fil-qasam soċjali u tas-saħħa, u jistedinhom ikomplu jipprovdu dan l-appoġġ fil-livelli kollha;

    Reġjun wieħed għall-finijiet tal-għoti ta’ fondi mill-UE

    51.

    jinnota li r-rwol tal-iżvilupp tar-reġjuni kompetittivi li jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi tal-futur kulma jmur qiegħed jikber minħabba l-globalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona;

    52.

    jirrimarka li fil-perijodu ta’ programmazzjoni attwali (2007-2013), għall-finijiet tal-għoti ta’ fondi mill-UE, ir-reġjun tad-Danubju huwa maqsum f’żewġ żoni transnazzjonali li jidħlu parzjalment f’xulxin: l-Ewropa ċentrali u l-Ewropa tax-Xlokk. Il-qsim tar-reġjun tal-Ewropa ċentrali u tal-Ewropa tax-Xlokk, li qabel kien reġjun wieħed, għall-finijiet tal-għoti ta’ fondi mill-UE f’żewġ żoni – il-Baħar Baltiku u l-Eġew (CADSES) – jista’ b’mod partikolari fir-reġjun tad-Danubju jkollu impatt kontroproduttiv fuq il-koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika. Minħabba l-importanza ġeografika, kulturali u storika tiegħu, speċjalment għall-koeżjoni bejn l-Ewropa tal-Lvant u l-Ewropa tal-Punent, ir-reġjun tad-Danubju għandu dimensjoni politika u strateġika partikolari. Fid-dawl tal-importanza ġeopolitika tiegħu, dan l-aspett jista’ jiġi kkunsidrat bl-aħjar mod f’żona ta’ kooperazzjoni waħda;

    53.

    għaldaqstant jinnota li, sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ekonomiku, soċjali, ambjentali u kulturali tiegħu, ir-reġjun tad-Danubju għandu jiġi kkunsidrat bħala żona Ewropea transnazzjonali waħda għall-finijiet tal-għoti ta’ fondi mill-UE. Jekk ir-reġjun tad-Danubju jitqies bħala żona waħda għall-finijiet tal-għoti ta’ fondi mill-UE:

    ikun jista’ jsir l-aktar użu effiċjenti mir-riżorsi ta’ dan ir-reġjun, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ politika strateġiċi tal-infrastruttura, ir-rotot fuq l-ilma, il-protezzjoni mill-għargħar, l-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija, l-ekonomija sostenibbli kif ukoll il-politika ambjentali,

    il-potenzjal ekonomiku komuni jkun jista’ jiġi sfruttat bis-sħiħ u b’mod sostenibbli,

    tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali,

    ir-reġjun tad-Danubju jitqies bħala wirt kulturali, naturali u storiku komuni tal-Ewropa kollha;

    54.

    iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej biex fil-perijodu ta’ programmazzjoni li jmiss jittrattaw ir-reġjun tad-Danubju bħala żona transnazzjonali waħda għall-finijiet tal-għoti ta’ fondi mill-UE. L-istrumenti IPA u ENPI huma miżuri flessibbli biex jintegraw bis-sħiħ il-pajjiżi kandidati, il-kandidati potenzjali u l-pajjiżi terzi f’din iż-żona. It-tisħiħ ta’ dawn l-istrumenti jgħin fl-iżvilupp koerenti tar-reġjun tad-Danubju. B’rabta ma’ dan, ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-istrumenti ta’ appoġġ FEŻR, IPA u ENPI u għall-programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea għandha tinġabar flimkien u tiġi implimentata minn servizz wieħed fi ħdan il-Kummissjoni.

    Brussell, 7 ta’ Ottubru 2009.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    (1)  Il-Kummissarju tal-UE Hübner titlob strateġija Ewropea għad-Danubju IP/08/1461.

    (2)  Dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Victor Boştinaru u Daciana Octavia Sârbu dwar il-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma responsabbli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġija għad-Danubju (PE422.681v01-00) li tressqet fit-23 ta’ Marzu 2009.

    (3)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2009 – Naġixxu issa għal Ewropa aħjar”; COM(2008) 712 finali.

    (4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew “Ħames snin ta’ UE mkabbra – Kisbiet u sfidi ekonomiċi”; COM(2009) 79 finali.

    (5)  Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni għall-ħarsien u l-użu sostenibbli tad-Danubju; iffirmata nhar id-29 ta’ Ġunju 1994 f’Sofija (mhux disponibbli bil-Malti).

    (6)  http://www.icpdr.org/icpdr-pages/navigation_and_ecology_process.htm (mhux disponibbli bil-Malti).

    (7)  Konvenzjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent fil-kuntest transkonfinali; iffirmata nhar il-25 ta’ Frar 1991 f’Espoo (mhux disponibbli bil-Malti).

    (8)  Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam ambjentali; iffirmata nhar il-25 ta’ Ġunju 1998 f’Aarhus (mhux disponibbli bil-Malti).

    (9)  Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-pjanti u l-annimali selvaġġi u l-ħabitats naturali tagħhom; iffirmata nhar id-19 ta’ Settembru 1979 f’Bern (mhux disponibbli bil-Malti).

    (10)  Konvenzjoni dwar ir-regolazzjoni tan-navigazzjoni fid-Danubju; iffirmata nhar it-18 ta’ Awwissu 1948 f’Belgrad (mhux disponibbli bil-Malti).


    Top