Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0261

    Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta' Ġunju 2008 dwar Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni (2007/2287(INI))

    ĠU C 285E, 26.11.2009, p. 61–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 285/61


    Il-Ħamis, 5 ta’ Ġunju 2008
    Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni

    P6_TA(2008)0261

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Ġunju 2008 dwar Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni (2007/2287(INI))

    2009/C 285 E/10

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur fis-suq waħdieni (COM(2007)0226)

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istħarriġ tas-settur tal-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (rapport finali) (COM(2007)0033),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar inkjesta settorjali skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar assigurazzjoni lill-impriżi (rapport finali) (COM(2007)0556),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21” (COM(2007)0724), u b’mod partikolari d-dokument ta’ ħidma marbut miegħu mis-servizzi tal-Kummissjoni dwar inizjattivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur (SEC(2007)1520),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 358/2003 tas-27 ta’ Frar 2003 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 (3) tat-Trattat KE għal ċerti kategoriji ta’ ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni (1),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu stabbilita fit-tieni qari tas-16 ta’ Jannar 2008 dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-għan li tkun adottata direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur u li titħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2007 dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti (3),

    wara li kkunsidra riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-politika tas-servizzi finanzjarji (2005-2010) — White Paper (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2006 dwar il-konsolidazzjoni tal-industrija tas-servizzi finanzjarji (5),

    wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0187/2008),

    A.

    billi l-approvazzjoni taċ-ċittadini favur l-integrazzjoni Ewropea tiddependi mill-vantaġġi konkreti li jieħdu minnha; billi ċ-ċittadini kollha, għalhekk, għandu jkollhom sehem xieraq fit-tgawdija mill-vantaġġi tas-suq intern,

    B.

    billi l-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur għandhom irwol deċiżiv fir-trażmissjoni xierqa tal-kundizzjonijiet tal-politika monetarja għas-suq, partikularment għall-konsumaturi u impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs),

    C.

    billi skond it-Trattat ta’ Liżbona, il-mudell ekonomiku Ewropew huwa l-ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli;

    D.

    billi reċentement l-integrazzjoni tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji għamlet progress mgħaġġel fir-rigward ta’ negozji kbar, iżda s-suq internwieħed ta’ servizzi finanzjarji għall-konsumaturi u l-SMEs għadu jista’ jitjieb,

    Ġenerali

    1.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Green Paper li tkopri l-banek, l-assigurazzjoni u l-prodotti tal-pensjoni, kif ukoll dwar l-għanijiet tagħha, li huma li toffri vantaġġi konkreti għall-konsumaturi permezz ta’ għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi, titjib fil-fiduċja tal-konsumaturi u aktar poteri lilhom;

    2.

    Jinnota li mhux biss klijenti privati iżda wkoll negozji żgħar u medji jaċċettaw anqas is-servizzi finanzjarji transkonfinali; jenfasizza l-ħtieġa li l-vantaġġi tas-suq finanzjarju intern jibbenefika wkoll in-negozji ż-żgħar; jiġbed l-attenzjoni madanakollu li dan ma jimplikax estensjoni tal-liġi tal-protezzjoni tal-konsumatur għall-SMEs; Jenfasizza, barra minn hekk, li strateġija komprensiva għall-konsumatur tinkludi numru kbir ta’ miżuri, li waħda minnhom hija l-liġi tal-protezzjoni tal-konsumatur;

    3.

    Iqis li, min-naħa tad-domanda, il-forniment ta’ servizzi finanzjarji għall-konsumaturi u SMEs se tibqa’ l-biċċa l-kbira kwistjoni lokali, minħabba fatturi lingwistiċi u kulturali u l-preferenza tan-nies għall-kuntatt personali; jirrikonoxxi, fl-istess waqt, l-opportunitajiet ippreżentati bl-iffaċilitar tal-aċċess tas-swieq għall-konsumatur fuq in-naħa tal-offerta; għalhekk lill-konsumaturi u lill-SMEs biex jieħdu vantaġġ tal-benefiċċji li l-kompetizzjoni u l-provvista ta’ servizzi finanzjarji transkonfinali jistgħu joffru;

    4.

    Jenfasizza li suq intern ta’ servizzi finanzjarji għall-konsumaturi jista’ jinħoloq biss permezz ta’ miżuri li b’mod bilanċjat jipprovdu ambjent mingħajr riskji kemm għad-domanda u kemm għall-provvistainkluż fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-kumpens; iqis li hu kruċjali li miżuri bħal dawn għandhom jiftħu l-possibilitajiet għal prodotti, servizzi u parteċipanti tas-suq ġodda;

    5.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu eżaminati u ddefiniti oqsma u mandati nazzjonali favur koperazzjoni fost awtoritajiet ta’ superviżjoni biex jipprovdu soluzzjonijiet prattiċi għas-superviżjoni ta’ gruppi ta’ operazzjonijiet finanzjarji transkonfinali f’perjodu ta’ żmien qasir; jiffavorixxi kulleġġi ta’ superviżuri li jittrattaw konglomerati finanzjarji multi-ġurisprudenzjali;

    Regolamentazzjoni aħjar

    6.

    Jappoġġja lill-Kummissjoni fil-għan tagħha biex issegwi biss inizjattivi li b’mod ċar joffru liċ-ċittadini benefiċċji tanġibbli, li huma ġustifikati sewwa permezz ta’ analiżi ddettaljati tar-relazzjoni bejn l-ispiża u l-qligħ u li kienu suġġetti għal studji mmexxija sew dwar l-impatt tagħhom; jaqbel li attività transkonfinali hija kruċjali biex tiżdied il-kompetizzjoni, fatt li ġeneralment joħloq iktar għażla, inqas spejjeż u żvilupp iktar dinamiku;

    7.

    Jiġbed l-attenzjoni li studju mmexxi sew dwar l-impatt dejjem għandu jinkludi rendikont korrett li jiżgura l-kundizzjonijiet oriġinali tas-suq; jenfasizza li l-evalwazzjoni tal-integrazzjoni u l-kompetitività ta’ suq u l-impatt ta’ inizjattiva għandhom jiġu evalwati mhux biss permezz ta’ indikatur wieħed waħdu iżda abbażi tal-akbar numru possibbli ta’ valuri ta’ kejl; jitlob lill-Kummissjoni biex tqis mhux biss il-prezz u l-varjetà ta’ offerta tas-suq iżda wkoll il-kwalità tas-servizzi u l-kuntest soċjali u kulturali;

    8.

    Jiġbed l-attenzjoni li l-approċċi leġiżlattivi li bħalissa huma disponibbli mmiraw li jkun hemm armonizzazzjoni sħiħa, li jfisser armonizzazzjoni sħiħa ta’ dawk l-elementi ewlenin li huma meqjusa meħtieġa, huma l-approċċi xierqa għall-iżvilupp ta’ negozju transkonfinali u għall-protezzjoni tal-konsumatur u għalhekk l-integrazzjoni tas-suq tal-konsumaturi; iqis li fil-każ ta’ aspetti li l-armonizzazzjoni tagħhom ma tkunx fattibbli, għandu japplika r-rikonoxximent reċiproku rigward regoli nazzjonali differenti;

    9.

    Jinsab konxju li l-alternattiva tat-28 reġim, bħall-Qafas Komuni ta’ Referenza, ġie identifikat bħala approċċ possibbli ġdid għar-regolamentazzjoni Ewropea, li jippermetti lill-utenti transkonfinali aċċess għall-prodotti finanzjarji pan-Ewropej bi standard għoli b’mod ugwali għall-protezzjoni tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq limitu ta’ żmien sabiex issir investigazzjoni ddettaljata dwar jekk it-28 reġim jistax ikun fattibbli, fil-każ ta’ talba min-naħa tal-industrija tas-servizzi finanzjarji jew mill-konsumaturi u jekk f’dak il-każ tistax tipproduċi riżultati pożittivi; jenfasizza li t-28 reġim bl-ebda mod ma għandu jostakola s-servizzi u l-prodotti l-ġodda;

    10.

    Mhux konvint dwar l-idea ta’ standardizzazzjoni tal-prodotti permezz tal-leġiżlazzjoni, minħabba li dan jimmina l-għan ta’ diversità akbar tal-prodotti; iqis li biex titjieb il-kompatibilità ta’ prodotti finanzjarji li jikkompetu ma’ xulxin, l-uniku pass ’il quddiem huwa l-armonizzazzjoni legali pereżempju ta’ informazzjoni jew ta’ ħtiġijiet prudenzjali;

    11.

    Iqis li f’ċertu każijiet, l-awtoregolazzjoni tal-industrija tas-servizzi finanzjarji tista’ tkun effettiva; jenfasizza li b’mod partikolari f’dawn il-każijiet speċifiċi, l-awtoregolazzjoni għandha tkun inkoraġġita u l-implimentazzjoni tagħha għandha tkun immoniterjata sew; jitlob lill-industrija tas-servizzi finanzjarji biex taħdem kostantement favur l-għanijiet tal-Green Paper permezz ta’ awtoregolazzjoni u b’hekk tonqos il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni;

    12.

    Jirrimarka li fil-kummerċjalizzazzjoni tat-tfaddil u tal-pensjonijiet tax-xjuħija trid tiġi applikata responsabilità ta’ attenzjoni partikulari, minħabba li d-deċiżjonijiet li jieħdu l-konsumaturi f’dan il-qasam normalment ikunu deċiżjonijiet ta’ importanza kbira għalihom;

    Għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi u l-SMEs

    13.

    Jenfasizza li, għall-ħolqien ta’ suq intern tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi u l-SMEs, il-ħolqien ta’ kompetizzjoni madwar il-Komunità u l-forniment ta’ servizzi finanzjarji transkonfinali huma fost ir-rekwiżit fundamentali; jiġbed l-attenzjoni li prezzijiet aktar baxxi, iżjed għażla u kwalità aħjar prinċipalment jirriżultaw minn kompetizzjoni b’saħħitha bejn il-fornituri tas-servizzi finanzjarji; jenfasizza li d-direttivi dwar is-servizzi finanzjarji favur l-SMEs se jkollhom benefiċċji biss jekk ikun hemm kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi;

    14.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-industrija biex tinħoloq Zona Euro Unika ta’ Pagamenti, iżda jenfasizza li sistema bħal din għandha twassal għal iżjed trasparenza, speċjalment fir-rigward tal-miżati tal-iskambju (interchange fees);

    15.

    Ifakkar lill-Kummissjoni li kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri tas-servizzi finanzjarji hija garantita billi jkun hemm numru kbir ta’ parteċipanti fis-suq li jikkompetu b’kundizzjonijiet ugwali u informazzjoni kostanti relatata mal-konsumatur; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-konsolidazzjoni tal-industrija tas-servizzi finanzjarji, li fiha jistqarr li l-istruttura pluralistika tas-suq bankarju tal-UE, fejn l-istituzzjonijiet finanzjarji jista’ jkollhom forom legali differenti skond l-għanijiet differenti tagħhom tan-negozju, hija vantaġġ kbir għall-ekonomija tas-suq soċjali Ewropew; għall-konsumatur u għall-istabbilità tas-swieq finanzjarji;

    16.

    Jinnota l-irwol importanti li għandhom l-assiguraturi reċiproċi fis-suq tal-assigurazzjoni tal-UE, b’68 % ta’ kumpaniji tal-assigurazzjoni u 25 % tas-sehem fis-suq, li jaqdu iżjed minn 230 miljun ċittadin Ewropew; jenfasizza li l-għodod attwali tal-iżvilupp tan-negozju fis-suq intern m’humiex kompatibbli mal-istruttura korporattiva reċiproka;

    17.

    Jirrimarka li statut għal soċjetà reċiproka Ewropea għandha tippermetti lill-assiguraturi reċiproċi li jaħdmu bl-istess kundizzjonijiet bħall-intrapriżi tal-assigurazzjoni l-oħrajn, b’mod partikulari f’sitwazzjoni transkonfinali, u b’hekk tiżdied l-offerta tal-prodotti tal-assigurazzjoni; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet reċiproċi, minħabba t-tmexxija tagħhom li tinvolvi b’mod dirett lill-konsumaturi, jikkontribbwixxu għal żieda fil-kunfidenza ġenerali tal-konsumatur fis-swieq finanzjarji tal-UE; jemmen bil-qawwa li l-fasla parteċipattiva tat-tmexxija f’organizzazzjonijiet reċiproċi għandha l-ħila żżid l-għarfien tal-konsumaturi tas-swieq finanzjarji u l-parteċipazzjoni tagħhom fihom;

    18.

    Jinnota li kompetizzjoni vera u ġusta tista’ tinħoloq biss meta jkun hemm kundizzjonijiet ġusti u l-istess; jikkonkludi li kull leġiżlazzjoni għandha ssegwi l-prinċipju ta’ “i-istess negozji, l-istess riskji, l-istess regoli”; ifakkar, madankollu, li fis-settur tas-servizzi finanzjarj, id-disinn tal-prodotti huwa partikolarment influwenzat mill-ambjent regolatorju u approċċ fejn “qies wieħed jiġi lil kulħadd” jaffettwa d-diversità tal-prodott b’mod negattiv; jenfasizza għalhekk l-importanza li jsir divrenzjar skond it-tip ta’ prodott; Jinsab konvint madanakollu li hemm bżonn ta’ trasparenza komparabbli u rekwiżiti ta’ żvelar għall-prodotti ta’ investiment li qed jikkompetu ma’ xulxin, b’mod partikolari fil-punt tal-bejgħ; jiddispjaċih li s’issa l-kwistjoni ta’ prodotti finanzjari komplessi ma ġietx indirizzata kif suppost; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza inkonsistenzi mhux ġustifikati u nuqqasijiet oħra tal-qafas regolatorju kkonċernat;

    19.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti biex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti regolatorji fir-rigward tad-distribuzzjoni u l-organizzazzjoni ta’ prodotti għall-konsumatur komparabbli u t-tagħrif dwarhom; barra minn hekk huwa tal-fehma li proposti bħal dawn għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 2004/39/KE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fi strumenti finanzjarji, bħal m’huma dawk ta’ “l-aħjar parir” u “kun af il-klijent tiegħek”;

    20.

    Jiddispjaċih li fornituri transkonfinali tas-servizzi finanzjarji ikollhom spejjeż kbar u jbatu minn inċertezza legali bħala riżultat tad-dispożizzjonijiet legali differenti u prattika differenti tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll; jitlob lill-Kumitati Lamfalussy biex isaħħu l-ħidma tagħhom għall-istabbiliment ta’ standards uniformi tal-UE; jiffavorixxi, b’mod partikolari, qbil fuq formoli sempliċi u prattiċi standardizzati għall-proċeduri ta’ rappurtar u ta’ awtorizzazzjoni;

    21.

    Iqis, li l-iżvilupp ta’ servizzi tal-Internet jibdel il-prospetti għas-swieq finanzjarji tal-UE u jippreżenta opportunità biex inkunu minn ta’ quddiem fl-iżvilupp tas-servizzi għall-konsumatur; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu aktar l-e-commerce u l-firma elettronika; jitlob ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jevalwaw jekk id-direttiva dwar il-ħasil tal-flus (7) hiex qiegħda tostakola l-forniment tas-servizzi minn distanza u kif din is-sitwazzjoni tista’ tiġi rranġata;

    22.

    Jirrikonoxxi l-importanza kbira ta’ intermedjarji tas-servizzi finanzjarji (aġenti u brokers), fil-forniment tas-servizzi finanzjarji minn Stati Membri oħra lill-konsumaturi u lill-SMEs; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura qafas li jsaħħaħ dan is-settur industrijali; Jerġa’ jtenni li kwalunkwe qafas għal dan is-settur għandu jimxi mal-prinċipju “l-istess negozju, l-istess riskji, l-istess regoli”, filwaqt li jkun evitat l-aproċċ mhux adattat sew ta’ “qies wieħed jiġi lil kulħadd”; jenfasizzali kwalunkwe dispożizzjoni għal intermedjarji għandha tiżgura ċertezza legali għall-aġenti u brokers, kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi, pereżempju minn prattiki ta’ bejgħ dubbjużi; jenfasizza barra minn hekk li għandhom jiġu stabbiliti wkoll regoli dwar it-taħriġ ta’ intermedjarji tas-servizzi finanzjarji u tar-reklamar u tal-konsulenza tal-bejgħ;

    23.

    Ifakkar fl-importanza tal-edukazzjoni finanzjarja li qed tiżviluppa bħala kumpliment għall-protezzjoni adegwata tal-konsumatur; jitlob lill-Istati Membri u lill-partijiet kollha interessati sabiex jieħdu u jikkoordinaw miżuri sabiex iżidu l-litteriżmu finanzjarju fost iċ-ċittadini — inkluż fost it-tfal, iż-żgħażagħ, l-impjegati u l-irtirati — bi l-għan li l-konsumatur ikollu aktar poter u jkun aktar edukat sabiex ikun jista’ jfittex prodotti u servizzi aħjar, orħos u li jkunu tajbin għalih, tittejjeb il-kompetizzjoni, il-kwalità u l-innovazzjoni fi ħdan l-industrija u jinbnew organizzazzjonijiet ta’ konsumaturi litterati fil-qasam finanzjarju li jservu ta’ kontrapiż għall-irwol tan-negozju fil-proċess ta’ preparazzjoni tar-regolament; ifakkar li ċittadini li huma konfidenti fl-investiment jistgħu jipprovdu likwidità addizzjonali għas-swieq kapitali;

    24.

    Ifakkar li differenzi fil-liġi dwar it-taxxi huma waħda mill-ostakli għas-suq intern għas-servizzi finanzjarji; ifakkar lill-Istati Membri fir-responsabilità kbira tagħhom f’dan is-settur;

    25.

    Jitgħallem minn ċertu eżempji ta’ taqlib bankarju li ġara dan l-aħħar, bħall-każijiet li involvew Northern Rock, IKB, Sachsen LB u Societe Generali, u jirrikonoxxi li s-sistemi ta’ remunerazzjoni fil-banek għandhom jingħataw forma ġdida fuq il-bażi ta’ linji gwida minn awtoritajiet superviżorji sabiex jiġu miġġielda b’aktar effiċjenza fenomini ta’ periklu morali u jiġi msaħħaħ l-irwol tas-sistemi prudenti ta’ ġestjoni ta’ riskju;

    Banek

    26.

    Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li isitituzzjonijiet ta’ kreditu u intermedjarji ta’ dejta dwar kreditu jkollhom aċċess transkonfinali mingħajr diskriminazzjoni għar-reġistri ta’ dejta dwar kreditu u dwar frodi; iħeġġeġ lill-banek biex jużaw l-informazzjoni dwar dejta ta’ kreditu disponibbli, speċjalment sabiex tkun iffaċilitata l-mobilità tal-klijenti, li tħeġġeġ kompetizzjoni tajba; madankollu, jenfasizza li fl-istess ħin għandha tiġi garantita protezzjoni tajba ħafna tad-dejta tal-konsumatur kif ukoll ikun garantit id-dritt tal-konsumatur li jispezzjona u, jekk ikun neċessarju, jikkoreġi d-dejta personali tiegħu;

    27.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiċċara l-istejtus legali u l-qafas superviżorju tal-fornituri tal-kreditu lill-konsumaturi mhux bankarji bħal dawk li huma aċċessibbli biss permezz tal-Internet u/jew permezz ta’ messaġġ testwali;

    28.

    Jenfasizza l-importanza ta’ dejta affidabbli għall-għoti ta’ self bankarju, li għandu jkun disponibbli fuq il-bażi ta’ kriterji ġusti u trasparenti;

    Assigurazzjoni

    29.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-koperazzjoni fl-industrija tal-assigurazzjoni fil-promozzjoni tal-aċċess għas-suq; jitlob lill-Kummissjoni biex testendi r-Regolament (KE) Nru 358/2003 għal wara l-2010;

    30.

    Iqis t-tneħħija tar-rekwiżit li għabdi jinħatar rappreżentant fiskali meta jibdew attivitajiet fi Stat Membru ieħor għandu jkun possibbli biss jekk ikun hemm il-qafas legali li jiddefinixxi l-kompetenzi superviżorji u r-responsabilitajiet ta’ operazzjonijiet transkonfinali;

    31.

    Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha li teżamina d-dispożizzjonijiet kollha nazzjonali obbligatorji ta’ interess ġenerali għall-konformità tagħhom mal-liġi Komunitarja;

    32.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli il-ħidma tagħha fuq Statut għas-soċjeta reċiproka Ewropea billi tagħti bidu għal studju ta’ fattibilità għal dak il-proġett leġiżlattiv;

    Titjib fil-fiduċja tal-konsumatur u aktar poteri f’idejn il-konsumatur

    33.

    Jenfasizza li, filwaqt li jitlob li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur timmira dejjem għal standards ta’ ħarsien għall-konsumatur għolja ħafna, l-operaturi tas-suq kollha — inklużi l-konsumaturi/investituri — jeħtieġ li jkunu kompletament konxji tal-prinċipju bażiku tas-suq finanzjarju li kwalunkwe opportunità ta’ profitti ogħla hija riflessa minn riskju ogħla, u dak ir-riskju huwa element indispensabbli ta’ kwalunkwe suq finanzjarju funzjonali; jisħaq ukoll fuq il-punt li għandu jsir sforz li jintlaħaq kompromess tajjeb bejn l-ogħla livell ta’ ħarsien għall-konsumatur u l-iffunzjonar perfett tal-mekkaniżmi tas-suq intern; hu tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi inizjattivi nazzjonali li jwasslu fehim finanzjarju ħalli tassigura komprensjoni eżatta tal-prinċipju ta’ riskju-redditu kif ukoll tal-karatteristiċi speċifiċi tal-istrumenti finanzjarji;

    34.

    Jirrikonoxxi l-fatt li għalkemm id-domanda għall-finanzi atl-konsumatur illum primarjament hija waħda domestika, l-operazzjonijiet bankarji permezz tal-Internet u b’mezzi elettroniċi (e-banking) saru strumenti ewlenin għall-konsumaturi li jkunu jixtiequ jidħlu f’attivitajiet finanzjarji ta’ natura transkonfinali għall-konsumatur; għalhekk, jistieden lil dawk kollha interessati biex jippromwovu l-iżvilupp ta’ servizzi bħal dawn, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw is-sigurtà tal-korrispondenza elettronika, b’mod partikulari fir-rigward tal-konsumaturi;

    35.

    Jisħaq, madankollu, li l-konsumaturi li m’għandhomx aċċess għal dawn it-teknoloġiji jew li għandhom diffikultà biex jużawhom, per eżempju minħabba l-età tagħhom, m’għandhomx jintesew;

    36.

    Huwa tal-fehma li s-simplifikazzjoni tar-regoli tas-servizzi finanzjarji u t-tneħħija tal-ostakoli għall-mobilità tal-konsumatur m’għandhomx iwasslu biex fl-Istati Membri jitbaxxew l-istandards għall-ħarsien tal-konsumatur;

    37.

    Jieħu nota tar-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2007 b’mod partikulari r-rakkomandazzjoni li fiha għall-ħolqien ta’ “linja baġitarja Ewropea li tiffinanzja kompetenza fis-suq finanzjarju fl-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-SMEs”;

    38.

    Jaqbel li konsumaturi li jixtiequ jibdlu l-fornitur tas-servizzi finanzjarji għandhom ikunu fil-libertà li jagħmlu dan fi kwalunkwe ħin, suġġett biss għall-inqas xkiel legali u spejjeż, u li klawsoli kuntrattwali li jirregolaw dan it-tip ta’ bidla tal-fornitur għandhom jiġu mfassla f’lingwaġġ trasparenti u li jinftiehem malajr u għandu jitpoġġa għall-attenzjoni tal-konsumaturi b’mod espliċitu;

    39.

    Jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni li tgħolli l-livell tal-fehim finanzjarju u jirrealizza li hem mil-ħtieġa ta’ tagħrif biex tagħmel dan, iżda fl-istess ħin jagħraf it-tensjoni bejn il-prevenzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ tagħrif żejjed u sitwazzjoni fejn il-konsumaturi jingħataw tagħrif suffiċjenti; jiffavorixxi l-kwalità fuq il-kwantità; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistieden lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur biex jiddeterminaw liema informazzjoni huma jqisu bħala essenzjali biex il-konsumatur ikun jista’ jagħmel l-għażla t-tajba; jenfasizza li għandha ssir distinzjoni ċara bejn informazzjoni u parir;

    40.

    Jenfasizza li l-konsumaturi jeħtieġu l-kunfidenza u għarfien xieraq biex jagħmlu l-għażla ta’ prodott finanzjarju tajjeb; ikompli jenfasizza li għalhekk hemm bżonn ta’ sforzi koordinati fil-livell nazzjonali u fil-livell Ewropew sabiex jittejbu l-livelli tal-fehim finanzjarju fl-Istati Membri kollha;

    41.

    Jitlob li l-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għal mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) barra mill-qorti biex jiġu solvuti tilwimiet fuq kwistjonijiet ta’ servizzi finanzjarji għall-konsumatur kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi “l-aħjar prattiki” fl-ADR;

    42.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu fil-konsumaturi l-għarfien u l-konoxxenza tan-network ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim finanzjarju ta’ skemi nazzjonali ta’ ilmenti barra mill-qrati fil-pajjiżi taż-Țona Ekonomika Ewropea (FIN-NET); jenfasizzaa li l-FIN-NET għandu jkollu rwol ewlieni fl-Istati Membri kollha fil-koordinazzjoni tal-informazzjoni għall-pubbliku dwar l-aċċess għall-mekkaniżmi ta’ rimedju u ta’ ADR, b’mod partikulari fir-rigward tas-servizzi finanzjarji transkonfinali;

    43.

    Ifakkar fil-fatt li litigazzjoni konvenzjonali fil-qorti se tibqa’ mekkaniżmu importanti għas-soluzzjoni tat-tilwim; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-effett li għandu r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fuq servizzi finanzjarji transkonfinali għall-konsumatur (8);

    44.

    Jappoġġja l-fatt li għandha tinstab soluzzjoni koerenti fuq livell Ewropew li tkun tipprovdi lill-konsumaturi aċċess għal forom ġodda bilanċjati ta’ rimedju kollettiv għar-riżoluzzjoni ta’ lmenti transkonfinali li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti finanzjarji għall-konsumatur; jissuġġerixxi li jiġi evalwat l-impatt ta’ sistemi stabbiliti reċentement fil-livell nazzjonali;

    45.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess għas-servizzi finanzjarji għall-partijiet interessati kollha; għalhekk iħeġġeġ lill-fornituri tas-servizz finanzjarji sabiex lill-konsumaturi li jesprimu interess joffrulhom għall-inqas kont b’sistema giro ibbażat fuq il-kreditu.

    *

    * *

    46.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat ta’ Superviżuri Bankarji Ewropej, lill-Kumitat ta’ Superviżuri tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet Ewropej u l-Kumitat ta’ Regolaturi tat-Titoli Ewropej.


    (1)  ĠU L 53, 28.2.2003, p. 8.

    (2)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0011.

    (3)  Test adottati, P6_TA(2007)0615.

    (4)  Testi Adottati P6_TA(2007)0338.

    (5)  ĠU C 303E, 13.12.2006, p. 110.

    (6)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

    (7)  Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-money laundering u tal-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p.15).

    (8)  (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.).


    Top