Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0247

    Regoli u proċeduri tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni effiċjenti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politika tal-kummerċ Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta' Ġunju 2008 dwar regoli u proċeduri tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni effiċjenti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politika tal-kummerċ (2007/2256(INI))

    ĠU C 285E, 26.11.2009, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 285/1


    Il-Ħamis, 5 ta' Ġunju 2008
    Regoli u proċeduri tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni effiċjenti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politika tal-kummerċ

    P6_TA(2008)0247

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar regoli u proċeduri tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni effiċjenti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politika tal-kummerċ (2007/2256(INI))

    2009/C 285 E/01

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikoli 23 sa 31, 95, 133 u 135,

    wara li kkunsidra t-Trattat ta' Liżbona tat-13 ta' Diċembru 2007 li qiegħed jiġi ratifikat bħalissa mill-Istati Membri,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni li twaqqaf il-Kunsill għall-Koperazzjoni Doganali, iffirmata fi Brussell fil-15 ta' Diċembru 1950 u li daħlet fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 1952,

    wara li kkunsidra l-ftehima ġenerali dwar tariffi doganali u l-kummerċ (GATT) ta' 1-1994 u b'mod partikulari l-Artikoli V, VIII u X,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li ġiet adottata f'Singapore fit-13 ta' Diċembru 1996, u b'mod partikulari l-punt numru 21 tagħha,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ministerjali tad-WTO adottata f'Doha fl-14 ta' Novembru 2001 u b'mod partikulari l-punt numru 27 tagħha,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fl-1 ta' Awissu 2004 u b'mod partikulari l-Anness D tagħha dwar il-Modalitajiet għan-Neguzjati għall-Faċilizzazzjoni tal-Kummerċ,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tad-WTO adottata f'Hong Kong fit-18 ta' Diċembru 2005 u b'mod partikulari tal-punt 33, kif ukoll l-Anness E tagħha;

    wara li kkunsidra r-rapporti tal-Grupp Speċjali u tal-Korp għar-Riżoluzzjoni ta' Tilwim fl-WTO fil-każ “Komunitajiet Ewropej — Ċerti Kwistjonijiet Doganali” (WT/DS315),,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (1),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fit-tieni qari tad-19 ta' Frar 2008 dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' regolament dwar it-twaqqif tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (Kodiċi Doganali Aġġornat) (2),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr l-użu ta' karti għad-dwana u l-kummerċ (3),

    wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għad-dwana fil-Komunità (Dwana 2013) (COM(2006)0201),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Marzu 2005 dwar ir-regoli dwar l-oriġini fl-iskemi kummerċjali preferenzjali — Linjigwida għall-Ġejjieni (COM(2005)0100),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' April 2008 bl-isem “Strateġija għall-futur tal-unjoni doganali” (COM(2008)0169),

    wara li kkunsidra l-abbozz għar-regolament (TAXUD 2046/2007) tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta' oriġini tas-sistema ta' preferenzi ġenerali li qed jiġi eżaminat mill-Kumitat għall-Kodiċi Doganali,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Simplifikazzjoni u l-Armonizzazzjoni tal-Proċeduri Doganali (Konvenzjoni ta' Kyoto) hekk kif ġiet emendata,

    wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Komunitajiet Ewropej mal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) u l-eżeċizzju b'mod tranżitorju ta' drittijiet u obbligi identiċi għal dawk tal-membri ta' din l-organizzazzjoni (COM(2007)0252),

    wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2007 tad-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali dwar “L-Irwol Ġejjieni tad-Dwani”,

    wara li kkunsidra s-seduti ta' smigħ li saru fid-19 ta' Diċembru 2007 fil-Parlament mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali dwar “Regoli u proċeduri effikaċi għall-importazzjoni u l-esportazzjoni fil-politika kummerċjali”,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0184/2008),

    A.

    billi l-unjoni doganali hija wieħed mill-istrumenti storiċi li fuqu nbniet l-integrazzjoni ekonomika u politika tal-Kontinent Ewropew;

    B.

    billi l-kunċetti ta' unjoni doganali u ta' politika kummerċjali komuni huma koeżistenti b'mod reċiproku,

    C.

    billi l-r-regoli u l-proċeduri tal-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-Unjoni Ewropea għad għandhom irwol essenzjali għall-operat tajjeb tas-suq intern;

    D.

    billi l-politika kummerċjali komuni matul is-snin għaddiet minn żviluppi importanti li kienu, u għadhom, jeħtieġu l-adattazzjoni permanenti tar-regoli u tal-proċeduri għall-importazzjoni u l-esportazzjoni;

    E.

    billi l-politika komuni kummerċjali ma tistax taħdem mingħajr l-appoġġ ta' regoli u proċeduri effikaċi għall-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-merkanzija;

    F.

    billi s-simplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri għall-importazzjoni u l-esportazzjoni fl-Unjoni Ewropea u fil-livell internazzjonali jikkostitwixxu sfidi strateġiċi għall-kompetettività internazzjonali;

    G.

    billi qies il-problemi speċifiċi li jiltaqgħu magħhom l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) sabiex jifhmu u jużaw ir-regoli u l-proċeduri doganali, li bosta drabi jimpedixxu l-aċċess faċli ta' dawn intrapriżi għall-kummerċ internazzjonali u ma jħalluhomx jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet li toffri l-globalizzazzjoni;

    H.

    billi evalwazzjoni korretta tal-klassifikazzjoni tariffarja, tal-oriġini u tal-valur tal-merkanzija importata hija indispensabbli għall-applikazzjoni tat-tariffa doganali komuni, tal-preferenzi tariffarji, tal-miżuri kontra d-dumping u kontra s-sussidji u ta' serje sħiħa ta' strumenti oħrajn tal-politika kummerċjali;

    I.

    billi r-regoli u l-proċeduri doganali li jkunu restrittivi wisq jew li jimxu bil-mod jfixklu l-iskambji internazzjonali ta' merkanzija u huma meqjusa mill-operaturi ekonomiċi, b'mod partikulari mill-SMEs, bħala fost l-ostakoli prinċipali mhux tariffarji għall-kummerċ;

    J.

    billi l-irwol tad-dwani llum il-ġurnata jmur lilhinn mis-sempliċi ġbir ta' ħlasijiet doganali, li hija funzjoni importanti imma li tul il-ħamsa u għoxrin sena li għaddew rat tnaqqis konsiderevoli, u jorjenta ruħu aktar lejn applikazzjoni ta' miżuri mhux tariffarji, b'mod partikulari rigward is-sikurezza u s-sigurtà, il-ġlieda kontra l-iffalsifikar, il-moneylaundering u d-drogi, kif ukoll lejn l-applikazzjoni ta' miżuri li jirrigwardaw is-saħħa, l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur, biex ma nsemmux ukoll il-ġbir tal-VAT u tas-sisa fuq l-importazzjoni kif ukoll l-eżentar minn dawn it-taxxi fl-esportazzjoni, u naturalment, ir-rispett tal-politiki kummerċjali tal-Unjoni.

    K.

    billi qies l-isforzi li saru wara Awissu 2004 fil-qafas tad-WTO u taċ-ċiklu ta' Doha biex tiġi neguzjata ftehima multilaterali mandatorja rigward il-faċilizzazzjoni tal-kummerċ, kif ukoll id-diffikulatajiet iffaċċjati minn bosta pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jiffinanzjaw il-miżuri għall-fruntieri li ġew proposti f'dawn in-neguzjati;

    L.

    billi qies id-diffikultajiet partikulari li sabu l-pajjjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-implimentazzjoni tas-sistemi doganali effikaċi, b'mod partikulari f'dak li jirrigwarda l-infrastrutturi, it-tagħmir, kif ukoll it-taħriġ u l-integrità tal-persunal,

    M.

    billi l-iskop essenzjali tal-faċilizzazzjoni tal-kummerċ għandu jkun jaqbel mal-iskop xejn anqas fundamentali tal-effikaċità tal-kontrolli,

    N.

    billi t-tħassib rigward is-sigurtà tal-persuni u tal-beni għandhom irwol kbir ħafna fid-definizzjoni u l-applikazzjoni ta' regoli u proċeduri doganali, b'mod partikulari f'ċerti pajjiżi li huma msieħba kummerċjali kbar tal-Unjoni,

    O.

    billi l-istandards Ewropej tal-protezzjoni tal-konsumaturi, b'mod partikulari fir-rigward tas-saħħa u tas-sigurtà, għandhom jiġu applikati għall-prodotti kollha li jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa ġewwa s-suq komuni Ewropew, ikun xi jkun l-oriġini tagħhom,

    P.

    billi rikors akbar għall-informatika u għal teknoloġiji moderni oħrajn għat-trattament ta' tranżazzjonijiet doganali u għall-kontroll tal-merkanzija jirriżultaw f'kisbiet konsiderevoli f'termini ta' effikaċità u ta' rapidità,

    Q.

    billi qies il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati r-restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-interoperabilità assoċjata mal-użu ta' tagħmir bħal dan, kif ukoll l-ispejjeż involuti għal dan l-użu għall-amministrazzjonijiet konċernati u għall-operaturi ekonomiċi,

    R.

    billi t-Trattat tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li fost l-objettivi fundamentali mistqarra fl-Artikolu 3, paragrafu 5 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 2 (5) attwali hekk kif modifikat mill-Artikolu 1, punt 4, tat-Trattat ta' Liżbona), l-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha; billi t-Trattat imsemmi jiddisponi wkoll, fl-Artikolu 3, paragrafu 2 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 2 (2) attwali, kif modifikat wkoll mill-Artikolu 1, punt 4, tat-Trattat ta' Liżbona) li l-Unjoni toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta' libertà, ta' siġurtà u ta' ġustizzja mingħajr fruntieri interni li fih huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni, flimkien ma' miżuri xierqa relevanti, b'mod partikulari rigward il-kontroll tal-fruntieri esterni,

    S.

    billi għalkemm ir-regoli u l-proċeduri doganali tal-Unjoni huma definiti u adottati fil-livell Komunitarju, l-implimentazzjoni effettiva tagħhom tiddependi mill-azzjoni tal-amministrazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri,

    T.

    billi qies l-importanza tal-irwol li għandha d-WCO fil-promozzjoni tal-kummerċ permezz tal-koperazzjoni doganali internazzjonali;

    L-importanza tar-regoli u l-proċeduri għall-importazzjoni u l-esportazzjoni

    1.

    Jenfasizza l-importanza tal-effikaċità tar-regoli u tal-proċeduri doganali li jirrigwardaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni fl-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali;

    2.

    Ifakkar li l-effikaċità ta' kwalunkwe miżura tal-politika kummerċjali tiddependi ħafna mill-kapaċità tal-Unjoni li tiżgura li jkunu applikati tajjeb; li l-istess jgħodd b'mod partikulari għall-miżuri ta' difiża kummerċjali u ta' preferenzi tariffarji ta' kull tip li l-Unjoni tagħti lid-diversi msieħba tagħha; li miżura li mhix applikabbli, jew li hi diffiċli biex tiġi applikata fil-livell doganali, hija miżura li ma taħdimx fil-livell kummerċjali u li tista' ġġib magħha distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u ħsara ekonomika, soċjali u/jew ambjentali kollaterali bla qies;

    3.

    Jiddeplora li “l-prattikabilità doganali” ta' ċerti inizjattivi tal-politika kummerċjali m'hijiex dejjem evalwata u meqjusa tajjeb; ifakkar, bħala eżempju, fil-problemi li nstabu fl-implimentazzjoni tal-memorandum ta' ftehima maċ-Ċina tal-10 ta' Ġunju 2005 dwar l-importazzjoni ta' prodotti tat-tessuti u ħwejjeġ;

    4.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' koperazzjoni aħjar bejn is-servizzi tal-Kummissjoni li huma inkarigati mill-politika kummerċjali u dawk inkarigati mill-politika doganali, b'mod partikulari permezz ta' integrazzjoni aktar sistematika ta' dawn fit-timijiet li jinnegozjaw ftehimiet kummerċjali;

    5.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikulari għall-problemi li jiffaċċjaw l-SMEs, b'mod partikulari billi tgħin fl-adozzjoni tas-sistemi kompjuterizzati tagħhom għal dawk użati fl-amministrazzjoni doganali bl-inqas spejjeż possibbli u billi tissimplifikalhom l-modalitajiet biex jinkiseb l-istejtus ta' operatur ekonomiku akkreditat;

    6.

    Jilqa' d-dħul tal-Komunità Ewropea bħala membru sħiħ tad-WCO mill-1 ta' Lulju 2007, dħul li jikkonferma l-kompetenza internazzjonali tagħha fil-qasam tal-politika doganali u dan ma jistax għajr isaħħaħ il-koeżjoni interna tagħha; jitlob li l-Kummissjoni tagħti l-appoġġ tagħha lil din l-organizzazzjoni;

    Klassifikazzjoni tat-tariffi, valur, oriġini u skemi ekonomiċi

    7.

    Ifakkar fl-importanza partikulari li għandhom ċerti regoli rigward il-klassifikazzjoni tat-tariffi, il-valur u l-oriġini — kemm dawk preferenzjali u dawk li m'humiex — tal-merkanzija;

    8.

    Jistiedem lill-Kummissjoni sabiex taħdem bla heda għal titjib ta' dawn ir-regoli, kemm fil-livell Komunitarju, kif ukoll f'dak multilaterali tad-WTO u tad-WCO, f'dak li jirrigwarda trasparenza, previżjoni, simplifikazzjoni u effikaċità;

    9.

    Jiddeplora l-imblukkar persistenti tal-eżerċizzju ta' armonizzazzjoni tar-regoli ta' oriġini mhux preferenzjali fil-livell multilaterali, eżerċizzju li nbeda fl-1995 fuq il-bażi tal-ftehima dwar ir-regoli ta' oriġini (ARO) milħuqa fi ħdan iċ-Ċiklu tal-Urugwaj; iqis li armonizzazzjoni bħal din tkun tista' tippermetti, b'mod partikulari, l-applikazzjoni aktar effikaċi u aktar ġusta ta' miżuri ta' protezzjoni kummerċjali madwar id-dinja u qafas aħjar għall-prattiki li jirrigwardaw l-immarkar tal-oriġini; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-inizjattivi kollha possibbli sabiex jerġgħu jitniedu u jiġu konklużi dawn in-negozjati fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fl-ARO;

    10.

    Jieħu nota tal-isforzi li għamlet il-Kummissjoni sabiex timmodernizza u tissimplifika r-regoli ta' oriġini preferenzjali;

    11.

    Jiddispjaċih li l-Parlament m'hux involut b'mod aktar mill-qrib, sabiex ikun jista' jeżerċita d-dritt tiegħu ta' skrutinju minn qabel fi ħdan il-proċedura ta' komitoloġija, għal proposta għal regolament tal-Kunsill għal applikazzjoni tas-sistema ta' preferenzi ġeneralizzati (GSP) li bħalissa qiegħda tiġi eżaminata mill-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għall-Kodiċi Doganali, minkejja l-importanza u l-karattru politiku sensittiv ħafna ta' din ir-riforma; jinnota madankollu li hemm maħsub li jkun hemm preżentazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament;

    12.

    Jinnota l-ilmenti kbar li ġejjin minn ċerti setturi tal-industriji tal-Komunità, bħas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ u s-settur agrikolu alimentari, rigward l-applikazzjoni uniformi tal-kriterju tal-valur miżjud; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħtu kemm jista' jkun konsiderazzjoni lil din il-kritika ġustifikata;

    13.

    Ifakkar li huwa importanti li b'mod ġenerali tingħata attenzjoni li l-preferenzi mogħtija lill-pajjiżi benefiċarji tal-iskemi preferenzjali f'ċerti setturi sensittivi jkunu protetti mill-użu ħażin minn pajjiżi terzi li huma kompetittivi ħafna permezz ta' regoli ta' oriġini li jistgħu jkunu flessibbli wisq;

    14.

    Jiddispjaċih li l-iskemi komunitarji għall-ħażna fid-dwana “customs warehousing” u l-proċeduri ta' proċessar għad-dħul u l-ħruġ għadhom sa llum ftit li xejn użati mill-impriżi Ewropej minħabba l-kumplessità tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħseb għas-simplifikazzjoni tal-iskemi ekonomiċi, l-introduzzjoni ta' proċeduri aktar flessibbli u l-eliminazzjoni ta' dokumentazzjoni bil-miktub;

    Faċilizzazzjoni tal-kummerċ

    15.

    Jagħti l-akbar importanza għan-negozjati li ilhom sejrin sa minn Awissu 2004 fi ħdan id-WTO dwar il-faċilizzazzjoni tal-kummerċ; ifakkar fil-benefiċji kbar mistennija minn ftehima ambizzjuża f'dan ir-rigward f'dak li hu tnaqqis fl-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, titjib fil-kompetittività u fl-attrazzjoni internazzjonali tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u fil-promozzjoni tal-iskambji;

    16.

    Huwa konxju tal-fatt li r-riżultati tan-negozjati dwar il-faċilizzazzjoni tal-kummerċ jirriskjaw li jġiegħlu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jimplimentaw programmi li jiswew ħafna flus li eventwalment ikun diffiċli biex jiffinanzjawhom; iqis għalhekk li bħala parti indispensabbli tar-riżultat finali tan-neguzjati l-pajjiżi żviluppati jimpenjaw ruħhom b'mod ċar li jagħtu għajnuna teknika u finanzjarja lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex dawn ikunu jistgħu jiffinanzjaw l-ispiża tal-applikazzjoni futura multilaterali u sabiex jikkonformaw u jadattaw ruħhom għaliha;

    17.

    Jenfasizza l-karattru ta' koperazzjoni kbira ta' dawn in-negozjati li ma jrendux ruħhom tajjeb għal xi neguzjati transettorjali eventwali rigward kwistjonijiet oħrajn taċ-ċiklu ta' Doha; iqis li s-suġġett tal-faċilizzazzjoni tal-kummerċ jista' jiġi konkluż u implimentat b'mod separat mingħajr riskju li jiżbilanċja ċ-ċiklu u jitlob għalhekk li dan jinħareġ mill-impenn uniku;

    18.

    Jappoġġja wkoll il-pjanijiet ambizzjużi tal-Kummissjoni li tinkludi kapitlu dwar il-faċilizzazzjoni tal-kummerċ u l-koperazzjoni doganali fil-ftehimiet ġodda kollha li hija tinnegozja għal kummerċ ħieles, bi qbil mal-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta' Ottubru 2006 bit-titlu “Ewropa kompetittiva f'ekonomija globalizzata — Kontribuzzjoni għall-istrateġija Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi” (COM(2006)0567);

    Ħidma ġdida għad-dwana

    19.

    Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi implimentat fil-livell Ewropew pjan għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-piraterija; jisħaq fuq il-ħtieġa li f'din il-kwistjoni tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-Kummissjoni bejn is-servizzi inkarigati mill-proprjetà intellettwali, mill-politika kummerċjali u mill-politika doganali, kif ukoll mal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri u bejn dawn l-awtoritajiet;

    20.

    Jilqa' l-kompromess li ntlaħaq bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar mandat sabiex ikun inneguzjat ftehim ġdid internazzjonali għal kontra l-iffalsifikar (Anti-Counterfeiting Trade Agreement (ACTA)), għaliex dan il-ftehim huwa ta' importanza kbira ħafna għall-istrateġija kummerċjali globali tal-Unjoni u se jippermetti d-dispożizzjoni ta' qafas internazzjonali ta' livell għoli sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-proprejtà intellettwali u sabiex jipproteġi kontra serq industrijali lil min jipproduċi u lill-konsumaturi mir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà assoċjati ma' prodotti falsifikati;

    21.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-merkanzija importata sabiex tiġi kummerċjalizzata fl-Unjoni Ewropea tilħaq l-istandard Ewropew għall-protezzjoni tal-konsumaturi, b'mod partikulari f'dik li hi saħħa u sigurtà, sabiex ma jitħallewx jidħlu prodotti jew sustanzi li jistgħu jkunu perikolużi għall-konsumaturi;

    Tnaqqis tal-libertà bl-iskuża tas-sigurtà

    22.

    Jagħraf li t-tħassib rigward is-sigurtà tal-persuni u tal-beni huwa leġittimu, iżda jinsisti fuq il-ħtieġa li jinsab bilanċ tajjeb bejn il-kontroll u l-faċilizzazzjoni sabiex ma jkunx hemm tfixkil bla bżonn jew eċċessiv fil-kummerċ internazzjonali; iqis madankollu li d-dwani għandhom irwol primarju fl-implimentazzjoni sħiħa u kompleta tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, kemm fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-konsumatur, u dan l-irwol m'għandux jiġi kompromess minn dispożizzjonijiet għall-faċilizzazzjoni tal-kummerċ;

    23.

    Jappoġġja l-Qafas tal-Istandards tas-SAFE (faċilizzazzjoni u sikurezza tal-iskambji kummerċjali) adottat mill-Kunsill tad-WCO fl-2005; jaqbel perfettament mal-opinjoni tad-WCO li “la hu aċċettabbli u lanqas utli li jiġu spezzjonati l-kunsinni kollha”;

    24.

    Jiddeplora bil-qawwa l-adozzjoni f'Lulju tal-2007 mill-Kungress Amerikan tal-leġiżlazzjoni msejħa “HRI” introdotta b'mod unilaterali mill-Istati Uniti li teżiġi li jkun hemm scanning tal-kontejners kollha destinati għaliha mill-2012; jiddubita kemm se tkun effikaċi miżura bħal din u kemm hija kompatibbli mar-regoli tad-WTO; jibża' li meta tiġi implimentata se twaqqaf l-iżvilupp tal-kummerċ tranżatlantiku;

    25.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li skambji siguri huma ta' importanza partikulari għal ekonomija dinjija li hija dejjem aktar integrali; iħeġġeġ lid-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi (TLD) u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw l-isforzi tagħhom sabiex il-leġiżlazzjoni Amerikana li tipprevedi scanning tal-kontejners kollha destinati għall-Istati Uniti tiġi modifikata u tintegra approċċ bbażat fuq ir-riskji; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq din il-kwistjoni quddiem il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC); jappella sabiex jiġi promoss għarfien reċiproku ta' “operaturi ekonomiċi awtorizzati” u tal-istandards tas-sigurtà adottati mid-WCO (C-TPAT, qafas ta' standards ta' SAFE);

    In-nuqqas persistenti ta' armonizzazzjoni

    26.

    Ifakkar li l-kompatibilità tas-sistema doganali tal-Unjoni mar-regoli tad-WTO ġiet essenzjalment konfermata fl-appell tal-każ WT/DS315 mill-Korp għar-Riżoluzzjoni ta' Tilwim tad-WTO u jilqa' dan ir-riżultat;

    27.

    Madankollu jinnota li kemm l-imsieħba kummerċjali tagħna, kif ukoll l-operaturi ekonomiċi Ewropej infushom, għadhom qed jitolbu armonizzazzjoni akbar bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja;

    28.

    Jinnota li kultant jinstabu ċerti diskrepanzi li jagħmlu ħsara bejn l-Istati Membri, pereżempju dwar l-impożizzjoni tal-VAT u l-importazzjoni, il-kundizzjonijiet tal-aċċess għal ċerti proċeduri simplifikati, il-frekwenza ta' kontrolli fiżiċi ta' merkanzija u dwar sanzjonijiet;

    29.

    Iqis li għandu jsir kull sforz sabiex jiġi żgurat trattament ugwali għall-operaturi ekonomiċi fit-territorju doganali kollu tal-Komunità għaliex huwa prerekwiżit essenzjali għaż-żamma tal-integrità tas-suq intern, għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iż-żamma tal-kompetenzi esterni tagħha — b'mod partikulari fil-politika kummerċjali — u sabiex tiżgura r-rispett tal-impenji internazzjonali tagħha;

    30.

    Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha li għandhom l-iskop li jkabbru l-koeżjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex jgħinu s-sinerġiji, jimplimentaw sistemi ġodda ta' komunikazzjoni u ta' użu komuni ta' informazzjoni, jiżviluppaw prattiċi aħjar u sabiex jiskambjaw persunal u esperjenzi hekk li jippermettu li dawn l-amministrazzjonijiet diversi jiffunzjonaw fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja daqs li kieku huma amministrazzjoni waħda;

    31.

    Jenfasizza l-importanza kruċjali f'dan ir-rigward ta' strumenti bħal ma huma t-tariffa integrata tal-Komunità (TARIC), l-informazzjoni doganali li torbot (EBTI) u l-qafas komuni għall-immaniġġjar tar-riskji; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ikomplu jipperfezzjonaw dawn l-istrumenti u sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tagħhom;

    32.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa tal-istandardizzazzjoni tal-liġi rigward provi jew l-iffissar tar-regoli minimi komuni, u sabiex tingħata attenzjoni għall-implimentazzjoni uniformi mis-27 Stat Membru tar-regolamenti komunitarji li jirrigwardaw id-dwana, b'mod partikulari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (4);

    33.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinkludi fil-proposti tagħha dispożizzjonijiet preċiżi rigward sanzjonijiet amministrattivi u kastigi penali għal ksur tad-dispożizzjonijiet doganali previsti fl-Artikoli 135 u 280 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, kif modifikati mill-Artikoli 2, punt 45, u l-Artikolu 2, punt 276 tat-Trattat ta' Liżbona;

    34.

    Jiddispjaċih dwar ir-retiċenza tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li f'dan l-istadju jikkunsidraw strutturi ġodda biex jiggarantixxu l-applikazzjoni unformi tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistudjaw bis-serjetà l-idea li jingħaqdu flimkien is-servizzi doganali tal-Unjoni Ewropea sabiex ikun hemm tqarrib lejn amministrazzjoni tal-Komunità inkarigata mill-unjoni doganali biex ikun hemm implimentazzjoni aktar effikaċi tar-regoli u tal-proċeduri doganali fit-territorju doganali kollu tal-Unjoni Ewropea;

    *

    * *

    35.

    Jitlob lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, kif ukoll lill-pajjiżi kandidati u lil pajjiżi kandidati għaż-żewġ organizzazzjonijiet.


    (1)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

    (2)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0049.

    (3)  ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21.

    (4)  ĠU L 196, 2.8.2003, p.7.


    Top