Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0173

Il-politika taċ-Ċina u l-effetti tagħha fuq l-Afrika Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' April 2008 dwar il-politika taċ-Ċina u l-effetti tagħha fuq l-Afrika (2007/2255(INI))

ĠU C 259E, 29.10.2009, pp. 41–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 259/41


Il-politika taċ-Ċina u l-effetti tagħha fuq l-Afrika

P6_TA(2008)0173

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2008 dwar il-politika taċ-Ċina u l-effetti tagħha fuq l-Afrika (2007/2255(INI))

(2009/C 259 E/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-djalogu politiku UE-Ċina, li kien stabbilit formalment fl-1994 bħala rikonoxximent tal-istejtus taċ-Ċina bħala potenza dinjija futura u b'mod partikolari l-obbligi internazzjonali fit-tul inerenti f'dak l-istejtus,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “Politika għal Żmien Twil għar-Relazzjonijiet Ċina-Ewropa” (COM(1995)0279) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 1997 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal politika għal żmien twil għar-relazzjonijiet Ċina-Ewropa (1),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) tat-8 ta' Settembru 2000,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing tal-Forum dwar il-Koperazzjoni Ċina-Afrika (FOCAC) u l-Programm tiegħu għall-Koperazzjoni Ċina-Afrika fl-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ta' Ottubru 2000,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kajr (2000) tas-Samit Afrika-Ewropa taħt l-awspiċju tal-Organizzazzjoni tal-Unjoni Afrikana (OAU) u l-UE,

wara li kkunsidra r-rapport tal-2001 tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) bit-titolu ’Il-linji gwida DAC’; Strateġiji għal Żvilupp Sostenibbli; Gwida għal Koperazzjoni għall-Iżvilupp',

wara li kkunsidra l-Att Kostituttiv tal-Unjoni Afrikana (AU), li kien adottat fil-11 ta' Lulju 2000 u li daħal fis-seħħ fis-26 ta' Mejju 2001, u d-dokument tal-mexxejja Afrikani ta' Ottubru 2001 bit-titolu “Is-Sħubija l-Ġdida għall-Iżvilupp tal-Afrika” (NEPAD), li kien iddikjarat li hu programm tal-AU fl-ewwel Samit AU,

wara li kkunsidra d-dokumenti tal-politika taċ-Ċina dwar l-UE (2003) (2) u dwar il-Politika Afrikana (2006) (3),

wara li kkunsidra d-dokument tal-politika tal-Kummissjoni bit-titolu “Sħubija li qed timmatura — interessi u sfidi komuni fir-relazzjonijiet UE-Ċina”, (COM(2003)0533) approvat mill-Kunsill Ewropew fit-13 ta' Ottubru 2003,

wara li kkunsidra l-Isħubija Strateġika UE-Ċina mnedija fl-2003,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' Addis Ababa tal-FOCAC, ippubblikat f'Diċembru 2003,

wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku 2004-2007 tal-Kummissjoni tal-AU adottat fis-7 ta' Lulju 2004 waqt it-tielet Samit tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern Afrikani li sar f'Addis Ababa, l-Etjopja,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna approvata fit-2 ta' Marzu 2005, wara l-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, minn diversi pajjiżi Ewropej u Afrikani kif ukoll miċ-Ċina,

wara li kkunsidra l-impenji ta' Gleneagles adottati mill-G8 fi Gleneagles fit-8 ta' Lulju 2005,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2005 dwar “L-UE u l-Afrika: Lejn Sħubija Strateġika”,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet adottati mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (GAERC), waqt il-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2005, liema konklużjonijiet jesprimu l-appoġġ tal-UE għal Trattat Internazzjonali dwar il-Kummerċ tal-Armi fil-qafas tan-NU, li se jistabbilixxi standards komuni vinkolanti għall-kummerċ globali fl-armi konvenzjonali (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “UE-Ċina: Imsieħba eqreb, responsabbilitajiet ikbar” (COM(2006)0631) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni relatat miegħu bit-titlu “Imsieħba eqreb, Responsabbilitajiet Ikbar: Dokument ta' politika dwar il-kummerċ u l-investiment UE-Ċina: Kompetizzjoni u Sħubija” (COM(2006)0632),

wara li kkunsidra d-disa' Samit UE-Ċina li sar fil-Finlandja f'Settembru 2006 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fil-konklużjoni tiegħu,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-GAERC dwar iċ-Ċina, adottati fil-11 ta' Diċembru 2006,

wara li kkunsidra l-Karta tan-NU u r-riżoluzzjoni 1674 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Protezzjoni taċ-Ċittadini f'Kunflitt Armat,

wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni, il-Ġlieda u l-Eliminazzjoni tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Żgħar u Ħfief fl-Aspetti kollha tiegħu (5),

wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-Politika tal-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: Il-Konsensus Ewropew (6) (2006),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006 dwar ir-Relazzjonijiet UE-Ċina (7),

wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Afrika, u l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika u l-Pjan ta' Azzjoni (2007) u s-Sħubija UE-Afrika dwar il-Kummerċ u l-Integrazzjoni Reġjonali kif ukoll dwar ix-Xjenza, is-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Ispazju,

wara li kkunsidra t-tnedija tas-Sħubija UE-Afrika dwar l-Infrastruttura (2007), li tirrifletti l-bżonn għall-investiment fil-konnessjonijiet tal-infrastruttura (it-trasport, l-enerġija, l-ilma u l-ICT) sabiex ikun iffaċilitat l-iżvilupp sostenibbli,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Business Forum UE-Afrika fl-okkażjoni tat-Tieni Samit UE-Afrika (2007),

wara li kkunsidra r-rapport ta' nofs iż-żmien tal-2007 tan-NU dwar l-Objettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) li jgħid li l-Afrika tas-Sub Sahara m'hix qiegħda fi triqitha lejn il-kisba ta' ebda wieħed mill-MDGs u li l-pass attwali tal-isforzi biex jittaffa l-faqar fl-Afrika jridu jirduppjaw jekk il-mira tal-MDGs li l-popolazzjoni li tgħix f'faqar estrem tonqos bin-nofs, trid tintlaħaq sa l-2015,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “Mill-Kajr sa Liżbona — L-Isħubija Strateġika UE-Afrika”, (COM(2007)0357) u d-Dokument Konġunt tal-Kummissjoni/Segretarjat tal-Kunsill “Lil Hinn Minn Liżbona, Nagħmlu s-Sħubija Strateġika UE-Afrika taħdem” (SEC(2007)0856),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija għaċ-Ċina tal-UE (2007-2013) u l-Programm Indikattiv Plurijennali 2007-2010 (8), li jalloka EUR 128 miljun f'għajnuna għall-koperazzjoni għall-iżvilupp mill-UE għaċ-Ċina,

wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tal-10 Samit UE-Ċina adottata f'Beijing fit-28 ta' Novembru 2007,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0080/2008),

A.

billi l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika jista' jitrawwem b'mod sinifikanti jew jista' jitwettaq permezz tal-azzjonijiet ta' potenzi ġodda, bħaċ-Ċina,

B.

billi l-Istati Afrikani huma primarjament responsabbli għall-impatt politiku, soċjali, ekonomiku u ambjentali tal-preżenza ta' ċittadini, organizzazzjonijiet u gvernijiet barranin fuq it-territorji tagħhom,

C.

billi kemm l-UE u kemm iċ-Ċina huma impenjati li jikkontribwixxu għall-paċi, għas-sigurtà u għall-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika,

D.

billi l-UE hija l-ikbar donatur ta' għajnuna għall-Afrika u l-ikbar sieħeb kummerċjali; billi ċ-Ċina ħabbret żieda fil-koperazzjoni ekonomika u fil-wegħdiet ta' għajnuna u sa l-2010 hija tista' ssir l-ikbar sieħeb kummerċjali tal-Afrika,

E.

billi l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli Afrikan għandha tiżgura li l-involviment ta' parteċipanti mhux Afrikani ma jfixkilx l-iżvilupp; billi, għal dik ir-raġuni, il-ħolqien ta' Task Force AU dwar l-Isħubijiet Strateġiċi tal-Afrika mal-Potenzi l-Ġodda hija milqugħa,

F.

billi inizjattivi li jrawmu djalogu mal-Afrika huma milqugħa, bħad-djalogi Ċina-Afrika u s-samits UE-Afrika, il- FOCAC, l-Isħubija UE-Afrika, il-Faċilitajiet UE-Afrika għall-Paċi, l-Enerġija u l-Ilma u l-Isħubija UE-Afrika dwar l-Infrastruttura, id-djalogi li saru skond il-Ftehima ta' Cotonou (9), u kwalunkwe djalogu ieħor li qed isir bejn l-UE jew iċ-Ċina u l-organizzazzjonijiet Afrikani,

G.

billi f'Novembru 2006, sar it-tielet samit tal-FOCAC f'Beijing li adotta dikjarazzjoni dwar it-twaqqif ta' “tip ġdid ta' sħubija strateġika” bejn iċ-Ċina u l-Afrika; billi din il-koperazzjoni tissodisfa kemm l-isfida tal-globalizzazzjoni ekonomika kif ukoll tippromwovi l-iżvilupp komuni, iżda numru ta' stati Afrikani li rrikonoxxew lit-Tajwan huma esklużi minnha;

H.

billi ċ-Ċina għandha responsabilità speċjali biex tikkontribwixxi għall-paċi dinjija u għas-sigurtà bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; billi l-UE tilqa' b'sodisfazzjon l-impenji taċ-Ċina f'diversi kuntesti multilaterali bħal dawk taħt l-awspiċju tan-Nazzjonijiet Uniti (UN), tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), tal-Fond Monetarju Internazzjonali, tal-Bank Dinji, tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO) u tal-Protokoll ta' Kyoto,

I.

billi l-UE hija impenjata li żżid il-livell tagħha ta' Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) għal 0,7 % tal-Prodott Gross Domestiku sa l-2015 (0,56 % sa l-2010) u biex talloka għall-inqas 50 % tal-ODA tal-UE lill-Afrika; billi l-ODA tal-UE tinkludi EUR 20 biljun lill-Afrika tas-Sub Sahara mill-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2008-2013); billi l-UE allokat EUR 350 miljun għall-faċilità Afrikana għall-Paċi u EUR 5,6 biljuni għall-Isħubija Afrika-UE dwar l-Infrastruttura għall-2008-2013; billi l-UE hija kontributur ewlieni għall-missjonijiet internazzjonali għaż-żamma ta' paċi fl-Afrika, għall-Fond Globali għall-ġlieda kontra l-AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja u għal inizjattivi internazzjonali oħra b'relevanza għall-iżvilupp tal-kontinent,

J.

billi l-preżenza u l-interessi taċ-Ċina fl-Afrika qed jikbru; billi ċ-Ċina saret kontributur nett għall-Afrika tas-Sub-Sahara fl-2005 li minn dak iż-żmien żiedet il-wegħdiet ta' għajnuna tagħha, wegħdiet ta' għajnuna doppja għall-Afrika mil-livell tal-2006 sa l-2009; billi ċ-Ċina wiegħdet li twaqqaf fond għall-iżvilupp Ċina-Afrika ta' 5 biljun dollaru biex tinkoraġġixxi kumpaniji Ċiniżi biex jinvestu fl-Afrika,

K.

billi l-irwol emerġenti taċ-Ċina bħala donatur ta' għajnuna alternattiva ulterjuri hija sfida għall-approċċ kondizzjonali tal-UE lejn il-gvernijiet Afrikani, approċċ li għandu l-għan li jiżgura riformi politiċi,

L.

billi ċ-Ċina salvat 400 miljun persuna tagħha stess minn povertà estrema matul dawn l-aħħar 25 sena u, għalhekk, għandha esperjenza sinifikanti li tista' tkun utli għall-pajjiżi Afrikani; billi ċ-Ċina minkejja dan, qed taffaċċja inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi ikbar u degradazzjoni ambjentali allarmanti, filwaqt li drittijiet politiċi u libertajiet bażiċi qed ikomplu jkunu ristretti ħafna u ċ-Ċina tkompli turi standards tax-xogħol baxxi ħafna u responsabilità dgħajfa ħafna ta' tmexxija,

M.

billi ż-żieda tal-impenn għall-koperazzjoni tal-iżvilupp taċ-Ċina ma' pajjiżi Afrikani hija milqugħa, b'mod partikolari, l-għoti ta' għajnuna għall-bini ta' sptarijiet, skejjel u infrastruttura aħjar tat-trasport,

N.

billi t-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina u l-interess leġittimu li tiżviluppa lilha nnifisha qegħdin jagħmlu ż-żieda tal-bżonnijiet tagħha għar-riżorsi naturali u tal-enerġija u l-akkwist tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fl-Afrika, realtà,

O.

billi l-Istati Afrikani li huma sinjuri fir-riżorsi qed jiżguraw pożizzjoni mtejba tas-suq bħala riżultat tad-domanda miċ-Ċina u ta' partijiet interessati oħra,

P.

billi huwa mixtieq li l-involviment taċ-Ċina fl-Afrika ma jkunx jinkludi biss lin-nazzjonijiet li jinteressawha fir-rigward tal-politika dwar l-enerġija, u jitlob liċ-Ċina biex tikkunsidra li tikkopera mal-Istati Afrikani kollha;

Q.

billi d-domanda taċ-Ċina għaż-żejt f'dawn l-aħħar erba' snin kienet ta' madwar 40 % tad-domanda dinjija għaż-żejt; billi 30 % tal-importazzjonijiet taż-żejt mhux raffinat taċ-Ċina ġejjin mill-Afrika; billi d-dipendenza taċ-Ċina fuq iż-żejt impurtat, minerali u materji primi oħra, tidher li se tkompli tikber, u li sa l-2010, iċ-Ċina hija mistennija li timporta 45 % tal-bżonnijiet taż-żejt tagħha; billi d-domanda tagħha, li dejjem qed tikber, għall-enerġija u x-xewqa tagħha li tkabbar l-importazzjoni tagħha tal-enerġija, wassluha biex tfittex fornituri taż-żejt fl-Istati Afrikani;

R.

billi l-importazzjonijiet taż-żejt taċ-Ċina mmultiplikaw bi kważi ħames darbiet bejn l-1995 u l-2005, importazzjonijiet li ġabu liċ-Ċina bħala t-tieni l-ikbar importatur dinji taż-żejt, daqs l-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-provvisti impurtati mill-Afrika; billi s-CNPC (kumpanija taż-żejt Ċiniża li hija proprjetà tal-Istat) tikkontrolla bejn 60 % u 70 % tal-produzzjoni taż-żejt Sudaniża; billi fl-2006 l-Angola kienet l-ikbar fornitur taż-żejt taċ-Ċina; billi ċ-Ċina diġà timporta madwar 28 % taż-żejt u l-gass tagħha mill-Afrika tas-Sub Sahara; billi l-esportazzjonijiet tal-Afrika taż-żejt huma mistennija li jkomplu jikbru fis-snin li ġejjin,

S.

billi l-isfruttar tar-riżorsi naturali tal-Afrika minn pajjiżi jew kumpaniji barranin, jista' jwassal għal żvilupp, iżda jista' jwassal ukoll għat-tbattil tar-riżorsi u għat-tfixkil tat-tmexxija, jista' jwassal għall-korruzzjoni, speċjalment fejn kulturi ta' korruzzjoni diġà huma mifruxa, jaggrava l-inugwaljanzi soċjali u d-diffikultajiet ta' stabilità makro-ekonomika u joħloq jew jipprovoka kunflitti, filwaqt li joħloq theddida serja għat-tnaqqis tal-faqar u għall-iżvilupp sostenibbli,

T.

billi 9 % tal-importazzjonijiet tal-UE ġejjin mill-Afrika, nofs dawn l-importazzjonijiet huma prodotti relatati mal-enerġija, 23 % huma manifatturati u 11 % huma prodotti tal-ikel u prodotti agrikoli; billi l-Afrika tassorbi 8,3 % tal-esportazzjonijiet tal-UE li 78 % minnhom huma relatati ma' makkinarju, ma' kimiki u ma' oġġetti manifatturati; billi l-Afrika t'Isfel hija l-ikbar sieħeb kummerċjali tal-UE (kemm fl-importazzjonijiet kif ukoll fl-esportazzjonijiet); billi l-kummerċ Ewropew mal-pajjiżi Afrikani qed ikompli jonqos, għalkemm l-UE tibqa' l-iktar sieħeb kummerċjali importanti tagħha;

U.

billi l-UE hija l-iktar sieħeb importanti taċ-Ċina u l-ikbar investitur fiċ-Ċina u billi, barra minn hekk, iċ-Ċina hija t-tieni l-iktar sieħeb kummerċjali importanti għall-UE; billi d-djalogu maċ-Ċina dwar ir-riformi demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, ma għandux ikollhom importanza sekondarja għar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi,

V.

billi ċ-Ċina f'dawn l-aħħar snin għaddiet minn tkabbir ekonomiku kbir, tkabbir medju ta' 9 % kull sena, u saret esportatur ewlieni; billi d-dehra mill-ġdid taċ-Ċina bħala ekonomija dinjija ewlenija bidlet fundamentalment l-istatus quo tal-movimenti tal-kummerċ u tas-swieq internazzjonali; billi sabiex tinżamm din l-espansjoni, iċ-Ċina saret importatur nett taż-żejt kif ukoll ta' ħafna materji primi oħra u ta' prodotti minerali, u d-domanda tagħha għolliet ħafna l-prezzijiet ta' kull xorta ta' prodotti minerali u agrikoli;

W.

billi ċ-Ċina għandha d-dritt li tikkompeti b'mod leġittimu mal-UE u mal-Istati Membri tagħha fis-swieq internazzjonali,

X.

billi l-iżvilupp ekonomiku mgħaġġel taċ-Ċina matul dawn l-aħħar għoxrin sena kellu impatt sinifikanti fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi ta' bejn l-UE u ċ-Ċina b'mod ġenerali; il-kummerċ reċiproku totali wara l-1978 żdied b'iktar minn 60 darba u kellu valur ta' EUR 210 biljun fl-2005; l-UE għaddiet minn fażi ta' surplus kummerċjali fil-bidu tat-tmeninijiet għal fażi ta' defiċit ta' EUR 106 biljun fl-2005, l-ikbar defiċit kummerċjali tagħha ma' kwalunkwe sieħeb kummerċjali, u ċ-Ċina issa hija t-tieni l-ikbar sieħeb kummerċjali tal-UE wara l-Istati Uniti; fl-2000, l-UE kkonkludiet ftehima bilaterali ta' aċċess għas-suq maċ-Ċina, ftehima li kienet pass neċessarju fil-proċess ta' adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO u din l-adeżjoni bidlet it-tendenzi globali tal-kummerċ b'ħafna modi;

Y.

billi madwar 3,6 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi jiġu mill-Afrika u l-Afrika tassorbi 2,8 % tal-esportazzjonijiet ċivili; billi l-valur tal-kummerċ Ċiniż mal-Afrika żdied minn USD 2 biljun fl-1999 għal madwar USD 39,7 biljun fl-2005; billi ċ-Ċina issa hija t-tielet sieħeb kummerċjali l-iktar importanti tal-Afrika; billi l-Afrika qed issir b'mod ċar il-fruntiera ekonomika għaċ-Ċina, li hija effettiva ħafna fl-assoċjazzjoni ta' strateġiji ta' għajnuna bi tpartit għaż-żejt ma' għodod tal-politika barranija;

Z.

billi l-kummerċ bejn l-Afrika u ċ-Ċina huwa stmat li kiber minn USD 4 biljun fl-1995 għal USD 55 biljun fl-2006, u ċ-Ċina għandha l-għan li tilħaq il-USD 100 biljun sa l-2010; billi f'Mejju 2007, il-Bank Exim taċ-Ċina wera l-intenzjoni li jipprovdi USD 20 biljun għall-iffinanzjar tal-kummerċ u l-infrastruttura fl-Afrika matul it-tliet snin li ġejjin; billi ċ-Ċina wiegħdet li tipprovdi USD 3 biljun f'self preferenzjali u USD 2 biljun fi krediti preferenzjali għax-xerrejja fl-Afrika matul it-tliet snin li ġejjin; billi ċ-Ċina wiegħdet li tiftaħ aktar is-swieq tagħha għall-Afrika billi żżid minn 190 għal iktar minn 440 in-numru ta' oġġetti esportati liċ-Ċina li ma jħallsu l-ebda tariffa mill-pajjiżi li huma l-inqas żviluppati fl-Afrika li għandhom rabtiet diplomatiċi maċ-Ċina u li tistabbilixxi minn tlieta sa ħames żoni ta' koperazzjoni kummerċjali u ekonomika fl-Afrika matul it-tliet snin li ġejjin,

AA.

billi s-sħubija fid-WTO iġġib magħha għadd ta' drittijiet u obbligi kemm għall-UE u kemm għaċ-Ċina; billi, madankollu ċ-Ċina għadha trid tissodisfa ħafna minn dawk l-obbligi,

AB.

billi l-involviment taċ-Ċina fl-Afrika ma għandux ikun ikkunsidrat biss fl-isfond tas-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija u materja prima, iżda wkoll fil-kuntest tas-sikurezza tal-ikel, minħabba li ċ-Ċina qed tipprevedi li l-importazzjonijiet tagħha tal-ikel fil-futur se jiżdiedu,

AC.

billi r-relazzjonijiet futuri tal-Ewropa mal-Afrika se jkunu affettwati mis-suċċess jew mill-falliment tal-ftehimiet ta' sħubija ekonomika,

AD.

billi minflok tagħti għajnuna għall-iżvilupp, iċ-Ċina tagħti self, bil-periklu li dan is-self joħloq livelli kbar ta' djun fost il-pajjiżi Afrikani,

AE.

billi bħala riżultat tal-attivitajiet taċ-Ċina, l-element ewlieni tat-titjib u l-iffinanzjar tal-infrastruttura fl-Afrika, għal darb'oħra qed jieħu sinifikat ikbar,

AF.

billi skond iċ-ċifri tal-OECD, 50 % tal-proġetti pubbliċi fl-Afrika qed jitwettqu minn kuntratturi Ċiniżi; billi l-proġetti Ċiniżi fl-Afrika ħafna drabi jħaddmu l-iktar ħaddiema Ċiniżi,

AG.

billi ċ-Ċina, meta tuża l-ħaddiema tagħha fl-Afrika qed tiżgura aċċess fit-tul tas-suq Afrikan għan-negozjanti Ċiniżi, u b'dan il-mod qed tinfluwenza l-ekonomiji nazzjonali fl-Afrika,

AH.

billi ċ-Ċiniżi għandu jkollhom interess li jiżguraw li jkun hemm ċertu livell ta' investiment u ċertezza legali għar-riskji li jkunu ħadu f'ekonomiji li qed iċedu billi jinkoraġġixu tmexxija tajba,

AI.

billi l-kumpaniji Ċiniżi li huma proprjetà tal-Istat jistgħu jieħdu riskji kbar billi jinvestu fl-Afrika; billi l-kumpanija Ċiniża tal-enerġija CNOOC Ltd ħabbret li se tixtri sehem ta' 45 % f'żona taż-żejt fuq il-baħar (“offshore oil field”) fin-Niġerja għal USD 2 270 000 000;

AJ.

billi fl-2007, iċ-Ċina stabbilixxiet iċ-China Investment Cooperation Ltd b'assi ta' USD 200 000 000 000, li bħalissa jikkostitwixxi s-sitt l-ikbar fond sovran ta' rikkezzi fid-dinja;

AK.

billi ċ-Ċina diġà hi, jew waslet biex tkun, il-pajjiż li għandu l-ikbar ammont ta' emissjonijiet ta' CO2 fid-dinja u l-poplu Ċiniż huwa l-vittma diretta ta' emissjonijiet bħal dawn; billi l-UE hija wkoll fost dawk iż-żoni li għandhom l-ikbar ammonti ta' CO2 fid-dinja u li l-Ewropej qed jaffaċċjaw ukoll l-impatt ta' dawk l-emissjonijiet; billi l-wegħdiet tas-samit tal-G8+5 li sar f'Heiligendamm fl-2007 jinkludu “benchmark” ta' tnaqqis ta' 50 % tal-emissjonijiet sa l-2050 u billi ġew iffissati miri oħrajn mill-UE u ċ-Ċina għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u għall-enerġiji li jiġġeddu; billi l-Afrika hija kontinent li hu mbassar li jbati l-iktar mid-degradazzjoni ambjentali, mid-deforestazzjoni u mill-bidla fil-klima,

AL.

billi ċ-Ċina għandha tingħata rikonoxximent wara li ffirmat il-Protokoll ta' Kyoto u l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta' Speċijiet ta' Flora u Fawna li jinsabu fil-periklu li jiġu estinti (CITIES); billi ċ-Ċina għandha kompetenzi importanti fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-deżertifikazzjoni,

AM.

billi iktar min-nofs tal-attivitajiet kollha ta' “logging” b'mod partikolari f'reġjuni vulnerabbli, inkluż fl-Afrika Ċentrali, huma meqjusa bħala illegali; billi ċ-Ċina hi akkużata li hi responsabbli b'mod ewlieni għaż-żidiet riċenti ta' “logging” illegali madwar id-dinja; billi pereżempju, 90 % tal-esportazzjonijiet tal-injam mill-Guinea Ekwatorjali għaċ-Ċina huma meqjusa li huma illegali,

AN.

billi ċ-Ċina qed tipproklama l-“Ħames Prinċipji ta' Koeżistenza Paċifika” bħala s-sisien tal-politika barranija indipendenti għall-paċi tagħha', ibbażata fuq il-kunċett ta' “non-interferenza”, li mhix newtrali, kif inhi meqjusa fil-pajjiżi Afrikani fejn kritika taċ-Ċina jew anke ħsibijiet kontra ċ-Ċina huma espressi; billi ħaddiema Ċiniżi taż-żejt u tal-minjieri ġew attakkati, inħatfu jew inqatlu fiż-Żambja, fin-Niġerja u fl-Etjopja; billi ċ-Ċina trid li tidher bħala l-potenza globali responsabbli u li għandha tkun akkreditata bl-użu tal-influwenza tagħha biex tinkoraġġixxi lill-gvern Sudaniż biex jaċċetta l-Forza Konġunta bejn in-NU u l-AU fid-Darfur; billi ċ-Ċina bħala Membru Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà, jista' jkollha sehem ewlieni fil-prevenzjoni ta' kunflitt, fil-medjazzjoni u fir-riżoluzzjoni,

AO.

billi ċ-Ċina minkejja li għamlet progress rigward ċerti drittijiet soċjali u ekonomiċi u libertajiet, qed tkompli turi nuqqas ta' rispett għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi d-dritt għall-ħajja u għal smigħ ġust, għal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni u għal drittijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali inklużi d-drittijiet tax-xogħol; billi nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa b'mod partikolari nnutat b'relazzjoni mal-poplu tat-Tibet; billi dan jaffettwa d-dehra u l-azzjoni taċ-Ċina fuq livell internazzjonali, b'mod partikolari fl-Afrika fejn l-iżvilupp u t-tmexxija tajba ma jistgħux jagħmlu progress mingħajr responsabilità demokratika u mingħajr rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt,

AP.

billi ċ-Ċina għandha tkun akkreditata li laħqet il-livell minimu ta' rekwiżiti tal-Iskema ta' Ċertifikazzjoni tal-Proċess ta' Kimberley għall-Kummerċ Internazzjonali tad-Djamanti Naturali u li produċiet linji gwida dwar imġieba responsabbli għall-kumpaniji tal-injam,

AQ.

billi ċ-Ċina għandha tkun akkreditata li rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, għalkemm il-korruzzjoni tibqa' problema serja fiċ-Ċina, għax taffettwa b'mod drammatiku l-kapaċità li jintlaħqu l-objettivi politiċi u l-istandards stabbiliti mill-gvern ċentrali fuq livelli provinċjali u lokali; billi dawn il-prattiki għandhom impatt fuq il-pajjiżi Afrikani fejn qed jinvestu ċ-Ċina u kumpaniji Ċiniżi, minħabba li ħafna drabi dawn il-prattiki jrawmu l-korruzzjoni u jgħinu biex jissaħħaħ u jinżamm il-poter ta' reġimi korrotti, u li għalhekk jostakolaw it-tmexxija tajba, ir-responsabilità u l-istat tad-dritt; billi hemm bżonn li l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni tkun osservata strettament għall-promozzjoni tat-tmexxija tajba, għar-responsabilità u għall-istat tad-dritt,

AR.

billi l-esportaturi tal-armi Ewropej, Ċiniżi u oħrajn qed isostnu l-kunflitti armati fl-Afrika u għalhekk qed jostakolaw b'mod serju l-iżvilupp; billi l-Istati Membri għadhom mhumiex legalment marbutin mill-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi u jeżerċitaw kontroll mhux adegwat fuq l-esportazzjoni ta' armi illegali għall-Afrika jew li jgħaddu mill-Afrika,

AS.

billi ċ-Ċina ġġorr responsabilità partikolari bħala waħda mill-ikbar esportaturi dinjija tal-armi u bħala Membru Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

AT.

billi jeżisti nuqqas ta' trasparenza b'relazzjoni mal-esportazzjonijiet Ċiniżi ta' armi konvenzjonali u ta' armi żgħar u ħfief; billi l-Amnesty International riċentement esponiet liċ-Ċina talli l-approċċ tagħha għall-esportazzjonijiet tal-armi huwa “permissiv b'mod perikoluż”; billi ċ-Ċina hija responsabbli għat-trasferiment sinifikanti ta' armi lejn pajjiżi li huma meqrudin bil-kunflitt, anke bi ksur tal-embargos tan-NU fil-każijiet tad-Darfur, tal-Liberja u tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

AU.

billi ċ-Ċina għandha tkun akkreditata li hija t-tieni l-ikbar fornitur ta' aġenti għaż-żamma tal-paċi tan-NU minn fost il-Membri Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà u diġà allokat 3 000 suldat għall-missjonijiet taż-żamma tal-paċi fl-Afrika,

1.   Jenfasizza l-bżonn li jissaħħaħ l-impatt tal-politiki tal-UE fl-Afrika, speċjalment billi jitwettqu l-wegħdiet u l-impenji; f'dan il-kuntest jenfasizza l-importanza tat-Trattat ta' Liżbona fit-tisħiħ tal-effettività tal-UE u l-koerenza fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, u jinkludi b'mod xieraq it-tħassib u l-politiki tal-iżvilupp;

2.   Iħeġġeġ lill-UE biex tiżviluppa strateġija koerenti b'reazzjoni għall-isfidi ġodda li qed jippreżentaw donaturi ġodda fl-Afrika, bħaċ-Ċina, inkluż approċċ koordinat minn Stati Membri differenti u mill-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza li reazzjoni bħal din ma għandhiex tipprova tikkompeti mal-metodi u l-għanijiet taċ-Ċina minħabba li dan ma jfissirx neċessarjament kompatibilità mal-valuri, il-prinċipji u l-interessi tal-UE fuq perjodu twil ta' żmien; jiġbed l-attenzjoni li rispons bħal dan għandu jkun integrat fid-djalogu tal-UE mal-AU u b'relazzjoni mal-imsieħba kollha Afrikani; jenfasizza li l-UE għandha tidħol fi djalogu maċ-Ċina dwar il-politika għall-iżvilupp, sabiex tiddiskuti metodi u għanijiet, iżda għandha tibqa' impenjata li żżomm l-approċċ tagħha lejn koperazzjoni għall-iżvilupp;

3.   Iħeġġeġ lill-UE, anke meta din tkun qed tikkompeti ma' nazzjonijiet donaturi oħra, biex iżżomm l-istandards għoljin tagħha dwar it-trawwim ta' tmexxija tajba u rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE biex tieħu pożizzjoni vis-à-vis l-kompetituri tagħha permezz ta' offerti li bħala kwalità jkunu aktar attraenti, bħall-istabbiliment ta' impjanti għall-ipproċessar ta' materja prima, impjanti li jkunu moderni u li ma jagħmlux ħsara lill-klima fil-pajjiż ta' oriġini u r-reklutaġġ u t-taħriġ ta' ħaddiema lokali; jiġbed l-attenzjoni li l-preparazzjoni ta' offerti bħal dawn għandha tkun integrata fid-djalogu tal-UE mal-AU u fir-relazzjonijiet mal-imsieħba Afrikani kollha, speċjalment b'konnessjoni mal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta UE-Afrika u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha;

4.   Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda taċ-Ċina li tipprovdi koperazzjoni prattika lill-pajjiżi Afrikani bla ma tippatronizzahom; jinnota li koperazzjoni bħal din hija ta' natura pragmatika; f'dan ir-rigward jiddispjaċih dwar il-koperazzjoni taċ-Ċina mar-reġimi ripressivi fl-Afrika; jirrimarka li tkun ħaġa mixtieqa li l-kundizzjonijiet politiċi jintrabtu mal-koperazzjoni u li d-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali għandhom jkollhom sehem akbar;

5.   Jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex jiddiskutu, jiżviluppaw u jifformulaw, meta jkun possibbli, l-istrateġiji Afrikani tagħhom bl-għan li jkun hemm impenn responsabbli mmirat lejn it-trawwim ta' żvilupp sostenibbli u l-kisba tal-MDGs; jenfasizza l-importanza li jkunu formulati djalogi kostruttivi f'qafas multilaterali mal-parteċipanti ewlenin relevanti kollha, b'mod partikolari mal-AU u n-NEPAD; f'dan il-kuntest, jistieden lill-UE biex tassigura li l-ħolqien ta' Forum ta' Sħubija Afrikan jinvolvi lid-donaturi u lill-investituri ewlenin kollha, partikolarment iċ-Ċina;

6.   Iħeġġeġ lill-UE u liċ-Ċina biex iżidu l-appoġġ għan-NEPAD bħala l-mutur wara l-istrateġija għal żvilupp sostenibbli għall-Afrika u wkoll biex jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani, lill-AU, lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP) u lill-Parlamenti u l-gvernijiet nazzjonali Afrikani fit-tisħiħ tat-tmexxija u tal-pussess tagħhom ta' strateġija bħal din; jistieden lill-UE biex tgħin fit-tisħiħ tal-kapaċità Afrikana li tiżgura koerenza bejn id-donatur u l-investitur u biex tiggarantixxi li l-investiment barrani jikkontribwixxi għat-trawwim ta' żvilupp sostenibbli;

7.   Jenfasizza r-rieda tal-Parlament Ewropew li jimpenja ruħu flimkien mal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż, mal-PAP u mal-parlamenti nazzjonali Afrikani fi djalogu mmirat lejn it-trawwim ta' żvilupp sostenibbli u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' skrutinju tagħhom;

8.   Jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina biex terfa' r-responsabilitajiet tagħha bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluża “r-responsabilità li tipproteġi”, meta wieħed iqis li l-preżenza taċ-Ċina weħida fl-Afrika, irrispettivament minn kwalunkwe intenzjoni ta' “politika ta' non-interferenza”, ma għandha l-ebda impatt reali, inkluż impatt politiku, fil-pajjiżi ospitanti;

9.   Jistieden lill-UE biex tikkunsidra l-opinjonijiet espressi mill-Istati Afrikani kif ukoll mill-AU fil-kunsiderazzjoni tagħha tal-impatt taċ-Ċina fl-Afrika; jenfasizza li l-UE għandha tevita l-ġeneralizzazzjonijiet dwar l-irwol taċ-Ċina, għandha tittratta liċ-Ċina b'attitudni miftuħa u kostruttiva u ma għandhiex tipprova timponi mudelli u opinjonijiet Ewropej;

Żvilupp Sostenibbli

10.   Jistieden lill-UE biex tiddjaloga mal-Afrika u ċ-Ċina għall-benefiċċju tat-tnejn u fuq il-bażi tal-bżonnijiet Afrikani u fl-interessi tal-pajjiżi u l-popli Afrikani, u bl-għan li ttejjeb l-effettività u l-koerenza ta' koperazzjoni għall-iżvilupp, li tesplora triqat konkreti għall-koperazzjoni u t-tisħiħ ta' sħubijiet u li tevita azzjonijiet individwali separati; jipproponi li l-UE, l-AU u ċ-Ċina għandhom iwaqqfu entità konsultattiva permanenti biex titjieb il-koerenza u l-effettività tal-attivitajiet rispettivi tagħhom fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp; jistieden lill-UE, liċ-Ċina u l-Afrika biex jistabbilixxu qafas globali għal proġetti operazzjonali konkreti dwar sfidi komuni bħall-adattazzjoni għall-bidla fil-klima, l-enerġiji li jiġġeddu, l-agrikoltura, l-ilma u s-saħħa;

11.   Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex isaħħu r-relazzjonijiet mal-pajjiżi Afrikani billi jwettqu l-impenji ta' għajnuna u jagħmlu l-kisba tal-MDGs bħala prijorità; jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda ta' 6 % fl-għajnuna KE u ta' 2,9 % fl-għajnuna provduta mill-15-il Stat Membru fl-2006 meta mqabbla mas-sena preċedenti iżda jiddispjaċih li għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) mill-15 il Stat Membru għar-reġjuni kollha qed issir parti mid-dħul gross nazzjonali (GNI) minn 0,44 % ODA/GNI fl-2005 għal 0,43 % ODA/GNI fl-2006; jiddispjaċih ukoll li erba' Stati Membri naqsu milli jilħqu l-mira ta' 0,33 % tal-GNI fl-2006 u bl-istess mod iktar Stati jkunu naqsu milli jagħmlu dan kieku t-tnaqqis tad-dejn u punti oħra li ma jikkorrispondux ma' fondi disponibbli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kellhom jitnaqqsu miċ-ċifri ODA;

12.   Ifakkar li l-objettiv aħħari ta' kwalunkwe politika għall-iżvilupp, kemm jekk tkun implimentata mill-UE u kemm jekk tkun implimentata miċ-Ċina, għandu jkun it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tal-faqar;

13.   Jistieden lill-UE u l-Istati Membri biex jilħqu taqsimiet ikbar tal-pubbliku fl-Afrika u fl-UE permezz tal-preżenza ta' rappreżentanti għoljin tal-gvernijiet Ewropej, ta' żjarat minnhom u l-involviment tagħhom f'avvenimenti relatati ma' djalogi;

14.   Jistieden lill-UE biex issaħħaħ impenji ta' għajnuna mingħajr irbit u biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina tipprovdi għajnuna mingħajr irbit lill-imsieħba Afrikani u li tiżgura li l-kundizzjonijiet ekonomiċi marbuta ma' għotjiet jew self internazzjonali ma jostakolawx l-iżvilupp sostenibbli; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-UE biex timpenja liċ-Ċina fl-espansjoni tas-suq tax-xogħol lokali Afrikan, minflok ma tħaddem eluf ta' ħaddiema Ċiniżi;

15.   Jistieden lill-UE biex tħeġġeġ liċ-Ċina biex tagħmel użu mill-għarfien espert tagħha dwar is-saħħa biex ikunu appoġġjati inizjattivi mmirati lejn it-titjib tas-sistemi tas-saħħa pubblika fl-Afrika, biex ikun żgurat żvilupp sostenibbli u biex jiġu appoġġjati inizjattivi mmirati lejn il-ġlieda kontra mardiet li jittieħdu relatati mal-faqar li jeqirdu lill-Afrika, b'mod partikolari l-HIV/AIDS, il-malarja u t-tuberkolożi;

16.   Jistieden lill-UE biex tinvolvi ruħha fi djalogu kostruttiv fil-kuntest tal-Kumitat għall-Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD, ma' donaturi ġodda li mhumiex parti mid-DAC, inkluża ċ-Ċina, immirat biex jinkoraġġixxi lil dawn id-donaturi jadottaw il-linji gwida DAC u l-istandards jew il-kodiċi ekwivalenti u biex jirrispettaw il-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna;

17.   Iħeġġeġ lill-UE biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina biex toħloq istituzzjoni speċjalizzata għall-għajnuna li jkollha l-għan li ssaħħaħ l-kompetenzi u l-indipendenza taċ-Ċina fl-għajnuna u biex timpenja ruħha li tirrapporta b'mod trasparenti dwar l-ibbaġitjar għall-għajnuna; jistieden lill-UE biex tassisti ċ-Ċina fl-iżvilupp ta' kompetenzi, jekk dan ikun mitlub;

18.   Iħeġġeġ lill-UE u lill-pajjiżi Afrikani biex jistiednu lir-rappreżentanti taċ-Ċina biex jipparteċipaw f'laqgħat ta' koordinazzjoni bilaterali u multilaterali mad-donaturi;

19.   Jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina biex tipparteċipa fil-kisba tal-isfidi marbuta mas-sitwazzjoni demografika fl-Afrika; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-fatt li f'ħafna partijiet tal-Afrika, ir-rata ta' tkabbir tal-popolazzjoni hija ogħla mir-rata ta' tkabbir ekonomiku u li l-miżuri biex jibdlu din is-sitwazzjoni jinkludu t-titjib tas-saħħa sesswali u riproduttiva, kif imsemmi fir-rapport tan-NU tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp li saret fl-1994;

20.   Jenfasizza li kwalunkwe sħubija internazzjonali għall-iżvilupp għandha tkun iffukata fuq il-poplu minħabba li l-iżvilupp sostenibbli huwa possibbli biss jekk is-soċjetà ċivili tkun imsaħħa: jenfasizza li n-nisa, il-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli għandhom b'mod partikolari jkunu appoġġjati u evalwati bħala aġenti essenzjali għall-iżvilupp u li l-libertà tal-assoċjazzjoni u l-midja ħielsa u pluralista huma kundizzjonijiet essenzjali għall-iżvilupp u jeħtieġ li jkunu appoġġjati bi sħubijiet bħal dawn;

Riżorsi tal-enerġija u riżorsi naturali

21.   Huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-impenn taċ-Ċina fl-Afrika, il-koperazzjoni mal-Afrika fil-qasam tal-politka tal-UE dwar l-enerġija esterna għandha tingħata tifsira akbar; jixtieq jara koperazzjoni attiva dwar il-politika għall-enerġija bejn l-Afrika u l-UE;

22.   Jirrikonoxxi l-importanza tal-immaniġġjar trasparenti tar-riżorsi naturali għall-immobilizzar ta' diversi introjti li huma fatturi ewlenin għall-iżvilupp u għat-tnaqqis tal-faqar, filwaqt li jiżguraw stabilità tal-forniment u jevitaw konflitti relatati mar-riżorsi u instabilità f'pajjiżi li huma sinjuri fir-riżorsi; jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi lill-pajjiżi li huma sinjuri fir-riżorżi biex josservaw l-Extractives Industry Transparency Initiative (EITI) billi jipprovdu appoġġ politiku, finanzjarju u tekniku msaħħaħ lill-EITI, bl-għan fost l-oħrajn li s-soċjetà ċivili tkun tista' tipparteċipa b'mod liberu u effettiv fl-EITI; iħeġġeġ lill-UE biex tinvolvi ruħha b'mod attiv mal-gvern taċ-Ċina u ma' kumpaniji Ċiniżi biex tinkoraġġihom jappoġġjaw lill-EITI; jistieden lill-UE biex tipproponi t-twessigħ tal-iskop tal-EITI, b'mod partikolari għal riżorsi naturali oħra, bħall-injam, kif ukoll biex tinkludi dħul kontinwu tal-gvernijiet marbut ma' self li jagħmlu tajjeb għalih ir-riżorsi;

23.   Iqis ta' importanza kbira l-istedina tal-UE lis-setgħat politiċi u lill-investituri internazzjonali kollha li joperaw fl-Afrika sabiex jirrispettaw bis-sħiħ ir-regoli ta' salvagwardja soċjali u ambjentali stabbiliti fl-2002 mill-Bank Dinji għall-industriji estrattivi;

24.   Jistieden lill-UE biex tippromwovi b'mod attiv it-trasparenza, mhux biss f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir ta' dħul, iżda wkoll f'termini tal-infiq tad-dħul mir-riżorsi naturali, billi tappoġġja inizjattivi li jsaħħu t-trasparenza baġitarja fil-pajjiżi Afrikani; iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi ’self responsabbli’ mid-donaturi kollha, li għandhom jitolbu li l-pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi u li għandhom storja ta' tmexxija ħażina u ta' korruzzjoni jieħdu passi konkreti lejn trasparenza ikbar fl-immaniġġjar tad-dħul bħala kundizzjoni biex jirċievu għajnuna mhux umanitarja; jistieden lill-UE biex tapplika l-Artikoli 96 u 97 tal-Ftehima ta' Cotonou b'iktar konsistenza fil-pajjiżi sinjuri fir-riżorsi u, fl-istess ħin, biex tidħol fi djalogu maċ-Ċina u donaturi oħra bil-għan li tittieħed azzjoni miftiehma li żżid l-effettività tal-miżuri korrispondenti; jenfasizza li l-UE għandha tagħti eżempju billi tagħmel il-programmi u l-proġetti għall-iżvilupp tagħha mudelli ta' trasparenza u tmexxija tajba;

25.   Iħeġġeġ lill-UE biex tagħmel kontrolli internazzjonali iktar stretti għall-kummerċ illegali tal-injam u tal-avorju; jistieden lill-UE biex tosserva l-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi, it-Tmexxija u l-Kummerċ tal-Foresti (FLEGT), kif ukoll biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina tadotta prinċipji simili fl-importazzjonijiet tagħha stess ta' injam mill-Afrika, sabiex jieqaf il-kummerċ illegali tal-injam u biex jiġi promoss l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti bikrija biex jitwaqqfu l-importazzjonijiet kollha tal-injam li huma fornuti illegalment fl-UE sabiex iċ-Ċina ma tkunx imħajra li tforni injam Afrikan minn sorsi illegali għall-esportazzjonijiet tal-għamara tagħha; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex twessa' l-iskop tan-negozjati tagħha dwar ftehimiet ta' sħubija volontarja ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-UE biex tappoġġja t-tisħiħ ta' inizjattivi simili bħall-FLEGTs Afrikani u Ażjatiċi;

26.   Jistieden lill-UE biex tipproponi li l-konklużjonijiet ta' konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-estrazzjoni jew l-esplorazzjoni ta' riżorsi tal-enerġija, jinkludu trasparenza fl-arranġamenti ta' liċenzjar u termini kuntrattwali li jiddeterminaw dħul fiskali kontinwu lill-gvernijiet u klawsola dwar l-investiment ta' persentaġġ mill-profitt fl-iżvilupp tal-komunità lokali;

27.   Jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex jindirizzaw il-problema ta' kummerċ illegali tar-riżorsi naturali permezz ta' azzjoni miftiehma, li għandha tinkludi definizzjoni li jkun hemm qbil dwarha, dwar x'jikkostitwixxi “riżorsi ta' kunflitt” u permezz tal-ħatra ta' grupp ta' esperti internazzjonali sabiex jiżviluppa approċċi multilaterali li jittrattaw din il-kwistjoni;

28.   Jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex jinvestu aktar f'enerġiji li jiġġeddu bħala mod kif ikunu trattati d-degradazzjoni ambjentali u l-bidla fil-klima, kif ukoll bħala mod kif ikunu evitati kunflitti relatati mal-iskarsezza ta' riżorsi bħaż-żejt;

Kummerċ, investiment u infrastrutturi

29.   Jiġbed l-attenzjoni li d-diversifikazzjoni tal-kummerċ b'mod ġenerali hija fattur ewlieni għall-Afrika sabiex ikun hemm tkabbir ekonomiku affidabbli fl-Istati kollha Afrikani; jenfasizza l-fatt li l-esportazzjonijiet Ċiniżi ta' prodotti lejn l-Afrika m'għandhomx ifixklu l-iżvilupp tal-industriji Afrikani jew jeqirdu l-kompetittività ta' dawn l-industriji;

30.   Jistieden lill-UE u jappella liċ-Ċina biex joffru lill-Afrika mod kif toħroġ min-“nasba tal-kommoditajiet” u biex jinkoraġġixxu t-trasformazzjoni minn reġjun li jforni kommoditajiet għal reġjun li jipproċessa l-kommoditajiet u jiżviluppa s-servizzi; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-UE biex tinkoraġġixxi lill-partijiet kollha involuti, b'mod partikolari lill-Istati Membri u lid-donaturi l-ġodda bħaċ-Ċina, biex jiddiversifikaw il-kummerċ u l-investiment, biex jittrasferixxu t-teknoloġija lill-Afrikani, biex isaħħu r-regoli internazzjonali tal-kompetizzjoni ġusta, biex jespandu l-aċċess tas-suq globali għall-prodotti Afrikani, biex inaqqsu t-taxxi fuq il-prodotti pproċessati mill-Afrika, biex jippromwovu l-iżvilupp tas-settur privat u l-aċċess tiegħu għall-finanzi, biex jippromwovu l-iffaċilitar tal-kummerċ, biex jinkoraġġixxu l-integrazzjoni reġjonali fl-Afrika u biex jiffaċilitaw ħlasijiet kontinwi mir-residenti Afrikani;

31.   Jistieden lill-UE biex tespandi l-impatt ekonomiku tagħha fuq l-iżvilupp tal-Afrika billi tirriforma l-Politika Komuni għall-Agrikoltura tagħha u billi tiffaċilita l-aċċess tal-prodotti Afrikani fis-suq tal-UE; jistieden lill-UE u jappella liċ-Ċina, meta jkunu qed jirriformaw il-politiki għall-agrikoltura tagħhom, biex jikkunsidraw iktar l-opportunitajiet ta' żvilupp għas-settur tal-agrikoltura Afrikan, biex jiffaċilitaw l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli mill-Afrika u rigward l-esportazzjonijiet agrikoli, biex jiżguraw doppjament li huma ma jxekklux l-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola fl-Afrika biex jipprovdu garanziji ta' sigurtà tal-ikel u impjiegi;

32.   Jistieden lill-UE u jappella liċ-Ċina biex jiddefendu iktar il-kummerċ dinji ġust fi sforz biex jiżguraw li l-politiki ta' kummerċ u żvilupp ikunu koerenti ma' xulxin, sabiex jiżdied b'mod sostanzjali s-sehem tal-profitti tal-kummerċ dinji f'oġġetti li jaslu għand produtturi u ħaddiema, biex joffru lill-prodotti Afrikani aċċess ikbar għas-swieq dinjija u biex inaqqsu t-tariffi tal-importazzjoni fuq prodotti manifatturati fl-Afrika; jappella lill-Gvern taċ-Ċina u lill-UE biex jiżviluppaw strateġija għall-esportazzjonijiet li ma toħloqx ostakolu għall-manifattura ta' prodotti ekoloġikament u soċjalment sostenibbli fl-Afrika;

33.   Jappella liċ-Ċina biex meta tagħti self, tikkunsidra l-avvenimenti li wasslu għall-kriżi tas-self li qed taffettwa ħafna pajjiżi żviluppati, u biex ma tirrepetix l-iżbalji li saru diġà minn min sellef il-flus;

34.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-pass li ħadet iċ-Ċina biex ittejjeb il-leġiżlazzjoni soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema mill-1 ta' Jannar 2008, bħala riżultat tal-pressjoni mid-WTO u tal-opinjoni pubblika internazzjonali u jenfasizza li liġijiet soċjali li jorbtu iktar fiċ-Ċina għandu jkollhom impatt pożittiv fuq il-mod Ċiniż tal-operat fl-Afrika;

35.   Jenfasizza l-importanza għall-Afrika li tiżviluppa l-istrateġija tagħha fir-rigward taċ-Ċina; jiġbed l-attenzjon li din l-istrateġija hi ta' importanza għat-titjib tan-natura reċiproka tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn iċ-Ċina u l-Afrika; jenfasizza li din l-istrateġija għandha tiffoka fuq parteċipazzjoni akbar mill-ħaddiema Afrikani fil-proġetti Ċiniżi fl-Afrika, fuq aktar impenn min-naħa taċ-Ċina sabiex tittrasferixxi t-teknoloġija u fuq l-aċċess aħjar għas-swieq Ċiniżi għal esportazzjonijiet tipiċi Afrikani bħall-kafè, il-kawkaw u l-prodotti tal-ġilda;

36.   Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinsisti, fi ħdan il-qafas tan-negozjati li għaddejjin maċ-Ċina, fuq kapitolu kummerċjali ġdid fil-Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni, fuq lingwaġġ li jorbot fir-rigward tal-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO, fuq responsabilità korporattiva soċjali u ambjentali, fuq dispożizzjonijiet kontra d-dumping soċjali u ambjentali, fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-ILO għal xogħol deċenti u fuq ir-rispett ta' rekwiżiti li ġejjin minn ftehimiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem;

37.   Jenfasizza l-importanza li jiġu impjegati ħaddiema lokali b'termini finanzjarji ġusti meta jkunu qed jiġu implementati investimenti fl-infrastruttura u fl-impjanti ġodda; iħeġġeġ li jkun hemm impenn iktar qawwi għat-taħriġ ta' ħaddiema permezz ta' għotjiet u ta' migrazzjoni ċirkulari; jitlob li jkun hemm miżuri li jinvolvu membri tad-Dijaspora Afrikana, li wħud minnhom huma kwalifikati ħafna, f'dan il-proċess u li jiffaċilitaw it-trasferiment ta' flus lejn l-Afrika mill-Afrikani li jgħixu f'pajjiżi barranin;

38.   Jifhem s-sehem pożittiv u profond li t-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni (ICT) għandha b'mod ġenerali fl-appoġġ għat-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tallinja programmi Afrikani u Ewropej eżistenti b'attenzjoni akbar fuq il-bini tal-kapaċità tal-ICT għall-SMEs permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati biex tiżgura li istituzzjonijiet u politiki jkunu mibnija biex jiffaċilitaw l-investiment, l-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija;

39.   Jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex jappoġġjaw lill-AU u lin-NEPAD fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet tal-impatt ambjentali u billi jkun valutat il-potenzjal tat-tkabbir ta' proġetti ta' investiment barrani favur il-foqra fl-Afrika, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija u l-infrastruttura, kif ukoll biex jiżviluppaw sistema aktar trasparenti għall-għoti ta' kuntratti u dwar kif isir l-infiq pubbliku; jenfasizza l-importanza tal-ippjanar fit-tul tal-infiq pubbliku mill-pajjiżi Afrikani tal-profitti miksuba miż-żieda riċenti tal-prezzijiet tal-kommoditajiet, tal-qligħ mill-esplorazzjoni għal sorsi tal-enerġija u mill-flussi ta' investiment barrani u, b'dak l-għan fl-isfond, iħeġġeġ lill-UE u liċ-Ċina biex jagħtu appoġġ immirat lill-iżvilupp ta' ħiliet amministrattivi relatati;

40.   Jitlob lill-UE biex tinvolvi ruħha fi proġetti konġunti maċ-Ċina fl-Afrika fl-oqsma tal-esplorazzjoni tal-enerġija, it-trasport u l-infrastrutturi bl-għan li jkun żviluppat, flimkien mal-AU u n-NEPAD, sett ta' regoli komuni għall-involviment u l-investiment;

41.   Jitlob lill-UE u liċ-Ċina biex jinvestu fit-taħriġ u fl-edukazzjoni fl-Afrika, minħabba li l-ħaddiema tas-sengħa jifformaw il-pilastri ta' żvilupp iżjed indipendenti;

42.   Jistieden lill-UE biex tmur lil hinn mill-forum tan-negozju kurrenti UE-Afrika u biex tiżviluppa pjan ta' azzjoni koerenti li jistimula u jiddiversifika l-investimenti Ewropej fl-Afrika;

43.   Jirrikonoxxi l-fatt li l-investiment ekonomiku Ewropew jinsab fi żvantaġġ kompetittiv fl-Afrika minħabba sussidji pubbliċi jew sussidji moħbija ta' proġetti Ċiniżi u offerti magħmula mill-gvern Ċiniż (jew minn kumpaniji tal-gvern Ċiniż) minħabba l-ispejjeż ogħla kkawżati minn standards soċjali u ekonomiċi li l-kompetituri Ċiniżi ma japplikawx, minħabba għajnuna Ċiniża marbuta li ma tħallix kumpaniji Ewropej milli jidħlu għal proġetti ffinanzjati mill-għajnuna Ċiniża u minħabba aċċess limitat għall-iffinanzjar u għall-istrumenti ta' kopertura kontra r-riskji tal-investiment għall-kumpaniji Ewropej;

L-ambjent

44.   Jiġbed l-attenzjoni għall-impatt ekoloġiku tal-preżenza taċ-Ċina fl-Afrika; iħeġġeġ liċ-Ċina sabiex taġixxi ta' “steward” responsabbli tal-ambjent, kemm fiċ-Ċina kif ukoll fl-Afrika;

45.   Jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi lill-aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjonijiet Ċiniżi, inkluż il-Bank Exim, biex iwettqu evalwazzjonijiet ambjentali sistematiċi ta' proġetti ta' infrastruttura fl-Afrika bħal digi, toroq u minjieri;

46.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tniedi Alleanza Globali dwar il-Bidla fil-Klima mal-pajjiżi li huma l-inqas żviluppati u ma' Stati li huma gżejjer żgħar u li qed jiżviluppaw, u li speċifikament issaħħaħ il-koperazzjoni għall-adattazzjoni tal-bidla fil-klima; jistieden lill-UE biex tistieden liċ-Ċina biex tipparteċipa fl-oqsma ewlenin tal-pjan ta' ħidma tal-Alleanza, bħall-parteċipazzjoni fi djalogu dwar it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u fl-iżvilupp ta' azzjonijiet li jiggarantixxu li sforzi għall-iżvilupp ikunu mħarsa mill-effetti negattivi tal-bidla fil-klima (climate proofing development) li huma oqsma kruċjali ta' koperazzjoni meta wieħed iqis il-pożizzjoni taċ-Ċina bħala donator u investitur ewlieni fl-Afrika, u li ħafna drabi tinvesti fi proġetti ta' infrastruttura kbar li għandhom it-tendenza li jkunu partikolarment vulnerabbli għall-bidla fil-klima;

47.   Jitlob li jkun hemm żieda fl-iffinanzjar għall-adattazzjoni għall-bidla fil-klima, skond sistema fejn l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi jiddependi kemm fuq l-emissjonijiet tal-passat u l-kapaċità ekonomika u meta l-fondi ma jiġux imdawra mill-baġits għall-għajnuna eżistenti; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tkun favur azzjoni internazzjonali msaħħa, koordinata u komplementari rigward il-provvediment ta' riżorsi finanzjarji u investiment biex jiġu appoġġjati l-mitigazzjoni u l-azzjonijiet ta' adattazzjoni fl-Afrika, speċjalment f'forma ta' aċċess imtejjeb għal riżorsi finanzjarji adegwati, prevedibbli u sostenibbli, ta' appoġġ finanzjarju u tekniku għall-bini tal-kapaċità fil-valutazzjoni tan-nefqa għall-adattazzjoni għall-għajnuna, meta tkun qed tiddetermina l-bżonnijiet finanzjarji tagħha u l-provvediment ta' riżorsi ġodda u addizzjonali, inklużi l-fondi uffiċjali u konċessjonali; iħeġġeġ biex kwalunkwe għajnuna finanzjarja li tingħata tkun aċċessibbli mingħajr ħafna burokrazija involuta; jinsisti li jkun iffissat monitoraġġ effettiv tar-riżultati;

48.   Jistieden lill-UE biex tinvolvi ruħha f'diskussjonijiet multilaterali mal-AU, mal-Istati Membri u maċ-Ċina kif ukoll mas-soċjetà ċivili, dwar it-theddidiet globali tad-degradazzjoni ambjentali u l-bidla fil-klima u biex tinsisti fuq tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali, iffirmata waqt it-13-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP-13) li saret f'Bali fil-15 ta' Diċembru 2007, bħala qafas għal wara l-2012;

49.   Jistieden lill-UE biex tmexxi l-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima permezz tat-tnidija ta' “crash course” li jipprovdi appoġġ finanzjarju fuq skala kbira, minbarra l-linji baġitarji għall-għajnuna eżistenti, għall-iżvilupp u t-tixrid ta' teknoloġiji tal-enerġija li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent kemm fl-ekonomiji l-ġodda u kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li tirrikonoxxi l-bżonnijiet differenti tagħhom; jistieden b'mod speċifiku lill-UE biex tipprovdi fondi li jippermettu t-trasferiment ta' teknoloġiji rħas u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent fil-pajjiżi Afrikani; jirrikonoxxi liż-żieda fl-iffinanzjar għat-trasferiment tat-teknoloġija huwa pass ewlieni biex sa l-2009 tintlaħaq ftehima dwar qafas għall-bidla fil-klima għal wara l-2012;

50.   Iħeġġeġ lill-UE u liċ-Ċina biex jiżguraw, skond il-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali, li l-proġetti tagħha fl-Afrika, b'mod partikolari l-esplorazzjoni għal sorsi tal-enerġija, huma ambjentalment sostenibbli u kompatibbli mal-Pjan ta'Azzjoni ta' Bali;

51.   Jirrikonoxxi s-sehem tar-responsabilità tal-kummerċ u l-konsum tal-Punent fil-ħolqien ta' żieda fid-domanda taċ-Ċina għal riżorsi naturali mill-Afrika, kif ukoll iż-żieda ta' emissjonijiet tas-CO2 fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala riżultat tal-“outsourcing” tal-industriji li jniġġsu; jistieden lill-UE biex tqajjem il-kwistjoni dwar il-ġustizzja kummerċjali u tal-klima bħala parti mill-aġenda tal-koperazzjoni trilaterali bejn iċ-Ċina u l-Afrika; jistieden ukoll lill-UE biex issaħħaħ il-miżuri li jippromwovu konsum soċjalment u ambjentalment responsabbli (inkluż l-ittikkettar ta' prodotti li juru l-impatt ambjentali matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, mill-estrazzjoni tar-riżorsi naturali sal-produzzjoni u t-trasportazzjoni);

52.   Iħeġġeġ lill-UE tkun favur koperazzjoni internazzjonali ikbar, b'mod partikolari maċ-Ċina, biex tappoġġja l-implimentazzjoni urġenti ta' azzjonijiet ta' adattazzjoni, speċjalment permezz tal-evalwazzjoni tal-vulnerabilità, prijoritizzazzjoni ta' azzjonijiet, evalwazzjonijiet tal-bżonnijiet finanzjarji, bini tal-kapaċità u strateġiji ta' reazzjoni, integrazzjoni ta' azzjonijiet ta' adattazzjoni fl-ippjanar settorjali u nazzjonali, proġetti u programmi speċifiċi, mezzi li jipprovdu inċentivi għall-implimentazzjoni ta' azzjoni ta' adattazzjoni u metodi oħra li jippermettu żvilupp reżistenti għall-klima, b'kunsiderazzjoni għall-bżonnijiet urġenti u immedjati tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li huma vulnerabbli għall-effetti negattivi tal-bidla fil-klima, bħal dawk il-pajjiżi fl-Afrika, li huma partikolarment affettwati min-nixfa, mid-deżertifikazzjoni u mill-għargħar;

53.   Jistieden lill-UE biex issaħħaħ id-djalogu mal-Afrika u ċ-Ċina u biex tiżviluppa approċċi komuni biex ikunu trattati l-problemi ambjentali globali bħad-deforestazzjoni, id-deżertifikazzjoni u l-frammentazzjoni, it-tnaqqis jew it-telfien tal-bijodiversità u l-fertilità, kif ukoll it-tniġġis tal-ilma u ta'l-arja; jistieden lill-UE biex tippromwovi l-effiċjenza tal-enerġija, it-teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, l-immaniġġjar tar-riskju u l-kapaċitajiet ta' twissija bikrija kif ukoll l-industrijalizzazzjoni u l-konsum responsabbli;

Governanza tajba u drittijiet tal-bniedem

54.   Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jirrispettaw il-prinċipji tad-demokrazija, tat-tmexxija tajba u tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Afrika;

55.   Jistieden lill-UE tkun konsistenti mal-valuri, il-prinċipji u l-impenji tagħha skond il-Ftehima ta' Cotonou fir-relazzjonijiet tagħha ma' dawk il-gvernijiet Afrikani li jostakolaw id-demokrazija u jiksru d-drittijiet tal-bniedem, billi jċaħħduhom mill-kontroll tal-għajnuna, mill-appoġġ baġitarju jew mill-investimenti; iħeġġeġ lill-UE biex tiżgura li, f'każijiet bħal dawn, l-għajnuna umanitarja u kwalunkwe għajnuna oħra, tkun provduta mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u biex tgħin fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' dawn l-organizzazzjonijiet; jistieden lill-UE biex tħeġġeġ donaturi ewlenin oħra bħaċ-Ċina, li jkunu marbutin mill-konvenzjonijiet, il-protokolli u l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, biex jieħdu azzjoni simili;

56.   Jenfasizza li minkejja l-importanza ta' prinċipji bħas-sovranità, is-sjieda u l-allinjament, l-investimenti taċ-Ċina “mingħajr kundizzjonijiet” f'dawk il-pajjiżi Afrikani ggvernati ħażin mir-reġimi oppressivi jikkontribwixxu sabiex jissuktaw l-abbużi mid-drittijiet tal-bniedem u jdewmu iktar il-progress demokratiku u jxekklu r-rikonoxximent ta' tmexxija tajba, inklużi l-istat tad-dritt u l-kontroll tal-korruzzjoni; f'dan il-kuntest jenfasizza l-importanza ta' appoġġ ikbar mill-UE lill-gvernijiet, l-istituzzjonijiet u l-parteċipanti ewlenin tas-soċjetà ċivili li jippromwovu tmexxija tajba, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Afrika, speċjalment lill-parlamenti nazzjonali, lis-sistemi ta' partiti pluralisti, lill-organizzazzjonijiet tal-iżvilupp u tad-drittijiet tal-bniedem, lill-midja indipendenti, lill-entitajiet kontra l-korruzzjoni, eċċ;

57.   Jistieden lill-UE biex titlob lill-pajjiżi donaturi u riċevituri kollha biex jirrispettaw il-linji gwida u l-istandards ta' trasparenza stabbiliti mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali; iħeġġeġ lill-UE biex tipperswadi lill-awtoritajiet Ċiniżi biex iħeġġu l-banek nazzjonali biex jadottaw l-“Prinċipji tal-Ekwatur” għall-standards soċjali u ambjentali;

58.   Iħeġġeġ lill-UE biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina biex tadotta b'mod volontarju d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-OECD kontra t-Tixħim u biex tiżgura l-implimentazzjoni tagħha, mhux biss fiċ-Ċina, iżda wkoll fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi Afrikani;

59.   Jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha u liċ-Ċina biex jipparteċipaw f'inizjattivi globali kurrenti li jiffaċilitaw l-irkupru tal-assi skond it-Taqsima V tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Korruzzjoni, inkluża l-Inizjattiva konġunta dwar l-Irkupru ta' Assi Misruqa (StAR) li kienet imnidija riċentement mill-Bank Dinji u mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC);

60.   Jistieden lill-UE biex tħeġġeġ liċ-Ċina biex tirratifika l-Konvenzjonijiet tal-ILO li għadha ma adottatx u biex tiżgura l-implimentazzjoni tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kull meta huma involuti investimenti, kumpaniji, esperti u ħaddiema Ċiniżi, speċjalment fl-Afrika;

61.   Jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' kodiċi ta' kondotta internazzjonali u li jorbot dwar tmexxija tajba, kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u ġusti, responsabilità soċjali korporattiva, prattiki għall-ħarsien tal-ambjent kif ukoll l-appoġġ għal responsabilità korporattiva;

Paċi u Sigurtà

62.   Jistieden lill-UE sabiex il-Kodiċi tagħha ta' Kondotta fl-Esportazzjoni tal-Armi isir strument li jorbot legalment;

63.   Jistieden lill-UE biex tħeġġeġ liċ-Ċina żżid it-trasparenza tas-sistema ta' kontroll nazzjonali tagħha tal-esportazzjonijiet tal-armi, speċjalment billi tiżgura r-rappurtar sħiħ dwar l-esportazzjonijiet lir-Reġistratur tan-NU dwar l-Esportazzjonijiet ta' Armi Konvenzjonali u billi ttejjeb ir-regoli ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi sabiex timblokka t-trasferimenti ta' armi f'pajjiżi u reġjuni, b'mod partikolari fl-Afrika, fejn id-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u l-liġi umanitarja jinkisru sistematikament;

64.   Jistieden lill-UE biex tkompli bl-embargo tagħha tal-armi fuq iċ-Ċina, sakemm iċ-Ċina tkompli tesporta armi lill-forzi armati u lill-gruppi armati f'pajjiżi, ħafna minnhom fl-Afrika, li jħeġġu u jkomplu l-konflitti u li jiksru b'mod serju d-drittijiet tal-bniedem;

65.   Jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex jissospendu n-negozjati tal-kummerċ tal-armi ma' dawk il-gvernijiet li huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li huma involuti f'konflitti jew li jinsabu fix-xifer ta' gwerra, bħall-gvernijiet tal-Kenja, taż-Żimbabwe, tas-Sudan, taċ-Chad, tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, tal-Etjopja, tal-Eritrea u tas-Somalja; jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex iwaqqfu, jevitaw u jipprojbixxu trasferimenti ta' armi lill-parteċipanti ewlenin armati mhux Statali li jheddu d-drittijiet tal-bniedem, l-istabilità politika u l-iżvilupp sostenibbli fil-kontinent Afrikan;

66.   Jistieden lill-UE biex tkompli taħdem għal Trattat Internazzjonali dwar il-Kummerċ tal-Armi legalment vinkolanti dwar l-armi konvenzjonali kollha, innegozjat fuq il-livell tan-NU;

67.   Jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex jappoġġjaw inizjattivi mmexxija mill-Afrika, bħal forza “stand-by” u l-użu ta' organizzazzjonijiet reġjonali bħala pilastri tas-sigurtà:

68.   Jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina tkompli żżid il-parteċipazzjoni tagħha fin-NU u fil-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi tal-AU fl-Afrika u biex tespandi dik il-kontribuzzjoni billi tagħti wkoll truppi tal-ġlied, fejn meħtieġ u skond il-mandati tan-NU;

69.   Jistieden lill-UE biex tinvolvi liċ-Ċina fl-iżvilupp ta' approċċi komuni għas-sigurtà tal-bniedem, speċjalment fl-oqsma tad-diżarm konvenzjonali, tad-diżarm, tad-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid (DDR), tat-traċċabilità tal-armi, tat-tneħħija tal-mini u tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR); iħeġġeġ l-inklużjoni ta' kwistjonijiet ta' sigurtà mhux tradizzjonali, bħall-prevenzjoni ta' diżastri naturali, bħar-refuġjati tal-klima jew ekonomiċi, il-persuni spustati jew il-migranti, id-drogi jew il-mard li jittieħed;

*

* *

70.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż, lill-Unjoni Afrikana, lin-NEPAD, lill-PAP u lill-FOCAC.


(1)  ĠU C 200, 30.6.1997, p. 158.

(2)  Beijing Ottubru 2003, http://www.china-un.ch/eng/xwdt/t88637.htm.

(3)  Beijing, 12 ta' Jannar 2006, http://www.gov.cn/misc/2006-01/12/content_156490.htm.

(4)  L-2678 laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ltaqgħet fit-3 ta' Ottubru 2005.

(5)  Dokument tan-NU A/Conf.192/15, Lulju 2001, http://disarmament.un.org/cab/poa.html.

(6)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(7)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 219.

(8)  http://ec.europa.eu/external_relations/china/csp/index.htm.

(9)  Ftehima ta' Sħubija konkluża bejn il-Membri tal-grupp ta' Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3). Ftehima kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill tal-Ministri ACP-KE (ĠU L 247, 9.9.2006, p. 22).


Top