Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0339

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki

ĠU C 218, 11.9.2009, p. 55–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki

COM(2008) 469 finali – 2008/0160(COD)

2009/C 218/12

Nhar il-25 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Jannar 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur NARRO.

Matul l-451 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta’ Frar 2009 (seduta tas-26 ta’ Frar 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’95 vot favur, 59 vot kontra u 30 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tarmonizza r-regolamentazzjoni dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki. Is-sitwazzjoni attwali ta’ din l-attività mhijiex sostenibbli u huwa xieraq li jiġu promossi bidliet sostanzjali fuq skala internazzjonali.

1.2

Minħabba n-nuqqas ta’ bażi legali speċifika fit-Trattat li tindirizza l-kwistjonijiet marbuta mal-benesseri tal-annimali, il-Kumitat jemmen li l-għażla tal-Artikolu 95 tat-TKE dwar il-frammentazzjoni tas-suq intern hija tajba sabiex jittieħdu azzjonijiet leġiżlattivi f’dan il-qasam. Il-każistika Komunitarja tikkonferma l-leġittimità ta’ din id-deċiżjoni.

1.3

Il-Kumitat jipproponi li d-dħul fis-seħħ tas-sistema ta’ derogi jiġi pospost u jirrakkomanda li fl-2012 il-Kummissjoni tippreżenta rapport dettaljat dwar l-evoluzzjoni tal-liġijiet marbuta mal-kaċċa tal-foki sabiex iservi ta’ bażi għall-għoti eventwali tad-derogi mill-2012 ’il quddiem.

1.4

Il-projbizzjoni għandha tkun totali matul l-ewwel tliet snin tal-applikazzjoni tas-sistema l-ġdida, bl-unika eċċezzjoni tkun il-kaċċa li jipprattikaw l-Eskimiżi tal-Kanada (il-poplu Inuit) biex jgħixu.

1.5

Sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-miżuri mressqa fil-Proposta leġiżlattiva, huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni tfassal sistemi ta’ monitoraġġ effikaċi. Il-monitoraġġ ma jistax isir biss mill-Istat li jitlob deroga. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-implimentazzjoni xierqa ta’ dak li jkun ġie stipulat fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi korrispondenti.

1.6

Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni twettaq l-istudji meħtieġa biex tiddetermina l-impatt li l-bidla fil-klima tista’ tħalli fuq il-konservazzjoni tal-ispeċi.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-grupp tal-annimali magħruf bħala pinnipedi jiġbor fih total ta’ 33 speċi ta’ foki, iljuni tal-baħar, foki tal-fer, iljunfanti tal-baħar u walrus. Huma mammiferi ta’ daqsijiet differenti li jinġabru fi gruppi kbar sabiex jirriproduċu sew fuq l-art sew fuq is-silġ.

2.2

Minkejja li l-għaqdiet ambjentali (1) bdew iwissu dwar it-tnaqqis qawwi fil-popolazzjoni tal-foki minħabba, fost fatturi oħra, l-effetti tal-bidla fil-klima, l-organizzazzjonijiet tal-kaċċaturi u l-gvernijiet tal-Istati fejn jirriproduċu l-foki jiċħdu li hemm xi problema bil-konservazzjoni tal-ispeċi, u jirrimarkaw li hemm mal-15-il miljun foka li jistgħu jiġu kkaċċjati. Fl-aħħar snin id-dibattitu dwar il-kaċċa tal-foki ffoka fuq il-kwistjonijiet tal-benesseri tal-annimali, filwaqt li l-aspetti marbuta mal-konservazzjoni tal-ispeċi ma ngħatawx daqshekk importanza. L-UE għandha leġiżlazzjoni speċifika dwar il-konservazzjoni tal-foki (2).

2.3

Il-kaċċa kummerċjali tal-foki ssir fil-Kanada, Greenland, in-Namibja, in-Norveġja u r-Russja. Dawn il-pajjiżi kollha żviluppaw liġijiet differenti biex jirregolaw il-kaċċa tal-foki. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) għarfet in-nuqqas ta’ data affidabbli dwar il-popolazzjoni tal-foki u l-għadd ta’ annimali maqtula kull sena. Skont id-data pprovduta mill-awtoritajiet ta’ kull Stat, il-foki jiġu kkaċċjati l-aktar fil-Kanada, fejn jinqatlu kważi 300 000 annimal fis-sena. Skont id-data tal-Gvern Kanadiż (3), fl-2008 nqabdu 275 000 foka filwaqt li ngħataw total ta’ 17 000 liċenzja. Wara l-Kanada jiġu Greenland (4) u n-Namibja (5) b’numru ta’ annimali maqtula fis-sena wisq iżgħar minn dak tal-Kanada, jiġifieri 160 000 u 80 000 annimal rispettivament.

2.4

Fl-Unjoni Ewropea, il-foki jinqatlu u jinselħu f’żewġ Stati: il-Finlandja u l-Iżvezja. Fir-Renju Unit (fl-Iskozja) isiru prodotti mill-foki. Fit-territorju tal-Komunità din l-attività m’għandhiex dimensjoni kummerċjali bħal m’għandha fin-Norveġja jew il-Kanada, iżda għandha għan doppju ta’ rikreazzjoni u kontroll tal-popolazzjonijiet li jieklu l-ħut.

2.5

Il-foki jinqatlu biex il-ġilda tagħhom tintuża għall-kowtijiet, xaħamhom għaż-żjut, laħamhom għall-għalf u l-ġenitali tagħhom għall-produzzjoni tal-afrodiżjaċi – dawn tal-aħħar kulma jmur qed jiġu apprezzati dejjem iktar fil-kontinent Ażjatiku.

2.6

Il-foki jistgħu jinqatlu b’mod differenti. L-aktar strumenti komuni huma l-ixkubetti u l-ħakapiks (tip ta’ baqqun li jispiċċa f’forma ta’ martell). Għalkemm dan it-tip ta’ strument jidher primittiv u xejn raffinat, skont ix-xjenzati l-użu tal-ħakapik huwa l-aktar metodu effikaċi biex jistordi u joqtol foka malajr.

2.7

Fl-opinjoni xjentifika (6) tagħha ppubblikata fl-2007, l-EFSA ssostni li l-foki jistgħu jinqatlu minnufih u b’mod effikaċi bla ma jweġġgħu jew isofru mingħajr bżonn. Madankollu, tirrikonoxxi li fil-prattika l-foki mhux dejjem jinqatlu b’mod effikaċi u uman. Id-diversi liġijiet nazzjonali għandhom jirregolaw id-daqs u l-mod kif jintuża l-ħakapik, kif ukoll il-kalibru tal-ixkubetti u l-veloċità tal-balal.

3.   Sommarju tal-Proposta mill-Kummissjoni

3.1

Fis-26 ta’ Settembru 2006, il-Parlament Ewropew adotta dikjarazzjoni (7) u fiha talab lill-Kummissjoni Ewropea tfassal proposti leġiżlattivi bil-għan li jirregolaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti ġejjin minn żewġ speċi ta’ foki; il-foka Pagophilus Groenlandicus u l-foka Cystophora cristata. Barra minn hekk, fid-dikjarazzjoni ntalab li l-kaċċa tradizzjonali tal-foki pprattikata mill-Eskimiżi tal-Kanada (il-poplu Inuit) titqies bħala każ speċjali.

3.2

L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa adottat rakkomandazzjoni dwar il-kaċċa tal-foki li tħeġġeġ lill-Membri tagħha jipprojbixxu l-metodi krudili kollha tal-kaċċa li ma jiggarantixxux il-mewt instantanja tal-annimal.

3.3

Fl-aħħar snin il-Belġju, l-Olanda u s-Slovenja adottaw liġijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki. Pajjiżi oħra tal-UE wkoll iddeċidew li jagħmlu liġijiet b’rabta ma’ din il-kwistjoni u bħalissa qed ifasslu dawn il-liġijiet nazzjonali.

3.4

Fil-bidu tal-2007 l-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni mal-partijiet interessati li ngħalqet bl-opinjoni xjentifika ppreżentata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) (8). F’April 2008 d-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea ppubblika studju dwar l-impatt potenzjali tal-projbizzjoni tal-prodotti mill-foki.

3.5

Fit-23 ta’ Lulju 2008 l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Proposta għal Regolament (9) dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki. Il-bażi legali ta’ din il-Proposta kienet l-Artikoli 95 u 133 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. L-Artikolu 95 jirreferi għall-frammentazzjoni tas-suq intern u l-Artikolu 133 jiffoka fuq il-politika kummerċjali komuni. Il-kriterji għall-użu tal-bażi legali li jipprovdi l-Artikolu 95 ġew stabbiliti fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3.6

Il-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-prodotti mill-foki fil-Komunità. Madankollu, tistabbilixxi sistema ta’ derogi li tippermetti l-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali f’każ li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-benesseri tal-annimali msemmija fir-Regolament (10). Dawn il-kundizzjonijiet huma maħsuba biex jiżguraw li l-foki jinqatlu jew jinselħu bla ma jweġġgħu, isofru jew ibatu mingħajr bżonn.

3.7

Il-Kummissjoni Ewropea teżenta awtomatikament il-kaċċa tradizzjonali tal-foki pprattikata bħala mezz ta’ għajxien mill-Eskimiżi tal-Kanada (il-poplu Inuit). Il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni għandha tistabbilixxi l-miżuri adegwati biex tiżgura l-oriġini tal-prodotti mill-foki.

3.8

Kull ħames snin, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet meħuda biex jinfurzaw dan ir-Regolament.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tarmonizza r-regolamentazzjoni dwar il-metodi aċċettabbli għall-kaċċa tal-foki u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tagħhom.

4.2

Il-Proposta għal Regolament tiffoka fuq il-benesseri tal-annimali u ma tindirizzax il-problema marbuta mal-konservazzjoni tal-ispeċi. L-għaqdiet ambjentali Ewropej enfasizzaw il-ħtieġa li l-aspetti tal-konservazzjoni jiġu inklużi fit-test leġiżlattiv. Madankollu, l-UE għandha leġiżlazzjoni soda fil-qasam tal-konservazzjoni u għandha strumenti speċifiċi għall-konservazzjoni tal-foki, li huma komplementari mal-miżuri inklużi fil-Proposta.

4.3

Jidher ċar li l-bidla fil-klima (l-aktar il-fenomenu tad-dewbien tas-silġ) se taffettwa b’mod dirett il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tar-riproduzzjoni tal-foki. Għaldaqstant il-Kummissjoni Ewropea hija mitluba twettaq il-valutazzjonijiet u l-istudji xjentifiċi rilevanti sabiex tforni data reali dwar l-impatt negattiv potenzjali tal-bidla fil-klima fuq il-popolazzjonijiet tal-foki, u jekk ikun hemm bżonn, tirrevedi u tadotta l-istrumenti Komunitarji fil-qasam tal-konservazzjoni.

4.4

L-UE m’għandhiex bażi legali speċifika fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea biex tirregola l-aspetti marbuta mal-benesseri tal-annimali. In-nuqqas ta’ bażi legali espliċita twassal biex l-UE timla dan il-vojt bl-użu ta’ bażijiet legali differenti oħra, li xorta waħda huma leġittimi, biex tindirizza l-kwistjoni. F’dan il-każ, bis-saħħa tal-Artikolu 95, li huwa kontroversjali, dwar il-frammentazzjoni tas-suq intern l-UE tista’ tarmonizza l-leġiżlazzjoni marbuta mal-benesseri tal-annimali, kunċett li ġie kkwalifikat mill-każistika tal-Komunità bħala ta’ “interess ġenerali”. Fl-opinjoni tiegħu dwar il-pil tal-qtates u tal-klieb (11), il-KESE aċċetta l-bażi legali msemmija għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-benesseri tal-annimali u enfasizza l-konformità tagħha mar-regoli tal-kummerċ imfassla mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

4.5

Minħabba n-nuqqas ta’ monitoraġġ Komunitarju f’dan il-qasam, in-nuqqas ta’ data (fatt rikonoxxut uffiċjalment mill-EFSA) u l-interess ekonomiku marbut ma’ din il-kwistjoni huwa diffiċli li tinkiseb viżjoni ċara u reali tal-kaċċa tal-foki barra mill-UE. Il-bidliet leġiżlattivi potenzjali fil-pajjiżi fejn jinqatlu l-foki, bil-għan li jikkonformaw mal-kriterji Komunitarji l-ġodda, fil-prattika mhux bilfors jimplikaw titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tal-qtil tal-foki.

4.6

Il-projbizzjoni ġenerali, flimkien mas-sistema ta’ derogi li jingħataw wara, timplika l-introduzzjoni ta’ strument ġdid li jista’ joħloq preċedent importanti għall-proċessi leġiżlattivi Komunitarji tal-ġejjieni. Għaldaqstant, il-KESE ma jirrifjutax għalkollox l-iskema tad-derogi proposta mill-Komunità iżda jitlob li tidħol fis-seħħ aktar tard b’tali mod li matul l-ewwel tliet snin tal-implimentazzjoni tar-Regolament il-projbizzjoni ġenerali tkun totali, għajr għall-komunità Inuit li l-għajxien tagħhom jiddependi mill-kaċċa tal-foki. Jekk din l-iskema tidħol fis-seħħ aktar tard, mil-lat tekniku l-UE tkun tista’ tiżviluppa sistema ta’ derogi iktar dettaljata u b’saħħitha mill-iskema ġenerali mressqa fil-Proposta oriġinali. Barra minn hekk, b’dan id-dewmien il-monitoraġġ jiġi ffaċilitat u jinstabu elementi ġodda biex jiġi vvalutat l-għoti eventwali tad-derogi.

4.7

Ir-rapport Komunitarju fl-2012 dwar il-bidliet li jsiru fil-liġijiet nazzjonali dwar il-kaċċa tal-foki, l-implimentazzjni prattika u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ jista’ jkun ferm siewi biex l-awtoritajiet Komunitarji jkunu jistgħu jevalwaw l-avvanzi mwettqa u jiddeċiedu jekk jagħtux derogi minn dik id-data ’l quddiem. Minħabba n-nuqqas ta’ data, jinħtieġ sforz Komunitarju ikbar li jippermetti l-ġbir tad-data rilevanti u meħtieġa kollha.

4.8

Il-KESE jittama li l-Proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni toħloq inċentiv ġenwin biex dawk l-Istati li fihom issir il-kaċċa tal-foki jkunu jistgħu jadattaw il-leġiżlazzjoni u l-prattiki bil-għan li l-foki jinqatlu b’mod aktar “uman”. L-istatus quo attwali rigward il-qtil tal-foki mhux sostenibbli u għandhom jitħeġġu l-bidliet meħtieġa minkejja l-limitazzjonijiet tal-kompetenza tal-UE f’dan il-qasam.

4.9

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jadottaw sistema ta’ sanzjonijiet effikaċi, dissważivi u proporzjonati bil-għan li tiġi żviluppata leġiżlazzjoni ġdida dwar il-kaċċa tal-foki u tkun effikaċi. Sistema effikaċi ta’ sanzjonijiet għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Minkejja li l-Proposta għal Regolament ma tindirizzax il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni tal-kaċċa tal-foki, il-KESE jemmen li għandu jesprimi ruħu dwar ċerti kwistjonijiet rikorrenti fid-dibattitu dwar il-kaċċa tal-foki. L-ewwel nett, għandu jiġi nnutat mingħajr ambigwità li l-qtil tal-foki ma jistax jiġi definit bħala attività tas-sajd iżda bħala l-kaċċa tal-mammiferi. It-tieni, huwa dibattibbli kemm il-foki jistgħu jingħataw it-tort għat-tnaqqis fir-riżorsi marini u b’mod aktar speċifiku fil-konċentrazzjonijiet tal-merluzz. L-ebda studju xjentifiku ma jikkonferma dan l-argument li qed jintuża biex jiġġustifika l-kaċċa tal-foki f’xi pajjiżi. Minħabba l-kumplessità tal-ekosistema tal-baħar ma jistgħux isiru stqarrijiet definiti ta’ din ix-xorta.

5.2

Fil-Proposta tagħha l-Kummissjoni ma tagħmilx differenza bejn il-kaċċa tal-foki fuq skala kbira u żgħira. Din il-filosofija tal-Kummissjoni hija tajba jekk nikkunsidraw li l-għan aħħari tal-Proposta huwa msejjes fuq il-benesseri tal-annimali. L-introduzzjoni ta’ eċċezzjonijiet partikolari għall-pajjiżi Ewropej li jipprattikaw il-kaċċa tal-foki fuq skala żgħira ma tistax tiġi ġġustifikata mill-perspettiva tal-benesseri tal-annimali u tista’ tqajjem id-dubji dwar il-legalità tal-Proposta kollha fil-livell internazzjonali.

5.3

Il-ħidma ta’ monitoraġġ f’dan il-qasam tirriżulta diffiċli u kumplessa immens, u trid titwettaq f’kundizzjonijiet klimatiċi avversi ħafna. Il-monitoraġġ għandu jidentifika n-numru reali ta’ annimali maqtula u l-livell ta’ konformità, fil-prattika, mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fil-qasam. Sistema ta’ monitoraġġ mmexxija kompletament mill-pajjiż li jitlob deroga, mal-ewwel daqqa t’għajn, ma tidhirx li hi l-aqwa formula biex tiggarantixxi l-indipendenza tagħha. L-UE għandha tifforma tim ta’ esperti li jwettaq il-monitoraġġ fuq il-post f’dawk il-pajjiżi li jitolbu deroga. Il-finanzjament ta’ dan il-korp Ewropew ta’ spetturi għandu jsir mill-pajjiżi li jkunu jixtiequ jesportaw lejn is-suq Komunitarju. B’dan il-mod, l-UE jkollha iktar informazzjoni sabiex tevalwa l-effikaċja tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni u tikkettar.

5.4

L-iżvilupp ta’ sistema fakultattiva ta’ ċertifikazzjoni u tikkettar fil-pajjiżi li jitolbu deroga twieġeb għas-sensittività li esprimew kemm-il darba ċ-ċittadini Ewropej u li ġiet riflessa fil-konsultazzjoni pubblika organizzata mill-Kummissjoni. L-inizjattivi dwar iċ-ċertifikazzjoni u tikkettar għandha tkun akkumpanjata, ikun xi jkun il-każ, minn miżuri ġenerali ta’ projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki. Jekk ma jsirx dan, ma jkunx faċli li jinkisbu l-għanijiet tal-benesseri tal-annimali li tressaq il-Kummissjoni fil-Proposta tagħha.

5.5

Ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għandhom ikunu żviluppati fil-leġiżlazzjoni li timplimenta r-Regolament b’tali mod li jiġu stipulati il-kundizzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni u t-tikettar b’mod preċiż. Fl-imgħoddi, minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni f’dan il-qasam, it-tikketti impreċiżi ħawdu u żgwidaw lill-konsumaturi. Normalment fis-suq insibu prodotti mħejjija bi prodotti mill-foki ttikkettati bħala “żejt tal-baħar” jew “żejt tal-ħuta”. Għalhekk huwa importanti ħafna li t-tikketti ta’ dawn il-prodotti jindikaw mhux biss l-ispeċi tal-foki li jiġu minnhom iżda wkoll l-oriġini tal-annimal.

5.6

Il-kumitat li se jassisti lill-Kummissjoni Ewropea fil-proċedura tal-għoti tad-derogi għandu jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet u l-operaturi kollha li huma milquta minn din l-istess proċedura.

Brussell, 26 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  IFAW technical briefing 2008/01 (Tagħrif tekniku fil-qosor tal-IFAW 2008/01).

(2)  Id-Direttiva 92/43 tal-21 ta’ Mejju 1992.

(3)  Seals and sealing in Canada, Facts about seals 2008 (Il-foki u l-kaċċa tal-foki fil-Kanada, il-fatti fuq il-foki 2008).

(4)  Groenlandia home rule, 2006.

(5)  Ir-rapport tal-EFSA “Animal welfare aspects of the killing and skinning of seals” (L-aspetti tal-benesseri tal-annimali fil-qtil u s-sliħ tal-foki), Diċembru 2007.

(6)  Opinjoni xjentifika tal-EFSA tas-6 ta’ Diċembru 2007, EFSA Journal (2007) 610, p. 122.

(7)  Dikjarazzjoni 38/2006 tal-Parlament Ewropew.

(8)  Opinjoni xjentifika EFSA tas-6 ta’ Diċembru 2007, EFSA Journal (2007) 610, p. 122.

(9)  COM(2008) 469 finali.

(10)  Artikolu 4(1) tal-Proposta għal Regolament.

(11)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 42.


Top