This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AE0331
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Communication from the Commission to the European Parliament, the Council and the European Economic and Social Committee. Regulatory aspects of nanomaterials
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Aspetti regolatorji tan-nanomaterjali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Aspetti regolatorji tan-nanomaterjali
ĠU C 218, 11.9.2009, p. 21–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.9.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 218/21 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Aspetti regolatorji tan-nanomaterjali
COM(2008) 366 finali
2009/C 218/04
Nhar is-17 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni Ewropea, iddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Aspetti regolatorji tan-nanomaterjali
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur PEZZINI.
Matul l-451 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta’ Frar 2009 (seduta tal-25 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’170 vot favur, vot wieħed kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jsostni li l-Ewropa qiegħda fl-avangwardja fl-iżvilupp responsabbli tan-nanoxjenzi u n-nanomaterjali (N&N), u għaldaqstant qed tikkontribwixxi għall-progress ekonomiku u soċjali fuq livell dinji. |
1.2 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ żvilupp mgħaġġel tal-applikazzjonijiet industrijali u transsettorjali tan-nanoteknoloġiji, waqt li jitqies:
|
1.3 |
Il-KESE jaqbel mal-prinċipji mniżżla fil-Kodiċi ta’ Kondotta għan-nanoteknoloġiji, u jqishom validi anke għar-reviżjoni tal-qafas ġuridku-regolatorju Ewropew tan-N&N. |
1.4 |
Il-KESE jesprimi tħassib dwar il-progress bil-mod wisq irreġistrat fl-applikazzjonijiet tan-nanoteknoloġiji fuq is-suq u fir-riċerka fuq l-effetti tan-nanomaterjali fuq l-ambjent, is-saħħa u t-tossikoloġija. |
1.5 |
Il-KESE huwa konvint li l-kumplessità u l-iżvilupp mgħaġġel tan-nanoteknoloġiji, u l-fatt li jinvolvu firxi wiesgħa ta’ dixxiplini xjentifiċi, jeħtieġu approċċ multidixxiplinari, speċjalment fir-rigward tal-kwistjonijiet tar-riskji, f’qafas regolatorju, etiku u soċjali: dan huwa indispensabbli sabiex jinstabu soluzzjonijiet aċċettati minn kulħadd dwar il-ġestjoni tar-riskji, imsejsa fuq pedamenti affidabbli, kompleti u responsabbli. |
1.6 |
Sistema ottimali ta’ gvernanza għandha tirrispetta l-bilanċ bejn id-diversi aspetti tal-iżvilupp responsabbli tan-nanomaterjali, u l-KESE jirrakkomanda li l-Osservatorju tan-Nanoteknoloġiji jiġi trasformat fi struttura permanenti biex ikun jista’ jipprovdi analiżi fuq bażi xjentifika u ekonomika soda u biex jevalwa l-impatt fuq is-socjetà; ir-riskji potenzjali għall-ambjent, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (EHS), f’kooperazzjoni mal-aġenziji l-oħra Ewropej ikkonċernati. |
1.7 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-ħtieġa ta’ qafas ta’ referenza regolatorju integrat, minbarra sistema ta’ gvernanza, bil-għan li jittratta b’mod ċar u affidabbli il-bżonnijiet emerġenti speċjalment f’dawk li huma metodi komuni ta’ klassifikazzjoni, metroloġija u ttestjar tal-validità tal-protokolli eżistenti u ta’ protokolli ġodda, u ta’ riċerka qabel u waqt l-implimentazzjoni tar-regoli. |
1.8 |
Skont il-KESE hija meħtieġa azzjoni qawwija fl-edukazzjoni u l-formazzjoni interdixxiplinari, kif ukoll azzjoni li tintegra f’dan l-isforz, bl-għajnuna ta’ infrastruttura ta’ eċċellenza, l-evalwazzjoni u l-prevenzjoni tar-riskji. |
1.9 |
Il-KESE jqis importanti l-iżvilupp ta’ azzjoni Ewropea ta’ stipular ta’ livelli ta’ referenza (benchmarks) tal-inizjattivi meħtieġa, fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskji fl-Ewropa, fl-Istati Uniti, fil-Ġappun u fl-ekonomiji emerġenti. |
1.10 |
Skont il-KESE, jeħtieġ appoġġ għall-ħidmiet ta’ standardizzazzjoni teknika u regolatorja tas-CEN, is-CENELEC u l-ETSI, anke b’setgħat ċari u trasparenti għall-Kummissjoni, sabiex jiddaħħlu fil-ħidmiet tal-ISO/TC 229 f’livell internazzjonali, biex b’hekk jiġi ffaċilitat il-kummerċ dinji sikur tan-nanoteknoloġiji, in-nanoprodotti u sistemi aktar kumplessi li jintegraw l-N&N. |
1.11 |
Il-KESE jirrakkomanda t-tisħiħ tad-djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili, imsejjes fuq bażi soda u trasparenti, li jagħti l-qawwa ta’ vuċi waħda Ewropea f’dan il-qasam vitali għall-futur tagħna fil-kuntest internazzjonali. |
1.12 |
Il-KESE jitlob li r-rapport tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-2009 jinkludi kapitolu ddedikat speċifikament għal:
|
2. Daħla
2.1 |
F’dawn l-aħħar snin il-Kummissjoni saret l-akbar korp ta’ ffinanzjar pubbliku fil-qasam tal-N&N: hija fil-fatt ħarġet 1.4 miljun euro permezz tas-Sitt Programm Qafas (6PQ) tal-RTD u kważi 600 miljun euro fl-ewwel sena tas-7 PQ 2007–2013: minn dan l-ammont, 28 miljun euro ġew allokati għar-riċerka dwar is-sikurezza tal-N&N, biex it-total allokat għas-settur ilaħħaq madwar 80 miljun euro (1). |
2.2 |
Twaqqfu diversi Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej speċifikament għall-applikazzjonijiet nanoteknoloġiċi, bħal dik tan-nanoelettronika (ENIAC), dik tan-nanomediċina u tal-kimiċi sostenibbli. |
2.3 |
F’livell dinji, fis-snin 2004–2006, in-nefqa pubblika u privata globali fl-N&N laħqet 24 miljun euro: aktar minn 25 % ta’ din iċ-ċifra nħarġet mill-Ewropa u minn dan il-perċentwal, 5-6 % (2). |
2.4 |
Id-dispożizzjonijiet taħt is-7PQ tal-RTD 2007-2013 (3) li jikkonċernaw l-N&N jeżiġu r-rispett tal-aspetti etiċi fundamentali li l-prinċipji tagħhom jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
2.5 |
Ir-rapport tat-Tielet Djalogu Internazzjonali dwar R&D responsabbli fin-nanoteknoloġiji enfasizza l-impenn li qed isir fl-oqsma li ġejjin:
|
2.6 |
L-impenn tad-diversi organizzazzjonijiet internazzjonali intwera fl-inizjattivi elenkati hawn taħt:
|
2.7 |
Ir-Rapport dwar in-nanoxjenzi u n-nanoteknoloġija: Opportunitajiet u inċertezzi (4) tar-Royal Society fir-Renju Unit jgħid hekk: Sakemm ma nsirux nafu aktar dwar l-impatt ambjentali tan-nanopartikoli u tan-nanotubi, aħna nirrikmandaw li r-rilaxx fl-ambjent ta’ nanotubi u nanopartiċelli manifatturati għandu kemm jista’ jkun jiġi evitat. |
2.8 |
In-nanomaterjali diġà jeżistu f’ħafna oġġetti li jintużaw kuljum (5): il-pannelli li jitnaddfu awtomatikament, li jillimitaw l-użu tad-deterġenti; l-aġenti diżinkwinanti għat-tneħħija tal-ossidu tan-nitroġenu mill-arja; iċ-ċelloli fotvoltajċi tal-aħħar ġenerazzjoni; il-materjali termoiżolanti; is-sistemi tas-sekwestru tas-CO2; in-nanofiltri tal-arja u tal-ilma, minbarra l-applikazzjonijiet numerużi fid-dijanjostika medika u f’terapiji mhux invażivi. |
2.9 |
Il-problema tinħoloq ukoll mill-ħtieġa tal-adattament tal-protokolli għall-evalwazzjoni tar-riskji tat-tossiċità fuq medda qasira u twila taż-żmien, fuq in-nanomaterjali, u l-fenomeni tal-akkumulazzjoni u l-amalgamazzjoni tagħhom ma’ sustanzi oħra fl-ekosistema u fuq it-tessut organiku tal-bniedem. |
2.10 |
L-istandards u l-verifiki tal-evalwazjoni tar-riskji f’ambjenti kumplessi jistgħu jvarjaw bejn il-laboratorju u barra: Ir-riċerki dwar dawn (6) għandhom imorru lil hinn mill-prodotti protettivi konvenzjonali, bħall-filtri, maskri tan-nifs, ilbies protettiv u ingwanti: oġġetti ttestjati b’nanopartiċelli tal-grafit, twal 10 – 50 nanometri. |
2.11 |
Kif issostni l-Kummissjoni – u kif enfasizza l-KESE diversi drabi – “L-Avviċinament integrat, sikur u responsabbli sar il-qalba tal-politika tal-UE għan-nanoteknoloġija.” L-ambitu tal-applikazzjonijiet u r-ramifikazzjonijiet huwa vast u b’hekk jeħtieġ li jkun hemm viżjoni wiesgħa sabiex jiġu identifikati u sfruttati l-punti komuni u l-interdipendenzi ta’ din ix-xjenza, li tkopri medda mill-fiżika nukleari sat-teknoloġija tal-plażma u minn nanomekkanika sal-ipproċessar tat-tessuti. |
2.12 |
Minħabba li n-nanoproċessi jsiru f’dimensjoni nanoskopika (minn 10 sa inqas minn 9), diffiċilment immaġinabbli għal min ma jaħdimx fihom, in-nanomaterjali jeħtieġu mill-bidu nett djalogu kostruttiv mal-konsumaturi, biex jiġi identifikat u evitat il-periklu u biex jiġi eliminat kull biża’ mhux ġustifikat. |
2.13 |
Il-KESE enfasizza mhux biss il-ħtieġa ta’ żvilupp mgħaġġel tal-applikazzjonijiet industrijali u multisettorjali, imma wkoll il-kuntest ekonomiku u soċjali, ġuridiku u regolamentari, fiskali u finanzjarju li fih iridu joperaw l-inizjattivi ta’ impriżi ġodda u ta’ profili professjonali innovattivi, u tal-ħarsien tal-aspetti etiċi, ambjentali, ta’ saħħa u sikurezza, tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-applikazzjonijiet xjentifiċi (7). |
2.14 |
Fl-opinjoni l-aktar reċenti tiegħu (8), il-KESE tenna l-ħtieġa ta’ “djalogu viżibbli u trasparenti mas-soċjetà ċivili, li jiżgura l-konnoxxenza bbażata fuq evalwazzjonijiet oġġetivi tar-riskji u tal-opportunitajiet tal-N&N, mhux l-inqas ta’ attenzjoni għall-ħarsien tal-aspetti etiċi u ambjentali, kif ukoll dawk tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u l-konsumaturi”. |
2.15 |
Fl-2008 il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni (9) dwar riċerka responsabbli fis-setturi tal-N&N, u pproponiet Kodiċi ta’ Kondotta msejjes fuq seba’ prinċipji: – fehim: l-attivitajiet ta’ riċerka fl-N&N għandhom jinftiehmu mill-pubbliku u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, u l-applikazzjoni tagħhom għandha taqdi l-benessri tan-nies fis-soċjetà, – sostenibbiltà: Ir-rispett tal-prinċipji etiċi u l-iżvilupp għat-tul jimponi attivitajiet ta’ riċerka dwar l-N&N li ma jagħmlux ħsara l-ambjent, speċjalment lill-bniedem, l-annimali u l-pjanti, – prekawzjoni: rispett tal-prinċipju tal-prekawzjoni (10) biex jiġu evitati l-impatti li jista’ jkun hemm fuq is-saħħa u l-ambjent, – Inklussività: trasparenza, rispett għad-dritt tal-aċċess leġittimu għall-informazzjoni, ftuħ għall-partijiet kollha interessati, – eċċellenza: adozzjoni tal-aqwa standards xjentifiċi, ikluża l-integrità tar-riċerka u tal-prattiki tal-laboratorju tajbin (11), – innovazzjoni: governanza tar-riċerka dwar l-N&N biex tiġi massimizzata l-kreattività, il-flessibbiltà u l-kapaċità programmatika għat-tkabbir u l-innovazzjoni, – responsabbiltà: assunzjoni tar-responsabbiltà tar-riċerkaturi u l-korpi tar-riċerka dwar l-impatti soċjali, ambjentali u s-saħħa tal-bniedem, li jista’ jkun hemm fil-preżent u fil-futur. Ir-Rakkomandazzjoni tipprevedi rapport annwali tal-Istati Membri dwar ir-riżultati tal-applikazzjoni tal-kodiċi u kull prattika tajba li tintuża biex jinkisbu. |
2.16 |
Il-KESE jaqbel mal-prinċipji ta’ tali kodiċi u jqishom validi fir–rigward tar-reviżjoni tal-qafas ġuridiku u regolatorju Ewropew għall-N&N. |
2.17 |
Il-KESE jesprimi tħassib dwar il-progress kajman irreġistrat fl-applikazzjoni tan-nanoteknoloġiji fis-suq u fir-riċerka fuq l-effetti tan-nanomaterjali fuq l-ambjent, is-saħħa u t-tossikoloġija. |
2.18 |
Anke jekk bħalissa l-livell ta’ riskju marbut mal-espożizzjoni tal-ħaddiema u ċ-ċittadini jidher li għadu limitat, il KESE jqis indispensabbli t-tisħiħ tal-iskemi ta’ djalogu mad-dinja tar-riċerka u l-industrija bl-iskop li dawn l-aspetti jiddaħħlu – bl-istess importanza mogħtija lir-riżorsi umani u finanzjarji – fir-riċerka u l-applikazzjonijiet kollha tan-nanomaterjali, mill-bidu tal-ħolqien tagħhom. |
2.19 |
Il-KESE jinnota l-eżistenza ta’ għadd kbir ta’ strumenti leġiżlattivi u regolamentari Komunitarji li jikkorrispondi għall-għadd daqstant ieħor kbir ta’ dixxiplini u s-setturi interessati (iktar minn 90): it-trasparenza kbira tad-dispożizzjonijiet Komunitarji u l-fehim tal-pubbliku jistgħu jiddgħajfu minħabba l-kumplessità tagħhom. |
2.20 |
Sforz biex l-aspetti ġuridiċi jiġu ppubbliċizzati, l-iżvilupp ta’ sit tal-Internet interattiv dwar is-suġġett u ta’ parteċipazzjoni demokratika mħaddma mal-organizazjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-tixrid ta’ gwidi għal prattiki tajba, jistgħu jħaffu l-fehim tal-qafas regolatorju, partikolarment għall-SMEs, il-konsumaturi u ċ-ċittadini. |
2.21 |
Sistema otimali ta’ gvernanza għandha tkun kapaċi żżomm bilanċ bejn id-diversi aspetti tal-iżvilupp responsabbli tan-nanomaterjali. Il-KESE jirrikkomanda l-iżvilupp ta’ struttura permanenti ta’ referenza, anke abbażi tal-Osservatorju tan-Nanoteknoloġji mniedi fl-2008 bħala proġett iffinanzjat mill-UE (12): L-għan huwa li tiġi pprovduta analiżi affidabbli, kompleta u responsabbli fuq bażi xjentifika u ekonomika, jiġu eżaminati l-kwisjonijiet etiċi, previsti r-riskji potenzjali għas-saħħa u s-sikurezza (EHS) u żviluppati standards ġodda. |
2.22 |
Il-KESE huwa konvint li kumplessità, l-evoluzzjoni mgħaġġla u t-trasversalità xjentifika tan-nanoteknoloġiji jeħtieġu approċċ multidixxiplinari (regolatorju, etiku u soċjali): dan huwa indispensabbli biex jiġu offruti, f’dik li hi ġestjoni u analiżi serja, kompleta u responabbli, li torganizza, tiddokumenta u tikkomunika b’eżattezza informazzjoni eżawrjenti dwar in-nanomaterjali prodotti. |
3. Il-proposti tal-Kummissjoni
3.1 |
Skont il-Kummissjoni, jeħtieġ b’mod partikolari li:
|
4. Osservazzjonijiet ġenerali
4.1 |
Il-KESE jsostni li l-Ewropa qiegħda fl-avangwardja fl-iżvilupp responsabbli tan-nanoxjenzi u n-nanomaterjali (N&N), u għaldaqstant qed tikkontribwixxi għall-progress ekonomiku u soċjali f’ambjent globali kompetittiv li joffri ħafna sfidi, u li huwa indispensabbli li f’tali proċess jiġi adottat mill-bidu nett approċċ multidixxiplinari li kapaċi jippermetti djalogu permanenti mas-soċjetà ċivili bħala premessa għall-aċċettabilità tiegħu. |
4.2 |
Waqt li japprezza l-isforz tal-Kummissjoni fl-analiżi tal-għadd kbir ta’ miżuri Komunitarji eżistenti, il-KESE jqis li din l-analiżi għandha tiġi żviluppata iktar fi kwadru ta’ koerenza biex tipprovdi bażi trasparenti u dħulija mal-utent li hija meħtieġa biex jitwaqqaf djalogu strutturat mas-soċjetà, previst mill-KESE kemm-il darba (13). |
4.3 |
Fl-opinjoni tal-KESE, jeħtieġ l-iżvilupp ta’ prospettivi ta’ evalwazzjoni tar-riskji tan-nanoteknoloġiji li kapaċi tipprevedi l-futur, bħalma jeħtieġ qafas regolatorju maqbul f’livell internazzjonali, biex jipprovdi tweġibiet ċari, afidabbli, u kompleti, u li jippermetti l-evalwazzjoni tal-impatt fuq kwistjonijiet etiċi, riskji potenzjali għall-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini u l-eventwalità li dawn iseħħu. |
4.4 |
Il-KESE jitlob għalhekk l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva Komunitarja għal:
|
4.5 |
Il-KESE jitlob li r-rapport tal-2009 tal-Pjan ta’ Azzjoni 2005–2009 jinkludi kapitolu ddedikat għall-progress fil-qafas regolatorju tal-evalwazzjoni u l-prevenzjoni tar-riskji, l-effikaċja tal-protokolli tal-ittestjar u l-progress f’dan il-qasam u l-prijoritajiet ta’ azzjoni. |
Brussell, 25 ta’ Frar 2009.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Ara: Tomellini, R; Giordani, J. (eds.). It-Tielet Djalogu Internazzjonali dwar Riċerka u Żvilupp Responsabbli tan-Nanoteknoloġija – Brussell, 11 - 12.3.2008.
(2) Ara COM(2007) 505 finali, 6.9.2007: Nanoxjenzi u Nanoteknoloġiji: Pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa 2005-2009. L-Ewwel Rapport ta’ Implimentazzjoni 2005-2007.
(3) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2006, (ĠU L 400, 30.12.2006).
(4) The Royal Society. Nanosciences and Nanotechnology: Opportunities and Uncertainties. Londra, 29.7.2004.
(5) Bħar-rakketti tat-tenis, roti, skrins tat-TV, għadd kbir ta’ reżini użati fil-militar, fl-ispazju, fl-elettronika tad-djar, minbarra mit-tagħmir ellettromediku.
(6) Ara: Il-Proġett “NANOSAFE2” – l-ewwel rapport dwar it-tixrid tan-nanomaterjali abbażi tal-prinċipju tal-prekawzjoni.
(7) Ara: ĠU C 157, 28.6.2005.
(8) Ara: ĠU C 185, 8.8.2006.
(9) Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, COM(2008) 424 tat-7.2.2008.
(10) Ara l-Artikolu 174, par. 2, tat-Trattat tal-UE u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prinċipju tal-prekawzjoni (COM(2000) 1 finali).
(11) Ara d-Direttiva 2004/9/KE u d-Direttiva 2004/10/KE.
(12) Ara “Observatory nano” PROGETTO FP7.
(13) Ara nota 6 u 7.
(14) Ara ĠU C 185, 8.8.2006, p. 1.