EUR-Lex Adgang til EU-lovgivningen

Tilbage til forsiden

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 52008AR0333

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ajru Uniku Ewropew II

ĠU C 120, 28.5.2009, s. 52–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/52


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ajru Uniku Ewropew II

2009/C 120/10

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Jenfasizza l-fatt li t-trasport bl-ajru huwa ta’ importanza kbira għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, għall-kompetittività u l-benessri kemm fir-reġjuni kif ukoll fl-Ewropa kollha kemm hi.

Jemmen li huwa importanti li jitqies il-kuntest operazzjonali nazzjonali u/jew reġjonali fit-twaqqif ta’ objettivi ta’ prestazzjoni madwar l-Ewropa peress li mhuwiex xieraq li jiġu stabbiliti l-istess miri kemm għal ajruporti bi traffiku qawwi kif ukoll għal dawk b’inqas traffiku. Huwa importanti li jinżamm is-Servizz tal-Informazzjoni dwar it-Titjiriet tal-Ajrudromi (AFIS), minflok li l-ajruporti jkollhom jużaw l-ATC, peress li dan ikun ta’ spiża ikbar għall-ajruporti ż-żgħar. L-awtoritajiet nazzjonali u/jew reġjonali huma fl-aħjar pożizzjoni biex iqisu dawn l-aspetti.

Jitlob biex tiġi kkjarifikata l-proposta sabiex it-tariffi tat-traffiku tal-ajru jiġu użati għall-iffinanzjar ta’ proġetti komuni, fir-rigward tal-użu possibbli ta’ finanzjament ieħor u kif il-korp nazzjonali jew reġjonali li qed jibbenefika minn proġett bħal dan ser jipparteċipa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

Jirrakkomanda li l-kompetenzi mogħtija lill-EASE jkunu limitati għal ajrudromi li jservu t-traffiku professjonali mmexxi mir-Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti, dan billi tingħata l-attenzjoni mistħoqqa lill-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Jemmen li huwa importanti li regoli ta’ implimentazzjoni għall-ajrudromi jitfasslu b’relazzjoni mal-livell ta’ kumplessità tal-ajrudomu partikulari u l-kwalità tal-operazzjonijiet u ċ-ċifri tat-traffiku tiegħu, waqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-ajrudromi bi ftit traffiku u l-ammont ta’ persunal li jaħdmu fihom.

Rapporteur

:

Is-Sinjura Lea Saukkonen (FI/PPE) Viċi membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Ħelsinki

Dokumenti ta’ referenza

Proposta għal Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 biex itejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni

COM(2008) 388 finali – 2008/0127 (COD)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-Ajru Uniku Ewropew II: lejn avjazzjoni aktar sostenibbli u prestazzjoni aħjar

COM(2008) 389 finali

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u li jħassar id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/23/KE

COM(2008) 390 finali – 2008/0128 (COD)

I   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Daħla

1

jenfasizza l-fatt li t-trasport bl-ajru huwa ta’ importanza kbira għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, għall-kompetittività u l-benessri kemm fir-reġjuni kif ukoll fl-Ewropa kollha kemm hi. It-trasport fl-ajru jiżgura konnessjonijiet rapidi u flessibbli bejn ir-reġjuni tal-Ewropa u mal-bqija tad-dinja;

2

huwa konvint li titjib fil-prestazzjoni tas-sistema tal-avjazzjoni Ewropea mhux biss iġib miegħu benefiċċji ekonomiċi sinifikanti iżda wkoll jassigura ċaqliq iktar flessibbli u sigur, waqt li jiġu kkunsidrati aħjar il-kwistjonijiet dwar il-ħarsien ambjentali u l-isfidi tal-bidla fil-klima;

3

jenfasizza li jeħtieġ li jiġu żviluppati u mtejba l-kapaċità u l-opportunitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali biex jaħdmu flimkien bħala unità waħda magħquda li taħdem bla xkiel fl-istess blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FAB), waqt li fl-istess ħin jikkonformaw mar-regoli miftiehma mal-UE;

4

itenni l-fehma tiegħu li ajruporti reġjonali għandhom jitqiesu bħala assi partikularment importanti għall-iżvilupp tal-ekonomiji reġjonali u lokali u li l-importanza soċjali u ekonomika tat-trasport fl-ajru ser tikber bit-tkabbir tal-Unjoni (1);

5

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li hemm differenzi kbar bejn l-ajruporti Ewropej. Jeżistu differenzi kbar rigward ir-rekwiżiti kemm għall-ġestjoni tat-traffiku kif ukoll is-sikurezza meta ajruporti fi bliet Ewropej jitqabblu ma’ dawk f’żoni fil-periferiji jew reġjuni gżejjer b’popolazzjoni żgħira ħafna;

Kummenti Ġenerali

6

jinnota li l-proposta biex jiġi emendat il-qafas leġiżlattiv tal-Ajru Uniku Ewropew hija parti minn pakkett usa’ li jinkludi wkoll l-estensjoni tal-mandat tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA) biex tkopri l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, is-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-ajrudromi;

7

jirrimarka li l-pakkett ta’ Regolamenti għandu l-għan li jsaħħaħ it-trasport fl-ajru b’tali mod li l-konfini jew il-limitazzjonijiet nazzjonali ma jkunux jistgħu jwaqqfu użu l-iktar effettiv tal-ispazju tal-ajru jew attivitajiet oħrajn;

8

jinnota li l-proposta hija msejsa fuq rapport mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-futur tal-qafas regolatorju tal-avjazzjoni Ewropea u r-rapport tal-Kummissjoni tal-Eurocontrol dwar l-Analiżi tal-Prestazzjoni intitolat “L-Evalwazzjoni tal-Inizjattivi ta’ Blokk ta’ Spazju tal-Ajru Funzjonali u l-kontribut tagħhom għat-titjib tal-prestazzjoni”;

9

jinnota li l-proposta għandha bħala bażi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-prestazzjoni tas-sistema Ewropea attwali għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru qed tilħaq il-limiti tagħha. Ir-raġuni ewlenija għal dan hija n-nuqqas ta’ approċċ li jagħmel użu minn netwerk, in-nuqqas kontinwu ta’ suq kompletament deregolat, il-fatt li l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru ma jgawdux minn moviment liberu fis-suq tax-xogħol, u arranġamenti istituzzjonali għall-ġestjoni tat-traffiku fl-ajru;

10

jirrikkonoxxi li l-operazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew jista’ jissaħħaħ bis-saħħa tar-regolazzjoni tal-prestazzjoni, ta’ qafas uniku ta’ sikurezza, billi jinfetħu l-bibien għal teknoloġiji ġodda u permezz tal-ġestjoni tal-kapaċità fil-post;

11

jirrikonoxxi li, skont il-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli tat-trasport fl-ajru, il-ġestjoni tat-traffiku fl-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jeħtieġ li jittejbu sabiex jilħqu mal-ħtiġijiet tal-utenti tal-ispazju tal-ajru, bil-għan li jinħoloq Ajru Uniku Ewropew;

12

jilqa’ s-sostituzzjoni ta’ strutturi regolatorji ddupplikati b’qafas Komunitarju li jkopri l-fażijiet kollha tat-titjira fin-netwerk tat-trasport tal-ajru;

13

jilqa’ l-proposta biex titjieb il-prestazzjoni tas-sistema għall-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru billi jitqiesu l-aspetti tas-sikurezza, li huwa fl-interess tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru;

14

jilqa’ l-fatt li fl-iżvilupp tas-sistema tat-trasport fl-ajru jitqiesu l-konsiderazzjonijiet ambjentali sabiex il-benefiċċji tat-trasport fl-ajru għall-ekonomiji reġjonali jistgħu jiġu rekonċiljati b’mod ibbilanċjat mal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-ambjent;

15

jilqa’ l-emenda għad-definizzjoni tal-blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali sabiex issir iktar enfasi fuq il-prestazzjoni tas-servizz, u dan ser iwassal biex ikun iktar faċli li jiġu implimentati l-objettivi tar-Regolament b’mod xieraq, waqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ reġjuni differenti;

16

jappoġġja l-Proġett Pilota dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM), li għandu jkun id-dokument li jirregola l-iżvilupp f’dan il-kamp u jipprovdi wkoll il-qafas li fih jistgħu jiġu żviluppati l-operazzjonijiet tal-ajruporti reġjonali bħala parti min-netwerk tas-servizz tat-traffiku tal-ajru;

17

jemmen li huwa importanti li tiġi introdotta r-regolazzjoni tal-prestazzjoni. Din għandha tinkludi indikaturi tal-prestazzjoni madwar il-Komunità kollha, reviżjoni perjodika tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u funzjonijiet u proċeduri tan-netwerk għall-ġbir tad-data mill-partijiet kollha rilevanti;

18

jenfasizza l-importanza tat-tfassil u l-approvazzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali jew reġjonali tal-prestazzjoni meta jiġu stabbiliti miri tal-prestazzjoni li jorbtu. Fil-livell Komunitarju, miri ġenerali biss għandhom jiġu stabbiliti, li mbagħad jiġu speċifikati fid-dettall fil-livell nazzjonali jew reġjonali;

19

jikkunsidra r-rekwiżit li l-korp tar-reviżjoni jaġixxi b’mod indipendenti huwa l-approċċ tajjeb;

20

jappoġġja r-rekwiżit li Stat Membru ma jistax jirrifjuta li jaħtar fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru, fuq il-bażi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tistipula rekwiżiti relatati mas-sjieda nazzjonali jew il-post fejn tali fornitur jopera;

21

iħoss li t-twaqqif ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali sal-2012 ser ikun sfida iżda minkejja kollox huwa fattibbli. Iżda, madankollu, ser jesiġi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, il-fornituri tas-servizz u l-ajruporti;

22

jemmen li rendikont iddettaljat tal-informazzjoni finanzjarja tal-fornituri tas-servizz u l-projbizzjoni ta’ sussidji reċiproki bejn servizzi tal-kontroll taż-żona u s-servizzi tal-ajruporti għan-navigazzjoni tal-ajru ifissru sistemi ta’ tariffi aktar trasparenti;

23

jaħseb li l-istima tat-tariffi fis-snin futuri hija parti mill-ippjanar iktar fit-tul tal-attivitajiet tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru. Il-proposta li tariffi jiġu stabbiliti għal bosta snin bil-quddiem tista’ tgħin lill-utenti tal-ispazju tal-ajru jippjanaw l-attivitajiet tagħhom, jekk ikollhom idea liema tariffi ser ikollhom iħallsu fis-snin li ġejjin;

24

jiġbed l-attenzjoni għall-proposta li l-Kummissjoni toħroġ rapport mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament u, jekk ikun hemm bżonn, tippreżenta proposta għall-applikazzjoni ta’ prinċipji tas-suq għal servizzi varji tan-navigazzjoni tal-ajru, bħall-komunikazzjoni, in-navigazzjoni, is-sorveljanza, il-meteoroloġija u t-tagħrif aeronawtiku. Operazzjonijiet kosteffettivi huma parti normali tal-attività kummerċjali, iżda wieħed irid jirrikonoxxi li f’żoni fejn hemm ftit traffiku mhuwiex possibbli li jiġu provduti servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru bi profitt u/jew b’mod li jippromovi l-kompetizzjoni;

25

jappoġġja l-proposta li tiġi mwarrba d-definizzjoni li tillimta blokk ta’ ispazju tal-ajru funzjonali għall-ispazju tal-ajru aktar ’il fuq. Il-proposta l-ġdida ser tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew u t-tħaddim bla xkiel tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru;

26

jirrikonoxxi l-proposta li permezz tagħha l-Komunità u l-Istati Membri ser jitolbu lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) biex tistabbilixxi u tagħraf Reġjun Uniku Ewropew għat-Tagħrif dwar it-Titjiriet (EFIR), iżda ma jemminx li din hija kwistjoni urġenti peress li ma ġietx preżentata evidenza dwar il-vantaġġi konkreti li jistgħu jinkisbu mit-twaqqif tiegħu;

27

jaħseb li huwa importanti li jinstabu soluzzjonijiet xierqa għall-evalwazzjoni tal-organizzazzjoni tal-ġestjoni tan-netwerk u l-funzjonijiet ta’ appoġġ u kif l-għarfien espert tal-Eurocontrol jista’ jintuża għall-konsiderazzjoni tal-organizzazzjoni mill-ġdid tal-funzjonijiet;

28

jaħseb li l-proposta għal konsistenza bejn il-pjanijiet tat-titjira u l-islots fl-ajruports u l-koordinament neċessarju ma’ reġjuni fil-viċinat hija importanti mil-lat ta’ operazzjoni bla xkiel u effiċjenti tat-traffiku tal-ajru;

29

jemmen li jeħtieġ li jiġi żgurat livell għoli ta’ sikurezza fl-ajru fl-Ewropa u jilqa’ l-estensjoni tal-mandat tal-EASA. Serje ta’ standards armonizzati mfassla minn aġenzija waħda, u applikabbli b’mod kemm jista’ jkun unifomi madwar il-Komunità, tkun ta’ għajnuna għall-promozzjoni tas-sikurezza fl-ajru u fl-istess ħin tnaqqas il-problemi għal-linji tal-ajru u l-avjazzjoni li jirriżultaw minn applikazzjoni tal-istandards li tvarja minn pajjiż għal pajjiż;

30

iħoss li l-ambitu tal-applikazzjoni tal-proposta għall-estensjoni tal-mandat tal-EASA huwa wiesa’ wisq u jista’ joħloq piż mhux raġjonevili fuq ajruporti reġjonali żgħar, b’mod partikulari, u b’hekk jxekkel l-attivitajiet tagħhom;

31

jemmen li l-mandat tal-EASA għandu jiffoka fuq kwistjonijiet ta’ sikurezza, sabiex il-missjoni tal-aġenzija tibqa’ ċara;

32

jaħseb li huwa essenzjali li tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn il-qasam ċivili u dak militari fil-livelli kollha sabiex jiġi żgurat li n-netwerk tat-trasport tal-ajru Ewropew jiffunzjona kemm jista’ jkun b’mod effettiv u jikseb l-objettivi ta’ prestazzjoni tiegħu.

II   KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

33

jemmen li huwa importanti li jitqies il-kuntest operazzjonali nazzjonali u/jew reġjonali fit-twaqqif ta’ objettivi ta’ prestazzjoni madwar l-Ewropa peress li mhuwiex xieraq li jiġu stabbiliti l-istess miri kemm għal ajruporti bi traffiku qawwi kif ukoll għal dawk b’inqas traffiku. Huwa importanti li jinżamm is-Servizz tal-Informazzjoni dwar it-Titjiriet tal-Ajrudromi (AFIS), minflok li l-ajruporti jkollhom jużaw l-ATC, peress li dan ikun ta’ spiża ikbar għall-ajruporti ż-żgħar. L-awtoritajiet nazzjonali u/jew reġjonali huma fl-aħjar pożizzjoni biex iqisu dawn l-aspetti;

34

jaħseb li huwa importanti li l-ġbir ta’ informazzjoni biex jiġi kkalkulat il-livell ta’ prestazzjoni jsir b’rabta ma’ prattiki ta’ rappurtaġġ li diġà jeżistu;

35

jemmen li huwa importanti li sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, il-preżentazzjoni mill-fornituri tas-servizz tad-dħul u l-ispejjeż ta’ kull servizz individwali tkun tista’ ssir skont il-prattiki ta’ kontabilità tagħhom stess, safejn dawn diġà jeżistu;

36

jitlob biex tiġi kkjarifikata l-proposta sabiex it-tariffi tat-traffiku tal-ajru jiġu użati għall-iffinanzjar ta’ proġetti komuni, fir-rigward tal-użu possibbli ta’ finanzjament ieħor u kif il-korp nazzjonali jew reġjonali li qed jibbenefika minn proġett bħal dan ser jipparteċipa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet;

37

jaħseb li hemm bżonn li jiġu kkjarifikati l-bidliet ippjanati fis-sistema tat-tariffi fir-rigward ta’ kif it-tariffi ser jiġu stabbiliti għal bosta snin bil-quddiem u kif il-fornituri tas-servizz li joperaw fuq bażi kummerċjali jistgħu jbassru bidliet fl-ispejjeż marbuta mal-pagi u mal-operat matul perijodu kuntrattwali bħala parti mill-ġestjoni tar-riskju tagħhom. Analiżi ta’ dan it-tip issir l-aħjar fil-livell nazzjonali u/jew reġjonali;

38

jirrakkomanda li l-ġestjoni tan-netwerk u tal-attivitajiet relatati, li huma importanti għal operazzjonijiet f’dan is-settur, jiġu deskritti f’iktar dettall, minflok ma ssir biss referenza fuq fuq tagħhom, kif sar fil-proposta. B’dan il-mod ikun iktar faċli li jiġi evalwat l-impatt tagħhom, kif ukoll kif, safejn hija kkonċernata r-riforma tal-istrutturi amministrattivi, l-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri tas-servizz tan-navigazzjoni tal-ajru jistgħu jipparteċipaw b’mod xieraq fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet;

39

jirrakkomanda li l-kompetenzi mogħtija lill-EASE jkunu limitati għal ajrudromi li jservu t-traffiku professjonali mmexxi mir-Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti, dan billi tingħata l-attenzjoni mistħoqqa lill-prinċipju tas-sussidjarjetà;

40

jemmen li huwa importanti li regoli ta’ implimentazzjoni għall-ajrudromi jitfasslu b’relazzjoni mal-livell ta’ kumplessità tal-ajrudomu partikulari u l-kwalità tal-operazzjonijiet u ċ-ċifri tat-traffiku tiegħu, waqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-ajrudromi bi ftit traffiku u l-ammont ta’ persunal li jaħdmu fihom;

41

fir-rigward tal-proposta sabiex jiġi estiż il-mandat tal-EASA mil-lat tal-ksib ta’ regolazzjoni tajba, il-Kumitat jaħseb li huwa importanti li:

jiġi vverifikat li l-funzjonijiet tas-servizz tan-navigazzjoni tal-ajru jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tal-ICAO;

ma jkunx hemm duplikazzjoni fil-proposta għall-emendar tar-Regolament dwar il-mandat tal-EASA u r-Regolamenti dwar l-Ajru Uniku Ewropew u li ma jkunx hemm duplikazzjoni fil-proċeduri, pereżempju fir-rigward ta’ liċenzji;

jkun hemm dispożizzjonijiet tranżizzjonali xierqa jew xi arranġamenti oħrajn li jiżguraw il-kontinwazzjoni, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid, tal-validità tal-liċenzji maħruġa fuq il-bażi tad-Direttiva 2006/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Liċenzja Komunitarja għall-Kontrolluri tat-Traffiku tal-Ajru, li hija proposta biex tiġi revokata;

tingħata definizzjoni iktar preċiża tat-tagħmir tal-ajrudrom li jaqa’ fl-ambitu tar-Regolament billi tiġi limitata għal tagħmir tas-sikurezza fl-ajru;

jiġi speċifikat li r-rekwiżit għall-operatur tal-ajrudrom li tgħid “Dejta rilevanti għall-ajrudrom u s-servizzi disponibbli trid tiġi stabbilita u miżmuma aġġornata” jiġi limitat għal data essenzjali għall-avjaturi;

jiġi rivedut ir-rekwiżit għall-operatur tal-ajrudrom li juri li jeżistu proċeduri li jipprovdu l-ajruplani bil-karburant sabiex ma timponix dmirijiet superviżorji fuq l-operatur tal-ajrudrom li jagħmlu parti mill-mandat tal-awtoritajiet.

Brussell, 12 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  CdR 76/2005 u CDR 63/2004.


Op