EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0349

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Green Paper dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli

ĠU C 120, 28.5.2009, p. 29–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/29


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Green Paper dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli

2009/C 120/06

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iħeġġeġ biex jinħoloq qafas ta’ appoġġ li joffri stabbiltà fit-tul għad-deċiżjonijiet ta’ investiment billi jiġu mħeġġa miżuri maħsuba għas-suq fosthom il-leġiżlazzjoni li tintroduċi l-ittikettjar li jispeċifika l-pajjiż tar-razzett minn fejn ġej il-prodott u l-promozzjoni tal-istandards ta’ produzzjoni tal-UE (punt 2);

iħeġġeġ l-appoġġ tal-IĠ u l-iskemi privati ta’ ċertifikazzjoni tal-bdiewa, b’kundizzjoni li dawn ikunu appoġġjati minn garanzija tal-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tal-kwalità u l-oriġini ta’ dawn il-prodotti (punt 16);

jitlob għal definizzjoni Komunitarja ċara ta’ ċerti “termini riżervati” jew li jkunu indikati l-metodi ta’ produzzjoni lokali, bħal “prodotti mill-irziezet”, “prodotti tradizzjonali”, “prodotti tal-muntanji” u dawk mhux ġenetikament modifikati (punt 17);

jitlob biex l-ittikkettjar obbligatorju li jgħid f’liema pajjiż tkabbru l-prodotti jiġi estiż għall-prodotti primarji u nofshom proċessati (punt 18);

jaħseb li t-tikketti tal-IĠ għandhom jiġu estiżi għal prodotti proċessati (punt 21);

isostni li fil-futur ma għandhomx jitqiesu skemi ġodda iżda għandhom jiġu appoġġjati skemi eżistenti (punt 24);

jipproponi li tiġi promossa l-estensjoni tal-protezzjoni tad-DPO u l-IĠP fil-kuntest tad-WTO (punt 27);

jidhirlu li jeħtieġ li jiġi pprojbit b’mod ċar l-użu ta’ organiżmi li jkunu modifikati ġenetikament fl-istadji kollha ta’ produzzjoni tad-DPO, l-IĠP u l-STG sabiex tiġi żgurata u mħarsa l-eżistenza ta’ metodi tradizzjonali ta’ produzzjoni u l-karatteristiċi distintivi tal-prodott (punt 28);

jitlob lill-Kummissjoni tqis il-ħtieġa għal aktar flessibbiltà u żieda fil-qasam tal-baġit tagħha għall-promozzjoni (punt 34);

jipproponi li l-Kummissjoni tirrivedi ċ-ċertifikazzjoni STG (punt 38).

Rapporteur

:

Milner Whiteman OBE (UK/UEN-AE), Membru tal-Kunsill Distrettwali ta’ Bridgnorth

Dokument ta’ referenza

Green Paper dwar il-politika tal-prodotti agrikoli: l-istandards tal-prodotti, ir-rekwiżiti tal-biedja u l-iskemi dwar il-kwalità

COM(2008) 641 finali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ġenerali

1.

jinsab kuntent bil-Green Paper, għaliex l-għanijiet tagħha huma li jiġi żviluppat qafas biex jingħataw appoġġ u protezzjoni lill-produzzjoni agrikola ta’ kwalità fl-UE u biex tissaħħaħ ir-relazzjoni mal-konsumaturi, u b’hekk tiġi miġġielda l-kompetizzjoni inġusta minħabba l-użu qarrieqi tad-denominazzjonijiet li jeżistu. Dan iwassal għas-sostenibbiltà dejjiema tar-reġjuni u tal-pajsaġġi reġjonali u tal-identità tagħhom, imnaqqxa mill-bdiewa u mill-prodotti tagħhom, li tikkontribwixxi għall-iżvilupp reġjonali tal-ġejjieni u għat-tnaqqis tar-riskji ta’ tnaqqis tal-popolazzjoni rurali;

2.

iħeġġeġ biex jinħoloq qafas ta’ appoġġ li joffri stabbiltà fit-tul għad-deċiżjonijiet ta’ investiment billi jiġu mħeġġa miżuri maħsuba għas-suq fosthom il-leġiżlazzjoni li tintroduċi l-ittikettjar li jispeċifika l-pajjiż tar-razzett minn fejn ġej il-prodott u l-promozzjoni tal-istandards ta’ produzzjoni tal-UE, l-aktar fl-oqsma tas-sikurezza u l-iġjene tal-ikel, il-ħarsien tal-ambjent u l-metodi tradizzjonali ta’ produzzjoni;

3.

jittama li l-Green Paper tagħti spinta u ssaħħaħ il-kontribut tal-Politika Agrikola Komuni lejn l-iżgurar ta’ produzzjoni ta’ kwalità għolja. M’hemmx dubju li r-Regolamenti 510/06 u 509/06 dwar id-denominazzjoni tal-oriġini s’issa ma ġewx implimentati wisq, tant li nissusspettaw li l-konsumaturi jinsabu mifxula dwar it-tifsira tal-akronimi u l-espressjonijiet, bħal DPO, IĠP, STG u l-biedja organika. Għalhekk jeħtieġ li jiġu riveduti u rranġati l-inizjattivi promozzjonali u informattivi dwar dawn il-prodotti u li jintrabtu sewwa flimkien l-attivitajiet tal-ewwel u tat-tieni pilastru tal-PAK sabiex tiġi appoġjata produzzjoni ta’ kwalità għolja u biex jitnaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni u kontroll;

4.

jenfasizza li t-tendenza lejn prodotti uniformi u l-konċentrazzjoni tal-produzzjoni huma fatturi li jesponu lill-bdiewa għall-bidliet fis-suq globali u li jheddu d-diversità territorjali;

5.

jilqa’ l-fatt li l-Green Paper tagħraf li l-kwalità agrikola hija fiha nnifisha marbuta mat-tradizzjonijiet, l-iżvilupp u s-sostenibbiltà reġjonali, iżda dawn jeħtieġ li jitkattru u jitħarsu permezz ta’ skemi bħal dik tal-Indikazzjoni Ġeografika (IĠ) u għandu jitwaqqaf reġistru internazzjonali li jħares il-proprjetà intelletwali tagħhom mill-falsifikazzjoni frekwenti ħafna tad-denominazzjoni;

6.

iqis bħala importanti l-appoġġ tal-iżvilupp tal-inizjattivi bħalma huma s-swieq tal-bdiewa u l-bejgħ dirett, li jaqbżu l-intermedjarji u b’hekk iqassru l-katina kummerċjali: dawn l-inizjattivi, barra milli jnaqqsu l-prezz għall-konsumaturi u l-konsum taż-żejt u b’hekk it-tniġġis tal-ambjent, iżidu l-importanza tal-prodott lokali u tradizzjonali, filwaqt li jirrispettaw il-karattru staġjonali tagħhom, joffru garanzija akbar ta’ freskezza, ġenwinità u tjubija u jistgħu jiġu kkontrollati aħjar;

7.

jaqbel ħafna li l-aktar arma b’saħħitha tal-bdiewa tal-UE hija l-“kwalità”, li fl-ikel il-konsumaturi qegħdin ifittxu togħma, tradizzjoni, awtentiċità u prodott li ġej mir-reġjun tagħhom, kif ukoll il-benesseri tal-annimali u l-protezzjoni tal-ambjent. Għalhekk il-bdiewa tal-UE għandhom opportunità konkreta sabiex jiddistingwixxu b’mod ċar il-prodotti tagħhom fis-suq, u għalhekk jiksbu remunerazzjoni għolja lura;

8.

jaqbel, li fil-perspettiva tan-negozjati fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, huwa imperattiv li, f’suq globali dejjem aktar miftuħ, il-kwalità tal-ikel u l-istandards tas-sigurtà tal-UE jistgħu jiġu kkomunikati u ppreżentati lill-konsumaturi bħala kwalità favorevoli, u f’ħafna każijiet distinta, tal-prodott. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-indikazzjonijiet ġeografiċi mill-imsieħba kummerċjali tal-UE;

9.

jenfasizza l-ħtieġa għal qafas li jista’ jlaħħaq mat-talbiet li dejjem qed jiżdiedu tal-konsumaturi globali u tal-bdiewa fl-UE. Bħala riżultat, il-bdiewa jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, bħal aktar flessibbiltà u żieda fil-baġit promozzjonali għall-iskemi ta’ ċertifikazzjoni kemm jekk huma indikazzjonijiet ġeografiċi kif ukoll jekk huma skemi privati ġestiti mill-bdiewa, b’kundizzjoni li dawn ikunu appoġġjati minn garanzija tal-awtoritajiet pubbliċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità u l-oriġini ta’ dawn il-prodotti. Dawn l-iskemi huma flessibli u jirrispondu minnufih għad-domandi ġodda mill-bidwi u mis-suq.

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

10.

jidhirlu li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom esperjenza vasta u kompetenza stabbilita biex jinfluwenzaw u jappoġġjaw produzzjoni agrikola ta’ kwalità bl-azzjonijiet tagħhom fil-ġestjoni tal-pjanijiet tal-UE għall-iżvilupp rurali, l-ippjanar territorjali u l-iżvilupp reġjonali. Jeżistu ħafna każijiet fejn l-awtoritajiet rawmu l-kwalità billi appoġġjaw skemi bħall-IĠ;

11.

josserva l-istruttura l-ġdida tal-PAK (appoġġ diżakkoppjat) u kif il-bdiewa tal-UE qed ikunu dejjem aktar esposti għas-suq dinji. Għalhekk jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti l-istandards ogħla ta’ produzzjoni u kwalità li jintlaħqu mill-bdiewa tal-UE (f’oqsma bħas-sostenibbiltà, il-garanziji iġeniċi u sanitarji tal-uċuh u l-prodotti, il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema, il-benesseri tal-annimali u l-iżvilupp territorjali tar-reġjuni) meta mqabbla ma’ dawk ta’ pajjiżi terzi u li dawn l-istandards ikomplu jiġu kkumpensati permezz tal-pagamenti diretti tal-UE wara l-2013. Dan huwa partikolarment importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali peress li l-ħidma agrikola tal-UE tagħġen l-ekonomija, il-pajsaġġ u l-komunità fir-reġjuni kollha;

12.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu kontribut għall-kwalità agrikola u jippromovuha b’mod komprensiv permezz tal-Programmi għall-Iżvilupp Rurali tal-UE. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kruċjali biex jiġu stabbiliti prijoritajiet u biex jiġu implimentati programmi li rnexxielhom joħolqu u jagħtu vantaġġi ta’ vera lill-bdiewa tal-UE;

13.

jinnota r-riżultati pożittivi tal-inizjattivi favur territorjalizzazzjoni mġedda tal-agrikoltura, li joħolqu rabtiet aktar b’saħħithom fost it-territorju ta’ oriġini, il-konsumaturi u l-agrikoltura; is-swieq tal-bdiewa u l-attivitajiet fl-iskejjel huma eżempji konkreti li bihom iċ-ċittadini u b’mod partikolari t-tfal jsiru aktar midħla tal-prodotti agrikoli, il-metodi tagħhom ta’ produzzjoni, il-kwalitajiet organolettiċi tagħhom u l-istaġun partikolari tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja t-tixrid ta’ dawn il-prattiki tajbin;

14.

jagħraf il-fatt li l-attivitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippromovu d-domanda għall-prodotti agrikoli ta’ kwalità, permezz tal-ħidma tagħhom biex itejbu l-akkwisti pubbliċi fl-oqsma kollha fosthom l-ikliet tal-iskejjel u l-isptarijiet, jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-kisba tal-għanijiet tal-Green Paper: għalhekk jittama li jkun hemm estensjoni gradwali tagħhom permezz ta’ forom xierqa ta’ sostenn. Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-riżultati ta’ dawn il-proġetti li tnedew mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’kunsiderazzjoni għal ċerti elementi, bħat-tnaqqis tal-iskart alimentari fil-canteens u l-kwalità tal-prodotti agrikoli;

15.

jenfasizza wkoll l-azzjoni li ttieħdet minn bosta awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE f’pajjiżi terzi – fil-kuntest tal-programmi ta’ żvilupp – sabiex jappoġġjaw il-metodi agrikoli tradizzjonali u jirrispettaw l-ekosistemi, il-bijodiversità u l-ħtiġijiet tal-konsumatur lokali;

Rekwiżiti tal-produzzjoni u standards ta’ kummerċjalizzazzjoni

16.

jixtieq ifakkar lill-Kummissjoni li l-bdiewa, il-konsumaturi u l-industrija għadhom ma jaċċettawx li jkun hemm skema u logo tal-UE (dan ġie enfasizzat dan l-aħħar fil-konferenza tal-Kummissjoni dwar l-istandards fi Frar 2007). Tista’ tinbena rabta u relazzjoni aħjar mal-konsumaturi billi t-tikketta tindika b’mod ċar l-oriġini u l-kwalità speċifika tal-produzzjoni. Barra minn hekk, iż-żmien li jieħu l-ħolqien ta’ logo, l-ispiża li jiswew lill-bdiewa l-ispezzjonijiet ta’ konformità u l-komunikazzjoni mal-konsumaturi mhumiex meqjusa bħala siewja. Is-suq u l-bdiewa żviluppaw ukoll is-sistemi tagħhom biex jilħqu dawn l-għanijiet, għalhekk biex jittejbu l-valur għall-flus u l-komunikazzjoni mal-konsumaturi nħeġġu li jiġu appoġjati l-IĠ u l-iskemi privati ta’ ċertifikazzjoni tal-bdiewa, dejjem sakemm dawn ikunu appoġġjati minn garanzija tal-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tal-kwalità u l-oriġini ta’ dawn il-prodotti, u fejn il-konsumatur jingħata tagħrif ċar mingħajr ma jinħolqu spejjeż amministrativi u finanzjarji oħra;

17.

iħeġġeġ li ssir semplifikazzjoni fil-qasam tal-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni iżda jenfasizza l-bżonn li tiġi stabbilita relazzjoni aktar stretta bejn il-ħtiġjiet tal-produzzjoni u l-prodott miksub permezz ta’ kjarifika terminoloġika, applikazzjoni legali u informazzjoni korretta lill-konsumatur permezz tal-ittikettjar. Jemmen li hemm bżonn li jitneħħew l-ostakli li ftit li xejn huma ta’ għajnuna kif ukoll id-derivattivi kwantitattivi fir-rigward tal-kunċett tal-kwalità tal-ikel. Għalhekk jilqa’ b’sodisafazzjoni il-proposta li għamlet il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar li tħassar l-istandards dwar id-dimensjonijiet u l-forma tat-tipi differenti ta’ frott u ħaxix. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri ibsin u stretti li jħarsu ’l-bdiewa u ’l-konsumaturi u jirbħu l-fiduċja tagħhom. Dan huwa partikolarment importanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-ikel ġenetikament modifikat li jkun fih il-GMOs (organiżmi ġenetikament modifikati). Madankollu, miżuri bħal dawn m’għandhomx jiddupplikaw il-protezzjoni offruta minn leġiżlazzjoni oħra li tipprevjeni li l-konsumaturi jiġu mqarrqa. Definizzjonijiet ċari tal-ħtiġijiet tal-produzzjoni jew l-istabbiliment ta’ karatteristiċi li jirregolaw l-użu ta’ ċerti termini jistgħu jgħinu biex dan iseħħ, bħal “fil-beraħ” (free range) u “nieqes mill-karbonju”. Jaf ikun siewi li jiġu definiti kemm il-prodotti ġeneriċi kif ukoll ir-rekwiżiti minimi tagħhom għall-kummerċjalizzazzjoni. Jaf ikun ukoll siewi li tingħata definizzjoni Komunitarja ċara ta’ ċerti “termini riżervati” jew li jkunu indikati l-metodi ta’ produzzjoni lokali, bħal “prodotti mill-irziezet”, “prodotti tradizzjonali”, “prodotti tal-muntanji” u dawk mhux ġenetikament modifikati. B’livell xieraq ta’ awtospezzjoni kostanti, dawn it-termini jistgħu jiddaħħlu fuq it-tikketti fuq bażi volontarja;

18.

jenfasizza t-talba kostanti tal-konsumaturi tal-UE li jkunu jafu liema pajjiż tkabbar fih l-ikel tagħhom. Hemm dejjem aktar eżempji li juru li l-konsumaturi qed jitqarrqu f’dan il-qasam. Għalhekk il-Kumitat jitlob biex l-ittikkettjar obbligatorju li jgħid f’liema pajjiż tkabbru l-prodotti jiġi estiż għall-prodotti primarji u nofshom proċessati u ingredjenti bażiċi ta’ prodotti proċessati, bħall-perżut u l-ġobon;

19.

jipproponi li fl-Istati Membri tiġi armonizzata r-rata tal-VAT fuq il-prodotti tal-agrikoltura u tat-torbija, peress li kompetizzjoni ġusta bejn il-bdiewa twassal għal prodotti bi kwalità aħjar;

Skemi speċifiċi tal-UE dwar il-kwalità

20.

jisħaq dwar il-ħtieġa li jintrebħu l-fiduċja u l-kunfidenza tal-konsumaturi kollha fis-sistema tal-UE tal-IĠ. Teżisti ħtieġa ċara li l-konsumatur ikun infurmat aħjar dwar in-natura tas-sistemi, il-proprjetà intelletwali tagħhom li hija mħarsa fuq livell internazzjonali u kif fihom infushom huma marbuta mal-komunitajiet reġjonali; għaldaqstant huwa importanti ħafna li jiġu organizzati kampanji promozzjonali, b’baġit speċifiku, li jinfurmaw lill-konsumatur dwar dan. Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/06, l-Istati Membri, b’mod uffiċjali, ser jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iwaqqfu l-użu illegali tat-titli tad-DPO u tal-IĠP fil-pajjiżi tagħhom;

21.

jenfasizza l-ħtieġa li tinżera’ l-kunfidenza fil-konsumaturi permezz ta’ trasparenza sħiħa. It-tikketti tal-IĠ għandhom għalhekk jiġu estiżi għal prodotti proċessati. Sabiex ma tiddgħajjifx l-integrità futura tal-IĠ meta l-prodotti b’IĠ jitniżżlu fuq it-tabella tal-prodott finali jeħtieġ li l-proporzjon tal-ingredjent ikun karatteristika prinċipali tal-oġġett u li l-użu tal-IĠ jkun ġie awtorizzat mill-assoċjazzjoni u l-awtoritajiet ikkonċernati;

22.

fir-rigward tal-Indikazzjoni Ġeografika, jemmen li huwa importanti li jiġu stabbiliti kriterji li jistgħu jintużaw sabiex jiġi deċiż jekk isem hux ġenerali jew jistax jiġi protett bħala IĠ. Il-lista tal-prodotti tista’ tiġi estiża sabiex tinkludi l-berries u l-faqqiegħ salvaġġ, u prodotti derivati minnhom. Għandu jiġi assigurat li l-lista tal-prodotti tinkludi prodotti li jsiru mill-berries u mill-frott. IġsIl-Kummissjoni għandha tqis ukoll l-eżistenza ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni kollettivi li huma rikonoxxuti fl-Istati Membri (skemi ta’ kwalità speċifiċi), u għandha tipproponi sensiela ta’ regoli komuni għall-Istati Membri sabiex dawn il-mekkaniżmi ta’ kwalità jiġu rikonoxxuti;

23.

jemmen li l-korpi u l-proċeduri li jikkontrollow u jiċċertifikaw prodotti organiċi għandhom ikunu standardizzati, sabiex is-sigurtà tal-ikel u l-kunfidenza tal-konsumatur ikunu jistgħu jissaħħu permezz ta’ logo organiku ġdid tal-UE, li għandu jiżgura li l-istess kriterji għall-produzzjoni, il-kontroll u ċ-ċertifikazzjoni jintużaw madwar l-UE kollha, u li tingħata għajnuna sabiex jiġu solvuti problemi u ssir aktar promozzjoni tas-suq organiku uniku tal-UE u li jista’ jaqdi rwol effettiv fl-iżgurar li l-konsumaturi jkunu mgħarrfa aħjar dwar l-eżistenza ta’ regoli komuni u effettivi kif ukoll kontrolli għal prodotti organiċi madwar l-UE;

24.

isostni li fil-futur ma għandhomx jitqiesu skemi ġodda iżda għandhom jiġu appoġġjati skemi eżistenti f’oqsma bħall-benesseri tal-annimali. L-appoġġ tal-Kummissjoni permezz tal-linji gwida u l-kredibbiltà ikun milqugħ, iżda ma hemm bżonn tal-ebda proposta għall-iżvilupp ta’ logos ġodda f’suq tal-konsumaturi fejn diġà jintgħarfu l-logos eżistenti u l-valuri tagħhom huma magħrufa, bħal pereżempju l-logo Franċiż “label rouge”;

25.

flok dan, jemmen li jeħtieġ li tiġi introdotta sistema ta’ sanzjonijiet għall-użu illegali ta’ denominazzjonijiet protetti u li l-individwi ssusspettati li wettqu dawn il-prattiki għandhom jiġu identifikati u mmonitorjati, u li jiġu proposti sanzjonijiet fl-Istati Membri kollha tal-UE;

26.

jinnota, fir-rigward tad-denominazzjonijiet protetti, li jkun xieraq li jiddaħħal l-obbligu għall-Istati Membri kollha biex jipproteġu d-denominazzjoni tal-oriġini b’mod uffiċjali mill-abbuż jew l-imitazzjonijiet. Barra minn hekk jipproponi, li jkun hemm differenza bejn il-proċeduri u r-regoli li jħarsu l-prodotti b’denominazzjoni protetta li għandhom reputazzjoni mifruxa fuq livell internazzjonali u li jiġu esportati ħafna, u li għalhekk jgħaddu minn riskju kbir ta’ falsifikazzjoni jew qerq, minn dawk li jħarsu prodotti li jinbiegħu l-aktar fis-suq lokali u li għalhekk għandhom riskju iżgħar li l-marka tiġi użata ħażin. Għal din il-kategorija ta’ prodotti, jissuġġerixxi proċedura ta’ rikonoxximent issemplifikata li tippermetti l-ħarsien fil-livell nazzjonali u reġjonali. Hekk kif isiru żviluppi partikolarment mgħaġġla f’xi setturi, kemm tat-teknika produttiva kif ukoll tat-teknoloġiji tal-ipproċessar, tkun ta’ għajnuna l-introduzzjoni ta’ proċeduri ssemplifikati għall-addattament tar-regoli ta’ produzzjoni;

27.

Ta’ min nippromovu l-estensjoni tal-protezzjoni tad-DPO u l-IĠP anki fil-kuntest tad-WTO. Għandna wkoll inħeġġu l-konklużjoni tal-ftehim bilaterali mal-pajjiżi differenti barra mill-UE dwar ir-rikonoxximent reċiproku tat-tikketti agroalimentari. Meta wieħed iqis l-ammont kbir ta’ talbiet ġodda għal IĠs minn pajjiżi terzi, il-KtR jipproponi li tiġi analizzata l-possibbiltà li titwaqqaf aġenzija Ewropea għall-kwalità tal-prodotti agrikoli. Ikun xi jkun il-każ, jekk prodotti humiex esportati jew le, għandhom jibbenefikaw minn ċertifikazzjoni tal-UE. L-għamla ta’ ħarsien internazzjoni tista’ tkun differenti skont ir-riskju li l-isem tal-prodott jintuża b’mod illegali. Pereżempju, ismijiet ta’ prodotti li huma f’periklu kbir li jintużaw b’mod illegali u li huma esportati jkollhom jeżiġu l-ħarsien internazzjonali fi ħdan id-WTO. Il-proċedura tista’ tkun iktar sempliċi għal prodotti fejn ir-riskju huwa inqas li jinbiegħu fuq skala lokali – jista’ jinvolvi l-Istat Membru li jipprovdi ċ-ċertifikazzjoni u jgħarraf lil Brussell (simili għal-livell proviżorju attwali ta’ ħarsien), u l-prodott li qed jitħares mil-liġi Ewropea. Huwa essenzjali wkoll li jiġi żgurat li l-IĠs huma mħarsa fl-UE, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissorveljaw it-territorji tagħhom stess, u b’hekk l-Istati Membri jkunu responsabbli għal kull azzjoni li tittieħed meta ismijiet ta’ prodotti jintużaw b’mod illegali jew jekk prodotti rreġistrati jiġu kkuppjati. Il-KtR jipproponi li tiddaħħal dispożizzjoni speċifika dwar dan fl-Artikolu 13 tar-Regolament 510/06. Ħarsien uffiċjali għandu jiġi appoġġjat mill-Kummissjoni fil-livell internazzjonali u fl-UE b’mod partikulari;

28.

jidhirlu li jeħtieġ li jiġi pprojbit b’mod ċar l-użu ta’ organiżmi li jkunu modifikati ġenetikament fl-istadji kollha ta’ produzzjoni tad-DPO (Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini), l-IĠP (Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti) u l-STG (Speċjalitajiet tradizzjonali garantiti) sabiex tiġi żgurata u mħarsa l-eżistenza ta’ metodi tradizzjonali ta’ produzzjoni u l-karatteristiċi distintivi tal-prodott;

Skemi ta’ ċertifikazzjoni

29.

jirrakkomanda li għandu jitħeġġeġ livell ogħla ta’ parteċipazzjoni mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u li s-swieq imexxu t-triq f’dan il-qasam. Skemi privati strutturati tajjeb immaniġġjati mill-produtturi huma iktar effiċjenti mil-leġiżlazzjoni u għalhekk jistgħu jirrispondu aktar malajr għall-eżiġenzi lokali, pereżempju bħal l-iskemi fl-Iżvezja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja;

30.

jemmen li l-iskemi eżistenti ta’ ċertifikazzjoni għal prodotti b’valur miżjud jissodisfaw aħjar l-eżiġenzi tas-soċjetà kieku jagħtu informazzjoni ċara u affidabbli dwar il-lokalità u l-metodi tal-biedja u l-kontenut sustanzjuż;

31.

jemmen li linji gwida komuni jkunu utli u jistgħu jgħinu biex jiżguraw li l-konsumaturi jkunu mgħarrfa aħjar dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tkun żgurata l-kwalità bażika tal-ikel. Għandhom jitfasslu linji gwida minn kumitati indipendenti fejn intlaħaq kunsens mill-partijiet interesssati kollha sinifikanti tal-katina tal-ikel, hi x’inhi l-lokazzjoni tagħhom;

32.

jappoġġja l-fehma li biex l-iskemi privati jirnexxu jridu jiġu involuti l-produtturi. Huwa importanti wkoll li l-gruppi tal-produtturi jingħataw l-appoġġ totali li għandhom bżonn. Dan jiżgura li l-kontrolli, l-ispejjeż u l-istandards ikunu tassew ta’ ġid għall-bdiewa tal-UE;

33.

jenfasizza l-ħtieġa li jitqies il-piż finanzjarju u amministrattiv għall-produtturi ż-żgħar li jużaw prattiki agrikoli mhux industrijali; f’kuntest bħal dan, jistieden li jinżammu d-derogi li ngħataw għal dawn it-tipi ta’ produzzjoni li strutturalment ma jistgħux jikkonformaw mal-applikazzjoni ta’ ċerti regoli;

Punti oħrajn

34.

jitlob lill-Kummissjoni tqis il-ħtieġa għal aktar flessibbiltà u żieda fil-qasam tal-baġit tagħha għall-promozzjoni. Jeħtieġ li jiġu riveduti l-prijoritajiet ta’ dan il-baġit biex l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ liema tip huma jingħataw aktar kunsiderazzjoni;

35.

jemmen li kieku r-regoli tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-promozzjoni tal-ikel jittaffew, il-bdiewa tal-UE jkunu jistgħu jiġu rikonoxxuti aktar u jiżviluppaw sistemi ta’ kummerċalizzazzjoni aħjar u jissaħħu u jittejbu l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni pubbliċi ta’ kwalità tal-Komunità (DPO, IĠP, STG, il-logo tar-Reġjuni Ultraperiferiċi, il-Biedja Organika);

36.

jitlob sabiex jitwaqqfu faċilitajiet ta’ mikrokreditu għall-bdiewa żgħar li jinvestu fit-titjib tal-kwalità tal-prodott u fis-sigurtà tal-prodott lokali. F’dan il-kuntest jissuġġerixxi li titqies il-possibbiltà li r-riżorsi li llum huma miżmuma għall-miżuri ta’ intervent jintużaw għall-produtturi li jadottaw metodi ta’ produzzjoni li jwasslu għal agrikoltura ġusta u sostenibbli;

37.

Ma hemmx bżonn li jiġi mħeġġeġ il-ħolqien ta’ skemi ġodda ta’ ċertifikazzjoni biex ma jkunx hemm konfużjoni u kumplikazzjonijiet amministrattivi. Madankollu, ikun siewi kieku jkun hemm linji gwida li jiżguraw kontenut oġġettiv għaċ-ċertifikazzjonijiet l-oħra (ISO, BIO, eċċ.) għal prodotti li huma differenti minn dawk DPO u IĠP. Ikun għaqli wkoll li tiżdied u tiġi kkoordinata aħjar il-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet differenti ta’ kontroll;

38.

jipproponi li l-Kummissjoni tirrivedi ċ-ċertifikazzjoni STG (speċjalitajiet tradizzjonali garantiti) u tintroduċi Grad Speċjali ta’ Marka Ewropea tal-Ikel, bil-għan li tkun sistema ta’ ċertifikazzjoni ġdida għall-prodotti tradizzjonali/lokali/artiġjanali li, billi tiġbor flimkien grupp ta’ parametri ta’ kwalità minima, tassoċja valuri oħra marbuta mal-qasam tal-produzzjoni, l-ekonomija lokali/reġjonali, il-ġestjoni sostenibbli tal-art, il-kontribut tagħhom għall-preservazzjoni tal-popolazzjoni rurali, it-turiżmu, il-kwalità tal-ħajja lokali, eċċ. Is-sistema ta’ ċertifikazzjoni għandha tuża termini bħal ma huma prodott tradizzjonali, prodott lokali, prodott reġjonali, eċċ.;

39.

il-Kummissjoni hija mħeġġa tagħti appoġġ finanzjarju, kemm fis-suq uniku kif ukoll fil-pajjiżi terzi, għall-għoti ta’ informazzjoni u għall-kampanji ta’ riklamar biex jippromovu u jispjegaw xi jfissru l-bosta tikketti ta’ kwalità tal-prodotti tal-irziezet Ewropej, kif ukoll il-kundizzjonijiet u r-regoli ta’ produzzjoni estensivi li jridu jiġu rrispettati mill-bdiewa Ewropej meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra (fejn jidħol l-ambjent u l-benessri tal-annimali, l-istandards għoljin tas-sikurezza tal-ikel, eċċ.).

Brussell, 13 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top