Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0274

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-green paper dwar il-koeżjoni territorjali

    ĠU C 120, 28.5.2009, p. 23–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 120/23


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-green paper dwar il-koeżjoni territorjali

    2009/C 120/05

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    ifakkar li l-koeżjoni territorjali ser issir objettiv politiku transversali tal-UE flimkien mal-koeżjoni ekonomika u soċjali;

    jistqarr li dan l-objettiv jikkonsisti f’li kull territorju Komunitarju jkollu aċċess għall-infrastrutturi u għas-SIEĠ, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej li jeħtieġu l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi li jiggarantixxu l-iżvilupp armonjuż tal-Komunità kollha kemm hi;

    iqis li l-politika reġjonali għandha tiġi riveduta fid-dawl ta’ dan l-objettiv il-ġdid mingħajr nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid, billi tiġi orjentata lejn bilanċ bejn l-infiq għall-istimolu tal-kompetittività u l-infiq għat-tnaqqis tad-diskrepanzi territorjali; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-azzjoni ta’ earmarking;

    jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ indikaturi ġodda li jippermettu ġestjoni mtejba tad-diskrepanzi territorjali fil-politiki pubbliċi kollha;

    jappella sabiex jiġu allokati riżorsi addizzjonali lit-tliet oqsma tal-kooperazzjoni territorjali minħabba l-kontribut importanti ta’ din il-kooperazzjoni għall-integrazzjoni Ewropea;

    iqis li l-objettiv tal-koeżjoni territorjali jitlob koerenza bejn il-politiki settorjali u l-politika ta’ koeżjoni, billi jiġi kkunsidrat l-impatt territorjali tal-politiki settorjali kollha sa mill-istadju bikri tat-tfassil tagħhom;

    ifakkar fl-importanza tas-SIĠ u s-SIEĠ bħala atturi ewlenin tal-koeżjoni territorjali, u jiddispjaċih li l-impatt territorjali tal-politiki Komunitarji fuqhom ma jiġix ikkunsidrat qabel il-preżentazzjoni tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni jew evalwat wara;

    iqis li l-konkretizzazzjoni ta’ dan l-għan tiddependi minn gvernanza territorjali tajba, u jenfasizza l-bżonn li din il-gvernanza tittejjeb permezz ta’ tisħiħ tas-sħubija bejn l-awtoritajiet territorjali, fi ħdan skema ta’ gvernanza fuq diversi livelli.

    Rapporteur

    :

    Jean-Yves Le Drian (PSE/FR), President tal-Kunsill Reġjonali tal-Bretagne

    Dokument ta’ referenza

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali: Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi

    COM(2008) 616 finali

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Kummenti ġenerali dwar il-proposti tal-Green Paper tal-Kummissjoni

    1.

    jilqa’ b’mod favorevoli l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-koeżjoni territorjali tas-6 ta’ Ottubru 2008, li ppermettiet li jitnieda dibattitu wiesa’ fil-livell Ewropew dwar dan il-kunċett li ser isir l-objettiv politiku orizzontali tal-Unjoni Ewropea (1), flimkien mal-koeżjoni soċjali u ekonomika, b’konformità mat-Trattat li jinsab fil-proċess ta’ ratifika (Artikolu 3 TUE);

    2.

    jikkunsidra li l-ambitu ta’ applikazzjoni tal-koeżjoni territorjali għandu jiġi ddefinit b’mod aktar preċiż u jitlob lill-Kummissjoni tibbaża din id-definizzjoni fuq it-tliet dimensjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni territorjali li jinsabu fit-tielet rapport ta’ koeżjoni u li huma: ir-riforma – permezz tat-tnaqqis tad-differenzi eżistenti, il-prevenzjoni – billi tiżdied il-koerenza bejn il-politiki settorjali li għandhom impatt territorjali, u l-inċentivi – permezz tal-integrazzjoni territorjali, billi titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni;

    3.

    jemmen li l-koeżjoni territorjali għandha tinkludi d-dimensjoni marittima;

    4.

    jemmen li fil-ġejjieni ser ikun hemm bżonn li mmorru lil hinn mill-kwistjonijiet imressqa mill-Kummissjoni fil-Green Paper sabiex l-iskop politiku tal-kunċett tal-koeżjoni territorjali fil-livell Komunitarju jiġi ġġustifikat; jappoġġja l-proposta li tiżdied il-kooperazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet u partijiet ikkonċernati; jaqbel li l-kunċett tal-koeżjoni territorjali joħloq rabta bejn l-effiċjenza ekonomika, il-koeżjoni soċjali u l-bilanċ ambjentali billi jqiegħed l-iżvilupp sostenibbli fiċ-ċentru tal-miżuri politiċi fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet territorjali ta’ kull reġjun;

    5.

    jitlob li wara perijodu ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni tfassal White Paper li fiha tispeċifika l-kunċett tal-koeżjoni territorjali u l-objettivi marbutin miegħu fil-livell tal-UE, bit-twettiq ta’ valutazzjoni tal-impatt territorjali għall-politiki Komunitarji kollha;

    Prinċipji ewlenin ta’ objettiv politiku ġdid għall-Unjoni Ewropea

    6.

    ifakkar li fl-opinjoni tiegħu dwar ir-raba’ rapport ta’ koeżjoni kien stqarr li fil-ġejjieni l-kwistjonijiet ta’ koeżjoni territorjali għandhom jiġu kkunsidrati iktar fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni (2), mingħajr ma ninsew il-koeżjoni soċjali u ekonomika, li tikkostitwixxi objettiv Komunitarju importanti għat-tnaqqis tad-diskrepanzi;

    7.

    jenfasizza l-importanza tal-koeżjoni territorjali li tagħti objettiv politiku lill-koeżjoni soċjali u ekonomika, u li b’hekk tagħti lill-azzjoni Komunitarja kapaċità miżjuda biex issaħħaħ is-solidarjetà fl-Unjoni Ewropea u tikkontribwixxi b’mod effikaċi għall-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u t-tqassim tal-kompetenzi bejn id-diversi livelli ta’ gvern;

    8.

    ifakkar, b’enfasi, li l-objettiv tal-koeżjoni territorjali jrid jiġi applikat għat-territorju Ewropew kollu, jiġifieri għar-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea, iżda mingħajr preġudizzju għall-prijoritajiet iddefiniti fil-qafas tal-politika reġjonali u tal-Fondi Strutturali;

    9.

    jitlob lill-Kummissjoni tapprofondixxi r-riċerka tagħha bil-għan li tfassal indikaturi tajbin (jekk hemm bżonn fil-livell sottoreġjonali) dwar il-problemi soċjoekonomiċi partikolari tad-diversi tipi ta’ reġjuni, b’mod partikolari iżda mhux esklużivament il-muntanji, il-gżejjer, iż-żoni b’densità ta’ popolazzjoni baxxa u ż-żoni konfinali, kif ukoll ir-reġjuni ultraperiferiċi (RUP) li s-sitwazzjoni speċifika tagħhom hija msemmija fl-Artikoli 158 u 299 tat-TKE rispettivament, bil-għan li joħorġu fid-dieher l-opportunitajiet u l-iżvantaġġi speċifiċi ta’ dawn ir-reġjuni;

    10.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb b’mod konsiderevoli l-istatistika kif ukoll ir-rappreżentazzjoni kartografika tagħha, sabiex dawn jirriflettu s-sitwazzjoni reali;

    11.

    jistqarr li l-koeżjoni territorjali għandha l-għan li tipprovdi lil kull territorju Komunitarju b’aċċess għall-infrastrutturi u s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali sabiex b’hekk tikkontribwixxi għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ għajxien taċ-ċittadini skont l-istandards Ewropej tas-seklu 21, u jirrikonoxxi li l-aċċess ma jiddependix mill-kundizzjonijiet ġeografiċi, iżda huwa ddeterminat mill-konnessjonijiet, id-disponibilità u l-kwalità tal-infrastrutturi u s-servizzi;

    12.

    iqis li l-kunċett tal-koeżjoni territorjali huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà, li jeħtieġ l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi mmirati lejn żvilupp armonjuż tal-Komunità kollha kemm hi u lejn tnaqqis tad-differenzi bejn it-territorji f’termini ta’ żvilupp;

    13.

    ifakkar li l-aħħar rapporti dwar il-koeżjoni jġibu fid-dieher l-aggravazzjoni ta’ ċerti diskrepanzi territorjali bejn ir-reġjuni Ewropej, kif ukoll fil-livell sottoreġjonali. Dawn id-diskrepanzi huma kkaratterizzati minn fenomeni bħas-segregazzjoni ġeografika li toħloq ċerti forom ta’ tqegħid f’ghettos kif ukoll twassal biex ċerti żoni mwarrba jmorru lura kontinwament. Huwa wkoll minħabba dawn id-diskrepanzi li l-koeżjoni territorjali għandha tkun, iktar minn qatt qabel, objettiv trażversali tal-Unjoni Ewropea;

    14.

    iqis li dan il-bżonn huwa msaħħaħ mill-ispejjeż għoljin imġarrba minħabba n-nuqqas ta’ koeżjoni fl-Ewropa: spejjeż ta’ natura ambjentali minħabba l-konġestjoni fiż-żoni urbani u l-bidla fil-klima; spejjeż soċjali minħabba l-konċentrazzjoni ġeografika tal-problemi soċjali; u fl-aħħar, in-nuqqas ta’ koeżjoni territorjali jagħmel ħsara wkoll lill-funzjonament tas-suq uniku Ewropew billi jillimita l-aċċess li għandhom ċerti territorji għal-libertajiet imsemmija fit-Trattati;

    15.

    jipproponi li l-koeżjoni territorjali ssir element ewlieni tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-kriżi attwali, kemm finanzjarja kif ukoll ekonomika; b’kunsiderazzjoni tal-kumplessità tal-isfidi li jistgħu jinqalgħu fis-snin li ġejjin, jitlob li r-riżorsi baġitarji jinżammu mill-inqas fil-livelli attwali, jekk mhux saħansitra jiżdiedu;

    16.

    huwa kontra kull inizjattiva li, bi skuża tas-sitwazzjoni attwali jew għal raġunijiet oħra, tista’ twassal għar-rinazzjonalizzazzjoni parzjali jew bil-moħbi tal-politika ta’ koeżjoni;

    Lejn politika reġjonali riveduta li tappoġġja l-koeżjoni territorjali

    17.

    iqis li l-objettiv tal-koeżjoni territorjali u dak tal-koeżjoni ekonomika u soċjali huma komplementarji, u li t-tliet forom ta’ koeżjoni għandhom isaħħu lil xulxin. Dan ifisser li l-objettiv tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandu jiġi kkunsidrat fil-politiki komuni kollha li għandhom impatt territorjali, b’mod partikolari l-politika reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa mudelli għall-integrazzjoni settorjali fil-livell reġjonali bħala appoġġ għall-koeżjoni territorjali;

    18.

    jistieden lill-Kummissjoni tħejji rendikont ta’ kif l-Istrateġiji ta’ Liżbona u ta’ Göteborg jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali fil-qafas tal-programm ta’ allokazzjoni tal-Fondi Strutturali għall-perijodu 2007-2013;

    19.

    jipproponi li l-Kummissjoni tipprevedi tibdil fl-orjentazzjoni strateġika tagħha billi tikkunsidra, minbarra l-koeżjoni soċjoekonomika, l-objettivi tal-koeżjoni territorjali għall-perijodu 2014-2020; f’dan il-kuntest jappella sabiex il-politika reġjonali ssib bilanċ ġust bejn l-ispejjeż tal-kompetittività li jiffavorixxu t-tkabbir ekonomiku f’ambjent igglobalizzat u l-ispejjeż għat-tnaqqis tad-diskrepanzi bejn it-territorji, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-koeżjoni;

    20.

    huwa favur it-tħejjija ta’ għodod ġodda, b’mod partikolari indikaturi, skont il-bżonnijiet tal-implimentazzjoni tal-koeżjoni territorjali (3). Dan jinkludi analiżi sottoreġjonali. Sabiex niżviluppaw l-istrateġiji reġjonali u risposti politiċi adattati, għandna nitgħammru bl-istrumenti adegwati li jgħinuna nqisu d-diskrepanzi territorjali fil-politiki pubbliċi (pereżempju, id-dħul disponibbli għal kull ċittadin sabiex jitqiesu t-trasferimenti, flimkien mal-PGD fis-siegħa, id-dħul mit-taxxa, l-aċċessibbiltà għad-diversi servizzi (trasport, distribuzzjoni tal-enerġija, saħħa, edukazzjoni), l-istruttura demografika u l-istabbiliment tal-popolazzjoni (tagħrif dwar it-tixrid tal-popolazzjoni, il-livell ta’ tixjiħ demografiku u l-livell ta’ dipendenza), jew il-ħolqien ta’ indiċi sintetiċi tal-iżvilupp uman (4));

    Kooperazzjoni territorjali

    21.

    ifakkar il-valur miżjud Ewropew indiskutibbli tal-kooperazzjoni territorjali u l-kontribut li jagħti lill-objettiv tal-koeżjoni territorjali; f’dan il-kuntest isejjaħ għal żieda konsiderevoli fil-baġit ġenerali tal-UE sabiex ikun possibbli li riżorsi finanzjarji addizzjonali jiġu allokati għal dan il-qasam tal-politika reġjonali, sabiex din il-politika tkun tista’ tmur lil hinn mill-iskambju ta’ prattika tajba; iżda dan m’għandux isir b’mod li jolqot liż-żewġ objettivi ta’ koeżjoni l-oħra tal-UE b’mod negattiv;

    22.

    jistieden lill-Kummissjoni sabiex tuża tajjeb l-opportunitajiet strateġiċi ġodda li toffri l-kooperazzjoni fil-livell tar-reġjuni tal-Ewropa. Dan huwa livell strateġiku ta’ gvernanza u intervent li minnu jistgħu jinstabu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet ta’ koeżjoni territorjali; ifakkar li r-REKT (5), billi stabbilixxa struttura ta’ kooperazzjoni Ewropea marbuta mal-proġetti transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali, jikkontribwixxi għal kooperazzjoni effettiva f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, kif ukoll għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta’ viċinat, il-kooperazzjoni bejn il-popolazzjonijiet, it-trasferiment tal-għarfien u l-iskambju tal-prattika tajba;

    Kooperazzjoni transkonfinali

    23.

    jenfasizza r-rwol speċifiku tal-kooperazzjoni transkonfinali tal-integrazzjoni Ewropea u l-importanza tar-riżultati miksubin: tnaqqis tal-“effett ta’ barriera” fil-fruntieri interni tal-UE, modifika tar-rwol tal-fruntieri esterni (ftehim ta’ żvilupp, ġlieda kontra l-immigrazzjoni u t-traffikar illegali, appoġġ għall-iżvilupp taż-żoni konfinali tal-pajjiżi terzi mal-UE), appoġġ għat-trasformazzjoni tal-fruntieri esterni fi fruntieri interni wara s-sħubija tal-Istati Membri l-ġodda;

    24.

    jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha favur is-semplifikazzjoni u t-titjib tal-ġestjoni tal-programmi transkonfinali, pereżempju billi tiddefinixxi l-allokazzjonijiet komuni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera, u jappoġġja lill-Kummissjoni fl-intenzjoni tagħha li tħejji rendikont tal-implimentazzjoni tar-REKT;

    Kooperazzjoni transnazzjonali

    25.

    huwa favur l-appoġġ ta’ din il-kooperazzjoni fit-territorji rilevanti (pereżempju, il-baċiri marittimi u tax-xmajjar, jew iż-żoni muntanjużi) sabiex tittejjeb l-integrazzjoni territorjali, jitnaqqsu d-diskrepanzi reġjonali u sottoreġjonali, u sabiex il-problemi tal-ħarsien tal-ambjent, tal-ġlieda kontra t-tniġġis u tat-titjib tan-netwerks tat-trasport jiġu indirizzati, fil-qafas ta’ strateġiji komuni tal-ippjanar tal-art filwaqt li jiġu rrispettati r-rwol u l-kompetenzi tal-korpi pubbliċi eżistenti u tal-prijoritajiet ta’ koeżjoni strateġiċi f’reġjun partikolari;

    26.

    jemmen li kull azzjoni strateġika, bħall-ħolqien ta’ makroreġjuni (eż. l-istrateġija futura tal-UE għar-reġjun tal-Baħar Baltiku), għandha titħeġġeġ; fil-livell transnazzjonali tal-ibħra reġjonali, għandhom jiġu stabbiliti oqfsa għal gvernanza innovattiva, sabiex tiġi promossa l-politika marittima integrata li għadha kif ġiet adottata mill-UE, u tiġi assigurata koerenza mtejba tal-azzjoni Komunitarja fi ħdan l-Unjoni u mal-pajjiżi terzi kkonċernati;

    Kooperazzjoni interreġjonali

    27.

    jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni interreġjonali (li l-Kummissjoni ma ssemmix fil-Green Paper tagħha) bħala strument tajjeb għall-iskambju tal-esperjenzi u l-prattiki t-tajba bejn territorji mbiegħda li għandhom proġetti ta’ żvilupp komplementarji; madankollu, jesprimi x-xewqa li fil-ġejjieni l-istrument tal-kooperazzjoni interreġjonali jiġi adattat aħjar għall-bżonnijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, permezz ta’ flessibbiltà ikbar fl-għażla tal-oqsma ta’ kooperazzjoni;

    Kooperazzjoni territorjali barra mill-UE

    28.

    jenfasizza l-bżonn li l-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni territorjali jiġu kkoordinati aħjar, fil-perspettiva tat-tkabbir tal-UE (Balkani tal-Punent u Turkija) mal-pajjiżi eliġibbli għall-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-Federazzjoni Russa u l-pajjiżi ġirien tar-reġjuni ultraperiferiċi;

    Niżguraw koerenza bejn il-politiki pubbliċi Komunitarji fir-rigward tal-koeżjoni territorjali

    29.

    iqis li l-objettiv tal-koeżjoni territorjali għandu jiġi applikat għall-politiki Komunitarji kollha. Għaldaqstant jemmen li jkun xieraq li tissaħħaħ il-komplementarjetà bejn il-politiki settorjali u l-politika reġjonali, billi tiġi żgurata koerenza bejn dawn, kemm fl-ambitu tal-politiki ta’ allokazzjoni kif ukoll f’dak tal-politiki ta’ regolamentazzjoni;

    30.

    f’dan ir-rigward jiddispjaċih li l-politiki Komunitarji ħafna drabi huma mfassla u implimentati mingħajr konsiderazzjoni suffiċjenti tal-konsegwenzi territorjali tagħhom, u li minħabba f’hekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jħabbtu wiċċhom mal-effetti negattivi ta’ dawn il-politiki (telf ta’ attività jew impjieg, ħsara lill-ambjent, aggravazzjoni tal-konġestjoni u d-deżertifikazzjoni);

    31.

    ifakkar fl-utilità tal-ġestjoni tal-art, bħala ġabra ta’ tekniki addizzjonali mmirati lejn definizzjoni armonjuża tad-diversi użi u attivitajiet fit-territorju, bil-għan li tiġi ggarantita l-koerenza bejn il-politiki pubbliċi Komunitarji u l-objettivi tal-koeżjoni territorjali;

    32.

    jagħraf li wħud minn dawn il-problemi ngħelbu permezz tal-politika reġjonali Komunitarja, b’mod partikolari fil-qafas tal-programmi ta’ għajnuna għall-bidliet ekonomiċi (rikonverżjoni industrijali, żvilupp rurali fil-kuntest tar-riforma tal-PAK);

    33.

    jiddispjaċih dwar l-ammont sostanzjali ta’ inkoerenza bejn il-politiki tar-RTDI u l-koeżjoni territorjali, u jenfasizza l-ħtieġa għal aktar territorjalizzazzjoni fil-politiki kemm Ewropej kif ukoll nazzjonali fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni;

    34.

    jemmen, b’analoġija mal-klawżola soċjali orizzontali stipulata fit-Trattat ta’ Liżbona, li jeħtieġ li l-impatt territorjali tal-politiki settorjali jiġi kkunsidrat sa mill-istadju tal-ippjanar (“looking at the map before implimenting policies)”, sabiex nantiċipaw l-effetti territorjali ta’ dawn il-politiki;

    35.

    f’dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza kbira li għandhom in-netwerks trans-Ewropej tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni għall-ksib tal-objettiv tal-koeżjoni territorjali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinsisti fuq dan l-aspett b’mod partikolari;

    36.

    jisħaq b’mod partikolari fuq il-bżonn ta’ koerenza bejn il-politiki pubbliċi Komunitarji fiż-żoni ta’ baħar/art;

    Il-Politika Agrikola Komuni (PAK)

    37.

    iqis li l-PAK, li għandha impatt territorjali kbir, għandha tikkontribwixxi iktar għall-koeżjoni territorjali minflok ma tkabbar id-differenzi bejn ir-reġjuni. Tista’ tagħmel dan billi tantiċipa l-effetti territorjali tar-riforma futura, sabiex tillimita l-effetti negattivi tagħha, u billi tħejji miżuri ta’ adattament favur it-territorji li b’hekk ikunu inqas affettwati minn din ir-riforma;

    38.

    jirrakkomanda koordinazzjoni mtejba tal-azzjonijiet għall-iżvilupp rurali fi ħdan it-tieni pilastru tal-PAK mal-politika reġjonali, sabiex tiġi żgurata komplementarjetà bejn l-iżvilupp rurali u urban bil-għan li jiġu implimentati l-azzjonijiet ta’ semplifikazzjoni u s-sinerġiji kollha li huma teknikament u politikament possibbli fil-programmi ta’ wara l-2013;

    Il-Politika tat-Trasport Komuni

    39.

    jemmen li, fil-kuntest tal-iżvilupp tal-Politika Komuni tat-Trasport u l-impatt tagħha fuq il-bidla fil-klima, wieħed m’għandux jinsa l-importanza speċjali li għandha din il-politika fir-reġjuni li l-aċċessibbiltà tagħhom tiddependi esklużivament minn ċerti mezzi tat-trasport, b’mod partikulari l-ajruplan;

    40.

    jipproponi li r-reviżjoni li jmiss tan-netwerks tat-trasport trans-Ewropej tiffoka b’mod partikolari fuq il-bżonn li tiġi pprovduta l-aċċessibbiltà lokali tat-territorji fuq il-bażi ta’ standards adegwati, bl-integrazzjoni ta’ dawn fin-netwerks tat-trasport urban, sabiex b’hekk jissaħħu l-konnessjoni u l-koeżjoni b’mod globali;

    L-ambjent

    41.

    iqis li l-kwistjoni delikata tal-bidla fil-klima m’għandhiex l-istess implikazzjonijiet għar-reġjuni kollha (pereżempju fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-sistema Komunitarja tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, tal-ġestjoni tal-kosta, eċċ.);

    Proposti dwar l-impatt territorjali tal-evoluzzjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ) u tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ)

    42.

    ifakkar l-importanza tas-SIEĠ bħala atturi ewlenin tal-koeżjoni territorjali, kif imsemmi fil-liġi primarja Komunitarja (Artikolu 16 TKE), u f’dan il-kuntest jiddispjaċih li l-impatt territorjali tal-politiki Komunitarji dwar is-SIĠ, u b’mod partikolari s-SIEĠ, ma jiġix ikkunsidrat qabel il-preżentazzjoni tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni jew evalwat wara;

    43.

    jenfasizza r-riskju tal-frammentazzjoni tas-suq intern li jseħħ meta ċ-ċittadini ma jkollhomx aċċess għas-servizzi ta’ prossimità, minkejja l-istqarrija ta’ objettiv ta’ żamma tas-servizz universali;

    44.

    jiddefendi ż-żamma tal-aċċess universali għal dawn is-servizzi fil-qafas tal-obbligi tradizzjonali tas-servizz pubbliku, f’isem it-trattament ugwali u bħala kundizzjoni għall-integrazzjoni tar-reġjuni fl-ekonomija globali;

    45.

    b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stipulat fit-Trattat kif ukoll fil-Protokoll dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali tat-Trattat ta’ Liżbona, jitlob li jitħarsu d-dritt u l-libertà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-kwalità tagħhom ta’ fornituri, amministraturi jew benefiċjarji tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali;

    46.

    jerġa’ jtenni li s-sigurtà legali hija indispensabbli għall-attivitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala fornituri, mexxejja u benefiċjarji tas-SIEĠ; jemmen li l-ispeċifiċitajiet tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-liġi tal-akkwist pubbliku u l-liġi dwar l-għajnuna statali, għandhom jiġu rrikonoxxuti fl-oqsma Komunitarji rilevanti;

    Proposti dwar it-titjib tal-gvernanza territorjali

    47.

    jenfasizza li l-azzjoni ta’ ħafna livelli ta’ gvern f’territorju wieħed b’effetti differenti u kultant kontradittorji jeħtieġ titjib fil-kwalità tal-gvernanza, b’mod partikolari fid-dimensjoni territorjali tagħha, fil-livell li huwa l-eqreb taċ-ċittadini, sabiex jitpatta għan-nuqqas ta’ integrazzjoni tal-politiki pubbliċi; din l-iskema ta’ gvernanza territorjali ġdida tirrappreżenta l-prinċipju ċentrali tal-konkretizzazzjoni tal-objettiv tal-koeżjoni territorjali;

    48.

    jemmen li l-Kummissjoni għandha tidentifika l-istrumenti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni vertikali bejn il-livelli differenti tal-gvern, lil hinn mir-relazzjonijiet istituzzjonali eżistenti;

    49.

    ifakkar li l-objettiv tal-koeżjoni territorjali m’għandux iwassal għal bidliet fit-tqassim tal-kompetenzi, b’mod partikolari għall-ippjanar tal-użu tal-art li għandu jibqa’ kompetenza tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Madankollu, il-gvernijiet tal-Istati Membri, b’mod speċjali fi stati iktar ċentralizzati, għandhom isaħħu l-impenn tagħhom mal-atturi fil-livell lokali/reġjonali sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni ta’ politiki nazzjonali settorjali fil-livelli reġjonali/lokali;

    50.

    isejjaħ għal kjarifika tal-kompetenzi fl-Istati Membri bejn id-diversi livelli ta’ gvern u l-iżvilupp ta’ politiki trażversali jew orizzontali u funzjonijiet ta’ koordinazzjoni;

    51.

    jitlob li l-awtoritajiet reġjonali jingħataw kapaċità ta’ deċiżjoni ikbar fil-kuntest tal-ġestjoni tal-Fondi Strutturali; ir-reġjuni kollha tal-UE għandhom jingħataw l-istatut ta’ Awtorità ta’ Ġestjoni lir-reġjuni kollha tal-UE;

    52.

    isejjaħ għal tisħiħ tal-gvernanza multisettorjali (6) sabiex jiġu ddefiniti l-objettivi strateġiċi komuni, pereżempju għall-aċċessibbiltà, l-iżvilupp sostenibbli u l-politika marittima, li għalihom kull parteċipant ikun jista’ jikkontribwixxi bil-mezzi li għandu u b’hekk jiżgura li l-prinċipju ta’ sħubija jiġi applikat bis-sħiħ. Sabiex tinkiseb gvernanza multisettorjali reali tinħtieġ ukoll ħidma komuni ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ.

    53.

    ifakkar li fl-Ewwel Programm ta’ Azzjoni Territorjali tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Novembru 2007, il-ministri kkonċernati qablu li “l-gvernanza fuq diversi livelli hija strument fundamentali għal ġestjoni territorjali bbilanċjata fl-UE” u pproponew li “jingħaqdu mal-partijiet interessati u l-awtoritajiet lokali u reġjonali kkonċernati sabiex jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-Aġenda Territorjali”;

    54.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza aktar mill-qrib il-prattiki ta’ sħubija li jeżistu fl-UE-27, sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-assoċjazzjonijiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jsiru msieħba proattivi.

    Brussell, it-12 ta’ Frar 2009.

    Il-President

    tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    (1)  Hekk kif intalab fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KtR 388/2002 fin dwar “Il-koeżjoni territorjali” (rapporteur: Valcarcel Siso).

    (2)  Ara l-opinjoni CdR 97/2007 fin dwar “Ir-raba’ rapport ta’ koeżjoni” (rapporteur: Michael Schneider).

    (3)  B’segwitu tal-opinjoni CdR 97/2007 fin dwar “Ir-raba’ rapport ta’ koeżjoni” (rapporteur: Michael Schneider).

    (4)  B’referenza għall-metodoloġija mfassla mill-UNDP.

    (5)  B’segwitu tal-opinjoni CdR 308/2007 fin dwar “Ir-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT): impetu ġdid għall-kooperazzjoni territorjali fl-Ewropa” (rapporteur: Mercedes Bresso).

    (6)  B’konformità mal-opinjonijiet preċedenti tal-KtR: CdR 149/2008 fin “Gvernanza u sħubija fuq bażi nazzjonali, reġjonali u ta’ proġett fil-qasam tal-politika reġjonali” (rapporteur: Vladimir Kisyov) – CdR 397/2006 fin “Pakkett għal tfassil aħjar tal-liġijiet 2005–2006” (rapporteur: Luc Van den Brande) – CdR 103/2001 fin “White Paper dwar il-gvernanza Ewropea” (rapporteur: Michel Delebarre).


    Top