This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009XC0409(03)
Notice of initiation of a partial interim review of the anti-dumping measures applicable to imports of ironing boards originating in Ukraine
Avviż ta' tnedija ta’ reviżjoni parzjali interim tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' mwejjed tal-mogħdija tal-ħwejjeġ li joriġinaw mill-Ukrajna
Avviż ta' tnedija ta’ reviżjoni parzjali interim tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' mwejjed tal-mogħdija tal-ħwejjeġ li joriġinaw mill-Ukrajna
ĠU C 85, 9.4.2009, p. 28–30
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
9.4.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 85/28 |
Avviż ta' tnedija ta’ reviżjoni parzjali interim tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' mwejjed tal-mogħdija tal-ħwejjeġ li joriġinaw mill-Ukrajna
2009/C 85/06
Il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).
1. Talba għal reviżjoni
It-talba tressqet mill-Eurogold Industries Ltd (“l-applikant”), produttur esportatur mill-Ukrajna.
L-ambitu tat-talba huwa limitat għal eżami tad-dumping safejn għandu x'jaqsam l-applikant.
2. Prodott
Il-prodott taħt reviżjoni huma mwejjed tal-mogħdija tal-ħwejjeġ, bis-saqajn jew mingħajrhom, b'wiċċ minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana u/jew l-arja jew mingħajr, inklużi mwejjed tal-mogħdija għall-kmiem, u partijiet essenzjali minnhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ, u fejn titpoġġa l-ħadida li joriġinaw fl-Ukrajna (“il-prodott ikkonċernat”) li bħalissa huma klassifikabbli fi ħdan il-kodiċi NM ex 3924 90 90, ex 4421 90 98, ex 7323 93 90, ex 7323 99 91, ex 7323 99 99, ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00. Dawn il-kodiċi NM qed jingħataw biss bħala informazzjoni.
3. Miżuri eżistenti
Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007 (2) fuq l-importazzjonijiet ta' mwejjed tal-mogħdija tal-ħwejjeġ li joriġinaw, inter alia, fl-Ukrajna.
4. Raġunijiet għar-reviżjoni
It-talba skont l-Artikolu 11(3) hija msejsa fuq evidenza prima facie mogħtija mill-applikant, li ċ-ċirkustanzi, li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri, inbidlu u dan it-tibdil huwa ta' natura permanenti.
L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex meħtieġa biex ikun ikkumpensat id-dumping. B’mod partikolari, l-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li l-valur normali u d-determinazzjonijiet tal-prezz tal-esportazzjoni jvarjaw b’mod sinifikanti minn dawk dominanti fil-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni minħabba riorganizzazzjoni strutturali riċenti tal-grupp li jagħmel parti minnu l-applikant, u li t-tqabbil tal-valur normali u tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tiegħu lill-Komunità jindika li l-marġni tad-dumping tidher li hi inqas mil-livell kurrenti tal-miżura. Għalhekk, l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri fil-livell eżistenti, li kienet imsejsa fuq il-livell ta' dumping stabbilit qabel, tidher li ma għadhiex meħtieġa biex ikun ikkumpensat id-dumping.
5. Il-proċedura għad-determinazzjoni ta’ dumping
Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta' reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni qiegħda b'dan tniedi reviżjoni skont l-Artikolu 11 (3) tar-Regolament bażiku.
L-investigazzjoni se tivvaluta l-bżonn għall-issuktar, għat-tneħħija jew għall-emendar tal-miżuri eżistenti fir-rigward tal-applikant.
Jekk jinstab li l-miżuri għandhom jitneħħew jew jiġu emendati għall-applikant, jista' jkun meħtieġ li tiġi emendata r-rata tad-dazju attwalment applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-produtturi esportaturi l-oħra kollha, jiġifieri d-dazju speċifikat attwalment fl-Artikolu 1 (2) tar-Regolament (KE) Nru 452/2007, kif japplika “għall-kumpaniji kollha” fl-Ukrajna.
(a) Il-kwestjonarji
Biex tikseb l-informazzjoni li tqis neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fiż-żmien preskritt stipulat fil-punt 6(a).
(b) Il-ġbir ta’ informazzjoni u s-smigħ ta’ seduti
Il-partijiet kollha interessati qegħdin b'dan jiġu mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu informazzjoni barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Din l-informazzjoni u din l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fiż-żmien preskritt stipulat fil-punt 6(a).
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fiż-żmien preskritt stipulat fil-punt 6(b).
6. Iż-żmien preskritt
(a) Għall-partijiet biex jippreżentaw ruħhom, jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju u kull informazzjoni oħra
Il-partijiet kollha interessati, jekk għandhom jitqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kull informazzjoni oħra fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta' ħafna mid-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi minn kemm il-parti tippreżenta lilha nnifisha fil-perjodu msemmi qabel.
(b) Is-seduti ta’ smigħ
Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess żmien preskritt ta’ 40 jum.
7. Sottomissjonijiet bil-miktub, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza
Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet bil-miktub kollha, inkluża l-informazzjoni mitluba f'dan l-avviż, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Limitati” (3) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata bħala “Għall-ispezzjoni mill-Partijiet Interessati”.
L-indirizz għall-korrispondenza tal-Kummissjoni:
European Commission |
Directorate General for Trade |
Directorate H |
Office: N-105 4/92 |
B-1049 Brussels |
Fax (32 -2) 295 65 05 |
8. Nuqqas ta’ kooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għal jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fiż-żmien preskritt, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.
Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha titwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b'mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.
9. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
10. Proċessar ta’ dejta personali
Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (4).
11. Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ
Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Smigħ tad-DĠ għall-Kummerċ. Dan jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li joffri, fejn ikun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f'dan il-proċediment, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni taż-żmien preskritt u t-trattament tas-sottomissjoni tal-opinjonijiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal tas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).
(2) ĠU L 109, 26.4.2007, p. 12.
(3) Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim kontra d-Dumping).