Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0143

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Balkani tal-Punent — Tissaħħaħ il-perspettiva Ewropea

    ĠU C 76, 31.3.2009, p. 42–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 76/42


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Balkani tal-Punent — Tissaħħaħ il-perspettiva Ewropea

    (2009/C 76/09)

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jikkunsidra li l-wegħda tal-Unjoni Ewropea li toffri futur lill-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent hija waħda li torbot, sakemm il-pajjiżi fir-reġjun jissodisfaw il-kriterji tal-adeżjoni.

    iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex ma jdumux ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-UE biex din tkun tista' tkun aktar flessibbli fil-politika tal-viża tagħha. Minħabba l-obbligu tal-viża li huwa impost fuq dawk li jgħixu fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, huwa ferm diffiċli li jinħolqu kuntatti mal-imsieħba mill-Istati Membri tal-UE u l-obbligu qed ikun ostaklu fl-implimentazzjoni ta' proġetti edukattivi u ta' żvilupp; jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex ikomplu jkunu aktar flessibbli fir-rekwiżiti ta' viża għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

    jenfasizza l-importanza tal-proċess imniedi fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għad-deċentralizzazzjoni u d-delegazzjoni tal-poter tal-istat; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-etnicità m'għandhiex tkun l-uniku fattur jew il-fattur prinċipali f'dawn il-proċessi, u jikkunsidra li huwa importanti li, f'pajjiżi fejn hemm taħlit etniku kbir, għandha tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-istituzzjonijiet ċentrali, li huma kruċjali għat-tħaddim tal-istat, filwaqt li fl-istess ħin jintlaqa' l-proċess awtonomu tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

    jisħaq fuq l-importanza li titkompla bis-sħiħ il-ħidma sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-organizzazzjoni ġudizzjarja. Għandhom jissoktaw ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħidma biex tikber il-fiduċja taċ-ċittadini fl-organizzazzjoni ġudizzjarja.

    huwa favur kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali u l-imsieħba mill-Istati Membri tal-UE u jappella għall-ħolqien ta' mekkaniżmi istituzzjonali u finanzjarji xierqa li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jkunu aktar attivi fil-proġetti transkonfinali u reġjonali, permezz tal-medjazzjoni tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' awtonomija lokali, li jinkludu l-inizjattivi fi ħdan ir-Ragruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali.

    Rapporteur

    :

    Is-Sur František KNAPÍK (SK/PPE), Is-sindku ta' Košice

    Referenzi

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Il-Balkani tal-Punent –Tissaħħaħ il-perspettiva Ewropea

    COM(2008) 127 finali.

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    A.   Rakkomandazzjonijiet ġenerali

    Progress lejn l-adeżjoni fl-UE

    1.

    jikkunsidra li l-wegħda tal-Unjoni Ewropea li toffri futur lill-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent hija waħda li torbot, sakemm il-pajjiżi fir-reġjun jissodisfaw il-kriterji tal-adeżjoni.

    2.

    jilqa' l-progress li għamlu l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex joqorbu aktar lejn l-Unjoni Ewropea; jemmen li l-firem tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn ir-Repubblika tas-Serbja u l-UE u tal-Ftehim bejn l-UE u l-Bożnja u Ħerzegovina huma rekwiżiti essenzjali sabiex il-prospett ta' futur fi ħdan l-Unjoni Ewropea jkun jista' jsir realtà. Il-prospett reali li fil-futur qarib il-Montenegro u l-Albanija segwiti mill-pajjiżi l-oħra fir-reġjun, jiksbu l-istatus ta' pajjiżi kandidati u l-progress li għamlet il-Kroazja fid-diskussjonijiet għall-adeżjoni juru l-progress li qed isir fl-integrazzjoni Ewropea.

    3.

    jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea taħdem aktar sabiex tisfrutta l-esperjenza tal-Istati Membri l-ġodda fil-proċess tal-adeżjoni u tat-trasformazzjoni. Il-perspettivi tal-Istati Membri l-ġodda għandhom iservu ta' benefiċċju miżjud fit-tfassil tal-politiki tal-UE, speċjalment f'dak li jikkonċerna ambizzjonijiet li għandhom il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għall-adeżjoni.

    4.

    iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex ma jdumux ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-UE biex din tkun tista' tkun aktar flessibbli fil-politika tal-viża tagħha. Minħabba l-obbligu tal-viża li huwa impost fuq dawk li jgħixu fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, huwa ferm diffiċli li jinħolqu kuntatti mal-imsieħba mill-Istati Membri tal-UE u l-obbligu qed ikun ostaklu fl-implimentazzjoni ta' proġetti edukattivi u ta' żvilupp; jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex ikomplu jkunu aktar flessibbli fir-rekwiżiti ta' viża għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

    5.

    jenfasizza l-importanza tal-proċess imniedi fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għad-deċentralizzazzjoni u d-delegazzjoni tal-poter tal-istat; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-etnicità m'għandhiex tkun l-uniku fattur jew il-fattur prinċipali f'dawn il-proċessi, u jikkunsidra li huwa importanti li, f'pajjiżi fejn hemm taħlit etniku kbir, għandha tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-istituzzjonijiet ċentrali, li huma kruċjali għat-tħaddim tal-istat, filwaqt li fl-istess ħin jintlaqa' l-proċess awtonomu tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

    6.

    jinnota li r-rikonoxximent u l-ħarsien tal-minoranzi nazzjonali huwa wieħed mill-kriterji ta' Kopenħagen li jridu jintlaħqu minn kwalunkwe Stat li jixtieq jissieħeb fl-Unjoni Ewropea; hu konvint li l-għan ċentrali tad-drittijiet tal-minoranzi huwa li jiffaċilitaw koeżistenza paċifika bejn il-popolazzjonijiet li għandhom razza, lingwa jew reliġjon differenti u l-popolazzjoni li tinsab fil-maġġoranza, sabiex il-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull wieħed minnhom jiġu indirizzati;

    7.

    jistieden lill-pajjiżi fir-reġjun jieħdu miżuri bil-għan li jsaħħu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika, soċjali u ekonomika, u jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Il-Kumitat jinnota li d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-vjolenza domestika għadhom għaddejjin, u għaldaqstant jitlob lill-pajjiżi jimpenjaw ruħhom iżjed biex itejbu d-drittijiet tan-nisa.

    8.

    jipproponi t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali sabiex il-fondi tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, li ġejjin mill-Istrument ta' Għajnuna għall-qabel l-Adeżjoni (IPA), jiġu użati bl-aħjar mod.

    9.

    jisħaq fuq l-importanza li titkompla bis-sħiħ il-ħidma sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-organizzazzjoni ġudizzjarja. Għandhom jissoktaw ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħidma biex tikber il-fiduċja taċ-ċittadini fl-organizzazzjoni ġudizzjarja.

    10.

    jiddispjaċih li l-firxa wiesgħa ta' korruzzjoni qed tkompli tinfirex. Din qed ixxekkel il-ħolqien ta' servizz pubbliku trasparenti u qed ittellef il-ġestjoni u l-amministrazzjoni effiċjenti tal-fondi u l-programmi tal-UE.

    11.

    jilqa' l-ħidma li qed issir biex tinħoloq Skola Reġjonali għall-Amministrazzjoni Pubblika (RESPA) li ser ikollha s-setgħa kollha li wieħed jistenna minn istituzzjoni ta' taħriġ vokazzjonali għall-uffiċjali pubbliċi u għandha tikkontribwixxi lejn it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-iskejjel tal- amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi individwali jikkollaboraw kemm jistgħu ma' din l-istituzzjoni. Huwa jappoġġja wkoll aktar strumenti tal-Kummissjoni Ewropea favur it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, il-bini tal-istituzzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, speċjalment permezz ta' proġetti ta' ġemellaġġ u tal-Istrumenti ta' Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni (TAIEX) u ta' Appoġġ għal Titjib fil-Governanza u l-Ġestjoni (SIGMA).

    Kooperazzjoni reġjonali u aktar kooperazzjoni transkonfinali

    12.

    jilqa' t-trasformazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà għax-Xlokk tal-Ewropa f'Kunsill ta' Kooperazzjoni Reġjonali li tant irnexxiet; jikkunsidra l-kooperazzjoni reġjonali bħala waħda mill-kundizzjonijiet li għandhom jirrispettaw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex ikunu jistgħu jagħmlu progress fil-proċess tal-adeżjoni fl-UE. It-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali jistħoqqlu attenzjoni partikolari f'dan il-qasam peress li ħafna drabi kienu r-reġjuni li jmissu mal-fruntieri li l-aktar li batew waqt il-kunflitti armati tad-disgħinijiet. Għal din ir-raġjuni, il-Kumitat jappella għal żviluppi fl-infrastruttura transkonfinali bejn il-pajjiżi tar-reġjun.

    13.

    Iqis li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali bejn iż-żoni marittimi u l-fruntieri tal-Pajjiżi Balkani tal-Punent li qed iħarsu lejn jew li huma konfini mal-pajjiżi membri tal-Unjoni huwa t-triq li trid tittieħed biex jingħelbu d-diviżjonijiet, il-preġudizji u s-suspetti kkawżati mit-tilwim jew mill-kunflitti li fil-passat — riċenti jew iktar imbiegħed — ħakmu l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi viċini li issa huma membri tal-UE;

    14.

    jilqa' l-progress li sar biex tinħoloq żona ta' kummerċ ħieles (CEFTA) fil-Balkani tal-Punent; jirrakkomanda li l-pajjiżi parteċipanti jaġixxu b'ħeffa akbar biex joħolqu żona li topera b'mod effettiv mar-reġjun kollu għax żona reġjonali ta' kummerċ ħieles ser tgħin lill-pajjiżi individwali jippreparaw ħalli jidħlu fis-suq uniku tal-UE.

    15.

    huwa favur kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali u l-imsieħba mill-Istati Membri tal-UE u jappella għall-ħolqien ta' mekkaniżmi istituzzjonali u finanzjarji xierqa li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jkunu aktar attivi fil-proġetti transkonfinali u reġjonali, flimkien mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' awtonomija lokali, li jinkludu l-inizjattivi fi ħdan ir-Ragruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali.

    16.

    jagħraf il-fatt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-UE u jappoġġja l-ħolqien ta' kuntatti bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tar-reġjun u l-iżvilupp ta' proġetti komuni.

    L-iżvilupp tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

    17.

    iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali li qed jaħdmu tajjeb bħala fattur essenzjali għat-tisħiħ intern tal-pajjiżi individwali u l-proċess ta' tqarrib mal-UE; jirrakkomanda li l-gvernijiet iżidu l-komunikazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u li jippromovu l-integrazzjoni Ewropea.

    18.

    jilqa' l-mekkaniżmu speċjali għall-appoġġ tal-gvernijiet lokali u reġjonali fil-Balkani tal-Punent li huwa parti mill-Istrument tal-Għajnuna għall-qabel l-Adeżjoni (IPA), li ħabbret il-Kummissjoni Ewropea waqt il-konferenza ta' April 2008 fi Brussell; jitlob lil-Kummissjoni Ewropea tissemplifika kemm tista' l-proċedura tal-għoti tal-għajnuna, speċjalment billi tħaffifha u trendi l-mekkaniżmi li jipprovduha aktar effettivi; filwaqt li jemmen li kull tip ta' għajnuna, għandha tkun iffukata, jemmen ukoll li għandha tilħaq l-akbar firxa possibbli ta' riċevituri.

    19.

    huwa konxju tal-iżbilanċ reġjonali — bejn iż-żoni metropolitani u r-reġjuni li huma aktar imbiegħda miċ-ċentri urbani — fil-ħidma tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-iżvilupp territorjali armonjuż u bbilanċjat u l-promozzjoni tal-integrazzjoni Ewropea; jara l-bżonn li tingħata għajnuna lill-awtoritajiet sottonazzjonali sabiex ikunu jistgħu joperaw fir-reġjuni rurali b'mod effettiv, speċjalment f'żoni fejn hemm taħlit etniku, fejn l-enfażi trid tkun fuq l-implimentazzjoni ta' proġetti multietniċi.

    20.

    huwa konxju mill-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent jaqdu rwol fundamentali fit-tfittxija tal-azzjoni istituzzjonali meħtieġa fir-rigward tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali; għalhekk isejjaħ lill-gvernijiet ta' dawn il-pajjiżi, sabiex b'konformità mal-ftehim qafas dwar il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, jikkonsultaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jiġu diskussi u adottati standards u oqfsa legali ġodda relatati mad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali;

    21.

    jisħaq fuq l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jingħelbu l-preġudizzji u d-differenzi bejn il-gruppi etniċi tar-reġjun u b'rabta ma' dan ir-rwol tagħhom fil-komunikazzjoni bejn il-livell territorjali u dak tal-gvern u tal-pajjiżi individwali.

    B   Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż individwali

    Il-Kroazja

    22.

    huwa sodisfatt bil-progress tajjeb li sar fin-negozjati għall-adeżjoni tal-Kroazja, li jibgħat sinjal lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent l-oħra dwar il-prospetti ta' sħubija tagħhom, ladarba jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa, huwa jemmen li l-inċertezza ta' wara r-referendum tal-Irlanda fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona ma tolqot bl-ebda mod in-negozjati li għaddejin mal-Kroazja.

    23.

    jilqa' l-progress li sar fl-oqsma tal-politika reġjonali u l-kooperazzjoni transkonfinali u japprezza l-fatt li l-Kroazja qed taħdem aktar sabiex tirranġa d-differenzi li jeżistu mal-ġirien tagħha.

    24.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kroazja trid tagħmel iktar progress fl-oqsma tar-riformi ġudizzjarji, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, id-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali, r-ritorn tar-refuġjati, u r-ristrutturar tas-settur tal-bini tal-bastimenti, biex isiru żviluppi deċiżivi fil-proċess tal-adeżjoni.

    25.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kroazja trid tħaffef il-pass tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u ttejjeb il-kapaċità amministrattiva tagħha fil-livell lokali u reġjonali.

    Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

    26.

    jaħseb li dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tista' tagħmel iktar progress lejn rabtiet aktar mill-qrib mal-UE sakemm tirrispetta l-kundizzjonijiet u l-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2008;

    27.

    japprezza l-kontribut ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja lejn l-istabbiltà fil-Balkani tal-Punent u jqis id-deċiżjoni tal-gvern tagħha dwar ir-rikonoxximent tal-indipendenza tal-Kosovo.

    28.

    jilqa' l-ħolqien tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt tiegħu bejn l-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u jħeġġeġ it-tisħiħ tad-djalogu politiku bejn l-awtoritajiet sottonazzjonali tal-UE u l-ekwivalenti tagħhom f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

    29.

    josserva li l-kriżi politika li għaddiet minnha dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-aħħar setgħet tiġi solvuta; jirrakkomanda li jittieħdu minnufih il-miżuri meħtieġa għat-titjib u t-tisħiħ tal-operat tal-awtoritajiet tal-Istat biex jiġu trattati l-kawżi tal-inkwiet li nqala' waqt il-proċess elettorali ta' Ġunju 2008 kif ukoll biex jiggarantixxu li l-elezzjonijiet futuri jkunu organizzati b'konformità mal-mudelli internazzjonali; jenfasizza li huwa l-każ li jiżdied id-djalogu politiku bejn il-partiti politiċi biex jinħoloq ambjent politiku stabbli ta' kunsens għall-implimentazzjoni tar-riformi li minnhom tiddependi l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea;

    30.

    jipproponi li jitkompla l-proċess ta' deċentralizzazzjoni filwaqt li jiġi żgurat li l-etnicità ma tkunx il-kriterju prinċipali fil-formazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; jappella għaż-żamma tal-istabbiltà politika f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali billi jiġi enfasizzat il-bżonn tad-djalogu aktar milli l-użu ta' mezzi oħra.

    31.

    jappoġġja r-rwol kostruttiv tal-Kumitat fil-qasam tar-Relazzjonijiet Interkomunitarji, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali, bħala medjatur bejn il-komunitajiet etniċi varji u l-parlament. Il-Kumitat jappella għaż-żamma tal-karattru multietniku ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, b'mod partikolari r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-minoranzi.

    32.

    jilqa' l-qbid mill-ġdid tan-negozjati bl-għajnuna tar-rappreżentant speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Matthew Nimetz u jitlob lil dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex issolvi l-kwistjoni tal-isem tal-pajjiż b'konformità mad-Dispożizzjonijiet 817/93 u 845/93 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat biex dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tagħmel progress fi triqitha lejn l-isħubija mal-Unjoni Ewropea.

    33.

    jirrakkomanda li tkompli għaddejja r-riforma fl-amministrazzjoni pubblika, inkluż ir-riforma fit-tassazzjoni lokali, sabiex l-awtoritajiet jingħataw awtonomija akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet finanzjarji.

    L-Albanija

    34.

    jilqa' l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' riforma fl-amministrazzjoni pubblika u l-għoti ta' aktar setgħa lill-awtoritajiet lokali.

    35.

    jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-prestazzjoni ekonomika. Il-prosperità ekonomika u s-sostenibbiltà fit-tkabbir ekonomiku huma rekwiżiti għall-progress b'suċċess lejn l-adeżjoni mal-UE.

    36.

    jenfasizza l-bżonn ta' kunsens politiku dwar kwistjonijiet marbutin mal-integrazzjoni Ewropea.

    37.

    jappella lill-partiti politiċi biex jabbandunaw il-pożizzjonijiet xejn kostruttivi fil-livell lokali sabiex jittieħdu deċiżjonijiet b'kunsens li jindirizzaw il-problemi lokali u l-ħtieġijiet tal-komunitajiet lokali.

    38.

    jappella għall-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi effettivi li jeqirdu l-korruzzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali; fl-istess waqt jappella lill-istituzzjonijiet rilevanti biex jimpenjaw ruħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ħalli din tkun aktar effettiva.

    39.

    huwa sodisfatt bit-tisħiħ tal-poteri tal-awtoritajiet lokali fil-qasam tat-tassazzjoni lokali u tal-infiq.

    40.

    jirrakkomanda li l-poteri deċentralizzati tal-awtoritajiet lokali jissaħħu.

    41.

    iħeġġeġ lill-Albanija tapplika bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet stipulati fil-konvenzjoni qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-ħarsien tal-minoranzi nazzjonali, speċjalment fejn jidħol l-użu tal-lingwi tal-minoranzi.

    Il-Bożnja u Ħerzegovina

    42.

    jilqa' l-firma tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnja u Ħerzegovina u jappoġġja l-għeluq tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (OHR) u t-tisħiħ tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE.

    43.

    japprezza l-fatt li l-kwistjoni tal-istatus finali tal-Kosovo m'għandhiex riperkussjonijiet kbar fil-Bożnja u Ħerżegovina u li s-sitwazzjoni politika u ta' sikurezza globali għadha kalma.

    44.

    huwa sodisfatt li l-parlament tal-Bożnja adotta r-riforma tal-pulizija minħabba r-rwol importanti li taqdi din ir-riforma biex isir progress fil-proċess tal-adeżjoni fl-UE, huwa konxju mill-fatt li din ir-riforma, kif ġiet adottata, hija l-prodott ta' kunsens li rriżulta minn negozjati twal u kkumplikati bejn il-partiti li pparteċipaw; madankollu, jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar tibdil kostituzzjonali biex l-istituzzjonijiet nazzjonali jaħdmu aħjar u biex jiġi żgurat li l-etnicità ma tibqagx fattur determinanti fit-tmexxija tas-soċjetà tal-Bożnja u Ħerzegovina; jisħaq ukoll fuq l-importanza ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li qabel kienet il-Jugoslavja (ICTY).

    45.

    japprezza l-fatt li saru elezzjonijiet lokali demokratiċi f'Ottubru 2008 u li ma seħħ l-ebda inċident;huwa konxju tal-importanza li l-kunsilliera lokali jintgħażlu b'mod demokratiku u tar-rwol tagħhom fil-proċess tad-demokratizzazzjoni tas-soċjetà tal-Bożnja u Ħerzegovina fit-tqarrib tal-pajjiż lejn l-UE.

    46.

    jappoġġja ż-żieda fil-kapaċità amministrattiva tad-Direttorat għall-intergrazzjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnja u Ħerzegovina u fil-kapaċità ta' istituzzjonijiet u korpi oħra li qed jaħdmu fil-qasam tal-integrazzjoni Ewropea. Il-progress tal-Bożnja u Ħerzegovina fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea ser jeħtieġ aktar sforzi fl-implimentazzjoni tar-riformi marbutin mal-UE.

    47.

    huwa konxju tal-fatt li d-dibattitu mal-pajjiż kollu dwar l-adeżjoni fl-UE għandu jiġi appoġġjat minn numru ta' proġetti mmirati li jwasslu għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema taċ-ċivil lokali, reġjonali u nazzjonali, l-akkademiċi u s-settur nongovernattiv. L-esperjenza tal-Istati Membri l-ġodda tista' tkun sors ta' ispirazzjoni f'dan il-każ, speċjalment fir-rigward tat-twaqqif ta' konvenzjoni nazzjonali dwar l-UE li kienet ta' suċċess fis-Slovakja u tnediet ukoll fis-Serbja fl-2006.

    Il-Montenegro

    48.

    jilqa' l-elezzjonijiet demokratiċi u trasparenti li saru, speċjalment peress li dawn kienu l-ewwel elezzjonijiet presidenzjali mid-dikjarazzjoni tal-independenza tal-Montenegro fl-2006.

    49.

    jilqa' l-kontribut attiv tal-Montenegro lejn l-istabbiltà tar-reġjun, speċjalment l-approċċ kostruttiv lejn it-twaqqif ta' relazzjonijiet bilaterali tajbin mal-pajjiżi ġirien, u jqis id-deċiżjoni tal-gvern tiegħu dwar ir-rikonoxximent tal-indipendenza tal-Kosovo.

    50.

    huwa sodisfatt li l-Kummissjoni Ewropea stabbiliet delegazzjoni fil-kapitali, Podgorika, u huwa kunfidenti li din ser tkun ta' għajnuna kbira biex tiffaċilita u żżid il-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Montenegro u biex tassisti lill-pajjiż biex jingħaqad fl-UE.

    51.

    jappella għal nuqqas ta' dewmien fil-proċess ta' riforma tas-sistema ġudizzjarja titħaffef u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-amministrazzjoni pubblika; jappoġġja iktar progress fir-riforma amministrattiva u ġudizzjarja; jirrakkomanda t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, politika u legali bil-għan li jiġi implimentat il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    52.

    jappella lill-awtoritajiet xierqa biex ikomplu jaħdmu sabiex jeqirdu l-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet tal-gvern ċentrali u lokali u biex jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata, b'mod speċjali fit-traffikar tad-droga u oġġetti oħra.

    Ir-Repubblika tas-Serbja

    53.

    jilqa' l-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn ir-Repubblika tas-Serbja u l-UE u jappella lill-gvern Serb biex jissodisfa l-obbligi marbuta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    54.

    jilqa' l-arrest ta' Radovan Karadžić fit-territorju Serb u japprezza l-isforzi tal-gvern tas-Serbja l-ġdid f'din il-kwistjoni; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni kontinwa bejn il-gvern Serb u t-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li qabel kienet il-Jugoslavja (ICTY).

    55.

    iħeġġeġ lill-UE tieħu passi deċiżivi biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mas-Serbja billi ddaħħal fis-seħħ il-ftehim intermedju u billi tniedi l-proċess ta' ratifika tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mill-Parlamenti tal-Istati Membri u jemmen li dan il-pajjiż jista' jingħata l-istatus ta' pajjiż kandidat fl-2009;

    56.

    huwa sodisfatt bil-fatt li l-elezzjonijiet presidenzjali li nżammu f'Jannar u Frar ta' din is-sena u l-elezzjonijiet lokali u parlamentari f'Mejju, saru b'mod demokratiku u japprezza wkoll il-mod demokratiku ta' kif issolviet il-kriżi fil-gvern.

    57.

    jenfasizza l-ħtieġa ta' deċentralizzazzjoni fiskali effettiva u jappoġġja l-adozzjoni ta' liġi dwar l-assi lokali tal-gvern skont il-formulazzjoni proposta mill-Konferenza Permanenti tal-Bliet u l-Muniċipalitajiet.

    58.

    huwa sodisfatt bir-ratifika tal-parlament Serb tal-Karta Ewropea għall-Awtogvernanza Reġjonali, u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-1 ta' Jannar 2008.

    59.

    jirrakkomanda l-iżvilupp ta' strateġija għad-deċentralizzazzjoni għal raġunijiet ta' trasparenza u possibilità ta' tbassir tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni fis-Serbja; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-istituzzjonijet lokali jiġu msaħħa u jipproponi li tingħata attenzjoni speċjali lejn ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-minoranzi u l-gruppi etniċi nazzjonali.

    60.

    jitlob lil Belgrad taċċetta l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX)

    Il-Kosovo (skont riżoluzzjoni nru. 1244/99 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti)

    61.

    jappoġġja ż-żamma tat-truppi li ntbagħtu l-Kosovo mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-missjoni EULEX u huwa sodisfatt bl-impenn tal-UE li terfa' ħafna mir-responsabbiltà għall-iżviluppi futuri fil-Kosovo; jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim dwar it-trasferiment tal-poteri mill-UNMIK għall-missjoni EULEX..

    62.

    jilqa' r-riżultati tal-konferenza tad-donaturi dwar il-Kosovo, organizzata mill-Kummissjoni Ewropea fil-11 ta' Lulju 2008 f'Brussell u japprezza l-impenn tal-UE lejn il-Kosovo u għall-istabbiltà tal-Balkani tal-Punent.

    63.

    jappoġġja l-parteċipazzjoni tal-Kosovo fl-inizjattivi reġjonali, speċjalment dawk marbuta mal-prospetti futuri fl-UE għall-Balkani tal-Punent, u jinnota li l-adeżjoni tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea ma tistax ssir b'suċċess jekk is-suġġetti kollha fir-reġjun ma jkunux involuti fil-proċess.

    64.

    jinnota li l-kostituzzjoni l-ġdida tiġbor fiha d-drittijiet tal-komunitajiet nazzjonali individwali.

    65.

    jilqa' l-ħolqien tal-Kunsill Konsultattiv għall-Komunitajiet taħt il-patroċinju tal-president u l-introduzzjoni tas-sistema ta' maġġoranza doppja li fiha kwistjonijiet ta' interess vitali għall-komunitajiet individwali jridu jiġu approvati b'maġġoranza mhux biss mil-leġiżlaturi, iżda wkoll mir-rappreżentanti tal-komunitajiet individwali. Jirrakkomanda wkoll li d-data li fiha dan jidħol fis-seħħ tiġi ffissata b'koordinazzjoni mal-membri tal-komunità internazzjonali.

    66.

    jittama li d-diżjarazzjoni unilaterali tal-indipendenza tal-Kosovo ma twasslux għall-iżvilupp ta' ostakli ġodda għall-movimenti fin-negozju u tan-nies fil-Balkani.

    67.

    jappoġġja l-preżenza tal-komunità internazzjonali fil-Kosovo fuq perijodu fit-tul; jappella lill-komunità internazzjonali biex tipprovdi assistenza sustanzjali fl-implimentazzjoni tal-kostituzzjoni l-ġdida minħabba fin-nuqqas ta' riżorsi amministrattivi adegwati tal-istituzzjonijiet tal-Kosovo.

    68.

    jiddispjaċih li l-kapaċitajiet amministrattivi għadhom mhux adegwati biex jiżguraw servizz pubbliku effiċjenti u trasparenti u l-ġestjoni tal-fondi u l-programmi tal-UE.

    69.

    iħeġġeġ lill-komunitajiet tal-minoranzi nazzjonali biex jieħdu sehem fit-tmexxija tal-affarijiet pubbliċi fil-Kosovo kif previst fil-kostituzzjoni l-ġdida u jinnota b'dispjaċir ir-riluttanza tar-rappreżentanti tal-komunità Serba li jieħdu sehem fit-tfassil tal-istituzzjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika u fil-proċess demokratiku tal-għażla tar-rappreżentanti eletti għall-istituzzjonijiet tal-Kosovo.

    70.

    jitlob li l-awtoritajiet tal-Kosovo jirrispettaw id-diversi minoranzi etniċi u jissodisfaw il-ħtiġijiet internazzjonali kollha f'dan ir-rigward;

    Brussell, is- 27 ta' Novembru 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    Top