Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0360

    Kawża T-360/08: Rikors ippreżentat fit- 3 ta' Settembru 2008 — Spanja vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 272, 25.10.2008, p. 46–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 272/46


    Rikors ippreżentat fit-3 ta' Settembru 2008 — Spanja vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-360/08)

    (2008/C 272/90)

    Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: J. Rodríguez Cárcamo)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrent

    Ir-Renju ta' Spanja jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

    ma tapplikax il-linji gwida sabiex jiġu stabbiliti l-korrezzjonijiet finanzjarji li għandhom jiġu applikati għall-ispejjeż kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni fil-każ ta' nuqqas ta' twettiq tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi, fil-verżjoni finali tad-29 ta' Novembru 2007, COCOF 07/0037/03-ES,

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tal-25 ta' Ġunju 2008, C(2008) 3247, safejn hija tnaqqas l-għajnuna tal-Fond ta' Koeżjoni lill-grupp ta' proġetti Nru 2001.ES.16.C.P.E.036 (tindif ta' baċir idrografiku fit-Tramuntana — Galicia-2001) u

    tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Din il-kawża tirrigwarda grupp ta' proġetti ta' titjib ta' pompi tal-petrol eżistenti jew li għadhom kemm inbnew, l-espansjoni, il-manutenzjoni u t-titjib tas-sistema ta' drenaġġ u ta' tindif, li jinsabu f'diversi punti ta' Galicia. Il-kofinanzjament Komunitarju inizjalment mogħti mill-Kummissjoni kien ta' 80 % tal-infiq pubbliku sussidjabbli.

    F'ittra mill-Kummissjoni lir-rikorrent f'Ġunju 2007, ġew proposti korrezzjonijiet skont l-irregolaritajiet misjuba f'verifika ta' kontijiet preċedenti. Fil-konklużjonijiet ta' din l-ittra hemm riferiment għaż-żewġ irregolaritajiet li mmotivaw id-deċiżjoni kkontestata u l-proposti korrispondenti tagħha għal korrezzjonijiet finanzjarji: l-użu żbaljat tal-proċedura ta' urġenza fir-rigward ta' kuntratt u l-użu żbaljat tal-esperjenza bħala kriterju ta għoti ta' diversi kuntratti. Il-proposti ta' korrezzjoni finanzjarja kienu rispettivament ta' EUR 697 901 u EUR 354 591.

    Il-motivi u l-allegazzjonijiet prinċipali huma dawk invokati fil-Kawża T-359/08, Spanja vs Il-Kummissjoni.


    Top