Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0358

    Kawża T-358/08: Rikors ippreżentat fit- 3 ta' Settembru 2008 — Spanja vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 272, 25.10.2008, p. 45–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 272/45


    Rikors ippreżentat fit-3 ta' Settembru 2008 — Spanja vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-358/08)

    (2008/C 272/88)

    Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: J. Rodríguez Cárcamo)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrent

    Ir-rikorrenti jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

    tannulla d-Deċiżjoni C (2008) 3249, tal-25 ta' Ġunju 2008, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija mill-Fond ta' Koeżjoni lill-proġett Nru 96/11/61/018 — “Tindif ta' Zaragoza”.

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Din il-kawża tirrigwarda d-deċiżjoni li titnaqqas l-għajnuna financjarja inizjalment mogħtija mill-Kummissjoni lil diversi proġetti fil-kuntest tat-tliet fażijiet tal-“Proġett ta' tindif ta' Zaragoza”. Din id-deċiżjon tippreżupponi korrezzjoni finanzjarja ta' 25 % tal-ammont kofinanzjat mit-tieni u t-tielet fażijiet ta' dan il-proġett, li tiġi kkonkretizzata f'obbligu ta' rifużjoni ta' EUR 3 106 966. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kunsill muniċipali ta' Zaragoza naqas milli jimplementa n-normi Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi meta qassam ix-xogħol b'mod artifiċjali u ma ppublikax il-kuntratti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/[3]98/KEE tal-14 ta' Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni, u ppubblikhom biss fil-Gazzetta Uffiċjali ta' Aragona.

    In sostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent isostni:

    il-ksur tal-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta' Mejju 1994 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni, flimkien mal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 93/[3]8/KEE. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent jikkunsidra li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni dwar il-kunċett bażiku ta' “xogħol”, meta ċaħdet l-eżistenza ta' differenza teknika jew ekonomika bejn il-proġetti differenti, peress illi, fil-fehma tagħha, id-deskrizzjoni tax-xogħlijiet li għandhom jitwettqu kienet simili u kellha l-istess funzjoni ekonomika: it-titjib kumplessiv tas-sistema għall-benefiċċju tal-utenti. Bil-kontra, il-kuntratti in kwistjoni huma xogħlijiet teknikament distinti, b'funzjonijiet b'mod ċar differenti u li jiġu suġġetti għal perizji tekniċi diversi sabiex jitwettqu.

    Il-ksur tal-prinċipju ta' aspettativi leġittimi u l-projbizzjoni ta' att contra factum proprium, peress illi l-Kummissjoni approvat il-proġetti kif ippreżentati u li, kemm it-talba inizjali tal-1996, kif ukoll dik sussegwenti tal-1997, kellhom deskrizzjoni ta' kull wieħed mill-proġetti inklużi f'din il-fażi, kif ukoll ir-riferiment espliċitu għan-nuqqas ta' ħtieġa li jiġu ppubblikati l-avviżi tas-sejħiet għal offerti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Il-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata.

    Il-preskrizzjoni tal-azzjoni tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, tat-18 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea,

    Id-dekadenza tal-każ, hekk kif prevista mill-Artikolu 2.H. tal-Anness II tar-Regolament 1164/94, u l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 13[86]/2002, tad-29 ta' Lulju 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll għall-għajnuna mogħtija taħt il-Fondi ta' Koeżjoni u l-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji.

    Sussidjarjament, ir-rikorrent jallega l-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.


    Top