This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008AG0017
Common Position (EC) No 17/2008 of 6 June 2008 adopted by the Council, acting in accordance with the procedure referred to in Article 251 of the Treaty establishing the European Community, with a view to the adoption of a Directive of the European Parliament and of the Council establishing the fundamental principles governing the investigation of accidents in the maritime transport sector and amending Directives 1999/35/EC and 2002/59/EC (Text with EEA relevance)
Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 17/2008 adottata mill-Kunsill fis- 6 ta' Ġunju 2008 bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li jadotta d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta' inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 17/2008 adottata mill-Kunsill fis- 6 ta' Ġunju 2008 bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li jadotta d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta' inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU C 184E, 22.7.2008, pp. 23–36
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
22.7.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
CE 184/23 |
POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 17/2008
adottata mill-Kunsill fis-6 ta' Ġunju 2008
bil-għan li jadotta d-Direttiva 2008/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-… li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta' inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2008/C 184 E/03)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80 (2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunisdraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),
Billi:
|
(1) |
Għandu jinżamm livell ġenerali għoli ta' sigurtà fit-trasport marittimu fl-Ewropa u għandu jsir kull sforz sabiex jitnaqqas l-għadd ta' diżgrazzji u inċidenti marittimi. |
|
(2) |
L-investigazzjonijiet tekniċi fil-pront meta jseħħu xi diżgrazzji fuq il-baħar itejbu s-sigurtà marittima billi jgħinu ħalli jiġu pprevenuti milli jseħħu mill-ġdid diżgrazzji simili li jwasslu għal imwiet, telf ta' vapuri u t-tniġġis ta' l-ambjent marittimu. |
|
(3) |
Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' April 2004 sabiex tittejjeb is-sigurtà fuq il-baħar (4), ħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta għal direttiva dwar l-investigazzjoni ta' l-inċidenti fit-trasport marittimu. |
|
(4) |
L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt Marittimu ta' l-10 ta' Diċembru 1982 (minn hawn 'il quddiem imsejħa “UNCLOS”), jistabbilixxi d-dritt ta' l-Istati kostali sabiex jinvestigaw il-kawża ta' kwalunkwe diżgrazzja marittima li sseħħ fil-limiti ta' l-ibħra territorjali tagħhom li għandha mnejn tkun ta' riskju għall-ħajja jew għall-ambjent, li tinvolvi l-awtoritajiet tat-tiftix u s-salvataġġ ta' l-Istat kostali, jew li b'xi mod ieħor taffettwa lill-Istat kostali. |
|
(5) |
L-Artikolu 94 ta' l-UNCLOS jistabbilixxi li l-Istati tal-bandiera inkwistjoni għandhom jaraw li ssir inkjesta minn jew quddiem persuna jew persuni kkwalifikata(i) kif jixraq dwar ċerti diżgrazzji jew inċidenti tan-navigazzjoni fl-ibħra internazzjonali. |
|
(6) |
Ir-Regolament I/21 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar ta' l-1 ta' Novembru 1974 (minn hawn 'il quddiem imsejħa “SOLAS 74”), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sinjal tat-Tagħbija, tal-5 ta' April 1966 u l-Konvenzjoni Internazzjoanli għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, tat-2 ta' Novembru 1973 jistabbilixxu r-responsabbiltajiet ta' l-Istati tal-bandiera sabiex dawn imexxu investigazzjonijiet dwar id-diżgrazzji u jgħaddu dak kollu li jirriżulta li jkollu x'jaqsam ma' dan lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). |
|
(7) |
L-Kodiċi għall-implimentazzjoni ta' l-Istrumenti Mandatorji ta' l-IMO, anness mar-Riżoluzzjoni A.973(24) ta' l-Assemblea ta' l-IMO tal-1 ta' Diċembru 2005, ifakkar l-obbligu ta' l-Istati tal-bandiera sabiex dawn jiżguraw li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà marittima jitmexxew minn investigaturi kkwalifikati kif jixraq, li jkunu kompetenti f'dak li għandu x'jaqsam mad-diżgrazzji u l-inċidenti marittimi. Barra minnhekk, dak il-Kodiċi jirrikjedi lill-Istati tal-bandiera sabiex ikunu ppreparati li jipprovdu investigaturi kkwalifikati għal dak il-għan, irrispettivament mill-inħawi tad-diżgrazzja jew l-inċident. |
|
(8) |
Għandu jittieħed kont ukoll tal-Kodiċi għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji u l-Inċidenti Marittimi anness mar-Riżoluzzjoni A.849 ta' l-Assemblea ta' l-IMO fis-27 ta' Novembru 1997 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “Kodiċi ta' l-IMO għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji u l-Inċidenti Marittimi”), li jipprovdi għall-implimentazzjoni ta' metodu komuni għall-investigazzjoni tas-sigurtà f'dak li għandhom x'jaqsmu d-diżgrazzji u l-inċidenti marittimi u l-kooperazzjoni bejn l-Istati sabiex jiġu identifikati l-fatturi li jwasslu għal diżgrazzji u inċidenti marittimi. Għandu jittieħed kont tar-Riżoluzzjoni A.861(20) ta' l-Assemblea ta' l-IMO tas-27 ta' Novembru 1997 u tar-Riżoluzzjoni MSC. 163(78) tal-Kumitat tas-Sigurta' Marittima ta' l-IMO tas-17 ta' Mejju 2004, li jipprovdu definizzjoni ta' reġistraturi tad-data tul il-vjaġġ. |
|
(9) |
Waqt li jkunu qed iwettqu investigazzjonijiet ta' sigurtà ta' diżgrazzji u inċidenti marittimi, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-Linji gwida dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta' aċċident marittimu anness mar-Riżoluzzjoni A. 987(24) ta' l-Assemblea ta' l-IMO u tal-Korp Governattiv ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol ta' l-1 ta' Diċembru 2005, jew ta' kwalunkwe rakkomandazzjoni jew strument ieħor relatati mal-fattur uman adottat minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, sa fejn ikunu applikabbli għal investigazzjonijiet ta' sigurtà tekniċi. |
|
(10) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE tad-29 ta' April 1999 dwar sistema ta' stħarriġ obbligatorju għall-operazzjoni bla periklu ta' laneċ ro-ro regolari u servizzi ta' inġenji tal-baħar ta' veloċità kbira għall-passiġġieri (5) tirrikjedi li l-Istati Membri jiddeffinixxu, fil-qafas tas-sistemi ġuridiċi rispettivi tagħhom, status ġuridiku li jippermettilhom u lil kwalunkwe Stat Membru li jkollu interess sostanzjali sabiex jipparteċipaw, jikkooperaw, jew, fejn ikun previst skond il-Kodiċi ta' l-IMO għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji u Inċidenti Marittimi, li jwettqu kwalunkwe investigazzjoni ta' xi diżgrazzja jew inċident marittimu li jkun jinvolvi lanċa ro-ro jew inġenji tal-baħar ta' veloċità kbira għall-passiġġieri. |
|
(11) |
Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema ta' informazzjoni u monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti tal-Komunità (6) tirrikjedi li l-Istati Membri jkunu konformi mal-Kodiċi ta' l-IMO għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji u l-Inċidenti Marittimi u jiżguraw li s-sejbiet ta' l-investigazzjonijiet ta' l-inċidenti jiġu ppubblikati mill-aktar fis possibbli wara l-konklużjoni tagħhom. |
|
(12) |
It-twettiq ta' investigazzjoni dwar is-sigurtà ta' disgrazzji u inċidenti li jinvolvu vapuri li jbaħħru, jew bastimenti oħrajn fil-port jew żoni marittimi ristretti oħra, b'mod imparzjali huwa ta' importanza ewlenija għall-istabbiliment effettiv taċ-ċirkostanzi u l-kawżi ta' tali diżgrazzja jew inċident. Għaldaqstant, tali investigazzjoni għandha titwettaq minn investigaturi kwalifikati taħt il-kontroll ta' korp jew entità indipendenti sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta' interess. |
|
(13) |
L-Istati Membri għandhom, f'konformità mal-leġislazzjoni tagħhom fir-rigward tas-setgħat ta' l-awtoritajiet responsabbli għall-inkjesta ġudizzjarja u permezz ta' kollaborazzjoni ma' dawk l-awtoritajiet, fejn xieraq, jiżguraw li dawk responsabbli għall-inkjesta teknika jitħallew iwettqu l-kompiti tagħhom taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli. |
|
(14) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi legali tagħhom jippermettu lilhom u lil kwalunkwe Stat Membru ieħor li jkollu interess sostanzjali li jipparteċipaw jew li jikkooperaw fi, jew li jmexxu investigazzjonijiet dwar inċidenti abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ta' l-IMO għall-Investigazzjoni ta' Diżgrazzji u Inċidenti Marittimi. |
|
(15) |
Stat Membru jista' jiddelega lil Stat Membru ieħor id-dmir li jmexxi investigazzjoni dwar is-sigurtà dwar diżgrazzji jew inċidenti marittimi (minn hawn 'il quddiem: “investigazzjoni dwar is-sigurtà”) jew dmirijiet speċifiċi ta' din l-investigazzjoni, jekk maqbul reċiprokament. |
|
(16) |
L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex ma jitolbux ħlas għall-ispejjeż għal assistenza mitluba fil-qafas ta' investigazzjonijiet ta' sigurtà li jinvolvu żewġ Stati Membri jew aktar. Fejn hija meħtieġa assistenza minn Stat Membru li mhuwiex involut fl-investigazzjoni dwar is-sigurtà, l-Istati Membri għandhom jaqblu dwar ir-rimborż ta' l-ispejjeż imwettqa. |
|
(17) |
Skond ir-Regolament V/20 ta' SOLAS 74, il-vapuri tal-passiġġieri u l-vapuri l-oħrajn għajr dawk tal-passiġġieri ta' tunnellaġġ gross ta' 3,000 jew aktar mibnija fl-1 ta' Lulju 2002 jew wara għandhom iġorru reġistraturi tad-data tul il-vjaġġ li jkunu ta' għajnuna fl-investigazzjonijiet dwar l-inċidenti. Minħabba l-importanza tiegħu fit-tfassil ta' politika sabiex jiġu pprevenuti l-inċidenti fit-trasport martittimu, tali apparat għandu jkun meħtieġ sistematikament abbord il-vapuri li jbaħħru fuq vjaġġi nazzjonali jew internazzjonali li jidħlu fil-portijiet Komunitarji. |
|
(18) |
Id-data pprovduta permezz ta' sistema ta' reġistraturi tad-data tul il-vjaġġ, flimkien ma' apparat elettroniku ieħor, tista' tintuża kemm retrospettivament wara xi diżgrazzja jew inċident marittimu sabiex jiġi investigat x'wassal għal dan, kif ukoll bil-ħsieb ta' prevenzjoni sabiex tinkiseb esperjenza taċ-ċirkustanzi li jafu jwasslu għal inċidenti ta' dan it-tip. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali data, meta tkun disponibbli, tintuża kif jixraq għaż-żewġ għanijiet. |
|
(19) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jirrikjedi li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (minn hawn 'il quddiem imsejħa: “l-Aġenzija”) taħdem ma' l-Istati Membri sabiex tiżviluppa soluzzjonijiet tekniċi u tipprovdi assistenza teknika konnessa ma' l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja. Fil-qasam ta' l-investigazzjoni ta' l-inċidenti, l-Aġenzija għandha l-kompitu speċifiku li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-iżvilupp, b'kunsiderazzjoni xierqa lis-sistemi ġuridiċi differenti fl-Istati Membri, ta' metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta' l-inċidenti marittimi skond il-prinċipji internazzjonali li hemm qbil fuqhom. |
|
(20) |
F'konformita' mar-Regolament (KE) Nru 1406/2002, l-Aġenzija tiffaċilita l-kooperazzjoni f'dak li huwa forniment ta' appoġġ mogħti mill-Istati Membri f'attivitajiet dwar investigazzjonijiet, u fl-analiżi tar-rapporti investigattivi dwar l-inċidenti eżistenti. |
|
(21) |
Għandu jittieħed kont dovut tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà li jirriżultaw minn investigazzjoni mill-Istati Membri. |
|
(22) |
Peress li l-għan ta' l-investigazzjoni teknika dwar is-sigurtà huwa l-prevenzjoni ta' diżgrazzji jew inċidenti marittimi, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà m'għandhom fl-ebda ċirkostanza jiddeterminaw ir-responsabbilità jew iqassmu l-ħtija. |
|
(23) |
Peress li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib tas-sigurtà marittima fil-Komunità u b'hekk it-tnaqqis tar-riskju ta' diżgrazzji marittimi fil-futur, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala ta' l-azzjoni jew ta' l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fl-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan. |
|
(24) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għal eżerċizju ta' setgħat implementattivi mogħtija lill-Kummissjoni (8). |
|
(25) |
B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda din id-Direttiva sabiex jiġu applikati emendi sussegwenti relattivi għall-konvenzjonijet internazzjonali, protokolli, kodiċijiet u riżoluzzjonijet relatati u li taddotta jew timmodifika l-metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta' diżgrazzji u inċidenti marittimi. Ġaladarba dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha b'elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu addottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. |
|
(26) |
Skond il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (9), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett
1. L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tittejjeb is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġis mill-vapuri, u b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' diżgrazzji marittimi futuri, billi:
|
(a) |
tiġi ffaċilitata ż-żamma fil-pront ta' investigazzjonijiet ta' sigurtà u analiżi xierqa ta' diżgrazzji u inċidenti marittimi sabiex jiġu ddeterminati l-kawżi tagħhom u |
|
(b) |
jiġi żgurat rappurtar f'waqtu u preċiż ta' investigazzjonijiet dwar is-sigurtà u proposti għal azzjoni ta' rimedju. |
2. Investigazzjonijiet taħt din id-Direttiva m'għandhomx ikunu konċernati bid-determinazzjoni ta' responsabbiltà jew l-għoti ta' tort. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp investigattiv jew entita' (minn hawn 'il quddiem imsejħa il-“korp investigattiv”) mhux qed iżomm lura milli jirraporta bis-sħiħ il-kawżi tad-diżgrazzja jew l-inċident peress li t-tort jew ir-responsabbiltà jistgħu jkunu dedotti mis-sejbiet.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal diżgrazzji u inċidenti marittimi li:
|
(a) |
jinvolvu vapuri li jtajru l-bandiera ta' xi wieħed mill-Istati Membri; |
|
(b) |
jseħħu fil-baħar territorjali u l-ilmijiet interni ta' l-Istati Membri kif definiti f'UNCLOS; jew |
|
(c) |
jinvolvu interessi sostanzjali oħra ta' l-Istati Membri. |
2. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal diżgrazzji u inċidenti marittmi li jinvolvu biss:
|
(a) |
vapuri tal-gwerra u vapuri li jġorru s-suldati u vapuri oħra li jkunu proprjetà jew li jitħaddmu minn Stat Membru u jintużaw biss għal servizz mhux kummerċjali tal-gvern; |
|
(b) |
vapuri li ma jitħaddmux b'mezzi mekkaniċi, vapuri ta' l-injam ta' kostruzzjoni primittiva, jotts għad-divertiment u inġenji għad-divertiment li mhumiex impenjati fil-kummerċ, ħlief jekk ikunu jew ser ikunu ekwipaġġati u jġorru aktar minn 12-il passiġġier għal skopijiet kummerċjali; |
|
(c) |
vapuri ta' mgħodijiet ta' l-ilma interni li jitħaddmu f'mogħdijiet ta' l-ilma interni; |
|
(d) |
bastimenti tas-sajd ta' tul ta' anqas minn 15-il metru; |
|
(e) |
unitajiet fissi tat-tħaffir lil hinn mill-art. |
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:
|
1) |
“Il-Kodiċi ta' l-IMO għall-Investigazzjoni ta' Diżgrazzji u Inċidenti Marittimi” tfisser il-Kodiċi għall-Investigazzjoni ta' Diżgrazzji u Inċidenti Marittimi anness mar-Riżoluzzjoni A.849(20) ta' l-Assemblea ta' l-IMO tas-27 ta' Novembru 1997, fil-verżjoni aġġornata tagħha. |
|
2) |
It-termini li ġejjin għandhom jiġu miftiehma skond id-definizzjonijiet misjuba fil-Kodiċi ta' l-IMO għall-Investigazzjoni ta' Diżgrazzji u Inċidenti Marittimi:
|
|
3) |
It-termini “lanċa ro-ro” u “inġenji tal-baħar ta' veloċità kbira għall-passiġġieri” għandhom jiġu miftiehma skond id-definizzjonijiet misjuba fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/35/KE; |
|
4) |
“Ir-reġistratur tad-data tul il-vjaġġ” (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “VDR”) għandu jiġi miftiehem skond id-definizzjoni misjuba fir-Riżoluzzjoni A.861(20) ta' l-Assemblea ta' l-IMO u r-Riżoluzzjoni MSC.163(78) tal-Kumitat tas-Sigurta' Marittima ta' l-IMO. |
|
5) |
“Rakkomandazzjoni dwar is-sigurtà” tfisser kwalunkwe proposta magħmula minn dawn li ġejjin:
|
Artikolu 4
Status ta' l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà
1. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu, skond is-sistemi legali tagħhom, l-istatus legali ta' l-investigazzjoni dwar is-sigurtà b'tali mod li tali investigazzjonijiet jistgħu jitwettqu bl-aktar mod effettiv u rapidu possibbli.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw, skond il-leġislazzjoni tagħhom u, fejn xieraq, permezz ta' kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet responsabbli għall-inkjesta ġudizzjarja, li investigazzjonijiet dwar is-sigurtà jkunu:
|
(a) |
indipendenti minn investigazzjonijiet kriminali jew oħrajn parallelli sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà jew biex jingħata t-tort; u |
|
(b) |
mhux preklużi, sospiżi jew imdewma bla ħtieġa minħabba tali investigazzjonijiet. |
2. Ir-regoli li għandhom ikunu stabbilti mill-Istati Membri għandhom jinkludu, skond il-qafas permanenti ta' kooperazzjoni msemmi fl-Artikolu 10, dispożizzjonijiet biex jippermettu:
|
(a) |
il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka fl-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà mmexxija minn Stati Membri oħrajn, jew id-delega lil Stat Membru ieħor tal-kompitu li jmexxi tali investigazzjoni skond l-Artikolu 7; u |
|
(b) |
il-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet tal-korpi investigattivi rispettivi tagħhom sal-punt meħtieġ biex jinkiseb l-għan ta' din id-Direttiva. |
Artikolu 5
Obbligu ta' investigazzjoni
1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li investigazzjoni dwar is-sigurtà titwettaq mill-korp investigattiv imsemmi fl-Artikolu 8 wara diżgrazzji marittimi serji ħafna:
|
(a) |
li jinvolvu vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu, irrispettivament mill-post tad-diżgrazzja; |
|
(b) |
li jseħħu fil-baħar territorjali u l-ilmijiet interni kif definiti f'UNCLOS, irrispettivament mill-bandiera tal-vapur jew vapuri involuti fid-diżgrazzja; jew |
|
(c) |
li jinvolvu interess sostanzjali ta' l-Istat Membru, irrispettivament mill-post tad-diżgrazzja u mill-bandiera tal-vapur jew vapuri involuti. |
2. Barra minn dan, il-korp investigattiv għandu jiddeċiedi jekk għandhiex titwettaq jew le investigazzjoni dwar is-sigurtà ta' kwalunkwe diżgrazzja jew aċċident marittimu.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-korp investigattiv għandu jieħu kont tas-serjetà tad-diżgrazzja jew l-inċident, it-tip ta' vapur u/jew merkanzija involuti, u l-potenzjal għas-sejbiet ta' l-investigazzjoni dwar is-sigurtà biex iwasslu għall-prevenzjoni ta' diżgrazzji u inċidenti futuri.
3. L-ambitu u l-arranġamenti prattiċi għall-amministrazzjoni ta' l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà għandhom jiġu ddeterminati mill-korp investigattiv ta' l-Istat Membru li jkun qed imexxi l-investigazzjoni b'kooperazzjoni ma' l-entitajiet ekwivalenti ta' l-Istati l-oħrajn li jkollhom interess sostanzjali, b'tali mod u manjiera li jidhrilha li l-aktar li jkunu jistgħu jwasslu għall-kisba ta' l-għanijiet ta' din id-Direttiva, u bil-ħsieb li jilqgħu kontra diżgrazzji u inċidenti futuri.
4. L-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà għandhom isegwu l-prinċipji tal-metodoloġija komuni għall-investigazzjonijiet ta' disgrazzji u inċidenti żviluppati skond l-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002. Il-Kummissjoni għandha taddotta jew timmodifika din il-metodoloġija għall-finijiet ta' din id-Direttiva.
Dik il-miżura mfassla sabiex temenda elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, inter alia billi tissupplimentha, għandha tiġi addottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 18(3).
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw linji gwida dwar il-proċessi u l-aħjar prattika fl-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà li għandhom jintużaw fl-implimentazzjoni tal-metodoloġija komuni. Dawn il-linji gwida għandhom jiġu aġġornati perjodikament biex jittieħed kont ta' l-esperjenza akkwistata fit-tmexxija ta' l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà.
5. Għandha tinbeda investigazzjoni dwar is-sigurtà mill-aktar fis pratikabbli wara li sseħħ id-diżgrazzja jew l-inċident marittimu.
Artikolu 6
Obbligu ta' notifika
Stat Membru għandu jeħtieġ, fil-qafas tas-sistema legali tiegħu, li l-korp investigattiv tiegħu jiġi notifikat mingħajr dewmien, mill-awtoritajiet responsabbli u/jew mill-partijiet involuti, bl-avveniment tad-diżgrazzji u l-inċidenti kollha li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
Artikolu 7
Tmexxija ta' u parteċipazzjoni fi, investigazzjonijiet dwar is-sigurtà
1. L-Istati Membri għandhom jevitaw li jwettqu investigazzjonijiet dwar is-sigurtà b'mod parallell fl-istess diżgrazzja jew inċident marittimu. Huma għandhom jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista' bla raġuni tipprekludi, tissospendi jew iddewwem t-twettiq ta' investigazzjoni dwar is-sigurtà fl-ambitu ta'din id-Direttiva.
F'każijiet ta' investigazzjonijiet dwar is-sigurtà li jinvolvu żewġ Stati Membri jew aktar, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw bil-ħsieb li jaqblu malajr dwar min minnhom għandu jkun l-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jaqblu dwar il-proċeduri ta' investigazzjoni. Fil-qafas ta' dan il-ftehim, Stati oħrajn li jkollhom interess sostanzjali għandhom ikollhom drittijiet u aċċess ugwali għax xhieda u għall-evidenza bħall-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni dwar is-sigurtà. Huma għandhu jkollhom ukoll id-dritt li jaraw li l-perspettiva tagħhom qiegħda tiġi kkunsidrata mill-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni.
2. Minkejja l-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jibqa' responsabbli għall-investigazzjoni u l-koordinazzjoni ma' l-Istati Membri l-oħrajn li jkollhom interess sostanzjali sakemm jasal iż-żmien meta jiġi miftiehem reċiprokament min minnhom għandu jkun l-Istat li jmexxi l-investigazzjoni dwar is-sigurtà.
3. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tiegħu taħt din id-Direttiva u d-dritt internazzjonali, Stat Membru jista', abbażi ta' każ b'każ, jiddelega bi ftehim reċiproku lil Stat Membru ieħor il-kompitu li jmexxi investigazzjoni dwar is-sigurtà jew kompiti speċifiċi għat-twettiq ta' tali investigazzjoni.
4. Meta lanċa ro-ro jew inġenju tal-baħar ta' veloċità kbira għall-passiġġieri ikunu involuti f'diżgrazzja jew inċident marittimu, il-proċedura ta' investigazzjoni dwar is-sigurtà għandha tiġi mnedija mill-Istat Membru li fil-baħar territorjali jew fl-ilmijiet interni tiegħu, kif definiti f'UNCLOS, jkun seħħ l-inċident jew id-diżgrazzja jew, jekk ikun seħħ f'ibħra oħrajn, mill-aħħar Stat Membru fejn dik il-lanċa jew il-biċċa tal-baħar tkun żaret. Dak l-Istat għandu jibqa' responsabbli għall-investigazzjoni dwar is-sigurtà u l-koordinazzjoni ma' l-Istati Membri l-oħrajn li jkollhom interess sostanzjali sakemm jiġi miftiehem reċiprokament min minnhom għandu jkun l-Istat investigattiv ewlieni.
Artikolu 8
Korpi Investigattivi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà jitwettqu taħt ir-responsabbiltà ta' korp investigattiv permanenti imparzjali, u minn investigaturi kwalifikati kif jixraq, li jkunu kompetenti fil-kwistjonijiet relatati mad-diżgrazzji u l-inċidenti marittimi.
Sabiex investigazzjoni dwar is-sigurtà titwettaq b'mod imparzjali, il-korp investigattiv għandu jkun indipendenti fl-organizzazzjoni, l-istruttura legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kwalunkwe parti li l-interess tagħha jista' jkun f'kunflitt mal-kompitu fdat lilha.
Stati Membri mdawwrin bl-art li m'għandhom la vapuri u lanqas bastimenti li jtajjru l-bandiera tagħhom jidentifikaw punt fokali indipendenti biex jikkooperaw fl-investigazzjoni skond l-Artikolu 5(1)(c).
2. Il-korp investigattiv għandu jiżgura li l-investigaturi individwali ikunu jafu x-xoghol f'dawk l-oqsma li jkollhom x'jaqsmu mad-dmirijiet investigattivi normali tagħhom u jkollhom esperjenza prattika fihom. Barra minn hekk, il-korp investigattiv għandu jiżgura li jkun lest li jagħti aċċess lil esperti adatti, skond kif ikun meħtieġ.
3. L-attivitajiet fdati lill-korp investigattiv jistgħu jiġu estiżi għall-ġbir u l-analiżi ta' data relatata mas-sigurtà marittima, b'mod partikolari għal skopijiet ta' prevenzjoni, sakemm dawn l-attivitajiet ma jaffetwawx l-indipendenza tiegħu u ma jinkludux responsabbilità f'affarijiet regolatorji, amministrattivi jew ta' standardizzazzjoni.
4. L-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu fil-qafas tas-sistemi legali rispettivi tagħhom, għandhom jiżguraw li l-investigaturi tal-korp investigattiv tagħhom, jew ta' kwalunkwe korp investigattiv ieħor li lilu ddelega l-kompitu ta' l-investigazzjoni dwar is-sigurtà, fejn xieraq permezz ta' kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet responsabbli mill-inkjesta ġudizzjarja, għandhom ikunu awtorizzati li:
|
(a) |
ikollhom aċċess liberu għal kwalunkwe żona relevanti jew sit ta' diżgrazzja kif ukoll għal kwalunkwe vapur, relitt, jew struttura tinklużi merkanzija, tagħmir jew bċejjeċ li jirriżultaw mid-diżgrazzja; |
|
(b) |
jiżguraw li minnufih isir elenku ta' l-evidenza u t-tiftix ikkontrollat għar-relitt, bċejjeċ li jirriżultaw mid-diżgrazzja jew komponenti jew sustanzi oħra u t-tneħħija tagħhom ħalli dawn jiġu eżaminati jew analizzati; |
|
(c) |
jirrikjedu l-eżami jew l-analiżi ta' l-oġġetti msemmija fil-punt (b), u jkollhom aċċess liberu għar-riżultati tat-tali eżamijiet jew analiżi; |
|
(d) |
ikollhom aċċess liberu għal kwalunkwe informazzjoni relevanti u data rreġistrata, inkluża d-data ta' VDR, konnessa ma' xi vapur, vjaġġ, merkanzija, ekwipaġġ jew kwalunkwe persuna, oġġett, kundizzjoni jew ċirkustanza, flimkien mal-jedd li jikkupjawha u jużawha; |
|
(e) |
ikollhom aċċess liberu għar-riżultati ta' l-eżamijiet ta' l-iġsma tal-vittmi jew ta' testijiet fuq kampjuni li jkunu ttieħdu mill-iġsma tal-vittmi; |
|
(f) |
jeħtieġu u jkollhom aċċess liberu għar-riżultati ta' l-eżamijiet ta' persuni involuti fl-operat tal-vapur jew kwalunkwe persuna relevanti oħra, jew ta' testijiet fuq kampjuni mittieħda minnhom; |
|
(g) |
jintervistaw xhieda fl-assenza ta' kwalunkwe persuna li l-interessi tagħha jistgħu jitqiesu bħala ta' xkiel għall-investigazzjoni dwar is-sigurtà; |
|
(h) |
jakkwistaw reġistri ta' survery u informazzjoni rilevanti miżmuma mill-Istat tal-bandiera, is-sidien, is-soċjetajiet ta' klassifikazzjoni jew kwalunkwe parti rilevanti oħra, kull meta dawk il-partijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom ikunu stabbiliti fl-Istat Membru; |
|
(i) |
jitolbu għall-assistenza ta' l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati rispettivi, inklużi s-servejers ta' l-Istat tal-port u ta' l-Istat tal-bandiera, l-uffiċjali li jgħassu l-kosta, l-operaturi tas-servizzi tat-traffiku tal-basimenti, l-iskwadri tat-tiftix u s-salvataġġ, il-bdoti jew staff tal-port jew staff marittimu ieħor. |
5. Il-korp investigattiv għandu jingħata l-jedd li jaġixxi minnufih kull meta jiġi mgħarref b'xi diżgrazzja, u li jikseb riżorsi suffiċjenti sabiex iwettaq ħidmietu b'mod indipendenti. L-investigaturi tiegħu għandhom jingħataw status li jintitolhom għall-garanziji neċessarji ta' indipendenza.
6. Il-korp investigattiv jista' jgħaqqad il-kompiti tiegħu skond din id-Direttiva mal-ħidma ta' investigazzjonijiet ta' inċidenti għajr diżgrazzji marittimi bil-kundizzjoni li t-tali investigazzjonijiet ma jipperikolawx l-indipendenza tiegħu.
Artikolu 9
Kunfidenzjalità
L-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu fil-qafas tas-sistemi legali tagħhom, għandhom jiżguraw li r-reġistri li ġejjin ma jkunux disponibbli ħlief għall-iskopijiet ta' l-investigazzjoni dwar is-sigurtà, ħlief jekk l-awtorità kompetenti f'dak l-Istat tiddetermina li l-interess fil-kxif tagħom jisboq l-impatt negattiv domestiku u internazzjonali li tali azzjoni jista' jkollha fuq dik l-investigazzjoni dwar is-sigurtà jew kwalunkwe investigazzjonijiet futuri:
|
(a) |
kull evidenza tax-xhieda u stqarrijiet, kontijiet u noti oħra meħuda jew riċevuti mill-korp investigattiv matul l-investigazzjoni dwar is-sigurtà; |
|
(b) |
rekords li juru l-identità tal-persuni li jkunu taw xhieda fil-kuntest ta' l-investigazzjoni dwar is-sigurtà; |
|
(c) |
informazzjoni medika jew privata dwar il-persuni involuti fid-diżgrazzja jew l-inċident. |
Artikolu 10
Qafas ta' kooperazzjoni permanenti
1. L-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, għandhom jistabbilixxu qafas ta' kooperazzjoni permanenti li jippermetti lill-korpi investigattivi rispettivi tagħhom biex jikkooperaw bejniethom safejn ikun meħtieġ biex jinkiseb l-għan ta' din id-Direttiva.
2. Ir-regoli proċedurali tal-qafas ta' kooperazzjoni permanenti u l-arranġamenti organizzattivi rikjesti għal dan il-għan għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).
3. Fi ħdan il-qafas permanenti ta' kooperazzjoni, il-korpi investigattivi fl-Istati Membri għandhom jaqblu, b'mod partikolari, fuq l-aqwa modalitajiet ta' kooperazzjoni sabiex:
|
(a) |
korpi investigattivi jkunu jistgħu jikkondividu l-istallazzjonijiet, il-faċilitajiet u t-tagħmir għall-investigazzjoni teknika tar-relitt u t-tagħmir tal-vapur u oġġetti oħrajn rilevanti għall-investigazzjoni dwar is-sigurtà, inklużi l-estrazzjoni u l-evalwazzjoni ta' l-informazzjoni mill-VDRs u tagħmir elettroniku ieħor; |
|
(b) |
jipprovdu lil xulxin il-kooperazzjoni u l-ħiliet tekniċi meħtieġa sabiex jitwettqu kompiti speċifiċi; |
|
(c) |
jiksbu u jikkondividu bejniethom informazzjoni rilevanti għall-analiżi tad-data dwar id-diżgrazzja u jagħmlu rakkomandazzjonijiet xierqa dwar is-sigurtà fuq livell Komunitarju; |
|
(d) |
ifasslu prinċipji komuni għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà u għall-addattament ta' metodi investigattivi għall-iżvilupp ta' progress tekniku u xjentifiku; |
|
(e) |
jistabbilixxu regoli ta' kunfidenzjalità għall-kondiviżjoni, fir-rigward ta' regoli nazzjonali, ta' evidenza ta' xhieda u l-ipproċessar ta' data u reġistri oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 9, inklużi f'relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi; |
|
(f) |
jorganizzaw, fejn xieraq, l-attivitajiet ta' taħriġ rilevanti għall-investigaturi individwali; |
|
(g) |
jippromwovu l-kooperazzojni ma' korpi investigattivi ta' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għall-investigazzjoni ta' l-inċidenti marittimi fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva; |
|
(h) |
jipprovdu korpi investigattivi li jkunu qed iwettqu investigazzjonijiet dwar is-sigurtà bi kwalunkwe informazzjoni pertinenti. |
Artikolu 11
Spejjeż
1. Fejn l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà jinvolvu żewġ Stati Membri jew aktar, l-attivitajiet rispettivi għandhom ikunu mingħajr ħlas.
2. Fejn tintalab assistenza ta' Stat Membru li ma jkunx involut fl-investigazzjoni dwar is-sigurtà, l-Istati Membri għandhom jaqblu dwar ir-rimborż ta' l-ispejjeż magħmula.
Artikolu 12
Kooperazzjoni ma' pajjiżi li jkollhom interess sostanzjali
1. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw, safejn hu possibbli,ma' pajjiżi terzi oħrajn li jkollhom interess sostanzjali fl-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà.
2. Il-pajjiżi terzi li jkollhom interess sostanzjali għandhom, bi ftehim reċiproku, jitħallew jissieħbu f'investigazzjoni dwar is-sigurtà mmexxija minn Stat Membru skond din id-Direttiva fi kwalunkwe stadju ta' l-investigazzjoni.
3. Il-kooperazzjoni ta' Stat Membru f'investigazzjoni dwar is-sigurtà mmexxija minn pajjiż terz li jkollu interess sostanzjali għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet ta' twettiq u ta' rappurtar ta' l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà skond din id-Direttiva. Meta pajjiż terz li jkollu interess sostanzjali ikun qed imexxi investigazzjoni dwar is-sigurtà li tinvolvi Stat Membru wieħed jew aktar, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jwettqux investigazzjoni dwar is-sigurtà b'mod parallell, kemm-il darba l-investigazzjoni dwar is-sigurtà mmexxija minn pajjiż terz titwettaq skond il-Kodiċi ta' l-IMO għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji u l-Inċidenti Marittimi.
Artikolu 13
Preservazzjoni ta' evidenza
L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri biex jiżguraw li l-partijiet kkonċernati b'diżgrazzji u inċidenti taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jagħmlu kull sforz biex:
|
(a) |
jirreġistraw l-informazzjoni kollha minn tabelli, ġurnal ta' abbord, każetts tal-vidjo u reġistrazzjonijiet elettroniċi u manjetiċi, inkluża l-informazzjoni mill-VDRs u apparat elettroniku ieħor konness mal-perjodu ta' qabel, waqt u wara xi inċident; |
|
(b) |
iżommu milli t-tali informazzjoni titħassar billi tiġi rreġistrata fuqha informazzjoni oħra jew titbiddel b'xi mod ieħor; |
|
(c) |
iwaqqfu milli ssir interferenza ma' kwalunkwe apparat ieħor li jista' b'mod raġjonevoli jitqies bħala konness ma' l-investigazzjoni dwar is-sigurtà ta' l-inċident; |
|
(d) |
minnufih, jiġbru u jżommu kull evidenza għall-finijiet ta' l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà marittima f' disgrazzja jew inċident. |
Artikolu 14
Rapporti ta' inċidenti
1. Investigazzjonijiet dwar is-sigurtà mwettqa taħt din id-Direttiva għandhom jirriżultaw f'rapport ippubblikat ippreżentat f'format definit mill-korp investigattiv kompetenti u skond it-taqsimiet rilevanti ta' l-Anness I.
Korpi investigattivi jistgħu jiddeċiedu li investigazzjoni dwar is-sigurtà, li ma tikkonċernax diżgrazzja marittima serja u s-sejbiet ta' liema m'għandhomx il-potenzjal li jwasslu għall-prevenzjoni ta' diżgrazzji u inċidenti fututi, għandhom jirriżultaw f'rapport simplifikat li għandu jiġi ppubblikat.
2. Korpi investigattivi għandhom jagħmlu kull sforz biex jagħmlu r-rapport msemmi fil-paragrafu 1 disponibbli għall-pubbliku fi żmien 12-il xahar mill-jum tad-diżgrazzja. Jekk ma jkunx possibbli li r-rapport finali joħroġ f'dak iż-żmien, għandu jiġi ppubblikat rapport interim fi żmien 12-il xahar minn dakinhar tad-diżgrazzja jew l-inċident.
3. Il-korp investigattiv ta' l-Istat Membru li jmexxi l-inestigazzjoni għandu jibgħat kopja tar-rapport finali, simplifikat jew interim lill-Kummissjoni. Hija għandha tieħu kont ta' l-osservazzjonijiet possibbli tal-Kummissjoni dwar rapporti finali għat-titjib tal-kwalità editorjali bil-mod li l-aktar iwassal għall-kisba ta' l-għan ta' din id-Direttiva.
Artikolu 15
Rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħed kont debitu tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà magħmla mill-korpi investigattivi minn dawk indirizzati u, fejn xieraq, tittieħed azzjoni ta' segwitu skond il-liġi Komunitarja u internazzjonali.
2. Fejn xieraq, korp investigattiv jew il-Kummissjoni għandhom jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà abbażi ta' analiżi astratta tad-data.
3. Rakkomandazzjoni dwar is-sigurtà fl-ebda ċirkustanza m'għandha tiddetermina r-responsabbiltà jew tassenja t-tort għal xi diżgrazzja.
Artikolu 16
Sistemi ta' allarm bikri
Mingħajr preġudizzju għad-dritt tiegħu li jagħti allarm bikri, il-korp investigattiv ta' Stat Membru għandu, fi kwalunkwe stadju ta' investigazzjoni dwar is-sigurtà, jekk ikun tal-fehma li hija meħtieġa azzjoni urġenti fil-livell Komunitarju sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' diżgrazzji ġodda, jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bil-ħtieġa li jingħata allarm bikri.
Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha toħroġ nota ta' avviż għall-attenzjoni ta' l-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri l-oħra kollha, l-industrija tat-tbaħħir, u lil kwalunkwe parti rilevanti oħra.
Artikolu 17
Database Ewropea għal inċidenti marittimi
1. Id-data dwar id-diżgrazzji u l-inċidenti marittimi għandha tinżamm u tiġi analizzata permezz ta' database elettroniku Ewropew li għandu jitwaqqaf mill-Kummissjoni, li għandu jissejjaħ il-Pjattaforma Ewropea ta' Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar (EMCIP).
2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet intitolati li jingħatalhom aċċess għad-database.
3. Il-korpi investigattivi ta' l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar id-diżgrazzji u l-inċidenti marittimi skond il-format ta' l-Anness II. Huma għandhom jipprovdu wkoll lill-Kummissjoni d-data li tirriżulta mill-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà skond l-iskema tad-database EMCIP.
4. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw l-iskema tad-database u metodu għan-notifika tad-data f'perijodu ta' żmien xieraq.
Artikolu 18
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti (COSS) stabbilit permezz ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (10).
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perjodu fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal xahrejn.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont tenut tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.
Artikolu 19
Setgħat ta' emenda
Il-Kummissjoni tista' taġġorna d-definizzjonijiet f'din id-Direttiva, u r-riferenzi għall-atti Komunitarji u l-istrumenti ta' l-IMOsabiex tikkonformahom mal-miżuri Komunitarji jew ta' l-IMO li daħlu fis-seħħ, suġġett għall-osservanza tal-limiti ta' din id-Direttiva.
Dawk il-miżuri, mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha, għandhom jiġu addottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 18(3).
Filwaqt li taġixxi skond l-istess proċedura, il-Kummissjoni tista' temenda wkoll l-Annessi.
Emendi għall-Kodiċi ta' l-IMO jistgħu jkunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002.
Artikolu 20
Miżuri Addizzjonali
M'hemm xejn f'din id-Direttiva li għandu jżomm lil xi Stat Membru milli jieħu miżuri addizzjonali dwar is-sikurezza marittima li mhumiex koperti minn din id-Direttiva, kemm-il darba tali miżuri ma jiksrux din id-Direttiva jew b'xi mod jaffettwaw b'mod negattiv il-kisba ta' l-għan tagħha.
Artikolu 21
Penali
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali li jistgħu jiġu applikati għall-kontravenzjonijiet kontra d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.
Artikolu 22
Emendi ta' atti eżistenti
1. L-Artikolu 12 tad-Direttiva 1999/35/KE għandu jitħassar.
2. L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/59/KE għandu jitħassar.
Artikolu 23
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva … (11).
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-publikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 24
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 25
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi …
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
…
Ghall-Kunsill
Il-President
…
(1) ĠU C 318, 23.12.2006, p. 195.
(2) ĠU C 229, 22.9.2006, p. 38.
(3) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2007 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' 6 ta' Ġunju 2008 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 730.
(5) ĠU L 138, 1.6.1991, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2002/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 24, 2.7.1994, p. 53).
(6) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10.
(7) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1891/2006 (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1).
(8) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(9) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(10) ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar b'Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 93/2007 (ĠU L 22, 31.1.2007, p. 12).
(11) 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
ANNESS I
KONTENUT TAR-RAPPORT TA' INVESTIGAZZJONI DWAR IS-SIGURTÀ
Kelmtejn qabel
Dan jidentifika l-uniku għan ta' l-investigazzjoni dwar is-sigurtà, li rakkomandazzjoni dwar is-sigurtà fl-ebda każ ma toħloq preżunzjoni ta' responsabbiltà jew tort, u li r-rapport ma jkunx inkiteb, f'dawk li huma kontenut u stil, bl-intenzjoni li jintuża fi proċeduri ġuridiċi.
(Ir-rapport m'għandu jagħmel l-ebda referenza għal evidenza tax-xhieda u lanqas jorbot lil xi ħadd li jissemma fir-rapport ma' xi persuna li tkun tat xhieda matul l-investigazzjoni dwar is-sigurtà.)
1. Sommarju
Din il-parti tagħti ħarsa ġenerali tal-fatti bażiċi tad-diżgrazzja jew l-inċident tal-baħar: x'ġara, meta, fejn u kif; tiddikjara ukoll jekk bħala riżultat kienx hemm mwiet, korrimenti, ħsara lill-vapur, l-merkanzija, persuni terzi jew l-ambjent.
2. Informazzjoni fattwali
Din il-parti tinkludi numru ta' taqsimiet diskreti, u tagħti biżżejjed informazzjoni li l-korp investigattiv jinterpreta bħala fattwali, tissustanzja l-analiżi u tiffaċilita l-fehim.
Dawn it-taqsimiet jinkludu, b'mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:
|
2.1 |
Dettalji tal-vapur Bandiera/reġistru, Identifikazzjoni, Karatteristiċi ewlenin, Sidien u dawk li jimmaniġġjawh, Dettalji tal-kostruzzjoni, Ekwipażż minimu biex tiġi assigurata s-sigurtà, Merkanzija awtorizzata. |
|
2.2 |
Dettalji tal-vjaġġ Portijiet li żar, Tip ta' vjaġġ, Informazzjoni dwar il-merkanzija, Ekwipaġġ. |
|
2.3 |
Informazzjoni dwar id-diżgrazzja jew l-inċident marittimu Tip ta' diżgrazzja jew inċident marittimu, Data u l-ħin, Pożizzjoni u l-inħawi tad-diżgrazzja jew inċident marittimu, Ambjent estern u intern, Operat tal-vapur u t-taqsima tal-vjaġġ (voyage segment), Post abbord, Data dwar il-fatturi umani, Konsegwenzi (għall-persuni, għall-vapur, għall-merkanzija, għall-ambjent, oħrajn). |
|
2.4 |
Involviment ta' l-awtorità tax-xatt u r-reazzjoni ta' emerġenza Min kien involut, Mezzi użati, Ħeffa tar-reazzjoni, Azzjonijiet meħuda, Riżultati miksuba. |
3. Narrattiva
Din il-parti tirrakonta d-diżgrazzja jew inċident marittimu permezz ta' sekwenza ta' ġrajjiet, f'ordni kronoloġika li twassal sa qabel, waqt u wara d-diżgrazzja jew inċident marittimu u l-involviment ta' kulmin kien imdaħħal fiha (jiġifieri persuni, materjal, l-ambjent, apparat jew aġenti esterni). Il-perjodu kopert min-narrattiva jiddependi mis-sekwenza taż-żmien ta' dawk il-ġrajjiet aċċidentali partikolari li kkontribwew direttament għad-diżgrazzja jew l-inċident marittimu. Din il-parti tinkludi wkoll kwalunkwe dettal rilevanti ta' l-investigazzjoni dwar is-sigurtà mwettqa, inklużi r-riżultati ta' l-eżamijiet jew it-testijiet.
4. Analiżi
Din il-parti tinkludi għadd ta' taqsimiet diskreti, li jipprovdu analiżi ta' kull ġrajja inċidentali, b'kummenti marbuta mar-riżultati ta' kwalunkwe eżamijiet jew testijiet relevanti li jkunu saru tul l-investigazzjoni dwar is-sigurtà u kwalunkwe azzjoni ta' sigurtà li għandha mnejn tkun diġà ttieħdet sabiex jiġu pprevenuti d-diżgrazzji marittimi.
Dawn it-taqsimiet għandhom ikopru kwistjonijiet bħal:
|
— |
Il-kuntest u l-ambjent tal-ġrajja inċidentali, |
|
— |
azzjonijiet żbaljati jew nuqqasijiet umani, ġrajjiet li jinvolvu materjal perikoluż, effetti fuq l-ambjent, ħsarat fl-apparat, u influwenzi esterni, |
|
— |
il-fatturi kontributorji li jinvolvu funzjonijiet marbuta ma' persuni, operazzjonijiet abbord il-vapur, amministrazzjoni tax-xatt jew influwenza regolatorja. |
L-analiżi u l-kummentarju jagħmluha possibbli għar-rapport sabiex jagħmel konklużjonijiet loġiċi, jistabbilixxi l-fatturi kontributorji kollha, jinkludi dawk b'riskji li għalihom id-difiżi eżistenti mmirati lejn il-prevenzjoni ta' ġrajjiet inċidentali, u/jew dawk immirati lejn l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tal-konsegwenzi tagħhom, jinstabu li jew mhumiex adegwati inkella nieqsa.
5. Konklużjonijiet
Din il-parti tikkonsolida l-fatturi kontributorji stabbiliti u d-difiżi nieqsa jew inadegwati (materjali, funzjonali, simboliċi jew proċedurali) li għalihom għandhom jiġu żviluppati azzjonijiet ta' sigurtà sabiex jiġu pprevenuti d-diżgrazzji marittimi.
6. Rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà
Meta jkun il-każ, din il-parti tar-rapport tinkludi rakkomandazzjonijiet tas-sigurtà dderivati mill-analiżi u l-konklużjonijiet u li jorbtu ma' oqsma partikolari, bħal-leġislazzjoni, it-tifsil, il-proċeduri, l-ispezzjoni, it-tmexxija, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, it-taħriġ, ix-xogħol ta' tiswija, il-manutenzjoni, l-assistenza max-xatt u r-reazzjoni ta' emerġenza.
Ir-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà huma indirizzati lil dawk li jkunu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jimplimentawhom, bħal sidien il-vapuri, il-maniġers, organizzazzjonijiet rikonoxxuti, awtoritajiet marittimi, servizzi ta' traffiku tal-vapurii, entitajiet ta' l-emerġenza, organizzazzjonijiet marittimi internazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej, bil-ħsieb li jiġu pprevenuti d-diżgrazzji marittimi.
Din il-parti tinkludi wkoll kwalunkwe rakkomandazzjonijet tas-sigurtà interim li setgħu saru jew kwalunkwe azzjoni ta' sigurtà meħuda matul l-investigazzjoni tas-sigurtà.
7. Appendiċi
Fejn xieraq, il-lista li ġejja li mhix waħda eżawrjenti tinthemeż mar-rapport f'format elettroniku u/jew stampat:
|
— |
ritratti, xbihat iffilmjati, reġistrazzjonijiet ta' ħsejjes, tabelli, tpinġijiet, |
|
— |
standards applikabbli, |
|
— |
termini tekniċi u l-abbrevjazzjonijiet użati, |
|
— |
studji speċjali dwar is-sigurtà, |
|
— |
tagħrif mixxellanju. |
ANNESS II
DATA TA' NOTIFIKA RIGWARD DIŻGRAZZJI JEW INĊIDENTI MARITTIMI
(Parti mill-Pjattaforma Ewropea ta' l-Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar)
|
Nota: |
In-numri sottolineati jfissru li d-data għandha tiġi pprovduta għal kull vapur jekk aktar minn vapur wieħed ikun involut fid-diżgrazzja jew l-inċident marittimu.
|
DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL
I. INTRODUZZJONI
Fil-qafas tal-proċedura ta' kodeċiżjoni (art. 251 TKE), fis-7 ta' Ġunju 2007 l-Kunsill laħaq qbil politiku dwar l-abbozz ta' Direttiva li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta' inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE (1). Wara reviżjoni legali/lingwistika, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu fis-6 ta' Ġunju 2008.
Meta ħa l-pożizzjoni tiegħu, il-Kunsill kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tiegħu fil-25 ta' April 2007 (2), kif ukoll ta' l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (3) u tal-Kumitat tar-Reġjuni (4). Barra minn hekk, hu kkunsidra l-istudju ta' impatt imwettaq mill-Kummissjoni waqt l-eżami tad-Direttiva proposta.
Il-proposta timmira għat-titjib tas-sigurtà billi jiġu stabbiliti regoli ċari għall-Komunità kollha dwar investigazzjonijiet tekniċi indipendenti li jridu jitwettqu wara diżgrazzji u inċidenti marittimi. L-għan ta' tali investigazzonijiet tekniċi mhuwiex li jiddeterminaw ir-responsabbiltà ċivili jew kriminali, iżda li jistabbilixxu ċ-ċirkostanzi u jfittxu l-kawżi tad-diżgrazzji jew inċidenti marittimi biex minnhom jittieħdu l-lezzjonijiet kollha possibbli. Il-proposta hija mfassla f'konformità mar-regoli tal-liġi marittima internazzjonali u skond id-definizzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet fil-Kodiċi ta' l-IMO għall-Investigazzjoni ta' Diżgrazzji u Inċidenti Marittimi.
II. ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI
Il-Kunsill jaqbel ma' l-objettiv u ħafna mill-elementi prinċipali tal-proposta tal-Kummissjoni li jipprovdu mekkaniżmu adegwat għall-iżgurar ta' ritorn ta' esperjenza minn aċċidenti u inċidenti sabiex jiġu prevenuti diżgrazzji oħra. L-approċċ adottat mill-Kunsill kien jeħtieġ, madankollu, xi modifiki tat-test, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiġu żgurati l-indipendenza u s-setgħat ta' diskrezzjoni tal-korp investigattiv.
Il-kwistjonijiet li ġejjin kienu kkunsidrati ta' importanza kbira waqt l-eżami tad-Direttiva proposta fil-korpi tal-Kunsill u huma riflessi fil-pożizzjoni komuni tal-Kunsill:
Il-Kunsill huwa tal-fehma li, f'koerenza man-natura ta' l-att legali, l-Istati Membri, u b'mod partikolari l-korpi investigattivi rispettivi tagħhom, għandhom iżommu ċerta flessibbiltà u diskrezzjoni fir-rigward tat-twettieq ta' investigazzjonijiet dwar is-sigurtà. Bil-kontra tal-proposta oriġinali li pprovdiet għal investigazzjonijiet dwar is-sigurtà mandatorji għal diżgrazzji u inċidenti marittimi serji ħafna u serji, it-test maqbul mill-Kunsill jillimita l-obbligu għal investigazzjonijiet dwar is-sigurtà għal diżgrazzji jew inċidenti marittimi serji ħafna u jeżiġi lill-korp investigattiv fil-każijiet l-oħra kollha ta' diżgrazzji jew inċidenti marittimi biex jiddeċiedi jekk hux ser itwettaq jew le investigazzjoni dwar is-sigurtà, b'kont meħud partikolarment tal-gravità tad-diżgrazzja jew l-inċident u l-lezzjonijiet possibbli li jistgħu jittieħdu. Barra minn hekk, fil-fehma tal-Kunsill, mhemm l-ebda ħtieġa li ssir referenza espliċita għal allarm ta' periklu bħala kategorija speċifika ta' inċidenti li jeħtieġu investigazzjonijiet ta' sigurtà.
Aktar minn hekk, u wara l-eżempju tas-settur tal-ferrovija (5), il-Kunsill iqis xieraq li jenfasizza li l-korp investigattiv għandu jkun indipendenti fl-organizzazzjoni, l-istruttura legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kwalunkwe parti li l-interess tagħha jista' jkun f'kunflitt mal-kompitu fdat lilha sabiex twettaq l-invetigazzjonijiet dwar is-sigurtà b'mod imparzjali. Għandu jiġi mifhum li kull Stat Membru, skond l-organizzazzjoni amministrattiva tiegħu, jistabbilixxi l-korp investigattiv bħala stuttura pubblika bl-akbar awtonomija possibbli fir-rigward tal-funzjonament intern. Din l-istruttura tista' tintrabat ma' entità akbar bħal ministeru jew amminstrazzjoni, iżda għandha tiġi rregolata minn dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-indipendenza tagħha, b'mod partikolari minn awtoritajiet amministrattivi oħra li x'aktarx ikunu interessati fi kwalunkwe aċċident marittimu. Għal raġunijiet ta' proporzjonalità, l-Istati Membri, li m'għandhom la vapuri u lanqas bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, jidentifikaw punt fokali indipendenti biex jikkooperaw fl-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà li jinvolvu interess sostanzjali ta' dak l-Istat Membru.
B'mod konformi mal-ħtiġiet imniżżla fil-Liġi Komunitarja għall-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà fis-setturi tat-trasport ta' l-ajru u tal-ferrovija, il-Kunsill jaqbel mal-Parlament Ewropew li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà għandhom jiġu ddiferenzjati mill-investigazzjonijiet kriminali jew proċedimenti oħra mmirati għad-determinazzjoni tar-responsabbiltà u għall-għoti tat-tort. It-test tal-pożizzjoni komuni jistabbilixxi li l-investigazzjonijiet taħt din id-Direttiva m'għandhom l-ebda għan ħlief dak li jiddeterminaw il-kawżi tad-diżgrazzji. Fl-istess ħin, u skond il-Kodiċi ta' l-IMO għall-Investigazzjoni ta' Diżgrazzji u Inċidenti Marittimi, hu jistipola li l-korp investigattiv m'għandux joqgħod lura milli jirrapporta bis-sħiħ għal dan l-għan peress li t-tort jew ir-responsabbiltà jistgħu jkunu dedotti mis-sejbiet. F'każ li l-liġi nazzjonali ma tipprovdix għal separazzjoni ċara bejn investigazzjonijiet dwar is-sigurtà u investigazzjonijiet kriminali jew investigazzjonijiet oħra amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, billi jiddefinixxu l-istatus legali ta' l-investigazzjonijiet kriminali, li dawn jistgħu jsiru b'mod l-aktar effettiv u rapidu possibbli u li ma jiġux preklużi jew sospiżi bla ħtieġa minn investigazzjonijiet oħra.
Rigward il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, fil-pożizzjoni komuni tiegħu l-Kunsill jinkludi bastimenti tas-sajd żgħar b'tul ta' aktar minn 15m, u mhux biss bastimenti ta' aktar minn 24m tul kif imniżżel fil-proposta oriġinali. Dan qed isir għal raġunijiet ta' konsistenza mal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/59/KE li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità. Skond dan l-abbozz ta' Direttiva, dawn il-bastimenti huma obbligati li jkunu mgħammra b'SAI (Sistema Awtomatika ta' Identifikazzjoni) biex itejbu l-possibbiltajiet ta' monitoraġġ ta' dawn il-vapuri u biex jagħmluhom aktar siguri f'sitwazzjonijiet ta' navigazzjoni mill-qrib. Huma għandhom, għalhekk, ikunu koperti wkoll b'Direttiva li tikkonċerna l-investigazzjoni ta' l-inċidenti.
Rigward il-metodoloġija għall-investigazzjoni ta' diżgrazzji jew inċidenti, il-Kunsill iqis xieraq li jipprovdi għal aktar flessibbiltà, waqt li jistabbilixxi l-bażi għal skambju kontinwu ta' esperjenza. Meta mqabbel mal-proposta oriġinali, l-Istati Membri għandhom aktar libertà fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-metodoloġija komuni li hija żviluppata bl-assistenza ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju. Fl-istess ħin, fuq bażi ta' l-esperjenza miksuba fit-tmexxija ta' investigazzjonijiet dwar is-sigurtà, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ser jiżviluppaw linji gwida dwar il-proċessi u l-aħjar prattiki li għandhom jintużaw fl-implimentazzjoni tal-metodoloġija komuni.
III. EMENDI
Meta qabel dwar il-pożizzjoni komuni tiegħu, il-Kunsill ħa nota tal-fehmiet espressi mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tiegħu tal-proposta. L-elementi ta' l-opinjoni tal-PE li ġejjin huma riflessi fil-pożizzjoni komuni, xi wħud minnhom parzjalment jew fil-prinċipju: l-emendi 3, 9, 10, 11, 22 u 23.
Numru ta' emendi oħra, madankollu, ma kinux aċċettabbli għall-Kunsill. Fir-rigward ta' l-emendi 2 u 19, il-Kunsill jemmen li l-metodoloġija konġunta m'għandhiex tittratta mas-sejbiet ta' l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà iżda pjuttost tiffoka fuq l-aspetti proċedurali. L-emendi 5 u 8 fil-fehma tal-Kunsill mhumiex kompatibbli ma' l-approċċ tiegħu għall-prinċipju ta' differenzjazzjoni bejn l-investigazzjonijiet kriminali u dawk tekniċi. L-emendi 7 u 20 ma setgħux jiġu aċċettati għax il-Kunsill jemmen li mhuwiex xieraq li jiġu speċifikati l-kompetenzi ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) f'din id-Direttiva. L-emendi 12 u 13 jirrestrinġu l-metodi ta' ħidma tal-korp investigattiv jew huma preskrittivi żżejjed. L-emendi 14 u 26 ma setgħux jiġu aċċettati għax il-Kunsill jagħti importanza kbira lill-prinċipju ta' imparzjalità tal-korp investigattiv u hu tal-fehma li huwa f'idejn kull Stat Membru biex iwaqqaf dan il-korp skond l-istruttura amministrattiva tiegħu. L-emenda 16 mhijiex kompatibbli mal-ħtieġa li tiġi rispettata l-liġi nazzjonali.
Sett ta' emendi oħra (4, 6, 15, 17, 18 u 24) ġie miċħud jew għax ma kinux totalment ċari jew għax ma jikkorrispondux ma' l-approċċ tal-Kunsill għal test konċiż.
IV. KONKLUŻJONI
Il-Kunsill jemmen li t-test tal-Pożizzjoni Komuni tiegħu huwa adatt u bbilanċjat. Hu jikkondividi l-mira tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi qafas li jiżgura investigazzjonijiet dwar is-sigurtà rapidi f'diżgrazzji u inċidenti marittimi. Il-Pożizzjoni Komuni tinkludi xi wħud mill-emendi tal-PE adottati fl-ewwel qari.
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid l-involviment tiegħu biex jinbdew negozjati mal-Parlament Ewropew dwar dan it-test bil-ħsieb li jintlaħaq qbil malajr kemm jista' jkun.
(1) Il-Kummissjoni bagħtet il-proposta tagħha fit-13 ta' Frar 2006.
(2) Dok. 8724/07 CODEC 389 MAR 28 ENV 206 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) KESE 1177/2006 tat-13.9.2006 (ĠU C 318 tat-23.12.2006, p. 195-201).
(4) KtR 43/2006 tal-15.6.2006 (ĠU C 229 tat-22.9.2006, p. 38).
(5) L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE dwar il-liċenzjar ta' impriżi ferrovjarji u d-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Ferroviji) (ĠU L 164, 30.4.2004).