EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0121

Kawża T-121/08: Rikors ippreżentat fl- 10 ta' Marzu 2008 — PC-Ware Information Technologies vs Il-Kummissjoni

ĠU C 116, 9.5.2008, p. 27–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 116/27


Rikors ippreżentat fl-10 ta' Marzu 2008 — PC-Ware Information Technologies vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-121/08)

(2008/C 116/49)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: PC-Ware Information Technologies (Amsterdam, l-Olanda) (rappreżentant: L. Déville, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli;

tiddikjara n-nullità tad-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti fir-rigward tas-sejħa għal offerti DIGIT/R2/PO/2007/022 — LAR 2007, ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta' ittra tal-11 ta' Jannar 2008 u li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul;

tiddikjara li l-kondotta illeċita tal-Kummissjoni tikkostitwixxi att illeċitu li kapaċi jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni;

sussidjarjament, jekk il-kuntratt ikun diġà tlesta meta l-Qorti tal-Prim'Istanza tagħti s-sentenza tagħha jew jekk id-deċiżjoni [tal-Kummissjoni] ma tistax tiġi annullata, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta' kumpens ekwivalenti għal EUR 654 962,38 għad-dannu subit mir-rikorrenti fir-rigward tas-sejħa għall-offerti kkonċernata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u għal spejjeż oħra, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti ħadet sehem fis-sejħa għal offerti DIGIT/R2/PO/2007/022 — “Large account reseller” ta' prodotti Microsoft (LAR 2007) (ĠU 2007 S 183-223062) li l-għan tagħha kien li jiġi konkluż ftehim qafas għal katina ta' akkwist permezz ta' kummerċjant wieħed sabiex jinxtraw prodotti ta' softwer u liċenzji Microsoft. Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti dan il-kuntratt lil kumpannija oħra.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tissottometti fl-ewwel lok li d-deċiżjoni mhijiex motivata biżżejjed. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li meta ppreżentat l-offerta tagħha, hija kienet indikat espliċitament li kienet ser tagħti l-ikbar riduzzjoni possibbli, skond l-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana ta' l-14 ta' Lulju 1991, dwar il-prattiki kummerċjali u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur, li jipprojbixxi l-bejgħ b'telf. Il-Kummissjoni naqset milli timmotiva biżżejjed id-deċiżjoni fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-projbizzjoni u ta' l-osservanza tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tiddikjara li jirriżulta li l-offerta magħżula tikser l-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana ta' l-14 ta' Lulju 1991, dwar il-prattiki kummerċjali u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur, li jipprojbixxi l-bejgħ b'telf. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tirrifjuta l-offerta magħżula skond l-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18/KE (1), l-Artikolu 139(1) tar-Regolament Nru 2342/2002 (2) u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.


(1)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta' Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, p. 1)


Top