Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XC0408(02)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

    ĠU C 87, 8.4.2008, p. 8–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.4.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 87/8


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

    (2008/C 87/07)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    SINTEŻI

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “AIL BLANC DE LOMAGNE”

    Nru tal-KE: FR/PGI/005/0470/15.06.2005

    DPO ( ) IĠP ( X )

    Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

    1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

    Isem:

    Institut National de l'Origine et de la Qualité (I.N.A.O.)

    Indirizz:

    51, rue d'Anjou

    F-75008 Paris

    Tel.

    (33) 153 89 80 00

    Feks

    (33) 142 25 57 97

    Posta elettronika:

    info@inao.gouv.fr

    2.   Għaqda:

    Isem:

    Association de Défense de l'ail blanc de Lomagne

    Indirizz:

    Comité BGSO/Agropôle

    Bât. Alphagro

    BP 206

    F-47931 Agen cedex 9

    Tel.

    (33) 553 77 22 70

    Feks

    (33) 553 77 22 79

    Posta elettronika:

    ailblancdelomagne@valorhea.fr

    Kompożizzjoni:

    Produtturi/Proċessaturi ( X ) Oħrajn ( X )

    3.   Tip ta' prodott:

    Klassi 1.6: Frott, ħaxix u ċereali fl-istat naturali jew ipproċessati

    4.   Speċifikazzjoni:

    (Sinteżi tar-rekwiżiti skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    4.1.   Isem: “Ail blanc de Lomagne”

    4.2.   Deskrizzjoni: Irjus ta' lewn abjad għal lewn l-avorju, xi drabi b'laqta vjola, magħmula minn għadd ta' sinniet (8 sa 12 skond id-daqs). It-tewm abjad ta' Lomagne (“Ail blanc de Lomagne”) jingħaraf mill-kobor tiegħu u r-regolarità tas-sinniet lewn beige għal krema, sikwit bi strixxi vjola. Kull waħda minn dawn is-sinniet għandha qoxra magħmula minn rita waħda. Is-sinniet flimkien jagħmlu basla miksija b'bosta riti rqaq.

    L-irjus tat-tewm abjad ta' Lomagne jinbigħu f'kategoriji Extra jew kategorija 1 b'xi restrizzjonijiet fil-każ ta' din ta' l-aħħar, fejn fost l-oħrajn, l-irjus għandhom dijametru minimu ta' 45 mm.

    It-tewm abjad ta' Lomagne jinbigħ niexef, ippreżentat tradizzjonalment bħala faxx jew f'basket, f'boroż jew platti, jew f'unitajiet għall-konsumaturi f'boroż tax-xibka.

    4.3.   Żona ġeografika: Il-kultivazzjoni, it-tnixxif, it-tqaxxir u x-xogħol fuq il-preżentazzjoni huma marbuta maż-żona ġeografika. Id-delimitazzjoni taż-żona ġeografika IĠP tqis il-fatturi li ġejjin:

    l-istorja tal-produzzjoni fiż-żona,

    id-distribuzzjoni tal-produzzjoni, skond ċensiment tal-produtturi li jkun sar mill-oragnizzazzjonijiet tal-produtturi,

    il-karatteristiċi tal-ħamrija u tal-klima ta' l-artijiet li ntużaw għal għexieren ta' snin għall-kultivazzjoni tat-tewm.

    Iż-żona ġeografika tinkludi l-200 komun li ġejjin, imqassma fuq żewġ dipartimenti:

    4.4.   Prova ta' l-oriġini: Għall-identifikazzjoni tar-raba', il-produttur għandu jdaħħal fir-reġistru tal-kultivazzjoni: isem il-komun, il-medda, in-numru kadastrali, il-varjetà ta' l-uċuħ, u l-uċuħ li tkabbru qabel.

    Għal kull lott imwassal sa' l-istazzjoni ta' l-imballaġġ, l-identifikazzjoni tar-raba' tidher fuq in-nota tat-twassil. Wara l-verifikazzjoni tal-konformità tal-lottijiet mal-karatteristiċi tat-tewm abjad ta' Lomagne, il-lottijiet “IĠP” jiġu identifikati speċifikament u ppakkjati seperatament mil-lottijiet l-oħra. L-ippakkjar (pallet jew unità tal-bejgħ) għandu numru uniku ta' indentifikazzjoni li jiggarantixxi t-traċċabbiltà tiegħu.

    4.5.   Metodu ta' produzzjoni:

    Fl-istadju tal-produzzjoni:

    L-attivitajiet kollha marbuta mal-produzzjoni, it-tnixxif u t-tqaxxir iseħħu fiż-żona ddenominata.

    Iż-żerriegħa tingħażel mill-produttur skond il-lista tal-varjetajiet maħruġa kull sena mill-Association de défense de l'Ail blanc de Lomagne (l-Assoċjazzjoni għad-Difiża ta' l-“Ail Blanc de Lomagne”) u jinżergħu biss żrieragħ ċertifikati.

    Il-varjetajiet awtorizzati għaż-żrigħ jingħażlu skond iż-żewġ varjetajiet ta' kontroll imnissla mill-popolazzjoni oriġinali tal-“Blanc de Lomagne”. Il-limiti ta' l-aċċettabbiltà għall-varjetajiet il-ġodda huma ddefiniti sabiex jitqabblu l-karatteristiċi tagħhom ma' dawk tal-varjetajiet ta' kontroll.

    F'Lomagne, il-ħamrija xierqa għall-kultivazzjoni tat-tewm għandha kontenut ta' tafal ta' 'l fuq minn 20 %. Il-ħamrija aċiduża b'pH ta' anqas minn 7,5 mhix tajba għal dan. Analiżi fiżikokimika tar-raba' issir sabiex jiġi vverifikat li l-ħamrija tkun tajba għall-uċuħ.

    Għat-taħwil ta' l-uċuħ, il-produttur jagħżel raba' qiegħed fiż-żona ġeografika u li ma ntużax għat-tkabbir tat-tewm għall-aħħar tliet staġuni tat-tkabbir. It-tewm lanqas ma jista' jitħawwel wara s-sorgu, il-qamħirrum, l-alfalfa jew allji oħra.

    Iż-żrigħ isir bejn il-15 ta' Ottubru u l-15 ta' Diċembru.

    Kull intervent fitosanitarju għandu jiġi ġġustifikat minn osservazzjonijiet li jkunu saru fuq ir-rarba' u/jew osservazzjonijiet mit-tekniċi fuq ir-raba' ta' referenza u/jew minn bulettin tekniku. Sabiex jiġu alternati s-sustanzi attivi użati, il-produttur għandu jirreferi għall-informazzjoni mniżżla fir-reġistru tal-kultivazzjoni dwar miżuri fitosanitarji preċedenti, kif ukoll il-lista tal-prodotti approvati għall-koltivazzjoni. Darba kull sentejn iridu jsiru verifiki djanjostiċi fuq it-tagħmir tal-bexx.

    L-istrateġija tal-fertilizzazzjoni trid tkun imsejsa fuq analiżi tal-ħamrija tar-raba' li tkun saret inqas minn tliet snin qabel. Il-fertilizzant għandu jingħata bil-mod il-mod u f'ammonti limitati u għandu jqis li l-istadju veġetattiv tal-pjanti.

    Sabiex wieħed jara meta għandu jibda l-ħsad, il-produttur għandu jagħti kas l-indikaturi viżivi tal-maturità (il-weraq jisfaru, il-parti taz-zokk fejn l-art tibda tirtab) kif ukoll ir-relazzjoni tal-piż ta' l-irjus mal-piż tal-weraq.

    It-tnixxif tat-tewm tradizzjonalment isir billi jiddendel minn ma' virga jew bil-ventilazzjoni dinamika. It-telf tal-piż tat-tewm jiġi studjat sabiex jiġi kkontrollat kemm ikun mexa 'l quddiem il-proċess tat-tnixxif, li waqtu l-irjus jitilfu bejn 20 % sa 30 % tal-piż oriġinali li kellhom meta nħasdu.

    Wara t-tnixxif, it-tewm għandu jitqaxxar bl-idejn sabiex jiġi żgurat li l-irjus ikunu bojod biżżejjed. Dan jinvolvi t-tneħħija tas-saffi ta' barra tar-rita li jkunu midbiela, tilfu lewnhom jew imqattgħin, filwaqt li l-aħħar saff jibqa' bla mittiefes. Waqt it-tqaxxir, l-għeruq jinqatgħu bl-idejn fil-livell tal-qalba fejn jingħaqdu mir-ras, bl-attenzjoni kollha biex din ma jsirilhiex ħsara.

    Bħal fl-imgħoddi, it-tewm jintgħażel u jiġi approvat fiż-żona delimitata, jew fl-istazzjon ta' l-imballaġġ jew fil-farm. Il-lokalizzazzjoni ta' dan ix-xogħol tagħmilha wkoll possibbli li tiġi ggarantita t-traċċabbiltà tal-prodott.

    Wara li jiġi approvat, it-tewm maħsub bil-faxxina jista' mbagħad jiġi ppreżentat bil-mod tradizjonali għall-“Ail blanc de Lomagne”, per eżempju f'għenieqed, faxex jew basktijiet.

    4.6.   Rabta:

    Ir-reputazzjoni tal-bieraħ u tal-lum:

    F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istorja tal-produzzjoni, ġabra ta' l-1868 ta' statistika agrikola għaż-żona ta' Castelsarrasin issemmi l-importanza tat-tkabbir tat-tewm għall-ekonomija ta' Tarn et Garonne. Mill-1902, fil-komun ta' Beaumont de Lomagne, kienu qed jintuża 80 ettaru għat-tewm. Kif turi l-istatistika agrikola ta' kull sena, it-tkabbir tat-tewm baqa' jinfirex f'Lomagne tul is-seklu 20: 500 ettaru fl-1929, 2 810 ettaru fl-1980.

    Mill-1936, il-ħolqien ta' l-“établissements DURAN” kif ukoll il-bidu tas-swieq tradizzjonali li fihom il-bdiewa setgħu ibigħu il-prodott żejjed tagħhom jagħtu xhieda ta' kemm ilu l-kummerċ tat-tewm f'Lomagne.

    Mill-bidu tas-snin sittin, seħħew bosta avvenimenti bit-tewm bħala t-tema ċentrali tagħhom: l-ewwel konkors għall-isbaħ faxx tewm sar f'Beaumont de Lomagne fl-1961.

    Il-festival tat-tewm ta' Beaumont de Lomagne ilu jsir fl-istess jum mill-1994.

    Mill-1960, kien hemm għadd ta' studji li saru bil-għan li jitjiebu t-tekniki tal-produzzjoni. Ir-riżultati ta' dawn l-istudji ġew ippreżentati waqt il-jiem nazzjonali tat-tewm li saru f'Beaumont de Lomagne bejn l-1966 u l-1974.

    L-avvenimenti diversi marbuta mat-tewm abjad ta' Lomagne, inklużi l-kompetizzjonijiet tat-tekniki ta' preżentazzjoni tradizzjonali, kollha jagħtu lill-produzzjoni tat-tewm karattru allegru u brijuż u jkabbru r-resputazzjoni tal-prodott.

    Karatteristiċi oħra: iż-żamma tal-ħiliet tradizzjonali

    Il-produzzjoni tat-tewm abjad ta' Lomagne hija kkaratterizzata miż-żamma tal-ħiliet tradizzjonali antiki, bħat-tewm imdendel biex jinxef, it-tqaxxir bl-idejn u l-preżentazzjoni tradizzjonali (faxex, għenieqed jew basktijiet).

    It-tnixxif tradizzjonali jikkonsisti f'li t-tewm jiddendel, bil-faxxina b'kollox, minn stikek, f'post mgħotti iżda miftuħ fil-ġnub. L-“Autan”, riħ sħun u niexef li jonfoħ mill-Mediterran, għandu rwol importanti fil-proċess tat-tnixxif naturali. Spiss jonfoħ f'Lomagne u b'hekk jgħin biex tinżamm it-teknika tat-tnixxif tradizzjonali fil-beraħ.

    It-tqaxxir obbligatorju bl-idejn jiżgura li l-prodott ikollu dehra impekkabbli li hija karatteristika ta' l-“Ail blanc de Lomagne”: ras omoġenea bajda mingħajr daqqiet jew tiċrit, bl-għeruq maqtugħa b'mod uniformi.

    Il-fatt li mhemmx bont riġidu jippermetti li t-tewm abjad ta' Lomagne jiġi ppreżentat bil-mod karatteristiku, f'faxex u għenieqed. Din il-preżentazzjoni tradizzjonali hija prominenti ħafna fl-avvenimenti organizzata madwar “l'Ail blanc de Lomagne.”

    4.7.   Organu ta' spezzjoni:

    Isem:

    Qualisud

    Indirizz:

    BP 102 Agropole

    F-47000 Agen

    Tel.

    (33) 558 06 15 21

    Feks

    (33) 558 75 13 36

    Posta elettronika:

    Qualisud@wanadoo.fr

    Qualisud huwa organu approvat u akkreditat li jiċċertifika skond l-istandard EN 45011.

    4.8.   Tikkettar: Bla ħsara għar-regoli speċifiċi u regolamenti oħra Franċiżi, Komunitarji jew internazzjonali, it-tikketta jrid ikollha l-informazzjoni IĠP li ġejja:

    isem il-prodott: “Ail Blanc de Lomagne”,

    il-logo Komunitarju “IĠP”,

    in-numru tas-serje tal-lott.


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top