Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 62007CN0496

Kawża C-496/07: Rikors imressaq fl- 14 ta' Novembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ċeka

ĠU C 37, 9.2.2008, p. 3-3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 37/3


Rikors imressaq fl-14 ta' Novembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ċeka

(Kawża C-496/07)

(2008/C 37/03)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: G. Rozet u M. Šimerdová, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ċeka

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, safejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali Ċeka tirriżerva l-kariga ta' kaptan ta' vapur li jtajjar il-bandiera Ċeka għal persuni li għandhom iċ-ċittadinanza Ċeka, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 39 tat-Trattat KE;

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tibbaża r-rikors tagħha fuq dawn il-motivi:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali Ċeka (zákon č. 61/2000 Sb; Liġi Nru 61/2000) timponi obbligu fuq l-armatur ta' vapur, li jiżgura li l-kaptan ta' vapur li jtajjar il-bandiera Ċeka ikun ċittadin tar-Repubblika Ċeka.

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, dan l-obbligu ċar u inkondizzjonat ta' ċittadinanza tar-Repubblika Ċeka imur kontra l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi C-405/01 (1) u C-47/02 (2). B'mod partikolari il-Kummissjoni tagħmel referenza għall-konstatazzjonijiet fil-punt 44 tas-sentenza fil-kawża C-405/01 u dawk fil-punt 63 tas-sentenza fil-kawża C-47/02. L-obbligu impost mil-leġiżlazzjoni Ċeka li l-kaptan ta' vapur irid ikollu ċ-ċittadinanza Ċeka huwa assolut. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Ċeka ma jeħdux in kunsiderazzjoni il-mod li bih, u safejn, il-kaptan ta' vapur, fil-verità, jeżerċita setgħat li jinkludu l-eżerċizzju ta' setgħa pubblika, kif teħtieġ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej imsemmija aktar 'il fuq. Il-fatt waħdieni li l-liġi Ċeka tagħti poteri li jaqgħu taħt il-portata ta' l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika lill-kaptani ta' vapuri li jtajjru l-bandiera Ċeka mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika eċċezzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema skond l-Artikolu 39(4) tat-Trattat KE.

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija tal-fehma li r-Repubblika Ċeka hija obbligata tikkonforma l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, minkejja l-fatt li (skond id-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Ċeka) attwalament ma jeżistu ebda vapuri li jtajjru l-bandiera Ċeka.


(1)  Sentenza tat-30 ta' Settembru 2003, Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Espagñola v Administración del Estado (C-405/01, Ġabra p, I-10391), dwar leġiżlazzjoni Spanjola li kienet tirriżerva l-kariga ta' kaptan u ta' chief mate fuq vapuri li jtajjru l-bandiera Spanjola għal persuni b'ċittadinanza Spanjola.

(2)  Sentenza tat-30 ta' Settembru 2003, Albert Anker, Klaas Ras u Albertus Snoek vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (C-47/02, Ġabra p. I-10447) dwar leġiżlazzjoni Ġermaniża li kienet tirriżerva l-kariga ta' kaptan fuq vapuri li jtajjru l-bandiera Ġermaniża u li jbaħħru fuq skala zgħira (“Kleine Seeschiffahrt”) għal persuni b'ċittadinaza Ġermaniża.


Início