Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XX0124(01)

    Notifikazzjonijiet taħt l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen – Penali skond il-liġi nazzjonali għall-qsim ta' fruntieri esterni mhux awtorizzat f'postijiet li mhumiex punti ta' qsim jew f'ħinijiet li mhumiex il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti – l-Artikolu 4(3)

    ĠU C 18, 24.1.2008, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.1.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 18/1


    Notifikazzjonijiet taħt l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera “Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen”

    Penali skond il-liġi nazzjonali għall-qsim ta' fruntieri esterni mhux awtorizzat f'postijiet li mhumiex punti ta' qsim jew f'ħinijiet li mhumiex il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti – l-Artikolu 4(3)

    (2008/C 18/01)

    IL-BELĠJU

    Il-pieni huma previsti fl-Artikolu 3 tal-Liġi tal-25 ta' April 2007, li temenda l-Liġi tal-15 ta' Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, is-soġġorn, l-istabbiliment u r-ritorn tal-barranin. Il-liġi ġiet ippubblikata fil-Moniteur Belge ta' l-10 ta' Mejju 2007 u tintroduċi artikolu ġdid – l-Artikolu 4 a – fil-liġi tal-15 ta' Diċembru 1980.

    Dawn l-emendi għadhom ma daħlux fis-seħħ. L-Artikolu 48 ta' l-imsemmija liġi jipprevedi li għandhom jidħlu fis-seħħ f'data li għandha tiġi stabbilita mir-Re, l-aktar tard, fl-ewwel jum tat-tlettax-il xahar ta' wara x-xahar li fih kienet ġiet ippubblikata fil-Moniteur Belge.

    “L-Artikolu 4 a.

    1.   Dwar il-fruntieri esterni fit-tifsira tal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-moviment ta' persuni bejn il-fruntieri esterni li jorbtu lil-Belġju, jew il-Leġiżlazzjoni Ewropea, id-dħul u l-ħruġ mir-Renju għandhom isiru minn post ta' qsim awtorizzat, matul is-sigħat ta' ftuħ stabbiliti, kif indikati fil-punti ta' qsim awtorizzati.

    2.   Il-persuna barranija għandha tippreżenta minnufih id-dokumenti ta' ivjaġġar tiegħu kemm fid-dħul kif ukoll fil-ħruġ mir-Renju.

    3.   Il-Ministru jew id-delegat tiegħu jista' jimponi multa amministrativa ta' EUR 200 fuq il-persuna barranija li ma tirrispettax l-obligu stabbilit fl-ewwel inċiż.

    Jekk il-ksur ta' l-obligu stipulat fl-ewwel inċiż ikun seħħ minħabba nuqqas ta' l-operatur tat-trasport, dan ikun obbligat b'mod konġunt mal-persuna barranija li jħallas il-multa imposta.

    Id-deċiżjoni li timponi l-multa amministrativia trid tiġi eżegwita immedjatament, minkejja kull appel.

    L-entità ġuridika għandha r-responsabilità ċivili li tħallas il-multa amministrativa imposta fuq il-manaġers, il-membri tad-direttorat, il-persunal eżekuttiv, l-impjegati jew l-aġenti tagħha.

    Il-multa amministrativa tista' titħallas permezz ta' depożitu ta' l-ammont dovut lill-Uffiċċju tad-Depożiti u Kunsinnji [Caisse des Dépôts et Consignations].

    4.   Il-persuna barranija jew l-operatur tat-trasport li jixtieq jikkontesta d-deċiżjoni tal-Ministru jew tar-rappreżentant tiegħu għandu jagħmel talba lill-Qorti tal-Prim' Istanza mhux iktar tard minn xahar minn-notifika tad-deċiżjoni.

    Jekk il-Qorti tal-Prim' Istanza tikkunsidra l-appell bħala ammissibbli u fondat, l-ammont imħallas jew konsenjat għandu jintradd lura.

    Il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tagħti deċiżjoni fi żmien xahar li jibda jiddekorri mill-preżentata ta' l-appell bil-miktub imsemmi fl-ewwel inċiż hawn fuq.

    It-test ta' l-ewwel inċiż għandu jitniżżel fid-deċiżjoni li timponi l-multa amministrativa.

    5.   Jekk il-persuna barranija jew l-operatur tat-trasport ma jħallasx il-multa, id-deċiżjoni ta' l-awtorità competenti jew id-deċiżjoni tal-Prim' Istanza li tkun saret res judicata tiġi nnotifikata lill-Amministration du Cadastre, de l-Enregistrement et des Domaines, bil-għan li tiġi rkuprata s-somma tal-multa amministrativa.

    6.   Jekk il-persuna barranija, l-operatur tat-trasport jew ir-rappreżentant tiegħu ikun ħallas is-somma tal-multa amministrativa lill-Uffiċju tad-Depożiti u Kunsinnji, u jekk ma jsir l-ebda appell lill-Qorti tal-Prim' Istanza fil-limitu ta' żmien imsemmi hawn fuq, is-somma depożitata ssir proprjetà ta' l-Istat.”

    IL-BULGARIJA

    Skond l-Artikolu 279(1) tal-Kodiċi Kriminali “Kull persuna li tidħol fil-pajjiż jew toħroġ minnu billi taqsam il-fruntiera mingħajr awtorizzazzjoni mis-servizz tal-Gvern responsabbli jew ikollha din l-awtorizzazzjoni iżda taqsam il-fruntiera f'post mhux intiż għal dan l-iskop hija soġġetta għall-piena ta' priġunerija sa ħames snin u għal multa li ma tkunx anqas minn mitt lev u mhux aktar minn tliet mitt lev”.

    Li tkun reċidiv huwa ċirkostanza aggravanti. Fil-każ ta' reċidiv ir-reat għandu piena ta' priġunerija minn sena sa sitt snin u multa minn mitt lev sa tliet mitt lev.

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA

    Ir-Repubblika Ċeka introduċiet fil-leġiżlazzjoni tagħha penali għall-qsim tal-fruntiera mhux awtorizzat f'postijiet li ma jkunux punti tal-qsim tal-fruntiera jew f'ħinijiet li ma jkunux il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Dawn il-penali huma elenkati fi § 157 Nru ta' l-Att 326/1999 Coll., dwar il-Waqfien ta' Frustieri fit-Territorju tar-Repubblika Ċeka.

    § 157

    (1)   Frustier jagħmel reat jekk huwa/hija:

    a)

    jaqsam/taqsam il-fruntiera ta' l-istat f'post li ma jkunx punt tal-qsim tal-fruntiera;

    b)

    juża/tuża ħażin dokument tas-safar (§ 108) maħruġ għal frustier ieħor jew dokument tas-safar maħruġ skond regolament legali speċjali (dispożizzjonijiet,21);

    c)

    jevita/tevita l-kontroll tar-residenza jew il-verifika fuq il-fruntiera;

    n)

    jaqsam/taqsam il-fruntiera ta' l-istat minn punt tal-qsim tal-fruntiera f'ħinijiet li ma jkunux il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti jew b'mod li jikkonfliġġi ma' l-għan tal-punt tal-qsim tal-fruntiera;

    (2)   Penali ta' mhux aktar minn 10 000 CZ kroni tista' tiġi imposta għal kwalunkwe mir-reati speċifikati fis-subartikolu (1)(a) sa (1)(e); penali ta' mhux aktar minn 5 000 CZK tista' tiġi imposta għal kwalunkwe mir-reati speċifikati fis-subartikolu (1)(f) sa (1)(n); u penali ta' mhux aktar minn 3 000 CZK tista' tiġi imposta għal kwalunkwe mir-reati speċifikati fis-subartikolu (1)(o) sa (1)(w).

    ID-DANIMARKA

    Taħt l-Artikolu 38(3) ta' l-Att dwar il-Frustieri, id-dħul f'pajjiż u t-tluq minn pajjiż li ma jkunx aċċeda għall-Ftehim ta' Schengen jistgħu b'mod ġenerali jsiru biss f'punti tal-qsim tal-fruntiera matul il-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom.

    Taħt il-punt 1 ta' l-Artikolu 59(1), frustier li jidħol mingħajr ma jgħaddi mill-kontroll tal-passaporti jew f'ħin li ma jkunx fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-punt tal-qsim tal-fruntiera huwa soġġett għal multa jew priġunerija ta' mhux aktar minn 6 xhur.

    IL-ĠERMANJA

    Art. 98 (3)(2) b'rabta ma'. l-Art. 13(1) u l-Art. 98(5) tal-Liġi ta' reżidenza.

    Art. 98 – Dispożizzjonijiet dwar multi

    (1)   Ikun ħati ta' kontravenzjoni minn jikkommetti negliġenza fir-rigward ta' dak li hu stipulat fl-Artikolu 95(1)(1) 95 (2), jew (2)(1)(b).

    (2)   Ikun ħati ta' kontravenzjoni min

    1.

    ma jippreżentax prova skond l-Art. 4(5)(1),

    2.

    ma jippreżentax ruħu għall-kontrolli tal-fruntiera tal-pulizija skond l-Art. 13(1)(2), jew inkella

    3.

    ma jurix, ma jippreżentax, ma jagħtix f'idejn, jew ma jippreżentax fil-ħin, ċertifikat jew dokument imsemmi fl-Art. 48(1) jew (3).

    (3)   Ikun ħati ta' kontravenzjoni min intenzjonalment jew inkella bi traskuraġni

    1.

    jikser ordni infurzabbli skond l-Art. 12(2) jew l-Art. 4 jew ma josservax limitazzjoni territorjali skond l-Art. 54a(2) jew l-Art. 61(1)(1),

    2.

    jidħol jew joħroġ mill-pajjiż f'kull post ieħor barra minn punt awtorizzat għall-qsim jew barra l-ħinijiet iffissati tal-ftuħ jew min ma jkollux passaport jew dokument ta' l-ivvjaġġar maħruġ minflok passaport, bi ksur ta' l-Art. 13(1),

    3.

    jikser ordni infurzabbli maħruġa skond l-Art. 46(1), l-Art. 54a(1)(2) jew (3) jew l-Art. 61 (1)(2),

    3a.

    ma jirreġistrax, jirreġistra ħażin jew idum biex jirreġistra, bi ksur ta' l-Art. 54a(1)(1),

    4.

    ma jissottomettix applikazzjoni li tkun meħtieġa skond l-Art. 80(4) jew

    5.

    ma josservax obbligi legali skond l-Art. 99(1)(7) jew (10) fejn għandhom x'jaqsmu ma' multi f'każ speċifiku.

    (4)   Kull attentat ta' twettiq ta' kontravenzjoni msemmija fil-paragrafi 2(2) u 3(2) tiġi wkoll ikkastigata.

    (5)   Il-kontravenzjonijiet skond il-paragrafu 2(2) għandhom ikunu punibbli b'multa ta' mhux aktar minn EUR 5 000, skond il-paragrafi 1 u 2(1) u (3) u l-paragrafu 3(2) b'multa ta' mhux aktar minn EUR 3 000 u fil-każijiet l-oħra kollha b'multa ta' mhux aktar minn EUR 1 000.

    (6)   Dan kollu mingħajr preġudizzju għall-Art. 31(1) tal-Konvenzjoni dwar l-Istat ta' Refuġjat.

    Art. 13 – Qsim tal-Fruntiera

    (1)   Id-dħul fit-territorju Federali u l-ħruġ minnu huwa permess biss fil-postazzjonijiet approvati ta' fejn tinqasam il-fruntiera, u fil-ħinijiet stabbiliti, sakemm minħabba regolamenti oħra, jew ftehimiet konklużi bejn l-istati, jkunu permessi eċċezzjonijiet. Iċ-ċittadini barranin għandhom l-obbligu li fil-mument tad-dħul u tal-ħruġ ikollhom magħhom passaport jew dokument li jservi minfloku, skond l-Artikolu 3(1), u juruh fil-mument meta jsiru l-kontrolli tal-pulizija fuq dawk li jkunu qed jaqsmu l-fruntiera.

    (2)   F'postazzjoni fejn hu approvat li tinqasam il-fruntiera, ċittadin barrani jkun meqjus li daħal meta jkun qasam il-fruntiera u jkun għadda mill-postazzjoni. Ma jkunx meqjus li daħal fis-sens tal-para. 1 hawn fuq, jekk l-awtoritajiet li jkunu inkarigati mill-kontroll ta' dawk li jkunu qed jaqsmu l-fruntiera jħallu, qabel deċiżjoni dwar jekk dan għandux jintbagħat lura (para. 15 ta' din il-liġi, para. 18, 18a tal-liġi dwar l-ażil), liċ-ċittadin barrani, għal xi skop partikolari minħabba pproċessar, passi ta' sigurtà jew it-twettiq ta' dawn il-miżuri jgħaddi, sakemm ikun għad fadlilhom il-possibbiltà li jikkontrollaw il-waqfa taċ-ċittadin barrani. Barra minn dan il-każ, ċittadin barrani jitqies li jkun daħal fit-territorju Federali, meta jkun qasam il-fruntiera.

    L-ESTONJA

    Il-qsim illegali ta' fruntiera ta' l-Istat jew linja temporanja tal-fruntiera tar-Repubblika ta' l-Estonja huwa punibbli skond l-Artikolu 258 tal-Kodiċi Penali (pubblikat fir-Riigi Teataja (Gazzetta ta' l-Istat) I 2001, 61, 364; 2007, 2, 7).

    Il-Kodiċi Penali

    § 258. Il-qsim illegali tal-fruntiera ta' l-Istat jew linja temporanja tal-fruntiera tar-Repubblika ta' l-Estonja

    (1)   Il-qsim illegali tal-fruntiera ta' l-Istat jew linja temporanja tal-fruntiera tar-Repubblika ta' l-Estonja, jekk magħmul:

    1)

    b'mod kuntrarju għal sinjal ta' waqfien jew ordni mogħti minn uffiċjal tal-Gwardja tal-Fruntiera;

    2)

    minn grupp;

    3)

    b'mezz tat-trasport f'post mhux intiż għall-qsim;

    4)

    u piena għal reat (misdemeanour) tkun ġiet imposta fuq l-imputat għall-istess att huwa punibbli b'piena ta' ħlas ta' flus jew bi priġunerija li ma tkunx aktar minn sena.

    (2)   L-istess att, jekk magħmul:

    1)

    bl-użu ta' vjolenza, jew

    2)

    bi ħsara serja lis-saħħa;

    huwa punibbli bi priġunerija minn erba' snin sa tnax-il sena.

    Għall-ksur tar-reġim tal-fruntiera kif ukoll għall-qsim illegali tal-fruntiera ta' l-Istat jew linja temporanja tal-fruntiera tar-Repubblika ta' l-Estonja l-pieni huma stipulati permezz ta' l-Artikoli 17 (1) sa 17 (2) ta' l-Att dwar il-Fruntieri ta' l-Istat (pubblikat fir-Riigi Teataja (Il-Gazzetta ta' l-Istat) I 1994, 54, 902; 2006, 26, 191):

    § 17. Ksur tar-reġim tal-fruntiera

    Il-ksur tar-reġim tal-fruntiera huwa punibbli b'multa sa 200 fine units.

    § 17. Il-qsim illegali tal-fruntiera ta' l-Istat jew ta' linja temporanja tal-fruntiera tar-Repubblika ta' l-Estonja

    Il-qsim illegali tal-fruntiera ta' l-Istat jew ta' linja temporanja tal-fruntiera tar-Repubblika ta' l-Estonja huwa punibbli b'multa sa 200 unità.

    IL-GREĊJA

    L-Artikolu 83 tal-Liġi 3386/2005 jipprovdi għall-impożizzjoni ta' penali għall-qsim illegali ta' fruntieri. Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jidħlu jew jippruvaw jidħlu fit-territorju tal-Greċja mingħajr ma' jkunu konformi mal-formalitajiet legali huma soġġetti għall-piena ta' priġunerija ta' tliet xhur bħala minimu u multa ta' EUR 1 500.

    SPANJA

    Il-liġi Spanjola tirregola dawn is-sitwazzjonijiet u tipprovdi għall-pieni xierqa fit-testi li ġejjin.

    1)   Ċittadini frustieri miżmuma meta jkunu qed jippruvaw jidħlu fil-pajjiż b'mod illegali f'punt mhux awtorizzat tal-qsim tal-fruntiera jew f'ħinijiet li ma jkunux dawk tal-ftuħ stabbiliti

    F'dawn is-sitwazzjonijiet, l-Artikolu 58 tal-Liġi Organika 14/2003 ta' l-20 ta' Novembru 2003 li temenda l-Liġi Organika 4/2000 tal-11 ta' Jannar 2000 dwar id-drittijiet u l-libertajiet ta' ċittadini frustieri fi Spanja u l-integrazzjoni soċjali tagħhom, kif emendata mil-Liġi Organika 8/2000 tat-22 ta' Diċembru 2000, jipprovdi għal qafas legali ta' refoulement; dan huwa meqjus li jkun il-penali applikabbli għal sitwazzjonijiet li fihom ċittadini frustieri jippruvaw jidħlu fil-pajjiż b'mod illegali skond it-tifsira ta' l-Article 157 1(B) tad-Digriet Irjali 2393/2004, jiġifieri, ċittadini frustieri misjuba fuq il-fruntiera jew viċin il-fruntiera.

    Ir-refoulement ta' ċittadini frustieri tikkonsisti fit-treġġigħ lura tal-persuni kkonċernati lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew lejn il-pajjiż minn fejn ġew, bl-użu ta' proċedura amministrattiva li hija differenti u aktar mgħaġġla minn dik użata għad-deportazzjoni.

    2)   Ċittadini frustieri li jkunu daħlu b'mod illegali fil-pajjiż u jiġu misjuba fit-territorju Spanjol

    Taħt l-Artikolu 53 tal-Liġi Organika 14/2003, dan huwa reat punibbli bid-deportazzjoni mit-territorju Spanjol, skond l-Artikolu 57 ta' l-istess liġi.

    FRANZA

    Il-leġiżlazzjoni Franċiża dwar dawk is-sanzjonijiet hija pprovduta taħt l-Artikoli L. 621-1 u L.621-2 u R. 621-1 tas-CEDESA (Code de l'entrée et du séjour des étrangers et du droit d'asile), li b'mod ġenerali hija intiża għall-każ taċ-ċittadin ta' pajjiż terz li ma jkunx ikkonforma mal-kundizzjonijiet tad-dħul u l-waqfien fit-territorju Franċiż.

    Dawk l-Artikoli jipprovdu għal piena ta' priġunerija ta' sena u multa ta' EUR 3 750. Barra minn hekk, il-frustier li jinstab ħati jista' jkun soġġett għal interdizzjoni tat-territorju għal żmien massimu ta' sena.

    L-ITALJA

    L-Artikolu 1 tal-liġi ta' l-24 ta' Lulju 1930 Nru 1278, jimponi piena fuq kull min, sabiex jevita l-kontrolli, jitlaq mill-pajjiż minn post li ma jkunx punt awtorizzat tal-qsim tal-fruntiera b'“sanzjoni” unika, u dan minkejja li jkollu fil-pussess tiegħu passaport jew dokument ekwivalenti.

    Il-liġi Nru 1185/67 li tirregola l-ħruġ ta' passaporti tipprovdi fl-Artikolu 24, sanzjonijiet amministrattivi għal kull min jitlaq mit-territorju nazzjonali mingħajr passaport jew dokument ekwivalenti validu (espatrijazzjoni klandestina).

    Dan l-Artikolu jipprovdi wkoll żewġ ċirkostanzi aggravanti:

    espatrijazzjoni mingħajr dokumenti validi jekk il-passaport ikun ġie miċħud jew irtirat;

    espatrijazzjoni mingħajr dokumenti validi jekk il-persuna ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet għall-espatrijazzjoni, punibbli b'arrest jew sanzjoni amministrattiva.

    ĊIPRU

    L-Artikolu 19(2) tal-Liġi dwar il-Frustieri u l-Immigrazzjoni (L.178 (I)/2004), Kap. 105, jipprovdi li kull immigrant li jidħol b'mod mhux awtorizzat fir-Repubblika ta' Ċipru jkun ħati ta' reat u jkun soġġett għall-priġunerija għal żmien li ma jkunx aktar minn tliet snin jew għal multa li ma tkunx aktar minn ħamest elef lira Ċiprijotta jew għall-priġunerija u l-multa flimkien, sakemm ma jġibx provi:

    (a)

    li huwa daħal b'mod legali fir-Repubblika qabel il-bidu ta' l-applikazzjoni ta' din il-Liġi,

    (b)

    li, wara li jkun daħal fir-Repubblika bl-ajru u billi ma jkunx persuna li qabel kien instab li huwa immigrant projbit, huwa kien fil-proċess li jippreżenta lilu nnifsu lill-uffiċjal ta' l-immigrazzjoni l-aktar qrib,

    (c)

    li għandu liċenzja jew permess mogħti taħt din il-Liġi jew kwalunkwe Regolamenti magħmula taħt l-istess Liġi jew Liġi oħra, sabiex jibqa' fir-Repubblika, jew

    d)

    li, wara l-iskadenza jew ir-revoka tal-liċenzja jew il-permess tiegħu, ma kellux opportunità raġonevoli sabiex jitlaq mir-Repubblika.

    IL-LATVJA

    L-Artikolu 194 tal-Kodiċi dwar Reati Amministrattivi tar-Repubblika tal-Latvja jipprevedi, li għall-ksur tar-reġim tal-fruntiera ta' l-Istat, iż-żona tal-fruntiera, il-kontroll tal-fruntiera jew tal-punt tal-qsim tal-fruntiera hemm imposta multa f'ammont li ma jkunx aktar minn 150 lats (LVL) jew tista' tiġi applikata kustodja amministrattiva sa 15-il jum.

    Għall-qsim illegali intenzjonat tal-fruntiera ta' l-Istat hemm imposta multa minn 50 sa 250 lats (LVL).

    L-Artikolu 284 tal-Liġi Kriminali tar-Repubblika tal-Latvja jiddetermina li għal persuna li intenzjonalment taqsam b'mod illegali l-fruntiera ta' l-Istat, jekk fi żmien sena jerġa' jseħħ dan l-għemil, is-sentenza applikabbli tkun it-tneħħija tal-libertà għal terminu ta' żmien li ma jkunx aktar minn tliet snin, jew arrest kustodjali, jew multa li ma tkunx akbar minn sittin darba l-paga mensili minima.

    IL-LITWANJA

    Is-sanzjonijiet dwar il-qsim illegali tal-fruntiera jvarjaw minn LTL 250 sa LTL 500 jew sa sentejn priġunerija skond id-diffikultà tar-reat.

    Jekk il-qsim illegali tal-fruntiera ta' l-Istat ikun marbut mad-dħul illegali ta' bnedmin is-sanzjonijiet jistgħu jitilgħu sa għaxar snin priġunerija skond id-diffikultà tar-reat.

    Estratt mill-Kodiċi dwar Reati Amministrattivi tar-Repubblika tal-Litwanja

    L-Artikolu 205(2). Qsim illegali tal-fruntiera ta' l-Istat b'negliġenza

    Multa minn 250 Litas sa 500 Litas hija imposta għall-qsim illegali tal-fruntiera b'negliġenza.

    Estratti mill-Kodiċi Penali

    L-Artikolu 291. Qsim illegali tal-fruntiera ta' l-Istat

    1.   Persuna, li tkun qasmet b'mod illegali l-fruntiera ta' l-Istat għandha tiġi punita b'multa, jew b'arrest, jew bi priġunerija sa sentejn.

    2.   Frustier, li jkun daħal fir-Repubblika tal-Litwanja b'mod illegali bil-ħsieb li japplika għall-ażil, għandu jiġi eżentat mir-responsabbiltà kriminali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    3.   Frustier, li jkun għamel att kontemplat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu bil-ħsieb li jidħol b'mod illegali f'pajjiż terz mit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja, għandu jiġi eżentat mir-responsabbiltà kriminali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk skond l-ordni stabbilit huwa jitneħħa/hija titneħħa mir-Repubblika tal-Litwanja għall-pajjiż li mit-territorju tiegħu huwa jkun qasam/hija tkun qasmet b'mod illegali l-fruntiera ta' l-Istat tar-Repubblika tal-Litwanja, jew għall-pajjiż li tiegħu huwa/hija ċittadin/a.

    L-Artikolu 292. It-traffikar illegali ta' persuni mill-fruntiera ta' l-Istat

    1.   Persuna, li ttrasportat b'mod illegali frustier mingħajr post permanenti ta' residenza fir-Repubblika tal-Litwanja mill-fruntiera ta' l-Istat tar-Repubblika tal-Litwanja, jew ittrasportat jew laqgħet frustier, li qasam b'mod illegali l-fruntiera ta' l-Istat tar-Repubblika tal-Litwanja, fit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja, hija punita b'multa, jew b'arrest, jew bi priġunerija sa sitt snin.

    2.   Piena ta' priġunerija sa tmien snin għandha tiġi imposta fuq persuna li għamlet l-att imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għal raġunijiet immorali jew jekk l-att ipperikola l-ħajja.

    3.   Piena ta' priġunerija minn erba' snin sa għaxar snin hija imposta fuq persuna għall-organizzazzjoni ta' l-atti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    4.   Persuna ġuridika għandha tkun responsabbli għall-atti stipulati f'dan l-Artikolu.

    IL-LUSSEMBURGU

    Peress li l-unika fruntiera esterna tal-Lussemburgu hija l-ajruport, il-Lussemburgu ma ppreveda ebda sanzjonijiet f'dan ir-rigward.

    L-UNGERIJA

    Persuni li jidħlu fit-territorju nazzjonali b'mod illegali jagħmlu reat amministrattiv.

    Espulsjoni u projbizzjoni tad-dħul u l-waqfien jew projbizzjoni indipendenti tad-dħul u l-waqfien jistgħu jiġu ordnati bħala sanzjoni amministrattiva fil-proċedura tal-kontroll tal-frustieri kontra frustier li kiser jew ipprova jikser ir-regoli tad-dħul u l-ħruġ.

    Barra minn hekk, multa b'massimu ta' HUF 100 000 tista' tiġi imposta mill-awtorità li tittratta r-reati amministrattivi fuq frustier li jaqsam il-fruntiera ta' l-Istat tar-Repubblika ta' l-Ungerija mingħajr awtorizzazzjoni jew b'mod mhux awtorizzat. Aktar minn hekk is-soġġorn ta' frustier imkeċċi fit-territorju ta' l-Ungerija mingħajr permess jikkwalifika bħala reat (misdemeanour) punibbli bi priġunerija sa sena taħt il-liġi kriminali tagħna.

    Leġiżlazzjoni msemmija:

    L-Att XXXIX ta' l-2001 dwar id-Dħul u l-Waqfien ta' Frustieri (minn issa 'l quddiem: ESF Entry and Stay of Foreigners), Artikolu 32, Subartikolu 2, Punt a);

    L-Att IV ta' l-1978 dwar il-Kodiċi Kriminali (minn issa 'l quddiem: CrC), Artikolu 214;

    Id-Digriet Governattiv Nru 218/1999 dwar Reati Amministrattivi, Artikolu 22, Subartikolu 1.

    Persuni, li huma involuti, li jgħinu/jiffaċilitaw id-dħul/il-ħruġ illegali jkunu qed jagħmlu reat kriminali.

    Il-faċilitar tal-qsim tal-fruntiera mhux awtorizzat huwa reat u huwa punibbli bi priġunerija sa 3 snin.

    Il-piena tkun sa ħames snin priġunerija jekk il-faċilitatur jaġixxi għal gwadann finanzjarju jew jiffaċilita aktar minn persuna waħda.

    Il-piena tkun 2 sa 8 snin ta' priġunerija jekk il-faċilitatur juża trattament inuman jew jekk il-faċilitatur ikun armat jew jekk il-faċilitatur jipprovdi għajnuna għall-qsim illegali tal-fruntiera b'mod simili għal attività kummerċjali.

    Il-preparazzjoni għall-faċilitazzjoni tal-qsim illegali tal-fruntiera hija wkoll reat u hija punibbli bi priġunerija sa sentejn.

    Espulsjoni għall-finijiet tal-kontroll tal-frustieri għandha tiġi ordnata kontra l-frustier li jorganizza jew jiffaċilita d-dħul jew il-ħruġ illegali (il-qsim tal-fruntiera) jew il-waqfien illegali ta' persuni jew gruppi jew ikun involut fit-traffikar ta' persuni; barra minn hekk, espulsjoni għall-finijiet tal-kontroll tal-frustieri tista' tiġi ordnata kontra frustier li d-dħul u l-waqfien tiegħu jiksru jew ikunu ta' theddida għas-sigurtà pubblika.

    Leġiżlazzjoni msemmija:

    CrC l-Artikolu 218, Traffikar ta' Persuni.

    MALTA

    Huwa pertinenti li jiġi nnotat li l-Artikolu 5(1) ta' l-Att dwar l-Immigrazzjoni (Kap. 217) jispeċifika li:

    “Kull persuna, li tkun waħda li ma jkollhiex id-dritt ta' dħul, jew ta' dħul u residenza, jew ta' moviment jew tranżitu taħt it-Taqsimiet preċedenti, tista' tiġi rifjutata milli tidħol, u jekk hija tiżbarka jew tkun qiegħda f'Malta mingħajr il-permess ta' l-Uffiċjal Prinċipali ta' l-Immigrazzjoni, hija tkun immigrant projbit.”

    Barra minn hekk, l-Artikolu 32 ta' l-Att dwar l-Immigrazzjoni jipprovdi:

    “Kull persuna li tikser xi dispożizzjoni ta' dan l-Att li dwarha mhux stabbilit reat taħt xi Artikolu ieħor ta' dan l-Att tkun ħatja ta' reat u teħel, meta tinstab ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati, multa ta' mhux iżjed minn ħamest elef lira Maltija jew priġunerija għal żmien ta' mhux aktar minn sentejn jew dik il-multa u priġunerija flimkien, kemm-il darba mhix stabbilita għal dak ir-reat piena akbar b'liġi oħra.”

    L-OLANDA

    L-Artikolu 108(1) ta' l-Att dwar il-Frustieri flimkien ma' l-Artikolu 46(2) jispeċifikaw li l-ksur jew l-aġir kuntrarja għar-rekwiżit huwa punibbli b'massimu ta' sitt xhur priġunerija jew multa tal-kategorija numru 2. Il-multi fil-kategorija numru 4 huma sa massimu ta' 16 750 EUR.

    Ir-rekwiżit li l-qsim tal-fruntiera jsir f'punt tad-dħul tal-fruntiera jista' jinstab fl-Artikolu 4.4, Digriet dwar il-Frustieri [Vreemdelingenbesluit].

    L-Artikolu 108(1), (2) u (3), l-Att dwar il-Frustieri 2000

    1.

    Il-ksur ta' kundizzjoni stabbilita taħt jew skond l-Artikoli 5.1, 5.2, 46.2 (preambolu u fil-b), u l-azzjoni li tikkonfliġġi ma' l-Artikolu 56.1, l-azzjoni li tikkonfliġġi ma' obbligu impost taħt jew permezz ta' l-Artikolu 6.1, 54, 55, 57.1 58.1, jew 65.3 huma punibbli b'massimu ta' sitt xhur priġunerija jew piena ta' ħlas ta' flus fil-kategorija numru 2.

    2.

    Il-ksur ta' kundizzjoni imposta taħt jew permezz ta' l-Artikolu 4.1 jew 4.2 huwa punibbli b'massimu ta' sitt xhur priġunerija jew penali ta' ħlas ta' flus fil-kategorija numru 4.

    3.

    L-infrazzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 huma meqjusa bħala reati.

    L-AWSTRIJA

    Mingħajr ħsara għall-eċċezzjonijiet ipprovduti fil-paragrafu (2) jew għall-obbligi tagħhom tal-protezzjoni internazzjonali, l-Artikolu 4(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jirrikjedi li l-Istati Membri jintroduċu penali, skond il-liġi nazzjonali tagħhom, għall-qsim mhux awtorizzat ta' fruntieri esterni f'postijiet li ma jkunux il-punti tal-qsim tal-fruntiera jew f'ħinijiet li ma jkunux dawk tal-ftuħ stabbiliti. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disważivi.

    § 120 ta' l-Att Federali Awstrijak dwar il-ħatra ta' pulizija tal-frustieri, il-ħruġ ta' dokumenti għall-frustieri u l-ħruġ ta' dokumenti ta' dħul (l-Att dwar il-Pulizija tal-Frustieri 2005 – FPG), Il-Gazzetta tal-Liġi Awstrijaka Federali Nru I 100/2005

    Residenza mhux awtorizzata

    (1)   Kull ċittadin frustier li

    1.

    jidħol fit-territorju tar-Repubblika Federali ta' l-Awstrija b'mod illeġittimu jew

    2.

    jibqa' fit-territorju tar-Repubblika Federali ta' l-Awstrija b'mod illeġittimu, jagħmel reat amministrattiv u jkun soġġett għal piena finanzjarja sa EUR 2 180 jew, fil-każ li din ma titħallasx, għal priġunerija sa tliet ġimgħat. Il-punt tad-dħul jew l-aħħar post magħruf tar-residenza għandu jiġi meqjus bħala l-post fejn ikun sar ir-reat; fejn id-dħul isir permezz ta' trasport pubbliku, dan għandu jkun fil-punt ta' l-inżul l-aktar qrib, fejn skond l-iskeda tal-kumpannija tat-trasport ikun possibbli li wieħed jinżel mill-mezz tat-trasport pubbliku.

    (2)   Kull min iwettaq ir-reat skond il-paragrafu (1) għalkemm huwa jkun/hija tkun diġà ġie punit/ġiet punita b'effett finali u li jorbot għal reat simili, għandu jkun/għandha tkun soġġetta għall-multa sa EUR 4 360 jew, fin-nuqqas tal-ħlas tagħha, sa sitt ġimgħat priġunerija.

    (3)   Ma jkunx hemm reat amministrattiv skond il-paragrafi (1) (2),

    1.

    jekk ikun possibbli l-ħruġ mill-pajjiż għal pajjiż ieħor li għalih id-deportazzjoni hija biss mhux permessa (§ 50);

    2.

    jekk il-frustier ikun ingħata sospensjoni tad-deportazzjoni;

    3.

    fil-każijiet ta' residenza temporanja ta' ċittadin benefiċjarju ta' stat terz mingħajr viża jew

    4.

    meta l-frustier/a jitlef/titlef il-libertà personali tiegħu/tagħha.

    (4)   Is-sanzjoni skond (1) (2) għandha teskludi l-istess fir-rigward tar-reat amministrattiv magħmul skond (1) (1) fl-istess ħin.

    (5)   Reat amministrattiv skond (1) ma jkunx jirriżulta jekk il-frustier ikun għamel talba għall-protezzjoni internazzjonali u huwa jkun ġie/hija tkun ġiet rikonuxxut/a li jkollu/jkollha d-dritt għall-ażil jew li jkun/tkun intitolat/a għall-protezzjoni sussidjarja fl-Awstrija. Il-proċedura tal-penali amministrattiva għandha tiġi sospiża sakemm tkun għaddejja l-proċedura ta' l-ażil.

    § 16 l-Att Awstrijak Federali li jirregola l-mod kif isiru l-kontrolli tal-passaporti fil-punti tal-qsim tal-fruntiera (l-Att dwar il-Kontrolli tal-Fruntiera – GrekoG), Federal Austrian Law Gazette 1996/435 fil-verżjoni tal-Gazzetta tal-Liġi Awstrijaka Federali 2004/151:

    Dispożizzjonijiet kriminali

    (1)   Kull persuna li

    1.

    tneħħi, taħbi jew temenda waħda mis-sinjali pprovduti f'§ 5 mingħajr awtorizzazzjoni jew

    2.

    taqsam il-fruntiera bi ksur ta' l-ispeċifikazzjoni stipulata f'§ 10 jew

    3.

    bħala parti soġġetta għall-kontrolli tal-fruntiera, tevadi l-kontrolli tal-fruntiera jew

    4.

    tintendi tagħmel jew tagħmel qsim tal-fruntiera li jkun soġġett għall-kontrolli tal-fruntiera u ma ssegwix dawk ir-rotot provduti għall-qsim tal-fruntiera jew

    5.

    minkejja tfakkira, tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni dwar jekk hija tkunx għamlet jew intendiet li tagħmel qsim tal-fruntiera jew tipprovdi din l-informazzjoni b'mod mhux veritjer jew

    6.

    minkejja talba sabiex tadempixxi, tonqos milli tikkonforma ma' arranġament skond § 11(2)(3) u għalhekk tkun responsabbli għal tfixkil fil-kontrolli tal-fruntiera jew għal dewmien għal mod ta' trasport li jopera skond l-iskeda tal-ħin,

    kemm-il darba l-att ma jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' reat kriminali li jaqa' fil-kompetenza tal-qrati jew ikun soġġett taħt speċifikazzjoni legali differenti għall-penali ta' l-istess severità jew severità akbar, tkun ħatja ta' reat amministrattiv u tkun soġġetta għal sanzjoni mill-awtoritajiet amministrattivi reġjonali jew, fl-isfera lokali ta' l-influwenza ta' awtorità tal-pulizija federali, għal piena fil-forma ta' multa sa EUR 2 180 jew għal terminu ta' priġunerija sa sitt ġimgħat. Minbarra l-każi fil-5 u s-6, l-intenzjoni hija soġġetta għal sanzjoni.

    (2)   (1) (5) ma japplikawx jekk il-parti soġġetta għall-obbligu sabiex tipprovdi informazzjoni tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni jew tipprovdi din l-informazzjoni b'mod inveritjer peress li altrimenti hija tinkrimina lilha nnifisha fir-rigward ta' reat punibbli.

    IL-POLONJA

    Fil-Polonja dawn il-penali huma introdotti u speċifikati fl-Artikolu 264 tal-Kodiċi Penali tal-Polonja. Dawn huma penali li jikkonċernaw persuni li jkunu qasmu b'mod illegali l-fruntiera tal-Polonja.

    Dawn il-persuni jistgħu jiġu puniti bi tliet modi differenti: multa, restrizzjoni tal-libertà jew priġunerija sa sentejn.

    Jekk persuna taqsam b'mod illegali l-fruntiera tal-Polonja bl-użu ta' vjolenza, theddid, tqarriq jew b'kooperazzjoni ma' persuni oħra, din tkun soġġetta għal piena ta' priġunerija sa tliet snin.

    Jekk persuna torganizza qsim illegali tal-fruntiera, din tkun soġġetta għal piena minn sitt xhur sa tmien snin.

    IL-PORTUGALL

    L-Artikolu 9 tal-Liġi-Digriet 244/98 tat-8 ta' Awwissu 1998 li jistipula li “Kull min jidħol fit-territorju Portugiż jew joħroġ minnu għandu jagħmel dan bl-użu tal-punti tal-qsim tal-fruntiera maħsuba għal dan l-iskop u matul il-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment ħieles ta' persuni pprovduti fil-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta' Schengen”.

    L-Artikolu 136(1) ta' l-istess Liġi-Digriet jistipula li “id-dħul ta' frustieri fit-territorju Portugiż bi ksur ta' l-Artikolu 9 huwa meqjus kontra l-liġi”.

    L-Artikolu 148 (2) jistipula li “in-nuqqas ta' konformità ma' l-Artikolu 9 huwa punibbli b'multa minn EUR 200 sa EUR 400”.

    IR-RUMANIJA

    L-Art. 70, al.1 tal-GEO Nru 105/2001 dwar il-fruntiera ta' l-Istat tar-Rumanija jistipula li:

    “Id-dħul fil-pajjiż u l-ħruġ minnu permezz ta' qsim illegali tal-fruntiera jirrappreżenta reat punibbli bi priġunerija minn 3 xhur sa sentejn.

    Fejn l-att imsemmi hawn fuq jitwettaq bil-għan ta' ħarba minn korrezzjoni, l-att ikun punibbli bi priġunerija minn 6 xhur sa 3 snin. It-tentattiv li jitwettqu r-reati previsti huwa punibbli wkoll.”

    IS-SLOVENJA

    Id-dħul fir-Repubblika tas-Slovenja huwa meqjus illegali jekk il-frustieri:

    jidħlu fil-pajjiż minkejja li d-dħul tagħhom ikun ġie rifjutat;

    jevadu l-kontroll tal-fruntiera;

    jużaw dokument tas-safar jew dokument ieħor meħtieġ għad-dħul li jkun falsifikat jew b'xi mod ieħor modifikat, jew jekk jagħtu informazzjoni falza lill-korpi tal-kontroll tal-fruntiera (l-Article 11 Ztuj).

    Multa ta' bejn SIT 20 000 u 100 000 (EUR 83,46 u 417,29) tiġi imposta fuq frustieri li jagħmlu reat billi jidħlu b'mod illegali fir-Repubblika tas-Slovenja (l-Artikolu 98 Ztuj).

    Multa b'minimu ta' SIT 100 000 (EUR 417,29) tiġi imposta fuq persuni naturali li jagħmlu reat billi jaqsmu il-fruntiera ta' l-Istat f'post li ma jkunx punt tal-qsim tal-fruntiera jew b'mod kuntrarju għall-użu maħsub tal-punt tal-qsim tal-fruntiera, barra mill-ħinijiet operattivi jew miż-żona tal-punt tal-qsim tal-fruntiera (l-Artikolu 43(1), it-tielet inċiż, l-Att dwar il-Kontroll tal-Fruntiera ta' l-Istat, Ur. l. RS No 20/2004).

    L-għajnuna lil frustieri fid-dħul, tranżitu jew residenza mhux awtorizzat

    Persuni li jgħinu lil frustier jew jagħmluha possibbli li frustier jidħol, jirrisjedi jew jgħaddi mit-territorju tar-Repubblika tas-Slovenja ma jistgħux jaġixxu b'mod kuntrarju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Att li jistipulaw il-kundizzjonijiet tad-dħul, ir-residenza jew it-tranżitu ta' frustieri mit-territorju tar-Repubblika tas-Slovenja (l-Artikoli 13a sa 13b Ztuj).

    Persuni li jgħinu lil frustieri jew jagħmulha possibbli li frustieri jidħlu, jgħaddu jew jirrisjedu fit-territorju tar-Repubblika tas-Slovenja b'mod kuntrarju għall-paragrafu preċedenti, jew li jippruvaw jagħmlu dan, ikunu soġġetti għal multa ta' bejn SIT 100 000 u 240 000 (EUR 417,20 u 1 001,5).

    Entitajiet ġuridiċi li jagħmlu ksur kif speċifikat hawn fuq ikunu soġġetti għal multa bejn SIT 500 000 u 1 000 000 (EUR 2 086,46 u EUR 4 172,93) u l-persuna responsabbli ta' l-entità ġuridika għal multa bejn SIT 150 000 u 300 000 (EUR 625,94 u 1 251,88).

    IS-SLOVAKKJA

    Skond l-Artikolu 76 ta' l-Att Nru 48/2002 Coll. dwar il-waqfien ta' frustieri, il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera ta' l-Istat huwa meqjus bħala ksur li għalih tista' tiġi imposta multa sa SKK 50 000 (l-Artikolu 76(2)). Kull frustier li jkun daħal fit-territorju tar-Repubblika Slovakka mingħajr awtorizzazzjoni jiġi espult b'mod amministrattiv minn dipartiment tal-pulizija u jiġi rifjutat dħul mill-ġdid għal perjodu sa ħames snin, b'minimu ta' sena (l-Artikolu 57(1) ta' l-Att dwar il-waqfien ta' frustieri).

    L-Att Nru 300/2005 Coll. (“Kodiċi Kriminali”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2006; l-Artikolu 354 ta' dan l-Att (qsim vjolenti tal-fruntieri ta' l-Istat) jistipula li “Kull min jaqsam il-fruntiera ta' l-Istat bi vjolenza jew theddida ta' vjolenza immedjata għandu jiġi punit b'terminu ta' priġunerija ta' bejn tliet snin u tmien snin.”

    L-Artikolu 357 tal-Kodiċi Kriminali jistipula li “Kull min jidħol fit-territorju tar-Repubblika Slovakka b'mezz tat-trasport ta' l-ajru bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-titjiriet internazzjonali għandu jiġi punit b'terminu ta' priġunerija ta' bejn sitt xhur u tliet snin.”

    L-Artikolu 355 tal-Kodiċi Kriminali jipprovdi għal piena li għandha tiġi imposta fuq persuni li jagħmlu r-reat tat-traffikar tal-persuni:

    Kull min jorganizza qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera ta' l-Istat ikun punit bi terminu ta' priġunerija ta' bejn sena u ħames snin (l-Artikolu 355(1));

    Kull min jorganizza qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera ta' l-istat bil-ħsieb li jikseb gwadann finanazjarju jew gwadann materjali ieħor jew kull min jipproduċi, jipprokura, jipprovdi jew ikollu dokument falz tas-safar jew dokument falz ta' l-identità għall-finijiet tal-qsim mhux awtorizzat tal- fruntiera ta' l-Istat ikun punit b'terminu ta' priġunerija ta' bejn tliet snin u tmien snin (l-Artikolu 355(2));

    L-atti li għalihom il-piena imposta fir-rigward ta' l-atti ta' hawn fuq tista' tiġi miżjuda (sa għoxrin sena priġunerija) huma msemmija fl-Artikoli 355(3)-(5).

    IL-FINLANDJA

    Il-Kodiċi Penali tal-Finlandja (39/1889) u l-emendi tiegħu l-Artikolu 7 Reat tal-Fruntiera (563/1998) jispeċifika:

    (1)   Persuna li:

    (1)

    taqsam il-fruntiera tal-Finlandja mingħajr passaport jew dokument tas-safar ieħor validu, jew altrimenti minn post li ma jkunx punt tat-tluq skond il-liġi jew għal post li ma jkunx punt tal-wasla skond il-liġi, jew b'mod kuntrarju għal projbizzjoni statutorja, jew tipprova tagħmel dan,

    (2)

    altrimenti tikser id-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntiera, jew

    (3)

    mingħajr permess għall-waqfien, tgħaddi jew altrimenti tagħmel miżuri projbiti fiż-żona tal-fruntiera, kif imsemmi fl-Att taż-Żona tal-Fruntiera (403/1947)

    tingħata sentenza għal reat tal-fruntiera ta' multa jew priġunerija sa massimu ta' sena.

    (2)   Frustier li jiġi rifjutat id-dħul jew li jiġi deportat bħala riżultat ta' l-att imsemmi fis-subartikolu 1 jew frustier li jfittex l-ażil jew japplika għal permess tar-residenza bħala refuġjat fil-Finlandja ma jingħatax sentenza għal reat tal-fruntiera. Frustier li jagħmel l-att imsemmi fis-subartikolu 1 minħabba il-fatt li huwa jkun ġie soġġett/hija tkun ġiet soġġetta għat-traffikar tal-bnedmin imsemmi fil-kapitolu 25(3) jew 25(3a) għandu wkoll ma jingħatax sentenza għal reat tal-fruntiera. (650/2004).

    L-Artikolu 7a – Reat kontravvenzjonali tal-Fruntiera (756/2000)

    (1)   Jekk ir-reat tal-fruntiera, minħabba ż-żmien qasir tal-waqfien jew tal-moviment mhux awtorizzat, in-natura ta' l-att projbit, jew iċ-ċirkostanzi l-oħra tar-reat, ikun wieħed żgħir meta evalwat b'mod globali, min jagħmel ir-reat jingħata sentenza għal reat kontravvenzjonali tal-fruntiera ta' multa.

    (2)   Id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 7(2) japplikaw għall-atti msemmija fil-paragrafu (1).

    L-IŻVEZJA

    Il-pieni huma definiti fil-Kaptilou 20, § 4 ta' l-Att dwar il-Frustieri.

    § 4. Frustier li bil-ħsieb jaqsam fruntiera esterna skond it-tifsira tal-Ftehim ta' Schengen b'mod illeċitu jkun soġġett għal multa jew sentenza ta' piena kustodjali li ma tkunx aktar minn sena.

    L-IŻLANDA

    Dispożizzjoni penali ġenerali hija stipulata fl-Artikolu 57 ta' l-Att dwar il-Frustieri Nru 96/2002.

    Skond il-Paragrafu numru 1 għandhom jiġu ordnati multi jew priġunerija sa sitt xhur jekk inter alia persuna tikser, bil-ħsieb jew b'mod negliġenti, id-dispożizzjonijiet ta' l-Att, jew kwalunkwe regoli, projbizzjoni, ordni jew kundizzjoni stipulati skond l-Att. Il-pieni għall-qsim mhux awtorizzat ta' fruntieri esterni f'postijiet li mhumiex punti ta' qsim tal-fruntiera jew f'ħinijiet li mhumiex il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti għandhom ikunu bbażati fuq din id-dispożizzjoni. Dawn il-pieni, kif ukoll oħrajn, għandhom ikunu effettivi u disważivi kif ukoll proporzjonali.

    IN-NORVEĠJA

    Fin-Norveġja din il-kwistjoni hija rregolata permezz ta' l-Att dwar l-Immigrazzjoni (l-Att fir-rigward tad-dħul ta' ċittadini barranin fir-Renju tan-Norveġja u l-preżenza fis-Saltna ta' l-24 ta' Ġunju 1988 Nru 64) l-Artikolu 47, l-ewwel paragrafu a), cf. l-Artikolu 23 it-tieni paragrafu, l-Att dwar il-Fruntieri (l-Att dwar diversi miżuri għall-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-fruntieri ta' l-14 ta' Lulju 1950 Nru 2) l-Artikolu 4, cf. l-Artikolu 4 l-ewwel paragrafu nru 3, cf. ir-Regolament tas-7 ta' Novembru 1950 Nru 4 Artikolu 4, c).

    Fir-rigward tal-Pieni, l-ewwel paragrafu ta l-Artikolu 47 ta' l-Att dwar l-Immigrazzjoni tal-Pieni jiddikjara:

    “Kwalunkwe persuna ser tkun suġġetta għal multi jew impriġunerija għal perjodu li ma jaqbiżx is-6 xhur, jew għaż-żewġ pieni, jekk

    a)

    dolożament jew bi traskuraġni jikser l-Att preżenti, jew ir-regolamenti, il-projbizzjonijiet, l-ordnijiet jew il-kundizzjonijiet li joħorġu minn dan l-Att (...)”.

    It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 23 ta' l-Att dwar l-Immigrazzjoni fir-rigward tal-Qsim tal-Fruntieri u l-kontroll tal-fruntieri jgħid hekk:

    “Id-dħul u l-ħruġ għandu jseħħ fil-punti tal-qsim tal-fruntieri approvati sakemm mhux previst mod ieħor (...)”.

    Pieni skond l-Att dwar il-Fruntieri

    L-Artikolu 4 ta' l-Att dwar il-Fruntieri tirregola l-pieni. Huwa ddikjarat li:

    “Kwalunkwe persuna li dolożament jew bi traskuraġni tikser jew tikkoopera fil-ksur tad-dispożizzjonijiet li joħorġu minn dan l-Att hija suġġetta għal multi jew impriġunerija għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur sakemm ma tkunx applikabbli dispożizzjoni oħra aktar severa. Attentat jingħata l-istess piena bħal fil-każ ta' reat imwettaq.

    Fil-każ ta' ksur imtenni jew meta hemm diversi atti kif imsemmi fl-ewwel paragrafu jew f'ċirkostanzi aggravanti l-piena tkun tikkonsisti f'multi jew impriġunerija għal perjodu li ma jaqbiżx is-sena”.

    L-ewwel paragrafu Nru 3 ta' l-Artikolu 3 ta' l-Att dwar il-Fruntieri jiddikjara li:

    “Fir-rigward tal-fruntiera kollha jew parti, ir-re jista' joħroġ dispożizzjonijiet jew projbizzjonijiet kontra:

    (…)

    3.

    Il-qsim tal-fruntiera fuq l-art, bil-baħar jew bl-ajru mingħajr il-permess ta' l-awtorità rilevanti (...)”

    L-Artikolu 4 c) tar-Riżoluzzjoni dwar il-kwistjonijiet diversi fir-rigward tal-fruntiera tas-7 ta' Novembru 1950 Nru 4, maħruġa skond l-Att imsemmi aktar 'il fuq jiddikjara:

    “Fuq jew ħdejn il-fruntiera bejn in-Norveġja u l-Unjoni Sovjetika (ir-Russja) m'huwiex permess li:

    (…)

    b)

    tinqasam il-fruntiera fuq l-art, bil-baħar jew bl-ajru mingħajr il-permess tal-Kummissarju dwar il-Fruntiera Norveġiż għall-Fruntiera bejn in-Norveġja u l-Unjoni Sovjetika (ir-Russja) (...)”


    Top