EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/144/08

SEJĦA GĦALL-PROPOSTI (No VIII-2008/01) — Konċessjonijiet lill-Partiti Politiċi f'Livell Ewropew

ĠU C 144, 29.6.2007, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 144/22


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI (No VIII-2008/01)

Konċessjonijiet lill-Partiti Politiċi f'Livell Ewropew

(2007/C 144/08)

1.   GĦANIJIET

1.1   Sfond

L-Artikolu 191 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jistqarr li l-partiti politiċi f'livell Ewropew huma fattur importanti għall-integrazzjoni fl-Unjoni. Jagħtu kontribut sabiex tinħoloq kuxjenza u jesprimu r-rieda politika taċ-ċittadini ta' l-Unjoni. F'dan il-kuntest, ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' (1) jistipula r-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom. Ir-Regolament jipprovdi, partikolarment, għal konċessjoni annwali mill-Parlament Ewropew, taħt forma ta' sussidju fuq l-operat, lill-partiti politiċi li japplikaw u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament.

1.2   Għan tas-sejħa għall-proposti

Skond l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2004 li tistipula l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 (2), 'Il-Parlament Ewropew għandu jippubblika kull sena, qabel tmiem l-ewwel nofs tas-sena, sejħa għall-proposti bil-għan li jqassam konċessjonijiet li jiffinanzjaw lill-partiti politiċi f'livell Ewropew.' Is-sejħa għall-proposti tikkonċerna l-applikazzjonijiet għall-konċessjonijiet għas-sena finanzjarja 2008 li tkopri l-perijodu ta' attività mill-1.1.2008 sal-31.12.2008.

2.   KRITERJI U DOKUMENTI TA' APPOĠĠ

2.1.   Ammisibiltà

L-applikazzjonijiet mhux se jkunu ammissibbli jekk ma jiġux sottomessi bil-miktub fuq il-formola ta' l-applikazzjoni għall-konċessjonijiet li tinsab fl-Anness 1 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2004 imsemmija hawn fuq, u ma jingħatawx lill-President tal-Parlament Ewropew sad-data ta' l-għeluq u ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għas-sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet stipulati hawn taħt.

2.2.   Kriterji ta' l-eliġibiltà

Sabiex ikun eliġibbli għal konċessjoni, partit politiku f'livell Ewropew għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003, jiġifieri:

(a)

għandu jkollu personalità legali fl-Istat Membru li fih hemm allokat is-sede tiegħu;

(b)

għandu jkun rappreżentat, f'ta' l-anqas kwart mill-Istati, minn Membri tal-Parlament Ewropew jew fil-Parlamenti nazzjonali jew Parlamenti reġjonali jew fl-assembleji reġjonali, jew li jkun ingħata, f'ta' l-anqas f'kwart ta' l-Istati Membri, ta' l-inqas tlieta fil-mija tal-voti mitfugħa f'kull wieħed minn dawk l-Istati Membri fl-iktar elezzjonijiet riċenti tal-Parlament Ewropew;

(c)

għandu josserva, partikolarment fil-programm tiegħu u fl-attivitajiet tiegħu, il-prinċipji li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fondamentali, u l-istat ta'dritt;

(d)

għandu jkun ipparteċipa f'elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jew esprima l-intenzjoni li jipparteċipa fihom.

2.3   Kriterji ta' l-esklużjoni

L-applikanti għandhom jiċċertifikaw ukoll li huma ma jinsabux f'xi waħda miċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3).

2.4.   Kriterji ta' l-għażla

L-applikanti għandhom jipprovdu evidenza li għandhom il-vijabiltà legali u finanzjarja meħtieġa sabiex iwettqu l-programm ta' attivitajiet stipulat fl-applikazzjoni għall-finanzjament u li għandhom il-kapaċità teknika u ta' l-immaniġġjar meħtieġa sabiex iwettqu b'suċċess il-programm ta' attivitajiet li għalih huma qed japplikaw għall-konċessjoni.

2.5   Kriterji ta' l-għoti

Skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003, l-approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja 2008 għandhom jitqassmu kif ġej bejn il-partiti politiċi f'livell Ewropew li kisbu deċiżjoni pożittiva dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-finanzjament skond il-kriterji ta' ammisibiltà, eliġibiltà, u l-kriterji ta' l-esklużjoni u ta' l-għażla:

(a)

15 % se jitqassmu f'ishma ndaqs;

(b)

85 % se jitqassmu bejn dawk li għandhom membri eletti fil-Parlament Ewropew, proporzjonalment man-numru ta' membri eletti.

2.6   Dokumenti ta' appoġġ

Għall-iskop ta' evalwazzjoni tal-kriterji ta' hawn fuq, l-applikanti għandhom jipprovdu d-dokumenti ta' appoġġ li ġejjin:

(a)

L-ittra oriġinali

(b)

Il-formola ta' applikazzjoni fl-Anness 1 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2004 mimlija u ffirmata kif meħtieġ (inkluża d-dikjarazzjoni solenni bil-miktub)

(c)

L-istatuti tal-partit politiku

(d)

Iċ-ċertifikat uffiċjali ta' reġistrazzjoni

(e)

Evidenza riċenti ta' l-eżistenza ta' partit politiku

(f)

Lista ta' diretturi/membri tal-Bord Maniġerjali (l-ismijiet u l-kunjomijiet, it-titli jew il-karigi fi ħdan il-partit li qed japplika)

(g)

Dokumenti li jiċċertifikaw li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 3 (b), (c) u (d) u 10(1)(b) (4) tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 (jew dikjarazzjoni li ma kien hemm l-ebda tibdil fid-dokumenti li diġà ġew ippreżentati)

(h)

Il-programm tal-partit politiku

(i)

Dikjarazzjoni finanzjarja komprensiva għall-2006 iċċertifikata minn korp tal-verifika estern (5)

(j)

Baġit provviżorju għall-operat matul il-perijodu kkonċernat (1.1.2008 sa 31.12.2008) li jindika n-nefqa eliġibbli għall-finanzjament mill-baġit Komunitarju.

3.   FINANZJAMENT KOMUNITARJU

It-total ta' l-istima tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008 huwa ta' 10 645 000 EUR, li huwa suġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità tal-baġit.

L-ammont massimu li jitħallas lill-benefiċjarji mill-Parlament Ewropew m'għandux jaqbeż il-75 % ta' l-ispejjeż marbuta ma' l-operat tal-partiti politiċi f'livell Ewropew li huma eliġibbli. Il-partit politiku kkonċernat għandu r-responsabiltà li jipprovdi evidenza.

Il-finanzjament Komunitarju se jieħu l-għamla ta' konċessjoni għall-operat kif jipprovdu r-Regolament Finanzjarju u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6)). L-arranġamenti għall-ħlas tal-konċessjonijiet u l-obbligi li jirregolaw l-użu tagħhom se jiġu stipulati fi ftehim ta' għoti ta' konċessjoni — kampjun ta' dan il-ftehim jinsab fl-Anness 2 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2004.

4.   PROĊEDURA

4.1   Data ta' l-għeluq u s-sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet

Id-data ta' l-għeluq għas-sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet hija l-14.11.2007. L-applikazzjonijiet imressqa wara dik id-data mhux se jiġu kkunsidrati.

L-applikzzjonijiet għandhom:

isiru permezz tal-formola ta' l-applikazzjoni għall-konċessjoni;

jiġu ffirmati, mingħajr ma l-applikant jonqos milli jagħmel dan, minnu stess jew minn aġent awtorizzat b'mod korrett;

jiġu sottomessi f'żewġ envelops li t-tnejn iridu jkunu ssiġillati. Barra l-indirizz tad-dipartiment reċipjent kif mogħti fuq is-sejħa għall-proposti, fuq l-envelop ta' ġewwa għandu jitniżżel dan li ġej:

“Call for proposals — 2008 grants to political parties at European level

NOT TO BE OPENED BY THE MAIL SERVICE

OR BY ANY OTHER UNAUTHORISED PERSON”

Jekk jintużaw envelops li jeħlu minnhom infushom, dawn għandhom jiġu ssiġillati bit-tejp li jwaħħal bil-firma ta' min qed jibgħat imwaħħla fuqu. Il-firma ta' min qed jibgħat għandha tinkludi mhux biss il-firma bil-miktub tiegħu, iżda wkoll it-timbru ta' l-organizzazzjoni tiegħu;

jitressqu mhux iktar tard mid-data ta' l-għeluq stipulata fis-sejħa għall-proposti jew bil-posta rreġistrata, kif muri bit-timbru tal-posta jew bis-servizz tal-kurjer skond id-data fuq l-irċevuta tad-depożitu,

L-envelop ta' barra għandu jkun indirizzat lil:

EUROPEAN PARLIAMENT

Mail Service

KAD 00D008

L-2929 Luxembourg

Dan l-envelop għandu jkun fih ukoll l-indirizz ta' min qed jibgħat.

L-envelop ta' ġewwa għandu jkun indirizzat lil:

President of the European Parliament

via Mr Vanhaeren, Director-General of Finance

SCH 05B031

L-2929 Luxembourg

4.2   Skeda għall-implimentazzjoni tal-programm ta' attivitajiet

Il-perijodu eliġibbli għall-kofinanzjament tan-nefqa marbuta ma' l-operat tal-partiti politiċi f'livell Ewropew fl-2008 jibda mill-1.1.2008 sal-31.12.2008.

4.3   Proċedura ta' l-għoti u skeda

Il-proċedura u l-iskeda li ġejjin se japplikaw għall-għoti ta' konċessjonijiet lill-partiti politiċi f'livell Ewropew:

(a)

Il-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni lill-Parlament Ewropew (mhux iktar tard mill-14.11.2007)

(b)

Kunsiderazzjoni u għażla mid-dipartimenti tal-Parlament Ewropew. L-applikazzjonijiet li jitqiesu ammissibbli biss se jiġu eżaminati a bażi tal-kriterji ta' l-eliġibiltà, ta' l-esklużjoni u ta' l-għażla stipulati fis-sejħa għall-proposti.

(c)

L-adozzjoni tad-deċiżjoni finali mill-Bureau tal-Parlament Ewropew (qabel 15.2.2008) u n-notifika ta' l-applikanti.

(d)

Firma tal-ftehim ta' għoti ta' konċessjoni (fi żmien 30 ġurnata mid-deċiżjoni tal-Bureau)

(e)

Ħlas bil-quddiem ta' 80 % (fi żmien 15-il ġurnata mill-iffirmar tal-ftehim).

4.4   Iktar informazzjoni

It-testi li ġejjin huma disponibbli fis-sit ta' l-Internet tal-Parlament Ewropew fl-indirizz li ġej:

http://www.europarl.europa.eu/tenders/invitations.htm:

(a)

Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom.

(b)

Id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2004 li tistipula proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom.

(c)

Il-formola ta' l-applikazzjoni għall-konċessjoni;

(d)

Ftehim dwar il-kampjun.

Kwalunkwe mistoqsijiet relatati ma' din is-sejħa għall-proposti li għandha l-għan li tagħti konċessjonijiet għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika,u għandha tiġi kkwotata r-referenza tal-pubblikazzjoni, fl-indirizz li ġej:

Helmut.Betz@europarl.europa.eu


(1)  ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1.

(2)  ĠU C 155, 12.06.2004, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mill-Bureau fl-1 ta' Frar 2006 (ĠU C 150, 28.06.2006, p. 9).

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

(4)  Inklużi l-listi tal-persuni eletti msemmija fl-Artikoli 3(b), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 10(1)(b).

(5)  Sakemm il-partit politiku f'livell Ewropew ma jkunx ġie stabbilit matul is-sena kurrenti.

(6)  ĠU L 357, 31.12.2002, p.1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 (ĠU L 111, 28.4.2007, p. 13).


Top