Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018TJ0758

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (l-Għaxar Awla Estiża) tal-20 ta’ Jannar 2021.
ABLV Bank AS vs Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Iffissar tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2015 u għall-2018 – Ċaħda tat-talba għal kalkolu ġdid u għal rimbors tal-kontribuzzjonijiet – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Istituzzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata – Artikolu 70(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Kunċett ta’ “bidla fl-istatus” – Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63.
Kawża T-758/18.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2021:28

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

20 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Iffissar tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2015 u għall-2018 – Ċaħda tat-talba għal kalkolu ġdid u għal rimbors tal-kontribuzzjonijiet – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Istituzzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata – Artikolu 70(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Kunċett ta’ “bidla fl-istatus” – Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63”

Fil-Kawża T‑758/18,

ABLV Bank AS, stabbilita f’Riga (il-Latvja), irrappreżentata minn O. Behrends, avukat,

rikorrenti

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. Kerlin u P. Messina, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring, S. Schelo, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, A. Nijenhuis u A. Steiblytė, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-ittra tas-SRB tas-17 ta’ Ottubru 2018 li permezz tagħha dan ċaħad it-talba tar-rikorrenti intiża, minn naħa, sabiex il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2018 tiġi kkalkolata mill-ġdid u sabiex jingħatalha rimbors tal-ħlas żejjed imwettaq minnha u, min-naħa l-oħra, sabiex jingħatalha rimbors ta’ parti mill-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2015 wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, A. Kornezov, E. Buttigieg, K. Kowalik‑Bańczyk u G. Hesse (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, ABLV Bank AS, kienet istituzzjoni ta’ kreditu Latvjana awtorizzata sal-11 ta’ Lulju 2018, data li fiha l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (ara l-punt 11 iktar ’il quddiem). Sa din id-data, hija kienet “entità sinjifikattiva” u, għalhekk, kienet suġġetta għas-superviżjoni tal-BĊE fil-kuntest tal-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU).

2

Skont l-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/[U]E, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), ir-Repubblika tal-Latvja għandha tiżgura l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet kull sena mingħand l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tagħha.

3

F’Diċembru 2015, ir-rikorrenti għalhekk irċeviet avviż għall-ħlas mingħand il-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, il-Latvja), li kien jinformaha bl-ammont dovut bħala kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2015. Dan l-ammont kien ta’ EUR 1338 112.40.

4

Konformement mal-ftehim intergovernattiv dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF), iffirmat fi Brussell fil-21 ta’ Mejju 2014 (iktar ’il quddiem il-“FIG”), din il-kontribuzzjoni, imħallsa mir-rikorrenti, ġiet ittrasferita għas-SRF.

5

Fit-13 ta’ Frar 2018, il-United States Department of the Treasury (id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, l-Istati Uniti tal-Amerika), permezz tal-Financial Crimes Enforcement Network (FinCEN, in-Netwerk għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità Finanzjarja), ħabbar abbozz ta’ miżura intiża sabiex tindika lir-rikorrenti bħala istituzzjoni li tirrappreżenta riskju maġġuri fil-qasam tal-ħasil tal-flus, skont it-Taqsima 311 tal-Uniting and Strengthening America by Providing Appropriate Tools Required to Intercept and Obstruct Terrorism Act (USA PATRIOT Act) (il-Liġi li Tgħaqqad u Ssaħħaħ l-Amerika Billi Tipprovdi l-Istrumenti Xierqa Sabiex it-Terroriżmu Jiġi Interċettat u Mxekkel). Wara dan l-avviż, ir-rikorrenti ma baqgħetx f’pożizzjoni li twettaq pagamenti f’dollari Amerikani u ffaċċjat mewġa ta’ ġbid ta’ depożiti.

6

Barra minn hekk, il-BĊE inkariga lill-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital sabiex timponi moratorju sabiex jingħata żmien lir-rikorrenti tistabbilizza s-sitwazzjoni tagħha.

7

Fit-23 ta’ Frar 2018, il-BĊE kkonkluda li r-rikorrenti qiegħda tfalli jew x’aktarx li tfalli fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1). Fl-istess jum, fid-deċiżjoni tiegħu SRB/EES/2018/09 il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) qies li miżura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tar-rikorrenti ma kinitx neċessarja fl-interess pubbliku.

8

Fis-26 ta’ Frar 2018, l-azzjonisti tar-rikorrenti bdew proċedura li tippermetti lil din tal-aħħar tikkonkludi l-istralċ tagħha stess u ressqu quddiem il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital talba għall-approvazzjoni tal-pjan ta’ stralċ volontarju tagħha.

9

Permezz tad-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03 tat-12 ta’ April 2018 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2018, is-SRB approva l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2018.

10

Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ April 2018, il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital informat lir-rikorrenti li s-SRB kien adotta d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2018 u indikalha l-ammont li kellu jitħallas. L-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante dovuta mir-rikorrenti għall-2018 kien ta’ EUR 1850 285.83. Ir-rikorrenti ħallset dan l-ammont fit-3 ta’ Lulju 2018.

11

Fit-11 ta’ Lulju 2018, il-BĊE adotta deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti, wara proposta tal-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital.

12

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti talbet lis-SRB r-rimbors ta’ parti mill-kontribuzzjoni mħallsa għas-sena 2015, il-kalkolu ġdid tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha dovuta għas-sena 2018 u r-rimbors tas-somom imħallsa żejda bħala kontribuzzjonijiet ex ante.

13

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), is-SRB wieġeb lir-rikorrenti. F’din l-ittra, is-SRB l-ewwel nett ġabar fil-qosor it-talba tar-rikorrenti fir-rigward, minn naħa, tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2018 u, min-naħa l-oħra, tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2015. Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna l-kontribuzzjoni ex ante għall-2018, filwaqt li kkwota t-test tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38), is-SRB qies li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ regolamenti ma kienet tipprevedi l-kalkolu ġdid jew ir-rimbors mitluba mir-rikorrenti. Is-SRB indika li, kuntrarjament għal dak li kienet qed issostni r-rikorrenti fit-talba tagħha, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu mill-BĊE kien bidla fl-istatus fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Għaldaqstant, huwa qies li d-deċiżjoni tal-BĊE tal-11 ta’ Lulju 2018 li tikkonċerna lir-rikorrenti ma kellhiex effett fuq il-kontribuzzjoni annwali dovuta minn din tal-aħħar għas-sena 2018, u lanqas ma kienet tobbligaha tikkalkola mill-ġdid jew tirrimborsa parti mill-kontribuzzjoni inkwistjoni. Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2015, is-SRB ippreċiża li l-kontribuzzjonijiet miġbura mill-Istati Membri kienu ġew ittrasferiti lis-SRF skont l-Artikolu 3(3) tal-FIG. Huwa qies li l-entitajiet li kienu ħallsu kontribuzzjonijiet ex ante għall-2015 u li sussegwentement l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet ġiet irtirata ma kinux jibbenefikaw minn dritt għar-rimbors ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet ex ante, u lanqas ma’ kienu jibbenefikaw minn dritt għar-rimbors ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni ex ante oħra debitament imħallsa, konformement mal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi s-SRB ikkonkluda li ma kienx f’pożizzjoni li jikkalkola mill-ġdid il-kontribuzzjoni ex ante għall-2018 tar-rikorrenti, u lanqas li jirrimborsaha l-bilanċ tal-kontribuzzjoni ex ante mħallsa għall-2015 minħabba li l-awtorizzazzjoni tagħha kienet ġiet irtirata mill-BĊE.

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

15

Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2019, il-Kummissjoni Ewropea ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tas-SRB.

16

Peress li b’deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2019 il-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali ġiet emendata, il-President tal-Qorti Ġenerali attribwixxa l-kawża lil Imħallef Relatur ġdid, li jifforma parti mill-Għaxar Awla.

17

Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-11 ta’ Mejju 2020, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet kollha jirrispondu għal diversi domandi.

18

Permezz ta’ ittri tal-4 u tat-12 ta’ Ġunju 2020 rispettivament, il-Kummissjoni u s-SRB rrispondew għad-domandi magħmula.

19

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti ukoll irrispondiet għad-domanda li kienet saritilha mill-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-risposti tas-SRB u tal-Kummissjoni għat-tieni domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-11 ta’ Mejju 2020.

20

Fuq proposta tal-Għaxar Awla tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

21

It-trattazzjonijiet u r-risposti tal-partijiet għad-domandi li sarulhom mill-Qorti Ġeneralia nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Lulju 2020.

22

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

23

Is-SRB jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha u l-ispejjeż legali sostnuti minnu.

24

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà

25

Is-SRB jsostni, prinċipalment, li r-rikors huwa inammissibbli fl-intier tiegħu. Essenzjalment, l-ewwel nett huwa jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Is-SRB ma eżerċitax setgħa prevista legalment sabiex jiġu prodotti effetti ġuridiċi ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu s-sitwazzjoni legali tagħha. Id-deċiżjoni kkontestata hija ta’ natura informattiva. It-tieni nett, is-SRB afferma li kien jiddubita kemm ir-rikorrenti tissodisfa l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta. It-tielet nett, is-SRB iqis li r-rikorrenti ma tistax titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għall-perijodu ta’ qabel l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, jiġifieri dak mit-23 ta’ Frar sal-11 ta’ Lulju 2018, peress li t-talba tagħha tas-17 ta’ Settembru 2018 ma kinitx tagħmel riferiment għal dan il-perijodu.

26

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni negattiva li tiċħad it-talba tagħha b’mod inekwivoku. Hija tqis li hija direttament ikkonċernata minn din id-deċiżjoni inkwantu hija d-destinatarja tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrifjuta kull kalkolu ġdid jew rimbors eventwali. Għaldaqstant hija tqis li insostenn tar-rikors tagħha hija tista’ tinvoka kemm il-perijodu ta’ wara t-23 ta’ Frar 2018, li hija d-data tad-deċiżjoni tas-SRB li ma jadottax arranġament ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll dak ta’ wara l-11 ta’ Lulju 2018.

27

Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura kontestabbli tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jitqiesu li huma “atti li jistgħu jiġu kkontestati”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jipproduċu xi effetti legali vinkolanti (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Ir‑Rumanija vs Il-Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Ma jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, att ta’ natura purament informattiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Ottubru 2007, Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑457/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2007:582, punt 36).

29

Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti legali vinkolanti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tiegħu. Dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati skont kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dak l-att, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni awtriċi tiegħu (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni, C‑593/15 P u C‑594/15 P, EU:C:2017:800, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, fir-rigward tal-kontenut tal-att ikkontestat, għandu jitfakkar li, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2018 indirizzata lir-rikorrenti, is-SRB ċaħad it-talba ta’ din tal-aħħar intiża, minn naħa, sabiex il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2018 tiġi kkalkolata mill-ġdid u sabiex jirrimborsaha l-ħlas żejjed u, min-naħa l-oħra, sabiex jirrimborsaha parti mill-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2015, wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha mill-BĊE.

31

Id-deċiżjoni kkontestata tiddikjara b’mod ċar li s-SRB jqis li ma jinsabx f’pożizzjoni li jilqa’ t-talbiet għal kalkolu ġdid u għal rimbors imressqa mir-rikorrenti, u dan minħabba l-kontradizzjoni tagħhom mal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

32

Fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante, huwa indikat li “[l]-ebda dispożizzjoni [tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament ta’ Delega 2015/63] ma tipprevedi kalkolu ġdid jew rimbors f’dan ir-rigward”. Fir-rigward ta’ dik għall-2015, is-SRB jindika li “[l]-istituzzjonijiet li ħallsu kontribuzzjoni ex ante għall-2015 u li l-awtorizzazzjoni tagħhom ġiet irtirata sussegwentement ma jibbenefikawx minn dritt għar-rimbors ta’ din il-kontribuzzjoni jew ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni ex ante oħra debitament imħallsa” u li “[d]an jirriżulta mill-Artikolu 70(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014”. L-ittra tintemm b’dan il-mod: “Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-SRB ma jinsabx f’pożizzjoni li jikkalkola mill-ġdid il-kontribuzzjoni ex ante għall-2018 jew li jirrimborsa l-parti ‘rimanenti’ tal-kontribuzzjoni ex ante għall-2015 minħabba l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ ABLV Bank mill-BĊE […]”.

33

Għalhekk, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jindika n-natura deċiżiva u definittiva tagħha. Kuntrarjament għal dak li jsostni s-SRB, il-kontenut tagħha ma huwiex purament informattiv.

34

Fir-rigward tal-kuntest li fih ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, bħala istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata sal-11 ta’ Lulju 2018, stabbilita fi Stat Membru parteċipanti fl-Unjoni Bankarja, ir-rikorrenti kellha, konformement mad-Direttiva 2014/59 u r-Regolament Nru 806/2014, tikkontribwixxi għall-fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni stabbilit mir-Repubblika tal-Latvja, imbagħad għas-SRF, permezz ta’ kontribuzzjonijiet ex ante għas-snin 2015 sa 2018.

35

Fir-rigward tas-setgħat li għandu s-SRB, għandu jiġi rrilevat li dan huwa l-unika awtorità kompetenti f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni u, jekk ikun il-każ, il-kalkolu ġdid tagħhom skont ir-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari l-Artikolu 70(2) tiegħu, u r-Regolament ta’ Delega 2015/63 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punti 45 sa 47, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB, T‑365/16, EU:T:2019:824, punt 71). Is-SRB huwa wkoll responsabbli għall-ġestjoni tas-SRF, jiġifieri r-riżorsi li ġew ikkostitwiti permezz tal-kontribuzzjonijiet ex ante (Artikolu 67 tar-Regolament Nru 806/2014).

36

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, id-deċiżjoni kkontestata hija att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

37

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument dwar il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta, li s-SRB irrinunzja għalih waqt is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija d-destinatarja tal-att li tiegħu hija qiegħda titlob l-annullament. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet li għalihom l-ewwel parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikors huma ssodisfatti.

38

Fit-tielet lok, is-SRB isostni li ċerti siltiet tar-rikors, jiġifieri l-punti 5, 64 u 65 tar-rikors u l-Anness A.17, jistgħu jinftiehmu fis-sens li r-rikorrenti qiegħda tfittex li tirkupra ammonti li hija tattribwixxi għall-perijodu mit-23 ta’ Frar sal-11 ta’ Lulju 2018 inklużi. Is-SRB iqis li jekk, u sa fejn, ir-rikorrenti tfittex li tannulla d-deċiżjoni kkontestata għall-perijodu mit-23 ta’ Frar sal-11 ta’ Lulju 2018 inkluż, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

39

Meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ddikjarat li hija kienet qiegħda tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha u llimitat ruħha li titlob l-annullament tagħha. Hija ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, it-talba għal rimbors li tikkonċerna l-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2018 kienet tirrigwarda biss il-perijodu ta’ wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 5, 64 u 65 tar-rikors u l-Anness A.17 huma, l-iktar l-iktar, argumenti li r-rikorrenti invokat sabiex tistabbilixxi li d-deċiżjoni kkontestata kienet żbaljata, kif barra minn hekk sostniet din tal-aħħar waqt is-seduta. Kuntrarjament għal dak li seta’ jibża’ minnu s-SRB, dan ir-rikors għalhekk ma huwiex intiż għall-irkupru ta’ ammonti allegatament dovuti għall-perijodu mit-23 ta’ Frar sal-11 ta’ Lulju 2018 inklużi.

41

Għaldaqstant, ma hemmx lok li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SRB tintlaqa’.

42

Konsegwentement, dan ir-rikors huwa ammissibbli.

B. Fuq il-mertu

43

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi. Permezz tal-ewwel tliet motivi, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lis-SRB li ma ħax debitament inkunsiderazzjoni n-natura pro rata temporis tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Ir-raba’ u l-ħames motiv huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata, minn naħa, tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tmien motiv huwa bbażat fuq tal-massima nemo auditur propriam turpitudinem allegans. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-projbizzjoni ta’ aġir kontradittorju. L-għaxar motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-libertà ta’ intrapriża.

44

Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel ħames motivi jiġu analizzati flimkien. Il-motivi l-oħra ser jiġu analizzati separatament, bl-eċċezzjoni tal-motivi bbażati fuq il-ksur tal-massima nemo auditur propriam turpitudinem allegans u fuq il-ksur tal-projbizzjoni ta’ aġir kontradittorju, rispettivament, li ser jiġu ttrattati flimkien u fl-aħħar lok.

1.   Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi

45

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-motivi tar-rikors, is-SRB essenzjalment jillimita ruħu sabiex b’mod ġenerali jsostni li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex wisq ċara jew li hija sostnuta b’mod insuffiċjenti.

46

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi u li din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex il-konvenuta tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha, fejn possibbli, mingħajr informazzjoni oħra ta’ sostenn (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni, T‑194/13, EU:T:2017:144, punt 191).

47

Għandu jitfakkar ukoll li, sabiex rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jkun ammissibbli, huwa partikolarment neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ikunu jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor, b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni, T‑194/13, EU:T:2017:144, punt 192).

48

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 52 sa 56, 132, 140, 155 u 168 iktar ’il quddiem, l-argumentazzjoni żviluppata mir-rikorrenti fl-għaxar motivi li hija tqajjem tikkritika r-risposta mogħtija mis-SRB, fid-deċiżjoni kkontestata, għat-talbiet tagħha għal kalkolu ġdid u għal rimbors, minħabba li hija allegatament ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet applikabbli.

49

Issa, għandu jiġi kkonstatat, b’mod ġenerali u bla ħsara għal dak li ser jiġi indikat iktar ’il quddiem fil-punt 152 iktar ’il quddiem, li l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikorrenti tibbaża din l-argumentazzjoni għandhom jinftiehmu mill-qari tal-għaxar motivi tar-rikors. Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta, is-SRB kien f’pożizzjoni li jirrispondi għal din l-argumentazzjoni. Lanqas il-Qorti Ġenerali ma kellha diffikultà tidentifika l-argumentazzjoni tal-appellanti mill-qari tar-rikors.

50

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bla ħsara għal dak li se jiġi indikat fil-punt 152 iktar ’il quddiem, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti żviluppata fl-għaxar motivi tar-rikors hija ammissibbli fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

51

Fid-dawl tal-argumenti kollha mressqa mis-SRB intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motivi tar-rikorrenti bħala inammissibbli għandhom jiġu miċħuda.

2.   Fuq l-ewwel ħames motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-allegata natura pro rata temporis tal-kontribuzzjonijiet ex ante, tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63

52

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kontribuzzjonijiet ex ante jitħallsu pro rata temporis, inkwantu dawn jitħallsu bil-quddiem u għal ċerti perijodi speċifiċi li matulhom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jibbenefikaw mill-kopertura offruta mis-sistema ta’ riżoluzzjoni Ewropea. Qabelxejn, ir-rikorrenti tenfasizza li, peress li tilfet il-kundizzjoni tagħha ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, hija ma għadhiex tibbenefika minn din il-kopertura. L-eliminazzjoni tar-riskju li kienet tirrappreżenta r-rikorrenti u li kien kopert mis-SRF twassal għal tnaqqis proporzjonali tal-bżonnijiet ta’ finanzjament tas-SRF. Għaldaqstant ir-rikorrenti tqis li għandha dritt għal rimbors parzjali tal-kontribuzzjonijiet ex ante tagħha. Sussegwentement, fil-fehma tagħha, il-fatt li matul l-ewwel tmien snin ta’ eżistenza tas-SRF il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2015 għandhom jitnaqqsu mill-kontribuzzjonijiet annwali dovuti minn kull istituzzjoni ta’ kreditu huwa ta’ natura li juri n-natura pro rata temporis ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. Fl-aħħar nett, is-SRB stess allegatament jirrikonoxxi fid-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03 li l-kontribuzzjonijiet huma rimborsabbli, sa fejn huwa jafferma li, jekk it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tal-2015 iwassal għal ammont negattiv, l-ammont korrispondenti għandu jitħallas lill-istituzzjoni matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2018. Din id-deċiżjoni tirreferi wkoll għas-sitwazzjoni fejn istituzzjoni ta’ kreditu titlef l-awtorizzazzjoni tagħha wara amalgamazzjoni. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li, f’tali każ, is-somom imħallsa għas-SRF ma jintilfux, peress li t-tnaqqisijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad-19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1), għandhom jingħataw lill-entità li tirriżulta mill-amalgamazzjoni.

53

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB jinterpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet rċevuti debitament ma għandhomx jiġu rrimborsati. Hija tqis li l-espressjoni “rċevuti debitament” għandha tiġi interpretata fis-sens li kull ħlas għandu kawża u, konsegwentement, jista’ jiġi rrimborsat jekk il-kawża tispiċċa. It-talba tagħha għal rimbors hija, b’mod partikolari, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ arrikkiment indebitu. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 ma japplikax għall-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2015. Dawn il-kontribuzzjonijiet ma ġewx “rċevuti” skont ir-Regolament Nru 806/2014, iżda ġew rċevuti fil-kuntest tal-miżura ta’ traspożizzjoni nazzjonali tad-Direttiva 2014/59.

54

It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis li s-SRB jinterpreta l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 b’mod żbaljat. Hija ssostni li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“istatus ta’ istituzzjoni” iktar milli għall-“istatus bħala istituzzjoni”. L-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jippreżupponi li l-entità kkonċernata tibqa’ istituzzjoni. Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 japplika fl-ipoteżi fejn is-sitwazzjoni legali jew fattwali tal-istituzzjoni bankarja jista’ jkollha effett fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-kontribuzzjoni, iżda fejn il-bank jibqa’ inkluż fil-mekkaniżmu ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Dan ma huwiex il-każ tar-rikorrenti u għaldaqstant din id-dispożizzjoni ma tapplikax. Insostenn tal-argumentazzjoni tagħha r-rikorrenti tinvoka wkoll l-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) tal-14 ta’ Settembru 2017 dwar is-sistema finali ta’ kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2017, L 337, p. 6).

55

Ir-raba’ nett, fir-replika r-rikorrenti żżid li, f’ċerti ċirkustanzi, is-SRB jaċċetta li jitwettqu kalkoli ġodda u li jiġu rrimborsati xi kontribuzzjonijiet. F’dan ir-rigward hija ssostni li l-Artikolu 17(3) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jawtorizza l-kalkoli ġodda u r-rimborsi, u tinvoka wkoll l-Artikolu 17(4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

56

Il-ħames nett, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti ssostni li l-kawża preżenti hija differenti minn dik li wasslet għas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International (C‑255/18, EU:C:2019:967). Il-kawża preżenti tikkonċerna l-“eliminazzjoni reali” ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u tad-depożiti tagħha, filwaqt li l-kawża msemmija iktar ’il fuq tikkonċerna l-assorbiment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu Taljana minn istituzzjoni ta’ kreditu Ġermaniża. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, minn perspettiva Ewropea, l-amalgamazzjoni fil-kawża inkwistjoni ma kellha ebda effett fuq il-parteċipazzjoni tal-istituzzjoni kontributriċi għall-finanzjament tas-SRF. Għall-kuntrarju, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti waqfet tipparteċipa fil-finanzjament tas-SRF.

57

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni.

a)   Fuq il-kontribuzzjoni ex ante għall-2018

58

Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha mill-BĊE matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni, jiġifieri s-sena 2018, huwa fatt li jagħtiha dritt għal kalkolu ġdid pro rata temporis tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għal dan il-perijodu u, għaldaqstant, għar-rimbors ta’ parti mis-somom imħallsa bħala kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2018. Il-perijodu ta’ kontribuzzjoni għal dan il-kalkolu ġdid huwa dak mill-1 ta’ Jannar sal-11 ta’ Lulju 2018. L-ammont miġbur żejjed jammonta għal EUR 947 127.55.

59

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 806/2014, dan ir-regolament japplika għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti fl-Unjoni Bankarja, bħalma hija r-rikorrenti. Istituzzjoni ta’ kreditu hija impriża li n-negozju tagħha jikkonsisti li tirċievi depożiti jew fondi oħra ripagabbli mill-pubbliku u li tagħti krediti f’isimha stess, konformement mal-Artikolu 4(1)(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2). L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandu jkollhom awtorizzazzjoni sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom kif previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95).

60

Ir-Regolament Nru 806/2014 jimponi lil kull istituzzjoni awtorizzata, stabbilita fi Stat Membru parteċipanti, tikkontribwixxi għas-SRF permezz tal-kontribuzzjonijiet ex ante, tal-inqas darba fis-sena. Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni għandha tiġi kkalkolata pro rata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (minbarra l-fondi proprji) li minnu jitnaqqsu d-depożiti koperti fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha (Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014).

61

Barra minn hekk, mill-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, jirriżulta li l-ġbir annwali tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ġie stabbilit sabiex jiġi żgurat li, fi tmiem perijodu inizjali ta’ tmien snin mill-1 ta’ Jannar 2016, il-mezzi finanzjarji disponibbli tas-SRF jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha.

62

Sabiex dan l-għan jintlaħaq, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(1) sa (3) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jeżiġu li s-SRB jikkalkola l-kontribuzzjonijiet dovuti billi jagħmel riferiment għall-informazzjoni tal-kontabbiltà relatata mal-aħħar rapporti finanzjarji approvati u ċċertifikati disponibbli fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perijodu ta’ kontribuzzjoni, akkumpanjati mill-opinjoni sottomessa mill-awditur statutorju jew mill-kumpannija tal-awditjar.

63

Ir-rikorrenti ma tikkontestax li, fl-1 ta’ Jannar 2018, hija kienet istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata, stabbilita fi Stat Membru parteċipanti, u li, abbażi ta’ dan, hija kellha tikkontribwixxi għas-SRF. Hija ma ssostnix li, permezz tad-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03, is-SRB ikkalkola b’mod żbaljat l-ammont tal-kontribuzzjoni individwali tagħha għall-2018. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha mill-BĊE fil-11 ta’ Lulju 2018 eskludiha sa minn dak il-jum mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u li, konsegwentement, il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2018 kellha tkun is-suġġett ta’ kalkolu ġdid pro rata temporis.

64

Sabiex tingħata risposta għad-domandi ta’ interpretazzjoni mqajma fil-kuntest tar-rikors preżenti u sabiex tiġi ddeterminata l-portata eżatta tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti trid tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

1) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014

65

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014, għandu jitfakkar li dan huwa fformulat kif ġej:

“Il-kontribuzzjonijiet riċevuti debitament ta’ kull entità msemmija fl-Artikolu 2 [tal-imsemmi regolament, jiġifieri b’mod partikolari l-istituzzjonijiet ta’ kreditu bħar-rikorrenti] ma għandhomx jiġu rimborsati lil dawk l-entitajiet”.

66

L-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 tendenzjalment tikkonferma l-pożizzjoni tas-SRB fid-deċiżjoni kkontestata.

67

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 għaldaqstant tenfasizza n-natura mhux rimborsabbli tal-kontribuzzjonijiet ex ante rċevuti fil-forma korretta u xierqa. L-assenza ta’ rimbors hija dedotta mingħajr ebda dubju possibbli min-negazzjoni użata mil-leġiżlatur. It-termini użati huma ċari. Ma tissemmiex possibbiltà li l-kontribuzzjonijiet ex ante jiġu aġġustati abbażi ta’ kalkolu mensili meta istituzzjoni titlef l-awtorizzazzjoni tagħha matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni.

68

F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, il-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014, l-ewwel nett għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, kull sena s-SRB għandu jikkalkola l-kontribuzzjonijiet individwali sabiex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux it-12.5 % tal-livell fil-mira.

69

Għalhekk, minbarra l-livell fil-mira li għandu jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali, hemm limitu annwali tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet li jistgħu jinġabru mingħand l-istituzzjonijiet matul sena partikolari matul l-imsemmi perijodu inizjali. Għalhekk, kif jenfasizza ġustament is-SRB, l-għażla tas-sena kalendarja bħala perijodu ta’ kontribuzzjoni għall-kontribuzzjonijiet ex ante hija l-konsegwenza tar-rieda tal-leġiżlatur li jiżgura li l-piż impost fuq l-istituzzjonijiet matul il-perijodu inizjali jiġi allokat bl-iktar mod uniformi possibbli maż-żmien, konformement mal-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-kontribuzzjonijiet ex ante huma annwali ma jfissirx li dawn huma “relatati” ma’ sena partikolari bil-konsegwenza li aġġustament għandu neċessarjament isir meta istituzzjoni titlef l-awtorizzazzjoni tagħha matul is-sena.

70

Fit-tieni lok, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-kontribuzzjonijiet ex ante li jalimentaw is-SRF għandhom jinġabru mill-industrija finanzjarja qabel kwalunkwe operazzjoni ta’ riżoluzzjoni u indipendentement minnha (premessa 102 tar-Regolament Nru 806/2014). Min-naħa l-oħra, l-istrumenti ta’ riżoluzzjoni jistgħu japplikaw biss għall-entitajiet li qegħdin ifallu jew x’aktarx li jfallu u biss meta din tkun neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja fl-interess pubbliku (Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014; ara wkoll il-premessa 61 tal-imsemmi regolament). Fi kliem ieħor, anki jekk il-falliment ta’ istituzzjoni — li debitament ħallset il-kontribuzzjonijiet ex ante tagħha — iseħħ jew x’aktarx ser iseħħ, miżura ta’ riżoluzzjoni tista’ tiġi kkunsidrata biss jekk tkun neċessarja fl-interess pubbliku. Il-leġiżlazzjoni ma tistabbilixxi ebda rabta awtomatika bejn, minn naħa, il-ħlas tal-kontribuzzjoni ex ante u, min-naħa l-oħra, ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata. Kif isostni s-SRB, hija biss il-preżervazzjoni tal-interess pubbliku, u mhux l-interess individwali ta’ stabbiliment, li hija l-fattur deċiżiv għall-użu tas-SRF (ara wkoll l-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 806/2014). Il-kontribuzzjoni ex ante mħallsa minn istituzzjoni għal perijodu partikolari ma tagħtihiex lok għal dritt individwali sabiex is-SRF jintuża fil-każ li din l-istituzzjoni, matul l-imsemmi perijodu, tfalli jew tkun waslet biex tfalli.

71

Il-ħlas ta’ kontribuzzjoni minn istituzzjoni għas-SRF ma jiggarantixxi ebda korrispettiv, iżda huwa intiż sabiex, fl-interess pubbliku, jalimenta l-fondi tas-SRF sal-livell minimu previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni bil-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja Ewropea.

72

Fil-fatt, mir-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari mill-Artikoli 14, 18, 67(2) u 70 kif ukoll mill-premessi 19, 100, 102 u 104 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li r-riskju li jkopri s-SRF huwa dak li s-settur finanzjarju kollu joħloq fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u, konsegwentement, fuq il-baġits nazzjonali. Issa, hekk kif jirriżulta mill-premessa 100 tar-Regolament Nru 806/2014, il-leġiżlatur qies li huwa s-settur finanzjarju kollu kemm hu li għandu jiffinanzja l-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja. F’dan il-każ, huwa bħala attriċi tas-settur finanzjarju li, fl-1 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti ħallset il-kontribuzzjoni obbligatorja tagħha għas-SRF għas-sena 2018.

73

Din hija r-raġuni għaliex il-kontribuzzjonijiet ex ante ma jistgħux jitqiesu bħala primjums tal-assigurazzjoni li l-pagament mensili u r-rimbors tagħhom ikunu possibbli meta l-istituzzjoni li tkun ħallsithom titlef l-awtorizzazzjoni tagħha matul is-sena, kif issostni r-rikorrenti insostenn tal-argumentazzjoni tagħha. Għall-istess raġunijiet, l-argument li jgħid li l-istituzzjoni li ma tibqax teżisti matul is-sena ta’ kontribuzzjoni twassal għal tnaqqis tar-riskji li għandhom jiġu koperti u, għaldaqstant, għal tnaqqis fil-bżonnijiet ta’ finanzjament tas-SRF għandu jiġi miċħud.

74

F’dak li jikkonċerna, it-tielet nett, l-għan imfittex mir-Regolament Nru 806/2014 u mir-Regolament ta’ Delega 2015/63, għandu jitfakkar li l-ġbir annwali tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ġie stabbilit sabiex jiġi żgurat li, fi tmiem perijodu inizjali ta’ tmien snin mill-1 ta’ Jannar 2016, il-mezzi finanzjarji disponibbli tas-SRF jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha (ara l-punt 61 iktar ’il fuq).

75

Issa, kieku s-SRB kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tas-sitwazzjoni legali u finanzjarja tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni kkonċernat, ikun diffiċli għalih li jikkalkola b’mod affidabbli u stabbli l-kontribuzzjonijiet dovuti minn kull waħda minnhom u jsegwi l-għan li jikkonsisti f’li jintlaħaq, fi tmiem il-perijodu inizjali, tal-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju ta’ Stat Membru, sa fejn il-kalkolu l-ġdid tal-kontribuzzjonijiet ta’ istituzzjoni partikolari jiġi neċessarjament rifless fuq l-ammont dovut mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-oħra.

76

B’teħid inkunsiderazzjoni tal-mument u tal-għan tal-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, it-telf, minn istituzzjoni, tal-awtorizzazzjoni tagħha matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni ma jagħtihiex dritt għal kalkolu ġdid pro rata temporis tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għal dan il-perijodu u, għaldaqstant, għar-rimbors ta’ parti mill-kontribuzzjoni mħallsa għal dan il-perijodu. Bħala konklużjoni, is-SRB ma wettaqx żball ta’ liġi meta interpreta l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 fis-sens li ma kienx jippermettilu jikkalkola mill-ġdid pro rata temporis il-kontribuzzjoni ex ante għall-2018 tar-rikorrenti, u lanqas li jirrimborsaha l-allegat ħlas żejjed.

2) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63

77

F’dak li jikkonċerna l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, qabelxejn għandu jitfakkar il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni:

“1.   Meta istituzzjoni tkun istituzzjoni taħt superviżjoni ġdida għal parti biss minn perjodu kontributorju, il-kontribuzzjoni parzjali tiġi ddeterminata billi tiġi applikata l-metodoloġija stabbilita fit-Taqsima 3 għall-ammont tal-kontribuzzjoni annwali tagħha kalkulat matul il-perjodu kontributorju sussegwenti b’referenza għall-għadd ta’ xhur sħaħ mill-perjodu kontributorju li tulhom l-istituzzjoni tkun taħt superviżjoni.

2.   Bidla fl-istatus ta’ istituzzjoni, inkluża istituzzjoni żgħira, matul il-perjodu kontributorju ma jkollha l-ebda effett fuq il-kontribuzzjoni annwali li trid titħallas f’dik is-sena partikolari.”

78

Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB qies li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu mill-BĊE kien bidla fl-istatus fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-BĊE tal-11 ta’ Lulju 2018 li jirtira l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti ma għandhiex effett fuq l-ammont tal-kontribuzzjoni annwali dovuta minnha għas-sena 2018.

79

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“istatus ta’ istituzzjoni” u mhux għall-“istatus bħala istituzzjoni”. Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jippreżupponi li l-entità kkonċernata tibqa’ istituzzjoni ta’ kreditu u, għaldaqstant, ma japplikax għas-sitwazzjoni tagħha. Fir-risposta tagħha tat-12 ta’ Ġunju 2020 għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali r-rikorrenti ppreċiżat, u kkonfermat fis-seduta, li mhux biss l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma kienx japplika, iżda wkoll li l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament ma kienx rilevanti għall-kawża preżenti.

80

F’dan ir-rigward, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International (C‑255/18, EU:C:2019:967), fir-rigward tal-kunċett ta’ “bidla fl-istatus” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, dan kellu jitqies bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li kellu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C‑255/18, EU:C:2019:967, punt 33).

81

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kliem “bidla fl-istatus” seta’ jinkludi t-tipi kollha ta’ bidla fis-sitwazzjoni legali jew fattwali ta’ istituzzjoni li jista’ jkollha impatt fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem “inkluża istituzzjoni żgħira”, li jindikaw li l-bidla fid-daqs ta’ istituzzjoni, li hija rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet favur l-istituzzjonijiet żgħar, kienet tikkostitwixxi waħda biss mis-sitwazzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C‑255/18, EU:C:2019:967, punti 3536).

82

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 kien jirrigwarda, b’mod ġenerali, il-bidliet li jistgħu jaffettwaw istituzzjoni, filwaqt li l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament ta’ delega kien jikkjarifika l-metodu ta’ kalkolu li kien japplika, bħala eċċezzjoni, għal istituzzjoni li tqiegħdet taħt superviżjoni sa minn parti biss mill-perijodu ta’ kontribuzzjoni (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C‑255/18, EU:C:2019:967, punt 38). Għaldaqstant hija qieset li, inkwantu jistabbilixxi deroga mir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, l-Artikolu 12(1) tal-istess regolament ta’ delega għandu jiġi interpretat b’mod strett, b’mod li ma jippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn minn din l-ipoteżi waħda prevista b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C‑255/18, EU:C:2019:967, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li operazzjoni li kienet tikkostitwixxi bidla fl-istatus fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, ma kinitx tibbenefika mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni previst fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C‑255/18, EU:C:2019:967, punt 40).

83

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-ġbir annwali tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kien ġie stabbilit sabiex jiġi żgurat li, fi tmiem il-perijodu inizjali, il-livell fil-mira jkun intlaħaq. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, sabiex l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jikkalkolaw b’mod affidabbli l-kontribuzzjonijiet ex ante u għalhekk jilħqu l-għan imfittex mid-Direttiva 2014/59, mir-Regolament Nru 806/2014 u mir-Regolament ta’ Delega 2015/63, il-kunċett ta’ “bidla fl-istatus” previst fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmi regolament ta’ delega kellu jinftiehem b’mod estensiv (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C‑255/18, EU:C:2019:967, punt 44). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan il-kunċett kellu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-operazzjoni li permezz tagħha, matul is-sena, istituzzjoni tkun waqfet tkun taħt is-superviżjoni ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni wara amalgamazzjoni transkonfinali permezz ta’ akkwist mill-kumpannija omm tagħha u li, konsegwentement, din l-operazzjoni ma kellhiex effett fuq l-obbligu ta’ din l-istituzzjoni li tħallas il-kontribuzzjonijiet ex ante kollha dovuti għas-sena ta’ kontribuzzjoni inkwistjoni (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C‑255/18, EU:C:2019:967, punt 48).

84

Fil-kawża ineżami, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 80 sa 83 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu mill-BĊE għandu jitqies bħala bidla fl-istatus fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International (C‑255/18, EU:C:2019:967), li kieku awtorità ta’ riżoluzzjoni, bħas-SRB, kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-bidliet fis-sitwazzjoni legali u finanzjarja tal-istituzzjonijiet li seħħew matul is-sena finanzjarja kkonċernata, ikun diffiċli għaliha li tikkalkola b’mod affidabbli l-kontribuzzjonijiet ordinarji dovuti matul is-sena ta’ wara u, b’konsegwenza ta’ dan, li jintlaħaq l-għan previst mir-Regolament Nru 806/2014 li jikkonsisti f’li, fi tmiem il-perijodu inizjali, jintlaħaq tal-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati tal-Istati Membri parteċipanti (ara l-punti 60 u 62 iktar ’il fuq). Konsegwentement, il-kunċett ta’ “bidla fl-istatus” previst fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandu jinftiehem bħala li jinkludi l-waqfien tal-attività ta’ istituzzjoni, minħabba t-telf tal-awtorizzazzjoni tagħha matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni.

85

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li entità tieqaf teżerċita l-attivitajiet tagħha ta’ istituzzjoni ta’ kreditu matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni, minħabba l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, ma għandux effett fuq l-obbligu tagħha li tħallas il-kontribuzzjoni ex ante kollha dovuta għall-imsemmi perijodu ta’ kontribuzzjoni. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata s-SRB ma wettaqx żball f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lis-SRB li ma kkalkolax mill-ġdid pro rata temporis il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2018 u li ma ħallashiex lura l-allegat ħlas żejjed.

86

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mir-rabta li r-rikorrenti tipprova tistabbilixxi bejn il-kunċett ta’ “status” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 u dak fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2017/2361. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kunċett ta’ “bidla fl-istatus” ma jistax jinftiehem bħala li jirreferi biss għas-sitwazzjoni li fiha istituzzjoni tgħaddi minn kategorija ddefinita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2017/2361 għal oħra. Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, l-għan u l-finalità tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 u dawk tar-Regolament 2017/2361 huma differenti. Dan tal-aħħar jikkonċerna s-sistema ta’ kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż amministrattivi tas-SRB. Il-kontribuzzjonijiet irregolati mir-Regolament ta’ Delega 2015/63 huma kontribuzzjonijiet, fl-interess pubbliku, għas-SRF, filwaqt li dawk irregolati mir-Regolament 2017/2361 ikopru l-ammont ta’ xogħol u l-infiq korrispondenti li entità mqiegħda taħt ir-responsabbiltà diretta tas-SRB tikkawża (ara l-premessa 5 tar-Regolament ta’ Delega 2017/2361).

87

Ċertament, ir-rikorrenti tippreżenta argumenti intiżi sabiex jiddistingwu din il-kawża minn dik li wasslet għas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International (C‑255/18, EU:C:2019:967). F’dan ir-rigward, hija ssostni li, għalkemm tabilħaqq kien hemm “bidla fl-istatus” f’dik il-kawża, dan kien għaliex l-entità Taljana ma kinitx telqet mill-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM), iżda kienet saret fergħa ta’ istituzzjoni Ġermaniża. Mingħajr ma tiġi injorata r-realtà ta’ dawn id-differenzi, għandu jiġi kkonstatat li dawn jistgħu biss jibqgħu mingħajr effett fuq il-konklużjoni li tinsab fil-punt 84 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-kliem “bidla fl-istatus” jinkludi kull tip ta’ bidla fis-sitwazzjoni legali jew fattwali ta’ istituzzjoni li jista’ jkollha effett fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Issa, it-telf ta’ awtorizzazzjoni jikkostitwixxi mingħajr dubju bidla fis-sitwazzjoni kemm legali jew fattwali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(2) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi li l-bidla fl-istatus ta’ istituzzjoni ma għandhiex effett fuq l-obbligu ta’ din l-istituzzjoni li tħallas kontribuzzjonijiet ordinarji annwali dovuti għas-sena inkwistjoni, jirrigwarda, b’mod ġenerali, il-bidliet li jistgħu jaffettwaw istituzzjoni, filwaqt li l-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament jiċċara l-metodu ta’ kalkolu li għandu jiġi applikat, bħala eċċezzjoni, għal istituzzjoni li tkun ilha taħt superviżjoni biss sa minn parti mill-perijodu kontributorju. Sa fejn din l-aħħar dispożizzjoni, inkwantu tistabbilixxi deroga għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, għandha tiġi interpretata b’mod strett li ma jippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn minn din is-sempliċi ipoteżi prevista b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament, it-telf ta’ awtorizzazzjoni jaqa’ neċessarjament taħt l-imsemmi Artikolu 12(2).

88

Ir-rikorrenti tqis ukoll li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International (C‑255/18, EU:C:2019:967), l-esklużjoni definittiva tagħha mis-sistema ta’ riżoluzzjoni taffettwa l-livell fil-mira. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kliem użat mil-leġiżlatur fl-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, li dan iddeċieda li bidla fl-istatus ta’ istituzzjoni matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni ma kellhiex effett fuq il-kontribuzzjoni annwali dovuta għas-sena inkwistjoni, indipendentement mill-effetti li din il-bidla fl-istatus jista’ jkollha fuq id-depożiti koperti jew il-livell fil-mira.

89

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 japplika għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Għaldaqstant, l-argumenti ta’ din tal-aħħar f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

90

L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti, eżaminati iktar ’il quddiem, lanqas ma jikkontestaw il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq, ibbażati fuq l-analiżi tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

3) Fuq l-argumenti l-oħra imressqa mir-rikorrenti

91

L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti huma intiżi, essenzjalment, sabiex juru l-allegat arrikkiment indebitu tas-SRF, in-natura pro rata temporis tal-kontribuzzjonijiet ex ante u n-natura rimborsabbli ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. Insostenn tal-argumentazzjoni tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu, id-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03, l-Artikolu 17(3) u (4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 u l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

i) Fuq l-allegat arrikkiment indebitu tas-SRF

92

Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari l-kliem “kontribuzzjonijiet rċevuti debitament”, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu. Fil-fehma tagħha, kull ħlas għandu kawża u jservi għan u, konsegwentement, jista’ jiġi rrimborsat jekk il-kawża tispiċċa jew jekk l-għan ma jintlaħaqx. Dan ifisser, f’dan il-każ, li l-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jiġu kkalkolati mill-ġdid skont il-perijodu li fih istituzzjoni tkun effettivament ġiet suġġetta għal superviżjoni, u fin-nuqqas ta’ dan is-SRF jibbenefika minn arrikkiment indebitu.

93

Għandu jitfakkar li, sabiex tintlaqa’, azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu tirrikjedi l-prova ta’ arrikkiment mingħajr bażi legali valida u ta’ ftaqir tal-applikant marbut mal-imsemmi arrikkiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Agrana Zucker, C‑309/10, EU:C:2011:531, punt 53).

94

F’dan il-każ huwa paċifiku li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata kienet ikkostitwita mill-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Barra minn hekk, mill-kostatazzjonijiet esposti fil-punti 65 sa 76 iktar ’il fuq jirriżulta li, kif qies is-SRB fid-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni tal-imsemmija artikoli ma setgħetx twassal għal kalkolu ġdid tal-kontribuzzjoni ex ante għall-2018 tar-rikorrenti u, għaldaqstant, għar-rimbors ta’ parti mis-somma mħallsa għaliha.

95

Issa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-bażi legali li fuqha huwa bbażat l-arrikkiment tas-SRF li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti la espliċitament u lanqas impliċitament ma jinkludu xi eċċezzjoni ta’ illegalità relatata mal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u mal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

96

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rifjut ta’ rimbors invokat mis-SRB huwa bbażat fuq bażi legali valida u ma jistax jikkostitwixxi arrikkiment indebitu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegat arrikkiment indebitu tas-SRF għandu jiġi miċħud.

ii) Fuq l-argumenti bbażati fuq il-ksur tad-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03

97

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03, peress li, f’din tal-aħħar, is-SRB irrikonoxxa espressament in-natura pro rata temporis tal-kontribuzzjonijiet ex ante kif ukoll in-natura rimborsabbli tagħhom. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tenfasizza l-punti 39 u 40 tal-imsemmija deċiżjoni.

98

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sempliċi prattika ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni ma tistax tipprevali fuq ir-regoli tat-Trattat jew adottati skont it-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 68/86, EU:C:1988:85, punt 24, u tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑327/91, EU:C:1994:305, punt 36). Minn dan isegwi li deċiżjoni tas-SRB ma jistax ikollha l-konsegwenza li temenda l-kontenut tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli f’dan il-każ.

99

L-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li s-SRB stess jirrikonoxxi, fid-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03, in-natura pro rata temporis jew in-natura rimborsabbli tal-kontribuzzjonijiet ex ante huma għalhekk ineffettivi.

100

F’kull każ, dawn l-argumenti wkoll huma infondati. Fil-fatt, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni Latvjana ffissat u ġabret il-kontribuzzjoni ex ante għall-2015 tar-rikorrenti. Din il-kontribuzzjoni ġiet ittrasferita għas-SRF skont l-Artikolu 3(3) tal-FIG. Sussegwentement, għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, il-livell fil-mira għandu jintlaħaq fi tmiem perijodu ta’ tmien snin. Fl-aħħar nett, matul dan il-perijodu, żewġ elementi jikkundizzjunaw il-kalkolu tal-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni: l-ewwel nett, limitu annwali (l-ammont globali tal-ġbir ma għandux jaqbeż it-12.5 % tal-livell fil-mira tas-SRF għal kull sena) u, it-tieni nett, l-obbligu li fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali jiġu inklużi l-kontribuzzjonijiet miġbura skont id-Direttiva 2014/59, billi jitnaqqsu mill-ammont dovut minn kull istituzzjoni. Sabiex jikkonforma ruħu ma’ dan l-obbligu previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, is-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet miġbura mill-Istati Membri parteċipanti billi jnaqqashom mill-ammont dovut minn kull istituzzjoni b’mod lineari. Pereżempju, fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2018, parti waħda minn tmienja tas-somma mħallsa mir-rikorrenti għall-2015 tnaqqset mill-ammont li hija kellha tħallas bħala kontribuzzjoni ex ante għall-2018.

101

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li, skont il-punt 40 tad-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03, tali tnaqqis jista’ jwassal għal kontribuzzjoni individwali negattiva u li, konsegwentement, l-ammont korrispondenti jkun imħallas lill-istituzzjoni kkonċernata huwa biss ir-riżultat tal-elementi msemmija iktar ’il fuq. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dan la huwa r-rikonoxximent mis-SRB tan-natura pro rata temporis tal-kontribuzzjonijiet ex ante, u lanqas dak tan-natura rimborsabbli tagħhom (ara wkoll il-punt 127 iktar ’il quddiem).

102

Bl-istess mod, il-punt 39 tad-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03, invokat mir-rikorrenti, ma jistax isostni l-argumentazzjoni tagħha. Huwa minnu li, skont dan il-punt, jekk matul il-perijodu inizjali istituzzjoni titlef l-awtorizzazzjoni bankarja tagħha wara amalgamazzjoni, it-tnaqqis previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 għandu jingħata lill-istituzzjoni akkwirenti li tirriżulta mill-operazzjoni ta’ amalgamazzjoni. Madankollu, għal dan il-għan, dan il-punt 39 jippreċiża li l-istituzzjoni li takkwista għandha tkompli tħallas kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF. Għalhekk, din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik tar-rikorrenti fil-kawża ineżami.

103

Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-deċiżjoni għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat.

iii) Fuq l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63

104

Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 17(3) u (4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 juri li kwalunkwe kontribuzzjoni tista’ tkun suġġetta għal aġġustamenti ulterjuri.

105

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet, li fuqhom tibbaża ruħha r-rikorrenti, huma fformulati kif ġej:

“3.

Meta l-informazzjoni ppreżentata mill-istituzzjonijiet lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun soġġetta għal rapporti mill-ġdid jew reviżjonijiet, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni taġġusta l-kontribuzzjoni annwali skont l-informazzjoni aġġornata meta tikkalkula l-kontribuzzjoni annwali ta’ dik l-istituzzjoni għall-perjodu ta’ kontribuzzjoni li jmiss.

4.

Kwalunkwe differenza bejn il-kontribuzzjoni annwali kalkulata u mħallsa fuq il-bażi tal-informazzjoni soġġetti għal rappurtar mill-ġdid jew reviżjoni u l-kontribuzzjoni annwali li suppost kellha titħallas wara l-aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali tiġi saldata fl-ammont tal-kontribuzzjoni annwali dovuta għall-perjodu kontributorju li jmiss. Dan l-aġġustament isir billi jitnaqqsu jew jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet għall-perjodu kontributorju li jmiss.”

106

Sussegwentement, għandu jitfakkar il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni. L-istituzzjonijiet għandhom jissottomettu l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2014/63 fit-termini previsti fl-imsemmi artikolu. Din l-informazzjoni tikkonċerna s-sena finanzjarja li tippreċedi l-perijodu ta’ kontribuzzjoni. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tallegax li l-informazzjoni li hija ppreżentat skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2018 (jew għal kull perijodu ieħor ta’ kontribuzzjoni) kienet is-suġġett ta’ pproċessar ulterjuri jew ta’ reviżjoni. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li “l-informazzjoni ppreżentata minn istituzzjoni tista’ tirriżulta ta’ natura preliminari”, “peress li ma huwiex ċar li l-istituzzjoni ser tkompli bl-attivitajiet tagħha matul is-sena inkwistjoni, b’mod partikolari meta l-istituzzjoni tipprevedi li tagħti lura l-awtorizzazzjoni bankarja tagħha u li twaqqaf l-attivitajiet tagħha bħala istituzzjoni ta’ kreditu f’mument partikolari tas-sena, mingħajr ma d-data preċiża tkun għadha ġiet iddeterminata”. B’hekk, mill-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 hija tiddeduċi li kull kontribuzzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ aġġustamenti sussegwenti kbar, irrispettivament minn jekk dan ikunx dovut għal bidla fiċ-ċirkustanzi meta mqabbel mas-sena preċedenti jew għal kalkolu ġdid ta’ kontribuzzjoni li saret fil-passat.

107

Madankollu, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 proposta mir-rikorrenti ma hijiex sostnuta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. Id-deċiżjoni tal-azzjonisti tar-rikorrenti li jillikwidawha u l-konsegwenzi tagħha la huma assimilabbli u lanqas paragunabbli mal-ipproċessar mill-ġdid jew mar-reviżjonijiet tal-kontabbiltà li għalihom tista’ tkun suġġetta l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament 2015/63. L-Artikolu 17(3) u (4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jispeċifika li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni aġġornata għandu jsir “għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni li jmiss”. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax is-sitwazzjonijiet, bħal dik tar-rikorrenti, fejn istituzzjoni toħroġ mis-sistema ta’ riżoluzzjoni.

108

Fl-aħħar nett, qari tal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 fis-sens sostnut mir-rikorrenti huwa inkompatibbli mal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u mal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, kif interpretati iktar ’il fuq.

109

Għaldaqstant, ir-rikorrenti la tista’ tinvoka b’mod utli l-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 sabiex turi n-natura pro rata temporis tal-kontribuzzjonijiet ex ante, u lanqas ma tista’ tinvokah b’mod utli sabiex tissostanzja t-talba tagħha għal kalkolu ġdid tal-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2018 u għar-rimbors ta’ parti minnha. Għaldaqstant, l-argumentazzjoni tagħha f’dan ir-rigward għandha tiġi miċħuda.

iv) Fuq l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81

110

Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fid-29 ta’ Ġunju 2020 u fis-seduta r-rikorrenti sostniet li huwa anormali li, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, l-impenji ta’ pagament irrevokabbli ta’ istituzzjoni li ma tkunx għadha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 ikunu jistgħu jiġu annullati u l-garanziji relatati magħhom jistgħu jitħallsu lura, iżda li l-kontribuzzjonijiet fi flus ma jistgħux jiġu rrimborsati.

111

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjonijiet speċifiċi jirregolaw l-impenji ta’ pagament irrevokabbli li, bħalma jippreċiża l-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014, ma jistgħux jaqbżu t-30 % tal-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet miġbura konformement ma’ dan l-artikolu. Dawn l-impenji għandhom natura differenti minn dik tal-kontribuzzjonijiet ex ante, u din hija r-raġuni għalfejn il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien neċessarju li dawn jiġu suġġetti għal sistema speċifika. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jikkonċerna biss l-imsemmija impenji, bl-esklużjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante, jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur li ma jissuġġettax lil dawn tal-aħħar għar-regola prevista f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, ma hemmx lok li l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jiġi applikat b’analoġija għall-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014, kif essenzjalment issostni r-rikorrenti. Għaldaqstant, l-argument tagħha bbażat fuq l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 għandu jiġi miċħud.

b)   Fuq il-kontribuzzjoni ex ante għall-2015

112

Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn, matul il-perijodu inizjali kollu, meta jikkalkola l-kontribuzzjoni individwali ta’ istituzzjoni s-SRB għandu jnaqqas mill-ammont dovut minn din l-istituzzjoni l-kontribuzzjonijiet għall-2015 iffissati u miġbura mill-Istat Membru tagħha, is-SRB għandu, meta istituzzjoni titlef l-awtorizzazzjoni tagħha matul l-imsemmi perijodu, jirrimborsaha l-bilanċ rimanenti tal-kontribuzzjoni ex ante li hija ħallset għall-2015. Fil-każ tar-rikorrenti, l-ammont ta’ dan il-bilanċ jammonta għal EUR 836 320.40.

113

Ir-rikorrenti ma tikkontestax li, f’dak iż-żmien, hija kellha tħallas l-ammont iffissat mill-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, sa fejn parti waħda minn tmienja mill-ammont imħallas bħala kontribuzzjoni ex ante għall-2015 tnaqqset minn kull waħda mill-kontribuzzjonijiet annwali tagħha għas-SRF, il-kontribuzzjonijiet għall-2015 huma fir-realtà “ħlasijiet bil-quddiem għall-ewwel tmien snin tas-SRF”. Ir-rikorrenti tikkunsidra li, peress li hija ma għadhiex taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 għall-perijodu mill-2019 sal-2023, minħabba l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, għandhom jitħallsu lura lilha l-ħames partijiet minn tmienja rimanenti ta’ dawn il-“ħlasijiet bil-quddiem”.

114

Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB indika li l-kontribuzzjonijiet miġbura mill-Istati Membri parteċipanti għall-2015 kienu ġew ittrasferiti għas-SRF, skont l-Artikolu 3(3) tal-FIG. Skont din id-deċiżjoni, l-entitajiet li ħallsu kontribuzzjonijiet ex ante għall-2015 u li sussegwentement l-awtorizzazzjoni tagħhom ġiet irtirata ma jibbenefikawx minn dritt għar-rimbors ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, kif jirriżulta mill-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014.

115

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ħolqien, matul is-sena 2015, tal-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, kif previst mid-Direttiva 2014/59 u r-Regolament ta’ Delega 2015/63, ġie kkombinat mal-previżjoni, matul is-sena 2016, ta’ fond uniku ta’ riżoluzzjoni bejn l-Istati Membri li jifformaw parti mill-Unjoni Bankarja, abbażi tar-Regolament Nru 806/2014, intiż sabiex progressivament jissostitwixxi l-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni.

116

F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, konformement mal-Artikolu 130(1) tad-Direttiva 2014/59, l-Istati Membri kellhom jiġbru l-kontribuzzjonijiet ex ante mingħand l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2015. Għal dan il-għan, l-Istati Membri kellhom jiżguraw li l-obbligu tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante jkun infurzabbli skont id-dritt nazzjonali tagħhom u li l-kontribuzzjonijiet dovuti jitħallsu bis-sħiħ (Artikolu 103(4) tad-Direttiva 2014/59).

117

Sussegwentement, il-kontribuzzjonijiet hekk miġbura mill-Istati Membri qabel id-data ta’ applikazzjoni tal-FIG, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2016, ġew ittrasferiti lis-SRF, skont l-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim. Wara t-trasferiment tagħhom, fi ħdan is-SRF ma ssir ebda distinzjoni bejn il-kontribuzzjonijiet skont is-sena jew skont il-bażi legali li bis-saħħa tagħha dawn inġabru. Il-kontribuzzjonijiet għall-2015 u dawk għas-snin segwenti jitpoġġew f’daqqa b’mod funġibbli fl-imsemmi fond.

118

F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-kontribuzzjoni li r-rikorrenti titlob ir-rimbors parzjali tagħha hija l-kontribuzzjoni ex ante li hija ħallset għall-2015 u li l-ammont tagħha ġie ffissat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Latvjana, skont l-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59.

119

Fuq dan il-punt, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, intitolat “Aġġustamenti speċifiċi fil-perijodu inizjali”, jipprevedi:

“Matul il-perijodu inizjali, meta jiġu kkalkulati l-kontribuzzjonijiet individwali ta’ kull istituzzjoni, il-Bord għandu jieħu kont tal-kontribuzzjonijiet miġbura mill-Istati Membri parteċipanti f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tad-Direttiva 2014/59/UE u ttrasferiti [lis-SRF] bis-saħħa tal-Artikolu 3(3) tal-[FIG], billi dawn jitnaqqsu mill-ammont dovut minn kull istituzzjoni.”

120

Għandu jiġi kkonstatat li la l-kliem u lanqas il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni ma jistgħu jissostanzjaw l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

121

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma ssemmi dritt għar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet għall-2015 fl-ipoteżi fejn istituzzjoni toħroġ mis-sistema ta’ riżoluzzjoni matul il-perijodu inizjali (2016–2023). L-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 lanqas ma jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet għall-2015 huma “ħlasijiet bil-quddiem għall-ewwel tmien snin tas-SRF”.

122

Fir-rigward tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, l-għan tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 huwa, kif jenfasizza s-SRB, li jispeċifika l-kundizzjonijiet ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għal kull istituzzjoni (Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81).

123

L-imsemmi regolament japplika għall-istituzzjonijiet li mingħandhom jinġabru kontribuzzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014 (Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81). Fir-rigward tal-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, dan jispeċifika l-metodu ta’ kalkolu aġġustat tal-kontribuzzjonijiet annwali li japplika b’deroga matul il-perijodu inizjali. Il-premessa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 tippreċiża f’dan ir-rigward li t-tnaqqis previst fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament għandu l-għan li “jintegra” l-ammonti ttrasferiti skont l-Artikolu 3(3) tal-FIG fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali. Meta istituzzjoni titlef l-awtorizzazzjoni tagħha, hija ma jkollhiex tħallas iktar il-kontribuzzjonijiet skont l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014 fil-futur u għalhekk ma tibqax ikkonċernata mill-metodu ta’ kalkolu espost fl-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jipprevedi li t-tnaqqis japplika għall-“ammont dovut minn kull istituzzjoni”. Kif josservaw ġustament is-SRB u l-Kummissjoni, dan it-tnaqqis isir biss sakemm ikun jeżisti l-obbligu ta’ kontribuzzjoni.

124

Barra minn hekk, il-premessa 12 tal-FIG tippreċiża li t-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet għall-2015 lejn is-SRF kellu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità finanzjarja ta’ dan il-Fond sa mill-ħolqien tiegħu. Għalhekk, it-tnaqqis previst mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jippermetti lis-SRF li, sa mill-ewwel semestru tad-dħul fis-seħħ tiegħu, ikollu riżorsi ekwivalenti għal żewġ ħlasijiet annwali, filwaqt li jiżgura li t-trasferiment tas-somom rċevuti fl-2015 lil dan il-Fond ma joħloqx żbilanċi bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati fir-rigward tat-tqassim tal-piż finanzjarju.

125

Għalhekk, kif isostni s-SRB, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jirrifletti t-tranżizzjoni progressiva minn mekkaniżmu nazzjonali għal mekkaniżmu Ewropew uniku mutwalizzat u n-neċessità li tiġi żgurata l-effikaċja tas-SRM fl-iqsar żmien possibbli.

126

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, minn ebda wieħed mit-testi rilevanti, b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, ma jirriżulta li l-kontribuzzjonijiet għall-2015 huma, kif issostni r-rikorrenti, “ħlasijiet bil-quddiem għall-ewwel tmien snin tas-SRF” u li għalhekk dawn għandhom jiġu rrimborsati meta istituzzjoni toħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014.

127

Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li l-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali ta’ istituzzjoni, pereżempju, għas-sena 2018 jista’ jwassal, wara t-tnaqqis tal-kontribuzzjoni għall-2015, għal ammont negattiv u għall-ħlas tas-somma korrispondenti lil din l-istituzzjoni. Madankollu, dan ma huwiex rimbors fis-sens li tifhem ir-rikorrenti, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ pro rata temporis. Fil-fatt, l-imsemmi kalkolu ma huwa xejn ħlief operazzjoni matematika mwettqa sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kontribuzzjoni annwali tal-imsemmija istituzzjoni għas-sena 2018, ammont li jista’ jkun negattiv jekk il-parti tal-kontribuzzjoni għas-sena 2015 li għandha titnaqqas tkun ogħla mill-kontribuzzjoni kkalkolata għas-sena 2018. Konsegwentement, f’din l-ipoteżi s-somma mħallsa lill-istituzzjoni hija biss il-konsegwenza ta’ dan il-kalkolu. B’mod konkret, fil-mument tal-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2018, l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tittrasferixxi parti mis-somom miġbura mingħand istituzzjonijiet oħra lill-istituzzjoni jew istituzzjonijiet li l-ammont tal-kontribuzzjoni annwali tagħhom, wara li titnaqqas il-kontribuzzjoni għall-2015, ikun negattiv. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, lanqas il-punt 40 tad-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03, li jsemmi preċiżament din is-sitwazzjoni, ma jissostanzja l-argument li abbażi tiegħu hija titlob ir-rimbors parzjali tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2015. Dan huwa wkoll il-każ tal-punt 39 tad-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03 għar-raġunijiet diġà esposti fil-punt 98 iktar ’il fuq.

128

Barra minn hekk, għalkemm l-ammont tal-kontribuzzjonijiet għall-2015 kien ġie ffissat mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, skont id-Direttiva 2014/59 dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jitqiesu bħala kontribuzzjonijiet għas-SRF bl-istess mod bħal dawk ikkalkolati mis-SRB skont l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014. Kif tfakkar fil-punt 117 iktar ’il fuq, ladarba jiġu ttrasferiti l-kontribuzzjonijiet jitqiegħdu flimkien b’mod funġibbli fis-SRF. B’hekk għandu jitqies, bħalma għamel is-SRB fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet debitament rċevuti ma għandhomx jiġu rrimborsati, japplika.

129

Għaldaqstant, peress li r-rikorrenti ma tikkontestax li hija ħallset debitament il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2015, is-SRB seta’, fid-dawl tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak kollu li ntqal, iqis, kif għamel, li ma kienx f’pożizzjoni li jwettaq ir-rimbors mitlub.

c)   Konklużjoni

130

Mill-eżami tal-ewwel ħames motivi mqajma mir-rikorrenti jirriżulta li s-SRB ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkunsidra li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni mill-BĊE, matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni, ma kienx ċirkustanza li kienet tagħti lil din l-istituzzjoni dritt għal kalkolu ġdid pro rata temporis tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għal dan il-perijodu u meta għaldaqstant iddeċieda li ma jirrimborsax lir-rikorrenti parti mis-somma li hija kienet ħallset bħala l-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2018. Bl-istess mod, is-SRB ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkunsidra li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni mill-BĊE, matul il-perijodu inizjali, ma kienx ċirkustanza li tagħti lil din l-istituzzjoni dritt għar-rimbors tal-bilanċ rimanenti tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha mħallsa għall-2015.

131

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ħames motivi mqajma mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

3.   Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

132

Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti ssostni li, konformement mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, is-SRB jista’ jimponi piż fuq l-istituzzjonijiet biss jekk il-leġiżlazzjoni tkun tipprovdi b’mod ċar li tali piż għandu jiġi impost. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni ma tipprevedi espressament li l-kontribuzzjonijiet jistgħu jinżammu meta entità ma tibqax istituzzjoni taħt superviżjoni matul perijodu ta’ kontribuzzjoni. Osservatur imparzjali u oġġettiv ma jippretendix li l-kontribuzzjonijiet jinżammu b’dan il-mod. Għaldaqstant ir-rikorrenti tikkritika lis-SRB li qatt ma informa lill-istituzzjonijiet ikkonċernati bl-interpretazzjoni tiegħu tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

133

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni.

134

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità, u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑110/03, EU:C:2005:223, punt 30, u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation, C‑362/12, EU:C:2013:834, punt 44).

135

Barra minn hekk, id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippreżupponi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-amministrazzjoni għandha tkun tat lill-parti kkonċernata garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konkordanti, li jirriżultaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. It-tieni nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu ta’ natura li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata minnhom. It-tielet nett, il-garanziji mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il-Kummissjoni, T‑12/06, EU:T:2011:441, punt 190 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136

Skont l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjonijiet rċevuti debitament ma għandhomx jiġu rrimborsati. Din id-dispożizzjoni hija ċara u preċiża u ma fiha ebda eċċezzjoni jew mitigazzjoni. Il-fatt li hija ma tippreċiżax il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha juri li din hija applikabbli b’mod universali. Għaldaqstant, hija tippermetti lill-individwi jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità, peress li l-applikazzjoni tagħha hija prevedibbli għal dawn tal-aħħar.

137

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni tas-SRB li ma jirrimborsahiex il-kontribuzzjonijiet ex ante tagħha mħallsa debitament ma kinitx, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, imprevedibbli. Għaldaqstant, is-SRB ma jistax jiġi kkritikat li ma informax minn qabel lill-istituzzjonijiet ikkonċernati bl-interpretazzjoni tiegħu tad-dispożizzjonijiet rilevanti, kemm fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imħallsa għall-2015 kif ukoll fir-rigward ta’ dawk imħallsa għal kull sena tal-perijodu inizjali.

138

Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jispeċifikax espressament li huwa japplika għas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti ma jikkostitwixxix, fis-sens tal-ġurisprudenza, garanzija preċiża pprovduta mill-amministrazzjoni li tista’ toħloq aspettattiva leġittima li l-kontribuzzjonijiet tagħha ser jiġu rrimborsati lilha. Barra minn hekk, il-qari tad-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03 jippermetti li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, is-SRB ma jirrikonoxxix in-natura rimborsabbli tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Anki jekk dan jagħmel hekk, ikun qiegħed imur kontra r-regoli applikabbli u għalhekk ir-rikorrenti ma tkunx tista’ tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

139

Għaldaqstant, is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud.

4.   Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

140

Ir-rikorrenti ssostni, b’mod ġenerali, li kull miżura oħra minbarra r-rimbors pro rata temporis tas-somom imħallsa bħala kontribuzzjonijiet ex ante lill-istituzzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata hija sproporzjonata. B’mod partikolari, hija tqis li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet għandu jkun proporzjonali għar-riskji assoċjati mal-istituzzjoni kkonċernata. Ir-rikorrenti tenfasizza żewġ sitwazzjonijiet: minn naħa, dik li fiha s-SRB iżomm il-kontribuzzjoni annwali kollha ta’ istituzzjoni, anki jekk din tal-aħħar titlef il-kundizzjoni ta’ stabbiliment tagħha wara l-ewwel xahar jew l-ewwel jum tas-sena; min-naħa l-oħra, dik li fiha s-SRB jirċievi kontribuzzjonijiet kważi darbtejn ogħla għaliex istituzzjoni tkun ittrasferixxiet l-attivitajiet tagħha lil entità oħra fil-bidu tas-sena, bir-riżultat li titlef il-kundizzjoni tagħha ta’ istituzzjoni filwaqt li din l-entità l-oħra ssir istituzzjoni. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, il-fatt li jiġi impost piż daqstant tqil fuq l-istituzzjonijiet li jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal proċedura ta’ insolvenza, jiġifieri l-istituzzjonijiet li fir-rigward tagħhom is-SRB ikun iddeċieda li ma jadottax miżura ta’ riżoluzzjoni, jaggrava l-konsegwenzi dannużi tal-falliment tagħhom.

141

Is-SRB, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni.

142

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u filwaqt li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143

Għandu jitfakkar li l-għan imfittex mill-ġbir annwali tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif previst mir-Regolament Nru 806/2014, huwa li jiġi żgurat li, fi tmiem perijodu inizjali ta’ tmien snin, il-mezzi finanzjarji disponibbli tas-SRF jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha.

144

Għal din il-għan, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kontribuzzjonijiet ex ante huma “ippjanati”: kull sena, dawn jiġu kkalkolati billi jsir riferiment għall-informazzjoni tal-kontabbiltà relatata mal-aħħar rapporti finanzjarji approvati u ċċertifikati disponibbli fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perijodu ta’ kontribuzzjoni u miġbura għas-sena kalendarja ta’ kontribuzzjoni (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C‑255/18, EU:C:2019:967, punt 63). L-unika eċċezzjoni tikkonċerna l-istituzzjonijiet il-ġodda imqiegħda taħt superviżjoni sa minn parti biss mill-perijodu ta’ kontribuzzjoni. F’dan il-każ, il-kontribuzzjoni parzjali tinġabar għas-sena kalendarja ta’ kontribuzzjoni sussegwenti, minbarra l-kontribuzzjoni dovuta għall-imsemmija sena (Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63).

145

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex, għandu jiġi kkonstatat li ċerta stabbiltà tar-riżorsi tas-SRF hija essenzjali sabiex dawn ikunu jistgħu jiżdiedu progressivament sa ma jintlaħaq 1 % tad-depożiti fi tmiem il-perijodu inizjali. Li kieku s-SRB kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tas-sitwazzjoni legali u finanzjarja tal-istituzzjonijiet matul is-sena finanzjarja u jwettaq rimborsi fis-sena kalendarja ta’ kontribuzzjoni sussegwenti, ikun diffiċli għas-SRB li jilħaq il-livell fil-mira ffissat bir-Regolament Nru 806/2014. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza li jiġi ffaċilitat il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 2014/59, mir-Regolament Nru 806/2014 u mir-Regolament ta’ Delega 2015/63 (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C‑255/18, EU:C:2019:967, punti 4445). Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija neċessarja fid-dawl tal-għan leġittimu mfittex.

146

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dan l-għan leġittimu, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, li ma kinux jeżistu alternattivi li jippermettu li dan l-għan jiġi protett b’mod inqas restrittiv. Barra minn hekk, aġġustament tal-kontribuzzjoni dovuta mill-istituzzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħha tiġi rtirata matul is-sena, kif proposta mir-rikorrenti, ma jkunx daqstant effikaċi sabiex jintlaħaq l-għan espost fil-punt 143 iktar ’il fuq, sa fejn dan iċaħħad lis-SRF mill-istabbilità neċessarja sabiex ir-riżorsi tiegħu jkunu jistgħu jiżdiedu progressivament sal-livell meħtieġ.

147

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma jħallu ebda setgħa jew marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet imħallsa debitament. Issa, ir-rikorrenti ma tqajjem ebda eċċezzjoni ta’ illegalità kontra dawn id-dispożizzjonijiet.

148

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex sproporzjonata peress li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

149

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

150

Fir-rigward tal-argumenti dwar il-korrelazzjoni bejn il-kontribuzzjonijiet obbligatorji u r-riskji koperti mis-SRF, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju assoċjat mal-attività ta’ istituzzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni (Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014) mingħajr madankollu ma tistabbilixxi rabta bejn dan l-ammont u n-numru ta’ xhur li matulhom is-sistema sostniet tali riskju, bl-eċċezzjoni tal-istituzzjoni li tkun għadha kif tqiegħdet taħt superviżjoni. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

151

Fir-rigward tas-sitwazzjoni, invokata mir-rikorrenti, fejn is-SRB iżomm it-totalità tal-kontribuzzjoni annwali ta’ istituzzjoni, anki jekk din tal-aħħar titlef il-kundizzjoni tagħha ta’ istituzzjoni wara l-ewwel xahar jew l-ewwel jum tas-sena, għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li d-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03 ġiet adottata fit-12 ta’ April 2018, li l-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital informat lir-rikorrenti bl-ammont tal-kontribuzzjoni tagħha fis-27 ta’ April 2018 u li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ din tal-aħħar seħħ fil-11 ta’ Lulju 2018. B’hekk, is-sitwazzjoni invokata mir-rikorrenti hija purament ipotetika u ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni tal-kawża ineżami. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

152

Fir-rigward tas-sitwazzjoni invokata, mir-rikorrenti, fejn is-SRB jirċievi kontribuzzjonijiet kważi darbtejn ogħla għaliex istituzzjoni tkun ittrasferixxiet l-attivitajiet tagħha lil entità oħra fil-bidu tas-sena, bir-riżultat li titlef il-kundizzjoni tagħha ta’ istituzzjoni filwaqt li din l-entità l-oħra ssir sussegwentement istituzzjoni, għandu jiġi kkonstatat li din l-argumentazzjoni ma hijiex issostanzjata biżżejjed sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali tirrispondi għaliha. Fil-fatt, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssemmi din is-sitwazzjoni, li hija stess tikkwalifika bħala ipotetika, fil-punt 23 tar-rikors, mingħajr ma tindika r-rilevanza tagħha għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. Issa, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante huwa bbażat fuq id-data tas-sena finanzjarja preċedenti skont l-Artikolu 14(1) u (4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, jiġifieri l-kontribuzzjoni ta’ entità li ssir istituzzjoni fl-2018 tiġi kkalkolata skont is-sena 2017. Ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova, b’mod partikolari fir-replika, li tippermetti li wieħed jifhem jekk l-eżempju tagħha jiħux inkunsiderazzjoni din id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet oħra eventwalment applikabbli għal tali sitwazzjoni. Dan l-argument ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi msemmija fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura u għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, minħabba li ma ġiex ippreċiżat.

153

Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-konsegwenzi negattivi tad-deċiżjoni kkontestata għall-istituzzjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti huma bbażati fuq l-idea li l-entità inkwistjoni tiġi mċaħħda minn assi fil-każ ta’ nuqqas ta’ rimbors. Madankollu, sa fejn il-kontribuzzjonijiet ex ante ma humiex “ħlasijiet bil-quddiem” u sa fejn it-telf, minn istituzzjoni, tal-awtorizzazzjoni tagħha matul is-sena ta’ kontribuzzjoni ma jagħtiha ebda dritt għar-rimbors tal-kontribuzzjoni annwali tagħha, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix li jeżisti attiv li minnu tista’ tiġi mċaħħda entità. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

154

Fid-dawl ta’ kull ma ntqal preċedentement, is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi miċħud.

5.   Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta

155

Fil-kuntest tal-għaxar motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-drittijiet tagħha f’dak li jirrigwarda “il-kontribuzzjonijiet ex ante mhux użati” jikkostitwixxu dritt għall-proprjetà bl-istess mod bħar-riżervi ta’ flus miżmuma f’bank ċentrali. Dan huwa partikolarment evidenti f’dak li jikkonċerna l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-ewwel tmien snin ta’ eżistenza tas-SRF. Hija ssostni li ċ-ċaħda tad-drittijiet tagħha għall-proprjetà ma ġietx stabbilita mil-liġi u ma hijiex iġġustifikata mill-interess pubbliku. Is-SRB lanqas ma offra xi tip ta’ kumpens. Barra minn hekk, iż-żamma mis-SRB tal-kontribuzzjonijiet kollha mħallsa, minkejja t-telf mill-istituzzjoni tal-awtorizzazzjoni tagħha, tikkostitwixxi limitazzjoni għal-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti li ma hijiex prevista mil-liġi.

156

Is-SRB, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni.

157

L-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jipprovdi li “[i]l-libertà ta’ intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”.

158

Skont l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet.

159

Skont il-ġurisprudenza, id-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari l-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, ma humiex prerogattivi assoluti u l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw l-imsemmija għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

160

Sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dan id-dritt, hemm lok, fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punt 356).

161

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB, jipprovdi:

“Kull persuna naturali jew persuna morali għandha dritt għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mill-possedimenti tiegħu ħlief fl-interess pubbliku u bla ħsara għal-kundizzjonijiet provduti bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali.

Iżda d-disposizzjonijiet ta’ qabel ma għandhom b’ebda mod inaqqsu d-dritt ta’ Stat li jwettaq dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu ta’ proprjeta` skont l-interess ġenerali jew biex jiżgura l-ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra jew pieni.”

162

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni huma ndħil fid-dritt iggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB, għaliex dawn iċaħħdu lill-istituzzjoni kkonċernata minn element ta’ proprjetà, jiġifieri mis-somma li hija ħallset. Dan l-indħil huwa ġġustifikat skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, li jipprevedi espressament eċċezzjoni fir-rigward tal-ħlas tat-taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet oħra (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 13 ta’ Jannar 2004, Orion Břeclav s.r.o. vs Ir-Repubblika Ċeka, CE:ECHR:2004:0113DEC004378398).

163

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat li d-deċiżjoni kkontestata hija konformi mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li l-ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti effettivamenti jissodisfa għan ta’ interess ġenerali u li, fir-rigward tal-għan imfittex, dan il-ksur ma jikkostitwixxix intervent sproporzjonat u intollerabli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà.

164

Qabelxejn, mill-punti 58 sa 131 iktar ’il fuq jirriżulta li s-SRB applika, ġustament, l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti.

165

Sussegwentement, mill-punti 143 sa 148 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni li parti mill-kontribuzzjonijiet tar-rikorrenti ma tiġix irrimborsata lilha, minkejja l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, effettivament tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali u ma hijiex sproporzjonata meta mqabbla ma’ dawn l-għanijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tal-għan imfittex, din id-deċiżjoni ma tikkostitwixxix intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti. Għall-istess raġunijiet, din id-deċiżjoni ma tippreġudikax is-sustanza stess tal-libertà ta’ intrapriża tagħha.

166

Għaldaqstant, l-allegat ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-libertà tal-intrapriża ma huwiex stabbilit.

167

Fid-dawl ta’ kull ma ntqal preċedentement, l-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, għandu jiġi miċħud.

6.   Fuq it-tmien u d-disa’ motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-massima nemo auditur propriam turpitudinem allegans u tal-projbizzjoni ta’ aġir kontradittorju

168

Fil-kuntest tat-tmien motiv, ir-rikorrenti tqis li s-SRB kiser il-massima nemo auditur propriam turpitudinem allegans, li tipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka l-aġir ħażin tiegħu stess. B’mod partikolari, hija ssostni li, fit-23 ta’ Frar 2018, is-SRB ħabbar pubblikament li r-rikorrenti u s-sussidjarja Lussemburgiża tagħha kellhom jiġu stralċati. Wara dan l-avviż, l-azzjonisti tar-rikorrenti kienu mġiegħla jibdew proċedura ta’ stralċ volontarju. Dan l-istralċ volontarju sussegwentement wassal lill-BĊE sabiex jirrevoka l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti. Konsegwentement, minn naħa, is-SRB ċaħħad lir-rikorrenti mill-benefiċċju li hija kienet tirċievi mill-kontribuzzjoni ex ante tagħha mħallsa għas-SRF għall-2018. Min-naħa l-oħra, is-SRB kiseb vantaġġ sa fejn irċieva kontribuzzjoni minkejja li r-riskju korrispondenti kien ġie eliminat b’riżultat tal-istralċ tar-rikorrenti. Billi jirrifjuta li jirrimborsa l-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti, is-SRB qiegħed jipprova jżomm vantaġġ illeġittimu. Ir-rikorrenti ssostni wkoll, fil-kuntest tad-disa’ motiv, li, billi ordna l-istralċ tar-rikorrenti filwaqt li żamm il-kontribuzzjoni tagħha, is-SRB aġixxa b’mod kontradittorju u arbitrarju.

169

Is-SRB, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni.

170

Minn naħa, sabiex tiġi invokata l-massima nemo auditur propriam turpitudinem allegans, huwa meħtieġ ukoll li jiġi stabbilit aġir żbaljat imputabbli lis-SRB. Issa, mill-analiżi tal-ewwel ħames motivi jirriżulta li s-SRB applika ġustament l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Għaldaqstant, f’dan il-każ ma jista’ jiġi akkużat bl-ebda aġir żbaljat.

171

Fir-rigward tad-deċiżjoni tas-SRB tat-23 ta’ Frar 2018 li ma jadottax arranġament ta’ riżoluzzjoni u dwar jekk is-SRB huwiex responsabbli għall-proċedura ta’ stralċ volontarju mibdija mill-azzjonisti tar-rikorrenti, dawn ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors u għalhekk ma jistgħux jiġġustifikaw aġir allegatament żbaljat.

172

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-motiv ibbażat fuq aġir allegatament kontradittorju min-naħa tas-SRB huwa bbażat fuq id-deċiżjoni tas-SRB tat-23 ta’ Frar 2018 li ma jadottax arranġament ta’ riżoluzzjoni u fuq il-kwistjoni dwar jekk is-SRB huwiex responsabbli għall-proċedura ta’ stralċ volontarju mibdija mill-azzjonisti tar-rikorrenti. Madankollu, tali motiv, li ma huwiex intiż li jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ineffettiv u jista’ biss jiġi miċħud.

173

Konsegwentement, hemm lok li t-tmien u d-disa’ motiv jiġu miċħuda.

7.   Fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

174

Fil-punt 92 tal-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fid-29 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB ma mmotivax id-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti. Hija tqis li, f’din id-deċiżjoni, is-SRB sempliċement sostna li l-kontribuzzjonijiet għas-SRF qatt ma ġew irrimborsati mingħajr ma ngħatat spjegazzjoni plawżibbli sabiex jiġġustifika r-rifjut tiegħu li jwettaq kalkolu ġdid u li jagħti r-rimbors mitlub. Ir-rikorrenti tenfasizza li, fid-deċiżjoni tiegħu, is-SRB ma pprovdiex ir-raġunijiet li għalihom “il-kontribuzzjonijiet tal-2015 setgħu jiġu rrimborsati jekk ammonti żgħar addizzjonali kellhom jitħallsu matul il-fażi inizjali, iżda ma kellhomx għalfejn jiġu rrimborsati jekk ebda ammont ieħor ma kien dovut”.

175

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivi bbażati fuq nuqqas jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni huma ta’ ordni pubbliku u jistgħu jiġu invokati mill-partijiet f’kull stadju tal-proċedura (digriet tal-25 ta’ Lulju 2000, RJB Mining vs Il‑Kummissjoni, T‑110/98, EU:T:2000:199, punt 46; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, EU:C:1997:73, punti 23 sa 25). Konsegwentement, dan il-motiv huwa ammissibbli.

176

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att inkriminat, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’tali mod li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63, u tat-8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 87).

177

Minn dan isegwi li motivazzjoni ma għandhiex tkun eżawrjenti, iżda għandha titqies li hija suffiċjenti peress li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li huma ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169, u tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, T‑102/07 u T‑120/07, EU:T:2010:62, punt 180).

178

F’dan il-każ, mid-deskrizzjoni tad-deċiżjoni kkontestata esposta fil-punt 13 iktar ’il fuq jirriżulta li s-SRB speċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li huma ta’ importanza essenzjali. Id-deċiżjoni kkontestata ppermettiet, minn naħa, lir-rikorrenti ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti setgħet tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata billi kkritikat, b’mod partikolari, lis-SRB għall-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għas-sitwazzjoni tagħha, kif juri r-rikors. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-analiżi iktar ’il fuq tad-diversi motivi mqajma fir-rikors, il-Qorti Ġenerali setgħet tippronunzja ruħha fuq din l-argumentazzjoni u teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq id-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, ir-rikorrenti tiżbalja meta tallega li l-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni hija insuffiċjenti.

179

Is-SRB ma jistax jiġi kkritikat li ma pprovdiex ir-raġunijiet li għalihom “il-kontribuzzjonijiet tal-2015 setgħu jiġu rrimborsati jekk ammonti żgħar addizzjonali kellhom jitħallsu matul il-fażi inizjali, iżda ma kellhomx għalfejn jiġu rrimborsati jekk ebda ammont ieħor ma kien dovut”. Fil-fatt, is-SRB spjega b’mod ċar, fid-deċiżjoni tiegħu, ir-raġunijiet li għalihom huwa ma setax jissodisfa t-talbiet tar-rikorrenti, kif jirriżulta mill-qari tal-punt 13 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, mill-analiżi tal-ewwel ħames motivi iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, is-SRB qatt ma ddikjara li “l-kontribuzzjonijiet tal-2015 setgħu jiġu rrimborsati”, iżda sostna li dawn setgħu jitnaqqsu mill-ammont dovut mill-istituzzjoni, konformement mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

180

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandu għalhekk jiġi miċħud kif ukoll, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

Dwar l-ispejjeż

181

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mis-SRB.

182

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

ABLV Bank AS hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB).

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Papasavvas

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Jannar 2021.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq