Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62017TJ0275
Judgment of the General Court (First Chamber) of 13 July 2018.#Michela Curto v European Parliament.#Civil service — Accredited parliamentary assistants — Article 24 of the Staff Regulations — Request for assistance — Article 12a of the Staff Regulations — Psychological harassment — Advisory Committee dealing with harassment complaints between Accredited Parliamentary Assistants and Members of the European Parliament and its prevention at the workplace — Decision rejecting the request for assistance — Error of assessment — Scope of the duty to provide assistance — Duration of the administrative procedure — Reasonable period — Refusal to disclose reports drawn up by the Advisory Committee.#Case T-275/17.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Lulju 2018.
Michela Curto vs Il-Parlament Ewropew.
Servizz pubbliku – Assistenti Parlamentari Akkreditati – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku – Kumitat Konsultattiv kompetenti għall-ilmenti ta’ fastidju bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol – Deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza – Żball ta’ evalwazzjoni – Portata tad-dmir ta’ assistenza – Tul tal-proċedura amministrattiva – Terminu raġonevoli – Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ rapporti redatti mill-Kumitat Konsultattiv.
Kawża T-275/17.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Lulju 2018.
Michela Curto vs Il-Parlament Ewropew.
Servizz pubbliku – Assistenti Parlamentari Akkreditati – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku – Kumitat Konsultattiv kompetenti għall-ilmenti ta’ fastidju bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol – Deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza – Żball ta’ evalwazzjoni – Portata tad-dmir ta’ assistenza – Tul tal-proċedura amministrattiva – Terminu raġonevoli – Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ rapporti redatti mill-Kumitat Konsultattiv.
Kawża T-275/17.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2018:479
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
13 ta’ Lulju 2018 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Assistenti Parlamentari Akkreditati – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Persunal – Talba għal assistenza – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku – Kumitat Konsultattiv kompetenti għall-ilmenti ta’ fastidju bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol – Deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza – Żball ta’ evalwazzjoni – Portata tad-dmir ta’ assistenza – Tul tal-proċedura amministrattiva – Terminu raġonevoli – Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ rapporti redatti mill-Kumitat Konsultattiv”
Fil-Kawża T‑275/17,
Michela Curto, ex Assistenta Parlamentari Akkreditata tal-Parlament Ewropew, residenti f’Gênes (l-Italja), irrapreżentata minn L. Levi u C. Bernard-Glanz, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn O. Caisou-Rousseau, E. Taneva u M. Rantala, bħala aġenti,
konvenut,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tat-30 ta’ Ġunju 2016 li permezz tagħha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ta’ dik l-istituzzjoni ċaħdet it-talba għal assistenza mressqa mir-rikorrenti fl‑14 ta’ April 2014, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sofriet minħabba l-ksur minn dik l-awtorità tad-dmir ta’ assistenza msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura,
IL-QORTI ĠENERALI (l-Ewwel Awla),
komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑3 ta’ Mejju 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Ir-rikorrenti, Michela Curto, kienet ġiet irreklutata mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) tal-Parlament Ewropew bħala Assistenta Parlamentari Akkreditata (iktar ’il quddiem “APA”) assenjata lil M., Membru ta’ dik l-istituzzjoni, għall-perijodu mis‑16 ta’ Lulju 2013 sat-tmiem tal-leġiżlatura tal-Parlament, jiġifieri sa’ Mejju 2014. |
|
2 |
Fis‑7 ta’ Novembru 2013, M. talbet lill-ASTK ixxolji l-kuntratt tar-rikorrenti billi invokat il-fatt li din kienet iddeċidiet, mingħajr ma talbet il-permess, li ma tmurx għax-xogħol għal ġimgħa sħiħa u, għalhekk, ma kinitx osservat it-termini tal-kuntratt ta’ ingaġġ tagħha. Din il-Membru tal-Parlament indikat fit-talba tagħha li, meta hija ġibdet l-attenzjoni tar-rikorrenti, din kienet insultatha u mbagħad sparixxiet. |
|
3 |
Mis‑7 sal‑24 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti kienet bil-leave tal-mard. |
|
4 |
Fil‑11 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti rċeviet ittra mingħand il-Kap tad-Diviżjoni “Reklutaġġ u Trasferiment tal-Persunal” tad-Direttorat għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Persunal” tal-Parlament li infurmatha li M. kienet talbet lill-ASTK ixxolji l-kuntratt ta’ ingaġġ tagħha bħala APA minħabba ksur tar-relazzjoni ta’ fiduċja. Ix-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrenti kien akkumpanjat minn eżenzjoni mix-xogħol matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg. |
|
5 |
Fil‑25 ta’ Novembru 2013, id-dipartiment responsabbli mil-leave tad-Direttorat “Ġestjoni tas-Servizzi ta’ Appoġġ u Soċjali” tad-DĠ “Persunal” irċieva mingħand ir-rikorrenti ċertifikat mediku intiż sabiex jestendi l-leave tal-mard tagħha mill‑25 ta’ Novembru sal‑15 ta’ Diċembru 2013 kif ukoll talba tal-persuna kkonċernata sabiex tqatta’ l-leave tal-mard tagħha fl-Italja għall-perijodu mit‑28 ta’ Novembru sal‑15 ta’ Diċembru 2013. F’dan ir-rigward, wieħed mill-uffiċjali mediċi tal-istituzzjoni kien ipprova, mingħajr ma rnexxielu, jikkomunika mar-rikorrenti permezz tat-telefon u tal-posta elettronika fuq l-indirizzi elettroniċi personali u professjonali tagħha sabiex hija tikkuntattja lid-dipartiment responsabbli mil-leave. |
|
6 |
Fis‑27 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti informat lid-dipartiment responsabbli mil-leave li hija diġà kienet tinsab l-Italja. |
|
7 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2013, l-ASTK iddeċidiet li xxolji l-kuntratt tar-rikorrenti b’effett mill‑24 ta’ Diċembru 2013, billi ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata kienet bil-leave tal-mard mill‑15 sal‑24 ta’ Novembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tikkonferma t-tkeċċija”). |
|
8 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2013, id-Direttur tad-Direttorat “Ġestjoni tas-Servizzi ta’ Appoġġ u Soċjali” tad-DĠ “Persunal”, li kien qiegħed jaġixxi bħala ASTK, ikkonkluda li r-rikorrenti kienet kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), applikabbli għall-APA bis-saħħa tal-Artikolu 131(5) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li “[j]ekk uffiċjal jixtieq iqatta’ l-leave x’imkien ieħor barra l-post fejn huwa mpjegat għandu jikseb il-permess minn qabel ta’ l-awtorità tal-ħatra”. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma kinitx ressqet talba għal awtorizzazzjoni minn qabel dwar dan u kienet ħalliet il-post ta’ impjieg tagħha mingħajr din l-awtorizzazzjoni minn qabel. Għal dawn ir-raġunijiet, l-imsemmi direttur iddeċieda li ċ-ċertifikat mediku ippreżentat mir-rikorrenti fil‑25 ta’ Novembru 2013 ma kienx ammissibbli u li, għalhekk, bl-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-perijodu ta’ assenza tar-rikorrenti mill‑25 ta’ Novembru sad-data tat-tmiem tal-kuntratt tagħha kellu jitqies bħala rregolari, u kellu għalhekk jitnaqqas mil-leave annwali tagħha, u, jekk ikun il-każ, iwassalha sabiex titlef id-dritt għal remunerazzjoni għal dak il-perijodu. |
|
9 |
Fis‑16 ta’ Diċembru 2013, id-dipartiment responsabbli mil-leave tad-Direttorat “Ġestjoni tas-Servizzi ta’ Appoġġ u Soċjali” rċieva mingħand ir-rikorrenti ċertifikat mediku ġdid maħruġ fl‑14 ta’ Diċembru 2013 u intiż sabiex jikkonstata n-neċessità għaliha li tkun bil-leave tal-mard matul il-perijodu bejn l‑14 u l‑24 ta’ Diċembru 2013. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Jannar 2014, id-Direttur ta’ dan id-direttorat, li kien qiegħed jaġixxi bħala ASTK, iddeċieda li jiċħad dan iċ-ċertifikat mediku bħala inammissibbli għall-istess raġunijiet esposti fid-deċiżjoni preċedenti tiegħu tad‑9 ta’ Diċembru 2013. |
|
10 |
Fl‑14 ta’ Diċembru 2013, it-tabib tar-rikorrenti ħareġ ċertifikat mediku li kien jiċċertifikaha marida sat‑13 ta’ Jannar 2014. |
|
11 |
Fit‑3 ta’ Frar 2014, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Persunal, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjonijiet tad‑9 ta’ Diċembru 2013 u tat‑13 ta’ Jannar 2014. |
|
12 |
Fl‑10 ta’ Frar 2014, it-tabib tar-rikorrenti ħareġ ċertifikat mediku li kien jiċċertifikaha marida sat‑12 ta’ Marzu 2014. |
|
13 |
Fil‑5 ta’ Marzu 2014, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Persunal, ir-rikorrenti ressqet ilment, ippreżentat fis‑6 ta’ Marzu 2014, kontra d-deċiżjoni li tikkonferma t-tkeċċija. |
|
14 |
Fl‑14 ta’ April 2014, permezz tal-avukati tagħha, ir-rikorrenti ressqet, skont l-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, talba għal assistenza lill-ASTK (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”) għar-raġuni li, matul il-perijodu ta’ ingaġġ tagħha bħala APA, hija kienet suġġetta għal “fastidju psikoloġiku” minn M., fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-APA skont l-Artikolu 127 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin, permezz tal-istess avukati, żewġ kollegi oħra tar-rikorrenti ressqu talbiet simili għal assistenza, li ġew ittrattati flimkien mill-ASTK. |
|
15 |
Fit-talba għal assistenza, ir-rikorrenti talbet lill-ASTK tiftaħ investigazzjoni amministrattiva sabiex tistabbilixxi l-fatti, tittrasferiha sabiex tevita li hija tkun esposta għal darb’oħra għal M. fil-każ li d-deċiżjoni li tikkonferma t-tkeċċija tiġi rtirata jew annullata, kif ukoll li tadotta l-miżuri l-oħra kollha adegwati, bħal sanzjonijiet kontra M., ittra mingħand l-ASTK li tirrikonoxxi li hija kienet suġġetta għal fastidju psikoloġiku, sostenn finanzjarju sabiex hija tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha, ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi sostnuti minnha u azzjonijiet konkreti sabiex sitwazzjoni bħal din ma tirrepetix ruħha fil-futur. |
|
16 |
Insostenn tat-talba għal assistenza, ir-rikorrenti ressqet dikjarazzjonijiet bil-miktub ta’ tliet APA, li preċedentement kienu fis-servizz ta’ M., fosthom iż-żewġ APA li kienu ressqu talbiet għal assistenza fl-istess ħin. Dawn kienu intiżi sabiex jikkonfermaw li r-rikorrenti kienet ġiet suġġetta għal kondotta mhux xierqa minn M., li kienet tikkonsisti minn disprezz, umiljazzjonijiet, theddid, lingwaġġ mimli stmerrija, insulti u twerżiq. Ir-rikorrenti ddeskriviet ukoll numru ta’ inċidenti li seħħew matul il-perijodu ta’ ingaġġ tagħha bħala APA. Barra minn hekk, hija spjegat li, minħabba t-trattament li hija kienet suġġetta għalih minn M., hija kellha attakk ta’ paniku fis‑6 ta’ Novembru 2013 u kienet irrikorriet għas-servizz mediku tal-Parlament, fejn it-tabib kien taha parir li tieħu l-mistrieħ. Hija spjegat li, l-għada, it-tabib personali tagħha kien poġġiha fuq leave tal-mard minħabba “ansjetà li qiegħda tmur għall-agħar wara problemi ta’ fastidju fuq ix-xogħol” li kienet tiġġustifika “leave tal-mard sal‑15 ta’ Diċembru 2013”. |
|
17 |
Fit‑22 ta’ Mejju 2014, fi kliem l-ASTK, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” (iktar ’il quddiem id-“Direttur Ġenerali tal-Persunal”) “bagħat il-fajl” tar-rikorrenti lill-Kumitat Konsultattiv kompetenti għall-ilmenti ta’ fastidju bejn l-APA u l-Membri tal-Parlament Ewropew u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Konsultattiv speċjali ‘APA’”) li kien twaqqaf reċentement bid-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tal‑14 ta’ April 2014 li tadotta regoli interni intiżi sabiex jiġi kkostitwit Kumitat Konsultattiv kompetenti għall-ilmenti ta’ fastidju bejn l-APA u l-Membri tal-Parlament Ewropew u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol (iktar ’il quddiem ir-“regoli interni ‘APA’ dwar il-fastidju”). Dan il-kumitat huwa kompost minn ħames membri maħtura mill-President tal-Parlament. Il-President u żewġ membri ta’ dan il-kumitat huma kwesturi, filwaqt li membru wieħed jinħatar mill-Kumitat tal-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-amministrazzjoni hija rrappreżentata mill-President tal-Kumitat Konsultattiv kompetenti għall-ilmenti ta’ fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol, kif ikkostitwit b’deċiżjoni tal-Parlament tal‑21 ta’ Frar 2006. |
|
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2014, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”), fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ċaħad l-ilment tat‑3 ta’ Frar 2014 bħala infondat. |
|
19 |
Fl‑24 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti, M. kif ukoll iż-żewġ ex APA l-oħra li kienu lmentaw li kienu vittmi ta’ fastidju psikoloġiku minn M. instemgħu quddiem il-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA”. |
|
20 |
Fil‑15 ta’ Lulju 2014, il-Kulleġġ tal-Kwesturi tal-Parlament iddelibera bil-magħluq fuq ir-rapport kunfidenzjali adottat fl‑24 ta’ Ġunju 2014 mill-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA” taħt l-Artikolu 10 tar-regoli interni “APA” dwar il-fastidju (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal‑24 ta’ Ġunju 2014”), li kien jipprevedi li “l-kumitat [kellu] jibgħat rapport kunfidenzjali lill-kwesturi li [kellu] jinkludi”“deskrizzjoni tal-akkużi”, “id-dettalji tal-proċedura”, “il-konklużjonijiet ta’ dan il-kumitat” u “proposti li jikkonċernaw is-segwitu li għandu jingħata, jekk ikun il-każ billi jintalbu sabiex jinkarigawh iwettaq investigazzjoni eżawrjenti”. F’dan il-kuntest, il-Kulleġġ tal-Kwesturi kellu skambju ta’ fehmiet dwar l-abbozz ta’ konklużjonijiet proposti minn dan il-kumitat u ddeċieda, unanimament, li ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex jikkunsidra li jieħu miżuri oħra fir-rigward tal-każ inkwistjoni. |
|
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Lulju 2014, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ċaħad l-ilment tas‑6 ta’ Marzu 2014 bħala tardiv, għal dak li kien jikkonċerna d-deċiżjoni li tikkonferma t-tkeċċija, u, għalhekk, inammissibbli, peress li r-rikorrenti kienet irrikonoxxiet, fit-talba għal assistenza, li hija kienet irċeviet din id-deċiżjoni fil‑11 ta’ Novembru 2013. Għall-kuntrarju, għal dak li kien jikkonċerna d-data ta’ dħul fis-seħħ tat-tkeċċija, is-Segretarju Ġenerali laqa’ parzjalment l-ilment billi ddeċieda li din kellha tidħol fis-seħħ fis‑27 ta’ Diċembru 2013 u mhux fl‑24 ta’ Diċembru 2013. |
|
22 |
Fl‑4 ta’ Novembru 2014, il-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA” informa lir-rikorrenti bil-kontenut tal-konklużjonijiet tal-Kulleġġ tal-Kwesturi. |
|
23 |
Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fis‑27 ta’ Ottubru 2014 u rreġistrat bin-numru F‑125/14, ir-rikorrenti talbet b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni li tikkonferma t-tkeċċija. |
|
24 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2014, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ċaħad it-talba għal assistenza bħala infondata (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza”). |
|
25 |
Adit b’ilment ippreżentat mir-rikorrenti, fit‑12 ta’ Frar 2015, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, is-Segretarju Ġenerali ddeċieda, fit‑2 ta’ Ġunju 2015, li jirtira l-ewwel deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza u mill-ġdid jissottometti l-każ tar-rikorrenti lill-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA”, waqt li informaha li kienet ser tittieħed deċiżjoni ġdida għal dak li jikkonċerna t-talba għal assistenza. |
|
26 |
Permezz ta’ digriet tal‑25 ta’ Novembru 2015, Curto vs Il‑Parlament (F‑125/14, EU:F:2015:142), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad bħala manifestament inammissibbli r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni li tikkonferma t-tkeċċija. |
|
27 |
Fit-22 ta’ Diċembru 2015, skont l-Artikolu 10 tar-regoli interni “APA” dwar il-fastidju, kif emendati bid-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tas‑6 ta’ Lulju 2015, li tipprovdi li l-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA” għandu jittrażmetti r-rapport kunfidenzjali tiegħu lill-President tal-Parlament u mhux iktar lill-kwesturi, il-President tal-Parlament informa lir-rikorrenti, wara li ħa konjizzjoni tal-konklużjonijiet il-ġodda tal-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA”, li, fil-fehma tiegħu, l-imġiba li hija kienet iddeskriviet fit-talba għal assistenza ma kinitx turi kondotta mhux xierqa ta’ Membru tal-Parlament fil-konfront ta’ APA u li huwa kien ittrażmetta dan il-fajl lill-ASTK sabiex din tieħu deċiżjoni fuq it-talba għal assistenza (iktar ’il quddiem d-“deċiżjoni mmotivata tal-President”). |
|
28 |
Fil-fatt, skont il-President tal-Parlament, li, bis-saħħa tal-Artikolu 12 tar-regoli interni “APA” dwar il-fastidju, kif emendati bid-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tas‑6 ta’ Lulju 2015, għandu s-setgħa jieħu, “[f]id-dawl tal-parir mogħti mill-Kumitat [Konsultttiv Speċjali ‘APA’]”, “deċiżjoni motivata li tindika jekk ġietx prodotta l-prova tal-fastidju” u, jekk ikun il-każ, is-setgħa li “jimponi sanzjoni kontra l-Membru kkonċernat, konformement mal-Artikoli 11 u 166 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament [tat‑8 leġiżlatura (2009/2014)”, l-użu ta’ kliem iebes (harsh) u l-fatt li wieħed jgħolli leħnu ma humiex rari fis-sitwazzjonijiet ta’ stress assoċjati mal-attività tal-Membri tal-Parlament. Minħabba r-relazzjoni tax-xogħol mill-qrib u intensa tagħhom, lanqas ma huwa rari li dawn il-Membri jikkuntattjaw lill-APA tagħhom fil-weekends u fil-vaganzi. Għalhekk, fir-rigward tat-telefonati li dwarhom xehdu xi ħbieb tar-rikorrenti u li matulhom M. kienet qalet xi kliem vulgari, u saħansitra insulenti, fil-konfront tar-rikorrenti, il-President tal-Parlament ikkonkluda li, għalkemm dawn kienu każijiet eċċezzjonali, dawn setgħu jkunu ġġustifikati minħabba kwistjonijiet ta’ urġenza professjonali u mill-fatt li M. ma kinitx issodisfatta bil-prestazzjoni professjonali tar-rikorrenti. |
|
29 |
Barra minn hekk, il-President tal-Parlament qies li l-fatti deskritti fit-talba għal assistenza kellhom jiġu evalwati fil-kuntest tar-relazzjoni mill-qrib u familjari tar-rikorrenti ma’ M. li kienet ilha tafha għal numru ta’ snin bħala omm waħda mill-ħbieb tagħha. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, il-kliem vulgari li xi kultant M. kienet tuża fil-komunikazzjoni mar-rikorrenti seta’ jirrifletti l-prossimità tar-relazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, huwa nnota l-eżistenza, f’Ottubru 2013, ta’ tensjoni bejn M., ir-rikorrenti u żewġ APA oħra, li, milli jidher, xtaqu li l-kuntratti ta’ inġagg tagħhom jiġu xolti. F’dan il-kuntest, kienu ġew irrekordjati konversazzjonijiet mingħajr l-għarfien ta’ M., liema fatt, skont il-President tal-Parlament, kien ta’ natura li jwassal għal konfrontazzjoni irrispettivament mill-atmosfera u mill-post tax-xogħol. |
|
30 |
Għalhekk, fid-deċiżjoni motivata tiegħu, il-President tal-Parlament ikkonkluda li l-aġir ta’ M., f’dan il-każ partikolari, ma setax jitqies li kien eċċessiv fil-kuntest ta’ xogħol speċifiku tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn Membru tal-Parlament u APA u li, għalhekk, osservatur estern, mogħni b’sensittività normali u li jaf dan il-kuntest ta’ xogħol speċifiku, ma kienx jikkonkludi li dan l-aġir seta’ jbaxxi l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tar-rikorrenti fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
31 |
Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni motivata tiegħu, il-President tal-Parlament innota li r-rikorrenti ma kinitx invokat allegazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku fl-ilment li hija kienet ressqet fil‑5 ta’ Marzu 2014 kontra d-deċiżjoni li tikkonferma t-tkeċċija, u lanqas qabel it-tressiq tat-talba għal assistenza, fl‑14 ta’ April ta’ wara. |
|
32 |
Wara li inizjalment bagħat ittra f’indirizz fejn ir-rikorrenti ma kinitx għadha toqgħod, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal, bagħat ittra fil‑25 ta’ Frar 2016 lill-avukati tagħha, fejn ta l-possibbiltà lir-rikorrenti li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha sal 1 ta’ April 2016 fuq id-deċiżjoni motivata tal-President, qabel ma, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, jadotta d-deċiżjoni finali tiegħu fuq it-talba għal assistenza. |
|
33 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fit‑30 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti kkontestat l-analiżi preliminari esposta fid-deċiżjoni motivata tal-President. |
|
34 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2016, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ċaħad it-talba għal assistenza, essenzjalment billi adotta l-analiżi tal-President tal-Parlament li jidher fid-deċiżjoni motivata tiegħu (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza”). |
|
35 |
Fis‑27 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ressqet ilment taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra t-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza. |
|
36 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2017, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ċaħad l-ilment tas‑27 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”), billi enfasizza li l-inċidenti kontenzjużi kienu seħħew f’kuntest ta’ tensjoni kbira bejn M. u r-rikorrenti. Għalhekk, skont is-Segretarju Ġenerali, għalkemm l-użu ta’ kliem aħrax kien fih innisfu deplorevoli, fl-istess waqt, xi kultant kien diffiċli li ma jintużax dan il-kliem f’ambjent politiku stressanti. Barra minn hekk, it-telefonati li kienet irċeiviet ir-rikorrenti waqt tieġ u f’weekend, bħal dawk li jissemmew fit-talba għal assistenza, kienu ġġustifikati mill-urġenza professjonali, billi s-Segretarju Ġenerali nnota li xi kultant l-APA kienu mitluba jaħdmu barra l-ħin tax-xogħol u matul il-weekends. Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali qies li ċ-ċirkustanza li, bħala Membru tal-Parlament, M. ma kinitx issodisfatta bil-prestazzjoni professjonali tar-rikorrenti kienet aggravat sitwazzjoni diġà intensa, b’mod partikolari waqt il-perijodi ta’ xogħol stressanti. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
37 |
Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
|
38 |
Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti informat lill-Qorti Ġenerali li hija ma xtaqitx li hija tingħata l-anonimat f’din il-kawża. Konsegwentement, hija talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tneħħi l-anonimat li hija kienet iddeċidiet li tagħtiha ex officio, liema talba ġiet milqugħa. |
|
39 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Lulju 2017, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) inkarigat lill-Imħallef Relatur sabiex jeżamina l-possibbiltà li t-tilwima tiġi riżolta permezz ta’ ftehim bonarju, skont l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 125a(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Wara li r-rikorrenti rrifjutat li tesplora tali possibbiltà, il-Qorti Ġenerli kkonstatat li din il-proċedura ma kellhiex suċċess. |
|
40 |
Permezz ta’ ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Lulju 2017, il-Parlament intalab b’mod partikolari sabiex, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jippreżenta r-rapport tal‑24 ta’ Ġunju 2014 li kien ġie sottomess lill-Kulleġġ tal-Kwesturi u sabiex jirrispondi għal xi mistoqsijiet, b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ASTK kienx għadu marbut bid-dmir ta’ assistenza, imsemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta, fid-data tat-tressiq ta’ talba għal assistenza, il-membru tal-persunal ikkonċernat kien telaq mill-istituzzjoni diversi xhur qabel u, għalhekk, dan il-membru tal-persunal ma kienx għadu marbut mal-istituzzjoni b’relazzjoni ta’ impjieg. Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti ġiet mitluba tispjega n-natura tar-rapporti personali li hija kellha ma’ M. għal diversi snin qabel l-inġagg tagħha. |
|
41 |
Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini stabbiliti. Madankollu, fir-risposta tiegħu tal‑10 ta’ Awwissu 2017, il-Parlament talab li r-rapport tal‑24 ta’ Ġunju 2014, li huwa rrifjuta li jikkomunika, jitqies bħala kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura u, għalhekk, sabiex ir-rikorrenti ma jkollhiex aċċess għalih. |
|
42 |
Permezz ta’ ittra tar-Reġistratur tal‑25 ta’ Awwissu 2017, il-Parlament intalab b’mod partikolari sabiex, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jispjega lill-Qorti Ġenerali jekk il-konklużjonijiet il-ġodda tal-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA”, trażmessi lill-President tal-Parlament u li fuqhom dan ibbaża ruħu fid-deċiżjoni motivata tiegħu, kinux ġew adottati fil-forma ta’ rapport, bħal dak tal‑24 ta’ Ġunju 2014 li kien ġie sottomess lill-Kulleġġ tal-Kwesturi, u, jekk ikun il-każ, sabiex jipproduċi dan ir-rapport. |
|
43 |
Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Settembru 2017, il-Parlament ikkonferma b’mod partikolari li l-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA” kien effettivament adotta it-tieni rapport, fid‑29 ta’ Ottubru 2015 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tad‑29 ta’ Ottubru 2015”), iżda huwa indika lill-Qorti Ġenerali li, f’dan l-istadju tal-proċedura, huwa lanqas ma seta’ jikkomunika dan ir-rapport, għaliex dan kellu jibqa’ kunfidenzjali fir-rigward tar-rikorrenti. |
|
44 |
Permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Ottubru 2017, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Parlament, skont l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jipproduċi, f’terminu ffissat mir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, ir-rapporti tal‑24 ta’ Ġunju 2014 u tad‑29 ta’ Ottubru 2015, li huwa kien irrifjuta li jipproduċi bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali, filwaqt li ppreċiżat li dawn id-dokumenti ma kinux ser jiġu kkomunikati lir-rikorrenti f’dan l-istadju tal-proċedura. |
|
45 |
Fit‑12 ta’ Ottubru 2017, il-Parlament ipproduċa r-rapporti tal‑24 ta’ Ġunju 2014 u tad‑29 ta’ Ottubru 2015. |
|
46 |
Fit‑13 ta’ Ottubru 2017, permezz ta’ att separat mir-replika, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tiżgura li d-dritt tagħha għal rimedju ġudizzjarju effettiv jiġi rrispettat billi tagħtiha aċċess għar-rapporti tal‑24 ta’ Ġunju 2014 u tad‑29 ta’ Ottubru 2015. Barra minn hekk, hija talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex, jekk neċessarju, titlob lill-Parlament jipproduċi l-eventwali rapporti jew minuti tax-xhieda stabbiliti mill-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA” fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva kif ukoll il-konklużjonijiet tal-kwesturi adottati fir-rigward tagħha fil‑15 ta’ Lulju 2014. |
|
47 |
Wara skambju doppju ta’ noti, il-proċedura bil-miktub ingħalqet fl‑4 ta’ Diċembru 2017. |
|
48 |
Fit‑18 ta’ Diċembru 2017, billi qieset li r-rapporti tal‑24 ta’ Ġunju 2014 u tad‑29 ta’ Ottubru 2015 kienu rilevanti sabiex tiddeċiedi fuq it-tilwima u ma kinux kunfidenzjali fir-rigward tar-rikorrenti, b’mod partikolari għaliex iż-żewġ xhieda aċċettati mill-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA” fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva ma kellhomx natura kunfidenzjali fil-konfront tagħha, peress li ż-żewġ xhieda stess kienu ressqu talba għal assistenza simili għal dik tagħha u kienu aċċettaw li jipprovdulha, għall-bżonnijiet ta’ dan ir-rikors, ix-xhieda tagħhom bil-miktub, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, skont l-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kien meħtieġ li dawn ir-rapporti jiġu kkomunikati lir-rikorrenti u stabbilixxiet terminu li kien jiskadi fit‑12 ta’ Jannar 2018 sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. |
|
49 |
Fit‑8 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti u l-Parlament wieġbu għall-mistoqsijiet li kienu sarulhom mill-Qorti Ġenerali bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u pproduċew id-dokumenti li hija kienet talbithom jippreżentaw. |
|
50 |
Fit‑12 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rapporti tal‑24 ta’ Ġunju 2014 u tad‑29 ta’ Ottubru 2015. |
|
51 |
Fid‑9 ta’ Frar 2018, il-Parlament ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-tweġibiet tar-rikorrenti tat‑8 ta’ Jannar 2018 kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet tagħha tat‑12 ta’ Jannar 2018, filwaqt li, fl‑10 ta’ Frar ta’ wara, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-tweġibiet tal-Parlament tat‑8 ta’ Jannar 2018. |
|
52 |
Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Marzu 2018, il-Parlament talab sabiex, skont l-Artikolu 109 tar-Regoli tal-Proċedura, is-seduta għas-sottomissjonijiet orali tinżamm bil-magħluq. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ April 2018, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba. |
|
53 |
Fit‑3 ta’ Mejju 2018, il-partijiet għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali. |
|
54 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
55 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq il-possibbiltà għar-rikorrenti li tressaq talba għal assistenza wara l-iskadenza tal-kuntratt ta’ ingaġġ tagħha
|
56 |
Preliminarjament, għandha tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti mqajma mill-Parlament li jgħidu li, dakinhar tat-tressiq tat-talba għal assistenza, ir-rikorrenti ma kinitx għadha impjegata mill-ASTK u l-mandat ta’ M. kien spiċċa, li, fil-fehma tiegħu, jimplika li huwa ma setax jadotta miżuri ta’ assistenza, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-rikorrenti, u lanqas jimponi sanzjonijiet fuq M. skont l-Artikoli 166 u 167 tar-Regoli ta’ Proċeduri tiegħu attwalment applikabbli. |
|
57 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat qabelxejn li, kif anki l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, l-għan tad-dmir ta’ assistenza msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li jagħti lill-uffiċjali u lill-aġenti f’impjieg attiv sigurtà għall-preżent u għall-futur sabiex, fl-interess ġenerali tas-servizz, huma jkunu jistgħu jaqdu aħjar l-funzjonijiet tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet għalhekk li d-dmir ta’ assistenza ma kienx previst esklużivament favur l-uffiċjali u l-aġenti f’impjieg attiv, iżda seta’ jiġi invokat ukoll minn ex uffiċjali jew ex aġenti, f’dak il-każ minn uffiċjali rtirati tas-servizz pubbliku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 1986, Sommerlatte vs Il‑Kummissjoni, 229/84, EU:C:1986:241, punt 19). |
|
58 |
Barra minn hekk, f’sitwazzjoni fejn l-ASTK kienet ġiet adita b’mod regolari b’talba għal assistenza fiż-żmien meta kemm l-APA kif ukoll il-Membru tal-Parlament ikkonċernati kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet rispettivi tagħhom fi ħdan l-istituzzjoni, diġà ġie deċiż li l-ASTK tibqa’ fl-obbligu li tmexxi l-investigazzjoni amministrattiva, irrispettivament mill-kwistjoni jekk l-allegat fastidju kienx waqaf jew le minħabba t-tluq ta’ waħda jew oħra mill-partijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 122) u, għalhekk, anki jekk, wara dan it-tluq, ma kienx għadu possibbli għall-ASTK li tadotta l-miżuri msemmija f’dan il-każ mill-Parlament. |
|
59 |
Insostenn ta’ dan l-approċċ, ittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt, l-ewwel nett, li l-għan ta’ investigazzjoni amministrattiva huwa li jiġu stabbiliti l-fatti u li minnhom jinsiltu, b’għarfien taċ-ċirkustanzi, il-konsegwenzi xierqa kemm fir-rigward tal-każ li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni kif ukoll, bħala regola ġenerali u sabiex jiġi ssodisfatt il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sabiex jiġi evitat li tali sitwazzjoni tirrepeti ruħha fil-futur; it-tieni nett, li l-eventwali rikonoxximent mill-ASTK fi tmien l-investigazzjoni amministrattiva, eventwalment immexxija bl-għajnuna ta’ kumitat konsultattiv bħall-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA”, tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jista’, fih innifsu, jkun ta’ benefiċċju fil-proċess ta’ rkupru terapewtiku tal-APA li jkun ngħata fastidju u jista’ barra minn hekk jintuża mill-vittma għall-finijiet ta’ azzjoni ġudizzjarja nazzjonali eventwali, li fir-rigward tagħha l-obbligu ta’ assistenza tal-ASTK skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa applikabbli u ma jispiċċax wara t-tmiem tal-perijodu ta’ ingaġġ tal-APA u, it-tielet nett, li t-tmexxija sat-tmiem tagħha ta’ investigazzjoni amministrattiva tista’, għall-kuntrarju, tinvalida l-allegazzjonijiet tal-allegata vittma, biex b’hekk tkun tista’ tissewwa l-ħsara li tali akkuża, finalment infondata, setgħet tikkawża lill-persuna msemmija bħala dik li allegatament tat fastidju f’proċedura ta’ investigazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punti 95, 123 u 124). |
|
60 |
Għalhekk, iċ-ċirkustanza li, f’dan il-każ, fid-data tat-tressiq tat-talba għal assistenza, l-ASTK ma setgħetx iktar tadotta miżuri ta’ assistenza, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-rikorrenti u/jew timponi sanzjonijiet fuq M. skont l-Artikoli 166 u 167 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament hija rrelevanti għall-kwistjoni dwar jekk l-ASTK kinitx obbligata tittratta t-talba għal assistenza, minkejja t-tluq minn dik l-istituzzjoni tar-rikorrenti u ta’ M., u li tmexxi, jekk ikun il-każ, l-investigazzjoni amministrattiva sa tmiemha. |
|
61 |
Madankollu, fi tmiem il-kuntratt ta’ ingaġġ tiegħu, ex membru tal-persunal temporanju ma jistax iressaq talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr limitazzjoni ta’ żmien. F’dan ir-rigward, billi la l-Artikolu 24 u lanqas l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedi teminu li fih talba għal assistenza għandha titressaq, jeħtieġ fil-fatt li jiġi applikat ir-rekwiżit li din it-talba għandha titressaq f’terminu raġonevoli wara l-perijodu li matulu seħħew il-fatti allegati f’din it-talba, li, bħala prinċipju, ma jistax jaqbeż il-ħames snin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2011, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑95/09, EU:F:2011:9, punti 52 u 53). |
|
62 |
F’dan il-każ, it-talba għall-assistenza tressqet xi ftit xhur wara l-fatti kontenzjużi u, barra minn hekk, immedjatament fi tmiem il-perijodu li matulu ġew ittrattati l-ilmenti li r-rikorrenti kienet ressqet kontra d-deċiżjoni li tikkonferma t-tkeċċija u d-deċiżjonijiet tal-ASTK dwar l-ammissibbiltà taċ-ċertifikati mediċi li hija kienet ipproduċiet. Għalhekk, f’dan il-każ, it-talba għal assistenza għandha titqies li ma ġietx ippreżentata tardivament, li jimplika li l-ASTK kienet effettivament obbligata tieħu azzjoni dwarha, u dan għamlitu billi adottat it-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza. |
Fuq l-ewwel kap tat-talbiet, sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment
|
63 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament diretti formalment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li l-Qorti Ġenerali tiġi adita bl-att li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment, meta l-imsemmija talbiet ikunu, bħala tali, neqsin minn kontenut awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8, u tas‑6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T‑309/03, EU:T:2006:110, punt 43). |
|
64 |
F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tikkonferma biss ir-rifjut tal-ASTK li tqis, fit-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza, li l-aġir ta’ M. fil-konfront tar-rikorrenti kien jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “fastidju psikoloġiku” fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, liema fatt jiġġustifika ċaħda tat-talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment huma nieqsa minn kontenut awtonomu u li għaldaqstant ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament fuqhom, anki jekk, fl-eżami tal-legalità tat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tidher fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, peress li din il-motivazzjoni kienet maħsuba sabiex tikkoinċidi ma’ dik tat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq l-ewwel kap tat-talbiet, sa fejn huwa intiż għall-annullament tat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza
|
65 |
Insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u, t-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”
|
66 |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li, meta rrifjutat li tqis l-aġir ta’ M., deskritt fit-talba għal assistenza, bħala li tammonta għal fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ASTK wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatti deskritti fit-talba għal assistenza u kkoroborati mhux biss minn tliet APA oħra li kienu fis-servizz ta’ M., li minnhom tnejn ippreżentaw ukoll talbiet għal assistenza kontemporanjament magħha, iżda wkoll minn persuni esterni għall-istituzzjoni u, fil-fażi kontenzjuża, minn żewġ ex kollegi tal-Parlament, l-ASTK ma setgħetx, kif għamlet fit-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza u dan saħansitra minkejja li hija rrikonoxxiet in-natura intenzjonali u ripettittiv tagħha, tqis li dan l-aġir ta’ M. ma kienx abbużiv u li ma kellux l-effett li jbaxxi l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tar-rikorrenti. |
|
67 |
Fir-rigward tal-fatti kontenzjużi, ir-rikorrenti tqis li hija kienet suġġetta għal vjolenza verbali, b’mod partikolari għal dilluvju ta’ insulti u ta’ lingwaġġ aggressiv, kif ukoll għal pressjoni psikoloġika, permezz ukoll ta’ ordnijiet kontradittorji, u li l-aġir abbużiv ta’ M. ma kienx limitat għall-okkażjonijiet imsemmija fit-talba għal assistenza, imma kienet waħda kontinwa. |
|
68 |
Bħala eżempju, ir-rikorrenti tirreferi b’mod partikolari għat-ton li bih, f’messaġġ qasir (SMS), tat‑18 ta’ Ottubru 2013, mibgħut fil-kuntest tal-organizzazzjoni ta’ trasferiment ta’ M. lejn Strasbourg (Franza) li ġie pospost minħabba azzjoni industrijali tal-kontrolluri tal-ajru, M. kienet insistiet li hija tiskuża ruħha billi użat dan il-kliem: “Napprezza jekk għall-inqas tiskuża ruħek għall-massakru tal-lum!!!” (“Mi farebbe piacere ricevere pero almeno le tue scuse per il massacro di oggi!!!”). Sussegwentement hija ssemmi t-telefonati bla waqfien ta’ M. is-Sibt 26 ta’ Ottubru 2013 filgħaxija meta hija kienet qiegħda tiekol ma’ żewġt iħbieb tagħha. Filwaqt li tippreċiża li din id-data kienet taqa’ fil-“ġimgħa l-ħadra”, li matulha l-Membri tal-Parlament normalment jirritornaw fil-kostitwenzi tagħhom, ir-rikorrenti tispjega, sostnuta minn xhieda, li M. kienet għajtet b’mod frenetiku fuq it-telefon u temmet din is-sensiela twila ta’ telefonati, li matulhom hija ddeskriviet lir-rikorrenti bħala “stupida” (“stupida”), billi qaltilha “mur aħra” (“ma va a cagare”). Wieħed mix-xhieda jiddikjara li huwa sema’ lil M. tuża l-kelma “qaħba” (“stronza”) meta kienet qiegħda tirreferi għar-rikorrenti. |
|
69 |
Ir-rikorrenti ssemmi wkoll il-weekend tal‑5 u tas‑6 ta’ Ottubru 2013 li matulu hija pparteċipat fiċ-ċelebrazzjonijiet taż-żwieġ ta’ waħda mill-ħbieb tagħha. F’din l-okkażjoni, M. kienet ċemplet lir-rikorrenti diversi drabi. Dawn il-konversazzjonijiet telefoniċi kienu tqiegħdu fuq il-loudspeaker fil-preżenza ta’ terzi, b’mod partikolari meta hija kienet qiegħda ssuq, u dawn it-terzi kienu aċċettaw li jixhdu bil-miktub. Skont dawn ix-xhieda, il-kontenut tad-diskors ta’ M. lir-rikorrenti kien is-segwenti: “M’int xejn ħlief qaħba! Qatt m’int hawn fil-weekends, għal raġuni jew oħra, għala bieb żobbok, moħħok biss biex tnik” (“Sei solo una stronza! Tutti i weekend sei via, per un motivo o per l’altro non te ne frega un cazzo, pensi solo a scopare”); “Int qaħba! Qatt ma ssibek fil-weekend, meskina u tiġi taqa’ u tqum, moħħok biss biex tnik” (“Sei una stronza! Non ci sei mai il week end, meschina e menefreghista, pensi solo a scopare”); “Kull m’għandek tagħmel titlobni skuża, ja għażżiena mnejka, moħħok biss biex tnik” (“Dovresti solo chiedermi scuza menefreghista del cazzo, pensi solo a scopare”); “M’hemmx x’tagħmel, hija kwistjoni ta’ intelliġenza; jekk ma jirnexxilekx, ma jirnexxilekx […] idjota” (“Purtroppo e’ una questione di neuroni; se non ce la fai non ce la fai […] idiota”); “int vera kretina; imma kif ma jirnexxilekx tifhem […] stupida”; (“sei proprio una cretina; ma come si fa a non capire […] stupida”); “kemm int injoranta […] intom ilkoll imbeċilli, kif spiċċajt imdawra bl-imbeċilli” (“testa di cazzo che non sei altro […] siete tutti degli imbecilli, come facio io a trovare solo imbecilli”). |
|
70 |
Ir-rikorrenti ssemmi wkoll il-weekend tal‑1 sat‑3 ta’ Novembru 2013 li matulu, waqt li hija kienet l-Italja mas-sieħeb tagħha, M. ma waqfitx iċċemplilha, anki tard filgħaxija lejn is-siegħa ta’ filgħodu. Waqt li r-rikorrenti kienet imbikkma fuq it-telefon, M. qaltilha, skont id-dikjarazzjonijiet ikkonfermati minn sieħeb ir-rikorrenti, dan li ġej: “Iva, ibki, kretina, […] imissek tinżel għarkupptejk u tibki, ja qaħba” (“Atroche piangere, cretina […] dovresti solo metterti in ginocchio e piangere stronza”). |
|
71 |
Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għall-fatt li, fis‑7 ta’ Novembru 2013, waqt li hija kienet bil-leave tal-mard, M. insistiet li hija tmur taħdem permezz ta’ SMS miktub kif ġej: “Illum ġurnata tax-xogħol u inti OBBLIGATA tikkonsenja l-fajls: kont qed nistenniek f’nofsinhar, ejja ISSA!!!! Ikla ma’ ħabiba tista’ tistenna: IMISSEK TISTĦI!!!!” (“Oggi è una giornata di lavoro e DEVI passare le consegne: eri attesa alle 12, vieni URGENTEMENTE!!!! Il pranzo con amica può attendere: VERGOGNATI!!!!”). Ir-rikorrenti tispjega li, għaliex hija ma kinitx marret għax-xogħol, wara nofsinhar M. bagħtitilha SMS miktub kif ġej: “Sfortuntament, ser ikolli nirraporta l-aġir tiegħek [lill-ASTK]” (“Devo, purtroppo denunciare il tuo comportamento!”). |
|
72 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinnota li, fit‑13 ta’ Novembru 2013, waqt li hija kienet bil-leave tal-mard u kienet diġà rċeviet l-ittra tal‑11 ta’ Novembru preċedenti li informatha li hija kienet tkeċċiet mix-xogħol, hija rċeviet SMS mingħand M. miktub kif ġej: “Nittama li qed tistħi minn qiegħ qalbek għall-aġir tiegħek: ma spiċċajt xejn mill-kompiti li afdajtlek u qed ittellef (waqt li titħallas tajjeb ħafna) l-attività tas-servizz” (“Spero che tu ti vergogni profondamente del tuo comportamento: non hai portato a compimento alcun compito assegnato e stai ostacolando (molto ben retribuita) l’attività dell’ufficio”). Barra minn hekk, fid‑29 ta’ Novembru 2013, M. bagħtet email lit-tifla tagħha, ħabiba tar-rikorrenti, sabiex tiskredita lil din tal-aħħar billi ddikjarat dan li ġej: “Ara kemm hija ĦARA din Michela: QED TAĦLILI L-BAĠIT KOLLU TIEGĦI SABIEX TIBQA’ D-DAR U MA TAGĦMILX ŻOBB” (“Guarda che MERDA la Michela: STA USANDO TUTTO IL MIO BUDGET PER RIMANERE A CASA E NON FARE UN CAZZO”). |
|
73 |
Il-Parlament jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat, billi jsostni li t-telefonati msemmija mir-rikorrenti seħħew f’kuntest ta’ tensjoni u ta’ xogħol stressanti, li, f’dak il-perijodu, l-APA fis-servizz ta’ M. kienu aġixxew b’mod provokattiv lejn din il-Membru tal-Parlament u li, billi r-rikorrenti kienet ħabiba tat-tifla ta’ M., il-lingwaġġ użat minn din tal-aħħar “[ma kienx] imur lil hin minn sempliċi kunflitt bejn il-Membru u r-rikorrenti fuq ix-xogħol li kellu jitwettaq”. Barra minn hekk, il-Parlament jinnota li r-rikorrenti kienet fis-servizz ta’ M. għal perijodu ta’ tliet xhur biss, fosthom ix-xahrejn tas-sajf tal‑2013 li matulhom M. kienet assenti mill-uffiċju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet promossa għall-grad 5 fil‑25 ta’ Settembru 2013, li juri, flimkien maż-żewġ tużżani SMS skambjati b’ton normali, anzi amikevoli, li M. ma kellhiex aġir negattiva lejn ir-rikorrenti. |
|
74 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għal dak li jikkonċerna l-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż fit-trattament ta’ talba għal assistenza li tinkludi allegazzjonijiet dwar fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal minn Membru ta’ istituzzjoni (ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il‑Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punti 54 sa 58, u tas-26 ta’ Marzu 2015, CN vs Il‑Parlament, F‑26/14, EU:F:2015:22, punt 42), l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa ta’ evalwazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 1998, Haas et vs Il‑Kummissjoni, T‑3/96, EU:T:1998:202, punt 54), suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 48). L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni f’dan ir-rigward huwa għalhekk limitat għall-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjoni kkonċernata osservatx limiti raġonevoli u użatx is-setgħa diskrezzjonali b’mod manifestament żbaljat (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punt 137, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 89). |
|
75 |
Madankollu, fit-trattament tal-ewwel motiv, għandha tkun il-Qorti Ġenerali li tivverifika jekk, fit-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza, l-ASTK qisitx korrettament li l-fatti allegati mir-rikorrenti ma kinux jammontaw għal fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal u, għalhekk, ma kienux jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri taħt id-dmir ta’ assistenza msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal hija bbażata fuq kunċett oġġettiv u li, anki jekk hija bbażata fuq klassifikazzjoni kuntestwali tal-atti u tal-aġir ta’ uffiċjali u ta’ aġenti li ma hijiex dejjem faċli biex issir, dan ma jimplikax madankollu li għandhom isiru evalwazzjonijiet kumplessi, bħal dawk li jistgħu jirriżultaw minn kunċetti ta’ natura ekonomika (ara, fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punt 86, u tas‑27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale,C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 40), xjentifika (ara, għad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, Rütgers Germany et vs ECHA,T‑94/10, EU:T:2013:107, punti 98 u 99) jew anki teknika (ara, għad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), is-sentenza tal‑15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO, C‑38/09 P, EU:C:2010:196, punt 77), li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent favur l-amministrazzjoni ta’ marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal-kunċett inkwistjoni. Għalhekk, fil-preżenza ta’ allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi investigat jekk l-ASTK wettqitx żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tad-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku msemmi f’din id-dispożizzjoni, u mhux żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti. |
|
76 |
Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku, dan huwa ddefinit, fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala “kull imġiba mhux xierqa” li l-ewwel nett tinvolvi atteġġjament fiżiku, lingwaġġ mlissen jew miktub, azzjonijiet jew atti oħra li “ssir tul perjodu, hija ripetittiva jew sistematika”, li jimplika li l-fastidju psikoloġiku għandu jiftiehem bħala proċess li neċessarjament idum għal ċertu żmien u jippreżupponi l-eżistenza ta’ aġir ripetut jew kontinwu u li jkun “intenzjonali”, b’kuntrast għal “aċċidentali”. It-tieni nett, sabiex ikunu jaqgħu taħt dan il-kunċett, jeħtieġ li dan l-atteġġjament fiżiku, lingwaġġ mlissen jew miktub, azzjonijiet jew atti oħra jbaxxu l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, HQ vs OCVV, T‑592/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:897, punt 101; ara, ukoll, is-sentenza tal‑17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punti 76 u 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
77 |
Għalhekk, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-atteġġjament fiżiku, lingwaġġ mlissen jew miktub, azzjonijiet jew atti oħra inkwistjoni jkunu twettqu bl-intenzjoni li titbaxxa l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku mingħajr ma jintwera li l-persuna li tagħti fastidju kellha l-intenzjoni li, bl-azzjonijiet tagħha, tiskredita lill-vittima jew tiddegrada intenzjonalment il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa suffiċjenti li, ladarba dawn ikunu twettqu volontarjament, dawn l-azzjonijiet ikunu oġġettivament wasslu għal dawn il-konsegwenzi (ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Cantisani vs Il‑Kummissjoni, F‑71/10, EU:F:2012:71, punt 89, u tas‑17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il‑Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
78 |
Finalment, billi l-aġir inkwistjoni għandu jkollu, skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, natura abbużiva, isegwi li l-klassifikazzjoni ta’ “fastidju” hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan ikun oġġettivament u suffiċjentement reali, fis-sens li osservatur imparzjali u raġonevoli, li jkollu sensittività normali u mqiegħed fl-istess kundizzjonijiet, iqishom bħala eċċessivi u ta’ min jikkritikahom (sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑42/10, EU:F:2012:64, punt 65, u tas‑17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il‑Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 78). |
|
79 |
Billi din il-kawża tinvolvi Membru ta’ istituzzjoni, jeħtieġ jiżdied ukoll li, f’din il-kwalità, M. ċertament ma kinitx direttament suġġetta għall-obbligi previsti mir-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas, b’mod partikolari, għall-projbizzjoni ta’ kull fastidju psikoloġiku msemmi fl-Artikolu 12a tagħhom. |
|
80 |
Madankollu, minn naħa, skont l-Artikolu 9(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament applikabbli fi żmien il-fatti, jiġifieri dawk tas‑7 leġiżlatura (2009/2014), “[l]-imġiba tal-Membri għandha tkun ikkaratterizzata b’rispett reċiproku, għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-priċipji stabbiliti fit-testi bażiċi li fuqhom hija imsejsa l-Unjoni Ewropea, għandha tirrispetta d-dinjità tal-Parlament u m’għandiex tikkomprometti t-tmexxija bla xkiel tal-ħidma parlamentari jew itellef il-paċi u l-kwiet ta’ kwalunkwe bini tal-Parlament”. L-Artikolu 11(3) tar-Regoli ta’ Proċedura applikabbli għat‑8 leġiżlatura (2014/2019) illum jagħmel referenza, għal dak li jikkonċerna l-valuri u prinċipji, għal dawk previsti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, għandha tkun l-ASTK li, fiċ-ċirkustanzi kollha, tiggarantixxi lill-uffiċjali u lill-aġenti tagħha kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa u d-dinjità tagħhom. |
|
81 |
Minn dan jirriżulta li, kif qablu anki r-rikorrenti u l-Parlament waqt is-seduta, dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament jobbligaw lill-Membri ta’ dik l-istituzzjoni josservaw, ukoll, il-projbizzjoni ta’ fastidju psikoloġiku msemmi fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, billi l-projbizzjoni ta’ tali aġir, stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal, hija fil-verità ispirata mill-valuri u mill-prinċipji ddefiniti fit-Trattati u taqa’ taħt l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jipprevedi li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”. |
|
82 |
Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jiġi kkonstat li, f’dan il-każ, il-fatti kontenzjużi, kif allegati mir-rikorrenti fit-talba għal assistenza u fir-rikors, ġew ikkorroborati mix-xhieda u, finalment, ma ġewx ikkontestati fil-veriċità tagħhom la, fil-fażi prekontenzjuża, mill-ASTK u lanqas, fil-fażi kontenzjuża, mill-Parlament. Skont id-deċiżjoni motivata tal-President, M. lanqas ma kkontestat il-fatti li jikkonċernaw it-telefonati tagħha matul il-weekends, tard filgħaxija u matul il-leave tar-rikorrenti. |
|
83 |
Barra minn hekk, għalkemm kliem jew azzjonijiet aċċidentali, anki jekk jistgħu jkunu inadegwati, huma ċertament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il‑Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 95), huwa stabbilit li, f’dan il-każ, il-Parlament ma jikkontestax in-natura ripetittiva u intenzjonali, jiġifieri volontarja, tal-aġir allegat kontra M. u li, b’mod partikolari, huwa jirrikonoxxi, korrettament, li ċ-ċirkustanza li r-rikorrenti eżerċitat il-funzjonijiet tagħha għal żmien qasir ma tistax teskludi li dan l-aġir jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
84 |
Madankollu, kemm l-ASTK, li tadotta l-pożizzjoni tal-President tal-Parlament adottata fid-dawl tar-Rapport tad‑29 ta’ Ottubru 2015, kif ukoll il-Parlament bħala konvenut iqisu li l-aġir ta’ M. fil-konfront tar-rikorrenti ma tistax tiġi kklassifikata bħala aġir mhux xieraq minn Membru tal-Parlament fil-konfront ta’ APA. B’mod partikolari, minn naħa, l-użu ta’ lingwaġġ iebes u l-fatt li persuna tgħolli leħenha ma humiex rari fis-sitwazzjonijiet ta’ stess assoċjati mal-attività tal-Membri tal-Parlament. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-użu ta’ kliem vulgari, u saħansitra insulenti, minn M. fil-konfront tar-rikorrenti, għalkemm dawn kienu okkażjonijiet eċċezzjonali, setgħu, skont il-Parlament, ikunu ġġustifikati minħabba urġenza professjonali u bil-fatt li M. ma kinitx issodisfatta bil-prestazzjoni professjonali tar-rikorrenti u li, finalment, hija kienet tesprimi ruħha b’mod żorr. |
|
85 |
F’dan ir-rigward, huwa ċar li l-kontenut, b’mod partikolari l-livell għoli ta’ vulgarità tiegħu, tal-kliem ta’ M. fil-konfront tar-rikorrenti, b’mod partikolari fuq it-telefon, jikkostitwixxi disprezz kemm lejn il-persuna tar-rikorrenti kif ukoll lejn ix-xogħol tagħha. Jidher ukoll li M. kienet tiddisprezza x-xogħol tar-rikorrenti fuq il-post tax-xogħol tagħha, u tinsultaha, inkluż fil-preżenza ta’ persuni estranji għall-istituzzjoni. L-aġir ta’ M., kif iddokumentat fil-fajl, jidher għalhekk bħala abbużiv u ma jista’ bl-ebda mod jitqies bħala attitudini li tixraq lil Membru ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, liema istituzzjoni hija obbligata, taħt l-Artikolu 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tiggarantixxi lill-uffiċjali u lill-aġenti tagħha kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tagħhom. |
|
86 |
Kuntrarjament għal dak li jargumenta l-Parlament, in-natura abbużiva tal-aġir kontenzjuż ma jistax jiġi skużat bil-prossimità tar-relazzjoni bejn M. u r-rikorrenti għar-raġuni li din tal-aħħar kienet ħabiba tat-tifla ta’ M., u lanqas bil-klima ta’ tensjoni li kienet tirrenja fit-tim tal-APA fis-servizz ta’ M. |
|
87 |
Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt, kif essenzjalment allegat M. quddiem il-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA”, li r-rikorrenti ma kinitix tat prestazzjoni professjonali sodisfaċjenti għal M., li hija kienet ġiet reklutata b’mod partikolari minħabba r-rabta personali tagħha ma M. jew, għall-inqas, mat-tifla tagħha, jew li r-rikorrenti allegatament kellha l-intenzjoni li tirriżenja, jew anki iffirmat ordnijiet ta’ missjoni favur tagħha stess jew kisret dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż billi rrekordjat konversazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol tagħha mingħajr l-għarfien ta’ M., jibqa’ l-fatt madankollu li r-rikorrenti kellha d-dritt li tgawdi minn kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa u d-dinjità tagħha. Fil-fatt, dawn l-elementi, li setgħu eventwalment jiġġustifikaw miżuri dixxiplinarji jew tkeċċija bbażati fuq il-ksur tar-rabta ta’ fiduċja, bl-ebda mod ma jistgħu jawtorizzaw Membru ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jadotta aġir abbużiv, ripetittiv u intenzjonali, fil-konfront ta’ uffiċjal jew ta’aġent tal-Unjoni. F’kull każ, l-ASTK tibqa’ obbligata, taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, tiggarantixxi lill-uffiċjali u lill-aġenti tagħha kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa u d-dinjità tagħhom u, b’mod partikolari, ambjent tax-xogħol li ma jesponihom għal ebda forma ta’ fastidju, la psikoloġiku u lanqas sesswali. |
|
88 |
Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tal-Parlament dwar il-livell għoli ta’ stress inerenti għall-attivitajiet tal-Membri ta’ dik l-istituzzjoni, b’mod partikolari minħabba l-livell sostnut tal-attivitajiet tagħhom li, jekk ikun il-każ, jimplika li huma jkollhom jaħdmu fil-weekends u, xi kultant, anki fil-vaganzi, li konsegwentement jiġġustifika d-disponibbiltà tal-APA barra l-ġranet u l-ħinijiet tax-xogħol normalment previsti, huwa ċar li l-punt inkwistjoni, f’dan il-każ, ma huwiex neċessarjament iċ-ċirkustanza li M. ikkuntattjat lir-rikorrenti barra dawk il-ħinijiet u ġranet, iżda, fundamentalment, in-natura abbużiva tal-aġir ta’ M. mhux biss fuq il-post tax-xogħol matul il-ħinijiet tax-xogħol, iżda wkoll matul il-perijodi ta’ mistrieħ tar-rikorrenti, b’mod partikolari t-ton u l-vulgarità tal-kliem fuq it-telefon b’mod ripetittiv u invażiv fil-ħajja personali ta’ din l-APA. |
|
89 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta qieset, fit-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza, li l-aġir ta’ M. inkwistjoni f’dan il-każ ma kienx abbużiv fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ASTK wettqet żball ta’ evalwazzjoni, fuq kollox manifest, fid-dawl tad-definizzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni. |
|
90 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dan l-aġir kellux l-effett li jbaxxi l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tar-rikorrenti fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, jidher ukoll li meta, fit-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza, qieset li dan ma kienx il-każ hawnhekk, l-ASTK wettqet żball ta’ evalwazzjoni, fuq kollox manifest, fid-dawl tad-definizzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni. |
|
91 |
Fil-fatt, fid-dawl tal-livell eċċezzjonali ta’ vulgarità tal-kliem użat b’mod ripetittiv fil-konfront tar-rikorrenti, tan-natura insolenti tiegħu, kif ukoll tad-disprezz lampanti lejn il-persuna tar-rikorrenti u lejn il-kwalità tax-xogħol tagħha, pależament imxandra f’dawn ir-rimarki, l-ASTK ma setgħetx tikkonkludi li tali aġir abbużiv ta’ M. ma kellux l-effett li jbaxxi l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika tar-rikorrenti. |
|
92 |
Barra minn hekk, anki jekk l-opinjonijiet tal-esperti mediċi ma jistgħux, waħedhom, jistabbilixxu l-eżistenza, fid-dritt, ta’ fastidju jew ta’ nuqqas tal-istituzzjoni fid-dawl tad-dmir ta’ assistenza tagħha (sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2015, BQ vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑7/14 P, EU:T:2015:79, punt 49; tas‑16 ta’ Mejju 2017, CW vs Il‑Parlament, T‑742/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:338, punt 69, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 92), iċ-ċertifikati mediċi prodotti f’dan il-każ setgħu jikkorroboraw ir-realtà li tbaxxiet l-integrità fiżika tar-rikorrenti. |
|
93 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li osservatur estern, mogħni b’sensibbiltà normali u bl-għarfien tal-kuntest tax-xogħol speċifiku għall-Membri tal-Parlament u għall-APA tagħhom, kien jikkonkludi li l-aġir ta’ M. inkwistjoni f’dan il-każ kien eċċessiv u kritikabbli u seta’ kellu l-effett li jbaxxi l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tar-rikorrenti. |
|
94 |
Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal
|
95 |
Insostenn tat-tieni motiv ta’ annullament, ir-rikorrenti targumenta li l-ASTK kisret id-dmir ta’ assistenza impost fuqha taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel nett, billi ma aġixxietx b’diliġenza u b’ħeffa sabiex tiftaħ investigazzjoni amministrattiva u, f’dan il-kuntest, tadixxi l-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA”, liema fatt wassal sabiex il-proċedura tittawwal b’diversi xhur; it-tieni nett, billi ma aġixxietx b’serjetà, kif juri l-fatt li l-ASTK stenniet li l-ewwel ilment jiġi milqugħ qabel ma ddeċidiet, finalment, li tiftaħ l-investigazzjoni amministrattiva, u, it-tielet nett, billi nnotifikat id-deċiżjoni motivata tal-President f’indirizz li fih hija ma kinitx għadha tgħix, li wassal għal dewmien ulterjuri ta’ xahrejn. Ir-rikorrenti tikkritika għalhekk id-dewmien fl-adozzjoni tad-diversi deċiżjonijiet tal-ASTK, li wassal sabiex jipposponi t-tressiq ta’ kawża minnha, fil-livell nazzjonali, kontra M., għaliex hija ħasset li, għall-bżonnijiet ta’ din il-kawża nazzjonali, kien neċessarju li hija tibbaża ruħha fuq rikonoxximent uffiċjali mill-ASTK tal-eżistenza tal-fastidju psikoloġiku allegat. |
|
96 |
Il-Parlament jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat, u jargumenta b’mod partikolari li, fir-rigward tat-tul tat-trattament tat-talba għal assistenza, tali perijodu jibda jiddekorri biss mid-deċiżjoni tat‑2 ta’ Ġunju 2015 li laqgħet l-ilment tar-rikorrenti kontra l-ewwel deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza. |
|
97 |
F’dan ir-rigward, meta titressaq, taħt l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal quddiem l-ASTK jew, skont il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra ta’ istituzzjoni, din tal-aħħar għandha, skont id-dmir ta’ assistenza u meta tiġi kkonfrontata b’inċident li huwa inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tas-servizz, tintervjeni bil-qawwa kollha neċessarja u twieġeb bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi l-fatti u tislet, meta tikkonstata dan, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jitlob il-protezzjoni mill-istituzzjoni tiegħu jipproduċi provi prima facie tar-realtà tal-attakki li tagħhom huwa jsostni li kien il-vittma. Fid-dawl ta’ dawn il-provi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi twettaq investigazzjoni amministrattiva, sabiex tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-ilment, bil-kollaborazzjoni tal-lanjant (sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, EU:C:1989:38, punti 15 u 16; tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 46, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 87). |
|
98 |
Fil-preżenza ta’ allegazzjonijiet ta’ fastidju, l-obbligu ta’ assistenza jinkludi, b’mod partikolari, id-dmir tal-amministrazzjoni li teżamina serjament, b’ħeffa u bil-kunfidenzjalità kollha, it-talba għal assistenza li jkun fiha allegazzjoni ta’ fastidju u li tinforma lil-lanjant bis-segwitu mogħti lill-ilment tiegħu (sentenzi tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 47; tas‑27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA,F‑35/07, EU:F:2008:150, punt 74, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 88). |
|
99 |
Għal dak li jikkonċerna l-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjoni li, bħal f’dan il-każ, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni Ewropea, fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 1998, Haas et vs Il‑Kummissjoni, T‑3/96, EU:T:1998:202, punt 54; tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punt 137, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 89). |
|
100 |
F’dan ir-rigward, għandha qabel xejn tiġi miċħuda l-kritika tar-rikorrenti dwar il-fatt li hija kellha tressaq l-ewwel ilment qabel ma hija rnexxiela tikseb, allegatament, il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva. Fil-fatt, minn naħa, meta adixxiet l-ewwel darba, fit‑22 ta’ Mejju 2014, il-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA” bil-każ tar-rikorrenti, l-ASTK fetħet l-ewwel investigazzjoni amministrattiva u afdat l-investigazzjoni lil dik l-entità, investigazzjoni li matulha dan il-kumitat intervista lir-rikorrenti, lil M. u lil żewġ APA oħra. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-ASTK, fil-persuna tas-Segretarju Ġenerali, għaliex laqgħet l-ilment tagħha billi ddeċidiet li tressaq mill-ġdid il-każ tagħha quddiem dan il-kumitat. Barra minn hekk, fid-dawl tad-diskrezzjoni wiesgħa tal-ASTK fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, iċ-ċirkustanza li s-Segretarju Ġenerali aċċetta l-ilment tagħha ma tistax tkun ekwivalenti għar-rikonoxximent minnu tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li taffettwa l-ewwel deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza. |
|
101 |
Fir-rigward tat-tul ta’ żmien totali li damet tiġi ttrattata t-talba għal assistenza f’dan il-każ, għandu jitfakkar li, billi r-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedu ebda dispożizzjoni speċifika dwar it-terminu li fih għandha titmexxa investigazzjoni amministrattiva mill-amministrazzjoni, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-fastidju psikoloġiku, f’dan il-qasam l-ASTK hija marbuta li tosserva l-prinċipju tat-terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punti 59 u 62) u li, f’dan ir-rigward, l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernat għandu, fit-tmexxija tal-investigazzjoni amministrattiva, jiżgura li kull att adottat isir f’terminu raġonevoli fil-konfront ta’ dak preċedenti (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2016, HI vs Il‑Kummissjoni, F‑133/15, EU:F:2016:127, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti u M. ħallew l-istituzzjoni ma tistax teżenta lill-ASTK mid-dmir tagħha li taġixxi b’ħeffa fit-trattament tat-talba għal assistenza, b’mod partikolari fid-dawl tal-għanijiet assenjati lilha taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tfakkru fil-punti 97 u 98 iktar ’il fuq. |
|
102 |
F’dan ir-rigward, jidher li, f’dan il-każ, fl-eżerċizzju tad-dmir ta’ assistenza tagħha, l-ASTK kisret ir-rekwiżiti ta’ ħeffa imposta fuqha taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, wara l-adozzjoni, fil‑15 ta’ Lulju 2014, mill-Kulleġġ tal-Kwesturi tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ASTK stenniet sat‑12 ta’ Novembru 2014, jiġifieri kważi erba’ xhur, sabiex tiddeċiedi li tiċħad it-talba għal assistenza, liema deċiżjoni ġiet finalment ikkomunikata, fit‑2 ta’ Ġunju 2015, mis-Segretarju Ġenerali li ddeċieda fuq l-ilment tat‑12 ta’ Frar preċedenti. Għalkemm l-ilment tar-rikorrenti ġie għalhekk milqugħ fit‑2 ta’ Ġunju 2015, kien biss fit‑22 ta’ Diċembru 2015, iktar minn sitt xhur wara, li l-ASTK bagħtitilha d-deċiżjoni motivata tal-President, li kienet ibbażata fuq it-tieni rapport, tad‑29 ta’ Ottubru 2015, tal-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA”, li, barra minn hekk, ma ħassx li huwa neċessarju li jisma’ mill-ġdid lid-diversi persuni kkonċernati, minkejja li s-smigħ tagħhom seta’ jispjega dan id-dewmien ta’ sitt xhur. |
|
103 |
Barra minn hekk, irrispettivament mill-argument tal-Parlament li jgħid li, f’dak iż-żmien, ir-rikorrenti ma kinitx indikat l-indirizz il-ġdid tagħha lill-ASTK, jidher li, għalkemm ir-rikorrenti kienet għażlet li tkun irrapreżentata mill-avukati tagħha fil-fażi prekontenzjuża, inkluż għat-tressiq tal-ilmenti tagħha msemmija fil-punti 11 u 13 iktar ’il fuq, l-ASTK bagħtet id-deċiżjoni motivata tal-President lil indirizz fejn ir-rikorrenti ma kinitx għadha tgħix u li kien biss fil-25 ta’ Frar 2016 li hija ħadet l-inizjattiva li tikkomunika din id-deċiżjoni permezz tal-avukati tagħha, liema fatt wassal għal dewmien supplimentari ta’ xahrejn fit-trattament tat-talba għal assistenza. |
|
104 |
Madankollu, filwaqt li tista’ twassal għar-responsabbiltà tal-istituzzjoni kkonċernata għad-dannu kkawżat lir-rikorrenti, iċ-ċirkustanza li l-ASTK, bi ksur tad-dmir ta’ premura, ma rrispondietx bil-ħeffa meħtieġa għat-talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax, minnha nnifisha, taffettwa l-legalità tat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, il-ksur tal-prinċipju tal-osservanza tat-terminu raġonevoli jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmien proċedura amministrattiva, bħat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza, biss meta d-dekorrenza eċċessiva taż-żmien tista’ jkollha effett fuq il-kontenut innifsu tad-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑13 ta’ Diċembru 2000, SGA vs Il‑Kummissjoni, C‑39/00 P, EU:C:2000:685, punt 44; is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Füller-Tomlinson vs Il‑Parlament, T‑390/10 P, EU:T:2012:652, punt 116, u tat‑18 ta’ Mejju 2009, Meister vs UASI, F‑138/06 u F‑37/08, EU:F:2009:48, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata), li ma huwiex il-każ hawnhekk. |
|
105 |
Għalhekk, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ ħeffa tal-ASTK fit-trattament tat-talba għal assistenza, għalkemm jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u, bħala tali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-talbiet għal kumpens, ma jistax, minnu nnifsu, jiġġustifika l-annullament tat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza. |
|
106 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv. |
|
107 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar it-talba tar-rikorrenti sabiex il-Parlament jiġi ordnat jipprovdilha l-abbozz tar-rapport li huwa kien oriġinarjament bagħat lill-kwesturi, għandhom jintlaqgħu t-talbiet għall-annullament tat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza, kif ikkompletata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, minħabba l-iżball ta’ evalwazzjoni, mill-ASTK, tal-eżistenza, f’dan il-każ partikolari, ta’ aġir ta’ M. li jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. |
Fuq it-talbiet għal kumpens
|
108 |
Fil-kuntest tat-talbiet tagħha għal kumpens, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lill-Parlament sabiex jagħtiha kumpens għad-dannu morali li hija ġarrbet minħabba l-ksur mill-ASTK tad-dmir ta’ assistenza msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura, li żammha fi stat ta’ inċertezza u ta’ ansjetà, li tellifha milli tibda l-proċess ta’ rikostruzzjoni psikoloġika tagħha u ċaħadha mill-assistenza li hija kellha bżonn għat-tressiq ta’ kawża, quddiem qorti nazzjonali, kontra M. Dan id-dannu morali huwa distint mill-illegalità li tolqot it-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza u li kienet is-suġġett tal-ewwel motiv. Għalhekk, dan id-dannu morali ma jistax jiġi kkumpensat biss bl-annullament tat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza. |
|
109 |
Il-Parlament jitlob li dawn it-talbiet għal kumpens jiġu miċħuda. |
|
110 |
Preliminarjament, fir-rigward tal-kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab mir-rikorrenti minħabba l-aġir inkwistjoni ta’ M., li jissemma mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Unjoni għandha tassisti lill-uffiċjal jew lill-aġent “partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjeta’ li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu”. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal l-Unjoni “għandhom jikkumpensaw [għandha tikkumpensa] in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkważata”. |
|
111 |
F’dan ir-rigward, id-dmir ta’ assistenza stabbilit bl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intiż għad-difiża tal-uffiċjali u tal-aġenti, mill-istituzzjoni tagħhom, kontra l-azzjonijiet ta’ terzi u mhux kontra l-atti li joriġinaw mill-istituzzjoni nnifisha, li l-kontroll tagħhom jaqa’ taħt dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1981, Bellardi-Ricci et vs Il‑Kummissjoni, 178/80, EU:C:1981:310, punt 23, u tad‑9 ta’ Settembru 2016, De Esteban Alonso vs Il‑Kummissjoni, T‑557/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:456, punt 45). Madankollu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, uffiċjali jew aġenti oħra jew Membri ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, bħal M., jistgħu jitqiesu bħala terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 1979, V. vs Il‑Kummissjoni, 18/78, EU:C:1979:154, punt 15). |
|
112 |
Għalhekk, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward tad-danni morali li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba l-aġir ta’ M., ir-rikorrenti għandha effettivament, kif indikat hija wkoll, fl-ewwel lok tfittex il-kumpens għal tali dannu permezz ta’ kawża għal kumpens quddiem qorti nazzjonali, peress li huwa ċar li, skont din id-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa biss meta tali dannu ma jistax jiġi kkumpensat li l-ASTK tista’ tinżamm responsabbli in solidum għad-danni kkawżati lir-rikorrenti b’dan l-aġir ta’ “terz” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
113 |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, taħt id-dmir ta’ assistenza, l-ASTK setgħet kienet diġà obbligata tassisti lir-rikorrenti, b’mod partikolari finanzjarjament, f’tali kawża għal kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il‑Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punt 57), f’dan il-każ sabiex, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja “assistita”, takkwista dikjarazzjoni li l-aġir li jolqotha, minħabba l-kwalità tagħha jew id-dmirijiet tagħha u li ġġustifika t-talba għal assistenza, jiġi ddikjarat illegali u li jagħtu lok għal kumpens minn qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2016, De Esteban Alonso vs Il‑Kummissjoni, T‑557/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:456, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
114 |
Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat minn illegalità, bħat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza, jikkostitwixxi, minnu nnifsu, kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dak l-att seta’ kkawża. Madankollu dan ma għandux ikun il-każ meta r-rikorrenti turi li ġarrbet dannu separabbli mill-illegalità li wasslet għall-annullament u li ma jistax ikun kompletament ikkumpensat b’dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 131; tas‑16 ta’ Mejju 2017, CW vs Il‑Parlament, T‑742/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:338, punt 64, u tad‑19 ta’ Mejju 2015, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑59/14, EU:F:2015:50, punt 80). |
|
115 |
F’dan il-każ, id-danni morali li r-rikorrenti tgħid li ġarrbet ma humiex dovuti għall-iżball ta’ evalwazzjoni li wettqet l-ASTK u li kien is-suġġett tal-ewwel motiv ta’ annullament tat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza, iżda għall-ksur, mill-ASTK, tad-dmir tagħha ta’ assistenza, imsemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li kien is-suġġett tat-tieni motiv ta’ annullament. |
|
116 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tat-trattament tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-ASTK kisret id-dmir ta’ assistenza tagħha, b’mod partikolari billi ma ttrattax b’ħeffa suffiċjenti t-talba għal assistenza, iżda li tali illegalità ma tistax twassal għall-annullament tat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza minħabba dan il-motiv. |
|
117 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-danni morali li minnhom tilmenta r-rikorrenti jistgħu jitqiesu li huma separabbli mill-illegalità, jiġifieri l-iżball ta’ evalwazzjoni, li tiġġustifika l-annullament tat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza u li, f’kull każ, dan id-dannu ma jistax ikun kompletament ikkumpensat b’dan l-annullament. |
|
118 |
Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, fid-dawl b’mod partikolari tal-bidliet fil-pożizzjoni tal-ASTK li wasslu sabiex jiġi adit għat-tieni darba l-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA” u tat-terminu irraġonevoli, ta’ iktar minn sentejn, li l-ASTK ħadet sabiex tittratta t-talba għal assistenza, liema fatt espona lir-rikorrenti għal inċertezza u pprekludiha milli tibda l-proċeduri ġudizzjarji kontra M. jew, għall-inqas, ippospona dawn il-proċeduri, il-Qorti Ġenerali tqis li għandu jkun hemm evalwazzjoni ġusta tad-danni morali mġarrba mir-rikorrenti billi tiffissahom, ex æquo et bono u kif titlob anki r-rikorrenti, fis-somma ta’ EUR 10000. |
|
119 |
Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti sabiex il-kumpens li ngħata, jekk ikun il-każ, jiżdied bl-interessi moratorji bir-rata bażika tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Qorti Ġenerali tqis li din għandha tintlaqa’ u li, fl-assenza ta’ indikazzjoni tad-data li minnha tali interessi moratorji għandhom jibdew jiddekorru, id-data li fiha tingħata din is-sentenza għandha titqies bħala d-data rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2017, CW vs Il‑Parlament, T‑742/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:338, punt 67, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 127). |
|
120 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tiġi annullata t-tieni deċiżjoni ta’ rifjut ta’ assistenza minħabba l-iżball ta’ evalwazzjoni li jolqot din id-deċiżjoni u li l-Parlament jiġi kkundannat iħallas lir-rikorrenti, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab, is-somma ta’ EUR 10000 flimkien mal-interessi moratorji, b’effett mid-data li fiha tingħata din is-sentenza, bir-rata ffissata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid. |
Fuq l-ispejjeż
|
121 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Pelikánová Nihoul Svenningsen Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Lulju 2018. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.