Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006TJ0060(01)

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tat-22 ta’ April 2016.
    Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Għajnuna mill-Istat – Direttiva 92/81/KEE – Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali – Żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina – Eżenzjoni mis-sisa – Natura selettiva tal-miżura – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni – Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali tal-1998 – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Prinċipju lex specialis derogat legi generali – Prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità u ta’ effett utli tal-atti tal-istituzzjonijiet – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Obbligu ta’ motivazzjoni.
    Kawża T-60/06 RENV II.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2016:233

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

    22 ta’ April 2016 ( *1 )

    “Għajnuna mill-Istat — Direttiva 92/81/KEE — Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali — Żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina — Eżenzjoni mis-sisa — Natura selettiva tal-miżura — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni — Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali tal-1998 — Aspettattivi leġittimi — Ċertezza legali — Prinċipju lex specialis derogat legi generali — Prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità u ta’ effett utli tal-atti tal-istituzzjonijiet — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Obbligu ta’ motivazzjoni”

    Fil-Kawżi magħquda T‑60/06 RENV II u T‑62/06 RENV II,

    Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

    Eurallumina SpA, stabbilita f’Portoscuso (l-Italja), irrappreżentata minn L. Martin Alegi, R. Denton, A. Stratakis u L. Philippou, solicitors,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, N. Khan, G. Conte, D. Grespan u K. Walkerová, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna, implementata rispettivament minn Franza, l-Irlanda u l-Italja (ĠU 2006, L 119, p. 12), sa fejn din tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mir‑Repubblika Taljana, bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003, fuq il-bażi tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina f’Sardegna (l-Italja) u sa fejn tordna lir-Repubblika Taljana tirkupra l-imsemmija għajnuna,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

    komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur), E. Buttigieg, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

    Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    L-eżenzjoni kontenzjuża

    1

    L-alumina (jew l-ossidu tal-aluminju) hija trab abjad użat prinċipalment fil-funderiji għall-produzzjoni tal-aluminju. Din tiġi estratta mill-boksajt permezz ta’ proċess ta’ raffinament li l-aħħar pass tiegħu huwa l-kalċinazzjoni. L-alumina kkalċinata tintuża għal iktar minn 90 % għall-proċess ta’ fużjoni tal-aluminju. Il-kumplament huwa sottomess għal trasformazzjonijiet ġodda u huwa użat f’applikazzjonijiet kimiċi. Hemm żewġt iswieq ta’ prodotti distinti, jiġifieri dak tal-alumina metallurġika u dak tal-alumina kimika. Żjut minerali jistgħu jintużaw bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina

    2

    Hemm biss produttur wieħed tal-alumina fl-Irlanda, fl-Italja u fi Franza, rispettivament. Fl-Italja, dan huwa Eurallumina SpA, stabbilita f’Sardegna. Hemm ukoll produtturi tal-alumina fil-Ġermanja, fi Spanja, fil-Greċja, fl-Ungerija u fir-Renju Unit

    3

    Mill-1993, ir-Repubblika Taljana teżenta mid-dazju tas-sisa ż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina f’Sardegna (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni kontenzjuża”). L-eżenzjoni kontenzjuża ddaħħlet fid-dritt Taljan permezz tad-decreto legislativo 26 ottobre 1995 no 504, Testo unico delle disposizioni legislative concernenti le imposte sulla produzione e sui consumi e relative sanzioni penali e amministrative (Digriet Leġiżlattiv Nru 504, tas-26 ta’ Ottubru 1995, Test uniku tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar it-taxxi fuq il-produzzjoni, il-konsum u s-sanzjonijiet penali u amministrattivi fil-qasam, supplement ordinarju għall-GURI Nru 279, tad-29 ta’ Novembru 1995), iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv tal-1995”).

    4

    L-applikazzjoni tagħha f’Sardegna ġiet awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 1994 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/697/KE, tat-13 ta’ Diċembru 1993, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi tnaqqis jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 (ĠU L 321, p. 29). Din l-awtorizzazzjoni ġiet sussegwentement estiża mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sal-31 ta’ Diċembru 1996 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/273/KE, tat-22 ta’ April 1996, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi tnaqqis jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 (ĠU L 102, p. 40). Din reġgħet ġiet estiża mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 1998 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/425/KE, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li tawtorizza lill-Istati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi t-tnaqqis tar-rati tad-dazji tas-sisa jew l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fid-Direttiva 92/81/KEE (ĠU L 182, p. 22). L-awtorizzazzjoni ġiet estiża għal darba oħra mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 1999 bid-Deċiżjoni 1999/255/KE tat-30 ta’ Marzu 1999, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri, b’mod konformi mad-Direttiva 92/81/KEE, japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali tnaqqis tar-rati tad-dazji tas-sisa jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa, u li temenda d-Deċiżjoni 97/425 (ĠU L 99, p. 26). Hija ġiet sussegwentement estiża mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2000 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/880/KE, tas-17 ta’ Diċembru 1999, li tawtorizza lill-Istati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi t-tnaqqis tar-rati tas-sisa jew l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fid-Direttiva 92/81/KEE (ĠU L 331, p. 73).

    5

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa u l-eżenzjonijiet minn din it-taxxa fuq ċerti żjut minerali meta jintużaw għal skopijiet speċifiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 9, Vol. 1, p. 342), jiġifieri l-aħħar waħda li tikkonċerna l-eżenzjoni kontenzjuża, estendiet lill-imsemmija eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2006. Skont il-premessa 5 tagħha, din id-deċiżjoni “għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-riżultat ta’ kwalunkwe proċeduri li għandhom x’jaqsmu ma’ tagħwiġ li jista’ jsir fit-tħaddim tas-suq uniku, b’mod partikolari skond l-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE]” u “[d]in ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet potenzali ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88 [KE]”.

    Il-proċedura amministrattiva

    6

    Bl-ittra tat-29 ta’ Mejju 1998, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Taljani sabiex tivverifika jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kinitx taqa’ fil-kamp tal-applikazzjni tal-Artikoli 87 KE u 88 KE. Wara tfakkira mill-Kummissjoni tas-16 ta’ Ġunju 1998, ir-Repubblika Taljana wieġbet fl-20 ta’ Lulju 1998.

    7

    Bl-ittra tat-17 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Taljana tinnotifikaha bl-eżenzjoni kontenzjuża. Il-Kummissjoni fakkret din it-talba lir-Repubblika Taljana, u talbitha tipprovdi informazzjoni supplimentari bl-ittra tat-27 ta’ Settembru 2000. Wara tfakkira mill-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2000, ir-Repubblika Taljana wieġbet fis-7 ta’ Diċembru 2000.

    8

    Bid-deċiżjoni C (2001) 3300, tat-30 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-eżenzjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ investigazzjoni formali”). Din id-deċiżjoni kienet ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana, bl-ittra tal-5 ta’ Novembru 2001, u ġiet ippubblikata, fit-2 ta’ Frar 2002, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 30, p. 17).

    9

    B’ittri tas-26 u tat-28 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet rispettivi ta’ Aughinish Alumina Ltd, ta’ Eurallumina, ta’ Alcan Inc. u tal-Association européenne de l’aluminium. Dawn ġew innotifikati lir-Repubblika Taljana fis-26 ta’ Marzu 2002.

    10

    Ir-Repubblika Taljana ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2002.

    Id-deċiżjoni alumina I

    11

    Fis-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2006/323/KE dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna, implementata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja, rispettivament (ĠU 2006, L 119, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni alumina I”).

    12

    Id-deċiżjoni alumina I tirrigwarda l-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 2004, id-data li fiha saret applikabbli d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 9, Vol. 1, p. 405), li ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12), kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 19), b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2003 (premessa 57). Madankollu, hija testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għall-perijodu wara l-31 ta’ Diċembru 2003 (premessa 92).

    13

    Id-dispożittiv tad-deċiżjoni alumina I jipprovdi b’mod partikolari:

    “Artikolu 1

    L-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali tqal użati fil-produzzjoni tal-alumina mogħtija minn Franza, l-Irlanda u l-Italja sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

    Artikolu 2

    L-għajnuna mogħtija bejn is-17 ta’ Lulju 1990 u t-2 ta’ Frar 2002, sa fejn din hija inkompatibbli mas-suq komuni, ma hijiex irkuprata peress li dan l-irkupru jkun kuntrarju għall-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

    Artikolu 3

    L-għajnuna, imsemmija fl-ewwel Artikolu, mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 hija kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) [KE] sa fejn il-benefiċjarji jħallsu dazju ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal 1000 kg ta’ żejt minerali tqil.

    Artikolu 4

    L-għajnuna […] mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 hija inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) [KE] sa fejn il-benefiċjarji ma ħallsux dazju ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal 1000 kg ta’ żejt minerali tqil.

    Artikolu 5

    1.   Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupraw l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 4 mingħand il-benefiċjarji tagħha.

    […]

    5.   Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jordnaw lill-benefiċjarji tal-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 4, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, sabiex iħallsu lura l-għajnuna illegali flimkien mal-interessi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    14

    B’atti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis-16 u fit-23 ta’ Frar 2006, ir-Repubblika Taljana u Eurallumina ppreżentaw dawn ir-rikorsi, irreġistrati taħt in-numri ta’ referenza T‑60/06 u T‑62/06.

    15

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 u fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara li nstemgħu l-partijiet skont l-Artikolu 51 tal-imsemmija regoli, li tibgħat dawn il-kawżi quddiem kulleġġ estiż ta’ ġudikanti.

    16

    Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Mejju 2007, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali għaqqad il-Kawżi T‑60/06 u T‑62/06 u l-Kawżi T‑50/06, T‑56/06 u T‑69/06 (iktar ’il quddiem il-“kawżi alumina I”) għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

    17

    Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, L-Irlanda et vs Il‑Kummissjoni (T‑50/06, T‑56/06, T‑60/06, T‑62/06 u T‑69/06, EU:T:2007:383), il-Qorti Ġenerali għaqdet il-kawżi alumina I għall-finijiet tas-sentenza, annullat id-deċiżjoni alumina I u, fil-Kawża T‑62/06, ċaħdet il-kumplament tar-rikors

    18

    Permezz ta’ rikors bid-data tas-26 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni ppreżentat appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

    19

    Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, Ġabra, EU:C:2009:742), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza L-Irlanda et vs Il‑Kummissjoni, punt 17 iktar ’il fuq (EU:T:2007:383), sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet annullat id-deċiżjoni alumina I, irrinvijat il-kawżi alumina I quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

    20

    Wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 19 iktar ’il fuq (EU:C:2009:742), u skont l-Artikolu 118(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-kawżi alumina I kienu ġew assenjati lit-Tieni Awla Estiża bid-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2009.

    21

    Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla Estiża tal-1 ta’ Marzu 2010, il-kawżi alumina I ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

    22

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2010, il-kawżi alumina I ġew assenjati lir-Raba’’ Awla Estiża.

    23

    Bis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (T‑50/06 RENV, T‑56/06 RENV, T‑60/06 RENV, T‑62/06 RENV u T‑69/06 RENV, Ġabra, EU:T:2012:134), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni alumina I, sa fejn hija kienet tikkonstata, jew kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni, li l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina mogħtija mir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda u r-Repubblika Taljana sal‑31 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa”) kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u sa fejn hija ordnat lir-Repubblika Franċiża, lill-Irlanda u lir-Repubblika Taljana jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupraw l-imsemmija eżenzjonijiet mingħand il-benefiċjarji tagħhom sa fejn dawn tal-aħħar ma ħallsux dazju tas-sisa ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal 1000 kg ta’ żejt minerali tqil.

    24

    Permezz ta’ rikors bid-data tal-1 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni ppreżentat appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

    25

    Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑272/12 P, Ġabra, EU:C:2013:812), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq (EU:T:2012:134), irrinvijat il-kawżi alumina I quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

    26

    Wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), il-kawżi alumina I kienu ġew assenjati lill-Ewwel Awla, b’deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar u tal-10 ta’ Marzu 2014..

    27

    Skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, Eurallumina u l-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, rispettivament, fit-28 ta’ Jannar u fl-17 ta’ Marzu 2014. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, Eurallumina ddikkjarat li ma tixtieqx tislet konklużjonijiet mis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 supra (EU:C:2013:812), u talbet lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq il-motivi kollha insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II. Il-Kummissjoni ħadet nota ta’ dan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Ir-Repubblika Taljana ma ppreżentatx sottomissjonijiet bil-miktub.

    28

    Permezz tad-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2014, il-kawżi alumina I kienu ġew assenjati mill-ġdid lill-Ewwel Awla Estiża, skont l-Artikolu 118(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

    29

    Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 64(3)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, talbet lill-partijiet fil-Kawża T‑60/06 RENV II jesprimu ruħhom fuq aspett tal-kawża. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

    30

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla Estiża tas-26 ta’ Jannar 2015, dawn il-kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

    31

    It-trattazzjoni ta’ Eurallumina u tal-Kummissjoni u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2015. Bil-kuntrarju, ir-Repubblika Taljana ma kinitix irrapreżentata f’din is-seduta.

    32

    Ir-Repubblika Taljana titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni alumina I, fejn din tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat li kienet ingħatat minnha, bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003, fuq il-bażi tal-eżenzjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem l-“għajnuna kontenzjuża”), u ordnatilha tirkupra l-għajnuna kontenzjuża;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    33

    Euroallumina titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla jew temenda d-deċiżjoni alumina I, fejn din tikkonstata l-eżistenza tal-għajnuna kontenzjuża u tordna lir-Repubblika Taljana tirkupraha;

    tobbliga lill-Kummissjoni li ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Taljana, sal-31 ta’ Diċembru 2006 jew, tal-inqas, sal-31 ta’ Diċembru 2003, fuq il-bażi tal-eżenzjoni kontenzjuża;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    34

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad dan ir-rikors;

    tikkundanna lir-Repubblika Taljana u lil Eurallumina għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    35

    Għandu jiġi nnotat, preliminarjament, li dawn iż-żewġ rikorsi huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni alumina I, sa fejn din tikkonstata l-eżistenza tal-għajnuna kontenzjuża u tordna lir-Repubblika Taljana sabiex tirkupraha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Sa dan il-punt, dawn ir-rikorsi għandhom l-istess suġġett.

    Fuq l-ammissibbiltà

    36

    Fil-Kawża T‑60/06 RENV II, il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kontra, minn naħa, l-ewwel motiv, sa fejn dan huwa bbażat fuq ksur tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE għall-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward, l-ewwel nett, il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju u, it-tieni nett, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, is-sitt motiv, sa fejn dan huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali riżultanti mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tat-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dawn l-ilmenti speċifiċi kienu ġew ifformultati għall-ewwel darba fir-replika u għaldaqstant jikkostitwixxu motivi ġodda, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

    37

    Ir-Repubblika Taljana ma tweġibx għal dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

    38

    Fil-Kawża T‑62/06 RENV II, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli, għaliex huwa intiż sabiex jikseb iktar mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tqis, barra minn hekk, li l-motiv li għalih Eurallumina tikkontesta li l-eżenzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, kien ġie fformulat għall-ewwel darba fir-replika u għaldaqstant jikkostitwixxi motiv ġdid, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    39

    Eurallumina titlob li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II tiġi miċħuda bħala infondata. Bil-kontra, hija ma tweġibx l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà indirizzata kontra motiv ġdid ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE.

    40

    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà indirizzata kontra r-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II sa fejn huwa intiż sabiex jikseb iktar mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi rikors huwa intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni sabiex ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Taljana, sal-31 ta’ Diċembru 2006 jew, tal-inqas, sal-31 ta’ Diċembru 2003, fuq l-motiv li dik l-għajnuna kienet legali.

    41

    Madankollu, din it-talba hija intiża biss sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata u ta’ natura li tiġġustifika li jintlaqgħu l-motivi u lmenti invokati insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, li tintlaqa’ din it-talba stess. Għalhekk, l-imsemmija talba ma għandhiex portata awtonoma fil-konfront tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    42

    Anki jekk, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, din it-talba tfittex li tilħaq għanijiet oħra minbarra s-sempliċi annullament tad-deċiżjoni kkontestata, bħalma huma l-għoti ta’ ordni jew l-adozzjoni ta’ parti operattiva li tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tikkonstata l-eżistenza tal-għajnuna kontenzjuża jew milli tordna l-irkupru tagħha, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli peress li l-Qorti Ġenerali ma għandiex kompetenza sabiex tiddeċiedi dan.

    43

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ma għandhiex tkun il-Qorti Ġenerali li tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet jew li tissostitwixxi lilha nnifisha magħhom (ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 1995, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑74/92, Ġabra, EU:T:1995:10, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa hekk b’mod partikolari fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ legalità bbażat fuq l-Artikolu 230 KE, sa fejn l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 KE kien jipprovdi espressament li għandha tkun l-istituzzjoni li tkun ħarġet l-att annullat li tieħu l-miżuri involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, 53/85, Ġabra, EU:C:1986:256, punt 23, u Ladbroke Racing vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:1995:10, punt 75).

    44

    Fir-rigward, imbagħad, tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà intiża, fil-Kawża T‑62/06 RENV II, kontra motiv li bih Eurallumina tikkontesta li l-eżenzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, din hija infondata fil-fatt u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda, sa fejn ma jirriżultax mir-replika li Eurallumina qajmet tali motiv.

    45

    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà diretti, fil-Kawża T‑60/06 RENV II, kontra l-ilmenti bbażati, minn naħa, fuq ksur tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE għall-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat li tirrigwarda, l-ewwel nett, il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju u, it-tieni nett, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirriżulta mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tat-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda wara l-preżentata tar-rikors hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ dritt u ta’ fatt li qamu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jestendi motiv imsemmi preċedentement, b’mod espliċitu jew impliċitu, fir-rikors u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T‑345/05, Ġabra, EU:T:2008:440, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). Soluzzjoni analoga għandha tiġi adottata għal ilment ifformulat insostenn ta’ motiv.

    46

    Sabiex ikun jista’ jitqies bħala estensjoni ta’ motiv jew ta’ lment ifformulat preċedentement, argument ġdid għandu jippreżenta, flimkien mal-motivi jew l-ilmenti esposti inizjalment fir-rikors, rabta stretta biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala riżultanti mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi ħdan il-proċedura kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, C‑58/12 P, Ġabra, EU:C:2013:770, punt 31).

    47

    F’dan il-każ, kif tosserva korrettement il-Kummissjoni, l-ilmenti msemmija fil-punt 45 hawn fuq ma jidhrux fir-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II u jikkostitwixxu, għaldaqstant, ilmenti ġodda.

    48

    Barra minn hekk, dawn l-ilmenti ġodda ma huma bbażati fuq ebda punt ta’ fatt jew ta’ dritt li tqajjem fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

    49

    Fl-aħħar nett, dawn l-ilmenti ġodda ma jikkostitwixxux l-estensjoni ta’ wieħed jew ieħor mill-motivi fformulati fir-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, li jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ dritt differenti. B’mod partikolari, huma ma jippreżentawx rabta stretta mal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-kundizzjoni ta’ selettività msemmija fl-Artikolu 87(1) KE, jew mas-sitt motiv, ibbażat fuq l-argument legali li l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità jipprekludu li għajnuna mill-Istat tkun irkuprata meta hija kienet preċedentement awtorizzata mill-Kunsill fuq il-bażi tar-regoli fil-qasam ta’ armonizzazzjoni fiskali.

    50

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jissemmew fil-punti 45 sa 49 hawn fuq, għandhom jiġu milqugħa l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-Kawża T‑60/06 RENV II u, għalhekk, li jiġu miċħuda, bħala inammissibbli, l-ilmenti bbażati, minn naħa, fuq ksur tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE għall-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat li jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju u, it-tieni nett, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali riżultanti mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tat-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    Fuq il-mertu

    51

    Insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, ir-Repubblika Taljana tqajjem sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u fuq motivazzjoni kontradittorja. It-tieni huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(ii) u tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif ukoll tad-Deċiżjonijiet 93/697, 96/273, 97/425, 1999/255, 1999/880 u 2001/224 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill”). It-tielet huwa bbażat fuq ksur tal-liġijiet li jirregolaw l-għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, l-inċiż (a) tat-tieni paragrafu tal-punt 82 tal-Linji gwidi tal-Komunità dwar l-għajnuna tal-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2 p. 76, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-Komunità”). Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE u tal-Linji ta’ gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 226, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”). Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqrija flimkien mal-Anness II tagħha, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2001/224. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità.

    52

    Insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II, Eurallumina tinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ validità u tal-effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet kif ukoll tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-raba’ motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    53

    Għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, il-motiv li bih Eurallumina tikkontesta, essenzjalment, l-applikabbiltà għall-eżenzjoni kontenzjuża tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, jiġifieri t-tieni motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ validità u ta’ effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet kif ukoll tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali.

    54

    Għandu, imbagħad, jiġi eżaminat il-motiv li bih ir-Repubblika Taljana topponi, essenzjalment, il-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għall-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri l-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u ta’ motivazzjoni kontradittorja.

    55

    Għandu mbagħad isir l-eżami tal-motivi li bihom ir-Repubblika Taljana tikkritika, essenzjalment, il-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża bħala għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 88 KE, jiġifieri t-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(ii) u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, u l-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mal-Anness II tagħha, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2001/224, imqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II.

    56

    Imbagħad, għandhom jiġu eżaminati l-motivi li bihom ir-Repubblika Taljana tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni għaliex iddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE, l-għajnuna mogħtija, sal-31 ta’ Diċembru 2003, fuq il-bażi tal-eżenzjoni kontenzjuża, jiġifieri t-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, l-inċiż (a) tat-tieni paragrafu tal-punt 82 tal-Linji gwida tal-Komunità, u r-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE u tal-linji gwida, imqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II.

    57

    Fl-aħħar nett, għandu jsir l-eżami tal-motivi li bihom ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża, jiġifieri, minn naħa, is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, u, min-naħa l-oħra, l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u r-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE kif ukoll tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, imqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ validità u tal-effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet kif ukoll tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II

    58

    Eurallumina ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali, lex specialis derogat legi generali kif ukoll ta’ preżunzjoni ta’ validità u tal-effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet, fid-deċiżjoni kkontestata, billi qieset li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali u li tista’ tiġi rkuprata, għall-perijodu bejn it‑3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003. Hija targumenta, essenzjalment, li l-prinċipji hawn fuq imsemmija jostakolaw l-applikazzjoni, għall-eżenzjoni kontenzjuża, tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

    – Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ legalità u tal-effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet

    59

    Eurallumina ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ preżunzjoni ta’ legalità u tal-effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet, kif interpretati mill-ġurisprudenza, meta hija kklassifikat l-eżenzjoni kontenzjuża bħala għajnuna mill-Istat illegali, li tagħha hija setgħet tordna l-irkupru, għall-perijodu bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, Eurallumina tibbaża ruħha fuq l-eżami mill-ġdid indirett, bid-deċiżjoni kkontestata, tal-legalità tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, li ssostitwixxiet u ħassret id-Direttivi 92/81 u 92/82, u tad-Deċiżjoni 2001/224, madankollu preżunti legali, kif ukoll tal-miżuri tal-applikazzjoni tagħhom, meħuda mir-Repubblika Taljana. It-tieni nett, hija tinvoka l-preġudizzju mwettaq, bid-deċiżjoni kkontestata, għall-effettività tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96 u tad-Deċiżjoni 2001/224, għaliex ma ħallithomx ikollhom l-effett sħiħ tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2006. It-tielet nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ proposti adegwati tal-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, bl-għan li l-Kunsill jipproċedi għal eżami mill-ġdid antiċipat tal-awtorizzazzjoni ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Ir-raba’ nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ rikors għal annullament ippreżentat mill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE, kontra d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill. Il-ħames nett, Eurallumina tibbaża ruħha fuq il-proposti ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li fihom il-Kummissjoni dejjem ipproponiet lill-Kunsill li jawtorizza lir-Repubblika Taljana tapplika jew tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża, l-aħħar darba sal-31 ta’ Diċembru 2002. Is-sitt nett, hija tinvoka l-impossibbiltà, għaliha, li tantiċipa bidla fl-attitudini tal-Kummissjoni fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill u r-regolarità tal-eżenzjoni kontenzjuża. Is-seba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq l-aġir kontradittorju tal-Kummissjoni li, meta fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fit-30 ta’ Ottubru 2001 u ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża, aġixxiet b’mod kuntrarju għall-kliem u għall-ispirtu tal-proposta tagħha ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2000, li bis-saħħa tagħha r-Repubblika Taljana kellha tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2002. It-tmien nett, hija tirreferi għall-kontenut tal-proposti ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li rawwam l-aspettattivi leġittimi li hija kellha fir-regolarità tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006.

    60

    Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

    61

    Dan l-ilment iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata tipproduċix effetti legali li jmorru kontra dawk prodotti bid-Deċiżjoni 2001/224 u bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, li kienu espressament jawtorizzaw lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006.

    62

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-atti tal-istituzzjonijiet igawdu, fil-prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u għalhekk jipproduċu effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi b’riżultat ta’ rinviju preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra, EU:C:1994:247, punt 48; tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il‑Kummissjoni, C‑245/92 P, Ġabra, EU:C:1999:363, punt 93, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑475/01, Ġabra, EU:C:2004:585, punt 18).

    63

    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-prevedibbiltà ta’ sitwazzjonijiet u ta’ relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Schulin, C‑305/00, Ġabra, EU:C:2003:218, punt 58, u tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il‑Kummissjoni, C‑199/03, Ġabra, EU:C:2005:548, punt 69). Għal dan l-għan, huwa essenzjali li l-istituzzjonijet josservaw l-intanġibbiltà tal-atti li huma jadottaw u li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali u materjali tal-individwi suġġetti għad-dritt, b’mod li huma ma jistgħux jemendaw dawn l-atti mingħajr ma josservaw regoli ta’ kompetenza u ta’ proċedura (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra, EU:T:1997:155, punt 113, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi wkoll li l-istituzzjonijiet jevitaw, bħala prinċipju, l-inkoerenzi li jistgħu jirriżultaw fl-implementazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u dan b’mod partikolari fil-każ fejn dawn id-dispożizzjonijiet ikollhom l-istess mira, bħalma hija l-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-suq komuni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra, EU:C:1993:239, punti 4142, u tal-31 ta’ Jannar 2001, RJB Mining vs Il‑Kummissjoni, T‑156/98, Ġabra, EU:T:2001:29, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    F’dan il-każ, kif tinnota korrettement il-Kummissjoni, l-argumenti li jsostnu dawn l-ilmenti huma direttament miċħuda bis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812).

    65

    Fil-fatt, fil-punti 45 sa 48 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet distinzjoni netta bejn il-kompetenzi rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa, minn naħa, u fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, min-naħa l-oħra. Hija ddikjarat, barra minn hekk, li l-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad‑Direttiva 92/81 għandha għan u kamp ta’ applikazzjoni differenti minn dawk tal-iskema stabbilita bl-Artikolu 88 KE.

    66

    Fil-punt 49 ta’ dik is-sentenza, hija kkonkludiet, għaldaqstant, li deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza Stat Membru, b’mod konformi mal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, jintroduċi eżenzjoni minn dazji tas-sisa ma setax ikollha l-effett li xxekkel lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mit-trattat KE u, konsegwentement, milli timplementa l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex teżamina jekk din l-eżenzjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u sabiex jekk ikun il-każ, fi tmiem din il-proċedura, tieħu deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni alumina I.

    67

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fil-punt 50 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li l-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu jagħtu eżenzjonijiet totali mid-dazji tas-sisa billi jiffissaw il-kundizzjonijiet ta’ natura ġeografika u ratione temporis preċiżi u li dawn tal-aħħar kienu ġew strettament osservati mill-Istati Membri ma għandux effett fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni u għalhekk ma jistax iċċaħħad lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi tagħha.

    68

    Fil-punt 51 tal-istess sentenza, hija nnotat li kien, barra minn hekk, fl-osservanza ta’ dan it-tqassim tal-kompetenzi li l-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224, li kienet fis-seħħ matul il-perijodu li dwaru d-deċiżjoni kkontestata ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża, kienet tipprovdi li dik id-deċiżjoni kienet bla ħsara għal eventwali proċeduri li setgħu jinbdew taħt l-Artikoli 87 KE u 88 KE u ma kinitx teħles lill-Istati Membri mill-“obbligu tagħhom li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-għajnuna mill-Istat li tista’ tiġi stabbilita” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    69

    Fl-aħħar nett, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, mill-ġdid, indikat li l-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu ġew adottati fuq proposta tal-Kummissjoni u li din kienet qatt ma użat il-poteri li hija kienet tgawdi, taħt l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew l-Artikoli 230 KE u 241 KE, sabiex tikseb it-tħassir jew l-emenda ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma setax jostakola l-klassifikazzjoni tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

    70

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’każ ta’ rinviju, il-Qorti Ġenerali għandha tkun marbuta bil-punti ta’ dritt deċiżi bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-dawl tal-punt 54 tal-motivi tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), għandu jiġi kkonstatat li l-motivi ċċitati fil-punti 65 sa 69 hawn fuq huma s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, li bih il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq (EU:T:2012:134), u rrinvijat il-kawżi alumina I quddiem il-Qorti Ġenerali.

    71

    Issa, jirriżulta minn dawn il-motivi li, bl-implementazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex jiġi eżaminat jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u bit-teħid, wara dik il-proċedura, tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kienet qiegħda biss teżerċita l-kompetenzi fdati lilha bit-Trattat KE fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u li, meta għamlet hekk, hija ma ppreġudikatx il-kompetenzi fdati lill-Kunsill mit-Trattat KE fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa jew l-atti li l-Kunsill kien adotta fl-eżerċizzju ta’ dawk il-kompetenzi.

    72

    Isegwi li, meta implementat il-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE, sabiex teżamina jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u meta ħadet, wara dik il-proċedura, id-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni ma setgħetx tikser l-atti adottati mill-Kunsill u li, bħall-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II tagħha, jew l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2001/224, kienu jawtorizzaw espressament lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-aħħar setgħu jipproduċu l-effetti tagħhom biss fil-kamp kopert mir-regoli fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa u ma kinux jippreġudikaw l-effetti ta’ eventwali deċiżjoni, bħalma hija d-deċiżjoni alumina I, li l-Kummissjoni setgħet tadotta fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

    73

    Barra minn hekk, jirriżulta mill-punti 52 u 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jirrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva u ma jistax jiddependi minn imġiba jew minn dikjarazzjonijiet tal-istituzzjonijiet, li l-fatt li l-Kummissjoni qieset, meta adottat id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa ma jwasslux għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni ma setax jipprekludi li l-imsemmija eżenzjonijiet ikunu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

    74

    Isegwi a fortiori mis-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta, għall-għanijiet tal-klassifikazzjoni tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa bħala għajnuna mill-Istat, mill-evalwazzjonijiet tal-Kunsill, fid-deċiżjonijiet tiegħu fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa, li jipprovdu li l-imsemmija eżenzjonijiet ma jwasslux għal distrosjoni tal-kompetizzjoni u ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni.

    75

    Għaldaqstant Eurallumina ma għandhiex raġun issostni, f’dan il-każ, li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali li huma kuntrarji għal dawk prodotti bid-Deċiżjoni 2001/224 u bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96.

    76

    Fir-rigward tal-argumenti legali, invokati insostenn ta’ dan l-ilment, ibbażati fuq l-aspettattivi leġittimi li Eurallumina seta’ jkollha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża, dawn huma konnessi, fil-verità, mal-ewwel u r-raba’ motivi mqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II, sa fejn huma bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, u għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dawk il-motivi.

    77

    Għalhekk, b’riżerva tal-eżami ta’ dawk l-argumenti, għandu jiġi miċħud, bħala infondat, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ legalità u tal-effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet.

    – Fuq il-ksur tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali

    78

    B’dan l-ilment, Eurallumina ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju lex specialis derogat legi generali għaliex ma tatx preċedenza lill-Artikolu 93 KE u l-miżuri tal-applikazzjoni tiegħu, fosthom l-Artikolu 8(4) u (5) tad-Direttiva 92/81 u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96, fuq l-Artikoli 87 KE u 88 KE. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, Eurallumina tibbaża ruħha fuq il-kliem tal-Artikolu 87 KE, li jipprovdi li huwa applikabbli “bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat [KE]”, b’tali mod li b’mod partikolari ma jistax jiġi applikat fil-preżenza ta’ miżuri speċifiċi ta’ armonizzazzjoni fiskali, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 93 KE. It-tieni nett, hija tirreferi għad-Direttiva 92/81 u għad-Direttiva 2003/96, ibbażati fuq l-Artikolu 93 KE, li jipprovdu qafas speċifiku li b’applikazzjoni tiegħu l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jaġixxu flimkien sabiex jawtorizzaw u jikkontrollaw id-derogi għall-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali. It-tielet nett, hija tinvoka l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill li jipproroga l-eżenzjoni kontenzjuża, li tistrieħ fuq l-evalwazzjoni li din kienet kompatibbli mat-Trattat KE, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tiegħu li jiggarantixxu kompetizzjoni lejali kif ukoll l-assenza ta’ distorsjoni fil-funzjonament tas-suq komuni. Ir-raba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq il-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224, li ma tawtorizzax lill-Kummissjoni li tneżża lil dik id-deċiżjoni mill-effetti tagħha u li ma tistax tipprevali fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jew tad-Direttiva 92/81.

    79

    Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

    80

    Dan l-ilment iqajjem għalhekk fuq il-kwistjoni dwar jekk, kif issostni Eurallumina, l-Artikolu 93 KE u l-miżuri tal-applikazzjoni tiegħu, fosthom l-Artikolu 8(4) u (5) tad-Direttiva 92/81 u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96, jistgħux jiġu kklassifikati bħala lex specialis fil-konfront tal-Artikoli 87 KE u 88 KE u jekk, għaldaqstant, jipprevalux fuq dawn tal-aħħar.

    81

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju lex specialis derogat legi generali, id-dispożizzjonijiet speċjali jipprevalu fuq ir-regoli ġenerali fis-sitwazzjonijiet li huma speċifikament intiżi biex jirregolaw (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Barclays Bank, C‑280/13, Ġabra, EU:C:2014:279, punt 44, u tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, Ġabra, EU:T:2014:926, punt 198 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    82

    F’dan il-każ, kif tinnota korrettement il-Kummissjoni, l-argumenti li jsostnu dan l-ilment huma direttament miċħuda bis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812).

    83

    Fil-fatt, kif imfakkar fil-punt 65 hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, fil-punti 45 sa 48 tal-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), distinzjoni netta bejn il-kompetenzi rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-drittijiet tas-sisa, minn naħa, u fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li l-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 għandha għan u kamp ta’ applikazzjoni differenti minn dawk tal-iskema stabbilita bl-Artikolu 88 KE.

    84

    Isegwi li r-regoli fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali, b’mod partikolari l-Artikolu 93 KE u l-miżuri tal-applikazzjoni tiegħu, u r-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, inkluż l-Artikoli 87 KE u 88 KE, huma żewġ korpi ta’ regoli awtonomi u li dawk tal-ewwel ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala lex specialis fil-konfront tat-tieni.

    85

    Għalhekk, għandu jiġi miċħud dan l-ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali, bħala infondat.

    86

    B’riżerva tal-punti 76 u 77 hawn fuq, it-tieni motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II huwa għalhekk miċħud kompletament.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u ta’ motivazzjoni kontradittorja, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II

    87

    Ir-Repubblika Taljana targumenta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE għall-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, għaliex ikkonstatat, b’mod żbaljat, li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet selettiva. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija tibbaża ruħha fuq il-punt 14 tat-tabella A annessa mad-Digriet Leġiżlattiv tal-1995, minn fejn jirriżulta li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tibbenefika, b’mod ġenerali, kull operatur ekonomiku li jutilizza ż-żjut minerali bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina, irrispettivament mill-post tal-konsum tiegħu. Min-naħa l-oħra, hija tallega li, għalkemm, fl-Italja, l-impjant f’Sardegna ta’ Eurallumina biss ibbenefika mill-eżenzjoni kontenzjuża, din iċ-ċirkustanza tippreżenta natura purament fattwali u marbuta mal-ispeċifiċità tal-produzzjoni tal-alumina. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, is-selettività tal-eżenzjoni kontenzjuża hija mmotivata b’mod kontradittorju.

    88

    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala infondat.

    89

    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq motivazzjoni kontradittorja tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni ta’ selettività msemmija fl-Artikolu 87(1) KE, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors promotur għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati u din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra insostenn. Minħabba dan il-fatt, ir-rikors għandu jispjega l-kontenut tal-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li sempliċi evokazzjoni astratta ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Nynäs Petroleum u Nynas Belgium vs Il‑Kummissjoni, T‑347/06, Ġabra, EU:T:2012:480, punt 107). Soluzzjoni simili tapplika għal ilment invokat insostenn ta’ motiv.

    90

    F’dan il-każ, kif issostni korrettement il-Kummissjoni, l-ilment ibbażat fuq motivazzjoni kontradittorja, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ selettività msemmija fl-Artikolu 87(1) KE, huwa nieqes minn kull sustanza. Fil-fatt, fir-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, l-argumenti żviluppati mir-Repubblika Taljana insostenn tal-ewwel motiv jirrigwardaw unikament il-kwistjoni dwar jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisritx il-kundizzjoni ta’ selettività msemmija fl-Artikolu 87(1) KE. Min-naħa l-oħra, imkien ma tispjega għaliex il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata dwar din il-kundizzjoni huma kontradittorji.

    91

    Għalhekk, fir-rigward ta’ dan l-ilment, ibbażat fuq motivazzjoni kontradittorja tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ preċiżjoni stabbiliti bl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Għaldaqstant, dan l‑argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    92

    F’dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq ksur, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-kundizzjoni ta’ selettività msemmi fl-Artikolu 87(1) KE, fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika Taljana fis-sens li jirriżulta mill-punt 14 tat-tabella A annessa mad-Digriet Leġiżlattiv tal-1995 li l-eżenzjoni kontenzjuża tibbenefika, b’mod ġenerali, lil kull operatur ekonomiku li juża ż-żjut minerali bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina, irrispettivament mill-post tal-konsum tiegħu. Dan iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx żball, fid-deċiżjoni kkontestata, meta evalwat il-kundizzjoni ta’ selettività fil-konfront tal-eżenzjoni tad-dazju tas-sisa, kif awtorizzata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, u mhux fil-konfront tal-eżenzjoni tad-dazju tas-sisa, kif previst fil-punt 14 tat-tabella A annessa mad-Digriet Leġiżlattiv tal-1995.

    93

    In-natura selettiva tal-eżenzjoni kontenzjuża, fuq il-livell reġjonali, tirriżulta mill-fatt li hija applikabbli biss f’Sardegna. Issa, kif tinnota korrettement ir-Repubblika Taljana u kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, fil-premessi 17 u 63 tad-deċiżjoni alumina I, u l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 50 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), huma d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, li ffissaw kundizzjonijiet ta’ natura ġeografika preċiżi u akkordaw lill-eżenzjoni kontenzjuża natura selettiva fuq il-livell reġjonali, għaliex awtorizzaw lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika jew tkompli tapplika dik l-eżenzjoni f’Sardegna biss.

    94

    Jibqa’ l-fatt li l-miżura rilevanti għall-finijiet tal-eżami fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat hija, f’dan il-każ, l-eżenzjoni kontenzjuża, kif awtorizzata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 peress li r-Repubblika Taljana applikat l-eżenzjoni prevista fil-punt 14 tat-tabella A annessa mad-Digriet Leġiżlattiv tal-1995 filwaqt li osservat il-kundizzjonijiet ta’ natura ġeografika u ratione temporis preċiżi li għalihom il-Kunsill kien issuġġetta l-awtorizzazzjoni tiegħu.

    95

    Għalhekk kienet korretta, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni meta evalwat il-kundizzjoni ta’ selettività fil-konfront tal-eżenzjoni kontenzjuża, kif effettivament applikata mir-Repubblika Taljana. Konsegwentement, għandu jiġi miċħud, bħala infondat, dan l-argument tar-Repubblika Taljana, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni ta’ selettività fil-konfront tal-eżenzjoni tad-dazju tas-sisa, kif previst fil-punt 14 tat-tabella A annessa mad-Digriet Leġiżlattiv tal-1995.

    96

    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika Taljana bbażat, essenzjalment, fuq żball li wettqet il-Kummissjoni, fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, meta kkonstatat li l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa kienu selettivi sa fejn hija “[kienet] tapplika biss għal ċerti kumpanniji produtturi tal-alumina”, jew, “fil-prattika, kull Stat Membru [kellu] biss produttur wieħed tal-alumina li kien jibbenefika mill-eżenzjoni” u fejn kienu jirrigwardaw lil “Eurallumina f’Sardegna”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] minkejja li l-fatt li l-impjant f’Sardegna biss ta’ Eurallumina kien jibbenefika mill-eżenzjoni kontenzjuża kienet ċirkustanza purament fattwali u marbuta mal-ispeċifiċità tal-produzzjoni tal-alumina fl-Italja.

    97

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi jitfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jipprekludi l-għajnuna mill-Istat li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri l-għajnuna selettiva (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, Ġabra, EU:C:2005:768, punt 94).

    98

    F’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 87(1) KE jirrikjedi li jkun iddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, Ġabra, EU:C:2011:732, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    99

    Id-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali, għaliex l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali”. Ir-rata ta’ tassazzjoni normali hija r-rata tat-taxxa fis-seħħ fiż-żona ġeografika li tikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, Ġabra, EU:C:2006:511, punt 56).

    100

    F’dan il-każ, il-premessi 63 u 64 tad-deċiżjoni alumina I huma fformulati kif ġej:

    “(63)

    […] f’dan il-każ, l-eżenzjonijiet huma applikabbli biss għal ċerti kumpanniji produtturi tal-alumina u fil-prattika, kull Stat Membru jieħu għandu produttur wieħed biss tal-alumina li jibbenefika mill-eżenzjoni: […] Eurallumina f’Sardegna […]. Għaż-żmien kollu li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill kienu vinkolanti, l-eżenzjonijiet kienu selettivi fuq il-livell reġjonali għaliex id-deċiżjonijiet kienu jawtorizzaw l-eżenzjonijiet f’ċerti reġjuni biss u l-investituri potenzjali li kienu jixtiequ jagħmlu investimenti fil-produzzjoni tal-alumina f’reġjuni l-oħra ma kinux żguri li ser jiksbu trattament simili. L-għażla tar-reġjuni ma għandha l-ebda rabta mal-loġika interna tas-sistemi fiskali nazzjonali rispettivi.

    (64)

    Qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2003/96 […], id-dritt Komunitarju kien jobbliga lill-Istati Membri, fil-prinċipju, jimponu dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali, għalkemm l-eżenzjonijiet speċifiċi, limitati għal produzzjoni partikolari u f’reġjuni partikolari, ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala ġġustifikati minħabba n-natura u l-ekonomija tas-sistema. L-argumenti miġjuba […] mill-Italja sabiex tiddefendi l-eżenzjoni għall-produzzjoni tal-alumina biss huma bbażati fuq ċirkustanzi tas-suq inkwistjoni u fuq dawk tal-produzzjoni tal-alumina fir-reġjuni kkonċernati. Ma humiex bbażati fuq in-natura u l-loġika tas-sistemi fiskali nazzjonali rispettivi, għaliex dawn kellhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Għalhekk, il-miżuri mogħtija qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2003/96 […] ma humiex iġġustifikati min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema u jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    101

    Kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Taljana, jirriżulta mill-premessi 63 u 64 tad-deċiżjoni alumina I li, fiha, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha, fl-analiżi tagħha tas-selettività tal-eżenzjoni kontenzjuża, fuq il-fatt li dik l-eżenzjoni kienet fil-prattika tibbenefika produttur wieħed biss tal-alumina stabbilit f’Sardegna, jiġifieri Eurallumina, imma fuq iċ-ċirkustanza doppja li, fil-qafas ta’ referenza korrispondenti għall-iskema fiskali Taljana, l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tidher bħala miżura selettiva fuq il-livell reġjonali, sa fejn hija kienet tiffavorixxi lil kull produttur tal-alumina stabbilit f’Sardegna meta mqabbel mal-investituri potenzjali li jixtiequ jagħmlu investimenti fil-produzzjoni tal-alumina fir-reġjuni l-oħra Taljani, u selettiva fuq il-livell materjali, għaliex tiffavorixxi lill-kumpanniji produtturi tal-alumina u l-produzzjoni tal-alumina meta mqabbla mal-kumpanniji li jipproduċu oġġetti jew servizzi oħra u produzzjonijiet oħra.

    102

    Isegwi li dan l-argument tar-Repubblika Taljana, li jistrieħ fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni alumina I, huwa mankanti fil-fatt u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud.

    103

    Għalhekk l-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(ii) u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II

    104

    Ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 1(b)(ii) u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, meta kkonstatat, fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna kontenzjuża kienet tikkostitwixxix għajnuna ġdida, li kienet saret illegali, fis-sens tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li ma kinitx ġiet innotifikata lilha qabel l-implimentazzjoni tagħha. Hija tal-fehma li l-għajnuna kontenzjuża kien messha tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-Repubblika Taljana tistrieħ fuq id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-iktar reċenti d-Deċiżjoni 2001/224, li kienu jawtorizzawha tapplika jew tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża. It-tieni nett, hija tinvoka n-natura ta’ lex specialis li jikkostitwixxi l-Artikolu 93 KE, li huwa l-bażi tal-kompetenza tal-Kunsill fil-qasam ta’ armonizzazzjoni fiskali u jifforma l-bażi legali tad-Direttiva 92/81 u tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, fil-konfront tal-lex generalis li jikkostitwixxu l-Artikoli 87 KE u 88 KE, li huma l-bażi tal-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. It-tielet nett, hija tirreferi għall-obbligu impost fuq il-Kunsill, taħt l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, li jivverifika li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet iġġustifikata minn raġunijiet ta’ politika speċifiċi, li hija ma twassalx għal distorsjoni ta’ kompetizzjoni u li hija ma tfixkilx il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni.

    105

    Il-Kummissjoni titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat.

    106

    Dan il-motiv iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx żball, fid-deċiżjoni kkontestata, meta evalwat il-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża fid-dawl tar-regoli applikabbli għall-għajnuna ġdida, meta dan kien każ ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex kienet ġiet awtorizzata bid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar darba permezz tad-Deċiżjoni 2001/224.

    107

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999, tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”, “għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill”.

    108

    It-Trattat KE jistabbilixxi proċeduri distinti skont jekk l-għajnuna hijiex eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna ġdida għandha, skont l-Artikolu 88(3) KE, tiġi nnotifikata minn qabel lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implementata qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali, l-għajnuna eżistenti tista’, skont l-Artikolu 88(1) KE, tiġi regolarment implementata sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha (ara s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, Ġabra, EU:T:2011:117, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant l-għajnuna eżistenti tista’ tkun biss is-suġġett, jekk ikun il-każ, ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li tipproduċi l-effetti tagħha għall-futur (ara s-sentenza Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2011:117, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    109

    F’dan il-każ, kif tinnota korrettement il-Kummissjoni, l-argumenti li jsostnu dan il-motiv ġew direttament miċħuda bis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812).

    110

    Fil-fatt, fil-punt 49 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza Stat Membru, b’mod konformi mal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, jintroduċi eżenzjoni minn dazji tas-sisa ma setax ikollha l-effett li xxekkel lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mit-trattat u, konsegwentement, milli timplementa l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex teżamina jekk din l-eżenzjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u sabiex jekk ikun il-każ, fi tmiem din il-proċedura, tieħu deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata. Fil-punt 47 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet preċedentement ikkonstatat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 kellha għan u kamp ta’ applikazzjoni differenti mill-iskema stabbilita bl-Artikolu 88 KE sabiex tirregola l-għajnuna mill-Istat ġdida u eżistenti. Jirriżulta minn dawn il-motivi li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, ma setgħu bl-ebda mod jiġu analizzati bħala deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna jew ta’ għajnuna individwali, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999.

    111

    Isegwi li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 ma jippermettux, f’dan il-każ, li l-eżenzjoni kontenzjuża tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999.

    112

    It-tieni motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II għandu , għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien ml-Anness II tagħha, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2001/224, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II

    113

    Ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II tagħha, kif ukoll l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2001/224, li kienu espressament jawtorizzawha tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2003/96, fl-1 ta’ Jannar 2004, kien ġab fit-tmiem l-obbligu tagħha li tinnotifika l-għajnuna kontenzjuża lill-Kummissjoni u din tal-aħħar ma kellha l-ebda kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

    114

    Il-Kummissjoni titlob li l-ħames motiv jiġi miċħud bħala infondat.

    115

    F’dan il-każ, kif tinnota korrettement il-Kummissjoni, l-argumenti li jsostnu dan il-motiv huma direttament miċħuda bis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812).

    116

    Fil-fatt, jirriżulta mill-motivi tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), iċċitati fil-punti 65 sa 69 hawn fuq li, meta fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex teżamina jekk l-eżenzjoni kontenzjuża tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u meta, fi tmiem dik il-proċedura, ħadet id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet biss eżerċitat il-kompetenzi tagħha mogħtija lilha bit-Trattat KE fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u li, billi għamlet hekk, hija ma setgħetx tippreġudika l-kompetenzi mogħtija lill-Kunsill b’dak it-trattat fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa jew lill-atti li l-Kunsill kien adotta fl-eżerċizzju ta’ dawk il-kompetenzi.

    117

    Isegwi li, bil-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex teżamina jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u meta, fi tmiem dik il-proċedura, ħadet id-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni ma kisritx l-atti adottati mill-Kunsill li, bħall-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II, jew l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2001/224, kienu jawtorizzaw espressament lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Fil-fatt, dawn l-awtorizzazzjonijiet setgħu jipproduċu l-effetti tagħhom biss fil-kamp kopert bir-regoli fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa u ma kinux jippreġudikaw l-effetti ta’ eventwali deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni setgħet tadotta fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

    118

    Għalhekk, ir-Repubblika Taljana ma għandhiex raġun issostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II tiegħu, u l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2001/224.

    119

    Għaldaqstant għandu jiġi miċħud, bħala infondat, il-ħames motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II.

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-liġijiet li jirregolaw l-għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, l-inċiż (a) tat-tieni paragrafu tal-punt 82 tal-Linji gwida tal-Komunità, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II

    120

    Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra, essenzjalment, li, fid-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kisret ir-regoli dwar l-għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, l-inċiż (a) tat-tieni paragrafu tal-punt 82 tal-Linji gwida tal-Komunità, għaliex irrifjutat li tikkonstata li l-għajnuna kontenzjuża kienet strettament marbuta mat-twettiq, minn Eurallumina, ta’ għanijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-Repubblika Taljana tibbaża ruħha fuq l-effett qawwi fuq l-ambjent tal-attività ta’ produzzjoni tal-alumina, marbut mal-ħtieġa li jiġi eliminat, bis-sigurtà kollha, l-iskart li jirriżulta miċ-ċiklu industrijali, li jispjega l-fatt li t-territorju li fuqu kienet ibbażata Eurallumina kien ġie ddikjarat żona ta’ riskju ta’ kriżi ambjentali bid-deċiżjoni tal-Kabinett tal-Ministri Taljan tat-30 ta’ Novembru 1990. It-tieni nett, hija tinvoka l-obbigi ambjentali, li kellhom jitwettqu bi spejjeż tagħha stess, assunti minn Eurallumina, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ pjan ta’ eliminazzjoni ta’ tniġġis u ta’ rijabilitazzjoni tal-ambjent, approvat b’digriet tal-President tal-Kabinett tal-Ministri Taljan tat-23 ta’ April 1993, u b’mod partikolari l-programm ta’ rijabilitazzjoni ordnat mill-Ministru għall-Ambjent Taljan fil-15 ta’ Ġunju 1995 u l-kuntratt ta’ programm konkluż mal-awtoritajiet Taljani fit-12 ta’ April 1999. It-tielet nett, hija tibbaża ruħha fuq l-obbligu li jitnaqqas il-livell ta’ emissjoni ta’ ossidju tas-sulfat u tat-trab, impost mill-Ministeru għall-Ambjent Taljan fuq Eurallumina, b’digriet fl-1998. Ir-raba’ nett, hija tirreferi għall-obbligu assunt minn Eurallumina, bi ftehim, tas-27 ta’ April 1999, iffirmat mar-reġjun ta’ Sardegna, li twettaq stallazzjoni speċjali ta’ eliminazzjoni tas-sulfat mid-duħħan li ġej mill-fran ta’ kalċinazzjoni u l-bojlers tagħha u, f’dan il-kuntest, hija tirreferi għat-twettiq minn Eurallumina ta’ investimenti importanti fl-impjant tagħha f’Sardenga, li baqgħu sejrin sal-2005 u li wara li tlestew hija akkwistat iċ-ċertifikazzjoni ISO 14001. Il-ħames nett, hija tistrieħ fuq l-ittra tas-6 ta’ Frar 2002, li hija bagħtet lill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tinformaha bl-ispejjeż prinċipali imposti fuq Eurallumina bil-leġiżlazzjoni fiskali u ambjentali Taljana u l-obbligi ekoloġiċi assunti minn din tal-aħħar.

    121

    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli jew, f’kull każ, infondat u, għall-kumplament, infondat.

    122

    Dan il-motiv iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk, fil-premessa 75 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni wettqitx żball meta rrifjutat li tikkonstata li l-għajnuna kontenzjuża kienet mogħtija bħala korrispettiv għat-twettiq minn Eurallumina ta’ għanijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u li, sa hawnhekk, kienet kompatibbli mas-suq komuni, fid-dawl tal-punti 47 sa 52 tal-Linji gwida tal-Komunità.

    123

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 82 tal-Linji gwida tal-Komunità, ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali fit-3 ta’ Frar 2001, jipprovdi b’mod partikolari kif ġej:

    “[…]

    F’każ ta’ għajnuna mhix innotifikata, il-Kummissjoni tadotta:

    (a)

    id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jekk l-għajnuna tkun ġiet mogħtija wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej;

    […]”

    124

    Barra minn hekk, il-punti 47 sa 51 tal-Linji gwida tal-Komunità huma fformultati kif ġej:

    “47.

    Meta jiġu adottati taxxi illi jkunu ser jiġu imposti fuq ċerti attivitajiet minħabba raġunijiet li jirrigwardaw il-ħarsien ta’ l-ambjent, l-Istati Membri jista’ jidhrilhom illi jkun meħtieġ illi jagħmlu disposizzjonijiet għall-eżenzjonijiet temporanji għal ċertu azjendi notevolment minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell Ewropew jew minħabba r-riskji temporanji fil-kompetittività internazzjonali. Ġeneralment, dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu għajnuna għall-operazzjoni li tkun taqa’ taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE. Fl-analiżi ta’ dawn il-miżuri, għandu jkun aċċertat fost affarijiet oħra jekk it-taxxa li tkun ser tiġi imposta hijiex riżultat ta’ deċiżjoni tal-Komunita fuq in-naħa ta’ l-Istati Membri.

    […]

    49.

    Jekk it-taxxa illi tkun ser tkun imposta bħala riżultat ta’ Direttiva tal-Komunità, hemm żewġ xenarji possibbli:

    […]

    (b)

    Stat Membru japplika taxxa fuq ċerti prodotti illi r-rata minima stabbilita fid-direttiva tal-Komunità u tagħti eżenzjoni lil ċerti azjendi, illi huma suġġetti għal taxxa b’rata aktar baxxa mir-rata minima. Jekk din l-eżenzjoni ma tkunx awtorizzata mid-Direttiva in kwestjoni, hija tikkostitwixxi għajnuna illi tkun inkompatibbli ma’ l-Artikolu 87 tat-Trattat [KE]. Jekk tkun awtorizzata mid-Direttiva, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-opinjoni illi hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 87 [KE] jekk kemm-il darba hija tkun meħtieġa u mhux disproporzjonata fid-dawl ta’ l-ilħuq ta’ l-għanijiet tal-Komunità. Il-Kummissjoni ser tkun speċjalment ikkonċernata sabiex tassigura illi kull eżenzjoni simili għandha tkun strettament limitata fiż-żmien.

    50.

    Ġeneralment, il-miżuri tat-taxxa in kwestjoni għandhom jagħtu kontribut sinifikanti għall-ħarsien ta’ l-ambjent. Għandha tingħata wkoll attenzjoni sabiex jiġi assigurat illi l-eżenzjonijiet, min-natura tagħhom, ma jagħmlux ħsara lill-kisba ta’ l-għanijiet ġenerali.

    51.

    Dawn l-eżenzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu għajnuna għal min iħaddem illi tista’ tiġi awtorizzata fuq il-kondizzjonijiet illi ġejjin:

    1)

    Meta Stat Membru jintroduċi taxxa ġdida f’settur ta’ attività jew fuq produzzjoni illi fir- rigward tagħha mhemmx armonizzazzjoni mill-Komunità dwar it-taxxa fuqhom jew meta t-taxxa prevista mill-Istat Membru taqbeż dik stabbilita mil-leġislazzjoni tal-Komunità, il-Kummissjoni tieħu l-opinjoni illi d-deċiżjoni fir-rigward ta’ l-eżenzjonijiet illi jkopru perijodu ta’ 10 snin mingħajr ebda digressività jistgħu jiġu ġġustifikati f’żewġ każijiet:

    (a)

    dawn l-eżenzjonijiet huma kondizzjonijiet fuq il-konklużjoni tal-ftehim bejn l-Istati Membri kkonċernati u l-azjendi illi jirċevuhom fejn l-azjendi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ l-azjendi jintrabtu illi jilħqu l-għanijiet tal-ħarsien ta’ l-ambjent waqt il-perijodu li għalih l-eżenzjonijiet japplikaw jew meta l-azjendi jilħqu l-ftehim volontarju illi għandhom l-istess effett. Dan il-ftehim jew obbligazzjonijiet jistgħu jirrelataw, fost affarijiet oħra, għal tnaqqis fil-konsum ta’ l-enerġija, tnaqqis fl-emissjonijiet jew kwalunkwe miżura oħra ta’ l-ambjent. Is-sustanza tal-ftehim għandha tkun innegozjata minn kull Stat Membru u ser tkun tista’ tiġi stmata mill-Kummissjoni meta l-proġetti ta’ għajnuna jiġu nnotifikati liha. L-istati Membri jridu jassiguraw illi jkun hemm moniteraġġ strett ta’ l-obbligazzjonijiet illi l-azjenda jew l-assoċjazzjonijiet ta’ l-azjendi jkunu daħlu għalihom. Il-ftehim milħuq bejn Stat Membru u l-azjenda in kwestjoni jrid jistipula l-arranġamenti għall-penali illi jkunu applikabbli jekk l-obbligazzjonijiet ma jiġux milħuqa.

    Dawn id-disposizzjonijiet japplikaw ukoll meta Stat Membru jagħmel tnaqqis fit-taxxa li jkun suġġett għall-kondizzjonijiet illi jkollu l-istess effett bħall-ftehim jew obbligazzjonijiet imsemmijin hawn fuq;

    (b)

    dawn l-eżenzjonijiet m’għandhomx għalfejn ikunu kondizzjonali fuq l-ilħuq tal-ftehim bejn l-Istati Membri kkonċernati u l-azjenda illi skun ser tirċevihom jekk il-kondizzjonijiet alternattivi illi ġejjin jiġu sodisfatti:

    meta t-tnaqqis jirrigwarda taxxa tal-Komunità, l-ammont li jkun effettivament tħallas mill-azjenda wara t-tnaqqis jrid jibqa’ ogħla mill-minimu tal-Komunità sabiex jipprovdi lill-azjenda b’inċentiv sabiex ittejjeb il-ħarsien ta’ l-ambjent,

    […]

    2)

    Id-disposizzjonijiet fil-punt 51.1 jistgħu jiġu applikati lit-taxxi eżistenti jekk iż-żewġ kondizzjonijiet illi ġejjin ikunu soddisfatti fl-istess ħin:

    (a)

    it-taxxa in kwestjoni jrid ikollha impatt notevoli pożittiv fir-rigward tal-ħarsien ta’ l-ambjent;

    (b)

    id-deroga lill-azjenda kkonċernata trid tkun ġiet deċiża meta t-taxxa kienet ġiet adottata […]”

    125

    Fil-premessi 71 u 73 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni indikat li “[l]-għajnuna mogħtija wara t-3 ta’ Frar 2001 [kellha tiġi evalwata fid-dawl tar-Linji gwida tal-Komunità […] skont l-inċiż [(a) tat-tieni paragrafu] tal-[punt] 82, ta’ dawn il-linji gwida” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, iktar preċiżament, fid-dawl tal-punti 47 sa 52 tagħhom, li jipprovdu r-regoli applikabbli għall-għajnuna għall-funzjonament kollha fil-forma ta’ tnaqqis jew ta’ eżenzjonijiet tat-taxxi.

    126

    Fil-premessi 73 sa 76 tal-istess deċiżjoni, hija kienet, barra minn hekk, innotat kif ġej:

    “(73)

    […] Inizjalment, id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali ma kinux ikkonċepiti bħala strument ta’ politika tal-protezzjoni tal-ambjent. Madankollu, waħda mill-karatteristiċi li għandha normalment tippreżenta taxxa sabiex tiġi kkunsidrata bħala taxxa ambjentali għandha tkun dik li l-bażi taxxabbli tagħha jkollha manifestament effetti negattivi fuq l-ambjent […]. Billi l-użu taż-żjut minerali għandu manifestament effetti negattivi fuq l-ambjent, id-dazji tas-sisa li jolqtu dawn il-prodotti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala taxxi ambjentali.

    (74)

    Id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali kienu jeżistu fit-tliet Stati Membri destinatarji ta’ din id-deċiżjoni qabel l-istituzzjoni tal-eżenzjonijiet inkwistjoni u għandhom għaldaqstant jiġu kkunsidrati bħala taxxi eżistenti fis-sens tal-punt 51.2 tal-Linji gwida tal-[Komunità]. Dawn id-dazji tas-sisa għandhom madankollu effett pożittiv notevoli għall-protezzjoni tal-ambjent fis-sens tal-[punt] 51.2(a), għaliex jipprovdu inċentiv importanti għall-prodotturi li jirriduċu l-konsum tagħhom ta’ żjut minerali. Id-dazji tas-sisa kkunsidrati ma għandhomx skop ekoloġiku espliċitu fl-oriġini tagħhom u d-derogi kienu deċiżi diversi snin qabel, b’mod partikolari fl-Irlanda u fl-Italja, u fi kwalunkwe każ, fit-tliet Stati Membri, ferm qabel ma saru applikabbli l-Linji gwida tal-[Komunità]. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li fil-każ tagħhom, għandu jitqies li huma kienu ġew deċiżi waqt l-adozzjoni tad-dazju tas-sisa. Għalhekk, skont il-[punt] 51.2 tal-Linji gwida tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-[punt] 51.1 jistgħu jiġu applikati għall-eżenzjonijiet inkwistjoni f’din id-deċiżjoni.

    (75)

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-benefiċjarji argumentaw li huma kienu wettqu investimenti ekoloġiċi importanti bħala korrispettiv għall-eżenzjonijiet. Madankollu ma hemm l-ebda prova li huma kienu kkonkludew ftehim mal-Istati Membri kkonċernati sabiex jilħqu għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet. Dawn lanqas ma jirriżultaw minn kundizzjonijiet li jottjenu l-istess effett bħal dawn il-ftehim u obbligi. Barra minn hekk jidher li l-investimenti ekoloġiċi lanqas ma kienu jmorru lil hin minn dak li kien neċessarju sabiex tiġi osservata l-leġiżlazzjoni jew minn dak li kien fattibbli u ekonomiku fuq il-livell kummerċjali. Għalhekk, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-[punt] 51.[1(a)] tal-Linji gwida tal-[Komunità] ma humiex sodisfatti u huma biss id-dispożizzjonijiet tal-[punt] 51.[1(b)] li huma applikabbli f’dan il-każ.

    (76)

    Sal-31 ta’ Diċembru 2003, l-eżenzjonijiet kienu jirrigwardaw taxxa komunitarja, jiġifieri taxxa armonizzata fuq il-bażi tad-Direttiva 92/82[…]. Għalhekk, l-ewwel inċiż tal-[punt] 51.[1(b)], tal-Linji gwida tal-[Komunità] huwa applikabbli. Skont din id-dispożizzjoni, tnaqqis jista’ jiġi awtorizzat jekk l-ammont effettivament imħallas mill-benefiċjarji wara t-tnaqqis jibqa’ iktar mill-minimu Komunitarju. Issa, it-tliet eżenzjonijiet kienu totali. Meħud inkunsiderazzjoni l-effett pożittiv fuq l-ambjent tat-taxxa msemmija fil-premessa 73 ta’ din id-deċiżjoni, il-miżuri inkwistjoni jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni biss jekk il-benefiċjarji għandhom iħallsu taxxa ogħla mill-minimu Komunitarju ffissat bid-Direttiva 92/82[…], li, għall-perijodu kkunsidrat, kien jitla’ għal EUR 13 għal kull 1000 kg. Għalhekk, hija biss l-eżenzjoni mit-taxxa l’fuq minn EUR 13.01 li tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, filwaqt li l-eżenzjoni taħt EUR 13.01 tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    127

    Preliminarjament, għandu jiġi jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bil-linji gwida li hija tadotta, sa fejn dawn ma jmorrux lil hinn mir-regoli tat-Trattat KE (ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Holland Malt vs Il‑Kummissjoni, C‑464/09 P, Ġabra, EU:C:2010:733, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    128

    F’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax il-premessa 67 tad-deċiżjoni alumina I minn fejn jirriżulta li l-għajnuna kontenzjuża qatt ma kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni. Sa fejn dik l-għajnuna kienet ġiet mogħtija wara t-3 ta’ Frar 2001, il-Linji gwida tal-Komunità kienu għalhekk applikabbli għaliha, skont il-punt 82 tagħhom (ara l-punt 123 hawn fuq).

    129

    Sabiex tistabbilixxili li l-għajnuna kontenzjuża hija kompatibbli mas-suq komuni fid-dawl tal-Linji gwida tal-Komunità, ir-Repubblika Taljana pproduċiet, annessa mar-rikors, serje sħiħa ta’ atti u ta’ ftehimiet minn fejn jirriżulta li Eurallumina kienet obbligata tilħaq għanijiet numerużi fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent jew kienet volontarjament obbligat ruħha li tilħaq dawn l-għanijiet matul il-perijodu li fih l-għajnuna kontenzjuża kienet ġiet mogħtija.

    130

    Il-Kummissjoni tqis madankollu li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, għaliex ir-Repubblika Taljana naqset milli tipproduċi dawn l-atti u dawn il-ftehimiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    131

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, sa fejn ir-Repubblika Taljana kienet qed tirreferi, insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, għal informazzjoni li ma kinitx disponibbli għaliha dakinhar tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jew ma kinux inġabu għall-konoxxenza tal-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, din l-informazzjoni ma tistax tittieħed inkonsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ dik id-deċiżjoni.

    132

    Fil-fatt, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità tal-att ikkonċernat għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ punti ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data li fiha kien ġie adottat dak l-att (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra, EU:T:2004:4, punt 50). Għalhekk, skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha meta hija addottat id-deċiżjoni (ara s-sentenza Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2004:4, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, Stat Membru ma jistax jinvoka punti ta’ fatt li ma kinux tressqu matul il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 88 KE (ara s-sentenza Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2004:4, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    133

    F’dan il-każ, jirriżulta mill-fajl li, fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub permezz tal-ittra tat-6 ta’ Frar 2002, waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-Repubblika Taljana kienet argumentat, b’mod ġenerali, li l-għajnuna kontenzjuża kienet parzjalment tikkumpensa l-ispejjeż operazzjonali imposti fuq Eurallumina bil-leġiżlazzjoni fiskali u ambjentali Taljana. Iktar speċifikament, hija indikat li parti mill-għajnuna kontenzjuża kienet maħsuba sabiex tikkumpensa l-ispejjeż żejda marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u li, għaldaqstant, hija kienet tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji gwida tal-Komunità. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana spjegat li, wara l-1974, l-awtoritajiet reġjonali kienu pprojbixxew r-rimi tal-fdalijiet fil-Mediterran, prattika li kienet għadha tiġi awtorizzata fi Franza u fil-Greċja. Dik il-projbizzjoni kienet wasslet għal spejjeż ogħla għal Eurallumina, jiġifieri Liri Taljani (ITL) 6 biljuni (EUR 3 miljuni). Fid-dawl tal-limiti stretti ta’ emissjonijiet [25 % inqas mil-limitu nazzjonali ta’ ossidu tas-sulfat (SOx)], il-kumpannija kellha tinvesti f’teknoloġija ġdida ta’ eliminazzjoni tas-sulfat fl-ammont ta’ ITL 44 biljun (EUR 22 miljun), li wassal għal spejjeż supplimentari ta’ ITL 6 biljuni (EUR 3 miljuni) fis-sena, inkluż l-amortizzazzjoni. Minkejja dawn l-investimenti, il-kumpannija xorta kienet obbligata tħallas ITL 1.1 biljun (EUR 0.55 miljun) fis-sena fuq l-emissjonijiet.

    134

    Fil-premessa 56 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kienet ħadet nota tal-informazzjoni hekk innotifikata mir-Repubblika Taljana, imma qieset, fil-premessa 75 ta’ dak l-istess deċiżjoni, li din ma kinitx tippermettilha tikkunsidra li, matul il-perijodu kopert bid-deċiżjoni kkontestata, l-eżenzjoni kontenzjuża kienet ġiet konkluża bħala korrispettiv għall-ftehimiet iffirmati bejn l-awtoritajiet Taljani u Eurallumina li bihom din tal-aħħar kienet intrabtet li tilħaq għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent jew obbligazzjonijiet ekwivalenti riżultanti, għal Eurallumina, mil-leġiżlazzjoni Taljana. Barra minn hekk, il-Kummissjoni argumentat li ma kienet ingħatat l-ebda prova li l-investimenti ekoloġiċi mwettqa minn Eurallumina kienu jmorru lil hinn minn dak li kien neċessarju għall-osservanza tal-leġiżlazzjoni Taljana jew minn dak li kien fattibbli u ekonomiku fuq il-livell kummerċjali. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-punt 51.1(a) tal-Linji gwida tal-Komunità ma kinux sodisfatti f’dan il-każ.

    135

    Fir-rigward tad-dokumenti prodotti mir-Repubblika Taljana annessi mar-rikors, ma jirriżultax mill-fajl li dawn kienu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ma tallegax fl-atti bil-miktub tagħha, b’risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni, li din il-komunikazzjoni kienet twettqet. Fl-aħħar nett, waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat, b’risposta għal domanda orali tal-Qorti Ġenerali, li d-dokumenti inkwistjoni ma kinux ġew prodotti waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-dokumenti prodotti bħala annessi mar-rikors ma kinux ġew prodotti preċedentement. Għaldaqstant, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 132 hawn fuq li l-informazzjoni kontenuta f’dawn id-dokumenti ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief sa fejn dawn jirripproduċu informazzjoni li kienet diġà ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, b’mod partikolari permezz tal-ittra msemmija fuq tas-6 ta’ Frar 2002.

    136

    Fir-rigward tal-unika informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni permezz tal-ittra tas-6 ta’ Frar 2002, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat korrettament li din ma kinitx tippermettilha tikkonkludi li l-benefiċċju tal-eżenzjoni kontenzjuża kien ġie suġġett għall-osservanza minn Eurallumina ta’ obbligi sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, din l-informazzjoni ma kinitx tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet ġiet imfassla bħala l-korrispettiv ta’ obbligi assunti minn din tal-aħħar sabiex tilħaq għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent li jmorru lil hinn minn dawk riżultanti mil-leġiżlazzjoni fiskali jew ambjentali Taljana, b’mod partikolari mir-regoli nazzjonali li kienu jimponu limitu ta’ emissjonijiet għall-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-kwalità tal-arja jew il-ħlas ta’ taxxi fuq l-emissjonijiet, jew tal-iffirmar ta’ ftehimiet volontarji li għandhom l-istess portata, fis-sens tal-punt 51.1(a) tal-Linji gwida tal-Komunità. Barra minn hekk, fl-ittra tas-6 ta’ Frar 2002, ir-Repubblika Taljana kienet irrikonoxxiet li “[l-]għajnuna mogħtija lil Eurallumina, iddefinita bħala għajnuna għall-funzjonament mill-Kummissjoni […], [kienet] tikkumpensa parzjalment l-ispejjeż operazzjonali tal-impriża imposti mil-leġiżlazzjoni fiskali u ambjentali Taljana”. Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 45 tad-deċiżjoni alumina I li, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, Eurallumina stess kienet indikat li l-“investimenti l-kbar” imwettqa fl-impjant tagħha f’Sardegna kien sar “sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli l-iktar restrittivi u b’mod partikolari tar-regoli ekoloġiċi reġjonali”. F’kull każ, l-unika informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni permezz tal-ittra tas-6 ta’ Frar 2002 ma kinitx tippermettilha tivverika, kif issostni r-Repubblika Taljana fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet effettivament prevista, fil-kuntratti jew ftehimiet iffirmati mal-awtoritajiet Taljani, bħala korrispettiv għal investimenti mwettqa minn Eurallumina sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha li tilħaq għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent li jmorru lil hin minn dawk diġà riżultanti mil-leġiżlazzjoni li kienet applikabbli għaliha.

    137

    Anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti u l-ftehimiet prodotti mir-Repubblika Taljana annessi mar-rikors, dawn ma jippermettux, f’dan il-każ, li jiġi kkonstatat li Eurallumina kienet obbligat ruħha, bħala korrispettiv għall-benefiċċju li hija kienet ser tieħu mill-eżenzjoni kontenzjuża, li tilħaq għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent li jmorru lil hinn minn dawk diġà riżultanti mil-leġiżlazzjoni Taljana jew li tikkonkludi ftehimiet volontarji li jkollhom l-istess portata. Ċertament jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 3 tal-kuntratt ta’ programm iffirmat fit-12 ta’ April 1999 bejn l-awtoritajiet Taljani u Eurallumina kif ukoll mill-Artikoli 2 sa 4 tal-ftehim tas-27 ta’ April 1999 iffirmat bejn ir-reġjun ta’ Sardegna u Eurallumina li Eurallumina kienet intrabet li twettaq ċerti investimenti maħsuba sabiex jilħqu għanijiet ekoloġiċi fil-kuntest ta’ pjan għar-rijabilitazzjoni ambjentali tal-impjant tagħha ta’ Portoscuso (Sardegna). Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, dawn l-investimenti maħsuba sabiex jilħqu għanijiet ekoloġiċi ma kellhomx jitwettqu għas-spejjez ta’ Eurallumina biss, għaliex kien previst espressament, fl-Artikolu 4 tal-kuntratt ta’ programm tat-12 ta’ April 1999 kif ukoll fl-Artikoli 4 sa 6 tal-ftehim tas-27 ta’ April 1999 li, għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-obbligi ta’ Eurallumina, ir-reġjun ta’ Sardegna kien intrabat li jikkontribwixxi finanzjarjament għat-twettiq tal-pjan għar-rijabilitazzjoni ambjentali tal-impjant ta’ Portoscuso fi kwota massima ta’ 30 % mill-ispejjeż rikonoxxuti bħala eliġibbli u, f’kull każ, f’ammont massimu ta’ ITL 17.5 biljun. Bil-kuntrarju, ma jirriżultax minn dawn il-ftehimiet li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet ukoll konkluża bħala kontribuzzjoni finanzjarja għall-investimenti ta’ natura ambjentali mwettqa minn Eurallumina. Mill-kumplament, id-dokumenti prodotti mir-Repubblika Taljana annessi mar-rikors ma jurux l-ispejjeż operazzjonali imposti fuq Eurallumina mil-leġiżlazzjoni fiskali u ambjentali Taljana, bħal dawk li jikkorrispondu għal-limitu tal-emissjonijiet bl-għan li jiġu osservati r-regoli fil-qasam ta’ kwalità tal-arja jew għall-ħlas stess tat-taxxa fuq l-emissjonijiet.

    138

    Għalhekk, il-Kummissjoni kienet korretta li tikkonkludi fil-premessa 75 tad-deċiżjoni alumina I, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-punt 51.1(a) tal-Linji gwida tal-Komunità ma kinux issodisfatti f’dan il-każ.

    139

    Għalhekk it-tielet motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE u tal-linji gwida, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II

    140

    Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(3) KE u l-linji gwida fil-premessi 78 sa 80 tad-deċiżjoni alumina I, għaliex hija stmat li l-għajnuna kontenzjuża ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għar-raġuni li hija kienet iffaċilitat l-iżvilupp ekonomiku ta’ Sardegna. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tibbaża ruħha fuq it-tardività ekonomika ta’ Sardegna, li hija waħda mir-reġjuni żvantaġġjati li jaqgħu taħt l-għan nru 1 tal-fondi strutturali, li huwa l-aħħar fost ir-reġjuni Taljani għar-rikkezza u d-dħul individwali u li huwa wkoll taħt il-medja nazzjonali f’dak li jikkonċerna l-perċentwali tal-persuni impjegati u ta’ impriżi industrijali meta mqabbla mal-popolazzjoni residenti. It-tieni nett, hija tirreferi għat-tardività ekonomika tat-territorju ta’ Sulcis-Iglesiente li fuqu huwa mibni l-impjant ta’ Eurallumina f’Sardegna, li għandu rata ta’ qgħad ta’ madwar 21 % tal-popolazzjoni u ta’ madwar 50 % taż-żgħażagħ. It-tielet nett, hija tirreferi għall-garanzija ta’ madwar 1800 impjieg mogħtija minn Eurallumina, direttament fl-impjant tagħha f’Sardegna u indirettament fl-impjanti f’Sardegna ta’ Alcoa Italia SpA, li tagħha hija l-uniku fornitur tal-alumina. Ir-raba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq d-dokumentazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ħajja żvantaġġjati f’Sardegna, kemm mill-perspettiva tad-densità tal-popolazzjoni kif ukoll minn dak tal-livell tal-ħajja u tar-rata tal-qgħad importanti. Il-ħames nett, hija tinvoka l-premessa 79 tad-deċiżjoni alumina I, li fiha l-Kummissjoni tammetti li Sardegna tista’ tibbenefika mid-deroga tal-Artikolu 87(3)(a) KE. Is-sitt nett, hija tibbaża ruħha fuq l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-punt 4.15 tal-linji gwida, li jipprovdi li għajnuna reġjonali għall-funzjonament tista’ tingħata lir-reġjuni li jibbenefikaw mid-deroga tal-Artikolu 87(3)(a) KE. Is-seba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq l-inapplikabbiltà f’dan il-każ tal-punt 4.17 tal-linji gwida, li jipprovdi li l-għajnuna għall-funzjonament għandha tkun limitata ratione temporis u mnaqqsa progressivament, peress li Sardegna huwa reġjun b’densità żgħira ta’ popolazzjoni li tibbenefika mid-deroga tal-Artikolu 87(3)(a) KE.

    141

    Il-Kummissjoni titlob li r-raba’ motiv jiġi miċħud bħala infondat.

    142

    Dan il-motiv iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk, fil-premessa 80 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni wettqitx żball billi qieset li l-għajnuna kontenzjuża ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komun, fis-sens tal-Artikolu 87(3)(a) KE u tal-punti 4.11 sa 4.17 tal-linji gwida, għaliex hija kienet tiffaċilita l-iżvilupp ekonomiku ta’ Sardegna.

    143

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 87(3)(a) KE tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg. Skont il-ġurisprudenza, l-użu tal-frażi “anormali” u “serju” fid-deroga kontenuta fl-Artikolu 87(3)(a) KE juri li dan jikkonċerna biss ir-reġjuni fejn is-sitwazzjoni ekonomika hija estremament sfavorevoli meta mqabbla mal-Komunità kollha (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, Ġabra, EU:C:1987:437, punt 19).

    144

    Il-linji gwida jispjegaw il-kriterji segwiti mill-Kummissjoni sabiex teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali mas-suq komun, b’applikazzjoni b’mod partikolari tal-Artikolu 87(3)(a) KE.

    145

    Il-punti tal-linji gwida fir-rigward tal-għajnuna reġjonali kollha li tikkorrispondi għal “għajnuna għall-operat [funzjonament]” huma fformulati kif ġej:

    “4.15.

    L-għajnuna reġjonali intiża biex tnaqqas in-nefqa rikorrenti ta’ ditta (għajnuna għall-operat ) hija normalment projbita. F’każijiet eċċezzjonali, madankollu, din l-għajnuna tista’ tingħata lir-reġjuni eliġibbli għad-deroga ta’ [l-Artikolu 87(3)(a) KE] sakemm din (i) hija ġustifikata fit-termini tal-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp reġjonali u għan-natura tagħha u (ii) l-livell tagħha huwa proporzjonali għall-iżvantaġġi li tfittex biex tnaqqas. Huwa f’idejn l-Istat Membru sabiex juri l-eżistenza ta’ dawn l-iżvantaġġi u jikkalkola l-importanza tagħhom.

    4.16.

    Fir-reġjuni l-iżjed periferiċi li jikkwalifikaw għall-[Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE], u fir-reġjuni li għandhom densità tal-popolazzjoni baxxa u jikkwalifikaw taħt l-eżenzjoni [tal-Artikolu 87(3)(a) KE,] jew taħt [l-Artikolu 87(3)(ċ) KE] abbażi ta’ l-eżami tad-densità tal-populazzjoni msemmi f’punt 3.10.4, tista’ tiġi awtorizzata għajnuna, taħt kondizzjonijiet speċjali, intiża parzjalment sabiex tpaċi spejjes addizzjonali tat-trasport [...]. Huwa f’idejn l-Istat Membru sabiex juri li dawn l-ispejjes jeżistu u jikkalkola l-ammont tagħhom.

    4.17.

    B’eċċezzjoni għall-każijiet msemmija f’punt 4.16, l-għajnuna għall-operat għandha tkun limitata fiż-żmien u mnaqqsa progressivament […]”

    146

    Fil-premessi 78 sa 81 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà mas-suq komun tal-għajnuna ġdida fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(a) KE u tal-linji gwida. Il-premessi 78 sa 80 tad-deċiżjoni alumina I huma fformulati kif ġej:

    “(78)

    F’dak li jikkonċerna d-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(a) [KE], li tkopri l-għajnuna intiża sabiex tiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg, il-Kummissjoni tinnota li għall-aħħar parti tal-perijodu li matulu l-eżenzjonijiet kienu ngħataw, huma l-Linji ta’ gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali tal-1998 li huma applikabbli. Skont il-punt 4.15 ta’ dawn il-linji gwida, għajnuna għall-funzjonament tista’ eċċezzjonalment tingħata fir-reġjuni li jibbenefikaw mid-deroga tal-Artikolu 87(3)(a) [KE] bil-kundizzjoni li hija tkun iġġustifikata skont il-kontribut tagħha għall-iżvilupp reġjonali u n-natura tagħha u li l-livell tagħha jkun proporzjali għall-iżvantaġġ li hija intiża sabiex ittaffi. Huwa d-dmir tal-Istat Membru li juri l-eżistenza ta’ kwalunkwe żvantaġġ u jkejjel l-importanza tiegħu. Skont il-punt 4.17 tal-linji gwida, l-għajnuna għall-funzjonament għandha tkun limitata ratione temporis u mnaqqsa proggressivament. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti fil-każ preżenti.

    (79)

    […] Sardegna hija reġjun li jista’ jibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(a) [KCE]. […]

    (80)

    Fid-deċiżjonijiet tagħha li tiftaħ il-proċedura taħt l-Artikolu 88(2) [KE], il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni b’applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(a) [KE]. L-awtoritajiet Taljani […] ma pproduċewx provi li jistgħu jeliminaw dawn id-dubji; huma ma wrewx l-eżistenza ta’ żvantaġġi partikolari lanqas kejlu l-importanza tagħhom sabiex jiġġustifikaw l-għoti ta’ għajnuna għall-funzjonament. Il-livell għoli tal-prezz tal-enerġija u l-kompetizzjoni tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari, ma humiex ta’ natura reġjonali. Anki jekk l-assenza ta’ gass naturali tirrapreżenta żvantaġġ reġjonali partikolari fir-reġjuni kkunsidrati, u dan ma ġiex stabbilit, […] l-Italja ma kejl[iet]x l-importanza tiegħu sabiex tiġġustifika l-livell tal-għajnuna. Il-leġiżlazzjoni Taljana li, skont Eurallumina, tinvolvi spejjeż supplimentari, tista’ parzjalment ikollha natura reġjonali, minħabba l-fatt li Sardegna kienet ġiet iddikjarata reġjun b’riskju għoli ta’ kriżi ekoloġika, imma dan ma jistax jiġi kkunsidrat inġenerali bħala żvantaġġ partikolari għal dan ir-reġjun. F’kull każ, jidher li l-eżenzjonijiet inkwistjoni la huma temporanji u lanqas imnaqqsa progressivament kif jeżiġi r-regolament. Din hija r-raġuni għala l-għajnuna ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni għall-motiv li hija tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti reġjuni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    147

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm il-linji gwida, bħala miżuri ta’ natura interna adottati mill-amministrazzjonoi, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regoli tad-dritt, madankollu huma jipprovdu regola ta’ kondotta indikattiva għall-prattika li din tal-aħħar ma tistax tittraskura, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li għandhom ikunu kompatibbli mal-prinċipju tat-trattament ugwali (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni, C‑465/09 P sa C‑470/09 P, EU:C:2011:372, punt 120). Dawn ir-regoli jistgħu jipproduċu, taħt ċerti kundizzjonijiet u fid-dawl tal-kontenut tagħhom, effetti legali (sentenza Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2011:372, punt 120).

    148

    Fir-rigward tal-applikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fil-premessa 80 tad-deċiżjoni alumina I, tal-punt 4.15 tal-linji gwida, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li l-għajnuna reġjonali għall-funzjonament hija, fil-prinċipju, ipprojbita u tista’, eċċezzjonalment, tingħata fir-reġjuni li jibbenefikaw mid-deroga tal-Artikolu 87(3)(a) KE biss bil-kundizzjoni li hija tkun iġġustifikata fid-dawl tal-kontribut tagħha għall-iżvilupp reġjonali u tan-natura tagħha u sakemm il-livell tagħha jkun proporzjonali għall-iżvantaġġi li hija intiża li ttaffi, u għandu jkun l-Istat Membru kkonċernat li juri dan.

    149

    Din id-dispożizzjoni timponi b’mod partikolari li l-Istat Membru juri li l-għajnuna għall-funzjonament hija intiża sabiex ittaffi żvantaġġ reġjonali partikolari li għandu jiffaċċja l-benefiċjarju tagħha u li l-livell ta’ dik l-għajnuna huwa proporzjonali għal dak li huwa neċessarju sabiex itaffi dak l-iżvantaġġ.

    150

    Issa, l-informazzjoni kkomunikata mir-Repubblika Taljana, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma kintix suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li l-għajnuna kontenzjuża kienet intiża sabiex ittaffi żvantaġġ reġjonali partikolari, li minnu kienet affettwata Eurallumina, u li l-livell ta’ dik l-għajnuna kien proporzjonali għal dak l-iżvantaġġ.

    151

    Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-2 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni nnotat li l-awtoritajiet Taljani kienu b’mod partikolari “enfasizzaw il-fatt li Sardegna kienet reġjun żvantaġġjat ħafna, li ma kellhiex aċċess għall-gass naturali u li l-konsegwenzi f’termini ta’ impjiegi ta’ eventwali waqfien tal-produzzjoni tal-alumina kienu ser ikunu gravi għar-reġjun” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    152

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza, il-fatt li s-sitwazzjoni ekonomiku prevalenti f’reġjun tkun suffiċjentement sfavorevoli sabiex huwa jkun eliġibbli fis-sens tal-Artikolu 87(3)(a) KE ma jimplikax li kull proġett ta’ għajnuna li jista’ jitwettaq f’dak ir-reġjun għandu jkun neċessarjament ikkunsidrat bħala neċessarju għall-iżvilupp tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, Ġabra, EU:C:2013:387, punt 112). Għalhekk, is-sempliċi invokazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika sfavorevoli f’Sardegna, b’mod partikolari f’termini ta’ qgħad, ma kinitx suffiċjenti, f’dan il-każ.

    153

    F’dan il-kuntest, l-uniku element li jista’ effettivament jikkostitwixxi żvantaġġ reġjonali partikolari huwa n-nuqqas ta’ aċċess għall-gass naturali f’Sardegna invokat mir-Repubblika Taljana. Issa, kif tinnota korrettement il-Kummissjoni fil‑premessa 80 tad-deċiżjoni alumina I, ir-Repubblika Taljana la kkwantifikat u lanqas ippruvat tkejjel l-importanza ta’ dan l-iżvantaġġ għal Eurallumina fl-impjant tagħha f’Sardegna. Hija tinnota, barra minn hekk, korrettement, f’din l-istess premessa, li, f’kull każ, ir-Repubblika Taljana la kkwantifikat u lanqas biss ippruvat tkejjel l-importanza ta’ dan l-iżvantaġġ sabiex turi li l-għajnuna kontenzjuża kienet proporzjonali għalih.

    154

    Jirriżulta, barra minn hekk, mill-ittra tas-6 ta’ Frar 2002 li, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-Repubblika Taljana kienet argumentat mill-ġdid kif ġej:

    “Ma jridx jintesa li l-impriża kkonċernat hija stabbilita f’reġjun li huwa fost dawk li jistgħu jidħlu fid-derogi msemmija fl-Artikolu 87(3) [KE] sa fejn huwa karatterizzat b’rata għolja ta’ qgħad. Ir-Repubblika Taljana kienet iddeċidiet f’dak iż-żmien li tiffavorixxi l-ħolqien u l-iżvilupp tiegħu preċiżament sabiex tiffavorixxi l-possibbiltajiet ta’ impjiegi alternattivi minflok dawk li ma kinux għadhom jiġu offruti mill-attivitajiet ta’ estrazzjoni mill-minjieri. Minn din il-perspettiva, Eurallumina tirrapreżenta possibbiltà importanti u li diffiċli li tista’ tiġi sostitwita. L-impriża attwalment timpjega 760 ħaddiem, li fosthom 350 huma ħaddiem speċjalizzati ħafna. Il-waqfien tal-produzzjoni tal-alumina joħloq problemi kbar ħafna u insolvibbli għad-dħul lura tagħhom fis-suq tax-xogħol.”

    155

    Meta għamlet hekk, ir-Repubblika Taljana mkien ma semmiet żvantaġġ reġjonali partikolari, subit minn Eurallumina, li l-għajnuna kontenzjuża kienet intiża sabiex ittaffi, kif rikjest fil-punt 4.15 tal-linji gwida. Kif diġà indikat fil-punt 152 hawn fuq, is-sempliċi invokazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ impjiegi eżistenti f’Sardegna ma hijiex suffiċjenti, f’dan il-każ.

    156

    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Taljana pproduċiet, annessi mar-rikors, dokumenti intiżi sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet żvantaġġjużi ta’ għajxien f’Sardegna, ibbażati fuq tabelli komparattivi fuq il-livelli ta’ dħul u rati ta’ nuqqas ta’ impjieg. Il-Kummissjoni ma kinitx sostniet li l-argumenti bbażati d-dokumenti inkwistjoni huma inammissibbiltà, minħabba li dawk id-doumenti ma kinux ġew kkomunikati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    157

    Anki jekk jiġi ammess li dawn id-dokumenti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, dawn juru biss l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ekonomika sfavorevoli f’Sardegna, f’termini ta’ livelli ta’ dħul u ta’ nuqqas ta’ impjieg, li barra minn hekk huwa diġà rikonoxxut, fil-premessi 23 u 79 tad-deċiżjoni alumina I, fejn il-Kummissjoni kienet ammettiet li Sardegna kienet reġjun li seta’ jibbenefika mid-deroga prevista fl-l-Artikolu 87(3)(a) KE. Madankollu, kif diġà indikat fil-punti 152 u 155 hawn fuq, is-sempliċi invokazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika sfavorevoli eżistenti f’Sardegna ma hijiex suffiċjenti, f’dan il-każ. Bil-kuntrarju, id-dokumenti inkwistjoni ma jurux, kif rikjest fil-punt 4.15 tal-linji gwida, l-eżistenza ta’ żvantaġġ reġjonali partikolari, soffert minn Eurallumina, li l-għajnuna kontenzjuża kienet tfittex li ttaffi .

    158

    Għaldaqstant, kienet korretta l-Kummissjoni meta ddeċidiet, fil-premessa 80 tad-deċiżjoni alumina I, li l-awtoritajiet Taljani ma kinux ressqu provi li jippermettulha tikkunsidra li l-għajnuna kontenzjuża kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 4.15 tal-linji gwida.

    159

    Kont meħud tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 4.15 u 4.17 tal-linji gwida, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ wħud fosthom huwa suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet korretta, fid-deċiżjoni alumina I, li tiddeċiedi li l-għajnuna kontenzjuża ma setgħetx tiġi awtorizzata fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(a) KE, kif implementat permezz tal-linji gwida.

    160

    Għaldaqstant għandu jiġi miċħud, bħala infondat, ir-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II.

    Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II kif ukoll fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II

    161

    Fil-kuntest tas-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità, sa fejn, fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża. Hija targumenta li, fid-dawl tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, Eurallumina u hija stess kellhom aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża, inkluż fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u li huma setgħu wkoll jippreżumu li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu legali. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija targumenta li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu jippermettulha, mill-1993, tapplika jew tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża. It-tieni nett, hija tinvoka l-premessi tad-Deċiżjonijiet 93/697, 96/273 u 97/425 li kienu jindikaw li l-eżenzjoni kontenzjuża ma kinitx twassal għal distorsjoni ta’ kompetizzjoni u ma kinitx ixxekkel il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni. It-tielet nett, hija tibbaża ruħha fuq id-Deċiżjonijiet 1999/255 u 1999/880, li jirreferu għal rieżami perijodiku mill-Kummissjoni, sabiex tiġi ggarantita l-kompatibbiltà tal-eżenzjoni kontenzjuża mal-funzjonament tas-suq komuni u mal-għanijiet l-oħra tat-Trattat KE. Ir-raba’ nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ kull referenza, fid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill ta’ qabel id-Deċiżjoni 2001/224, għal eventwali proċeduri dwar id-distorsjoni tal-funzjonament tas-suq uniku li setgħu jinbdew, b’mod partikolari, taħt l-Artikoli 87 KE u 88 KE. Il-ħames lok, hija tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2001/224 kif ukoll fuq l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II tagħha, li kienu rawmu, fi ħdan Eurallumina, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża, li minħabba fihom din kienet wettqet, bejn it-2 ta’ Frar 2002 u tmiem l-2005, investimenti li kellhom jiġu amortizzati sal-31 ta’ Diċembru 2006. Is-sitt nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ natura ekwivoka tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, li bis-saħħa tagħhom Eurallumina u hija stess setgħu jafdaw fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006.

    162

    Fil-kuntest tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II, Eurallumina targumenta wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, fid-deċiżjoni kkontestata, meta ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża minkejja l-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006 jew, tal-inqas, fl-assenza ta’ possibbiltà legali ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta’ dik l-eżenzjoni sa din l-aħħar data.

    163

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, Eurallumina tinvoka, minn naħa, il-preżunzjoni ta’ legalità marbuta mad-Deċiżjoni 2001/224, li kienet tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Lulju 2006, u, min-naħa l-oħra, il-proposti ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, mibgħuta mill-Kummissjoni, li kienu jipprevedu biss it-tneħħija jew ir-revoka progressiva u futura tal-eżenzjoni kontenzjuża.

    164

    Fit-tieni lok, hija tibbaża ruħha fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill u tal-proposti jew tal-aġir tal-Kummissjoni, li qatt ma indikaw preċiżament li l-għajnuna kontenzjuża setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tibbaża ruħha fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224, li kienet limitata sabiex tindika li wħud fost eżenzjonijiet numerużi awtorizzati b’dik id-deċiżjoni setgħu kienu inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE. It-tieni nett, hija tinvoka l-proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, tal-15 ta’ Novembru 2000, li kienet tawtorizza lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2002, li ssostitwixxiet it-talba ta’ notifika tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2000. It-tielet nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ diskussjonijiet mibdija fuq il-problemi ta’ għajnuna mill-Istat invokati mill-Kummissjoni fil-proposti tagħha ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, bħal dik tad-29 ta’ Novembru 1999, jew li jissemmew dawn il-problemi fid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill. Ir-raba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, minn fejn jirriżulta li dan ma ammetta qatt li l-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-eżenzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali, u dan minkejja li, skont id-Direttiva 92/81, li kienet tfittex l-istess għan bħar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kunsill kien obbligat jivverifika li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva, ma jwasslux għal distorsjoni ta’ kompetizzjoni. Il-ħames nett, Eurallumina tibbaża ruħha fuq id-Deċiżjoni 2001/224, li biha l-Kunsill kien awtorizza lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006, li l-kontenut tagħha kien ġie kkonfermat bl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96. Is-sitt nett, hija tinvoka l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni (IP/03/1456), tas-27 ta’ Ottubru 2003, li permezz tagħha hija faħħret l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96 billi indikat li din kienet ser tnaqqas id-distorsjoni ta’ kompetizzjoni eżistenti bejn l-Istati Membri. Is-seba’ nett, hija tirreferi għad-dewmien meħud mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni alumina I, li saret biss fis-7 ta’ Diċembru 2005 filwaqt li fi Frar 2002, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet ġiet ippubblikata u l-aħħar osservazzjonijiet tal-partijiet kienu ġew ippreżentati, u dan rawwam l-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża.

    165

    Fit-tielet lok, Eurallumina ssostni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti prodotti bid-Deċiżjoni 2001/224, ikkonfermata bl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mal-Anness II tagħha, li kienu jawtorizzaw lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Hija targumenta li jekk il-legalità jew it-tul tal-awtorizzazzjoni setgħu jitpoġġew fid-dubju mill-Kummissjoni, bl-użu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew bl-introduzzjoni ta’ rikors taħt l-Artikolu 230 KE, huma ma setgħux jiġu kkontestati indirettament minnha fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikoli 87 KE u 88 KE. Barra minn hekk, Eurallumina tibbaża ruħha fuq il-premessa 32 tad-Direttiva 2003/96, li ssemmi biss “eventwali” proċeduri bis-saħħa tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, minn fejn jista’ jiġi dedott li l-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat mibdija qabel l-adozzjoni ta’ dik id-direttiva ma setax ikollhom effett fuq l-eżenzjonijiet awtorizzati minnha.

    166

    Fir-raba’ lok, Eurallumina tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96 juri li, meta ġiet proposta u adottata dik id-direttiva, il-Kummissjoni u l-Kunsill ma kinux jikkunsidraw li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE. Dan huwa kkonfermat mill-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, li tgħid li l-adozzjoni ta’ dik id-direttiva kienet ser ittejjeb il-funzjonament tas-suq komuni, u d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill li, sad-Deċiżjoni 2001/224, kienu jindikaw espressament li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet kompatibbli ma’ kompetizzjoni lejali u ma kinitx ittellef il-funzjonament tas-suq komuni.

    167

    Fil-ħames lok, Eurallumina tallega li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx ta’ natura li timmina l-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tibbaża ruħha fuq is-suġġett tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li kienet sempliċi invit lil terzi interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom, li ma kienx jippreġudika s-sens tad-deċiżjoni ta’ intervent. It-tieni nett, hija tinvoka l-aspettattivi leġittimi li hija kellha li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet waħda purament prospettiva, jiġifieri li kienet tirrigwarda biss l-għajnuna mogħtija wara l-awtorizzazzjoni, jiġifieri wara l-31 ta’ Diċembru 2006. It-tielet nett, hija tirreferi għall-konferma, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tal-awtorizzazzjoni mogħtija lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006, bl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mal-Anness II tagħha. Ir‑raba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni li, jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kienet twassal għal distorsjoni ta’ kompetizzjoni, din kienet ser tiġi tterminata progressivament mingħajr ma tkun irkuprata l-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tagħha.

    168

    Fis-sitt lok, Eurallumina ssostni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-investimenti għal żmien twil, fl-ammont ta’ madwar EUR 81 miljun, li hija kienet wettqet in bona fide fl-impjant tagħha f’Sardegna, fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006 jew, tal-inqas, fl-assenza ta’ possibbiltà legali ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta’ dik l-eżenzjoni sa’ dik id-data. Fl-eventwalità li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dawk l-aspettattivi leġittimi kienu spiċċaw fit-2 ta’ Frar 2002, Eurallumina ssostni li hija kienet awtorizzat spiża kapitali fl-ammont ta’ madwar EUR 11.6 miljun matul il-perijodu bejn it-12 ta’ Marzu 2001 u t-2 ta’ Frar 2002.

    169

    Il-Kummissjoni titlob li dan is-sitt motiv imqajjem fil-kuntest tal-Kawża T‑60/06 RENV II jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, għall-kumplament, infondata. Hija titlob ukoll li l-ewwel motiv imqajjem fil-kuntest tal-Kawża T‑62/06 RENV II, jiġi miċħud bħala infondat.

    170

    Dawn il-motivi u lmenti jqajmu l-kwistjoni dwar jekk, meta, fid-deċiżjoni kkontestata, talbet l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża, il-Kummissjoni kinitx kisret ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huma l-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità.

    171

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ma tistax titlob l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat meta dan imur kontra l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    172

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità, invokat fil-kuntest tas-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, dan huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali li jmorru kontra dawk prodotti bid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li kienu jawtorizzaw espressament lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006.

    173

    Skont il-ġurisprudenza diġà ċċitata fil-punt 62 hawn fuq, l-atti tal-istituzzjonijiet igawdu fil-prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu, għalhekk, effetti legali sakemm ma jiġux imħassra, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew minħabba eċċezzjoni ta’ illegalità.

    174

    F’dan il-każ, għall-motivi żviluppati fil-punti 71 sa 75 hawn fuq, li huma bbażati fuq il-motivi tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), iċċitati fil-65 sa 69 hawn fuq, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx tikser l-atti adottati mill-Kunsill, li kienu jawtorizzaw espressament lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006, sa fejn dawn l-awtorizzazzjonijiet ma setgħux jipproduċu l-effetti tagħhom barra mill-kamp kopert bir-regoli fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa u ma kinux jippreġudikaw l-effetti ta’ eventwali deċiżjoni, bħad-deċiżjoni alumina I, li l-Kummissjoni setgħet tadotta fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

    175

    Barra minn hekk, kif diġà indikat fil-punti 73 u 74 hawn fuq, jirriżulta mill-punti 52 u 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tista’ dejjem timmodifika l-evalwazzjoni tagħha dwar il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ għajnuna humiex soddisfatti, bir-riżerva li jinstiltu l-konsegwenzi kollha fir-rigward tal-obbligu tal-irkupru l-għajnuna inkompatibbli, fid-dawl tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, b’mod li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta, fid-deċiżjoni kkontestata, bl-evalwazzjonijiet tal-Kunsill, fid-deċiżjonijiet tiegħu fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa, li jipprovdu li l-eżenzjoni kontenzjuża ma kinitx twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma kinitx ixxekkel il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni.

    176

    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità, invokat fil-kuntest tas-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    177

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, invokati fil-kuntest tas-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II u tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II, dawn huma bbażati, essenzjalment, fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kif ukoll l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II tiegħu, kienu rawmu, fi ħdan Eurallumina, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża jew, f’kull każ, kienu ħolqu sitwazzjoni ekwivoka li kien id-dmir tal-Kummissjoni li tikkjarifika qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

    178

    F’dan ir-rigward, għandu, l-ewwel nett, jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, prinċipju fondamental tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C‑104/97 P, Ġabra, EU:C:1999:498, punt 52), jippermetti lil kull operatur ekonomiku li fil-konfront tiegħu istituzzjoni trawwam tamiet fondati jista’ jibbenefika minnhom [sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, 265/85, Ġabra, EU:C:1987:121, punt 44; tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il‑Kummissjoni, C‑369/09 P, Ġabra, EU:C:2011:175, punt 123, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Producteurs de légumes de France vs Il‑Kummissjoni, T‑328/09, EU:T:2012:498, punt 18]. Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ att mill-istituzzjonijiet ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan l-operatur ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ dan il-prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Frar 1978, Lührs, 78/77, Ġabra, EU:C:1978:20, punt 6, u tal-25 ta’ Marzu 2009, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, T‑332/06, EU:T:2009:79, punt 102). Id-dritt li l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi jiġi invokat jippresupponi li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni. It-tieni nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna indirizzata. It-tielet nett, il-garanziji mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza Producteurs de légumes de France vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2012:498, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    179

    Għandu, imbagħad, fir-rigward iktar speċifikament tal-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, jitfakkar li Stat Membru, li l-awtoritajiet tiegħu jkunu taw għajnuna bi ksur tal-liġijiet ta’ proċedura previsti fl-Artikolu 88 KE, jista’ jinvoka l-aspettattivi leġittimi tal-impriża benefiċjarja sabiex jikkontesta quddiem il-qorti tal-Unjoni l-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalu l-irkupru tal-għajnuna, imma mhux sabiex jaħrab mill-obbligu tiegħu li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑169/95, Ġabra, EU:C:1997:10, punti 4849 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, kont meħud tar-rwol fundamentali li għandu l-obbligu ta’ notifika sabiex jippermetti l-effettività tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni, li għandu natura imperattiva, il-benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità ta’ dik l-għajnuna biss jekk din kienet mogħtija fl-sservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun jista’ jiżgura ruħu li dik il-proċedura kienet ġiet osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tkun ġiet implementata mingħajr notifika bil-quddiem lill-Kummissjoni, b’tali mod li din tkun illegali b’mod konformi mal-Artikolu 88(3) KE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dan il-mument, aspettattiva leġittima fil-legalità tal-għoti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Producteurs de légumes de France vs Il-Kummissjoni, punt 178 iktar ’il fuq, EU:T:2012:498, punti 2021, u l-ġurisprudenza ċċitata), ħlief jekk ikunu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali (sentenza tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja,C‑5/89, Ġabra, EU:C:1990:320, punt 16; ara, ukoll, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra, EU:C:2004:240, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, Ġabra, EU:T:2009:474, punt 263 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    180

    Għandu, mill-ġdid, jitfakkar li l-osservanza ta’ żmien raġonevoli fit-tmexxija ta’ proċedura amministrattiva tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T‑190/00, Ġabra, EU:T:2003:316, punt 136). Barra minn hekk, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli ttawwal indefinittivament l-eżerċizzju tal-poteri tagħha, ifisser li l-qorti għandha teżamina jekk l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva jindikax l-eżistenza ta’ azzjoni eċċessivament tardiva min-naħa ta’ din l-istituzzjoni (sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra, EU:C:2002:524, punti 140141, u Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, EU:T:2004:4, punti 145 sa 147)

    181

    Id-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni biex tiddeċiedi li għajnuna hija illegali u li għandha tiġi kkanċellata u tiġi rkuprata minn Stat Membru jista’, taħt ċerti ċirkustanzi, joħloq aspettattivi leġittimi għall-benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna tali li jipprekludu lill-Kummissjoni milli titlob lil dan l-Istat Membru biex jordna l-ħlas lura tal-għajnuna (sentenza tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni, 223/85, Ġabra, EU:C:1987:502, punt 17). Fil-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat mhux innotifikata, dan id-dewmien ma jistax, madankollu, jiġi imputat lill-Kummissjoni ħlief mill-mument li fih hija ssir taf bl-eżistenza tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni (sentenza L-Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 179 iktar ’il fuq, EU:C:2004:240, punt 91).

    182

    Is-sempliċi fatt li, ħlief għal perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin (li jibdew jiddekorru mill-għoti tal-għajnuna) wara liema perijodu l-irkupru tal-għajnuna ma jistax jiġi ordnat, ir-Regolament Nru 659/1999 ma jipprovdi għal ebda terminu, anki jekk indikattiv, għall-eżami mill-Kummissjoni ta’ għajnuna illegali, skont l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament li jipprovdi li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bit-terminu stabbilit fl-Artikolu 7(6) ta’ dan l-istess regolament, ma jostakolax lill-qorti tal-Unjoni milli tivverifika jekk din l-istituzzjoni osservatx terminu raġonevoli jew aġixxietx b’mod eċċessivament tardiv (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward ta’ terminu indikattiv, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni,T‑171/02, Ġabra,EU:T:2005:219, punt 57, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et, T‑230/01 sa T‑232/01 u T‑267/01 sa T‑269/01, EU:T:2009:316, punti 338339, u Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02, Ġabra, EU:T:2009:314, punti 259260).

    183

    Għandu, fl-aħħar nett, jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li, meta l-Kummissjoni tkun ħolqot, bi ksur tad-dmir ta’ diliġenza impost fuqha, sitwazzjoni ta’ natura ekwivoka, minħabba l-introduzzjoni ta’ elementi ta’ inċertezza u ta’ nuqqas ta’ ċarezza f’leġiżlazzjoni applikabbli, magħquda ma’ nuqqas ta’ reazzjoni għal żmien twil min-naħa tagħha minkejja l-għarfien tagħha tal-għajnuna kkonċernata, għandha tkun hija li tiċċara dik is-sitwazzjoni qabel ma tkun tista’ tieħu kwalsiasi azzjoni intiża sabiex tordna l-ħlas lura tal-għajnuna diġà mħallsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1970, Il-Kummissjoni vs Franza, 26/69, Ġabra, EU:C:1970:67, punti 28 sa 32).

    184

    Huwa fid-dawl tar-regoli mfakkra fil-punti 178 sa 183 hawn fuq li għandhom jiġu evalwati l-argumenti tar-rikorrenti bbażati, essenzjalment, fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu leġittimament ħolqu l-fiduċja ta’ Eurallumina fin-natura legali tal-eżenzjoni kontenzjuża u, għaldaqstant, tal-għajnuna kontenzjuża.

    185

    F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li la r-Repubblika Taljana (ara l-punt 128 hawn fuq) u lanqas Eurallumina ma jikkontestaw il-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, minn fejn jirriżulta li l-għajnuna kontenzjuża ma kienet qatt ġiet innotifikata lill-Kummissjoni. Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li dik l-għajnuna kienet ingħatat mingħajr ma kienet bil-quddiem innotifikata lil din tal-aħħar, bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE.

    186

    Imbagħad, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet ta’ natura li ttemm l-aspettattivi leġittimi li Eurallumina seta’ kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża, kont meħud tas-sitwazzjoni ta’ natura ekwivoka preċedentement maħluqa bil-kliem tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq proposta tal-Kummissjoni, inkluż dik tad-Deċiżjoni 2001/224, li kienet fis-seħħ matul il-perijodu kkonċernat bid-deċiżjoni kkontestata.

    187

    Fil-punti 52 u 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li hija vinkolanti għall-Qorti Ġenerali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu ġew adottati fuq proposta tal-Kummissjoni u li din ma kienet qatt użat il-poteri tagħha, taħt l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew tal-Artikoli 230 KE u 241 KE, sabiex takkwista t-tneħħija jew emenda ta’ dawn id-deċiżjonijiet kellu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkompatibbli, fid-dawl tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, hekk kif il-Kummissjoni kienet għamlet, fid-deċiżjoni alumina I, billi rrinunzjat milli tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija sat-2 ta’ Frar 2002, id-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Dan il-motiv kien deċiżiv sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, fil-punt 54 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li l-motivi esposti fil-punti 39 sa 44 ta’ dik is-sentenza ma setgħux jiġġustifikaw, fid-dritt, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni alumina I kienet tpoġġi inkwistjoni l-validità tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill u kienet għalhekk tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet u l-konklużjoni, li kienet tistrieħ fuq l-istess motivi, li, fil-kawża T‑62/06 RENV, il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    188

    Fid-dawl tar-rekwiżiti li jitnisslu mill-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, is-sitwazzjoni ta’ natura ekwivoka maħluqa bil-kliem tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq proposta tal-Kummissjoni, topponi biss l-irkupru tal-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-eżenzjoni kontenzjuża sad-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Bil-kuntrarju b’effett minn dik il-pubblikazzjoni, Eurallumina kellha tkun taf li, jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, kien meħtieġ li hija tkun awtorizzata mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88 KE.

    189

    Isegwi li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet effettivament ġabet fit-tmien l-aspettattivi leġittimi li Eurallumina seta’ kellha preċedentement fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża, fid-dawl tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati preċedentement fuq proposta tal-Kummissjoni.

    190

    Għalhekk il-Kummissjoni kienet korretta, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni alumina I, meta ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-ċirkustanzi tal-każ kienu eċċezzjonali, għaliex hija kienet rawmet u żammet ċerta ambigwità billi ssottomettiet proposti lill-Kunsill, u l-fatt li, sa fejn hija ma setgħetx tistabbilixxi jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema mument id-diversi benefiċjarji kienu effettivament ġew informati mill-Istati Membri bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma setax jiġi eskluż li l-benefiċjarji setgħu jinvokaw il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi sat-2 ta’ Frar 2002, meta d-deċiżjonijiet li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa kienu ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, filwaqt li jiġi nnotat li, fl-agħar ipoteżi, dik il-pubblikazzjoni kienet eliminat kull inċertezza, marbuta mal-kliem tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, dwar il-fatt li l-miżuri inkwistjoni, jekk kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, kellhom jiġu awtorizzati minnha, skont l-Artikolu 88 KE.

    191

    Il-fondatezza ta’ din is-soluzzjoni ma tistax titpoġġa fid-dubju bl-argumenti l-oħra avvanzati mir-rikorrenti.

    192

    Fir-rigward tal-argumenti li r-rikorrenti jisiltu mid-Direttiva 2003/96, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Artikolu 18(1) ta’ dik id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 28(2) tagħha kien jawtorizza lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża b’effetet mill-1 ta’ Jannar 2003 huwa rrilevanti għall-finijiet ta’ eventwali aspettattivi leġittimi li Eurallumina seta’ kellha fin-natura legali tal-eżenzjoni kontenzjuża fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, fid-data li fiha daħal fis-seħħ l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2003, Eurallumina kellha tkun informata bl-eżistenza ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali pendenti, dwar l-eżenzjoni kontenzjuża, u bil-fatt li, jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din kellha tkun awtorizzata mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88 KE. Din is-sitwazzjoni ma setgħetx tkun modifikata bl-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tad‑Direttiva 2003/96, rispettivament fis-27 u l-31 ta’ Ottubru 2003, li l-premessa 32 tagħha tindika espressament li din id-direttiva “hija mingħajr preġudizzju għal xi għajnuna statali li tista’ tingħata fil-futur u li ssir skond l-Artikoli 87 [KE] u 88 KE]” (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2013:812, punt 51). Għalhekk, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96 ma kienx ta’ natura, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li jrawwam, fi ħdan Eurallumina, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

    193

    Fir-rigward tal-argumenti li Eurallumina tislet mid-dewmien tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni alumina I, għandu jiġi nnotat li din ma hijiex ċirkustanza eċċezzjonali li setgħet trawwam, fi ħdan Eurallumina, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna kontenzjuża, u dan għar-raġunijiet kollha esposti fil-punti 194 sa 217 iktar ’il quddiem.

    194

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-dewmien tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali eċċediex, f’dan il-każ, il-limiti ta’ raġonevolezza.

    195

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502) invokata minn Eurallumina, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset li l-perijodu ta’ 26 xahar meħud mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha kien eċċeda l-limiti ta’ dak li huwa raġonevoli.

    196

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999, il-perijodu ta’ referenza sabiex titwassal fit-tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat innotifikata huwa ta’ 18-il xahar. Dan il-perijodu, anki jekk mhux applikabbli għall-għajnuna illegali, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 659/1999 (ara l-punt 182 hawn fuq), jipprovdi punt ta’ referenza utili sabiex tiġi evalwata n-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali rigwardanti, bħal f’dan il-każ, miżura mhux innotifikata.

    197

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fis-17 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Franċiża, lill-Irlanda u lir-Repubblika Taljana jinnotifikawha l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa taħt id-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Ir-risposti, li ma kinux intbagħtu fil-kwalità ta’ notifika, kienu waslulha f’Settembru, f’Ottubru u f’Diċembru 2000. Hija kienet imbagħad fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2001, innotifikata lill-Istati Membri kkonċernati fil-5 ta’ Novembru 2001 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-2 ta’ Frar 2002. Hija kienet imbagħad irċeviet l-osservazzjonijiet ta’ Aughinish Alumina (ittri tas-26 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu 2002), ta’ Eurallumina (ittri tat-28 ta’ Frar 2002), ta’ Alcan Inc. (ittra tal-1 ta’ Marzu 2002) u tal-Association européenne de l’aluminium (ittra tas-26 ta’ Frar 2002). Dawn l-osservazzjonijiet ġew ikkomunikati lill-Irlanda, lir-Repubblika Taljana u lir-Repubblika Franċiża fis-26 ta’ Marzu 2002. L-Irlanda ppreżentat il‑kummenti tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fit-8 ta’ Jannar 2002. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari mingħand l-Irlanda fit-18 ta’ Frar 2002, u din irrispondiet fis-26 ta’ April 2002, wara li talbet estensjoni tat-terminu ffissat għar-risposta. Wara li talbet ukoll estensjoni tat-terminu għar-risposta fil-21 ta’ Novembru 2001, ir-Repubblika Franċiża kkummentat dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ fit-12 ta’ Frar 2002. Ir-Repubblika Taljana ppreżentat il-kummenti tagħha fis-6 ta’ Frar 2002.

    198

    Id-deċiżjoni alumina I ikkontestata ġiet adottata fis-7 ta’ Diċembru 2005.

    199

    Għalhekk, għaddew ftit iktar minn 49 xahar bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-adozzjoni tad-deċiżjoni alumina I.

    200

    A priori, dan it-terminu, li huwa bejn wieħed u ieħor id-doppju ta’ dak meħud inkunsiderazzjoni fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), u ftit iktar mid-doppju ta’ dak previst fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999 sabiex tintemm proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat innotifikata, jidher irraġonevoli. Skont il-ġurisprudenza, għandu madankollu jiġi eżaminat jekk dan il-perijodu setax jiġi ġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

    201

    F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanzi invokati mill-Kummissjoni ma humiex madankollu ta’ natura li jiġġustifikaw perijodu ta’ 49 xahar.

    202

    Ċertament, dan il-perijodu jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-perijodu mogħti lill-Istati Membri u lill-benefiċjarji sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Gvernijiet Franċiż, Irlandiż u Taljan kienu talbu lill-Kummissjoni estensjonijiet tat-termini sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u r-risposti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kont meħud tar-rabtiet stretti li jeżistu, f’dan il-każ, bejn l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa, fir-rigward ta’ miżuri simili awtorizzati, skont proċeduri mibdija parallelment, bl-istess deċiżjoni tal-Kunsill, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti kollha ta’ proċedura li seħħew fil-fajls inkwistjoni u, b’mod partikolari, il-fatt li, fis-26 ta’ April 2002, l-Irlanda rrispondiet għall-aħħar talba għal informazzjoni supplimentari mibgħuta mill-Kummissjoni.

    203

    Madankollu, wara din id-data tal-aħħar, xorta għadda perijodu ta’ ftit iktar minn 43 xahar qabel ma l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni alumina I. Issa, dan il-perijodu ta’ eżami tal-fajls inkwistjoni, fid-dawl tal-osservazzjonijiet kollha pprovduti mill-Istati kkonċernati u l-partijiet interessati, ma huwiex iġġustifikat fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

    204

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegata diffikultà tal-fajls, din ma hijiex stabbilita u, anki jekk dan kien il-każ, ma tistax tiġġustifika perijodu ta’ eżami daqstant twil bħal f’dan il-każ. Fil-fatt, fil-fajl ma hemm ebda indizju ta’ problemi legali ta’ importanza partikolari li bihom kienet ikkonfrontata l-Kummissjoni, u d-deċiżjoni alumina I kienet barra minn hekk ta’ tul raġonevoli (112 premessa) u ma turi, fl‑iżviluppi tagħha, l-ebda diffikultà manifesta. Imbagħad, il-Kummissjoni kienet taf bl-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa ferm qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, billi l-ewwel talbiet għal eżenzjoni jmorru lura għall-1992, għall-Irlanda, għall-1993, għar-Repubblika Taljana, u għall-1997, għar-Repubblika Franċiża. Barra minn hekk, kienet il-Kummissjoni li bagħtet il-proposti suċċessivi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa lill-Kunsill, wara li kienet irċeviet talbiet f’dan is-sens mir-Repubblika Franċiża, mill-Irlanda u mir-Repubblika Taljana. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tar-rapporti tagħha fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kienet informat lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) bl-eżistenza tal-eżenzjoni Irlandiża.

    205

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess kienet indikat li, mill-1999, hija kienet tikkunsidra l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa bħala kuntrarji għar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant hija kienet f’qagħda, minn dik id-data, li tapprofondixxi r-riflessjonijiet tagħha fuq il-legalità ta’ dawk l-eżenzjonijiet fir-rigward tal-liġijiet f’dan il-qasam.

    206

    Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma talbitx iktar informazzjoni supplimentari mingħand ir-Repubblika Franċiża, mingħand l-Irlanda jew mingħand ir-Repubblika Taljana matul dawn it‑43 xahar li ppreċedew l-adozzjoni tad-deċiżjoni alumina I jixhed li hija kellha diġà, f’dak iż-żmien, l-elementi kollha neċessarji sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa.

    207

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegata diffikultà riżultanti mill-evoluzzjoni tal-iskema Komunitarja tat-taxxa fuq iż-żjut minerali, u b’mod partikolari tal-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96, il-Kummissjoni ma għandhiex raġun sabiex tinvokaha. Fil-fatt, id-deċiżjoni alumina I tirrigwarda sitwazzjoni legali li ma kinitx irregolata bl-iskema l-ġdida ta’ taxxa fuq iż-żjut minerali riżultanti mid-Direttiva 2003/96, li saret applikabbli biss fl-1 ta’ Jannar 2004, imma bl-iskema tat-taxxa fuq iż-żjut minerali applikabbli preċedentement. Għalhekk, l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, invokata mill-Kummissjoni, ma kellha l-ebda effett f’dan il-każ. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li, fid-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kienet fetħet proċedura ġdida ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna għall-perijodu wara l-1 ta’ Jannar 2004, id-data tal-bidu tal-applikazzjoni tal-iskema l-ġdida tat-taxxa fuq iż-żjut minerali riżultanti mid-Direttiva 2003/96. F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni alumina I kienet ġiet adottata madwar sentejn wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96. Issa, is-sempliċi neċessità, allegata mill-Kummissjoni, li tittieħed inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni alumina I, l-iskema l-ġdida tat-taxxa fuq iż-żjut minerali riżultanti mid-Direttiva 2003/96 ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika żmien daqstant twil daqs dak ta’ dan il-każ.

    208

    F’dawn iċ-cirkustanzi, il-Kummissjoni kienet taf sewwa bil-kuntest legali u fattwali tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa u ma kienet ikkonfrontata b’ebda diffikultà manifesta dwar l-eżami tagħhom fir-rigward tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

    209

    It-tieni nett, fir-rigward tad-diffikultajiet ta’ ordni prattiku u lingwistiku allegati mill-Kummissjoni, anki jekk dawn jitqiesu li huma stabbiliti, dawn ma jistgħux jiġġustifikaw żmien daqstant twil bħal dak ta’ dan il-każ. F’kull każ, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha servizzi li kienu jippermettulha tiffaċċja d-diffikultajiet lingwistiċi li hija tallega kif ukoll l-eżami, parallel, tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa f’terminu ferm iqsar minn dak ta’ dan il-każ, b’mod partikolari permezz ta’ koordinazzjoni tajba tas-servizzi tagħha.

    210

    Għaldaqstant, it-tul tal-eżami tal-għajnuna kontenzjuża kien, f’dan il-każ, irraġonevoli.

    211

    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-dewmien tal-Kummissjoni sabiex tagħti d-deċiżjoni kkontestata setax raġonevolment iwassal lil Eurallumina sabiex temmen li d-dubji tal-Kummissjoni ma kinux għadhom eżistenti u li l-eżenzjoni kontenzjuża ma sabitx oġġezzjoni, u jekk dan id-dewmien kienx ta’ natura li jimpedixxi lill-Kummissjoni milli titlob l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l‑31 ta’ Diċembru 2003, fuq il-bażi tagħha, kif ġie deċiż fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502, punt 16).

    212

    Ċertament, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset li t-terminu ta’ 26 xahar meħud mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha seta’ ħoloq aspettattivi leġittimi fi ħdan ir-rikorrenti, benefiċjarja tal-għajnuna, li jkunu tali li jipprekludu lill-istituzzjoni milli tordna lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati jirkupraw l-għajnuna inkwistjoni.

    213

    Madankollu, għalkemm għandha tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali li jipproteġu l-interessi privati, jeħtieġ ukoll li dawn ir-rekwiżiti jiġu bbilanċjati mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-interessi pubbliċi, li fosthom insibu, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, dak intiż sabiex jevita li l-funzjonament tas-suq ma jkunx distort bl-għajnuna mill-Istat li tagħmel ħsara lill-kompetizzjoni, li jirrikjedi, skont ġurisprudenza stabbilita, li dik l-għajnuna illegali titħallas lura sabiex tirristabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti (ara s-sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, Ġabra, EU:T:2003:217, punti 207208 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    214

    Għaldaqstant il-ġurisprudenza interpretat is-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), fis-sens li ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ li jkunu wasslu għaliha jkollhom rwol deċiżiv fl-orjentazzjoni segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 179 iktar ’il fuq, EU:C:2004:240, punt 90; tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra, EU:C:2004:234, punt 119; Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, punt 182 iktar ’il fuq, EU:T:2009:314, punt 286, u Diputación Foral de Álava et, punt 182 iktar ’il fuq, EU:T:2009:316, punt 344). B’mod partikolari, ittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-għajnuna li kienet inkwistjoni fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), kienet ingħatat qabel ma l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwarha. Barra minn hekk, hija kienet is-suġġett, għalkemm wara l-ħlas tagħha, ta’ notifika formali lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija kienet marbuta ma’ spejjeż supplimentari marbuta ma’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni u kienet tikkonċerna settur li, mill-1977, kien ibbenefika minn għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna ma kienx jirrikjedi riċerka fid-dettall.

    215

    Issa, iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kollha preżenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), ma jeżistux f’dan il-każ. Ċertament, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), fil-mument li fih il-Kummissjoni kienet apparentement baqgħet inattiva, hija diġà kellha għarfien tajjeb tal-eżenzjoni kontenzjuża u għalhekk setgħet tifforma opinjoni dwar il-legalità tagħha fid-dawl tal-liġijiet fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, b’mod li hija lanqas ma kellha l-ħtieġa li twettaq, f’dan ir-rigward, riċerka fid-dettall. Madankollu, ċirkustanzi eċċezzjonali oħra li kienu jinsabu fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), huma nieqsa f’dan il-każ. B’mod partikolari, f’din il-kawża, l-għajnuna kontenzjuża ngħatat qabel il-ftuħ, mill-Kummissjoni, tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-eżenzjoni kontenzjuża.

    216

    Dan jiddistingwi fundamentalment iċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża li wasslet għas-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), minn dawk li jiffurmaw il-bażi ta’ din il-kawża. Għaldaqstant, f’dan il-każ, Eurallumina ma tistax tinvoka, b’mod validu, is-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502).

    217

    Barra minn hekk, għandu jittieħed inkonsiderazzjoni li fil-punt 52 tas-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni (C‑183/02 P u C‑187/02 P, Ġabra, EU:C:2004:701), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu leġittimament joħolqu l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali fil-legalità tagħha, li kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni apparenti tal-Kummissjoni huwa nieqes minn sinjifikat meta skema ta’ għajnuna ma tkunx ġiet innotifikata lilha. Għalhekk, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ azzjoni apparenti tal-Kummissjoni matul 43 xahar wara r-risposta tal-Irlanda għall-aħħar talba għal informazzjoni supplimentari tal-Kummissjoni (ara l-punt 203 hawn fuq), għalkemm din tikser il-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, ma għandhiex madankollu sinjifikat partikolari mill-perspettiva tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għall-għajnuna kontenzjuża, li ma kinitx ġiet innotifikata lilha b’mod regolari. Għaldaqstant, ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu joħolqu, fi ħdan Eurallumina, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna kontenzjuża fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Isegwi li s-sempliċi ksur, f’dan il-każ, tal-prinċipju tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli għall-adozzjoni tad-deċiżjoni alumina I ma kienx jipprekludi li, f’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża

    218

    Għalhekk, l-argument ta’ Eurallumina bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli għandu jiġi miċħud.

    219

    Fir-rigward tal-argumenti li r-rikorrenti jisiltu mill-investimenti mwettqa minn Eurallumina fl-impjant tagħha f’Sardegna matul il-perijodu li matulu hija bbenefikat mill-għajnuna kontenzjuża, dawn huma rrilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza, fi ħdan Eurallumina, ta’ aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-imsemmija għajnuna fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, għaliex, kif jirriżulta mill-punti 136 u 137 hawn fuq, ma ġiex stabbilit li Eurallumina kellha twettaq dawk l-investimenti b’eżekuzzjoni ta’ obbligi assunti volontarjament mal-awtoritajiet Taljani jew ta’ obbligi imposti minn dawn tal-aħħar bħala korrispettiv tal-benefiċċju li hija ħadet mill-għajnuna kontenzjuża.

    220

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrewx, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ natura li raġonevolment wasslu lil Eurallumina sabiex temmen li d-dubji tal-Kummissjoni ma kinux għadhom jeżistu u li ma kienx għad fadal oġġezzjonijiet kontra l-eżenzjoni kontenzjuża, li setgħu jostakolaw li, fid-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża.

    221

    Għalhekk, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, invokati fil-kuntest tas-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II u tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II, għandhom jiġu miċħuda kompletament bħala infondati.

    222

    Isegwi li s-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II u l-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma bħala infondati.

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II

    223

    Eurallumina ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi imponiet fuq ir-Repubblika Taljana l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna kontenzjuża. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li bis-saħħa tiegħu hija kellha d-dritt tistenna li l-Kummissjoni ma tipproponix lill-Kunsill li jadotta d‑deċiżjonijiet li ppermettew l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat illegali u mill-Kunsill li ma jadottax tali deċiżjonijiet. It-tieni nett, hija tirreferi għall-kontenut tad-Deċiżjoni 2001/224, li, jekk jiġi preżunt li l-eżenzjoni kontenzjuża tkun ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, kellha titqies bħala awtorizzazzjoni espressa li tingħata dik l-għajnuna jew, tal-inqas, bħala ostakolu għall-irkupru ta’ dik l-għajnuna sal-31 ta’ Diċembru 2006. It-tielet nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ imminar dirett, mill-Kummissjoni, tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill fl-eżerċizzju tal-poteri tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew bl-introduzzjoni ta’ rikors għal annullament, taħt l-Artikolu 230 KE.

    224

    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala infondat.

    225

    Dan il-motiv iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminatx, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti tal-każ u, b’mod partikolari, jekk hija ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti legali kontradittorji li kienu jeżistu bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq proposta tal-Kummissjoni u li, imbagħad, qatt ma reġgħu ġew imminati minnha fuq il-bażi tal-poteri tagħha taħt l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew l-Artikoli 230 KE u 241 KE.

    226

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-każ fejn l-istituzzjonijiet igawdu minn setgħa diskezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija bl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar fundamentali (sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14). Fost dawn il-garanziji, jinsab b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C‑505/09 P, Ġabra, EU:C:2012:179, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Settembru 2009, L-Estonja vs Il‑Kummissjoni, T‑263/07, Ġabra, EU:T:2009:351, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    227

    F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li, insostenn ta’ dan il-motiv, Eurallumina tqajjem, essenzjalment, argumenti simili għal dawk li hija tinvoka fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha. Madankollu, għall-istess motivi stabbiliti fil-punti 65 sa 75 hawn fuq, li huma stess huma bbażati fuq il-punti 45 sa 48 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), Eurallumina ma għandhiex raġun issostni li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali li jmorru kontra dawk prodotti bid-Deċiżjoni 2001/224 u bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96.

    228

    Ċertament, kif jirriżulta mill-punt 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), il-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu ġew adottati fuq proposta tal-Kummissjoni kellu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ rkuprju tal-għajnuna inkompatibbli, fid-dawl tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Madankollu, kif innotat f’dak l-istess punt, dan kien sar meta, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet irrinunzjat milli tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija qabel id-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

    229

    Għaldaqstant ma ġiex stabbilit li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ.

    230

    Għar-raġunijiet kollha preċedenti, it-tielet motiv imqajjem fil-kuntest tal-Kawża T‑62/06 RENV II għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE u tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II

    231

    Eurallumina ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE kif ukoll il-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-livell, l-aġenda u t-tul ta’ żmien tal-amortizzazzjoni tal-investimenti mwettqa fl-impjant tagħha f’Sardegna fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Minbarra l-argumenti diġà ppreżentati insostenn tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi (ara l-punti 162 sa 168 hawn fuq), l-ewwel nett, hija tibbaża ruħha fuq l-assenza ta’ relevanza tal-fatt li l-Kummissjoni fittxet li tillimita, fl-1995, il-livell tal-eżenzjoni kontenzjuża mill-parti tad-dazju tas-sisa li teċċedi r-rata minima ffissata bid-Direttiva 92/82, fid-dawl tal-kwistjoni dwar jekk, f’dik id-data, il-Kummissjoni kinitx ippreokkupata bl-għoti ta’ għajnuna mill-Istat illegali fuq il-bażi ta’ dik l-eżenzjoni. It-tieni nett, hija tinvoka r-rikonoxximent, mill-Kummissjoni, tal-fatt li hija ppreokkupat ruħha dwar problemi ta’ għajnuna mill-Istat biss wara Novembru 1999 u mhux mill-1995. It-tielet nett, hija tirreferi għall-kontenut, fl-ewwel lok, tat-talba ta’ notifika tal-eżenzjoni kontenzjuża ta’ Lulju 2000, fit-tieni lok, tal-proposta ta’ deċiżjoni ta’ Novembru 2000 u, fit-tielet lok, tal-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224, li ma kinux jippermettu l-konklużjoni awtomatika li l-Kummissjoni kienet ser tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-eżenzjoni kontenzjuża jew li din kienet għajnuna illegali, li setgħet tiġi rkuprata, u dan b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tad-Deċiżjoni 2001/224, li mbagħad ġie kkonfermat bl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96.

    232

    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

    233

    Dan il-motiv iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, minn naħa, kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha, taħt l-Artikolu 253 KE, u, min-naħa l-oħra, kisritx il-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, billi ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodu li fih Eurallumina kien ikollha bżonn sabiex tirkupra l-investimenti mwettqa minnha fl-impjant tagħha f’Sardegna, fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006.

    234

    L-istanzi ta’ ksur invokati konġuntament minn Eurallumina, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, jikkonċernaw żewġ ilmenti distinti li jistgħu jiġu invokati fil-kuntest tar-rikors previst bl-Artikolu 230 KE (sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 67). L-ewwel, li jsemmi nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, jaqa’ fil-ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, filwaqt li t-tieni, li jirrigwarda l-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, jaqa’ fil-ksur ta’ regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tat-Trattat, fis-sens tal-istess Artikolu 230 KE (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 67).

    235

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 253 KE, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni għandhom ikunu motivati. Barra minn dan, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti li l-qorti tal-Unjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll mill-ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 234 iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 63; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑5/01, Ġabra, EU:C:2002:754, punt 68, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra, EU:C:2003:444, punt 72).

    236

    Fil-premessa 75 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kienet b’mod partikolari rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ta’ Eurallumina, imfakkra fil-premessi 37 u 45 ta’ dik l-istess deċiżjoni, li jipprovdu li hija kienet wettqet investimenti ekoloġiċi importanti fl-impjant tagħha f’Sardegna bħala korrispettiv għall-eżenzjoni kontenzjuża, għaliex ma kien hemm l-ebda prova li hija kienet ikkonkludiet ftehimiet mal-awtoritajiet Taljani sabiex tintrabat li tilħaq objettivi tal-protezzjoni tal-ambjent matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża u li dik l-eżenzjoni lanqas ma kienet riżultat ta’ kundizzjonijiet li jwasslu għall-istess effett bħal dawk tal-ftehimiet u impenji. Din il-premessa tippermetti li jiftiehem li, jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx inkonsiderazzjoni l-perijodu ta’ amortizzazzjoni tal-investimenti mwettqa minn Eurallumina fl-impjant tagħha f’Sardegna, dan kien b’mod partikolari għaliex hija kienet ikkunsidrat li ma kienx ġie stabbilit li l‑benefiċċċju akkwistat minn Eurallumina mill-eżenzjoni kontenzjuża kien korrispettiv għat-twettiq ta’ dawk l-investimenti. Dan jispjega għala, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi, allegati f’dan il-każ minn Eurallumina, fil-fatt li l-investimenti mwettqa fl-impjant tagħha f’Sardegna setgħu kienu amortizzati, permezz, b’mod partikolari, tal-benefiċċju li hija kienet ser tieħu mill-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006.

    237

    Għalkemm qasira, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni alumina I hija madankollu suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jiftiehem ir-raġonament segwit f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni u sabiex jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-kontroll tagħha.

    238

    Għalhekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 235 hawn fuq. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandhu jiġi miċħud bħala infondat.

    239

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi nnotat li, permezz tiegħu, Eurallumina tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, l-aspettattivi leġittimi li hija kellha li l-investimenti mwettqa fl-impjant tagħha f’Sardegna setgħu jiġu amortizzati permezz, b’mod partikolari, tal-benefiċċju li hija kienet ser tieħu mill-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006.

    240

    Kif diġà nnotat fil-punti 136, 137 u 219 hawn fuq, l-informazzjoni fil-fajl ma jippermettux, f’dan il-każ, li jiġi kkonstatat li l-investimenti mwettqa minn Eurallumina fl-impjant tagħha f’Sardegna kienu l-korrispettiv għall-benefiċċju akkwistat minnha mill-eżenzjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, ma huwiex stabbilit li l-investimenti kienu twettqu minn Eurallumina inkunsiderazzjoni tal-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-fatt li dawk l-investimenti setgħu jiġu amortizzati permezz, b’mod partikolari, tal-benefiċċju li hija kienet ser tieħu mill-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006.

    241

    Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet korretta li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi, allegati f’dan il-każ minn Eurallumina, fil-fatt li l-investimenti mwettqa fl-impjant tagħha f’Sardegna setgħu jiġu amortizzati permezz, b’mod partikolari, tal-benefiċċju li hija kienet ser tieħu mill-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

    242

    Isegwi li r-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    243

    Billi l-motivi u lmenti kollha mqajma insostenn ta’ dawn ir-rikorsi ġew miċħuda, bħala inammissibbli jew infondati, dawn ir-rikorsi nnifishom għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

    Fuq l-ispejjeż

    244

    Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Qorti Ġenerali, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż relattivi, minn naħa, għall-proċeduri ppreżentati quddiemha u, min-naħa l-oħra, għall-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn, fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 19 iktar ’il fuq (EU:C:2009:742), u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irriżervat l-ispejjeż, huwa d-dmir tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi wkoll, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż marbuta ma’ dawn il-proċeduri ta’ appell.

    245

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, eċċezzjonalment, meta huwa rikjest mill-ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef tħallas, flimkien mal-ispejjeż tagħha stess, parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata mill-Qorti Ġenerali sabiex tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan ikun iġġustifikat minħabba l-atteġġjament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza. Huwa b’mod partikolari permess li l-Qorti Ġenerali tikkundanna għall-ispejjeż istituzzjoni li d-deċiżjoni tagħha ma tkunx ġiet annullata, minħabba l-insuffiċjenza ta’ din tal-aħħar, li tkun wasslet lil rikorrent sabiex jippreżenta rikors (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑387/08, EU:T:2010:377, punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    246

    Fil-Kawża T‑60/06 RENV II, ir-Repubblika Taljana tilfet il-kawża. Għaldaqstant għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż fil-Kawżi T‑60/06, T‑60/06 RENV I u T‑60/06 RENV II u tħallas l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll kwint mill-ispejjeż tal-Kummissjoni fil-kawżi C‑89/08 P u C‑272/12 P, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

    247

    Fil-Kawża T‑62/06 RENV II, Eurallumina tilfet il-kawża. Madankollu, fil-kuntest tal-eżami tar-rikors f’dik il-kawża, kien ġie kkonstatat, fil-punt 210 hawn fuq, li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u dan kien inkoraġġixxa lil Eurallumina sabiex tippreżenta r-rikors, sabiex jiġi kkonstatat dak il-ksur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun ġust u ekwu, fir-rigward tal-Kawżi T‑62/06, T‑62/06 RENV I u T‑62/06 RENV II, li tikkundanna lil Eurallumina tħallas l-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u li tikkundanna lil din tal-aħħar sabiex tħallas kwart mill-ispejjeż tagħha stess. Fir-rigward tal-Kawżi C‑89/08 P u C‑272/12 P, sa fejn ħames partijiet kienu opposti għall-Kummissjoni f’kull waħda minnhom, għandu jiġi, b’applikazzjoni tar-regola tat-tqassim adottat fil-Kawżi T‑62/06, T‑62/06 RENV I u T‑62/06 RENV II, li tikkundanna lil Eurallumina tħallas l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll tliet partijiet minn għoxrin, jiġifieri kwint ta’ tliet kwarti, mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u li tikkundanna lil din tal-aħħar tħallas kwint mill-ispejjeż tagħha stess.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikorsi huma miċħuda.

     

    2)

    Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż fil-Kawżi T-60/06, T-60/06 RENV I u T-60/06 RENV II u hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll kwint mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawżi C‑89/08 P u C-272/12 P.

     

    3)

    Eurallumina SpA hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-Kawżi T-62/06, T-62/06 RENV I u T-62/06 RENV II u tliet partijiet minn għoxrin tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-Kawżi C-89/08 P u C-272/12 P.

     

    4)

    Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati kwart mill-ispejjeż tagħha stess fil-Kawżi T-62/06, T-62/06 RENV I u T-62/06 RENV II kif ukoll kwint mill-ispejjeż tagħha stess fil-Kawżi C‑89/08 P u C-272/12 P.

     

    Kanninen

    Pelikánová

    Buttigieg

    Gervasoni

    Madise

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ April 2016.

    Firem

    Werrej

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    L-eżenzjoni kontenzjuża

     

    Il-proċedura amministrattiva

     

    Id-deċiżjoni alumina I

     

    Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

     

    Id-dritt

     

    Fuq l-ammissibbiltà

     

    Fuq il-mertu

     

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ validitŕ u tal-effettivitŕ tal-atti tal-istituzzjonijiet kif ukoll tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II

     

    – Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ legalitŕ u tal-effettivitŕ tal-atti tal-istituzzjonijiet

     

    – Fuq il-ksur tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali

     

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u ta’ motivazzjoni kontradittorja, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II

     

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(ii) u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II

     

    Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mal-Anness II tagħha, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2001/224, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II

     

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-liġijiet li jirregolaw l-għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, l-inċiż (a) tat-tieni paragrafu tal-punt 82 tal-Linji gwida tal-Komunitŕ, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II

     

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE u tal-linji gwida, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II

     

    Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalitŕ, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II kif ukoll fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II

     

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II

     

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE u tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwi tal-kawża: it-Taljan u l-Ingliż.

    Fuq