Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013TJ0355

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Jannar 2015 .
easyJet Airline Co. Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Suq tas-servizzi tal-ajruport — Deċiżjoni li tiċħad ilment — Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Trattament tal-każ minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru — Ċaħda tal-ilment għal raġunijiet ta’ prijorità — Deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni li tislet il-konklużjonijiet, fid-dritt tal-kompetizzjoni, ta’ investigazzjoni mwettqa fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fis-settur ikkonċernat — Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T‑355/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2015:36

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

21 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Suq tas-servizzi tal-ajruport — Deċiżjoni li tiċħad ilment — Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Trattament tal-każ minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru — Ċaħda tal-ilment għal raġunijiet ta’ prijorità — Deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni li tislet il-konklużjonijiet, fid-dritt tal-kompetizzjoni, ta’ investigazzjoni mwettqa fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fis-settur ikkonċernat — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑355/13,

easyJet Airline Co. Ltd, stabbilita f’Luton (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Werner u R. Marian, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Biolan u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Luchthaven Schiphol NV, stabbilita f’Schiphol (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn J. de Pree, G. Hakopian u S. Molin, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 2727 final, tat-3 ta’ Mejju 2013, li tiċħad l-ilment ippreżentat mir-rikorrenti kontra Luchthaven Schiphol, fir-rigward ta’ allegat aġir antikompetittiv fis-suq tas-servizzi tal-ajruport (Każ COMP/39.869 — easyjet/Schiphol),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, easyjet Airline Co. Ltd, hija kumpannija tal-ajru inkorporata fir-Renju Unit li teżerċita attività kunsiderevoli fi ħdan l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari titjiriet minn u lejn l-ajruport Schiphol ta’ Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi).

2

Fil-11 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat żewġ ilmenti inizjali quddiem in-Nederlandse Mededingingsautoriteit (awtorità tal-kompetizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem in-“NMa”) kontra Luchthaven Schiphol NV (iktar ’il quddiem “Schiphol”), l-operatur tal-ajruport Schiphol ta’ Amsterdam, li kienu jikkonċernaw l-imposti tas-sigurtà u l-imposti fir-rigward tal-passiġġieri li kellhom jiġu applikati b’effett mill-1 ta’ Novembru 2008. L-ewwel ilment kien ippreżentat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8.25f(1) tal-Wet Luchtvaart (Liġi dwar l-avjazzjoni, iktar ’il quddiem il-“WL”), u t-tieni lment kien ippreżentat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tal-Mededingingswet (Liġi dwar il-kompetizzjoni, iktar ’il quddiem il-“MW”) u fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE.

3

Fl-20 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat ilment ieħor quddiem in-NMa, li kien jikkonċerna l-imposti tas-sigurtà u l-imposti fir-rigward tal-passiġġieri li kellhom jiġu applikati minn Schiphol b’effett mill-1 ta’ April 2009, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8.25f(1) tal-WL (iktar ’il quddiem it-“tielet ilment”).

4

Fid-19 ta’ Diċembru 2008, in-NMa ċaħdet l-ewwel ilment tar-rikorrenti minħabba li kien ippreżentat tard. Barra minn hekk, hija informat lir-rikorrenti li kienet qiegħda tissospendi l-eżami tat-tieni lment fl-istennija tar-riżultati tal-evalwazzjoni tat-tielet ilment.

5

Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2009, in-NMa ċaħdet it-tielet ilment minħabba li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet li l-imposti applikati minn Schiphol b’effett mill-1 ta’ April 2009 kienu kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tal-WL, u b’mod partikolari għall-prinċipji ta’ kalkolu tal-imposti fuq il-bażi tal-ispejjeż, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ natura raġonevoli tal-imposti. Ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud permezz ta’ sentenza tar-Rechtbank Rotterdam (qorti distrettwali ta’ Rotterdam) tal-25 ta’ Novembru 2010. Hija sussegwentement appellat minn din is-sentenza quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għal tilwim amministrattiv fil-qasam ekonomiku), qabel ma rtirat l-appell tagħha.

6

Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2009, in-NMa ċaħdet it-tieni lment. Hija qieset li d-diversi lmenti ppreżentati mir-rikorrenti kellhom karatteristiċi komuni u li l-imposti li kellhom jidħlu fis-seħħ f’April 2009 ma kinux fundamentalment differenti minn dak li daħlu fis-seħħ f’Novembru 2008. Barra minn hekk, hija qieset li l-kunċetti ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ natura raġonevoli li jinsabu fl-Artikolu 8.25d(2) u (3) tal-WL kienu analogi għal dawk tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew (Artikolu 102 TUFE) u nazzjonali (Artikolu 24 MW). Hija fakkret ukoll li, fid-deċiżjoni tagħha tal-14 ta’ Lulju 2009, hija kienet interpretat id-dispożizzjonijiet tal-WL inkonformità mal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni dwar l-Artikolu 102 TFUE. Barra minn hekk, hija osservat li definizzjoni tas-suq rilevanti, li kienet twettaq fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma kinitx neċessarja f’dan il-każ peress li kienet assumiet li Schiphol kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika. Minn dan hija kkonkludiet li eżami tal-imposti implementati f’Novembru 2008. fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE kien ser iwassal għall-istess riżultati bħall-eżami tat-tielet ilment u, għaldaqstant, ċadħet it-tieni lment inkonformità mal-politika tagħha dwar l-iffissar ta’ prijoritajiet. Ir-rikorrenti ma ppreżentat ebda rikors kontra din id-deċiżjoni.

7

Fl-14 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Hija sostniet li l-imposti ffissati minn Schiphol kienu diskriminatorji u eċċessivi u kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Barra minn hekk, hija indikat li kienet ippreżentat diversi lmenti quddiem in-NMa iżda qieset li din tal-aħħar ma kienet adottat ebda deċiżjoni finali dwar il-fondatezza ta’ lment fil-qasam tal-kompetizzjoni.

8

Fit-18 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru kienet diġà ttrattat il-każ. Ir-rikorrenti wieġbet lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2013.

9

Fit-3 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2013) 2727 final, fejn ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Barra minn hekk, hija qieset li l-ilment seta’, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud ukoll minħabba nuqqas ta’ interess għall-Unjoni Ewropea peress li, fid-dawl tal-konklużjonijiet li kienet waslet għalihom in-NMa, il-probabbiltà li jiġi pprovat ksur tal-Artikolu 102 TFUE kienet waħda baxxa.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża.

11

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13

Permezz ta’ att ippreżentat fl-4 ta’ Ottubru 2013, Schiphol talbet li tintervjeni fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Diċembru 2013, Schiphol ġiet awtorizzata tintervjeni fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

14

Schiphol titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Fuq il-mertu

15

Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi insostenn tar-rikors. Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-ilment tagħha seta’ jiġi miċħud fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fit-tieni lok, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata b’mod insuffiċjenti.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003

16

Ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset li n-NMa kienet ittrattat l-ilment tagħha fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003, meta fil-verità l-imsemmi lment kien ġie miċħud għal raġunijiet ta’ prijorità. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha fuq deċiżjoni tan-NMa dwar ilment li ma kienx is-suġġett ta’ investigazzjoni mwettqa fir-rigward tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni iżda fir-rigward tad-dritt nazzjonali tan-navigazzjoni bl-ajru.

17

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, li hija mogħtija l-missjoni, mill-Artikolu 105(1) TFUE, li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u 102 TFUE, hija meħtieġa tiddefinixxi u timplementa l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u għal dan il-għan għandha setgħa diskrezzjonali fit-trattament tal-ilmenti (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2013, Vivendi vs Il-Kummissjoni, T‑432/10, EU:T:2013:538, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li l-Artikolu 13 u l-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriflettu s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdu l-awtoritajiet nazzjonali miġbura fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni sabiex tiġi żgurata l-aħjar attribuzzjoni possibbli tal-każijiet fi ħdan dan tal-aħħar (sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, Ġabra, EU:C:2012:72, punt 90). Fid-dawl tar-rwol mogħti lill-Kummissjoni mit-TFUE sabiex tiddefinixxi u timplementa l-politika tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha wkoll, a fortiori, setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta tapplika l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1/2003.

18

Madankollu, il-ġurisprudenza dwar l-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni fakkret li s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni ma hijiex mingħajr limiti. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti kollha sabiex tiddeċiedi dwar il-provvedimenti għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ lment. B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni hija meħtieġa teżamina fid-dettall il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jkunu tressqu għall-attenzjoni tagħha mil-lanjant (ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑450/98 P, Ġabra, EU:C:2001:276, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-istituzzjonijiet ikollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji kkonferiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi tkun ta’ importanza ferm iktar fundamentali u li, fost dawn il-garanziji jinsab b’mod partikolari l-obbligu, għall-istituzzjoni kompetenti, li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-punti rilevanti kollha tal-każ ineżami (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, HEG u Graphite India vs Il-Kunsill, T‑462/04, Ġabra, EU:T:2008:586, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fir-rigward tat-trattament tal-ilmenti ma għandux iwassal lill-qorti sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni b’dik tagħha, iżda għandu jkun intiż li jivverifika li d-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex ibbażata fuq fatti materjalment ineżatti u li din id-deċiżjoni la hija vvizzjata minn xi żball ta’ liġi, la minn xi żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas minn xi użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2010, CEAHR vs Il-Kummissjoni, T‑427/08, Ġabra, EU:T:2010:517, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003, dan huwa intiż li jiġi vverifikat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex ibbażata fuq fatti materjalment ineżatti u li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi, żball manifest ta’ evalwazzjoni jew użu ħażin ta’ poter meta kkunsidrat li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru diġà ttrattat ilment. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jappartjeni biss lill-qrati nazzjonali, li għandhom funzjoni essenzjali fl-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi

21

Ir-rikorrenti ssostni li l-kunċett ta’ trattament tal-każ minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tiċħad ilment, għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, li jsemmi t-tipi differenti ta’ deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-imsemmija awtorità. Għaldaqstant, każ jista’ jitqies li ġie ttrattat minn din l-awtorità biss jekk din tal-aħħar tkun minn tal-inqas iddeċidiet li ma kienx hemm lok li tintervjeni, wara li tkun twettqet investigazzjoni preliminari. Min-naħa l-oħra, tali awtorità ma tistax titqies li tkun ittrattat il-każ fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament jekk tkun sempliċement ċaħdet il-każ għal raġunijiet ta’ prijorità. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 20 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni”).

22

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

23

Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003, “[f]ejn l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru jew il-Kummissjoni irċeviet xi ilment kontra xi ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni jew prattika li diġa ħadet ħsieba [li jkun diġà ġie ttrattat minn] awtorità tal-kompetizzjoni oħra, hi tista tirriġettha [tiċħad dan l-ilment]”.

24

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini tagħha biss iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tkun tagħmel parti (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ Ottubru 2010, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑236/07, Ġabra, EU:T:2010:451, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk l-espressjoni “ilment [...] li diġa ħadet ħsiebha [li jkun diġà ġie ttrattat minn] awtorità tal-kompetizzjoni oħra”, li tinsab fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandhiex tinftiehem fis-sens li tippermetti lill-Kummissjoni tiċħad ilment meta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tkun diġà ċaħdet l-istess ilment għal raġunijiet ta’ prijorità.

26

Fl-ewwel lok, jidher li t-tweġiba għall-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni tistax tiċħad ilment li jkun diġà ġie miċħud minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru għal raġunijiet ta’ prijorità tista’ tiġi dedotta minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fid-dawl tas-sens ċar tal-espressjoni “ilment [...] li diġa ħadet ħsiebha [li jkun diġà ġie ttrattat minn] awtorità tal-kompetizzjoni oħra”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din l-espressjoni għandha portata wiesgħa sa fejn hija ta’ natura li tkopri l-każijiet kollha ta’ lmenti li jkunu ġew eżaminati minn awtorità tal-kompetizzjoni oħra, irrispettivament mill-eżitu ta’ dan l-eżami. B’hekk, il-leġiżlatur għamel l-għażla li ma jillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għall-każijiet biss ta’ lmenti li kienu diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni oħra.

27

Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 26 iktar ’il fuq tidher li hija konformi wkoll mal-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, l-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament għandu jinqara fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tiegħu, li jipprovdu li l-Kummissjoni tista’ tiċħad ilment meta awtorità tal-kompetizzjoni oħra ta’ Stat Membru tkun qiegħda tittrattah. Għaldaqstant jidher li dak li huwa rilevanti ma huwiex l-eżitu tal-eżami tal-ilment mill-imsemmija awtorità tal-kompetizzjoni, iżda l-fatt li dan l-ilment kien ġie eżaminat minn din tal-aħħar.

28

L-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 26 iktar ’il fuq hija kkorroborata wkoll mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003 li hija marbuta mal-Artikolu 13 tiegħu (sentenza Toshiba Corporation et, iċċitata fil-punt 17 iktar ’il fuq, EU:C:2012:72, punt 90) u li tispeċifika li “[d]in id-disposizzjoni għandha [ma għandhiex] tippreveni li l-Kummissjoni tirriġetta l-ilment minħabba nuqqas ta’ interess mil-Komunità, bħalma għarfet li tista tagħmel bil-liġi tal-preċedent tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk l-ebda awtorità tal-Kompetizzjoni ma tindika l-intenżjoni li tinnegozja [tittratta] l-każ”. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju, anki meta dan l-ilment ma jkunx ġie ttrattat minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, hija tista’, a fortiori, tiċħad ilment eżaminat mill-imsemmija awtorità li iżda kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda minn din tal-aħħar għal raġunijiet ta’ prijorità.

29

Il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, li hija intiża li timplementa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, u li hija invokata mir-rikorrenti, tissostanzja wkoll l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 26 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-paragrafu 20 tal-imsemmija komunikazzjoni jispeċifika li, “[f]l-Artikolu 13 [tal-imsemmi regolament], l-espressjoni ‘[tittratta l-każ]’ ma tfissirx biss li l-ilment ikun tressaq quddiem awtorità oħra iżda li din qiegħda tinvestiga jew tkun investigat il-każ għall-finijiet tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għall-kuntrarju, dan il-paragrafu ma jagħti ebda indikazzjoni fir-rigward tar-riżultat li għalih tkun waslet l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru. Min-naħa tiegħu, il-paragrafu 22 ta’ din il-komunikazzjoni jirreferi espliċitament għall-każ fejn ilment ikun ġie eżaminat minn awtorità tal-kompetizzjoni iżda jkun ġie miċħud għal raġunijiet differenti mill-eżami fil-mertu tal-każ, u jsemmi l-eżempju tal-każ fejn l-awtorità ma setgħetx tiġbor il-provi neċessarji sabiex jiġi stabbilit il-ksur, filwaqt li jindika li f’tali każijiet hija meħtieġa ċerta flessibbiltà u awtorità oħra għandha tkun tista’ twettaq l-investigazzjoni tagħha u għandha tkun tista’ tittratta l-każ hija stess. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdu l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni sabiex tiġi żgurata l-aħjar attribuzzjoni possibbli tal-każijiet, filwaqt li ppreċiżat, fir-rigward tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament, li kull awtorità għandha l-possibbiltà u mhux l-obbligu li tiċħad ilment imressaq quddiemha meta awtorità oħra tkun diġà ttrattat l-istess każ (sentenza Toshiba Corporation, iċċitata fil-punt 17 iktar ’il fuq, EU:C:2012:72, punt 90).

30

Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, dawn l-argumenti ma jippermettux li tiddaħħal inkwistjoni l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 26 iktar ’il fuq.

31

Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jinqara fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, dwar il-kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri sabiex japplikaw l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE f’każijiet individwali. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni hija pprojbita milli tiċħad ilment meta l-istess ilment ma kienx is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru previst fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. Hija tqis, f’dan il-każ, li d-deċiżjoni tan-NMa tas-16 ta’ Diċembru 2009 ma tikkostitwixxix deċiżjoni adottata fuq il-bażi ta’ dan l-aħħar artikolu peress li “tammonta għal inqas mill-massimu permess lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, jiġifieri li tikkonstata li ma hemmx lok li tagħmel intervent”, u dan minħabba li n-NMa ma vverifikatx jekk il-kundizzjonijiet ta’ projbizzjoni kinux issodisfatti.

32

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, li jinsab fil-Kapitolu II dwar il-poteri, jiddefinixxu d-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri meta japplikaw l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE f’każijiet individwali. F’dan is-sens, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprovdi li dawn l-awtoritajiet, meta jiddeċiedu fuq il-mertu, jistgħu, jew ex officio jew meta jitressaq ilment quddiemhom, jadottaw id-deċiżjonijiet segwenti, jiġifieri jordnaw il-waqfien ta’ ksur, jordnaw miżuri provviżorji, jaċċettaw impenji u jimponu multi, pagamenti ta’ penalità jew kwalunkwe sanzjoni oħra prevista mid-dritt nazzjonali tagħhom. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, “[f]ejn fuq bażi ta’ l-informazzjoni li għandhom fil-pussess tagħhom il-kondizzjonijiet għal projbizzjoni m’humiex milħuqa [l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali] għandhom jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom”. Bi tweġiba għall-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni setgħux jadottaw deċiżjoni li tikkonkludi li ma kienx hemm ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 5 tal-istess regolament kellu jiġi interpretat fis-sens li jiddefinixxi b’mod eżawrjenti d-deċiżjonijiet li setgħu jiġu adottati minn dawn l-awtoritajiet (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2011, Tele2 Polska, C‑375/09, Ġabra, EU:C:2011:270, punti 19 sa 30).

33

Madankollu, l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jinsab fil-Kapitolu IV dwar il-kooperazzjoni, jipprovdi biss li l-ilment għandu jkun ġie ttrattat minn awtorità tal-kompetizzjoni u mhux li l-ilment kien neċessarjament is-suġġett ta’ deċiżjoni (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, kif osservat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, din id-dispożizzjoni ma timponix neċessarjament l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru li tkun diġà ċaħdet l-ilment. Dan ifisser li, anki jekk jitqies li ċaħda ta’ lment minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru għal raġunijiet ta’ prijorità ma tikkostitwixxix deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 5, il-Kummissjoni tista’ tapplika, f’tali każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2).

34

Sussidjarjament, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni tan-NMa tas-16 ta’ Diċembru 2009 tista’ titqies li hija deċiżjoni bbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003. Kif issostni l-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni tkopri fil-fatt il-każijiet kollha li fihom l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tqis li l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha ma tippermettilhiex li tqis li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet għal projbizzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li din tkun ħadet miżuri istruttorji preliminari. Issa, fil-każ ineżami, meta qieset, fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2009, li eżami tal-imposti applikati b’effett minn April 2009 fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE kien ser iwassal għall-istess riżultati bħall-eżami tat-tielet ilment u meta għalhekk ċaħdet it-tieni lment inkonformità mal-politika tagħha dwar l-iffissar ta’ prijoritajiet, in-NMa neċessarjament qieset li l-kundizzjonijiet għal projbizzjoni ma kinux issodisfatti. Barra minn hekk, jekk jitqies li deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru għal raġunijiet ta’ prijorità tikkostitwixxi deċiżjoni adottata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, dan ikun konformi mas-sentenza Tele2 Polska, iċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq (EU:C:2011:270), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan l-artikolu jelenka b’mod eżawrjenti t-tipi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati minn awtorità nazzjonali. Interpretazzjoni differenti jkollha l-effett li ċċaħħad lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri mill-possibbiltà li jadottaw deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ lmenti għal raġunijiet ta’ prijorità, anki meta l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jużaw din il-possibbiltà billi jadottaw deċiżjonijiet ftit jew wisq formali li permezz tagħhom jagħlqu l-każ. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 26 iktar ’il fuq hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, u għalhekk il-Kummissjoni tista’ tiċħad ilment minħabba li dan kien diġà s-suġġett ta’ ċaħda minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru għal raġunijiet ta’ prijorità.

35

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 26 iktar ’il fuq hija konformi mal-mekkaniżmu tal-Artikolu 13(2), li jipprovdi wkoll li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tiċħad ilment meta dan ikun diġà ġie ttrattat mill-Kummissjoni. Peress li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet b’mod kostanti li l-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ lment għal raġunijiet ta’ prijorità (ara, pereżempju, is-sentenza Vivendi vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 17 iktar ’il fuq, punti 22 sa 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ wkoll tiċħad ilment li kien diġà s-suġġett ta’ ċaħda mill-Kummissjoni għal tali raġuni.

36

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 26 iktar ’il fuq tidher li taqbel ma’ wieħed mill-għanijiet prinċipali tar-Regolament Nru 1/2003, li huwa l-implementazzjoni ta’ sistema deċentralizzata effikaċi għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, mill-premessa 6 tal-imsemmi regolament jirriżulta li, “[s]abiex jiżgura li l-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Komunitàà huma applikati b’mod effettiv, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom ikun[u] assoċjati aktar mil-qrib ma[’] l-applikazzjoni tagħhom”. Il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament tipprovdi, barra minn hekk, li “[i]l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom jifformaw network ta’ awtoritajiet pubbliċi flimkien fejn japplikaw liġijiet tal-kompettizzjoni tal-Komunità f’koperazzjoni”. B’hekk, l-istess regolament temm is-sistema ċentralizzata preċedenti u organizza, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, assoċjazzjoni iktar wiesgħa tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li għal dan il-għan awtorizzahom jimplementaw id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑339/04, Ġabra, EU:T:2007:80, punt 79). Il-premessa 18 tar-regolament inkwistjoni tindika li, “[b]iex ikun żgur li l-każijiet huma negozjati mil-awtoritajiet l-aktar xierqa fi ħdan in-network, disposizzjoni ġenerali trid tiġi stabbilita [s]abiex tħalli l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tissuspendi jew tagħlaq każ bl-argument li awtorità oħra qed jinnegozjaw [titratta] jew diġa negozjaw magħha [ittrattat il-każ], l-għan hu li kull każ għandu jkun negozjat min awtorità waħda”.

37

Għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti, li jkollha l-effett li torbot lill-Kummissjoni twettaq sistematikament eżami ta’ lment kull meta awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tkun investigat ilment iżda ma tkunx adottat waħda mid-deċiżjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, jew tkun adottat deċiżjoni ta’ ċaħda għal raġunijiet ta’ prijorità, ma tkunx kompatibbli mal-għan tal-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament, li huwa li tiġi stabbilita, għal finijiet ta’ effikaċja, l-aħjar allokazzjoni possibbli tar-riżorsi fi ħdan in-network Ewropew tal-kompetizzjoni.

38

Barra minn hekk, kif tosserva l-intervenjenti, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti tidher li hija kuntrarja għax-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 1/2003. Id-dikjarazzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament COM (2000) 582 final tal-Kunsill dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat turi, fil-fatt, li l-Artikolu 13 kellu l-għan li jelimina, minn naħa, ir-riskju ta’ xogħol doppju u, min-naħa l-oħra, l-interess li jitressqu lmenti multipli.

39

Fl-aħħar nett, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprovdu li l-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa li japplikaw l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. Jekk il-Kummissjoni tkun obbligata teżamina sistematikament l-ilmenti miċħuda għal raġunijiet ta’ prijorità mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, dan iwassal fil-fatt sabiex il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistħarreġ id-deċiżjonijiet tal-imsemmija awtoritajiet, liema setgħa tappartjeni esklużivament lill-qrati nazzjonali. Għalkemm huwa minnu li l-imsemmi regolament implementa mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u dawn l-awtoritajiet (sentenza Tele2 Polska, iċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2011:270, punt 26), dan ir-regolament ma pprevediex mekkaniżmu fejn il-Kummissjoni tieħu post il-qrati nazzjonali, li jissodisfaw funzjoni essenzjali fl-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara l-premessa 7 tal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament COM (2000) 582 final tal-Kunsill dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat).

40

Għaldaqstant, kemm mill-formulazzjoni u kemm mill-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-għan segwit minnu huwa li l-Kummissjoni għandha tkun tista’, sabiex tiċħad ilment, tibbaża ruħha ġustament fuq raġuni marbuta mal-fatt li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tkun diġà ċaħdet dan l-ilment għal raġunijiet ta’ prijorità. Għaldaqstant, il-fatt, jekk jitqies li ġie stabbilit, li, fil-każ ineżami, in-NMa ma għalqitx il-każ dwar l-ilment imressaq quddiemha bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament u li din ibbażat ruħha fuq raġunijiet ta’ prijorità ma kienx jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkonstata, skont l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, li dan l-ilment kien ġie ittrattat minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru u milli tiċħdu għal din ir-raġuni.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

41

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha fuq deċiżjoni tan-NMa dwar ilment li ma kienx is-suġġett ta’ investigazzjoni mwettqa fir-rigward tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, iżda fir-rigward tad-dritt nazzjonali tan-navigazzjoni bl-ajru.

42

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

43

Huwa minnu li l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-istess bħall-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmi regolament, ikopri s-sitwazzjonijiet li fihom ikunu implementati l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri japplikaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni għal prassi abbużiva ta’ impriża li jkollha pożizzjoni dominanti fis-suq li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, dawn l-awtoritajiet ikunu obbligati wkoll li japplikaw l-Artikolu 102 TFUE.

44

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tiċħad ilment fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003 biss meta dan l-ilment kien is-suġġett ta’ eżami mwettaq fir-rigward tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

45

Madankollu, ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma tipprojbixxi lil awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru milli tibbaża ruħha, fl-investigazzjonijiet li hija twettaq sabiex tevalwa l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, fuq konklużjonijiet li tkun waslet għalihom fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet imwettqa fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali oħra. Barra minn hekk, il-paragrafu 21 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jindika sempliċement li “l-Artikolu 13 [tar-Regolament Nru 1/2003] jista’ jiġi invokat meta l-ftehim jew il-prassi jikkonċernaw l-istess ksur wieħed jew iktar fl-istess swieq ta’ prodotti u ġeografiċi inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

46

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni tista’, sabiex tiċħad ilment fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tibbaża ruħha ġustament fuq ir-raġuni misluta mill-fatt li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tkun diġà ċaħdet dan l-ilment wara eżami bbażat fuq konklużjonijiet li għalihom din l-awtorità tkun waslet fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li dan l-eżami jkun twettaq fir-rigward tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

47

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li n-NMa kienet ittrattat l-ilment tar-rikorrenti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102 TFUE. Hija osservat li n-NMa kienet b’mod partikolari indikat sa fejn il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni mwettqa fir-rigward tad-dritt tan-navigazzjoni bl-ajru kienu rilevanti għall-eżami tagħha bbażat fuq id-dritt tal-kompetizzjoni, billi ddeskriviet ix-xebh li jeżisti bejn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet, billi qabblet in-natura ekwivalenti tas-servizzi kkonċernati u billi evalwat l-iżvantaġġ kompetittiv ikkawżat mis-sistema ta’ tariffi ta’ Schiphol. Hija qieset li n-NMa kienet għalhekk eżaminat jekk l-imposti kinux proporzjonati fil-konfront tal-ispejjeż, qabblithom mal-imposti ta’ ajruporti internazzjonali oħra u evalwathom fid-dawl tal-kwalità tas-servizz li tirċievi r-rikorrenti. Fl-aħħar nett, hija qieset li ma kienx ir-rwol tagħha li tiddeċiedi dwar l-argumenti u l-konklużjonijiet esposti min-NMa, u lanqas dwar il-metodoloġija użata minn din tal-aħħar.

48

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tan-NMa tas-16 ta’ Diċembru 2009 jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti ġie eżaminat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tal-MW u tal-Artikolu 102 TFUE. F’din id-deċiżjoni n-NMa qieset b’mod partikolari, kif osservat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li l-evalwazzjoni tal-kunċetti ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ natura raġonevoli li jinsabu fl-Artikolu 8.25d(2) u (3) tal-WL kienet simili għal dik imwettqa fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Hija fakkret ukoll li, fid-deċiżjoni tagħha tal-14 ta’ Lulju 2009, hija kienet interpretat id-dispożizzjonijiet tal-WL inkonformità mal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni dwar l-Artikolu 102 TFUE. Barra minn hekk, hija osservat li definizzjoni tas-suq rilevanti, li għandha titwettaq fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma kinitx neċessarja fil-każ ineżami peress li hija kienet assumiet li Schiphol kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika.

49

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003 peress li qieset li l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru kienet ittrattat dan l-ilment fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102 TFUE.

50

Filwaqt li tammetti li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-WL jirreferu parzjalment għal kunċetti misluta mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ir-rikorrenti tippreżenta ħames argumenti sabiex tistabbilixxi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li n-NMa kienet ittrattat l-ilment tagħha fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102 TFUE.

51

Mill-punt 20 iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex tingħata tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali għandha sempliċement tivverifika li l-Kummissjoni, meta ċaħdet l-ilment fuq il-bażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ma wettqitx żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li n-NMa kienet diġà ttrattat l-ilment tar-rikorrenti fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, kien il-kompitu tal-Kummissjoni li tivverifika li n-NMa ma kinitx ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti mingħajr ma wettqet qabel eżami ta’ dan l-ilment fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-istħarriġ min-naħa tal-Qorti Ġenerali ma għandux iwassal sabiex titwettaq evalwazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni tan-NMa jew tal-proċedura jew tal-metodoloġija użati minnha, evalwazzjoni din li lanqas il-Kummissjoni stess ma wettqet u li taqa’ fil-kompetenza tal-qrati nazzjonali.

52

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tenfasizza li n-NMa ma stabbilixxiet definizzjoni tas-suq rilevanti, element li skont ir-rikorrenti huwa indispensabbli għal kull eżami tal-osservanza tal-Artikolu 102 TFUE, u li l-Kummissjoni għalhekk ma setgħetx tqis li l-ilment kien ġie ttrattat min-NMa fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, tali argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv fid-dawl tal-portata u tas-suġġett tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali kif imfakkra fil-punt 51 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan l-argument jikkonċerna l-metodoloġija u l-fondatezza tal-analiżi magħżula min-NMa sabiex tittratta l-ilment tar-rikorrenti.

53

Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi kkonstatat li n-NMa ma kinitx meħtieġa tistabbilixxi definizzjoni tas-suq rilevanti fil-każ ineżami.

54

Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, id-delimitazzjoni tas-suq rilevanti hija ta’ importanza essenzjali għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk impriża tinsab f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti, u dan sa fejn il-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni jistgħu jiġu evalwati biss skont il-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni li bis-saħħa tagħhom dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi jkunu partikolarment kapaċi li jissodisfaw ħtiġijiet kostanti u jkunu limitattivament interkambjabbli ma’ prodotti jew servizzi oħra (sentenzi tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra, EU:C:1973:22, punt 32, u tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra, EU:T:2007:22, punt 78). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, pożizzjoni dominanti tintwera mill-fatt li l-impriża inkwistjoni tkun tinsab f’sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika li tagħtiha s-setgħa tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti billi tagħtiha l-possibbiltà li taġixxi indipendenti b’mod sinjifikattiv fir-rigward tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u, finalment, tal-konsumaturi (sentenzi tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continental vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra, EU:C:1978:22, punt 65; tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra, EU:C:1979:36, punt 38, u France Télécom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2007:22, punt 99).

55

Madankollu, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tan-NMa tal-14 ta’ Lulju 2009 jirriżulta li kien preżunt li l-intervenjenti kienet f’sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika u li, għaldaqstant, kif in-NMa osservat fil-punt 16 tad-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2009, peress li l-intervenjenti kienet tinsab f’pożizzjoni dominanti, ma kienx meħtieġ li tiġi stabbilita definizzjoni tas-suq rilevanti. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma vvizzjatx id-deċiżjoni tagħha bi żball manifest meta qieset li l-ilment tar-rikorrenti kien ġie ttrattat b’osservanza tar-regoli ta’ eżami rikjesti mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

56

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li eżami mwettaq fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE kien ser iwassal lin-NMa għal konklużjoni differenti fir-rigward tal-aġir abbużiv tal-intervenjenti fil-qasam ta’ prezzijiet diskriminatorji.

57

Għandu jitfakkar qabel kollox li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni tan-NMa (ara l-punt 51 iktar ’il fuq). Għall-kuntrarja, huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tivverifika li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li n-NMa kienet diġà ttrattat l-ilment tar-rikorrenti bl-użu tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni li tinsab fl-Artikolu 102 TFUE.

58

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-analiżi li wasslet għad-deċiżjoni tagħha tal-14 ta’ Lulju 2009, in-NMa ħadet inkunsiderazzjoni d-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tinsab fl-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, kif osservat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, in-NMa, fid-deċiżjoni tagħha tal-14 ta’ Lulju 2009, minn naħa, eżaminat in-natura ekwivalenti tas-servizzi offruti mill-intervenjenti lid-diversi kumpanniji tal-ajru u, min-naħa l-oħra, evalwat l-iżvantaġġ kompetittiv ikkawżat mill-imposti (punti 113 sa 156). Sabiex wettqet dan l-eżami, in-NMa indikat b’mod espliċitu li kienet qiegħda tuża d-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tinsab fl-Artikolu 102 TFUE, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja (punt 33).

59

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li n-NMa indikat, f’deċiżjoni oħra, li, għalkemm il-kunċetti li jinsabu fil-WL jistgħu jiġu interpretati bl-għajnuna tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-evalwazzjoni globali ta’ każ fir-rigward tal-WL ma titwettaqx fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni u li ebda kwistjoni dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma setgħet tiġi indirizzata fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa taħt il-WL. Dan il-punt, jekk jitqies li huwa stabbilit, huwa madankollu irrilevanti għall-kwistjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata peress li, f’dan il-każ, minn naħa, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta mill-evalwazzjonijiet magħmula min-NMa f’każ separat u, min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament ivverifikat li n-NMa kienet investigat l-ilment li kien tressaq quddiemha fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE.

60

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-eżami ta’ lment fil-kuntest tal-WL jitwettaq biss mid-dipartiment responsabbli għar-regolazzjoni tal-avjazzjoni, li għandu setgħet u kompetenzi distinti minn dawk tad-dipartiment tal-kompetizzjoni, u li dan l-eżami ma jiħux inkunsiderazzjoni l-għanijiet ġenerali tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Madankollu, dan l-argument għandu jitwarrab peress li d-dipartiment responsabbli għar-regolazzjoni tal-avjazzjoni kien jikkostitwixxi dipartiment fi ħdan l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi u peress li d-deċiżjoni tan-NMa li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tiċħad l-ilment tar-rikorrenti kienet ġiet adottata mill-kumitat wieħed tagħha. Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003, bħad-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmi regolament, jirreferu għall-“awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru”, mingħajr ma jagħmlu distinzjoni bejn id-diversi dipartimenti fi ħdan din l-awtorità. Għaldaqstant, huwa irrilevanti li tkun magħrufa l-kompożizzjoni tal-korpi li investigaw l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-WL peress li n-NMa eżaminat l-ilment tar-rikorrenti fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni u peress li mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li n-NMa setgħet ġustament tibbaża ruħha fuq l-analiżi mwettqa fil-kuntest tal-ilment ibbażat fuq il-WL.

61

Fl-aħħar lok, għandu jitwarrab l-argument tar-rikorrenti fis-sens li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-effett li teskludi kategorija wiesgħa ta’ abbużi potenzjali mill-kontroll tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata preċiżament ma kellhiex l-effett li teskludi lill-intervenjenti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

62

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li n-NMa kienet ittrattat l-ilment tagħha fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102 TFUE.

63

Għaldaqstant, il-Kummissjoni la wettqet żball ta’ liġi u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li n-NMa kienet ittrattat l-ilment tar-rikorrenti fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

64

Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

65

Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tiċħad b’mod sussidjarju l-ilment tagħha minħabba nuqqas ta’ interess għall-Unjoni, hija motivata b’mod insuffiċjenti.

66

Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni motiv, li huwa ta’ natura neċessarjament sussidjarja, għandu jitwarrab peress li d-deċiżjoni kkontestata, ikkompletata permezz tad-deċiżjoni tan-NMa tas-16 ta’ Diċembru 2009, tesponi b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex il-każ ma kienx ta’ interess suffiċjenti għall-Unjoni.

67

Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, li bbażat din id-deċiżjoni fuq l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003, indikat ukoll li fil-fehma tagħha, fi kwalunkwe każ, l-ilment seta’ jiġi miċħud minħabba nuqqas ta’ interess għall-Unjoni sa fejn il-probabbiltà li jiġi stabbilit ksur kienet limitata fid-dawl tal-konklużjoni analoga li għaliha kienet wasslet in-NMa fi tmiem l-investigazzjoni tagħha.

68

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, peress li kien biss b’mod sussidjarju li l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti minħabba nuqqas ta’ interess għall-Unjoni, it-tieni motiv, anki jekk jintlaqa’, ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens is-sentenza tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T‑106/95, Ġabra, EU:T:1997:23, punt 199).

69

Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata tidher li hija motivata b’mod suffiċjenti. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jagħtix lil-lanjant id-dritt li jeżiġi mingħand il-Kummissjoni deċiżjoni definittiva dwar l-eżistenza jew dwar l-ineżistenza tal-ksur allegat u lanqas ma jobbliga lill-Kummissjoni tkompli fi kwalunkwe każ il-proċedura sal-istadju ta’ deċiżjoni finali (sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1979, GEMA vs Il-Kummissjoni, 125/78, Ġabra, EU:C:1979:237, punt 18, u tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C-449/98 P, Ġabra, EU:C:2001:275, punt 35). Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina fid-dettall il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jitressqu għall-attenzjoni tagħha mil-lanjanti (sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 1983, Schmidt vs Il-Kummissjoni, 210/81, Ġabra,EU:C:1983:277, punt 19, u tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra, EU:C:1987:490, punt 20). Lanjant għandu d-dritt li d-destin tal-ilment tiegħu jiġi deċiż permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju (sentenza tat-18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C‑282/95 P, Ġabra, EU:C:1997:159, punt 36, u IECC vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

70

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija suġġetta għal obbligu ta’ motivazzjoni meta tirrifjuta li tkompli teżamina lment. Peress li l-motivazzjoni għandha tkun suffiċjentement preċiża u ddettaljata sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ effettiv fir-rigward tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li tiddefinixxi prijoritajiet, din l-istituzzjoni hija meħtieġa tesponi l-punti ta’ fatt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet legali li wassluha sabiex tieħu din id-deċiżjoni (digriet tal-31 ta’ Marzu 2011, EMD Development vs Il-Kummissjoni, C‑367/10 P, Ġabra, EU:C:2011:203, punt 75).

71

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-probabbiltà li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 102 TFUE kienet limitata, fid-dawl tal-konklużjonijiet li għalihom kienet waslet in-NMa. Issa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom kompetenzi paralleli fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u li l-istruttura tal-imsemmi regolament hija bbażata fuq kooperazzjoni mill-qrib bejniethom. Għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-miżuri meħuda mill-imsemmija awtoritajiet nazzjonali (sentenza Vivendi vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 17 iktar ’il fuq, Ġabra, EU:T:2013:538, punt 26).

72

Minn dawn l-osservazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi esponiet, b’mod ċar u inekwivoku, il-punti ta’ fatt u l-kunsiderazzjonijiet legali li wassluha sabiex tikkonstata li l-probabbiltà li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE kienet biss waħda limitata. Peress li dawn il-preċiżazzjonijiet jippermettu lill-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ effettiv fir-rigward tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata f’dan ir-rigward.

73

Għaldaqstant, it-tieni motiv jista’ jitwarrab bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

74

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-Kummissjoni, kif ukoll għall-ispejjeż ta’ Schiphol, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

easyJet Airline Co. Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Jannar 2015.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq