Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006TJ0231

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla Estiża) tas-16 ta' Diċembru 2010.
    Ir-Renju ta' l-Olanda (T-231/06) u Nederlandse Omroep Stichting (NOS) (T-237/06) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Għajnuna mill-Istat - Servizz pubbliku tax-xandir - Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi - Deċiżjoni li tiddikjara għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni - Għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti - Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat - Kunċett ta’ impriża - Kumpens żejjed għall-ispejjeż tal-missjoni ta’ servizz pubbliku - Proporzjonalità - Obbligu ta’ motivazzjoni - Drittijiet tad-difiża.
    Każijiet Magħquda T-231/06 u T-237/06.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-05993

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2010:525

    Kawżi magħquda T-231/06 u T-237/06

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u

    Nederlandse Omroep Stichting (NOS)

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Għajnuna mill-Istat — Servizz pubbliku tax-xandir — Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi — Deċiżjoni li tiddikjara għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni — Għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ impriża — Kumpens żejjed għall-ispejjeż tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku — Proporzjonalità — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża”

    Sommarju tas-sentenza

    1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura statali li qed tiġi implementata suġġetta għall-klassifikazzjoni provviżorja bħala għajnuna ġdida — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

    (Artikolu 88(2)KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6)

    2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE — Bidla fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni wara li tintemm il-proċedura

    (Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 7)

    3.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Impriża — Kunċett — Eżerċizzju ta’ attività ekonomika — Kunċett — Obbligi ta’ servizz pubbliku — Nuqqas ta’ effett — Attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika — Esklużjoni

    (Artikolu 87(1) KE)

    4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Għajnuna għat-tħaddim — Finanzjament mogħti lil impriża li teżerċita funzjoni ta’ servizz pubbliku f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni

    (Artikoli 87(1) KE, 86 KE u 88 KE)

    5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispiża tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku mwettqa minn impriża

    (Artikoli 86(2) KE u 87(1) KE)

    6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti — Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispiża tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku mwettqa minn impriża — Deċiżjoni 2005/842 — Portata

    (Artikolu 86(2) KE; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842)

    7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Miżura li temenda skema ta’ għajnuna eżistenti — Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida — Kriterji

    (Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1)

    8.      Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali — Definizzjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri

    (Artikolu 86(2) KE; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2001/C 17/04, punt 22, u 2001/C 320/04, punt 36)

    1.      Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tista’ tillimita ruħha li tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, li tinkludi evalwazzjoni provviżorja tal-miżura tal-Istat inkwistjoni intiża sabiex tiddetermina jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna u li tesponi r-raġunijiet li joħolqu dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Skont l-istess Artikolu 6, id-deċiżjoni ta’ ftuħ għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, ikun biżżejjed li l-partijiet interessati jkunu jafu r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tqis provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni.

    (ara l-punti 37, 38)

    2.      Mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, jirriżulta li, wara li ntemmet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-analiżi tal-Kummissjoni setgħet evolviet, peress li hija tista’ tiddeċiedi finalment li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna jew li d-dubji dwar l-inkompatibbiltà tagħha tneħħew. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni finali tista’ tiddevja mid-deċiżjoni ta’ ftuħ, mingħajr ma tiġi vvizzjata b’dan il-mod d-deċiżjoni finali.

    (ara l-punt 50)

    3.      Fil-kuntest tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod kif tiġi ffinanzjata. Kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika.

    F’dan ir-rigward, il-fatt li entità tkun ġiet fdata b’ċerti inkarigi fl-interess pubbliku ma jistax jimpedixxi li l-attivitajiet inkwistjoni jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi. Min-naħa l-oħra, l-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-awtorità pubblika ma humiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat.

    Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet ta’ entità humiex dawk ta’ impriża fis-sens tat-Trattat, għandha tiġi stabbilita n-natura ta’ dawn l-attivitajiet.

    (ara l-punti 92-95)

    4.      L‑għajnuna intiża sabiex teħles impriża mill‑ispejjeż li hija kien ikollha normalment tħallas fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha ta’ kuljum jew tal‑attivitajiet normali tagħha bħala prinċipju jikkawżaw distorsjoni tal‑kundizzjonijiet tal‑kompetizzjoni.

    Il-fatt li l-impriża hija inkarigata b’attività ta’ servizz pubbliku u teżerċita l-funzjonijiet tagħha skont id-dispożizzjonijiet li jirregolaw din l-attività ma jistax fih innifsu jeskludi r-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-konfront tal-impriżi l-oħra, ħlief li jirrendi ineffettivi l-Artikoli 86 KE sa 88 KE. L-attività ta’ servizz pubbliku tista’ fil-fatt tkun is-suġġett ta’ kumpens żejjed mill-Istat Membru kkonċernat, li, meta jiġi stabbilit, jinvolvi fih innifsu riskju ta’ distorsjoni f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni.

    (ara l-punti 119, 120)

    5.      Mill-kliem neqsin minn kull ambigwità tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark, C‑280/00, jirriżulta li l-erba’ kundizzjonijiet li tistabbilixxi għandhom bħala għan uniku l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, u b’mod iktar preċiż id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

    Intervent tal-Istat li ma jissodisfax waħda jew iktar mill-imsemmija kundizzjonijiet għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

    (ara l-punti 145, 146)

    6.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2005/842, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, jipprovdi li l-iskop tagħha huwa li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil ċerti impriżi inkarigati mit-tħaddim ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni u eżenti mill-obbligu ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 88(3) KE.

    Minn dan jirriżulta li d-Deċiżjoni 2005/842 bl-ebda mod ma tiddefinixxi hija stess il-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa l-kumpens għal servizz pubbliku, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-vantaġġ miġjub, sabiex tiġi evitata l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, izda tapplika min-naħa l-oħra għal miżuri kklassifikati diġà bħala għajnuna mill-Istat fejn għandu jiġi ddeterminat jekk dawn humiex kompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, d-Deċiżjoni 2005/842 tirreferi espressament għall-kriterji stabbiliti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark, C‑280/00, sabiex tiġi stabbilita, fl-istadju preċedenti, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’dan il-qasam.

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-ewwel nett jekk il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark humiex sodisfatti sabiex jiġi stabbilit jekk il-finanzjamenti msemmija jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u teżamina sussegwentement, wara li tikkonkludi li teżisti għajnuna mill-Istat, il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

    (ara l-punti 153-155)

    7.      Mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna eżistenti tapplika għal kull għajnuna li teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fl-Istat Membru kkonċernat u għal kull għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill u li kull bidla ta’ għajnuna eżistenti għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida.

    Skont dan it-test inekwivokabbli, ma hijiex “kull għajnuna eżistenti mibdula” li għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida, iżda hija biss il-bidla fiha nnifisha li tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida. Għalhekk, huwa biss fil-każ li l-bidla taffettwa s-sustanza stess tal-iskema inizjali li din l-iskema tinbidel għal skema ta’ għajnuna ġdida. Issa, ma tistax tkun kwistjoni ta’ tali bidla sostanzjali meta l-element ġdid jista’ jiġi sseparat b’mod ċar mill-iskema inizjali.

    Huwa b’riferiment għad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxuha, għall-modalitajiet tagħhom u għal-limiti tagħhom li għajnuna tista’ tiġi kklassifikata bħala ġdida jew bħala bidla tal-iskema eżistenti.

    (ara l-punti 176, 177, 180)

    8.      L-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ x’jikkunsidraw li huwa servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali. Għaldaqstant, id-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest.

    Għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-servizz pubbliku fis-settur tax-xandir, għalkemm huwa veru li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi jekk programm għandux jixxandar bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali u tikkontesta n-natura jew il-kwalità ta’ prodott speċifiku, hija għandha, bħala gwardjan tat-Trattat, tkun tista’ tintervjeni fil-każ ta’ żball manifest.

    (ara l-punti 223, 224)







    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

    16 ta’ Diċembru 2010 (*)

    “Għajnuna mill-Istat – Servizz pubbliku tax-xandir – Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi – Deċiżjoni li tiddikjara għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni – Għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ impriża – Kumpens żejjed għall-ispejjeż tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża”

    Fil-Kawżi magħquda T-231/06 u T-237/06,

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn H. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,

    rikorrent fil-Kawża T-231/06,

    Nederlandse Omroep Stichting (NOS), stabbilita f'’Hilversum (il-Pajjizi l-Baxxi), irrappreżentata minn J. Feenstra u H. Speyart van Woerden, avukati,

    rikorrenti fil-Kawża T-237/06,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan u H. van Vliet, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Ġunju 2006, dwar il-finanzjament ad hoc tax-xandara tas-servizz pubbliku Olandiż Għajnuna tal-Istat Nru C 2/2004 (ex NN 170/2003) (ĠU 2008, L 49, p. 1),

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

    komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn F. Dehousse (Relatur), li qed jaġixxi bħala President, I. Wiszniewska-Białecka, K. Jürimäe, A. Dittrich u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

    Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Marzu 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

     Il-kuntest ġuridiku

    1        L-Artikolu 16 KE jipprovdi:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 73 [KE], 86 [KE] u 87 [KE], u meta tikkonsidra l-post okkupat mis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-valuri komuni ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll tar-rwol tagħom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali, il-Komunità u l-Istati Membri, skond il-poteri rispettivi tagħhom u fl-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet li jippermettulhom li jwettqu l-missjonijiet tagħhom.”

    2        Skont l-Artikolu 86(2) KE:

    “Kull impriża responsabbli biex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun soġġetta għar-regoli ta’ dan it-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità.”

    3        L-Artikolu 87(1) KE jipprovdi dan li ġej:

    “Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tafforixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkumpatibbli mas-suq komuni.”

    4        L-Artikolu 311 KE jipprovdi:

    “Il-protokolli annessi ma’ dan it-Trattat bi ftehim bejn l-Istati Membri għandhom jifformaw parti integrali mill-istess Trattat.”

    5        Skont il-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri (ĠU 1997, C 340, p. 109, iktar ’il quddiem, il-“Protokoll ta’ Amsterdam”), introdott bit-Trattat ta’ Amsterdam u anness mat-Trattat KE:

    “[L-Istati Membri,] waqt li jikkunsidraw li s-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri hija direttament relatata mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal-ħtieġa li jkun imħares il-pluraliżmu tal-media; ftiehmu dwar id-dispożizzjonijiet ta’ interpretazzjoni li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat [KE],

    Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat [KE] għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir sa fejn dan il-finanzjament ikun mogħti lill-organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettieq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku kif mogħtija, definita u organizzata minn kull Stat Membru, u sakemm dan il-finanzjament ma jaffetwax il-kondizzjonijiet ta’ kummerċ u l-kompetizzjoni fil-Komunità sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li jibqa’ jittieħed kont tat-twettieq tal-missjoni ta’ dak is-servizz pubbliku.”

    6        L-Aritkolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), fih is-segwenti definizzjonijiet:

    “(a)      “għajnuna” għandha tfisser kull miżura li taderixxi l-kriterja kollha mqiegħda fl-Artikolu [87(1) KE];

    (b)      “għajnuna eżistenti” għandha tfisser:

    (i)      […] l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

    (ii)      għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

    […]

    (ċ)      “għajnuna ġdida” għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

    […]

    (f)      “għajnuna kontra l-liġi” għandha tfisser għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni ta’ l-Artikolu [88(3) KE];

    […]”

    7        Fil-15 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni 2001/Ċ 320/04 dwar l-applikazzjoni ta’ regoli għall-għajnuna tal-Istat lis-servizzi ta’ xandir pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 117, iktar ’il quddiem, il-“Komunikazzjoni dwar ix-xandir”), li fiha l-Kummissjoni ħabbret il-prinċipji li hija kienet ser issegwi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE u tal-Artikolu 87 KE għall-finanzjament tal-entitajiet pubbliċi ta’ xandir mill-Istat.

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    8        Wara li rċeviet diversi lmenti fl-2002 u fl-2003, b’mod partikolari minn xandara privati Olandiżi li qed jallegaw, essenzjalment, li s-sistema ta’ finanzjament ta’ xandara ta’ servizz pubbliku Olandiż tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplementari lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Din wasslitha sabiex tiftaħ, permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2004, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE (ĠU C 61, p. 8, iktar il-quddiem id-“Deċiżjoni ta’ ftuħ”).

    9        Wara li ntemmet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni adottat, fit-22 ta’ Ġunju 2006, id-Deċiżjoni 2008/136/KE dwar il-finanzjament ad hoc tax-xandara tas-servizz pubbliku Olandiż Għajnuna tal-Istat Nru C 2/2004 (ex NN 170/2003) (ĠU 2008, L 49, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    10      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet b’mod dettaljat is-sistema ta’ xandir pubbliku fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod partikolari l-parteċipanti tagħha u l-finanzjament tagħha.

    11      Hija osservat ukoll li, minbarra x-xandara kummerċjali, joperaw diversi xandara ta’ servizz pubbliku. Hija tippreċiża li, fost dawn tal-aħħar, in-Nederlandse Omroep Stichting (NOS) (assoċjazzjoni tar-radjuteleviżjoni Olandiża), rikorrenti fil-Kawża T-237/06, għandha rwol doppju. Minn naħa, hija xandara ta’ servizz pubbliku li topera bl-isem NOS RTV (iktar ’il quddiem in-“NOS RTV”). Min-naħa l-oħra, il-bord tat-tmexxija tagħha, li jopera bl-isem Publieke Omroep (xandir pubbliku, iktar ’il quddiem il-“PO”), huwa inkarigat, skont l-Artikolu 16 tal-Mediawet (liġi Olandiża dwar il-media, Stb. 1987, Nru 249), li jikkoordina s-sistema sħiħa ta’ xandir ta’ servizz pubbliku (premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

    12      Il-Kummissjoni indikat ukoll, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-riżorsi finanzjarji prinċipali tax-xandara ta’ servizz pubbliku, inkluża n-NOS, fiż-żewġ funzjonijiet tagħha, huma l-finanzjamenti annwali li jirċievu mill-Istat. Ix-xandara ta’ servizz pubbliku huma awtorizzati jikkostitwixxu riżervi sabiex jassorbu l-varjazzjonijiet fil-baġit. Mill-1994, huma jirċievu wkoll finanzjamenti ad hoc li dwarhom tittratta d-deċiżjoni kkontestata. Dawn huma, skont il-punt III tad-deċiżjoni kkontestata, evalwati skont ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

    13      Wara li ntemmet l-investigazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra p. I-7747, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-finanzjamenti ad hoc jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

    14      Abbażi ta’ ċerti karatteristiċi tal-finanzjamenti ad hoc (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni wasslet sussegwentement għall-konklużjoni, fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida.

    15      Fil-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni tal-kompatibbiltà tal-finanzjamenti ad hoc fir-rigward tal-Artikolu 86(2) KE billi kkonstatat li ċerti xandara ta’ servizz pubbliku bbenefikaw minn kumpens eċċessiv li ġie ttrasferit ġeneralment fir-riżervi ta’ programmi tagħhom (premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata). Billi li parti minn dawn ir-riżervi ġiet ittrasferita fl-2005 lill-PO, il-Kummissjoni kkunsidrat dan it-trasferiment ukoll, li kompla jikkumpensa żżejjed, bħala finanzjament ad hoc (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

    16      Wara li evalwat il-kumpens għal dak li jirrigwarda l-PO, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-PO kien irċieva kumpens żejjed li kellha tiġi rkuprata min-NOS għall-funzjonijiet tagħha eżerċitati bħala PO (premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-konklużjoni hija segwita bid-dispożittiv segwneti, fil-verżjoni bil-lingwa Olandiża li hija dik awtentika:

    “Artikolu 1

    1. L-għajnuna ta’ l-Istat ad hoc li [r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ta] lil [NOS fil-funzjonijiet tagħha ta’ PO] għall-kompiti tas-servizz pubbliku tagħha fi ħdan is-sistema tax-xandir tas-servizz pubbliku [Olandiż] hija inkumpatibbli mas-suq komuni.

    2. L-għajnuna ta’ l-Istat ad hoc inkumpatibbli għandha tiġi rkuprata [min-NOS]. L-ammont li għandu jiġi rkuprat […] huwa € 76,327 miljun, bl-interessi miżjuda ma’ dan.

    3. L-għajnuna ta’ l-Istat ad hoc mogħtija lix-xandara tas-servizz pubbliku hija kumpatibbli mas-suq komuni previst li, safejn tali għajnuna tirriżulta f’kumpens żejjed tal-kompiti tas-servizz pubbliku, l-eċċess jinżamm f’riżerva b’għan speċjali, li l-ammont tagħha ma jeċċedix l-10 % tal-baġit annwali tax-xandar u sakemm il-konformità ma’ din il-limitazzjoni hija vverifikata regolarment [mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi].

    Artikolu 2

    1. [Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għand[u] [j]ieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex [j]irkupra mill-PO l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u li [diġà] ngħatat illegalment lill-benefiċjarju.

    2. L-irkuprar għandu jitwettaq mingħajr dewmien […]

    3. L-interessi li għandhom jiġu rkuprati taħt il-paragrafu 2 għandhom jiġu kkalkolati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 […].

    Artikolu 3

    [Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għand[u] [j]informa lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati biex ikunu konformi magħha […]

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju [tal-Pajjiżi l-Baxxi].”

     Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    17      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-30 ta’ Awwissu u fl-4 ta’ Settembru 2006 rispettivament, u rreġistrati rispettivament bir-referenzi T-231/06 u T-237/06, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn naħa, u n-NOS, min-naħa l-oħra, ippreżentaw dawn ir-rikorsi.

    18      Fil-Kawża T-231/06, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tannulla d-deċiżjoni kkontestata bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1(3) tagħha;

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tiċħad ir-rikors;

    –        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

    20      Fil-Kawża T-237/06, in-NOS titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, u l-Artikoli 2 u 3 tagħha, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażati, u f’kull każ tannulla din id-deċiżjoni parzjalment;

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tiċħad ir-rikors;

    –        tikkundanna lin-NOS għall-ispejjeż.

    22      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2009, il-Qorti Ġenerali rrinvijat dawn il-kawżi quddiem l-Ewwel Awla Estiża, skont l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li l-kompożizzjoni tagħha nbidlet wara l-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2009.

    23      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla Estiża, mogħti fis-17 ta’ Diċembru 2009, wara li nstemgħu l-partijiet, il-Kawżi T-231/06 u T-237/06 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

    24      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Marzu 2010.

     Id-dritt

    25      Insostenn tar-rikors tiegħu fil-Kawża T-231/06, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqajjem tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni wieħed fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna ġdida u t-tielet wieħed, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq żbalji u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni marbuta mal-kalkolu tal-kumpens żejjed u mal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

    26      Insostenn tar-rikors tagħha fil-kawża T-237/06, in-NOS tqajjem sitt motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq motivazzjoni insuffiċjenti marbuta mal-klassifikazzjoni tal-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna ġdida. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq l-applikazzjoni żbaljata tas-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, minflok il-Protokoll ta’ Amsterdam. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur marbut man-nuqqas ta’ rabta bejn il-finanzjamenti ad hoc u l-kumpens żejjed allegat. Fir-raba’ motiv maqsum fi tliet partijiet, in-NOS tinvoka n-nuqqas ta’ ċerti elementi kostituttivi ta’ għajnuna mill-Istat u nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-ħames motiv tan-NOS huwa bbażat fuq kontroll insuffiċjenti tal-proporzjonalità. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 88(2) KE u tad-drittijiet tad-difiża.

    27      L-ewwel motiv imqajjem mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u s-sitt motiv tan-NOS ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 88(2) KE għandhom jiġu kkunsidrati flimkien. Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati t-tieni u r-raba’ motiv tan-NOS dwar il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat u l-applikazzjoni tas-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, qabel ma ssir analiżi tat-tieni motiv tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi flimkien mal-ewwel motiv tan-NOS dwar il-klassifikazzjoni żbaljata tal-mizuri inkwistjoni bħala għajnuna ġdida. Fl-aħħar nett, l-eżami jintemm bit-tielet motiv taż-żewġ rikorrenti u bil-ħames motiv tan-NOS dwar il-kalkolu tal-kumpens żejjed u l-proporzjonalità tal-għajnuna.

     Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 88(2) KE

     L-argumenti tal-partijiet

    28      Kemm ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll in-NOS (iktar il-quddiem ir-“rikorrenti”) isostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88(2) KE u d-drittijiet tad-difiża tagħhom sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tiddevja sostanzjalment mid-Deċiżjoni ta’ ftuħ f’diversi aspetti.

    29      L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ttrattatx espliċitamnet fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ il-kwistjoni tal-finanzjament tal-varji xandara ta’ servizz pubbliku. Id-deċiżjoni kkontestata teżamina min-naħa l-oħra d-dħul u l-attivitajiet relatati ta’ dawn ix-xandara kif ukoll l-estimi tar-riżervi tagħhom.

    30      It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens żejjed u l-elementi kkunsidrati fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ ivarjaw minn dawk ikkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata.

    31      In-NOS iżżid li l-Kummissjoni estendiet, fid-deċiżjoni kkontestata, il-perijodu kopert mill-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Peress li l-Kummissjoni indikat fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ li l-perijodu investigat jikkonċerna biss is-snin mill-1992 sal-2002, hija kellha tillimita ruħha li tinvestiga dan il-perijodu fid-deċiżjoni kkontestata.

    32      Fl-aħħar nett, in-NOS tallega li l-bidliet magħmula fil-perijodu bejn id-Deċiżjoni ta’ ftuħ u d-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxu iktar u iktar ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom peress li l-Kummissjoni rrifjutat it-talbiet tagħhom sabiex jiltaqgħu u sabiex jingħataw aċċess għall-fajl.

    33      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    34      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lil din tal-aħħar jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi ggarantit anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika. Dan il-prinċipju jeżiġi li persuna li kontriha l-Kummissjoni bdiet proċedura amministrattiva tkun ingħatat l-opportunità, matul din il-proċedura, li tagħti l-opinjoni tagħha b’mod utli fuq il-veraċità u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi allegati u fuq id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV 2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04, Ġabra p. II-2935, punt 136, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35      Minn naħa, il-proċedura ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat hija, fid-dawl tal-iskema ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli, fir-rigward tal-obbligi Komunitarji tiegħu, għall-għoti tal-għajnuna. Għaldaqstant, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, sa fejn dan l-Istat Membru ma kellux il-possibbiltà li jagħti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ċertu informazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tieħu din l-informazzjoni inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tagħha kontra dan l-Istat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tinfetaħ biss kontra l-Istat Membru kkonċernat. L-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna huma kkunsidrati biss bħala persuni interessati f’din il-proċedura. Minn dan isegwi li l-persuni interessati, bħalma hija, f’dan il-każ, in-NOS, mhux talli ma jistgħux jipprevalixxu ruħhom mid-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li kontrihom tinbeda proċedura, iżda talli għandhom biss id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva safejn ikun xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 137, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-Deċiżjoni ta’ ftuħ tista’ tillimita ruħha li tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, li tinkludi evalwazzjoni provviżorja tal-miżura tal-Istat inkwistjoni intiża sabiex tiddetermina jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna u li tesponi r-raġunijiet li joħolqu dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (ara s-sentenza TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 138, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38      Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta’ ftuħ għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, ikun biżżejjed li l-partijiet interessati jkun jafu r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tqis provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni (ara s-sentenza TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 139, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39      Fid-dawl tal-ġurisprudenza preċedenti u, għalhekk, fir-rigward tal-pożizzjoni differenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-persuni interessati għal dak li jirrigwarda d-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata tiddevja mid-Deċiżjoni ta’ ftuħ sal-punt li d-drittijiet tad-difiża tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u d-drittijiet iktar limitati li n-NOS tinvoka mill-kwalità tagħha ta’ persuna kkonċernata ġew miksura.

    40      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li l-Kummissjoni kellha teżamina b’mod iktar dettaljat is-sitwazzjoni finanzjarja individwali tax-xandara ta’ servizz pubbliku fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li mid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, u b’mod partikolari mit-titolu tagħha, jirriżulta li hija kellha bħala suġġett il-miżuri ad hoc li jirrigwardaw ix-xandara ta’ servizz pubbliku Olandiż u n-Nederlandse Omroepproduktie Bedrijf (kumpannija Olandiża ta’ produzzjoni għax-xandir, iktar ’il quddiem in-“NOB”).

    41      Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex, fl-istadju tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, informazzjoni preċiża dwar kumpens żejjed eventwali għal dak li jirrigwarda kull wieħed mix-xandara ta’ servizz pubbliku, iżda hija kienet tal-opinjoni li huma kienu kollha bbenefikaw minn kumpens żejjed, il-Kummissjoni ma kellhiex għażla oħra ħlief li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tivverifika d-dubji tagħha f’dan ir-rigward. L-investigazzjoni ta’ għajnuna eventwali mogħtija lis-sistema ta’ xandir pubbliku kienet timplika neċessarjament investigazzjoni individwali ta’ kull wieħed mix-xandara ta’ servizz pubbliku.

    42      Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma speċifikatx fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ li hija kienet ser tinvestiga individwalment is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull wieħed mix-xandara ta’ servizz pubbliku.

    43      In-NOS kienet taf ir-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida u kellha l-possibbiltà li tqajjem l-argumenti tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq.

    44      Għal dak li jirrigwarda r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, għandu jiġi kkunsidrat, fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza fil-qasam tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-Istati Membri, li d-drittijiet tad-difiża tiegħu ma ġewx miksura f’dan ir-rigward. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jallega r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, anki jekk il-kamp tal-investigazzjoni kien ġie estiż, huwa seta’ jirreaġixxi għall-għoti ta’ informazzjoni individwali u għat-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ din l-informazzjoni sal-2005. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni talbitu għal informazzjoni supplementari għal dak li jikkonċerna r-riżervi individwali tax-xandara varji permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2005. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi wieġeb b’ittra tat-3 ta’ Frar 2006, li kien fiha 18-il paġna ta’ osservazzjonijiet dettaljati dwar l-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2005. Din l-informazzjoni kienet is-suġġett ta’ diskussjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi, l-14 ta’ Frar 2006. Fl-ittra tagħhom tat-3 Frar 2006, dawn tal-aħħar iddikjaraw b’mod espliċitu li huma osservaw b’sodisfazzjoni li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkopri wkoll is-snin 2002 sa 2005 inklużi. Billi d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-22 ta’ Ġunju 2006, l-awtoritajiet Olandiżi kellhom il-possibbiltà jikkummentaw, u fil-fatt ikkummentaw, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

    45      Għaldaqstant, l-argument tal-partijiet f’dan ir-rigward ma huwiex fondat u l-ewwel ilment għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

    46      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li, fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens żejjed u ċ-ċifri kkunsidrati huma differenti minn dawk użati fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni illimitat ruħha li tikkonstata, fl-istadju tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, li s-somom disponibbli fil-Fonds Omroep Reserve (Fondi ta’ riżervi għax-xandir, iktar ’il quddiem il-“FOR”) u fir-riżervi ta’ programmi tax-xandara ta’ servizz pubbliku jikkostitwixxu indikazzjoni ta’ finanzjament żejjed tal-ispejjeż netti tal-funzjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku u li, abbażi taċ-ċifri aggregati stabbiliti fl-2001, ma ntużax ammont totali ta’ finanzjamenti ad hoc ta’ EUR 110 miljuni (premessa 105 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ).

    47      Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, abbażi taċ-ċifri individwali tax-xandara ta’ servizz pubbliku għall-perijodu mill-1994 sal-2005 li hija waslet għalihom matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kkonstatat żewġ elementi. Minn naħa, għal dak li jirrigwarda x-xandara ta’ servizz pubbliku, l-ammont individwali tar-riżervi tagħhom ma jeċċedix 10 % tal-baġit annwali tagħhom wara t-trasferiment ta’ parti tar-riżervi tagħhom lill-PO (premessi 146 sa 149 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-PO, l-ammont totali tal-għajnuna li huwa rċieva, fejn l-għajnuna ġdida u dik eżistenti ġew ikkunsidrati flimkien, u li poġġa fir-riżerva għall-perijodu mill-1994 sal-2005 jilħaq ammont ta’ EUR 98 365 miljun, li minnu biss l-ammont ta’ EUR 76 327 miljun għandu jiġi rkuprat fil-kuntest tal-proċedura ta’ għajnuna ġdida, fejn dan l-ammont joriġina mill-FOR għas-somma ta’ EUR 33 870 miljun u mit-trasferiment tar-riżervi tax-xandara ta’ servizz pubbliku fl-2005 għas-somma ta’ EUR 42 457 miljun (premessi 153 sa 154 tad-deċiżjoni kkontestata).

    48      Id-deċiżjoni kkontestata tiddevja għalhekk mid-Deċiżjoni ta’ ftuħ sa fejn il-Kummissjoni użat iċ-ċifri definittivi u individwali mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi għall-perijodu sal-2005, sa fejn ħadet inkunsiderazzjoni t-trasferiment ta’ riżervi tax-xandara ta’ servizz pubbliku lill-PO fl-2005 wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ u sa fejn hija ħadet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat biss l-ammonti li joriġinaw minn finanzjamenti li hija kienet tikkunsidra bħala għajnuna ġdida.

    49      Madankollu, dawn id-differenzi jirriżultaw minn informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni u minn operazzjoni li twettqet wara d-Deċiżjoni ta’ ftuħ u fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li tippermetti li l-kwistjonijiet imqajma fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ jiġu eżaminati f’iktar dettall u ċċarati. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx toħodhom inkunsiderazzjoni fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, iżda kellha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    50      Barra minn hekk, mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li, wara li ntemmet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-analiżi tal-Kummissjoni setgħet evolviet, peress li hija tista’ tiddeċiedi finalment li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna jew li d-dubji dwar l-inkompatibbiltà tagħha tneħħew. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni finali tista’ tiddevja mid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, mingħajr ma tiġi vvizzjata b’dan il-mod d-deċiżjoni finali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2009, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-424/05, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 69).

    51      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2005 u mill-Anness 1 tal-imsemmija ittra moqri flimkien mal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir li l-awtoritajiet Olandiżi kellhom il-possibbiltà għall-inqas minn dawn id-dati li jifmhu l-metodu li kien ser jiġi użat sabiex jiġi kkalkulat il-kumpens żejjed. Għalhekk, l-awtoritajiet Olandiżi setgħu jeżerċitaw effettivament id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    52      Bħala konsegwenza, it-tieni lment imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

    53      It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tan-NOS li jgħid li l-Kummissjoni kellha tillimita ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, li tinvestiga l-finanzjamenti ad hoc għall-perijodu mill-1992 sal-2002 li hija għażlet fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, għandu jiġi osservat, qabel xejn, li, fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat espressament li din tikkonċerna l-finanzjamenti ad hoc imwettqa mill-1994 u tkopri l-perijodu sal-2005. Hija osservat ukoll li, minn naħa, għalkemm id-Deċiżjoni ta’ ftuħ tinkludi l-proċedura mill-1992, kien biss mill-1994 li x-xandara ta’ servizz pubbliku rċevew l-ewwel ħlas ta’ finanzjamenti ad hoc (premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, hija kienet tiddisponi minn ċifri definittivi biss sas-sena 2005, li jiġġustifika l-fatt li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċifri mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-2006 (premessi 10 u 139 tad-deċiżjoni kkontestata).

    54      Issa, għandu jiġi osservat qabel xejn li, fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni indikat espressament li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet tirrigwarda l-perijodu li jibda mill-1992. Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ ftuħ ma kienx fiha limitazzjoni fiż-żmien għal dak li jirrigwarda t-tmiem tal-perijodu kkonċernat.

    55      Barra minn hekk, l-argument li jgħid li l-Kummissjoni għamlet biss, fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, konstatazzjonijiet dwar il-perijodu mill-1992 sal-2002 ma huwiex fondat, peress li jirriżulta mill-premessa 47 tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ li l-Kummissjoni kkunsidrat ċerti ċifri speċifiċi għall-perijodu mill-2001 sal-2006. Għall-finijiet ta’ kompletezza, tali argument huwa, barra minn hekk, inapplikabbli peress li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma eskludiet fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ li l-investigazzjoni tagħha tista’ tirrigwarda s-snin ta’ wara l-2002.

    56      Għalhekk, l-argument tan-NOS ibbażat fuq l-estensjoni tal-perijodu kkonċernat fid-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

    57      Ir-raba’ nett, għal dak li jikkonċerna l-argument tan-NOS li jgħid li hija ma kellhiex l-opportunità tesponi l-pożizzjoni tagħha lill-Kummissjoni matul laqgħa, għandu jiġi osservat, qabel xejn, li n-NOS issostni li l-Kummissjoni approvat it-trasferiment tar-riżervi ta’ xandara ta’ servizz pubbliku lill-PO “matul il-laqgħa tat-28 ta’ Ġunju 2005 bejn ir-rappreżentanti tan-NOS u [membri tal-Kummissjoni inkarigati bi kwistjonijiet] ta’ kompetizzjoni”. Għalhekk, in-NOS ipparteċipat fl-imsemmija laqgħa tat-28 ta’ Ġunju 2005 minbarra dik tal-14 ta’ Frar 2006 li madankollu hija tafferma li ma tikkostitwixxix proċedura kontradittorja. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, bħala persuna interessata, in-NOS ma tistax f’kull każ tipprevalixxi ruħha mid-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-Istat Membru kkonċernat (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq).

    58      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, in-NOS bagħtitilha ittra fil-21 ta’ April 2004, li fiha hija tafferma li qed tippreżenta fil-kwalità tagħha ta’ “parti interessata diretta”, u b’mod partikolari f’isem ix-xandara ta’ servizz pubbliku, l-osservazzjonijiet tagħha wara d-Deċiżjoni ta’ ftuħ. In-NOS ressqet ukoll, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2005, talba għal kjarifiki lill-Kummissjoni.

    59      Konsegwentement, minbarra l-fatt li n-NOS ġiet iċċitata fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, hija ġiet assoċjata mal-proċedura, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq.

    60      Fl-aħħar nett, ladarba n-NOS issostni li t-talba tagħha sabiex tingħata aċċess għall-fajl ġiet irrifjutata, huwa biżżejjed li jiġi osservat li hija ma pproduċiet ebda provi insostenn ta’ tali talba jew ta’ tali rifjut.

    61      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisret la l-Artikolu 88(2) KE u lanqas id-drittijiet tad-difiża tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u d-drittijiet iktar limitati li tinvoka n-NOS mill-kwalità tagħha ta’ parti interessata, b’tali mod li l-ewwel motiv tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u s-sitt motiv tan-NOS għandhom jiġu miċħuda.

     Fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna ġdida

    62      In-NOS tikkontesta b’diversi modi u fi varji motivi, li għandhom jingħaqdu flimkien għall-finijiet ta’ eżami, l-evalwazzjoni tal-finanzjamenti ad hoc fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, imwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-raba’ motiv tagħha, in-NOS tinvoka, fl-ewwel parti, il-klassifikazzjoni żbaljata tad-dħul tal-Coproductiefonds Binnenlandse Omroep (fondi ta’ koproduzzjoni, iktar ’il quddiem il-“CoBo”) bħala riżorsi tal-Istat, fit-tieni parti, in-nuqqas ta’ kwalità ta’ impriża tan-NOS fil-funzjonijiet tagħha bħala PO u, fit-tielet parti, in-nuqqas ta’ distorsjoni ta’ kompetizzjoni kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. Fit-tieni motiv tagħha, in-NOS tikkontesta l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tas-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, li tagħmel il-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami tal-vantaġġ ekonomiku tal-finanzjamenti ad hoc u ssostni wkoll nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

     Fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tad-dħul tal-CoBo mid-drittijiet tal-awtur bħala riżorsi tal-Istat

    –       L-argumenti tal-partijiet

    63      Skont in-NOS, il-ħlas tad-drittijiet tal-awtur mill-operaturi Belġjani u Ġermaniżi li jxandru bil-kejbil jikkostitwixxi sors ta’ finanzjament indipendenti mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku. In-NOS issostni li, fid-dritt Olandiż, il-parteċipazzjoni tax-xandir pubbliku fit-trażmissjoni bil-kejbil tal-programmi tiegħu lejn pajjiżi barranin hija kkunsidrata bħala attività konnessa. L-ammonti mħallsa huma evidentement fondi ta’ oriġini privata u mhux riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

    64      In-NOS tallega li s-somom imħallsa bħala drittijiet tal-awtur mill-operaturi barranin li jxandru bil-kejbil huma ddepożitati minnha fil-CoBo, li huwa amministrati mix-xandara pubbliċi. Il-fatt li l-awtoritajiet jissuġġettaw għal ċertu kundizzjonijiet l-użu ta’ dawn il-fondi ma jbiddel xejn fil-konfront tan-natura privata tal-oriġini tagħhom.

    65      Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment huma inapplikabbli, peress li l-PO ma rċieva ebda finanzjament mill-CoBo. Barra minn hekk, hija tikkontesta n-natura privata tal-fondi tal-CoBo.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    66      Billi n-NOS ippreċiżat matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, li t-talbiet tagħha għal annullament ma jirrigwardawx l-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel parti tar-raba’ motiv tagħha huwa inapplikabbli.

    67      Fil-fatt, in-NOS titlob l-annullament tal-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata, li jiddikjara l-għajnuna mill-Istat mogħtija lin-NOS fil-funzjonijiet tagħha bħala PO inkompatibbli mas-suq komuni u li jordna l-irkupru ta’ din l-għajnuna mingħandha. Issa, jirriżulta mill-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata u mit-tabella li tidher fil-premessa 152 tagħha li l-PO ma rċieva l-ebda ħlas mill-CoBo. Għalhekk, il-fondi tal-CoBo ma għandhomx jiġu kkunsidrati fl-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-PO u li l-irkupru tagħha hija mitluba.

    68      Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ motiv invokat min-NOS għandha tiġi miċħuda.

     Fuq in-nuqqas ta’ kwalità ta’ impriża tan-NOS fil-funzjonijiet tagħha bħala PO

    –       L-argumenti tal-partijiet

    69      Għalkemm tirrikonoxxi li hija għandha l-kwalità ta’ impriża fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha marbuta mal-programmi ta’ xandir, in-NOS issostni li hija ma tikkostitwixxix impriża fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE fil-kuntest tat-twettiq tal-attivitajiet tagħha bħala amministratur u koordinatur tas-sistema ta’ xandir pubbliku. Id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet toħroġ biċ-ċar mill-Artikolu 16 tal-Mediawet u mill-eżistenza ta’ kontabbiltà separata għal kull waħda minnhom.

    70      Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata sa fejn il-Kummissjoni naqset milli twettaq eżami suffiċjenti tal-fatti, ikkwalifikat b’mod żbaljat lin-NOS bħala impriża, interpretat b’mod żbaljat l-Artikoli 87 KE u 88 KE u mmotivat b’mod insuffiċjenti l-evalwazzjoni tagħha skont liema n-NOS ibbenefikat bħala impriża minn kumpens żejjed. Skont in-NOS, l-attivitajiet tagħha bħala amministratur u koordinatur tas-sistema ta’ xandir pubbliku ma humiex attivitajiet kummerċjali li jseħħu f’suq. F’dan ir-rigward, in-NOS tagħmel riferiment għad-deċiżjoni tal-awtorità Olandiża ta’ kompetizzjoni, tad-29 ta’ Settembru 2005, fil-Każ 5059/NOS­-NOB, li fiha l-imsemmija awtorità kkunsidrat li l-attivitajiet tan-NOS bħala xandara jikkostitwixxu attivitajiet kummerċjali, iżda li n-NOS ma kellhiex il-kwalità ta’ impriża fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ta’ importanza ġenerali li l-liġi tassenja lilha.

    71      In-NOS tosserva li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-istituzzjonijiet pubbliċi jew l-entitajiet marbuta magħhom jistgħu jkunu impriżi fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE sakemm huma jwettqu attivitajiet kummerċjali, iżda ma humiex impriżi fil-konfront tal-attivitajiet tagħhom marbuta mat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom assenjati lilhom mil-liġi.

    72      Għalhekk, in-NOS ma rċevietx l-ammont ta’ EUR 33.8 miljun fil-kwalità ta’ impriża, għaliex dawn il-ħlasijiet jikkonċernaw il-funzjonijiet li hija għandha twettaq skont il-Mediawet. In-NOS tista’ b’hekk tiġi kkunsidrata, f’dan ir-rigward, bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, iżda dan ma humiex biżżejjed madankollu sabiex tingħata l-kwalità ta’ impriża.

    73      Minħabba t-trasferiment tagħhom lill-PO, ir-riżervi kkostitwiti mix-xandara ta’ servizz pubbliku tilfu n-natura tagħhom ta’ għajnuna mill-Istat li tiffavorixxi impriża. In-NOS irċeviet dawn l-ammonti bħala amministratur tal-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u tista’ tiddisponi minnhom skont il-liġi.

    74      Barra minn hekk, in-NOS issostni li l-ebda wieħed mill-kompiti nnumerati mill-Kummissjoni fin-noti tagħha b’relazzjoni mal-attivitajiet tagħha ta’ amministrazzjoni u koordinazzjoni tas-sistema ta’ xandir pubbliku ma jimplika li hija għandha tiġi kkunsidrata bħala impriża li tipprovdi oġġetti jew servizzi f’suq. F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kellha teżamina liema kienu l-attivitajiet li minnhom hija kellha dħul, kif ukoll in-natura tagħhom.

    75      L-ewwel nett, fil-bejgħ tad-drittijiet fuq il-programmi lil operaturi barranin li jxandru bil-kejbil jew b’relazzjoni mad-distribuzzjoni permezz tas-satellita, in-NOS ma taġixxix bħala entità indipendenti, iżda hija tikkostitwixxi intermedjarju amministrattiv li tiddefendi l-interessi ta’ terzi li huma l-organizzazzjonijiet ta’ xandir ta’ servizz pubbliku.

    76      Sussegwentement, il-ġbir ta’ interessi, ta’ dħul mill-kiri kif ukoll ta’ dividendi huwa marbut mal-amministrazzjoni finanzjarja tan-NOS, bħal kull istituzzjoni pubblika oħra.

    77      Fl-aħħar nett, l-attivitajiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid tan-NOS ma humiex marbuta mal-attivitajiet tagħha ta’ amministrazzjoni u ta’ koordinazzjoni tax-xandir ta’ servizz pubbliku.

    78      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tan-NOS.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    79      B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Jannar 2005, Confédération nationale du Crédit mutuel vs Il-Kummissjoni, T-93/02, Ġabra p. II-143, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    80      Il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adegwata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u sentenza TV 2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 178).

    81      Skont it-titolu tagħha, id-deċiżjoni kkontestata tittratta dwar il-finanzjament ad hoc tax-xandara ta’ servizz pubbliku Olandiż, li l-kwalità tagħhom ta’ impriża ma hijiex ikkontestata. Fil-punt 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet b’mod dettaljat is-sistema sħiħa ta’ xandir pubbliku billi bdiet bil-parteċipanti tagħha. Hija inkludiet f’din id-deskrizzjoni n-NOS, kemm bħala NOS RTV u PO (ara punt 11 iktar ’il fuq).

    82      Il-Kummissjoni eżaminat is-sorsi ta’ finanzjament ta’ dawn il-parteċipanti, inklużi dawk tan-NOS fil-funzjoni doppja tagħha (premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata), u kkonstatat li huma jirċievu bħala prinċipju finanzjamenti annwali li joriġinaw mill-Istat, billi kienu awtorizzati jikkostitwixxu riżervi u billi kienu rċevew finanzjamenti ad hoc mill-1994 (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

    83      Fid-deskrizzjoni tagħha tal-finanzjamenti ad hoc, fil-punt 2.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Kummissjoni eżaminat il-finanzjamenti li joriġinaw mill-FOR (premessi 39 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata). Fih hija niżżlet il-fondi intiżi sabiex jiffinanzjaw ċerti inizjattivi tal-PO u li jippermettulu jsaħħaħ il-kwalità, itejjeb l-ipprogrammar u jagħmel investimenti fil-qasam tax-xandir pubbliku. Il-Kummissjoni ppreċiżat li, fl-2005, is-sistema ta’ xandir pubbliku rċeviet ammont ta’ EUR 191.2 miljun mill-FOR li minnhom EUR 157.4 miljun ġew ittrasferiti lix-xandara ta’ servizz pubbliku u EUR 33.8 miljun lill-PO (premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

    84      Sussegwentement, il-Kummissjoni evalwat, fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, dawn il-finanzjamenti ad hoc, inklużi dawk imħallsa mill-FOR lill-PO. Fil-fatt, l-ammont ta’ 191.2 miljun, imsemmi fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, jinkludi l-ammont ta’ 33.8 miljun imħallas lill-PO (ara l-punt 83 iktar ’il fuq).

    85      Il-Kummissjoni vverifikat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawn il-finanzjamenti li joriġinaw mill-FOR, l-eżistenza ta’ riżorsi mill-Istat (punt 6.1 tad-deċiżjoni kkontestata) u ta’ vantaġġ ekonomiku (punt 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, hija eżaminat il-kriterji ta’ distorsjoni ta’ kompetizzjoni (punt 6.3 tad-deċiżjoni kkontestata) u ta’ effett fuq l-iskambji bejn Stati Membri (punt 6.4 tad-deċiżjoni kkontestata), u dejjem fir-rigward tal-parteċipanti tas-sistema ta’ xandir pubbliku. Il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata, li għal dak li jirrigwarda l-finanzjamenti ad hoc teżisti għajnuna mill-Istat favur ix-xandara ta’ servizz pubbliku, inkluża n-NOS.

    86      Billi x-xandara ta’ servizz pubbliku huma, skont il-Kummissjoni u, barra minn hekk, skont l-awtoritajiet Olandiżi (ara, għal dak li jirrigwarda dawn tal-aħħar, il-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata), responsabbli għal missjoni ta’ servizz pubbliku, il-kompatibbiltà ta’ dawn il-finanzjamenti ad hoc fid-dawl tal-Artikolu 86(2) KE ġiet eżaminata sussegwentement fil-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata.

    87      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kumpens li rċevew varji xandara ta’ servizz pubbliku, il-Kummissjoni kkonstatat li erbatax fosthom ibbenefikaw minn kumpens żejjed matul il-perijodu mill-1994 sal-2005, li ġeneralment intuża sabiex jiġu kkostitwiti r-riżervi ta’ programmi (premessi 141 u 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

    88      F’dan il-kuntest u f’dan l-istadju tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni osservat li, fl-2005, parti minn dawn ir-riżervi ġew ittrasferiti lill-PO, liema fatt naqqas il-kumpens globali ta’ varji xandara ta’ servizz pubbliku filwaqt li saħħaħ il-kumpens eċċessiv tal-PO (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan huwa kkalkulat mill-Kummissjoni abbażi ta’ kontijiet separati tal-PO. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat li, anki jekk in-NOS RTV u l-PO jiffurmaw parti mill-istess entità ġuridika u jippreżentaw kontijiet ikkonsolidati, xorta waħda ma jkollhomx f’kull każ aċċess għall-fondi ta’ xulxin (premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata).

    89      Mit-tabella 4 fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-finanzjamenti ad hoc tal-PO li tagħhom qiegħed jintalab l-irkupru huma l-finanzjamenti li joriġinaw mill-FOR, meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat (ara l-punti 83 sa 85 iktar ’il fuq) u t-trasferiment ta’ riżervi (ara l-punt 87 iktar ’il fuq), inkluż ukoll fil-finanzjamenti ad hoc (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

    90      Kuntrarjament għal dak li tallega n-NOS, il-Kummissjoni għalhekk wettqet investigazzjoni suffiċjenti tal-fatti u mmotivat suffiċjentement skont il-liġi l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ finanzjamenti ad hoc li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur ix-xandara ta’ servizz pubbliku, u għalhekk in-NOS, u ta’ kumpens żejjed tal-funzjoni tagħha ta’ servizz pubbliku fil-konfront biss tan-NOS, fil-funzjonijiet tagħha ta’ PO, li għandhom għaldaqstant jiġu rkuprati minn għandha (Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata fil-verżjoni lingwistika li hija awtentijka).

    91      Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza tal-motivazzjoni, in-NOS ma għandhiex raġun meta ssostni li hija ma tikkostitwixxix impriża fil-funzjonijiet tagħha ta’ PO.

    92      Skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod kif tiġi ffinanzjata. F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza wkoll kostanti li kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I-6451, punti 74 u 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    93      Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-awtorità pubblika ma humiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C-364/92, Ġabra p. I-43, punt 30, u tas-26 ta’ Marzu 2009, Selex Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni u Eurocontrol, C-113/07 P, Ġabra p. I-2207, punt 70).

    94      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ukoll li l-fatt li entità tkun ġiet fdata b’ċerti inkarigi fl-interess pubbliku ma jistax jimpedixxi li l-attivitajiet inkwistjoni jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 21, u tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C-237/04, Ġabra p. I-2843, punt 34).

    95      Sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, l-attivitajiet tan-NOS humiex dawk ta’ impriża fis-sens tat-Trattat, għandha tiġi stabbilita n-natura ta’ dawn l-attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SAT Fluggesellschaft, punt 93 iktar ’il fuq, punt 19).

    96      Hekk kif diġà osservat il-Qorti Ġenerali fi-punti 11 u 81 iktar ’il fuq, in-NOS għandha qabel xejn rwol ta’ xandar pubbliku, li fir-rigward tiegħu ma huwiex ikkontestat li hija tikkostitwixxi impriża, anki jekk hija responsabbli għal missjoni ta’ servizz pubbliku.

    97      It-tieni rwol tan-NOS huwa mwettaq mill-bord tat-tmexxija tagħha, il-PO. Permezz ta’ dan, in-NOS hija responsabbli li tinkuraġġixxi l-kooperazzjoni bejn ix-xandara pubbliċi, li tikkoordina t-tliet stazzjonijiet tat-televiżjoni pubblika u li tagħti rapport darbtejn fis-sena lill-awtorità tal-media dwar l-attivitajiet tax-xandara pubbliċi (premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata u Artikolu 16 tal-Mediawet). Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika waqt is-seduta li l-PO ma għandux jiġi kkunsidrat bħala entità indipendenti mix-xandara pubbliċi. Il-PO jamministra u jikkoordina s-sistema sħiħa u, sabiex jiġi eżaminat il-metodu ta’ finanzjament, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sistema ta’ xandir pubbliku kollha kemm hi, li minnha jagħmel parti l-PO.

    98      Issa, l-ewwel nett, fl-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni ta’ koordinazzjoni u ta’ amministrazzjoni tax-xandara pubbliċi, in-NOS ma tistax tiġi kkunsidrata bħala awtorità pubblika li taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.

    99      Fil-fatt, minn naħa, tali attività ta’ koordinazzjoni u ta’ amministrazzjoni ma timplikax l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika. Mill-bqija, in-NOS ma pproduċiet ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li l-PO jeżerċita attivitajiet ta’ setgħa pubblika. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq, il-fatt biss li n-NOS ingħatat ċerti missjonijiet ta’ importanza ġenerali ma jistax iwaqqaf l-attivitajiet inkwistjoni milli jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi. In-NOS lanqas ma turi n-natura mhux ekonomika tal-funzjonijiet tagħha ta’ importanza ġenerali.

    100    Min-naħa l-oħra, din l-attività ta’ koordinazzjoni u ta’ amministrazzjoni mogħtija lin-NOS hija limitata għax-xandara pubbliċi u hija relatata mal-attività ekonomika tagħhom ta’ offerta u ta’ xandir ta’ programmi ta’ televiżjoni, minkejja l-fatt li diversi xandara kummerċjali joperaw fuq livell nazzjonali (premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

    101    Kif issostni l-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni eżerċitati min-NOS, permezz tal-intermedjarju PO, ma humiex differenti minn dawk eżerċitati minn impriża kummerċjali fir-rigward tal-istazzjonijiet kummerċjali tagħha. L-eżistenza ta’ diversi xandara pubbliċi tirrendi neċessarja koordinazzjoni fuq livell ċentrali. Għaldaqstant, in-NOS twettaq missjonijiet li, fin-nuqqas tagħha, ikollhom jitwettqu mill-impriżi kkonċernati stess jew li għall-inqas dawn tal-aħħar ikollhom jorganizzaw jew iħallsu.

    102    It-tieni nett, mit-tabella 4 fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-PO għandu wkoll dħul minn attivitajiet kummerċjali, li laħaq l-ammont totali sinjifikattiv ta’ EUR 133.7 miljun matul il-perijodu kkonċernat. Mill-ittra tal-24 ta’ Frar 2006 indirizzata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Olandiżi jirriżulta li l-PO jagħmel dħul, b’mod partikolari, mill-bejgħ ta’ drittijiet ta’ xandir lill-operaturi Belġjani u Ġermaniżi li jxandru bil-kejbil, mix-xandir bis-satellita, minn forom differenti ta’ promozzjoni kif ukoll mill-provvista ta’ servizzi lix-xandara jew lil terzi u li jirċievi interessi, kirjiet, dividendi u ħlasijiet ta’ amministrazzjoni.

    103    In-NOS ma tikkontestax l-eżistenza ta’ dan id-dħul, iżda tikkunsidra li hija taġixxi biss bħala intermedjarju amministrattiv, b’mod partikolari għall-bejgħ ta’ drittijiet fuq il-programmi lil operaturi Belġjani u Ġermaniżi li jxandru bil-kejbil. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-kwalità ta’ intermedjarju li biha n-NOS teżerċita din l-attività ta’ bejgħ ta’ drittijiet ma tistax ittellef lil din tal-aħħar in-natura ekonomika tagħha (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq). It-tieni nett, l-attività ta’ intermedjarju ta’ operaturi ekonomiċi tikkostitwixxi fiha nnifisha attività ekonomika.

    104    Fl-aħħar nett, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tan-NOS, fid-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ Settembru 2005 l-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni ma ddeċidietx dwar il-kwalità ta’ impriża tan-NOS fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha ta’ interess ġenerali. Wara li fakkret il-kwalità ta’ impriża li teżerċita attivitajiet ekonomiċi tan-NOS, hija kkunsidrat li ħlas li n-NOS tirċievi għall-attivitajiet tagħha ta’ xandir (NOS RTV) seta’ jiġi kkunsidrat bħala dħul mill-bejgħ.

    105    Konsegwentement, anki jekk tiġi kkunsidrata separatament, l-attività tan-NOS fil-funzjonijiet tagħha ta’ PO tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens tal- ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha raġun meta kkunsidrat in-NOS bħala impriża fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (Artikolu 87 KE), minkejja li teżerċita l-funzjoni doppja tagħha fil-kuntest ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku.

    106    Peress li l-ebda wieħed mill-argumenti mressaq min-NOS huwa fondat, it-tieni parti tar-raba’ motiv tagħha għandha tiġi miċħuda.

     Fuq in-nuqqas ta’ distorsjoni ta’ kompetizzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

    –       L-argumenti tal-partijiet

    107    In-NOS issostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-finanzjamenti ad hoc jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni hija mmotivata insuffiċjentement, parzjalment żbaljata u tmur kontra l-konstatazzjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

    108    L-ewwel nett, fir-rikors tagħha, in-NOS issostni, f’dan ir-rigward, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dejjem tasal għall-istess punt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tagħti x’tifhem b’mod żbaljat li, meta teżisti għajnuna mill-Istat, il-fatt li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni huwa stabbilit awtomatikament. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni naqset milli tindika, skont il-ġurisprudenza, il-mod kif il-miżuri inkwistjoni joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    109    Barra minn hekk, in-NOS issostni li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li f’dan il-każ kien hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-eżistenza ta’ kumpens żejjed ma tfissirx f’dan il-każ li l-ammonti żejda miġbura setgħu ntużaw għal finijiet oħra minn dik tat-twettiq tal-funzjoni tagħha ta’ servizz pubbliku u b’hekk ħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq l-oħra. Il-Kummissjoni kellha, konsegwentement, tistabbilixxi jekk, u sa fejn, kienx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq minħabba l-kostituzzjoni ta’ riżervi.

    110    Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li teżisti distorsjoni tal-kompetizzjoni tmur kontra d-dikjarazzjoni, fil-premessi 155 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li ma jeżistix aġir antikompetittiv fit-tlett iswieq rilevanti li fihom ix-xandara pubbliċi u x-xandara privati jikkompetu bejniethom.

    111    It-tieni nett, fir-replika tagħha, in-NOS issostni li, kif issemmi l-Kummissjoni fid-dokumenti tagħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk għajnuna hijiex eżistenti jew ġdida, il-bażi legali tal-miżura, il-modifiki eventwali tal-miżura u jekk dawn il-modifiki jbidlu l-miżura inizjali f’miżura ġdida. Issa, il-Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett dawn it-tliet kriterji.

    112    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tan-NOS. Barra minn hekk, hija tosserva li l-argument żviluppat min-NOS fir-replika tagħha ma għandha l-ebda relazzjoni mat-titolu tat-tielet parti tar-raba’ motiv u l-argument imressaq f’dan il-kuntest fir-rikors.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    113    B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li l-argument li n-NOS tiżviluppa fir-replika tagħha, fil-kuntest ta’ din it-tielet parti tar-raba’ motiv tagħha, jikkonċerna l-klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida, li hija s-suġġett tal-ewwel motiv tagħha, u ma jistax jiġi kkwalifikat bħala motiv awtonomu b’relazzjoni ma’ dan tal-aħħar. Dan l-argument ma għandu l-ebda relazzjoni ma’ dak espost fir-rikors tagħha u mat-titolu ta’ din il-parti. Għaldaqstant, l-eżami tal-imsemmija parti tar-raba’ motiv imressaq min-NOS għandu jiġi limitat għan-nuqqas allegat ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u għan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward u, għall-kumplament, għandu jsir riferiment għall-punti 159 sa 198 iktar ’il quddiem (ara, b’mod partikolari, il-punti 176 sa 180 iktar ’il quddiem għal dak li jirrigwarda d-distinzjoni bejn għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida u l-punti 182 sa 188 iktar ’il quddiem għal dak li jirrigwarda l-elementi li jikkaratterizzaw l-għajnuna ġdida f’dan il-każ).

    114    Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ motivazzjoni invokat, fid-deskrizzjoni dettaljata tas-sistema ta’ xandir pubbliku, il-Kummissjoni tesponi, fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minbarra x-xandara ta’ servizz pubbliku, joperaw diversi xandara kummerċjali fuq il-livell nazzjonali. Huma wara kollox dawn tal-aħħar li indirizzaw diversi lmenti lill-Kummissjoni, li fihom jallegaw li s-sistema ta’ finanzjament pubbliku għal xandara ta’ servizz pubbliku Olandiż tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali u inkumpatibbli skont l-Artikolu 87(1) KE (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

    115    Id-deċiżjoni kkontestata fiha punt 6.3 intitolat “Tfixkil tal-kompetizzjoni”, li l-unika premessa tiegħu tgħid li ġej:

    “Il-vantaġġ ipprovdut mill-finanzjament ad hoc, it-trasferimenti għall-CoBo u l-provvista ta’ faċilitajiet tekniċi b’xejn għax-xandara tas-servizz pubbliku Olandiż mhumiex disponibbli għal kwalunkwe impriża oħra f’sitwazzjoni komparabbli. Peress li l-kompetizzjoni tiġi mfixkla kull meta l-għajnuna ta’ l-istat issaħħaħ il-pożizzjoni komuni ta’ l-impriża benefiċjarja fil-konfront tal-kompetituri tagħha, il-vantaġġ jista’ jfixkel il-kompetizzjoni bejn il-PSB u l-impriżi l-oħrajn.”

    116    Fil-punt 6.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat sussegwentement l-effett tal-finanzjamenti ad hoc fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri. Wara li għamlet riferiment għall-ġurisprudenza applikabbli u għall-Komunikazzjoni dwar ix-xandir, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

    “Fil-każ in kwistjoni, ix-xandara pubbliċi Olandiżi huma nnifsihom attivi fis-suq internazzjonali: permezz ta’ l-Unjoni tax-Xandara Ewropej huma jiskambjaw programmi tat-televiżjoni u jipparteċipaw fis-sistema Ewroviżjoni. Barra minn hekk, il-programmi tagħhom huma mxandrin fil-Belġju u l-Ġermanja. Ukoll, ix-xandara pubbliċi Olandiżi qegħdin f’kompetizzjoni diretta ma’ xandara kummerċjali li huma attivi fis-suq ta-xandir internazzjonali u li għandhom struttura ta’ appartenenza internazzjonali.”

    117    Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega n-NOS, id-deċiżjoni kkontestata fiha fuq dan il-punt motivazzjoni li tippermetti lin-NOS tifhem ir-raġunament tal-Kummissjoni u tiżgura d-difiża tagħha kif ukoll lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 iktar ’il fuq). Huwa fil-konfront tal-kompetituri tagħha, jiġifieri x-xandara kummerċjali, li jeżisti, skont il-Kummissjoni, il-vantaġġ ta’ natura li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni mogħti mix-xandara ta’ servizz pubbliku, fosthom NOS, inkluż fil-funzjonijiet tagħha ta’ PO.

    118    Sa fejn in-NOS tikkontesta, barra minn hekk, il-fondatezza ta’ tali motivazzjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq), billi tinvoka n-nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 87(1) KE tipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat li twassal għal distorsjoni “jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni” billi tiffavorixxi ċerti impriżi. Ir-riskju jew it-theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni huwa biżżejjed. Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata turi l-effett reali tal-għajnuna mogħtija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C-346/03 u C-529/03, Ġabra p. I-1875, punt 74). F’dan il-każ, il-Kummissjoni għalhekk ma għandhiex turi li l-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni, jiġifieri x-xandara ta’ servizz pubbliku, inkluża n-NOS fil-funzjoni doppja tagħha, użaw il-fondi intiżi għal finijiet oħra b’distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    119    It-tieni nett, skont ġurisprudenza kostanti, l-għajnuna intiża sabiex teħles impriża mill-ispejjeż li hija kien ikollha normalment tħallas fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha bħala prinċipju jikkawżaw distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T-459/93, Ġabra p. II-1675, punti 48 u 77, u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 43, u tat-23 ta’ Novembru 2006, Ter Lembeek vs Il-Kummissjoni, T-217/02, Ġabra p. II-4483, punt 177).

    120    Issa, il-finanzjament mogħti lin-NOS, jew bħala PO jew bħala NOS RTV, teħlisha minn ċerti spejjeż tal-operat li normalment hija għandha tħallas, kif tesponi l-Kummissjoni fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li hija inkarigata b’funzjoni ta’ servizz pubbliku u teżerċita l-funzjonijiet tagħha skont id-dispożizzjonijiet li jirregolaw din il-funzjoni ma jistax fih innifsu jeskludi r-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-konfront tal-impriżi l-oħra, ħlief li jirrendi ineffettivi l-Artikoli 86 KE sa 88 KE, kif issostni l-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 86(2) KE, l-impriżi inkarigati b’funzjoni ta’ servizz pubbliku huma suġġetti għar-regoli tat-Trattat, b’mod partikolari għar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-funzjoni ta’ servizz pubbliku tista’ fil-fatt tkun is-suġġett ta’ kumpens żejjed mill-Istat Membru kkonċernat, li, meta jiġi stabbilit, jinvolvi fih innifsu riskju ta’ distorsjoni f’suq li, bħal dak tax-xandir, huwa miftuħ għall-kompetizzjoni.

    121    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li l-konstatazzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ aġir antikompetittiv, għandu jiġi enfasizzat li l-analiżi tal-effett fuq il-kompetizzjoni (punt 6.3 tad-deċiżjoni kkontestata) tinsab fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, l-aġir antikompetittiv tax-xandara ta’ servizz pubbliku huwa s-suġġett tal-punt 8.5 tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 86(2) KE.

    122    Issa, jidher biċ-ċar li l-ġurisprudenza tagħmel distinzjoni bejn il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat u dik tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni, T-354/05, Ġabra p. II-471, punt 134). Għalhekk, il-Kummissjoni kienet korretta li vverifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett jekk il-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 87(1) KE sabiex miżura tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat kinux sodisfatti f’dan il-każ, inkluża għalhekk il-kapaċità tagħha li twassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, u li eżaminat it-tieni nett jekk id-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE hijiex applikabbli f’dan il-każ. F’dan l-aħħar kuntest, u skont il-Protokoll ta’ Amsterdam, għandu jiġi vverifikat b’mod partikolari jekk ix-xandara ta’ servizz pubbliku għandhomx aġir antikompetittiv fis-swieq kummerċjali, li ma huwiex neċessarju għat-twettiq tal-funzjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku (ara, f’dan ir-rigward, punti 211 sa 218 iktar ’il quddiem).

    123    In-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ prattiki antikompetittivi ppreċiżati fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità ta’ dan il-kumpens ma jmurx għalhekk kontra l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87 KE, kif tesponi l-Kummissjoni fil-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata.

    124    Għaldaqstant, it-tielet parti tar-raba’ motiv invokat min-NOS għandha tiġi miċħuda.

     Fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tas-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, u l-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward

    –       L-argumenti tal-partijiet

    125    In-NOS issostni, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-finanzjamenti ad hoc jikkostitwixxu għajnuna ġdida hija bbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tas-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti.

    126    L-ewwel nett, in-NOS issostni li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li s-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, tapplika għal dan il-każ.

    127    Fil-fatt, is-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk għajnuna għandhiex jew le tiġi notifikata lill-Kummissjoni, iżda ma hijiex il-kuntest legali xieraq sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura tikkostitwixxix jew le għajnuna mill-Istat, li hija kwistjoni purament fattwali.

    128    Barra minn hekk, is-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, timponi qabel xejn kundizzjonijiet ta’ natura proċedurali. Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li tgħid li l-kumpens għall-ispejjeż ta’ servizz pubbliku għandu jiġi ddeterminat minn qabel permezz ta’ kriterji stabbiliti, xorta jista’ jseħħ li miżura li ma tissodisfax din il-kundizzjoni ma tikkostitwixxix b’hekk għajnuna mill-Istat jekk il-kumpens mogħti ma jeċċedix l-ispejjeż ta’ servizz pubbliku. Bl-istess mod, hekk kif jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 209/03 dwar elementi ta’ għajnuna Statali dwar bejgħ ta’ artijiet u bini ta’ awtoritajiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 143), il-kundizzjoni li l-bejgħ ikun sar permezz ta’ mekkaniżmu ta’ sejħa għal offerti hija biss ta’ natura purament proċedurali.

    129    Barra minn hekk, is-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, tirrigwarda sitwazzjonijiet li fihom operatur privat jassumi xi drabi obbligi ta’ servizz pubbliku, fejn dawn l-obbligi għandhom natura limitata u huma “mpoġġija mill-ġdid” fis-suq b’ċerta regolarità. Issa, f’dan il-każ, is-sistema Olandiża ta’ xandir ta’ servizz pubbliku hija differenti sa fejn tirrigwarda sistema ta’ finanzjament permanenti. Għalhekk, ma tistax tirrigwarda kwistjoni ta’ għoti ta’ kuntratt jew ta’ paragun ma’ operatur kummerċjali effikaċji.

    130    It-tieni nett, in-NOS issostni li huwa fid-dawl tal-Protokoll ta’ Amsterdam, li huwa sors tad-dritt primarju, li l-Kummissjoni kellha tevalwa, b’mod preliminari, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Skont l-imsemmi protokoll, għajnuna mill-Istat tista’ teżisti biss fil-preżenza ta’ kumpens żejjed li jaffettwa l-kompetizzjoni b’mod li jmur kontra l-interess Komintarju. Konsegwentement, il-finanzjamenti ad hoc li NOS irċeviet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat u b’hekk il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-Artikoli 87 KE u 88 KE.

    131    Għajnuna mill-Istat ma tistax teżisti fin-nuqqas ta’ vantaġġ, indipendentament mill-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet imposti mis-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, humiex jew le sodisfatti, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/CE, tat-28 ta’ Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 327M, p. 488).

    132    Fl-aħħar nett, in-NOS tenfasizza li l-Kummissjoni ma hijiex korretta meta tasal għall-konklużjoni, billi tirreferi għas-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, li l-provvista ta’ servizzi tekniċi min-NOB favur ix-xandara ta’ servizz pubbliku tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat filwaqt li n-NOB tibbenefika minn kumpens mogħti mill-Istat għall-imsemmija provvista ta’ servizzi, billi dan il-kumpens huwa sostnut minn mezzi li l-Istat ipoġġi għad-dispożizzjoni tan-NOS.

    133    It-tielet nett, in-NOS issostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement l-evalwazzjoni tagħha, fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-finanzjament li joriġinaw mill-FOR, mill-fondi addizzjonali u mill-CoBo ma humiex ibbażati fuq objettivi stabbiliti minn qabel u fuq kriterji trasparenti.

    134    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tan-NOS, billi tippreċiża li ma fehmitx is-suġġett tal-motiv mnħabba nuqqas ta’ ċarezza tal-argumenti mqajma.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    135    Qabel xejn, l-argument tan-NOS dwar il-provvista ta’ servizzi tekniċi min-NOB lix-xandara ta’ servizz pubbliku għandu jiġi miċħud bħala inapplikabbli. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx neċessarju li tinkludi din il-miżura fil-kalkoli tagħha. Għalhekk, hija ma ġietx ikkunsidrata fl-evalwazzjoni tal-kumpens żejjed għal dak li jirrigwarda x-xandara ta’ servizz pubbliku u ċertament lanqas fl-ammont tal-kumpens żejjed li ngħata lill-PO, li huwa l-uniku wieħed ikkonċernat bl-annullament mitlub.

    136    Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata rigward is-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tesponi, fil-premessa 93 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-finanzjamenti ad hoc jagħtu vantaġġ ekonomiku lix-xandara ta’ servizz pubbliku Olandiż, fis-sens li dawn il-miżuri jeħilsuhom mill-ispejjeż tal-operat li normalment iridu jsostnu.

    137    Sussegwentement, fil-punt 6.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Applikabilità tas-sentenza Altmark”, il-Kummissjoni twieġeb għall-argument tal-awtoritajiet Olandiżi u tax-xandara, li jgħid li l-finanzjamenti ad hoc jikkostitwixxu għalihom kumpens għall-ispejjeż netti li jsostnu sabiex iwettqu l-funzjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku. Fl-aħħar sentenza tal-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata hemm indikat li dan ifisser li l-finanzjamenti ad hoc ma jikkostitwixxux vantaġġ għax-xandara ta’ servizz pubbliku u lanqas għajnuna skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq.

    138    Il-Kummissjoni telenka umbagħad, fil-premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti skont is-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, sabiex il-miżuri tal-Istat li jikkumpensaw l-ispiża netta addizzjonali ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ) ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

    139    Fl-aħħar nett, fil-premessi 96 sa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħti l-motivazzjoni għall-konklużjoni tagħha, li tidher fil-premessa 99 tal-imsemmija deċiżjoni, li tgħid li l-aħħar tlieta ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti f’dan il-każ.

    140    L-ewwel nett, skont hi, it-trasferimenti ta’ fondi tal-FOR, fondi addizzjonali kif ukoll il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-CoBo ma humiex ibbażati fuq parametri oġġettivi u trasparenti stabbiliti minn qabel. It-tieni nett, il-miżuri ta’ finanzjamenti ad hoc u l-finanzjamenti li joriġinaw mill-CoBo ma jieħdux inkunsiderazzjoni d-dħul kollu tax-xandara ta’ servizz pubbliku li huwa rileventi u ma jinkludux il-garanziji neċessarji sabiex jiġi eskluż kumpens żejjed. Konsegwentement, il-finanzjament ad hoc wassal għal kumpens żejjed sinjifikattiv. It-tielet nett, ix-xandara pubbliċi Olandiżi ma ntgħażlux bħala prestatarji ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali abbażi tas-sejħa għal offerti. Barra minn hekk, ma saret ebda analiżi sabiex jiġi żgurat li l-livell ta’ kumpens ikun iddeterminat abbażi ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż li impriża medja, amministrata tajjeb u mgħamra b’mod adegwat f’mezzi ta’ produzzjoni sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti mitluba ta’ servizz pubbliku, tkun sostniet sabiex teżegwixxi l-obbligi tagħha.

    141    Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tan-NOS, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u b’mod partikolari fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u speċifikament tad-deskrizzjonijiet li fiha tal-varji finanzjamenti msemmija fil-premessi 35 sa 45 tagħha, il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ osservanza f’dan il-każ tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

    142    Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni esponiet b’mod suffiċjentement ċar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ter Lembeek vs Il-Kummissjoni, punt 119 iktar ’il fuq, punt 246).

    143    Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-argument imqajjem min-NOS fir-rikors li jgħid li l-kundizzjonijiet stabbiliti mis-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, huma intiżi esklużivament għall-qorti nazzjonali, dan ma huwa bbażat fuq ebda bażi legali u ma huwiex sostnut fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq.

    144    Fil-fatt, mill-punti 87 sa 94 tas-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-prinċipji stabbiliti fiha mill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom applikazzjoni ġenerali, anki jekk huma fformulati fil-kuntest ta’ domanda preliminari magħmula mill-qorti nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx il-prinċipju stabbilit mis-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, għal dak il-każ biss jew irriżervat l-applikazzjoni tiegħu għall-qorti nazzjonali u lanqas ma eskludiet l-applikazzjoni tiegħu għas-settur tax-xandir pubbliku.

    145    Fis-sentenza TF1 vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq (punt 130), il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li mill-kliem neqsin minn kull ambigwità tas-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-erba’ kundizzjonijiet li tistabbilixxi għandhom bħala għan uniku l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, u b’mod iktar preċiż id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

    146    Intervent tal-Istat li ma jissodisfax waħda jew iktar mill-imsemmija kundizzjonijiet għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza TF1 vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 129).

    147    Billi l-awtoritajiet Olandiżi u x-xandara ta’ servizz pubbliku ppreċiżaw f’dan il-każ li l-finanzjamenti ad hoc jikkostitwixxu għal dawn tal-aħħar kumpens għall-ispejjeż netti sostnuti sabiex jeżegwixxu l-funzjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku, il-Kummissjoni kienet korretta u ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta vverifikat, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-vantaġġ ekonomiku, jekk, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet stabbiliti mis-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, kinux sodisfatti.

    148    Għandu jiġi osservat ukoll li, għalkemm hija tikkontesta l-applikazzjoni f’dan il-każ tas-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, in-NOS ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-kundizzjonijiet tas-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, ma humiex sodisfatti. In-NOS ma tipproduċi l-ebda element ta’ natura li jikkontesta l-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fil-premessi 96 sa 98 tad-deċiżjoni kkontestata.

    149    Għal dak li jirrigwarda, it-tielet nett, il-Protokoll ta’ Amsterdam, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li dan ma jeskludix li l-finanzjament tas-servizz pubbliku ta’ xandir jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, huwa jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istat Membri li jiffinanzjaw is-servizz pubbliku sa fejn dan il-finanzjament jingħata lill-entitajiet pubbliċi ta’ xandir għall-finijiet tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku inkwistjoni, iddefinita u organizzata minn kull Stat Membru u sa fejn dan il-finanzjament ma jbiddilx il-kundizzjonijiet tal-iskambji u tal-kompetizzjoni fil-Komunità Ewropea b’mod li jkur kontra l-interess komuni, bil-kundizzjoni li t-twettiq tal-mandat ta’ servizz pubbliku jittieħed inkunsiderazzjoni. In-NOS ma tistax għalhekk issostni li l-Protokoll ta’ Amsterdam ma josservax ir-regoli tal-kompetizzjoni u jipprojbixxi lill-Kummissjoni li tivverifika jekk il-finanzjamenti ad hoc jagħtux vantaġġ ekonomiku lix-xandara ta’ servizz pubbliku Olandiż billi tibbaża ruħha fuq il-kriterji ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq.

    150    Minn naħa, il-Kummissjoni ma tikkontestax ir-rwol fundamentali tal-Protokoll ta’ Amsterdam fl-evalwazzjoni ta’ finanzjament mogħti lill-entitajiet ta’ xandir għall-finijiet tat-twettiq tal-funzjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku. Wara kollox, il-Kummissjoni tirreferi għalih fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, li jissemma fil-punt 8 tagħha, intitolat “Kumpatibilità ta’ l-għajnuna taħt l-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE”. Il-Kummissjoni wettqet dan l-eżami billi tibbaża ruħha wkoll fuq il-ġurisprudenza (premessi 113 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata) u fuq il-Komunikazzjoni dwar ix-xandir, li tagħmel riferiment b’mod partikolari għall-Protokoll ta’ Amsterdam. Għalhekk, ma jistax jingħad li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-imsemmi protokoll.

    151    Għal dak li jirrigwarda, ir-raba’ nett, id-Deċiżjoni 2005/842, hija lanqas ma hija favur l-argument li jgħid li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat f’dan il-każ is-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq.

    152    Fil-fatt, skont il-ħames premessa tad-Deċiżjoni 2005/824:

    “Meta jintlaqgħu dawn [l-erba’ kriterji tas-sentenza Altmark] l-kumpens ta’ servizz pubbliku ma jkunx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat ma japplikawx. Jekk l-Istati Membri ma jirrispettawx dawn il-kriterji, u jekk il-kriterji ġenerali għall-applikabbiltà tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat jintlaqgħu, il-kumpens ta’ servizz pubbliku jkun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u jkun suġġett għall-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat. Din id-Deċiżjoni għandha għalhekk tapplika biss għal kumpens ta’ servizz pubbliku meta din tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.”

    153    Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2005/842 jipprovdi li l-iskop tagħha huwa li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil ċerti impriżi inkarigati mit-tħaddim ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni u eżenti mill-obbligu ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

    154    Minn dan jirriżulta li d-Deċiżjoni 2005/842 bl-ebda mod ma tiddefinixxi hija stess il-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa l-kumpens għal servizz pubbliku, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-vantaġġ miġjub, sabiex tiġi evitata l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, izda tapplika min-naħa l-oħra għal miżuri kklassifikati diġà bħala għajnuna mill-Istat fejn għandu jiġi ddeterminat jekk dawn humiex kompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega n-NOS, id-Deċiżjoni 2005/842 tirreferi espressament għall-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, sabiex jiġi stabbilit, fl-istadju preċedenti, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’dan il-qasam.

    155    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet korretta meta, fid-deċiżjoni kkontestata, ivverifikat jekk il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, kienux sodisfatti sabiex jiġi stabbilit jekk il-finanzjamenti ad hoc jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u eżaminat sussegwentement, wara li kkonkludiet li teżisti għajnuna mill-Istat, il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TF1 vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 134 sa 147).

    156    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argument li n-NOS tidher li tixtieq tqajjem fir-replika tagħha mir-riferiment għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 209/03 dwar elementi ta’ għajnuna Statali dwar bejgħ ta’ artijiet u bini ta’ awtoritajiet pubbliċi, dan huma f’kull każ nieqes minn kull rilevanza. Fil-fatt, f’dan il-każ id-deċiżjoni kkontestata tkopri s-settur tax-xandir u mhux dak tal-bejgħ ta’ artijiet u ta’ bini. Għalhekk, l-analoġija invokata ma hijiex fondata.

    157    Billi l-ebda wieħed mill-argumenti tan-NOS insostenn tat-tieni motiv tagħha huwa fondat, dan għandu jiġi miċħud.

    158    Għalhekk, in-NOS ma stabbilixxietx in-natura żbaljata u mhux motivata tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-klassifikazzjoni tal-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna mill-Istat.

     Fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna ġdida u nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

     L-argumenti tal-partijiet

    159    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88 KE u r-Regolament Nru 659/1999 billi kklassifikat il-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna ġdida. Id-deċiżjoni kkontestata hija, barra minn hekk, insuffiċjentement motivata f’dan ir-rigward.

    160    Il-Kummissjoni għamlet distinzjoni żbaljata bejn il-finanzjamenti ad hoc u l-finanzjamenti annwali tal-Istat. Minn naħa, bħal dawn tal-aħħar, il-finanzjamenti ad hoc ma jikkorrispondux għal provvista awtomatika ta’ fondi. Dawn iż-żewġ tipi ta’ finanzjamenti jingħataw b’deċiżjoni speċjali tal-ministru inkarigat. Min-naħa l-oħra, kemm il-finanzjamenti ad hoc kif ukoll il-finanzjamenti annwali jingħataw għat-twettiq ta’ objettivi speċifiċi, pereżempju l-eżekuzzjoni ta’ kompiti mogħtija mill-Artikolu 13c tal-Mediawet lix-xandir ta’ servizz pubbliku.

    161    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-finanzjamenti ad hoc li jikkostitwixxu finanzjament addizzjonali, li joriġinaw mill-FOR u mill-CoBo, ir-rikorrenti jallegaw li dawn jifformaw parti mis-sistema ta’ finanzjament regolari tax-xandara tas-servizz pubbliku. Fil-fatt, il-finanzjamenti ad hoc għandhom l-istess sors bħall-finanzjamenti annwali regolari, jiġifieri l-baġit tal-media, stabbilit qabel l-1958, u huma suġġetti għall-istess regoli finanzjarji li l-prinċipji tagħhom ġew stabbiliti wara l-1958. Il-finanzjamenti ad hoc ma kinux is-suġġett ta’ tibdil sostanzjali peress li jkomplu joriġinaw mill-Algemene Omroep Reserve (riżerva għax-xandir, iktar ’il quddiem l-“AOR”).

    162    Ir-rikorrenti jinvokaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit (C-44/93, Ġabra p. I-3829). Minn din is-sentenza jirriżulta, skonthom, li t-twettiq ta’ attivitajiet ġodda minn impriża li tirċievi finanzjament taħt sistema eżistenti għandha xorta tiġi kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti u l-fatt li tingħata bażi legali ġdida lil finanzjament ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna ġdida. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-mod li bih il-fondi jsiru disponibbli ma huwiex deċiżiv sabiex għajnuna tiġi kklassifikata bħal għajnuna ġdida jew għajuna eżistenti.

    163    L-evalwazzjoni li tgħid li l-finanzjamenti ad hoc huma distinti mill-finanzjament annwali regolari minħabba l-fatt li huma bbażati fuq bażi legali differenti hija fattwalment mhux eżatta.

    164    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat bħala għajnuna ġdida l-miżura li tipprovdi għat-trasferiment ta’ parti tar-riżervi ta’ programmi tax-xandara ta’ servizz pubbliku favur il-PO. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jżid li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement din il-klassifikazzjoni.

    165    Skont ir-rikorrenti, dan it-trasferiment ta’ riżervi lill-PO huwa, fih innifsu, għajnuna eżistenti sa fejn dawn ir-riżervi joriġinaw mill-provvista ta’ fondi pubbliċi fil-kuntest tal-finanzjament annwali regolari. Il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-imsemmija riżervi joriġinaw mill-finanzjamenti ad hoc.

    166    Barra minn hekk, in-NOS tallega li t-trasferiment tar-riżervi inkwistjoni ġie approvat f’laqgħa tat-28 ta’ Ġunju 2005 bejn ir-rappreżentanti tagħha u l-membru tal-Kummissjoni inkarigat bi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni.

    167    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, sadanittant, li t-trasferiment tar-riżervi ta’ programmi lill-PO huwa konsegwenza tal-miżura utli proposta mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura dwar l-għajnuna eżistenti. Għaldaqstant, huwa inaċċettabbli li tali miżura ta’ għajnuna tista’ twassal għal miżura ġdida ta’ għajnuna li tagħha l-Kummissjoni tkun tista’ titlob sussegwentement il-ħlas lura.

    168    It-tielet nett, in-NOS tippretendi li l-provvista ta’ servizzi tekniċi lix-xandara ta’ servizz pubbliku min-NOS ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u li, f’kull każ, din ma hijiex għajnuna ġdida. Din il-provvista ta’ servizzi tekniċi min-NOS ma hijiex mingħajr ħlas.

    169    Il-Kummissjoni tenfasizza, qabel xejn, li biss il-kwistjoni dwar jekk il-finanzjamenti li joriġinaw mill-FOR u t-trasferiment ta’ riżervi ta’ programmi lill-PO jikkostitwixxux għajnuna ġdida hija rilevanti għall-kawża. Hija tikkontesta, sussegwentement, l-argument tar-rikorrenti insostenn tal-klassifikazzjoni tal-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna eżistenti.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    170    B’mod preliminari, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jiġi sostnut li l-finanzjamenti li joriġinaw mill-fondi addizzjonali u mill-CoBo ma jikkostitwixxux għajnuna ġdida għandhom jiġu ddikjarati inapplikabbli. Fil-fatt, jirriżulta mit-talbiet tagħhom (ara l-punti 18 u 20 iktar ’il fuq) u, għal dak li jirrigwarda n-NOS, mill-kjarifiki li hija tat f’dan ir-rigward fis-seduta (ara l-punt 66 iktar ’il fuq), li r-rikorrenti llimitaw s-suġġett tar-rikors tagħhom għall-annullament tal-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-argumenti dwar il-finanzjamenti li joriġinaw mill-fondi addizzjonali u mill-CoBo huma, għalhekk, mingħajr effett fuq l-eżitu tal-kawża li tittratta biss dwar il-finanzjamenti ad hoc li n-NOS irċeviet fil-funzjonijiet tagħha ta’ PO u li l-ħlas lura tagħhom hija mitluba, jiġifieri l-finanzjamenti li joriġinaw mill-FOR u t-trasferiment tar-riżervi tax-xandara ta’ servizz pubbliku (ara t-tabella 4 fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, premessi 154, 178 u 179 tad-deċiżjoni kkontestata u l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata). Għal dak li jirrigwarda n-natura ineffettiva tal-argument tar-rikorrenti dwar is-servizzi tekniċi mingħajr ħlas mogħtija min-NOB, għandu jsir riferiment għall-punt 135 iktar ’il fuq.

    171    Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida, il-Kummissjoni ddeskriviet, fil-punt 2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-varji sorsi ta’ finanzjament tax-xandara ta’ servizz pubbliku, fosthom il-finanzjamenti annwali u l-finanzjamenti ad hoc, inklużi dawk li joriġinaw mill-FOR. Fil-punt 2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tat dettalji tar-riżervi ta’ varji xandara u esponiet, fil-premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata li, fl-2005, il-PO kien iddeċieda li parti mir-riżervi ta’ programmi kienet ser tiġi ttrasferita lilu mix-xandara, li huma madankollu awtorizzati li jżommu parti għalihom. Il-Kummissjoni żżid li x-xandara pubbliċi kienu ttrasferew ammont ta’ EUR 42 457 milljun lill-PO.

    172    Il-klassifikazzjoni tal-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna mill-Istat hija s-suġġett tal-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 106 sa 111 tad-deċiżjoni kkontestata). Hemmhekk, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn il-finanzjamenti annwali mwettqa abbażi tal-Artikolu 110 tal-Mediawet, li jikkostitwixxu għajnuna eżistenti, u l-finanzjamenti ad hoc.

    173    Fil-premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet, bi spjegazzjoni dettaljata, ħames elementi li jiddistingwu l-finanzjamenti ad hoc mill-finanzjamenti annwali regolari u li jimmilitaw kontra l-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna eżistenti:

    –        il-bażi legali tal-finanzjamenti ad hoc ġiet stabbilita wara d-dħul fis-seħħ tat-
    Trattat KE, jiġifieri, għal dawk li huma rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża, fl-1998 għall-possibbiltà ta’ finanzjament mill-FOR lix-xandara;

    –        il-ħlasijiet twettqu mhux qabel l-1994, u dawk li joriġinaw mill-FOR mhux qabel l-1999;

    –        il-finanzjamenti ad hoc ma humiex finanzjamenti li għalihom għandhom dritt ix-xandara ta’ servizz pubbliku, billi l-ħlas tagħhom ma huwiex awtomatiku;

    –        il-modalitajiet ta’ trasferiment ġew iddefiniti fil-protokolli ta’ trasferiment stabbiliti fl-1999 u fl-2002;

    –        il-finanzjament huwa mogħti għal raġunijiet speċifiċi, b’mod partikolari sabiex jgħinu lix-xandara jipproduċu programmi aħjar, jassorbu l-varjazzjonijiet tad-dħul mir-reklamar, jagħmlu tajjeb għal żieda fil-prezzijiet ta’ drittijiet tal-isports u jinkoraġġixxu l-koproduzzjonijiet bejn ix-xandara Belġjani u Ġermaniżi.

    174    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kumpens li l-varji xandara ta’ servizz pubbliku rċevew (punt 8.4.1 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni esponiet li erbatax minn fosthom kienu bbenefikaw minn kumpens żejjed matul il-perijodu mill-1994 sal-2005 u li dawn kienu rċevew ammont ta’ 32 miljun ta’ benefiċċji li ġeneralment ġew ittrasferiti fir-riżervi ta’ programmi tagħhom. Fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet għal darb’oħra li l-kumpens żejjed kien ikkostitwixxa r-riżervi ta’ programmi u żżid li, fl-2005, ġie deċiż għall-ewwel darba li r-riżervi miżmuma mill-varji xandara li jeċċedu 5 sa 10 % tal-baġit annwali tagħhom kellhom jiġu trasferiti lill-PO. Hija żiedet li dan it-trasferiment kien ikkunsidrat ukoll bħala parti mill-finanzjamenti ad hoc u li ttieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-kumpens.

    175    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega n-NOS, id-deċiżjoni kkontestata fiha motivazzjoni dettaljata tal-klassifikazzjoni tal-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna ġdida, li, skont il-ġurisprudenza, turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li l-persuni interessati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura miħuda u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

    176    Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-iżball ta’ evalwazzjoni li wettqet il-Kummissjoni meta kklassifikat il-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna ġdida, mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna eżistenti tapplika għal kull għajnuna li teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE fl-Istat Membru kkonċernat u għal kull għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill u li kull bidla ta’ għajnuna eżistenti għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida.

    177    Skont dan it-test inekwivokabbli, ma hijiex “kull għajnuna eżistenti mibdula” li għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida, iżda hija biss il-bidla fiha nnifisha li tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida. Għalhekk, huwa biss fil-każ li l-bidla taffettwa s-sustanza stess tal-iskema inizjali li din l-iskema tinbidel għal skema ta’ għajnuna ġdida. Issa, ma tistax tkun kwistjoni ta’ tali bidla sostanzjali meta l-element ġdid jista’ jiġi sseparat b’mod ċar mill-iskema inizjali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T-195/01 u T-207/01, Ġabra p. II-2309, punti 109 u 111).

    178    Għalkemm l-Artikolu 88(3) KE jekwipara l-bidliet ta’ għajnuna eżistenti ma’ għajnuna ġdida, dan isir bl-għan li jiġi evitat li l-Istati jkunu jistgħu jevitaw l-obbligu li jinnotifikaw lil dawn tal-aħħar billi jaslu għall-istess riżultat permezz ta’ estensjoni tal-iskop ta’ skema li daħlet diġà fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1984, Heineken Brouwerijen, 91/83 u 127/83, Ġabra p. 3435, punt 17).

    179    F’dan il-każ, huwa paċifiku li biss il-finanzjamenti ad hoc, inkluż it-trasferiment ta’ riżervi lill-PO fl-2005, huma kklassifikati bħala għajnuna ġdida fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 111 u 146 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tesponi fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata li l-finanzjamenti annwali u l-fondi ta’ promozzjoni (Stifo) huma eżaminati fi proċedura distinta dwar l-għajnuna eżistenti. L-iskema inizjali ta’ għajnuna eżistenti ma hijiex għalhekk ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata.

    180    Huwa b’riferiment għad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxuha, għall-modalitajiet tagħhom u għal-limiti tagħhom li għajnuna tista’ tiġi kklassifikata bħala ġdida jew bħala bidla tal-iskema eżistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Namur-Les assurances du crédit, punt 162 iktar ’il fuq, punt 28).

    181    In-NOS tinvoka preċiżament il-ġurisprudenza li segwiet is-sentenza Namur-Les assurances du crédit, punt 162 iktar ’il fuq, sabiex tallega li, għalkemm jistgħu jkunu fondati, l-ebda wieħed mill-elementi msemmija mill-Kummissjoni fil-premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 173 iktar ’il fuq) ma huwa deċiżiv.

    182    Huwa minnu li ċerti elementi tal-finanzjamenti ad hoc huma simili, f’ċerti aspetti, għal mekkaniżmi li eżistew fil-passat jew għal dawk ta’ ċerti finanzjamenti annwali. Madankollu, jibqa’ l-fatt li, ikkunsidrati flimkien, l-elementi li jikkaratterizzaw il-finanzjamenti ad hoc jistabbilixxu n-natura tagħhom ta’ għajnuna ġdida li tista’ tiġi sseparata mill-iskema adottata fl-1958. Dan jeskludi l-konnessjoni tagħhom ma’ għajnuna eżistenti, billi l-kuntest ta’ dan il-każ jista’ jiġi mqabbel biss ma dak tal-kawża li waslet għas-sentenza Namur-Les assurances du crédit, punt 162 iktar ’il fuq.

    183    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda element ta’ natura li jikkontesta d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li l-bażi legali tal-finanzjamenti ad hoc ġiet stabbilita wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u li l-ħlasijiet, ta’ natura mhux regolari u awtomatika, iżda li min-naħa l-oħra jindirizzaw bżonnijiet preċiżi, ma bdewx isiru qabel l-1999 għal dak li jirrigwarda dan il-każ.

    184    Għal dak li jikkonċerna l-FOR, għalkemm huwa veru li r-rikorrenti jippretendu li dawn il-finanzjamenti jibqgħu jaqgħu taħt il-baġit ġenerali tal-media, huma ma jikkontestawx li kien biss fl-1997 li l-FOR ġew maħluqa. L-Artikoli 106a u 170c tal-Mediawet, li jirrigwardaw l-FOR, daħlu fis-seħħ fl-1998. Għalkemm abbozz ta’ liġi kien ippreveda l-ħolqien tal-FOR fl-1953, jibqa’ l-fatt li dan l-abbozz ta’ liġi ma ġiex adottat.

    185    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, li jgħidu li ħlasijiet simili għal dawk li saru fuq din il-bażi kienu diġà saru taħt l-AOR għal diversi snin, għandu jiġi kkonstatat li huma bl-ebda mod ma jistabbilixxu n-natura żbaljata tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, fit-tieni inċiż tal-premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li b’mod partikolari l-ħlasijiet mill-FOR bdew fl-1999 u lanqas ta’ dik, fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li t-trasferiment f’ċerti kundizzjonijiet lill-PO ta’ parti mir-riżervi miżmuma mix-xandara ġie deċiż fl-2005.

    186    Iktar preċiżament għal dak li jirrigwarda t-trasferiment ta’ riżervi żejda għal ammont ta’ EUR 42 457 miljun lill-PO, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkunsidrat li kienet għajnuna ġdida lill-PO, deċiża għall-ewwel darba fl-2005 u bbażata fuq l-Artikolu 109a tal-Mediawet, li tobbliga lix-xandara ta’ servizz pubbliku li r-riżervi tagħhom jeċċedu limitu massimu stabbilit iħallsu lura d-differenza lill-PO, u mhux finanzjament annwali fis-sens tal-Artikoli 101 u 110 tal-Mediawet.

    187    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan it-trasferiment ta’ riżervi tax-xandara ta’ servizz pubbliku sar effettivament għall-ewwel darba fl-2005, wara d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Olandiżi li jawtorizzaw lil kull xandar ta’ servizz pubbliku jikkostitwixxi riżerva tiegħu li tammonta għal mhux iktar minn 5 sa 10 % tal-baġit annwali tiegħu. Dan it-trasferiment jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 109a tal-Mediawet, li ġie integrat f’din il-leġiżlazzjoni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat. Għalhekk, dan it-trasferiment ma huwa bl-ebda mod parti tal-finanzjament annwali fis-sens tal-Artikoli 101 u 110 tal-Mediawet li jirregolaw l-għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, mill-anness mal-ittra tal-awtoritajiet Olandiżi tal-1 ta’ Settembru 2005 jirriżulta li l-bżonn li jsir dan it-trasferiment ġie mill-fatt li l-baġit ordinarju ma kienx suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet fil-qasam tal-ipprogrammar tas-sistemi ta’ sostenn prinċipali, b’mod li dan it-trasferiment jindirizza wkoll bżonnijiet preċiżi (ara wkoll il-punti 182 u 183 iktar ’il fuq). Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999 u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 177 u 180 iktar ’il fuq, dan it-trasferiment, li naqqas il-kumpens globali li minnu jibbenefikaw il-varji xandara ta’ servizz pubbliku filwaqt li ssaħħaħ il-kumpens żejjed mogħti lill-PO, għandu għalhekk jiġi kklassifikat bħala għajnuna eżistenti lill-PO, li tiżdied mal-għajnuna eżistenti li huwa diġà jirċievi. Fin-nuqqas ta’ tali klassifikazzjoni, kif jista’ jiġi rrilevat f’dan il-każ, ikun biżżejjed għal Stat Membru li jagħmel tali trasferimenti jeżenta lilu nnifsu għall-inqas fir-rigward ta’ parti minn obbligu ta’ ħlas lura stabbilit.

    188    Għaldaqstant, sa fejn, mingħajr ma tiġi kkontestata l-eżistenza, f’dan il-kuntest, ta’ għajnuna mill-Istat lill-PO, ir-rikorrenti jinvokaw il-preżenza eventwali ta’ parti ta’ għajnuna eżistenti fir-riżervi tax-xandara ta’ servizz pubbliku fl-istadju preċedenti, l-argumenti tagħhom ma humiex applikabbli (ara wkoll il-punt 239 iktar ’il quddiem). Fil-fatt, anki jekk jiġi presuppost li dan l-element iseħħ, l-għajnuna sħiħa mħallsa lill-PO xorta tibqa’ ġdida.

    189    F’kull każ, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda element preċiż, b’ċifri jew le, insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom tal-preżenza ta’ parti ta’ għajnuna eżistenti fir-riżervi tax-xandara ta’ servizz pubbliku.

    190    Il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata, li erbatax-il xandar ta’ servizz pubbliku bbenefikaw minn kumpens żejjed li laħaq ammont ta’ 32 miljun ta’ benefiċċji, li ġeneralment ġew ittrasferiti fir-riżervi ta’ programmi tagħhom. Il-Kummissjoni tallega, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li l-kumpens żejjed li minnu bbenefika kull xandar ġie kkalkulat skont l-istess metodu bħal dak spjegat fid-deċiżjoni kkontestata fil-konfront tan-NOS fil-funzjonijiet tagħha ta’ PO. F’dan ir-rigward, mill-ittra indirizzata mill-Kummissjoni, fit-22 ta’ Diċembru 2005, lill-awtoritajiet Olandiżi, u b’mod partikolari mit-tabella fl-Anness I, jirriżulta li l-Kummissjoni talbithom effettivament sabiex jipprovdu l-ispejjeż u d-dħul għal kull xandar għall-perijodu mill-1994 sal-2005 billi jiġu identifikati l-ispejjeż netti tal-attivitajiet ta’ servizz pubbliku, il-finanzjamenti annwali ordinarji, ammonti żejda jew it-telf eventwali, u, separatament, id-diversi finanzjamenti ad hoc, sabiex tkun tista’ tikkalkula finalment il-kumpens żejjed eventwali. Bħal fil-każ tal-PO, il-Kummissjoni setgħet b’hekk tikkalkula, permezz taċ-ċifri mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi fit-3 ta’ Frar 2006, il-kumpens żejjed li minnu bbenefikaw il-varji xandara ta’ servizz pubbliku bis-saħħa tal-finanzjamenti ad hoc u li kkostitwixxa r-riżervi ta’ programmi tagħhom. Issa, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jiddikjaraw b’mod ġenerali ħafna, u billi jallegaw in-nuqqas totali ta’ għajnuna ġdida, li t-talba għal l-ħlas lura tkopri parti mill-ammonti mħallsa taħt għajnuna eżistenti, liema fatt ma jibbastax sabiex jiġi stabbilit l-argument tagħhom.

    191    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, għalkemm, fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni evalwat il-kumpens żejjed mogħti lill-PO għall-perijodu bejn l-1994 sal-2005 għal ammont ta’ EUR 98 365 miljun u kkunsidratu bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, hija llimitat l-irkupru għal ammont ta’ EUR 76 327 miljun li jikkorrispondi biss għall-finanzjamenti ad hoc, “li ma ġewx riċevuti fil-kuntest tal-‘miżuri ta’ għajnuna eżistenti’”.

    192    Jidher b’mod ċar li dan ma huwiex żball ta’ kalkolu, kif tgħid in-NOS. Minflok, dan jindirizza tħassib espress min-NOS, jiġifieri li l-kumpens żejjed li jirriżulta mill-għajnuna eżistenti ma jiġix inkorporat fis-somma li għandha tiġi rkuprata. Il-Kummissjoni kellha l-għan preċiż li tillimita l-irkupru tal-għajnuna ġdida rrappreżentata mill-finanzjamenti ad hoc, jiġifieri l-ħlasijiet mill-FOR u t-trasferiment fl-2005 lill-PO tal-ammont ta’ EUR 42 457 miljun mir-riżervi tax-xandara. Fil-fatt, mit-tabella 4 fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ammont, sal-ikbar eqreb numru sħiħ, ta’ EUR 98.4 miljun jinkludi, minbarra EUR 76.3 miljun ta’ finanzjamenti ad hoc, kumpens żejjed ta’ ammont ta’ EUR 20.7 miljun mogħti lill-PO u li rriżulta mid-differenza bejn il-finanzjamenti annwali tiegħu u l-bżonnijiet tiegħu fir-rigward tal-finanzjament pubbliku. Dan il-kumpens żejjed ma huwiex kopert mill-obbligu ta’ rkupru stabbilit mid-deċiżjoni kkontestata.

    193    Barra minn hekk, sakemm ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li t-trasferiment tar-riżervi tax-xandara ta’ servizz pubbliku lill-PO jikkostitwixxi implementazzjoni ta’ talba tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura dwar l-għajnuna eżistenti, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    194    Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jipproduċi ebda prova f’dan ir-rigward.

    195    It-tieni nett, kif issemma iktar ’il fuq (ara l-punt 187), mill-anness mal-ittra tal-awtoritajiet Olandiżi lill-Kummissjoni tal-1 ta’ Settembru 2005 jirriżulta li l-miżura ta’ trasferiment tal-imsemmija riżervi hija ġġustifikata mill-fatt li l-baġit normali għat-tagħlim, għall-kultura u għax-xjenzi kien insuffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet fil-qasam tal-ipprogrammar tas-sistemi ta’ sostenn prinċipali. Din il-motivazzjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mal-proċedura dwar l-għajnuna eżistenti.

    196    It-tielet nett, il-PO ma jikkostitwixxix awtorità tal-Istat b’mod li t-trasferiment tal-imsemmija riżervi favur tiegħu ma huwiex ekwivalenti għal irkupru mill-Istat ta’ dawn l-ammonti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija korretta li tikkontesta f’kull każ li l-imsemmi trasferiment jista’ jissodisfa t-talba tagħha fil-kuntest tal-proċedura dwar l-għajnuna eżistenti. F’dan ir-rigward, jekk dan huwa minnu, l-eventwali reazzjoni pożittiva tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat bi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni fir-rigward tat-trasferiment futur tal-imsemmija riżervi waqt il-laqgħa – informali skont il-Kummissjoni – tat-28 ta’ Ġunju 2005 man-NOS setgħet tikkonċerna trasferiment ta’ dawn lill-Istat Olandiż. In-NOS ma tistabbilixxix l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ tali trasferiment lill-PO.

    197    Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li l-awtoritajiet Olandiżi setgħu indikaw li l-għan tagħhom kien li jittrasferixxu r-riżervi żejda lill-AOR, li hija riżerva li tappartjeni lill-Istat u li hija parti mill-baġit tal-media, min-nota ta’ qiegħ il-paġna 62 fil-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-awtoritajiet Olandiżi obbligaw ruħhom, permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Mejju 2006, li jintroduċu din ir-regola fil-liġi dwar il-finanzi tal-2006, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tagħha sal-adozzjoni tal-Mediawet tal-2007. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma pproduċa ebda element ta’ natura li juri li din ir-regola kienet diġà applikabbli fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    198    Għaldaqstant, it-tieni motiv tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-ewwel motiv tan-NOS, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna ġdida għandhom jiġu miċħuda.

     Fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 86(2) KE u l-iżbalji mwettqa fil-kalkolu tal-kumpens żejjed allegat, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

    199    It-tielet motiv imqajjem sussidjarjament mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat dwar l-eżistenza ta’ kumpens żejjed filwaqt li ma kkonstatat ebda distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni. Fit-tieni parti, isostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni u naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi ma pprovatx tistabbilixxi jekk parti tal-għajnujna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, għal ammont ta’ EUR 33 870 miljun, setgħetx effettivament isservi sabiex jingħata kumpens żejjed lill-PO. Fit-tielet parti, huwa jsostni li l-Kummissjoni kellha tapplika fir-rigward tal-ammont ittrasferit lill-PO il-marġni ta’ tolleranza ta’ 10 % li hija applikat fir-rigward tax-xandara ta’ servizz pubbliku.

    200    Fit-tielet motiv tagħha, in-NOS issotni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li teżisti rabta bejn il-finanzjamenti ad hoc u l-kumpens żejjed li tiegħu ordnat l-irkurpu. Il-Kummissjoni mmotivat ukoll insuffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward u interpretat ħażin l-Artikoli 86 KE sa 88 KE. Fil-ħames motiv tagħha, in-NOS tallega li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 86(2) KE u ma mmotivatx sufiċjentement id-deċiżjoni kkontestata billi ma eżaminatx, fil-kuntest tal-kontroll tal-proporzjonalità, ir-relazzjoni bejn l-eżistenza allegata ta’ kumpens żejjed u n-nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    201    Għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, il-ksur tal-Artikoli 86(2) KE dwar l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità, it-tieni nett, in-nuqqas ta’ rabta bejn il-finanzjamenti ad hoc u l-kumpens żejjed allegat kif ukoll l-ispejjeż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tiegħu, it-tielet nett, il-kunsiderazzjoni żbaljata tal-ammonti li joriġinaw mill-FOR fil-kalkolu tal-kumpens żejjed mogħti lill-PO u, ir-raba’ nett, in-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat relatat mat-trasferiment ta’ riżervi ta’ programmi, tal-marġni ta’ tolleranza ta’ 10 % awtorizzat mill-Kummissjoni.

     Fuq il-ksur tal-Artikolu 86(2) KE dwar l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità

    –       L-argumenti tal-partijiet

    202    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret Artikolu 86(2) KE u l-Artikolu 87(1) KE billi waslet għall-konklużjoni, b’mod kontradittorju, li kien hemm nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità filwaqt li hija ma identifikat ebda prattika antikompetittiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx korretta meta ordnat l-irkupru tal-ammonti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata fin-nuqqas ta’ kwalsiasi distorsjoni ta’ kompetizzjoni. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-paragrafu 58 tal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir. Huwa jippreċiża, fl-aħħar nett, li huwa ma jippretendix li l-Kummissjoni tipproduċi prova speċifika ta’ aġir antikompetittiv, iżda li huwa nnota li hija stess ikkostatat li l-miżuri eżaminati ma waslux għal aġir antikompetittiv.

    203    In-NOS tallega, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 86(2) KE u ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata billi ma eżaminatx, fil-kuntest tal-kontroll tagħha tal-proporzjonalità, ir-relazzjoni bejn l-eżistenza allegata ta’ kumpens żejjed u n-nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, in-NOS tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dan il-motiv huwa identiku għat-tielet parti tar-raba’ motiv tagħha. Fil-fatt, in-NOS issostni li, filwaqt li, fil-kuntest tat-tielet parti tar-raba’ motiv tagħha, hija tinvoka n-nuqqas, f’dan il-każ, ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li hija kundizzjoni neċessarja sabiex miżura tiġi kklassifikata bħal għajnuna, hija ssostni, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li l-Kummissjoni kellha teżamina l-fatt li ma teżistix distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-fatt li n-NOS hija inkarigata b’missjoni ta’ servizz pubbliku.

    204    Minn naħa, skont in-NOS, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dewmien fl-użu tal-finanjamenti li rċeviet, għal ċerti perijodi, huwa ġġustifikat min-natura limitata tar-reġjun fejn huwa mitkellem l-Olandiż.

    205    F’dan ir-rigward, in-NOS tikkontesta li rċeviet għall-perijodu kkunsidrat finanzjamenti superjuri għall-ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku. Hija ssostni li jiġri ta’ spiss li l-produzzjonijiet televiżivi mitluba ma humiex disponibbli u jintwerew biss is-sena ta’ wara. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li hija tieħu inkunsiderazzjoni dan il-fattur fir-regola tal-10 % tal-baġit annwali tagħhom li x-xandara ta’ servizz pubbliku jistgħu jżommu f’riżerva ma hijiex konvinċenti, għaliex hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ. Fost dawn iċ-ċirkustanzi, in-NOS issostni li n-natura limitata tar-reġjun fejn huwa mitkellem l-Olandiż tikkostitwixxi ħafna drabi restrizzjoni sinjifikattiva biex jinsabu, f’terminu qasir, produtturi jew atturi tajbin u dan jimplika dewmien.

    206    Min-naħa l-oħra, in-NOS tallega li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzoni l-fatt li l-kumpens żejjed ser jisparixxi fil-futur qarib. B’mod partikolari, ir-riżervi ttrasferiti mix-xandara ta’ servizz pubbliku lill-PO għandhom ikunu tal-2006 jew użati kompletament mhux iktar tard sal-2007.

    207    Fl-aħħar nett, in-NOS tikkunsidra li l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li hija għandha l-obbligu tadotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-elementi eżistenti f’din id-data ma hijiex fondata sa fejn, f’dan il-każ, ir-riżervi kollha kkostitwiti mill-varji xandara matul is-sena 2006, b’qabża fl-2007, ġew użati kompletament għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku.

    208    It-tieni nett, in-NOS issostni li l-Kummissjoni kisret, fil-premessi 116 sa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 86(2) KE sa fejn ma huwiex il-kompitu tagħha li tiddetermina l-kontenut tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku u lanqas li tivverifika l-eżistenza ta’ żbalji manifesti fid-deskrizzjoni mogħtija ta’ din il-funzjoni mid-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, in-NOS tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li x-xandir ta’ programmi sportivi għandu jkun limitat għal 10 % tat-total tal-programmi mxandra.

    209    It-tielet nett, in-NOS tikkontesta l-konklużjoni li tinsab fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk din l-għajnuna hijiex iġġustifikata fir-rigward tal-Artikolu 87(2) u (3) KE fid-dawl tan-natura limitata tar-reġjun fejn huwa mitkellem l-Olandiż.

    210    Il-Kummissjoni tikkontestat l-argument tar-rikorrenti.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    211    B’mod preliminari, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti jinvokaw in-nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE peress li, wara l-eżami tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna fir-rigward tal-Artikolu 86(2) KE (punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata), u b’mod iktar preċiż tal-proporzjonalità tal-għajnuna, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proċedura inkwistjoni ma kinitx tat lok li jiġu identifikati prattiki antikompetittivi, għandu jsir riferiment għall-punti 114 sa 124 iktar ’il fuq. Minn dawn jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod korrett u motivat l-eżistenza ta’ riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat ma tmurx kontra l-fatt li l-Kummissjoni ma identifikatx prattiki antikompetittivi preċiżi fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-kumpens (ara l-punti 121 sa 124 iktar ’il fuq).

    212    Għal dak li jirrigwarda t-tfittxija għall-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-kumpens, il-Kummissjoni tesponi, fil-premessi 124 sa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, billi tagħmel riferiment għall-Komunikazzjoni dwar ix-xandir, li l-kwistjoni tirrigwarda t-tieni element tal-evalwazzjoni doppja tal-proporzjonalità li hija għandha twettaq.

    213    F’dan ir-rigward, b’mod partikolari mill-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta dan li ġej:

    “Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha tinvestiga kwalunkwe informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha billi tissuġġerixxi li x-xandara pubbliċi fixklu l-kompetizzjoni fis-swieq kummerċjali aktar milli meħtieġ għat-twettiq tas-servizz pubbliku. Per eżempju, xandar tas-servizz pubbliku, sakemm dħul iktar baxx ikun kopert mill-għajnuna ta’ l-Istat, jista’ jkollu t-tentazzjoni li jnaqqas il-prezzijiet tar-reklamar jew ta’ attivitajiet oħrajn tas-servizz mhux pubbliku fis-suq, sabiex inaqqas id-dħul tal-kompetituri. Tali prattika teħtieġ finanzjament ta’ l-istat addizzjonali biex jikkumpensa għad-dħul mitluf minn attivitajiet kummerċjali u għalhekk ikun jindika l-preżenza ta’ kumpens żejjed ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku.”

    214    Wara li eżaminat l-ewwel kriterju tal-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità f’dan il-kuntest preċiż, jiġifieri l-livell tal-kumpens mogħti b’relazzjoni mal-ispiża netta tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku u l-konstatazzjoni ta’ kumpens żejjed mogħti lill-PO (premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kompliet għalhekk billi teżamina l-aġir antikompetittiv tax-xandara ta’ servizz pubbliku (punt 8.5 tad-deċiżjoni kkontestata) b’relazzjoni ma’ ċerti possibbiltajiet ta’ distorsjoni identifikati fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ. L-oqsma kkonċernati huma t-trażmissjoni bil-kejbil, is-suq tar-reklamar u d-drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ logħbiet tal-futbol. Wara l-eżami tagħha ta’ dawn l-oqsma limitati, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proċedura inkwistjoni ma kinitx tat lok li jiġu identifikati prattiki antikompettivi preċiżi u żiedet tgħid li l-kwistjoni dwar jekk is-sistema toffrix fiha nnifisha garanziji suffiċjenti sabiex jitwaqqaf aġir eventwali antikompetittiv hija s-suġġett tal-proċedura E-5/2205 dwar l-għajnuna eżistenti.

    215    Għalhekk, il-Kummissjoni pprovdiet ukoll f’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, motivazzjoni skont il-ġurisprudenza (ara l-punt 80 iktar ’il fuq).

    216    Skont il-paragrafi 57 u 58 tal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir, il-Kummissjoni telqet b’mod korrett, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel kriterju, mill-prinċipju li l-finanzjament mill-Istat kien neċessarju għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku mix-xandara ta’ servizz pubbliku. Hija vverifikat, f’dan il-kuntest, jekk il-kriterju ta’ proporzjonalità bejn il-finanzjamenti li joriġinaw mill-Istat u l-ispejjeż netti sostnuti fit-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ġiex osservat. Sussegwentement, fil-kuntest tal-eżami distint tat-tieni kriterju, hija fittxet barra minn hekk l-eżistenza eventwali ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li ma humiex neċessarji għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku mix-xandara ta’ servizz pubbliku.

    217    Madankollu, il-konklużjonijiet tal-eżami ta’ dan it-tieni kriterju distint ma jistgħux jwarrbu jew jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni differenti tal-ewwel kriterju. Jibqa’ l-fatt li l-ispejjeż netti tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku tal-PO ġew ikkumpensati żżejjed, kif jirriżulta mit-tabella 4 fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata.

    218    Għaldaqstant, l-ilmenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

    219    Għal dak li jirrigwarda l-argument tan-NOS ibbażat fuq in-natura limitata tar-reġjun fejn huwa mitkellem l-Olandiż, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jistax jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura sproporzjonata tal-finanzjament pubbliku sa fejn dan jeċċedi l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku.

    220    Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq użu allegat tal-għajnuna skont l-għan tagħha, din iċ-ċirkustanza, fil-każ li hija vera, xorta waħda ma tneħħix il-kumpens żejjed ikkonstatat. Anki jekk huwa awtorizzat mill-ministru kompetenti, il-finanzjament ad hoc jista’ jkun eċċessiv fir-rigward tal-ispejjeż tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku u jwassal b’hekk għal distorsjoni tal-kompetizzjoni għax-xandara kummerċjali.

    221    Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-għajbien mgħaġġel fil-futur qarib tar-riżervi inkwistjoni, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tan-NOS, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu dan inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, skont ġurisprudenza kostanti, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li minnha hija kienet tiddisponi meta adottat l-imsemmija deċiżjoni [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-276/02, Ġabra p. I-8091, punt 31, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il-Kummissjoni, T-354/99, Ġabra p. II-1475, punt 65].

    222    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat madankollu li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ma eskludietx li fatti li seħħew fl-2006 jistgħu jkollhom rwol fil-prattika miftiehma mwettqa mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest tal-Artikolu 10 KE dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    223    Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tivverifika żbalji manifesti eventwali ta’ evalwazzjoni mwettqa minn Stat Membru fid-definizzjoni tas-servizz pubbliku tiegħu ta’ xandir, għandu jiġi mfakkar li, kif tispjega l-Kummissjoni fil-paragrafu 22 tal-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Settembru 2000 fuq is-Servizz ta’ Importanza Ġenerali fl-Ewropa, [COM (2000) 580 finali], l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ x’jikkunsidraw li huwa servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali. Għaldaqstant, id-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni, T-17/02, Ġabra p. II-2031, punt 216, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    224    Dan il-prinċipju huwa riprodott fil-paragrafu 36 tal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir. Minn dan jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-servizz pubbliku fis-settur tax-xandir, għalkemm huwa veru li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi jekk programm għandux jixxandar bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali u tikkontesta n-natura jew il-kwalità ta’ prodott speċifiku, hija għandha, bħala gwardjan tat-Trattat, tkun tista’ tintervjeni fil-każ ta’ żball manifest.

    225    Għaldaqstant, f’dan il-każ il-Kummissjoni aġixxiet fil-limiti tal-kompetenzi tagħha.

    226    Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ eżami mill-Kummissjoni tal-applikabbiltà tad-derogi previsti mill-Artikolu 87(2) u (3) KE, biżżejjed jiġi osservat li, minn naħa, in-NOS indikat li hija ma allegatx, matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, li l-finanzjamenti ad hoc jistgħu jibbenefikaw mill-imsemmija derogi u li hija ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ April 2004, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna biss li, billi ammetta li l-finanzjamenti ad hoc jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni tirriżulta mill-Artikolu 86(2) KE. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li n-NOS ma tressaq l-ebda argument quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ natura li jistabbilixxi li d-daqs ġeografiku tar-reġjun fejn huwa mitkellem l-Olandiż seta’ jiġġustifika, b’xi mod, li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, fid-dawl tal-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, li teżamina ex officio jekk il-finanzjamenti ad hoc jistgħux jiġu ġġustifikati fir-rigward tal-Artikolu 87(2) u (3) KE.

    227    Billi l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma huwa fondat, l-ewwel parti tat-tielet motiv tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-ħames motiv tan-NOS, dwar il-ksur tal-Artikolu 86(2) KE fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità, għandhom jiġu miċħuda.

     Fuq in-nuqqas ta’ rabta bejn il-finanzjamenti ad hoc u l-kumpens żejjed allegat kif ukoll fuq l-ispejjeż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ dan

    –       L-argumenti tal-partijiet

    228    In-NOS issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni waslat għall-konklużjoni żbaljata dwar l-eżistenza ta’ rabta bejn il-finanzjamenti ad hoc u l-kumpens żejjed li tiegħu hija qegħda tordna l-irkupru. Il-Kummissjoni mmotivat ukoll insuffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward u interpretat ħażin l-Artikoli 86 KE sa 88 KE.

    229    L-ewwel nett, in-NOS issostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx sa fejn il-finanzjamenti ad hoc ipparteċipaw fil-kostituzzjoni ta’ riżervi li wasslu għall-kumpens żejjed. Huwa possibbli li r-riżervi ġew ikkostitwiti permezz ta’ finanzjamenti oħra mill-finanzjamenti ad hoc, b’mod partikolari minn għajnuna eżistenti. Huma ma jitilfux il-klassifikazzjoni tagħhom minħabba l-ħlas tagħhom lill-PO, li jkun jista’ iqassamhom mill-ġdid biss abbażi tal-Artikolu 109a(1) tal-Mediawet. Barra minn hekk, it-trasferiment tar-riżervi ta’ programmi lill-PO ma huwiex parti mill-finanzjamenti ad hoc imsemmija fil-premessi 37 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata.

    230    It-tieni nett, in-NOS tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 129 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li d-dħul nett minn attivitajiet oħra minn dawk marbuta mat-twettiq tal-funzjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tar-riżervi sa fejn ir-regoli imposti mid-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE, tal-25 ta’ Ġunju 1980, fuq it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjari bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 20), ma jkunux ġew osservati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kellha tissuġġetta l-kompatibbiltà tax-xandara ta’ servizz pubbliku għal eżami supplimentari mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont tad-dħul minn attivitajiet kummerċjali tax-xandara ta’ servizz pubbliku.

    231    Qabel xejn, ikun żball jekk jiġi kkunsidrat li l-varji xandara ta’ servizz pubbliku użaw metodi ta’ kalkolu differenti għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż u l-benefiċċji marbuta mal-funzjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku.

    232    Sussegwentement, in-NOS tallega li l-awdituri tax-xandara ta’ servizz pubbliku jiżguraw il-kalkolu eżatt tal-ispejjeż u l-Commissariat voor der Media (Kummissarjat għall-media) jiżgura l-osservanza ta’ użu ġġustifikat tal-flus.

    233    Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u l-attivitajiet kummerċjali huma s-suġġett ta’ kontabbiltà separata u ta’ sistemi ta’ amministrazzjoni differenti, skont il-Handboek Financiele Verantwoording (gwida dwar ir-responsabbiltà finanzjarja) u l-linji gwida tal-Commissariat voor der Media. F’dan ir-rigward, in-NOS issostni li din il-gwida, li hija parti mil-leġiżlazzjoni Olandiża, torbot lix-xandara ta’ servizz pubbliku. Issa, ir-rapporti finanzjarji stabbiliti minn kull xandar ta’ servizz pubbliku jindikaw il-metodi ta’ kontabbiltà użati sabiex l-ispejjeż jiġu imputati lill-varji attivitajiet li jiġġenerawhom.

    234    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward tikser l-Artikolu 87(1) KE sa fejn id-dħul li joriġina minn attivitajiet kummerċjali ma jikkostitwixxux riżorsi pubbliċi.

    235    Barra minn hekk, in-NOS issostni, bi tweġiba għad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jistax jiġi kkritikat għat-traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva 80/723 sa fejn id-destinatarji tad-direttivi huma l-Istati Membri. L-imsemmija direttiva ma timponix, f’kull każ, metodu uniku ta’ kontabbiltà. Anki jekk jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 80/723 ma ġietx trasposta b’mod korrett, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-Kummissjoni li għandha twettaq eżami dettaljat tal-ispejjeż tax-xandara ta’ servizz pubbliku.

    236    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni “amalgamat” b’mod żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata l-finanzjamenti ad hoc mal-finanzjamenti l-oħra sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ kumpens żejjed anki jekk il-finanzjamenti oħra mill-finanzjamenti ad hoc jikkostitwixxu għajnuna eżistenti.

    237    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tan-NOS f’dan ir-rigward.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    238    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel ilment tan-NOS, invokat fil-punt 229 iktar ’il fuq, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il-punti 81 sa 89 iktar ’il fuq) li, l-ewwel nett, il-finanzjamenti ad hoc tax-xandara ta’ servizz pubbliku wasslu għal kumpens żejjed fil-konfront tagħhom, li kkostitwixxa, b’mod ġenerali, ir-riżervi tagħhom, it-tieni nett, dawn ir-riżervi, għall-parti li teċċedi 10 % tal-baġit annwali tagħhom, ġew ittrasferiti lill-PO għall-ewwel darba fl-2005, u, it-tielet nett, dan it-trasferiment ħoloq b’hekk kumpens żejjed għal dak li jirrigwarda l-PO. Kuntrarjament għal dak li tallega n-NOS, il-Kummissjoni stabbilixxiet għalhekk b’mod ċar, fid-deċiżjoni kkontestata, rabta bejn l-għoti tal-finanzjamenti ad hoc lix-xandara ta’ servizz pubbliku u l-kumpens żejjed li minnu jibbenefika l-PO minħabba t-trasferiment lilu tar-riżervi ta’ dawn l-impriżi marbuta ma’ dawn il-finanzjamenti.

    239    Barra minn hekk, sa fejn in-NOS issostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-riżervi tax-xandara ta’ servizz pubbliku ttrasferiti lill-PO ġew ikkostitwiti permezz ta’ finanzjamenti ad hoc u mhux permezz ta’ finanzjamenti annwali regolari, diġà ġie kkonstatat fil-punt 188 iktar ’il fuq li tali argument għandu jiġi miċħud bħala inapplikabbli sa fejn l-oriġini tal-imsemmija riżervi ma għandhiex effett fuq l-evalwazzjoni li tgħid li hija din il-miżura stess ta’ trasferiment tar-riżervi tax-xandara ta’ servizz pubbliku lill-PO li tikkostitiwixxi fir-rigward ta’ dan tal-aħħar għajnuna ġdida li tiżdied ma’ għajnuna eżistenti. Għaldaqstant, it-tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk ir-riżervi tax-xandara ta’ servizz pubbliku ġewx ikkostitwiti mill-ammonti li joriġinaw minn għajnuna ġdida jew minn għajnuna eżistenti ma għandha l-ebda effett fuq il-fatt li l-Kummissjoni stabbilixxiet li t-trasferiment fih innifsu tar-riżervi jikkostitwixxi fil-konfront tal-PO għajnuna ġdida.

    240    Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod korrett li l-għajnuna eżistenti kienu diġà kkumpensaw iżżejjed il-bżonnijiet tas-servizz pubbliku. Ir-rikorrenti ma pproduċewx elementi li jinvalidaw din l-analiżi. Għaldaqstant, l-ammonti miżmuma fir-riżervi jikkorrispondu neċessarjament għal kumpens żejjed. It-trasferiment sussegwenti ta’ dawn ir-riżervi ma biddilx in-natura tagħhom. Għalhekk, teżisti rabta bejn il-finanzjament ad hoc imsemmi u l-kumpens żejjed.

    241    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tan-NOS għandu jiġi miċħud.

    242    Għal dak li jirrigwarda t-tieni lment tan-NOS li jgħid, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball meta ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul nett kollu mill-attivitajiet kummerċjali tan-NOS sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kumpens żejjed, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni indikat, fil-premessi 127 sa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-għażla tirriżulta, minn naħa, mill-fatt li l-kontijiet tax-xandara ta’ servizz pubbliku ma jippermettux li jiġu imputati b’mod korrett l-ispejjeż li joriġinaw mill-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u dawk mill-attivitajiet kummerċjali. Dan jikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/723 applikabbli f’dan il-każ u li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi implementa bl-adozzjoni, fl-2001, ta’ digriet speċjali li jobbliga lix-xandara pubbliċi jżommu kontijiet separati għall-attivitajiet kollha relatati u assoċjati. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni osservat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-profitti kollha tax-xandara ta’ servizz pubbliku, inklużi dawk li joriġinaw minn attivitajiet kummerċjali, għandhom jintużaw, skont il-Mediawet, għal finijiet ta’ servizz pubbliku.

    243    Mingħajr ma tiġi evalwata r-realità u l-impatt ta’ implementazzjoni inkorretta eventwali tad-Direttiva 80/723, allegata mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, id-dħul kollu tax-xandara ta’ servizz pubbliku, inkluż dak li joriġina minn attivitajiet kummerċjali, għandu jintuża mix-xandara ta’ servizz pubbliku għat-twettiq ta’ missjonijiet ta’ servizz pubbliku. In-NOS tammetti dan fin-noti tagħha billi tiddikjara li l-użu minnha stess jew minn xandara oħra tal-ammonti li għadhom ma ntefqux għal għan differenti huwa fih innifsu impossibli. Dan id-dħul għandu, konsegwentement, jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ kumpens żejjed eventwali.

    244    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul nett mill-attivitajiet kummerċjali tal-parteċipanti tas-sistema ta’ xandir pubbliku Olandiż fil-kuntest tal-kalkolu tagħha tal-kumpens żejjed tal-funzjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku.

    245    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-argumenti tan-NOS li jgħidu li l-kontijiet tagħha huma konformi mal-leġiżlazzjoni Olandiża applikabbli u ġew ivverifikati minn awdituri, li l-awtorità tal-media żgurat l-użu ġġustifikat tar-riżorsi mogħtija u li d-Direttiva 80/723 ma ġietx trasposta qabel l-2001 fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jiġu miċħuda bħala inapplikabbli.

    246    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ddikjaraw waqt is-seduta li huma ma jikkontestawx iċ-ċifri li jirrigwardaw il-PO li jinsabu fit-tabella 4 fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata. Huma ma pproduċew ebda element ta’ natura li jikkontesta t-total tal-ispejjeż netti tal-attivitajiet pubbliċi, tar-riżultat nett tal-attivitajiet kummerċjali, tal-bżonnijiet ta’ finanzjament pubbliku u ta’ finanzjamenti annwali, liema ċifri wasslu lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi, abbażi biss tal-finanzjamenti annwali, kumpens żejjed, għal dak li jirrigwarda l-PO, ta’ ammont ta’ EUR 20.7 miljun, li miegħu żdiedu l-finanzjamenti ad hoc li tagħhom qed jintalab l-irkupru.

    247    Għaldaqstant, it-tieni lment imressaq min-NOS fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha għandu jiġi miċħud ukoll.

     Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammonti li joriġinaw mill-FOR fil-kalkolu tal-kumpens żejjed għal dak li jirrigwarda l-PO, li l-irkupru tiegħu ġie mitlub, u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

    –       L-argumenti tal-partijiet

    248    Ir-Renju tall-Pajjiżi l-Baxxi jallega, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi kkunsidrat li t-trasferiment lill-PO tal-ammont ta’ EUR 33 870 miljun li joriġina mill-FOR jagħmel parti mill-kumpens żejjed mingħajr ma fittxet jekk u b’liema mod il-PO uża dan l-ammont. Issa, skontu, li kieku l-Kummissjoni wettqet dan l-eżami, hija kienet tikkonstata li l-PO nefqet, matul il-perijodu mill-1999 sal-2005, it-totalità tal-ammonti li joriġinaw mill-FOR u li tħallsu lilu, b’tali mod li, fl-2005, il-PO ma kellha ebda ammont li joriġina mill-FOR u li seta’ jiġi rkuprat.

    249    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din kienet taf, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont tal-FOR kien ser jintefaq kollu sat-tmien tas-sena 2006, sa fejn, fl-ittra li huwa indirizza lillha fit-3 ta’ Frar 2006, huwa kien informaha li l-FOR kien fih biss l-ammont ta’ EUR 8.8 miljun fi tmien tas-sena 2005 u li kien ser jintefaq kollu sat-tmien tas-sena 2006. Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet tkompli l-investigazzjoni tagħha għal sitt xhur sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha.

    250    In-NOS issostni li l-Kummissjoni ma invokatx, fid-deċiżjoni kkontestata, xi negliġenza fl-użu tal-finanzjamenti li joriġinaw mill-FOR ta’ ammont ta’ EUR 33.8 miljun li n-NOS irċeviet, anki jekk dawn l-ammonti l-ammonti ntefqu fil-kuntest ta’ attivitajiet, b’mod partikolari ta’ investimenti fil-media diġitali, ta’ politika ta’ responsabbiltà, ta’ promozzjoni bis-satellita u bir-radju, u skont il-protokolli ta’ trasferiment.

    251    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    252    Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas allegat ta’ motivazzjoni, għandu jiġi osservat li l-finanzjamenti li joriġinaw mill-FOR huma deskritti fil-punt 2.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-finanzjamenti ad hoc, u evalwati sussegwentement mill-Kummissjoni fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

    253    Wara dan l-eżami, il-finanzjamenti li joriġinaw mill-FOR issemmew, fid-deċiżjoni kkontestata, fost il-finanzjamenti ad hoc li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata), u b’mod iktar preċiż għajnuna mill-Istat ġdida (premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

    254    Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-finanzjamenti li joriġinaw mill-FOR ġew ikkunsidrati fl-valwazzjoni tal-proporzjonalità tal-finanzjament pubbliku u b’mod partikolari fil-kalkolu tal-kumpens żejjed li minnu bbenefika l-PO (ara t-tabella 4 fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata u l-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata).

    255    Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mmotivat, skont il-ġurisprudenza (ara l-punt 80 iktar ’il fuq), ir-raġunament u l-konklużjonijiet tagħha dwar il-finanzjamenti li joriġinaw mill-FOR.

    256    Għal dak li jirrigwarda t-trasferiment tal-finanzjamenti li joriġinaw mill-FOR, peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kumpens żejjed, mogħti lill-PO, b’relazzjoni mal-bżonnijiet tiegħu ta’ finanzjament pubbliku (ara t-tabella 4 fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata) minħabba l-finanzjamenti ad hoc inkwistjoni, hija ma tistax tiġi obbligata tfittex x’użu għamel minnu l-PO. Fil-fatt, għalkemm il-finanzjamenti li joriġinaw mill-FOR intużaw kif suppost, dan xorta ma jaffettwax il-kumpens żejjed, mogħti lill-PO, b’relazzjoni mal-bżonnijiet tiegħu ta’ finanzjament pubbliku li l-ammont tiegħu ma huwiex ikkontestat.

    257    Għal dak li jirrigwarda t-trasferiment totali allegat tal-finanzjamenti li joriġinaw mill-FOR fl-2006, skont ġurisprudenza kostanti mfakkra fil-punt 221 iktar ’il fuq, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li minnha l-Kummissjoni kienet tiddisponi meta adottat l-imsemmija deċiżjoni. Issa, id-deċiżjoni kkontestata tkopri l-perijodu mill-1994 sal-2005, l-aħħar sena li għaliha l-Kummissjoni kellha ċifri definittivi (premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, addizzjonalment u f’kull każ, dan jiġġustifika għalfejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni tas-sena 2006.

    258    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv invokat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-argument imqajjem min-NOS f’dan ir-rigward fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha ma humiex fondati.

     Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat marbut mat-trasferiment ta’ riżervi ta’ programmi, tal-marġni ta’ tolleranza ta’ 10 % awtorizzata mill-Kummissjoni

    –       L-argumenti tal-partijiet

    259    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, essenjalment, li, skont il-prassi deċiżjonali tagħha u l-Komunikazzjoni dwar ix-xandir li torbotha, il-Kummissjoni kellha tapplika marġni ta’ tolleranza ta’ 10 % fil-konfront tat-trasferiment lill-PO tal-ammonti żejda tar-riżervi ta’ programmi minflok tieħu inkunsiderazzjoni l-ammonti kollha li tpoġġew fir-riżerva.

    260    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jiddikjara li huwa informa lill-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni fiż-żmien xieraq, jiġifieri fl-ittra tiegħu tal-1 ta’ Settembru 2005. Huwa jenfasizza li, għalkemm il-leġiżlatur Olandiż kien awtorizza għal ċerti assoċjazzjonijiet ta’ xandara pubbliċi l-kostituzzjoni ta’ riżervi sal-limitu ta’ mhux biss 5 %, iżda ta’ 10 %, l-ammont ittrasferit lill-PO kien inferjuri.

    261    Bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-awtoritajiet Olandiżi kienu jafu dwar il-fatt li hija tawtorizza marġni ta’ tolleranza ta’ 10 % tal-ammonti tar-riżervi, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jindika li, għalkemm id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/217/KE, tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar il-miżuri meħuda mid-Danimarka favur it-TV2/Danmark (ĠU 2006, L 85, p. 1), tirrikonoxxi l-prinċipju li jgħid li r-riżervi jistgħu jinżammu u jiġu ttrasferiti minn sena għal oħra, hija ma ssemmi ebda perċentwali preċiża. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2005/842 daħħlet fis-seħħ wara t-trasferiment lill-PO.

    262    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva, barra minn hekk, li t-trasferiment ta’ parti tar-riżervi li jeċċedi l-marġni ta’ tolleranza ta’ 10 % imposta mill-Kummissjoni ġie stabbilit mill-PO skont l-Artikolu 109a(1) tal-Mediawet u mhux permezz ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet Olandiżi.

    263    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    264    Sa fejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ammont totali tat-trasferiment ta’ riżervi lill-PO u talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ tolleranza ta’ 10 % li hija taċċetta fuq il-livell tar-riżervi tax-xandara, għandu jiġi kkonstatat li, kif tammetti fin-noti tagħha u kif jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il-premessi 49, 146, u 149), il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-ammont ittrasferit mix-xandara ta’ servizz pubbliku lill-PO skont il-leġiżlazzjoni Olandiża. Għalhekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jidher li qed jikkritika lill-Kummissjoni talli ma applikatx perċentwali ta’ 10 % li l-PO stess ma applikax, anki jekk kemm ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll l-awtoritajiet Olandiżi huma konxji ta’ dan il-limitu.

    265    F’kull każ u, għalhekk, tkun xi tkun id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2005/842, dan it-trasferiment ta’ riżervi lill-PO ammonta effettivament, mingħajr ebda kontestazzjoni min-naħa tiegħu, għal EUR 42 457 miljun u, skont il-Kummissjoni, huwa parti, għal dak li jirrigwarda dan l-ammont, mill-kumpens żejjed li minnu bbenefika l-PO. Il-Kummissjoni wettqet, ġustament, l-analiżi tal-kumpens żejjed mogħti lill-PO abbazi tal-informazzjoni disponibbli. Hija ma tistax tiġi kkritikata talli ma kkalkulatx il-kumpens żejjed mogħti lill-PO billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, abbażi tal-marġni ta’ tolleranza ta’ 10 % li hija tammetti li tista’ tiġi applikata għar-riżervi tax-xandara ta’ servizz pubbliku, il-kumpens żejjed seta’ jkun inqas. Il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ tolleranza ta’ 10 % ta’ riżervi li x-xandara setgħu eventwalment iżommu, anki jekk dawn ma żammewhomx, b’mod li l-kumpens żejjed mogħti lill-PO kien ogħla.

    266    B’mod sussidjarju, għandu jiġi enfasizzat li mill-premessi 147 sa 149 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prinċipju tat-trasferiment ta’ ċertu perċentwali ta’ kumpens żejjed annwali għas-sena ta’ wara, kif ammettiet il-Kummissjoni, japplika, f’kundizzjonijiet preċiżi, fi ħdan il-baġit ta’ kull xandar ta’ servizz pubbliku minn sena għal oħra, sabiex jagħmlu tajjeb għall-varjazzjonijiet fl-ispejjeż tax-xandir pubbliku. Ikun kuntrarju għall-iskop tagħha jekk din it-tolleranza tiġi kkunsidrata bħala regola ġenerali li għandha tapplika fil-każ ta’ trasferiment tal-imsemmija riżervi tax-xandara ta’ servizz pubbliku lil entità oħra. Kif jirriżulta mill-premessa 113 tad-Deċiżjoni 2005/217 u kif tikkonferma d-Deċiżjoni 2005/842, din ir-regola ma hijiex intiza sabiex teżenta b’mod permanenti lill-Istat Membru mill-obbligu tiegħu ta’ ħlas lura. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni, meta jeċċedi 10 % tal-ammont tal-kumpens annwali, il-kumpens żejjed jista’ jiġi ttrasferit għall-perijodu segwenti u jitnaqqas mill-ammont tal-kumpens dovut għal dan il-perijodu. Barra minn hekk, fir-rikors tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, sal-limitu ta’ 10 %, ir-riżervi jistgħu jinżammu u jiġu ttrasferiti għas-sena ta’ wara. Dan ma jikkorrispondix għal dan il-każ, għaliex l-ammont inkwistjoni ma ġiex ittrasferit minn sena għal oħra, iżda ttrasferit lil korp ieħor.

    267    Konsegwentement, billi t-tielet parti tat-tielet motiv imqajjem mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex fondata, hija għandha tiġi miċħuda.

    268    Billi l-ebda wieħed mill-motivi invokati mir-rikorrenti ma huwa fondat, għandhom jiġu miċħuda, fl-intier tagħhom, ir-rikors tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxi fil-Kawża T-231/06 u r-rikors tan-NOS fil-Kawża T-237/06.

     Fuq l-ispejjeż

    269    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

    taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

    2)      Fil-Kawża T-231/06, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa kkundannat għall-ispejjeż.

    3)      Fil-Kawża T-237/06, in-Nederlandse Omroep Stichting (NOS) hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Dehousse

    Wiszniewska-Białecka

    Jürimäe

    Dittrich

     

           Soldevila Fragos

    Firem

    Werrej

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    Id-dritt

    Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 88(2) KE

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna ġdida

    Fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tad-dħul tal-CoBo mid-drittijiet tal-awtur bħala riżorsi tal-Istat

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq in-nuqqas ta’ kwalità ta’ impriża tan-NOS fil-funzjonijiet tagħha bħala PO

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq in-nuqqas ta’ distorsjoni ta’ kompetizzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tas-sentenza Altmark, punt 13 iktar ’il fuq, u l-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-finanzjamenti ad hoc bħala għajnuna ġdida u nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 86(2) KE u l-iżbalji mwettqa fil-kalkolu tal-kumpens żejjed allegat, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

    Fuq il-ksur tal-Artikolu 86(2) KE dwar l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq in-nuqqas ta’ rabta bejn il-finanzjamenti ad hoc u l-kumpens żejjed allegat kif ukoll fuq l-ispejjeż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ dan

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammonti li joriġinaw mill-FOR fil-kalkolu tal-kumpens żejjed għal dak li jirrigwarda l-PO, li l-irkupru tiegħu ġie mitlub, u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat marbut mat-trasferiment ta’ riżervi ta’ programmi, tal-marġni ta’ tolleranza ta’ 10 % awtorizzata mill-Kummissjoni

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq l-ispejjeż


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Fuq