EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62003TJ0388

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) tal-10 ta' Frar 2009.
Deutsche Post AG u DHL International vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Għajnuna mill-Istat - Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet - Rikors għal annullament - Locus standi - Ammissibbiltà - Diffikultajiet serji.
Kawża T-388/03.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2009:30

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Frar 2009 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet — Rikors għal annullament — Locus standi — Ammissibbiltà — Diffikultajiet serji”

Fil-Kawża T-388/03,

Deutsche Post AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja),

DHL International, stabbilita f’Diegem (il-Belġju),

irrappreżentati minn J. Sedemund u T. Lübbig, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u M. Niejahr, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2003) 2508 finali, tat-23 ta’ Lulju 2003, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, wara l-proċedura ta’ eżami preliminari prevista mill-Artikolu 88(3) KE, kontra diversi miżuri meħuda mill-awtoritajiet Belġjani favur La Poste SA, l-impriża postali pubblika Belġjana,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

La Poste SA hija l-impriża pubblika reponsabbli mis-servizz postali universali fil-Belġju. Meta seħħet il-liberalizzazzjoni tas-suq postali fl-1 ta’ Ottubru 1992, La Poste ħadet post ir-Régie des Postes, li kienet taqa’ direttament taħt il-Ministeru tal-Posta Belġjan. La Poste issa hija impriża pubblika awtonoma u hija 100% proprjetà tal-Istat Belġjan.

2

Id-dmirijiet ta’ servizz pubbliku ta’ La Poste, it-tariffi tagħha, ir-regoli ta’ kondotta fir-rigward tal-utenti u s-sussidji huma stabbiliti mil-liġi u ddettaljati f’kuntratt ta’ ġestjoni konkluż mal-Istat. Erba’ kuntratti ġew b’hekk konklużi bejn l-Istati u La Poste mill-1992.

3

Barra l-funzjoni tagħha ta’ operatur tas-servizzi postali universali, La Poste hija responsabbli minn diversi xogħlijiet oħra ta’ interess pubbliku, bħalma huma attivitajiet bankarji bażiċi ofruti lil kulħadd, it-tqassim ta’ materjal tal-istampa b’tariffi mnaqqsa, it-tqassim ta’ formoli elettorali, il-ħlas ta’ pensjonijiet fid-dar, il-bejgħ ta’ licenzi tas-sajd u l-ġbir ta’ multi amministrattivi. Il-kuntratt ta’ ġestjoni jistabbilixxi b’mod partikolari r-regoli ta’ kumpens tal-ispiża addizzjonali netta tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIEG”).

4

La Poste tagħmel 84% tad-dħul mill-bejgħ tagħha mill-qasam tas-servizzi postali universali. Il-qasam tal-pakketti espress jirrappreżenta 4% tad-dħul mill-bejgħ tagħha, li jikkorrispondi għal sehem fis-suq ta’ 18% f’dan il-qasam (Anness 1 għar-rikors, punt 27).

5

Ir-rikorrenti, Deutsche Post AG u s-sussidjarja Belġjana tagħha DHL International (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“grupp Deutsche Post”) joperaw fil-qasam tas-servizzi postali u b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi tal-pakketti espress. Il-grupp Deutsche Post għandu sehem ta’ bejn 35 u 45% tas-suq Belġjan tas-servizzi tal-pakketti espress.

Il-proċedura ta’ eżami preliminari

6

Fl-1999, l-Istat Belġjan iddeċieda, bħala prinċipju, li tingħata għajnuna finanzjarja lil La Poste, suġġett għall-istabbiliment ta’ pjan azjendali approvat mill-istrutturi tiegħu ta’ ġestjoni u kkoordinat ma’ pjan soċjali. Dan il-pjan azjendali, adottat fit-28 ta’ Ġunju 2002, huwa intiż li jżid il-produttività tal-impriża u l-profitti tagħha, itejjeb il-kwalità tas-servizz ofrut u li jiġu żviluppati attivitajiet ġodda, li jimplika investimenti kbar (Anness 1 għar-rikors, punti 32-33 u 37-39).

7

Fit-8 ta’ Ottubru 2002, il-gvern Belġjan ta l-kunsens tiegħu għal żieda fil-kapital ta’ La Poste b’ammont ta’ EUR 297.5 miljun. Din iż-żieda fil-kapital kellha ssir fil-forma ta’ applikazzjoni għal żieda fil-kapital, ikkumpensata b’ishma li jirrapreżentaw il-kapital, li d-drittijiet tagħhom ikunu identiċi għal dawk tal-ishma li diġà nħarġu.

8

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2002, ir-Renju tal-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni bi proġett ta’ żieda fil-kapital ta’ La Poste għal ammont ta’ EUR 297.5 miljun, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE. Saru tliet laqgħat bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani fit-, fis-6 ta’ Frar u fit- u ġew skambjati diversi ittri bejniethom.

9

Peress li saru jafu li hemm proċedura ta’ eżami minn stqarrija tal-Ministru tat-Telekomunikazzjonijiet Belġjan tal-1 ta’ Lulju 2003, segwita fl- minn artikolu fil-gazzetta ta’ kuljum Belġjana Le Soir, ir-rikorrenti, permezz ta’ faks tat-, irreġistrata fit-, talbu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-istat tal-proċedura, sabiex eventwalment jieħdu sehem fiha, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1).

10

Fit-23 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet wara l-proċedura ta’ eżami preliminari previst mill-Artikolu 88(3) KE [Deċiżjoni C(2003) 2508 finali, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”], peress li l-miżura kkontestata ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

Id-deċiżjoni kkontestata

11

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega l-argumenti tal-awtoritajiet Belġjani dwar il-proġett tagħhom ta’ żieda fil-kapital ta’ La Poste. L-awtoritajiet Belġjani sostnew b’hekk li kellhom jiġu kkunsidrati bħala investitur privat f’ekonomija ta’ suq. L-għajnuna taqa’ taħt programm ta’ miżuri ta’ żieda tal-produttività tal-impriża fil-kuntest tal-ftuħ tas-swieq postali u hija intiża li ssaħħaħ il-fondi tagħha stess, filwaqt li tistenna qligħ mill-investiment. Huma jikkunsidraw li l-prospetti ta’ żieda tal-impriża huma reali fl-attivitajiet ġodda tagħha.

12

L-awtoritajiet Belġjani jqisu barra minn hekk li, mill-1992, La Poste kellha tbati spejjeż ta’ wħud mill-obbligi tagħha tas-SIEG (attivitajiet postali, attivitajiet bankarji għall-persuni li m’għandhomx kont bankarju) li kienu biss kkumpensati parzjalment mill-għotjiet tal-Istat. Is-sistema statutorja li tirregola erbgħa minn ħamsa tal-impjegati ta’ La Poste wkoll wasslet għal żidiet ta’ spiża kbar (ħlas ta’ pensjonijiet mill-1992 sal-1997 minflok kontribuzzjonijiet), kif ukoll l-implementazzjoni ta’ irtirar kmieni mix-xogħol.

13

Fl-evalwazzjoni legali tagħha tal-miżura nnotifikata, il-Kummissjoni bdiet mill-kunsiderazzjoni li ħidmiet speċifiċi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jirriflettu l-ħidmiet ta’ servizz pubbliku ta’ La Poste ngħataw lil din tal-aħħar mill-Istat permezz ta’ kull wieħed mill-kuntratt ta’ ġestjoni. Hija rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, jekk il-kumpens tal-Istat li minnu tibbenefika La Poste ma jeċċedix l-ispiża netta addizzjonali tas-SIEG li hija tiggarantixxi, dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Madankollu, fl-ipoteżi fejn l-imsemmi kumpens jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, dan madankollu jkun kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 86(2) KE.

14

Qabel ma pproċediet għall-evalwazzjoni tal-miżura nnotifikata, il-Kummissjoni żgurat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, li La Poste ma kinitx ibbenefikat, wara li ttrasformat ruħha f’impriża pubblika awtonoma, minn mużuri li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hija identifikat sitt miżuri li jikkonsistu f’eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-kanċellazzjoni ta’ fond għall-pensjonijiet għal ammont ta’ EUR 100 miljun fl-1997, il-possibbiltà li tibbenefika minn garanzija tal-Istat għas-self li sar, eżenzjoni mill-ħlas minn qabel ta’ taxxa fuq il-proprjetà għall-proprjetà immobbli li qegħda tintuża għal servizz pubbliku, il-kumpens eċċessiv ta’ servizzi finanzjarji ta’ interess ġenerali fl-ewwel kuntratt ta’ ġestjoni (1992-1997) u żewġ żidiet fil-kapital li ma kinux notifikati li saru fl-1997 għal ammont totali ta’ EUR 62 miljun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat kumpens baxx tal-ispiża netta addizzjonali tas-SIEG.

15

Il-Kummissjoni qieset li hija kellha, l-ewwel, tevalwa dawn is-sitt miżuri, peress li dawn jinfluwenzaw il-legalità taż-żieda tal-kapital innotifikata.

Miżura 1: eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji

16

Peress li l-Kummissjoni kkonstatat li La Poste kellha telf nett akkumulat ta’ EUR 238.4 miljun mill-1992 sal-2002, hija kkunsidrat li, għal dan il-perijodu, din il-miżura ma setgħetx tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, peress li ma kienet tinvolvi ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

Miżura 2: kanċellazzjoni ta’ fond għall-pensjonijiet fl-1997

17

Il-Kummissjoni kkonstatat li fond ta’ EUR 100 miljun kien ġie stabbilit fl-1992 waqt trasformazzjoni ta’ La Poste f’impriża pubblika awtonoma, sabiex tiġi koperta parti mill-pensjonijiet fir-rigward tad-drittijiet miksuba mill-impjegati mill-1972 sal-1992. Bħala korrispettiv, proprjetà immobbli meħtieġa għas-servizz pubbliku u li għalhekk ma setgħetx tiġi trasferita, ingħatat lil La Poste. Fl-1997, waqt l-adattament tas-sistema ta’ pensjonijiet ta’ ħaddiema tal-posta rregolati mis-sistema ġenerali, dan il-fond, li qatt ma kien suġġett ta’ rtirar minn meta ġie stabbilit, ġie trasferit għar-riżerva tal-qliegħ kapitali. Il-Kummissjoni, peress li qieset li l-kanċellazzjoni tal-fond ma ġab ebda vantaġġ lil La Poste, ikkunsidrat li din il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

Miżura 3: benefiċċju tal-garanzija tal-Istat għas-self li sar

18

Il-Kummissjoni kkonstatat li La Poste kienet żammet il-possibbiltà, bħal La Régie des Postes, li titlob il-garanzija tal-Istat meta hija tagħmel dejn u li kellha, jekk tuża din il-possibbiltà, tħallas somma fis-sena lit-Teżor ta’ 0.25%. Peress li La Poste qatt ma użat din il-possibbiltà mill-1992, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma ngħatalha ebda vantaġġ u li din il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

Miżura 4: eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proprjetà immobbli għall-proprjetà immobbli użata għal servizz pubbliku

19

Il-Kummissjoni rrilevat li La Poste kienet eżenti mill-ħlas tat-taxxa fuq il-proprjetà immobbli li kienet proprjetà tagħha u li kienet użata għal servizz pubbliku. Hija kkunsidrat li din l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proprjetà immobbli, li tagħtha a priori vantaġġ finanzjarju, setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1)KE.

Miżura 5: kumpens eċċessiv ta’ servizzi finanzjarji ta’ interess ġenerali waqt l-ewwel kuntratt ta’ ġestjoni (1992-1997)

20

Il-Kummissjoni qieset li l-kontabbiltà separata għall-perijodu 1992-1997 kienet turi kumpens eċċessiv imħallas mill-Istat lil La Poste għas-servizzi finanzjarji ta’ interess ġenerali u li dan il-kumpens eċċessiv jikkostitwixxi potenzjalment għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

Miżura 6: żidiet fil-kapital mhux innotifkati magħmula fl-1997 għal ammont totali ta’ EUR 62 miljun

21

Il-Kummissjoni indikat li dawn iż-żewġ żidiet fil-kapital, li kien hemm f’Marzu u f’Diċembru 1997, u ddestinati sabiex jibbilanċjaw kumpens insuffiċjenti tas-SIEG jikkostitwixxu potenzjalment għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

22

Il-Kummissjoni wara dan eżaminat il-miżuri li setgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (miżuri 4 sa 6), fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE. Wara li kkalkulat id-differenza bejn il-kumpens eċċessiv korrispondenti għal dawn it-tliet miżuri u l-kumpens baxx tas-SIEG li hija stess innotat, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien għad baqa’ kumpens baxx tal-ispiża addizzjonali tas-SIEG u li, b’hekk, it-tliet miżuri kkonċernati ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

23

Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li l-kumpens baxx tal-ispiża netta addizzjonali tas-SIEG għall-perijodu 1992-2002 kien ogħla mill-ammont taż-żieda tal-kapital innotifikat, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix fiha nnifisha għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li ma tagħtix vantaġġ lil La Poste. Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra din il-miżura.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Novembru 2003, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

25

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

26

Fl-14 ta’ April 2004, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbilità.

27

Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 2004, it-talba għal deċiżjoni fuq l-inammissibbiltà ġiet miżjuda mal-mertu.

28

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

30

L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi u ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti.

Fuq il-locus standi

— L-argumenti tal-partijiet

31

Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors mhuwiex ammissibbli, peress li r-rikorrenti mhumiex ikkonċernati individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

32

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tesponi, fl-argumenti ppreżentati qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2005, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C-78/03 P, Ġabra p. I-10737), li l-ġurisprudenza teżiġi, sabiex tiġi ammessa l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn kompetitur tal-benefiċjarju kontra deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet adottata fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari prevista mill-Artikolu 88(3) KE, li l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq ikkonċernat tkun affettwata sostanzjalment mill-miżura ta’ għajnuna (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-, Cook vs Il-Kummissjoni, C-198/91, Ġabra p. I-2487, punti 20 sa 26, u tal-, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punt 19).

33

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li anki jekk jiġi meqjus li d-deċiżjoni kkontestata b’xi mod tikkonċerna lir-rikorrenti, xorta jibqa l-fatt li din ma tikkonċernhomx individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197), fis-sens li huma huma biss ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata bħal kull impriża oħra li tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju fis-suq jew fis-swieq li fuqhom hija tinsab preżenti.

34

Il-Kummissjoni ssostni li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li, fil-paragrafi 27 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta li hemm bejn impriża tal-grupp Deutsche Post u La Poste mhijiex rilevanti, peress li din iċ-ċirkustanza hija msemmija fil-parti deskrittiva tad-deċiżjoni kkontestata u li ebda effett ġuridiku ma jista’ jirriżulta minnha. Skont il-Kummisjoni, l-għajnuna awtorizzata m’għandha ebda relazzjoni mal-oqsma ta’ attivitajiet iċċitati fil-paragrafu 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li mhuma kważi ta’ ebda importanza għal La Poste.

35

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni enfasizzat waqt is-seduta li, skont il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, u tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C-176/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra), ir-rikors mhux ammissibbli peress li r-rikorrenti jsemmu l-ksur tal-garanziji proċedurali tagħhom b’mod ġenerali wisq u li, fit-talbiet tagħhom, huma jitlobu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u mhux il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Hija tqis għalhekk li r-rikorrenti kellhom jistabbilixxu li huma kienu affettwata sostanzjalment mid-deċiżjoni kkontestata sabiex ir-rikors tagħhom ikun ammissibbli.

36

Ir-rikorrenti jirrilevaw, l-ewwel nett, li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-kompetituri tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna d-dritt li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq komuni wara l-proċedura ta’ eżami preliminari prevista mill-Artikolu 88(3) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punti 20 sa 24; Matra vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punti 15 sa 20, u tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 45). Din il-ġurisprudenza tistabbilixxi l-locus standi ta’ impriżi interessati mill-proċedura amministrattiva fil-każ fejn il-Kummissjoni tagħlaq il-proċediment fl-istadju tal-proċedura ta’ eżami preliminari mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista mill-Artikolu 88(2) KE, għar-raġuni li, fin-nuqqas ta’ dan il-locus standi, l-imsemmija impriżi ma jistgħux jiksbu l-osservanza tal-garanziji proċedurali marbuta mal-proċedura formali ta’ investigazzjoni (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 24, Matra vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 17, u Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

37

Ir-rikorrenti jfakkru li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huma kienu talbu lill-Kummissjoni, fit-22 ta’ Lulju 2003, li jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 1(h) u tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 u li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-talba tagħhom meta addottat id-deċiżjoni kkontestata fit-, u b’hekk ċaħdithom mid-drittijiet proċedurali tagħhom.

38

Ir-rikorrenti josservaw ukoll li l-miżuri ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni bid-deċiżjoni kkontestata jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni bi preġudizzju għalihom, peress li huma joperaw bħala kompetituri diretti ta’ La Poste fis-suq Belġjan, fuq kollox fil-qasam tar-routing espress tal-pakketti. Insostenn ta’ dan l-argument, huma jsostnu li l-grupp Deutsche Post għamel fil-Belġju dħul mill-bejgħ totali kkonsolidat ta’ EUR 124.8 miljun waqt is-sena ta’ negozju li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi espressament għar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta li hemm bejn il-grupp Deutsche Post u La Poste, li huma jirrapreżentaw bejn 35 u 45% tas-suq Belġjan fil-qasam tar-routing espress tal-pakketti u ta’ servizzi ta’ dokumenti [deċizjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2002, li tiddikjara l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ konċentrazzjoni (Każ N IV/M.2908 – Deutsche Post/DHL (II), punt 23], filwaqt li f’dan il-qasam La Poste għandha biss sehem mis-suq ta’ 18%, u li, fis-swieq postali liberalizzati fil-Belġju jopera biss grupp tal-erba’ impriżi internazzjonali prinċipali, jiġifieri DHL/DPAG, UPS, TPG/TNT u FedEx (deċiżjoni Deutsche Post vs DHL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

39

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persona oħra biss meta l-imsemmija deċiżjoni tirrigwardha direttament u individwalment.

40

Skont ġurisprudenza kostanti, persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma konċernati individwalment, salv f’każ li d-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwihom minn kull persuna oħra u, minħabba dan, tindividwalizzahom b’mod analogu għal mod kif inhu individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni bħal din (sentenzi Plaumann vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, 223, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 33).

41

Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, min-naħa, il-fażi tal-eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu li għandha biss l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami approfondit prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi, li hija intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompluta dwar il-fatti kollha tal-kawża, li t-Trattat KE jobbliga lill-Kummissjoni li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 22; Matra vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 16; Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 36 iktar ’il fuq, punt 38, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 34).

42

Meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 tal-istess Artikolu, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu jiżguraw ir-rispett ta’ din il-proċedura biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti Komunitarja (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 23; Matra vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 17; Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 36 iktar ’il fuq, punt 40, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 35). Għal dawn ir-raġunijiet, rikors intiż għall-annullament ta’ tali deċiżjoni, imressaq minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, jiġi ddikjarat ammissibbli meta l-għan tal-awtur ta’ dan ir-rikors, permezz tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ikun li jipproteġi d-drittijiet proċedurali tiegħu taħt din l-aħħar dispożizzjoni (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, puint 32 iktar ’il fuq, punti 2 sa 26, Matra vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punti 17 sa 20, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 35).

43

Issa, il-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE li, b’dan il-mod, jistgħu, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, iressqu rikors għal annullament, huma l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati permezz tal-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 36 iktar ’il fuq, punt 41, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 36).

44

Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna nfisha, is-sempliċi fatt li huwa jista’ jitqies bħala parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE mhuwiex biżżejjed biex ir-rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. Din il-parti jkollha tipprova li qiegħdha f’pożizzjoni partikolari fis-sens tas-sentenza Plaumann, punt 33 iktar ’il fuq. B’hekk dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 37).

45

F’dan il-każ, ir-rikorrenti invokaw seba’ motivi insostenn tar-rikors tagħhom. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li l-Kummissjoni qiegħdet biss għad-dispożizzjoni tagħhom verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-biċċa l-kbira tal-figuri huma moħbija, f’isem l-osservanza tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-kawżi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 88(3) KE, peress li l-Kummissjoni iddeċidiet li ma tiftaħx il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE, għalkemm hija kellha diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni. Bit-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi, ir-rikorrenti jsostnu li l-eżami mill-Kummissjoni tal-miżuri li jikkorrispondu għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, il-kanċellazzjoni ta’ fond u l-possibbiltà ta’ benefiċċju minn garanzija tal-Istat għas-self kien insuffiċjenti jew inkomplet, u huma jikkontestaw in-nuqqas ta’ klassifika ta’ għajnuna mill-Istat ta’ dawn il-miżuri. Insostenn tas-sitt motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw il-metodu u l-kontenut tal-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni tad-differenza bejn il-kumpens żejjed u l-kumpens baxx tal-ispiża addizzjonali tas-SIEG. Fl-aħħar nett, insostenn tas-seba’ motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, kuntrarjament għall-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra p. I-7747, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”), il-Kummissjoni ma vverifikatx li s-SIEG ġew ipprovduti bl-inqas spiża għall-kollettività.

46

Peress li r-rikorrenti b’hekk jikkontestaw kemm ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni u l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi analizzat, fl-ewwel lok, il-locus standi tar-rikorrenti sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u, fit-tieni lok, il-locus standi tar-rikorrenti sabiex jiksbu l-osservanza tad-drittijiet proċedurali tagħhom, sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex ammissibbli li jippreżentaw dan ir-rikors.

47

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma pproduċewx il-prova li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tista’ tkun sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċizjoni kkontestata.

48

Fil-fatt, ma tikkostitwixxix impatt sostanzjali s-sempliċi ċirkustanza li d-deċiżjoni inkwistjoni jista’ jkollha ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li hemm fis-suq rilevanti u li l-impriżi kkonċernati jinsabu f’xi relazzjoni kwalunkwe ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1969, Eridania et vs Il-Kummissjoni, 10/68 u 18/68, Ġabra p. 459, punt 7). B’hekk, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-fatt li hija kompetitur fir-rigward tal-impriża benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni, iżda għandha turi wkoll li l-preġudizzju għall-pożizzjoni tagħha fis-suq huwa kbir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, C-106/98 P, Ġabra p. I-3659, punti 40 u 41).

49

Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċew ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi l-partikolarità tas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni tagħhom fis-suq Belġjan, peress li dawn isostnu biss li huma jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi li joperaw fis-suq ikkonċernat. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li huma msemmija b’mod particolari fid-deċiżjoni kkontestata mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti kienu affettwati sostanzjalment mill-miżuri li minnhom ibbenefikat La Poste u li kienu ġew awtorizzati mid-deċiżjoni kkontestata, peress li, fis-siltiet ikkonċernati, il-Kummissjoni indikat biss li s-suq postali Belġjan kien relattivament iktar miftuħ minn dak ta’ Stati Membri oħra, peress li La Poste kellha biss 18% tas-suq tar-routing espress tal-pakketti, u l-bqija kien f’idejn operaturi internazzjonali, u li l-marġni operazzjonali ta’ La Poste għas-servizz postali tradizzjonali essenzjalment ta’ ittri kien ħafna inqas minn dak tal-operatur postali Olandiż TPG jew tad-Deutsche Post World Net (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Mejju 2004, Deutsche Post u DHL vs Il-Kummissjoni, T-358/02, Ġabra p. II-1565, punti 39 sa 41).

50

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti rriferew għall-provi ta’ statistika dwar il-parti tas-suq li huma għandhom fil-qasam tar-routing espress tal-pakketti fil-Belġju.

51

Madankollu dawn il-provi, fihom infushom, mhumiex tali li juru li l-pożizzjoni ta’ kompetizzjoni tagħhom, meta mqabbla ma’ dik ta’ kompetituri oħra ta’ La Poste, kienet sostanzjalment affettwata mid-deċiżjoni kkontestata.

52

Min-naħa l-oħra, bħala kompetituri diretti ta’ La Poste fis-suq tar-routing espress tal-pakketti, ir-rikorrenti għandhom il-kwalità ta’ partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE.

53

Fit-tieni lok, għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti kellhomx l-għan li effettivament jiddefendu d-drittijiet proċedurali li jirriżultaw mill-Artikolu 88(2) KE.

54

Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tinterpreta l-motivi ta’ rikorrent bis-sustanza tagħhom pjuttost milli mill-kwalifika tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs L-Awtorità Għolja, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra p. 588). B’hekk, tista’ teżamina argumenti oħra mressqa minn rikorrent sabiex tivverifika jekk dawn jipprovdux ukoll elementi insostenn ta’ motiv, imressqa mir-rikorrent, li espressament isostnu li hemm dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, T-158/99, Ġabra p. II-1, punti 141, 148, 155, 161 u 167, u tal-, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il-Kummissjoni, T-254/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 48). Madankollu mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tinterpreta r-rikors ta’ rikorrent li jikkontesta esklużivament il-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala li huwa fir-realtà intiż li għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrent ibbażati fuq l-Artikolu 88(2) KE, meta r-rikorrent espressament ma qajjimx motiv li jsegwi dan l-għan. F’din l-ipoteżi, l-interpretazzjoni tal-motiv iwassal għal kwalifika mill-ġdid tas-suġġett tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punti 44 u 47, u Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 25). Għall-inqas il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tibbaża ruħha għal dan il-għan fuq provi prodotti mir-rikorrent u li jippermettu li jiġi konkluż li ir-rikorrent qiegħed essenzjalment jitlob il-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tiegħu.

55

Ir-rikorrenti espliċitament isostnu, permezz tat-tieni motiv tagħhom, li d-drittijiet proċedurali mogħtija lilhom mill-Artikolu 88(2) KE, inkisru bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

56

Barra minn hekk, mir-rikors jirriżulta li t-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi tar-rikors jipprovdu elementi insostenn tat-tieni motiv, peress li r-rikorrenti jsostnu fihom li, fuq ċerti aspetti speċifiċi, l-eżami tal-Kummissjoni kien insuffiċjenti jew inkomplet u li l-proċedura formali ta’ investigazzjoni kellha tinfetaħ (punti 29, 37, 41 u 42 tar-rikors). Bl-istess mod, is-seba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ verifika ta’ jekk is-SIEG ġewx ipprovduti bl-inqas spiża għall-kollettività, jikkostitwixxi element li jista jippermetti li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Għalhekk, peress li r-rikorrenti riedu wkoll isostnu, permezz ta’ dawn il-motivi, li huma intiżi li jirrilevaw li l-miżuri inkwistjoni ma setgħux ikunu eżaminati b’mod adattat fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari, li d-drittijiet proċedurali mogħtija lilhom mill-Artikolu 88(2) KE inkisru waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

57

Minn dak kollu li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti għandhom locus standi.

Fuq l-interess ġuridiku

— L-argumenti tal-partijiet

58

Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti mhuwiex ammissibbli, peress li dawn tal-aħħar m’għandhom ebda interess fl-eżitu tal-kawża. Il-ġurisprudenza tirrikjedi fil-fatt li rikorrent dejjem juri li għandu interess ġuridku proprju. Il-kwistjoni ta’ jekk hemmx dan l-interess għandha tiġi evalwata skont is-suġġett tar-rikors.

59

F’din il-kawża, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hemm ir-riskju, għar-rikorrenti, li d-deċiżjoni tagħha 2002/753/KE, tad-19 ta’ Ġunju 2002, dwar il-miżuri meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur id-Deutsche Post (ĠU L 247, p. 27), li tiddikjarhom inkompatibbli mas-suq komuni, tiġi kkonfermata.

60

Ir-rikorrenti josservaw li s-suġġett tar-rikors tagħhom huwa li jiġu protetti l-interessi tagħhom bħala kompetituri diretti ta’ La Poste, benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni, u li r-rikors tagħhom ikun totalment indipendenti mill-kontenzjużi l-oħra li huma jista’ jkollhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

61

Rigward deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar li huwa biss fil-kuntest tal-fażi ta’ ezami approfondit previst mill-Artikolu 88(2) KE, li hija intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompluta dwar il-fatti kollha tal-kawża, li t-Trattat KE jobbliga lill-Kummissjoni ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 22; Matra vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 16; Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 36 iktar ’il fuq, punt 38, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 34).

62

Fil-kwalità tagħhom ta’ partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, ir-rikorrenti għandhom interess li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, meħuda wara l-proċedura ta’ eżami preliminari, peress li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88 KE, dan l-annullament jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, u tippermettilhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u jeżerċitaw b’hekk influwenza fuq id-deċiżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni.

63

Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti għandhomx interess ġuridiku, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tqabbel il-motivi mqajma fil-kuntest ta’ dan ir-rikors mal-argumenti ppreżentati fid-difiża mir-rikorrenti f’kawża distinta.

64

Minn dak li ngħad qabel jirriżulta li r-rikorrenti għandhom interess ġuridiku.

65

Għalhekk ir-rikors huwa ammissibbli u l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha, għalhekk, tinċaħad.

Fuq l-għan tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza u fuq l-ammissibbilità tal-motivi tar-rikors.

Fuq l-għan tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza

66

Rigward l-għan tal-istħarriġ li għandu jitwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jiġi ppreċiżat li rikorrent, meta jfittex li jħares id-drittijiet proċedurali li jagħtih l-Artikolu 88(2) KE, jista’ jinvoka kwalunkwe motiv indikat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE, sakemm ikunu intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod definittiv, għall-ftuħ mill-Kummissjoni tal-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, T-157/01, Ġabra p. II-917, punt 41). Min-naħa l-oħra, mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Kummissjoni, li tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna jew fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, Ġabra p. I-10515, punt 71).

67

B’hekk, għandhom jinċaħdu bħala inammissibbli l-motivi invokati fir-rikors intiżi sabiex jiksbu deċiżjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq l-eżistenza ta’ għajnuna jew il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Dan jgħodd, f’din il-kawża, minn naħa, għas-sitt motiv, ibbażat fuq il-metodu allegatament żbaljat użat mill-Kummissjoni sabiex tiġi kkalkulata l-differenza bejn il-kumpens żejjed u l-kumpens baxx tal-ispiża addizzjonali tas-SIEG, u, min-naħa l-oħra, għat-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi, sa fejn huma intiżi li juru li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-miżuri ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

68

Bl-istess mod, l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, peress li r-rikorrenti ma pproduċewx il-prova, lanqas allegaw, li ċ-ċifri moħbija fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata kienu meħtieġa għalihom sabiex jiksbu l-ftuħ mill-Kummissjoni tal-proċedura intiża mill-Artikolu 88(2) KE. Fil-fatt mir-rikors jirriżulta li huma riedu biss jużaw din l-informazzjoni sabiex jivverfikaw li l-Kummissjoni ma kinitx ikkommettiet żball meta qieset li l-miżuri eżaminati ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

69

Min-naħa l-oħra, it-tieni motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE, u t-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-seba’ motiv, sa fejn huma intiżi li jistabbilixxu li l-eżami li sar mill-Kummissjoni waqt il-fażi ta’ eżami preliminari kien insuffiċjenti jew inkomplet, jistgħu jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark

70

Inkwantu l-Kummissjoni issostni li hemm motiv ġdid, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tas-seba’ motiv, sa fejn dan huwa intiż li jistabbilixxi n-natura insuffiċjenti tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq.

71

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, “ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkux ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura”. Min-naħa l-oħra, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu huwa ammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Marzu 1999, Hubert vs Il-Kummissjoni, T-212/97, ĠabraSP p. I-A-41 u II-185, punt 87, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, RJB Mining vs Il-Kummissjoni, T-110/98, Ġabra p. II-2971, punt 24).

72

F’dan il-każ, fir-replika tagħhom, taħt it-titlu “Ksur tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza [Altmark]”, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni adottat interpretat ineżatta tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat u ppreżentaw argument sabiex juru li l-Kummissjoni naqset, fid-deċiżjoni kkontestata, li teżamina jekk l-ispejjeż tas-SIEG ikkumpensati mill-Istat Belġjan kinux ekwivalenti jew inqas minn dawk ta’ impriża medja ġestita tajjeb, kif tipprevedi s-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq. Huma jfittxu b’hekk li jsostnu li l-eżami magħmul mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mill-Artikolu 88(3) KE ma ppermettix lill-Kummissjoni li tegħleb, fl-eżami preliminari tagħha, id-diffikultajiet marbuta mal-evalwazzjoni tan-natura adattata tal-livell ta’ kumpens mogħti mill-Istat Belġjan lil La Poste.

73

Għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv għandu rabta mill-qrib mat-tieni motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE u fuq il-ħtieġa li tinfetaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni tal-għajnuna prevista mill-Artikolu 88(2) KE. Fil-fatt, meta jsostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk is-servizzi pubbliċi ġewx provduti bi spiża adattata, ir-rikorrenti qed ifittxu li juru li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, dan il-motiv, li jikkostitwixxi impliċitament parti mit-tieni motiv tar-rikors, għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

— Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ħtieġa li tinfetaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE

74

Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE, meta ddeċidiet li ma tiftaħx il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni huwa indispensabbli meta l-Kummissjoni jkollha diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbilità ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni u ma tkunx tista’ tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma minn din l-evalwazzjoni waqt l-ewwel eżami (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugal vs Il-Kummissjoni, C-204/97, Ġabra p. I-3175, punti 33 sa 35). F’din il-kawża, it-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ eżami preliminari, il-firxa tal-kwistjonijiet li kellhom jiġu trattati fil-kuntest ta’ din il-proċedura kif ukoll il-kontenut tad-dokumenti relatati ma’ din il-proċedura ppreżentati mill-Kummissjoni fuq it-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza juru li proċedura formali ta’ investigazzjoni kellha tinfetaħ.

75

Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll il-punt 35 tas-sentenza Il-Protugall vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, li jipprovdi li l-Kummissjoni hija obbligata teżamina l-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ dritt li jinġiebu għall-għarfien tagħha minn terzi, u b’mod partikolari mill-impriżi li l-interessi tagħhom jiġu affettwati mill-għoti tal-għajnuna.

76

Ir-rikorrenti jenfasizzaw fl-aħħar nett, li t-talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari jistgħu jservu biss sabiex jikkompletaw in-notifika u huwa biss matul il-proċedura formali ta’ investigazzjoni li l-informazzjoni kompleta tista’ tinġabar. Issa, f’din il-kawża, kemm il-volum ta’ dokumenti ppreżentati kif ukoll il-kamp ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni kienu estremament kbar.

77

Il-Kummissjoni tqis li huma r-rikorrenti li għandhom jipproduċu l-prova li hija ltaqgħet ma’ diffikultajiet gravi fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq komuni. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari ma kienx eċċessiv u li kien iġġustifikat mill-ħafna informazzjoni li hija kellha tiġbor, waqt li tat, kull darba, terminu lill-gvern Balġjan.

— Fuq it-tielet motiv, sa fejn huwa bbażat fuq il-karattru inkomplet tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni fuq l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji

78

Ir-rikorrenti jikkonstataw li l-Kummissjoni rrifjutat li tikkwalifika din il-miżura bħala għajnuna mill-Istat għar-raġuni biss li La Poste kellha telf nett fil-perijodu ta’ bejn l-1992 u l-2002. Issa, huma jqisu li l-eżami ta’ miżura li tista’ potenzjalment tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat għandu jssir ukoll billi jiġu evalwati l-effetti futuri tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, 57/86, Ġabra p. 2855, punt 10).

79

Il-Kummissjoni tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata m’għandhiex l-għan li tipproċedi għall-eżami tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, iżda li tistabbilixxi biss jekk din l-eżenzjoni tatx lil La Poste vantaġġ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kumpens bejn l-ispejjeż netti addizzjonali u l-ispejjeż pubbliċi kollha.

— Fuq ir-raba’ motiv, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura inkompleta tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni fuq il-kanċellazzjoni tal-fond għall-pensjonijiet

80

Ir-rikorrenti jsostnu li ċ-ċessjoni ta’ proprjetà immobbli mill-Istat Belġjan tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku kunsiderevoli, anki jekk din il-proprjetà immobbli ma tistax tiġi trasferita, u dan il-punt ma kienx ġie eżaminat biżżejjed mill-Kummissjoni. Huma jqisu li La Poste b’hekk kisbet proprjetà immobbli bla ħlas, li ħelsuha minn spejjeż konsiderevoli ta’ xiri jew ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli.

81

Il-Kummissjoni tqis li La Poste qatt ma kienet ibbenefikat minn sussidju effettiv ddestinat sabiex jgħinha tiffinanzja l-pensjonijiet tal-impjegati tagħha, iżda minn sempliċi operazzjoni ta’ kontabbiltà biex jiġu akkumulati fondi li kellha bħala korrispettiv proprjetà immobbli li ma tistax tiġi ttrasferita, ċeduta mill-Istat. Skontha, il-kanċellazzjoni tal-fond għall-pensjonijiet ma ġabet ebda vantaġġ għal La Poste. Għall-kuntrarju, it-tneħħija tal-obbligu li tbati l-ispejjeż tal-pensjonijiet tal-impjegati tagħha sa mill-1997 kienet tikkostitwixxi vantaġġ li madankollu ġie kkumpensat mill-obbligu li La Poste li tassumi l-ispiża relatata mal-kontribuzzjonijiet dovuti minn min iħaddem.

— Fuq il-ħames motiv, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura inkompleta tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni fuq il-possibbiltà li tibbenefika mill-garanzija tal-Istat għad-dejn li sar

82

Ir-rikorrenti jqisu li l-eżistenza biss tal-possibbiltà li La Poste tibbenefika minn garanzija tal-Istat għas-self tagħha toffrilha kundizzjonijiet għall-finanzjament li għalihom l-impriżi l-oħra m’għandhomx aċċess u li l-Kummissjoni barra minn hekk segwiet raġunament simili fil-kawżi dwar il-garanziji mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-banek pubbliċi tagħha jew minn Franza għall-obbligi ta’ Électricité de France. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni ma stabilixxitx, fid-deċiżjoni kkontestata, kif il-mekkniżmu li minnu bbenefikat La Poste kien nieqes minn natura awtomatika. Fl-aħħar nett, huma jqisu li l-Kummissjoni kellha tqabbel l-ammont tal-ewwel ħlas annwali li La Poste hija obbligata li tħallas lill-Istat ma’ dak li hija kellha tħallas f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

83

Skont il-Kummissjoni, din il-possibbiltà li tibbenefika mill-garanzija tal-Istat ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, peress li La Poste tista’ tirrinunzja għal din il-garanzija. Hija tiddikjara barra minn hekk li l-possibbiltà biss li tista’ tibbenefika minn garanzija ma tistax titiqies bħala garanzija effettiva fl-evalwazzjoni tal-kompatibbltà ta’ din il-miżura mas-suq komuni.

— Fuq is-seba’ motiv, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark

84

Ir-rikorrenti jsostnu fir-replika tagħhom li l-Kummissjoni intepretat b’mod żbaljat is-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kumpens tal-ispejjeż tas-SIEG jikkostitwixxi wieħed biss mill-kriterji li għandhom ikunu preżenti sabiex vantaġġ finanzjarju ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Huma jsostnu li l-Kummissjoni kellha b’mod partikolari tivverifika li s-servizzi ta’ interess ġenerali ngħataw bl-inqas spiża għall-kollettività (sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq, punt 95), u ma jidhirx li dan kien il-każ f’dan il-każ.

85

Il-Kummissjoni tillimita ruħha li tenfasizza li dan il-motiv ma tqajjimx mir-rikorrenti fir-rikors tagħhom u huwa, għalhekk, inammissibili.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

— Regoli ġenerali dwar il-proċedura prevista mill-Artikolu 88 KE

86

L-ewwel nett għandhom jitfakkru r-regoli ġenerali dwar is-sistema ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mogħtija mill-Istat, stabbilita mit-Trattat, hekk kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 36 iktar ’il fuq, punti 33 sa 39; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, T-95/96, Ġabra p. II-3407, punti 49 sa 53; BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-11/95, Ġabra p. II-3235, punti 164 sa 166, u tal-, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, T-73/98, Ġabra p. II-867, punti 39 sa 49).

87

Fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE, il-Kummissjoni tipproċedi għal eżami tal-għajnuna mill-Istat ippjanata, li għandu l-għan li jippermettilha tifforma l-ewwel opinjoni dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. Il-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista mill-Artikolu 88(2) hija intiża sabiex tipproteġi d-drittijiet ta’ terzi potenzjalment interessati (ara l-punti 42 u 43 iktar ’il fuq) u barra minn hekk għandha tippermetti lill-Kummissjoni li tkun infurmata b’mod sħiħ bil-fatti kollha tal-kawża qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari meta tirċievi l-osservazzjonijiet ta’ terzi interessati u tal-Istati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Ġutizzja tal-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. 1451, punt 13). Għalkemm is-setgħa tagħha hija limitata f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, hija għandha, madankollu, ċerta diskrezzjoni fl-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabilixxi jekk dawn iqajmux diffikultajiet serji. Skont l-għan tal-Artikolu 93(3) tat-Trattat u skont l-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tiftaħ diskussjoni mal-Istat li nnotifika l-għajnuna u ma’ terzi sabiex tegħleb, matul il-proċedura ta’ eżami preliminari, id-diffikultajiet li setgħet iltaqgħet magħhom (sentenza Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 45).

88

Skont ġurisprudenza kostanti, il-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE hija indispensabbli meta l-Kummissjoni tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni (is-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 13; Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 29, u Matra vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 33; ara, wkoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il-Kummissjoni, T-49/93, Ġabra p. II-2501, punt 58).

89

Hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi tal-kawża, jekk id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom waqt l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna jeħtiġux il-ftuħ ta’ din il-proċedura (sentenza Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 30). Din l-evalwazzjoni għandha tosserva tliet rekwiżiti.

90

L-ewwel nett, l-Artikolu 93 tat-Trattat jillimita s-setgħa tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni, wara l-proċedura ta’ eżami preliminari, għal dawk il-miżuri biss li ma jqajmu l-ebda diffikultà serja, b’tali mod li dan il-kriterju għandu natura esklużiva. B’ hekk, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tibda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni billi tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi oħra, bħall-interessi ta’ terzi, kunsiderazzjonijiet tal-ekonomija tal-proċedura u kull raġuni oħra ta’ konvenjenza amministrattiva jew politika (sentenza Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 44).

91

It-tieni nett, meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji, hija għandha tiftaħ il-proċedura formali u, f’dan ir-rigward, m’għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali.

92

It-tielet nett, il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll fil-kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r-raġunijiet għad-deċiżjoni jiġu pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni (ara s-sentenza SIDE vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60). Konsegwentement, jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, imur, minn natura tiegħu stess, lil hinn mill-verifika ta’ jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punti 31 sa 38, u Matra vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’l fuq, punti 34 sa 39; is-sentenzi SIDE vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 60 sa 75; BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punti 164 sa 200, u Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 47).

93

Ir-rikorrenti għandhom l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ diffikultaijiet serji, prova li jistgħu jipproduċu permezz ta’ numru ta’ indizji konkordanti, fir-rigward, minn naħa, taċ-ċirkustanzi u t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari u, min-naħa l-oħra, tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

94

Skont il-ġurisprudenza, l-iskadenza ta’ terminu li jeċċedi b’mod sinjifikattiv t-terminu li normalment jieħu l-eżami preliminari magħmul fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE tista’, flimkien ma’ elementi oħra, twassal sabiex jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni ltaqgħat ma’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni li jeżiġu li tinfetaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punti 15 u 17; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il-Kummissjoni, T-46/97, Ġabra p. II-2125, punt 102, u Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 93).

95

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 37, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punti 46 sa 49; is-sentenzi SIDE vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 61, 67 u 68, u Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 108).

— Fuq l-indizji ta’ diffikultajiet serji li jirriżultaw mit-tul u miċ-ċirkustanzi tal-proċedura ta’ eżami preliminari

96

L-ewwel nett hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha teżamina jekk it-tul u ċ-ċirkustanzi tal-proċedura ta’ eżami preliminari jikkostitwixxux indizji li hemm diffikultajiet serji, billi tivverifika jekk il-proċedura magħmula mill-Kummmissjoni eċċedietx b’mod sinjifikattiv dak li normalment jinvolvi eżami preliminari magħmul fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE.

97

Rigward, l-ewwel nett, il-perijodu ta’ bejn in-notifika tal-proġett ta’ għajnuna u d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni wara l-proċedura ta’ eżami preliminari, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprevedu terminu ta’ xahrejn għal-imsemmija proċedura, li jista’ jiġi estiż bi ftehim jew meta l-Kummissjoni għandha bżonn ta’ informazzjoni addizzjonali.

98

F’din il-kawża, l-għajnuna ġiet innotifikata mill-Istat Belġjan lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Diċembru 2002, u d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-, jiġifieri ftit iktar minn seba’ xhur tard. Waqt dan il-perijodu, saru tliet laqgħat fit-, fis-6 ta’ Frar u fit- bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani, u l-Kummissjoni bagħtet tliet talbiet ta’ informazzjoni addizzjonali lir-Renju tal-Belġju fit-, fit-3 ta’ Marzu u fil-. Dan il-perijodu ta’ seba’ xhur eċċeda manifestament dak li l-Kummissjoni hija, bħala prinċipju, obbligata li tosserva sabiex tlesti l-eżami preliminari tagħha.

99

Rigward, it-tieni nett, iċ-ċirkustanzi li fihom tiżvolġi l-proċedura, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-għan tal-Artikolu 88(3) KE u l-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni tista’, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari, tasal li titlob informazzjoni addizzjonali lill-Istat innotifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Matra vs Il-Kummissjoni, put 32 iktar ’il fuq, punt 38). Għalkemm dawn il-kuntatti mhumiex prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, huma jistgħu, flimkien mat-tul tal-eżami preliminari, jikkostitwixxu indizju.

100

Skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni tippreżenta t-talbiet għal informazzjoni li bagħtet lill-awtoritajiet Belġjani fit-23 ta’ Diċembru 2002, fit-3 ta’ Marzu u fil-, ir-risposti mogħtija mill-Istat Belġjan fit-28 ta’ Jannar, fit-3 ta’ April u fit- kif ukoll il-minuti tal-laqgħat li saru mal-awtoritajiet Belġjani fit-, fis-6 ta’ Frar u fit-.

101

Diversi elementi li hemm fid-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni jistħoqqilhom li jiġu rilevati. L-ewwel nett, jirriżulta minn dawn id-dokumenti li l-kamp ta’ investigazzjoni kopert mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari huwa vast ħafna. Fil-fatt, il-laqgħat kif ukoll l-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani ma kinux jirrigwardaw biss il-miżura notifikata, iżda wkoll iż-żidiet fil-kapital li saru fl-1997 u mhux notifikati lill-Kummissjoni, il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ sussidji interkonnessi bejn l-attivatijiet ta’ servizz pubbliku u l-attivitajiet ta’ kompetizzjoni u s-sistema fiskali speċifika ta’ La Poste, anki jekk uħud minn dawn l-attivtajiet ma jissemmewx fid-deċiżjoni kkontestata.

102

Barra minn hekk, id-dokumenti juru li l-Kummissjoni enfasizzat diversi drabi, waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari, il-kumplessità tal-kwistjoni, b’mod partikolari fil-minuti tal-laqgħa tat-12 ta’ Diċembru 2002 li jippreċiżaw li “il-Kummissjoni indikat li, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjoni, b’mod partikolari tal-passat, ta’ La Poste, u l-bżonn ta’ ċertezza legali li jista’ jkun hemm, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ perspettiva eventwali ta’ privatizzazzjoni, għandu jkun hemm ftuħ tal-proċedura”, kif ukoll waqt il-laqgħa tas-.

103

Minn dawn id-dokumenti jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma kinitx ċerta għal diversi xhur fuq l-għażla tal-bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. B’hekk, fl-ewwel laqgħa tat-12 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni esponiet li “ftehim min-naħa tagħha fuq l-għajnuna jista’ jkollu diversi forom differenti, kemm jekk tkun deċiżjoni li tikkunsidra l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna, li hija għajnuna intiża li ssostni s-servizz pubbliku, jew li hija għajnuna għar-ristrutturar”. Waqt it-tieni laqgħa tas- u wara skambju ta’ informazzjoni bil-miktub, il-Kummissjoni saqsiet lilha nnifisha għal darba oħra jekk kienx opportun li tibbaża l-metodu tagħha fuq il-metodu tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, u għalhekk fuq l-Artikolu 87 KE, jew fuq l-Artikolu 86(2) KE. Kif jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa tat-, l-awtoritajiet Belġjani wrew il-preferenza ċara għal-ewwel soluzzjoni, peress li xtaqu jippromwovu l-idea ta’ investiment li jħalli profitt, waqt li l-Kummissjoni jidher li kellha dubji fuq l-aġir ta’ La Poste fl-iżvilupp tal-attivitajiet ta’ kompetizzjoni tagħha, kif jindikaw il-minuti tal-laqgħa tas- kif ukoll id-diversi talbiet ripetuti għal informazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-ipoteżijiet ta’ żvilupp tal-attività ta’ La Poste.

104

Il-minuti tal-laqgħa tas-6 ta’ Frar 2003 barra minn hekk jippermettu li jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Belġjani kienu insistew fuq il-ħtieġa li jkun hemm deċiżjoni tal-Kummissjoni fi żmien qasir minħabba l-iskadenza elettorali fit-, li seta jpoġġi f’dubju ż-żieda tal-kapital prevista.

105

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni jidher li xtaqet li tevita li tibgħat it-tielet talba għal informazzjoni, peress li mill-minuti tal-laqgħa tas-6 ta’ Frar 2003 jidher li r-rappreżentant “kien ipprova, sa fejn possibbli, u minkejja l-kumplessità tal-kwistjoni, li jkun l-iktar komplet possibbli fit-tieni lista ta’ domandi sabiex jevita t-tielet talba għal informazzjoni”. Madankollu dan ma seħħx, peress illi hija bagħtet lill-awtoritajiet Belġjani t-tielet u l-aħħar talba għal informazzjoni fil-, li tirrigwarda numru mhux negliġabbli ta’ punti, bħalma huma l-ipoteżijiet ta’ żvilupp ta’ La Poste, il-prospetti finanzjarji tagħha, id-dettalji tal-allokazzjoni ta’ servizzi pubbliċi finanzjarji għas-servizz pubbliku, is-sehem tal-investimenti pubbliċi mogħtija għall-attivitajiet ta’ servizz universali, ir-riskju assoċjat mal-konċentrazzjoni ta’ 85% tar-riżultati tas-sussidjarji fuq iż-żewġ attivitajiet u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-istabbiliment ta’ fond għal irtirar kmieni mix-xogħol.

106

Minn dawn l-elementi jirriżulta li għandu jiġi ammess li l-proċedura li saret mill-Kummissjoni, f’din il-kawża, eċċediet b’mod sinjifikattiv dak li normalment jinvolvi l-eżami preliminari magħmul fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE u, għalhekk, li din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi indizju li jipprova li hemm diffikultajiet serji.

107

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk elementi dwar il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jistgħux ukoll jikkostitwixxu indizji li jindikaw li l-Kummissjoni kienet ltaqgħet ma’ diffikutajiet serji fl-eżami tal-miżuri inkwistjoni.

— Fuq in-natura insuffiċjenti tal-eżami tal-kanċellazzjoni tal-fond għall-pensjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata

108

Għandu jitfakkar li La Poste kkostitwixxiet fond ta’ EUR 100 miljun fl-1992 waqt it-trasformazzjoni tagħha f’impriża awtonoma, sabiex tkopri parti mill-pensjonijiet fir-rigward tad-drittijiet miksuba mill-impjegati mill-1972 sal-1992. Bħala korrispettivi, proprjetà immobbli neċessarja għas-servizz pubbliku, u li għalhekk ma setgħetx tiġi ttrasferita, ingħatatilha mill-Istat Belġjan. Fl-1997, waqt li s-sistema regolamentari tal-pensjonijiet tal-impjegati tal-posta ġiet allinjata mas-sistema ġenerali, dan il-fond, li minnu qatt ma kien sar ħlas minn meta ġie stabbilit, ġie trasferit għal riżerva ta’ qligħ kapitali.

109

Madankolu mid-deċiżjoni kkontestata u mid-dokumenti mressqa mill-Kummisjoni fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisbitx informazzjoni li kienet tippermettilha tiddeċiedi fuq il-kwalifika taċ-ċessjoni mill-Istat Belġjan ta’ proprjetà immobbli favur La Poste fid-dawl tal-Artikolu 87 KE, anki jekk dawn il-miżuri setgħu tawha vantaġġ. Fil-fatt, il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kellha elementi li setgħu b’mod partikolari jippermettulha tevalwa l-vantaġġ mogħti mit-tqegħid għd-dispożizzjoni bla ħlas ta’ proprjetà immobbli. Hija kellha wkoll tagħmel eżami approfondit tal-effetti ta’ din il-miżura qabel ma tiddeċiedi fuq il-kwalifika tal-għajnuna mill-Istat.

110

Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ eżami preliminari, tagħmel eżami suffiċjenti tat-trasferiment ta’ proprjetà immobbli mill-Istat Belġjan favur La Poste jikkostitwixxi indizju addizzjonali tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

— Fuq in-natura inkompleta tal-eżami tal-ispiża tal-provvista tas-SIEG fid-deċiżjoni kkontestata

111

Qabel xejn, għandu jitfakkar li l-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ eżami mill-Kummissjoni tal-livell tal-ispiża tal-provvista tas-SIEG hija bbażata fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq, li ngħatat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tkun taf x’fiha meta ħadet id-deċiżjoni tagħha.

112

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx, ratione temporis, il-portata tal-prinċipji tas-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq. Fin-nuqqas ta’ din il-limitazzjoni ratione temporis, dawn il-prinċipji li jirriżultaw minn interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE huma għaldaqstant kompletament applikabbli għas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika ta’ din il-kawża hekk kif dehret għall-Kummissjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T-289/03, Ġabra p. II-81, punt 158).

113

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju hija limitata sabiex tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata tagħha, hekk kif kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjoni hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata anki għal relazzjonijiet legali mnissla u stabbiliti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, u huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għas-sistema legali Komunitarja, tillimita l-possibbiltà għal kull parti interessata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tikkonfuta relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fede. Barra minn hekk, limitazzjoni bħal din tista’ biss tkun ammessa fis-sentenza stess li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C-209/03, Ġabra p. I-2119, punti 66 u 67, u tas-, Meilicke et, C-292/04, Ġabra p. I-1835, punti 34 sa 36, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw minn ġurisprudenza li tirrigwarda, b’mod partikolari, id-dmir tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-qorti nazzjonali japplikaw mutatis mutandis għall-istituzzjonijiet Komunitarji meta jiġu msejħa, min-naħa tagħhom, jimplementaw id-dispożizzjonijiet ta’ dritt Komunitarju li kienu s-suġġett ta’ interpretazzjoni sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 159).

114

F’dan il-każ, għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni pproċeditx għal eżami li bih setgħet tiddetermina jekk il-livell tal-kumpens imħallas lil La Poste kienx ġie stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża oħra medja, ġestita tajjeb u adegwatament mgħammra b’mezzi neċessarji sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku, kien ikollha tonfoq sabiex timplementa dawn l-obbligi, fid-dawl tad-dħul relatat ma dan is-servizz kif ukoll ta’ benefiċċju raġonevoli għall-implementazzjoni ta’ dawn l-obbligi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq, punt 93).

115

Issa, kemm mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-iskambju ta’ korrispondenza u mill-minuti tal-laqgħat bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani jirriżulta li l-Kummissjoni fl-ebda mument ma vverifikat li s-servizzi ta’ interess ġenerali pprovdut minn La Poste kienu ġew ipprovduti bi spiża li kien ikollha ssostni impriża medja ġestita tajjeb, skont il-prinċipju stabbiliti mis-sentenza Altark, punt 45 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq in-natura negattiva tal-bilanċ tal-elementi kollha ta’ kumpens żejjed u ta’ kumpens baxx tal-ispiża addizzjonali tas-SIEG sabiex tikkunsidra li l-miżuri eżaminati ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

116

B’hekk, abbażi ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-ispiża tas-servizzi ta’ interess ġenerali pprovduti minn La Poste meta mqabbla mal-ispejjeż li kien ikollha ssostni impriża medja, li seta’, jekk ikun il-każ, jippermettila tikkonkludi li l-miżuri eżaminati ma jikkostitwixxux għajununa mill-Istat.

117

Il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari, li tagħmel eżami komplet f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-livell tal-kumpens mogħti mill-Istat Belġjan lil La Poste jikkostitwixxi indizju ġdid tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

118

Kemm mill-eżami tat-tieni motiv u kif ukoll minn dak tar-raba’ u tass-seba’ motivi, sa fejn huma intiżi li jistabbilixxu li l-eżami magħmul mill-Kummissjoni waqt il-fażi ta’ eżami preliminari kien insuffiċjenti jew inkomplet, jirriżulta li hemm diversi indizji oġġettivi u konkordanti, ibbażati fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ eżami preliminari, fuq id-dokumenti li juru l-firxa u l-kumplessità tal-eżami li għandu jsir u fuq il-kontenut parzjalment inkomplet u insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata li juru li l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni kkontestata minkejja l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Mingħajr m’hemm għalfejn tittieħed deċiżjoni fuq it-tielet u l-ħames motivi tar-rikorrenti, sa fejn dawn huma intiżi li jistabbilixxu li l-eżami tal-Kummissjoni seta’ kien inkomplet jew insuffiċjenti dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji u l-possibbiltà li jkun hemm il-benefiċċju ta’ garanzija tal-Istat għad-dejn li sar, għandu għalhekk jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-miżura nnotifikata tqajjem diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

119

Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

Fuq l-ispejjeż

120

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu intalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati kemm l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2003) 2508 finali, tat-23 ta’ Lulju 2003, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, wara l-proċedura ta’ eżami preliminari prevista mill-Artikolu 88(3) KE, kontra diversi miżuri meħuda mill-awtoritajiet Belġjani favur La Poste SA, l-impriża postali pubblika Belġjana, hija annullata.

 

2)

Il-Kummissjoni għandha tbati kemm l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tad-Deutsche Post AG u DHL International.

 

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Frar 2009.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura ta’ eżami preliminari

 

Id-deċiżjoni kkontestata

 

Miżura 1: eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji

 

Miżura 2: kanċellazzjoni ta’ fond għall-pensjonijiet fl-1997

 

Miżura 3: benefiċċju tal-garanzija tal-Istat għas-self li sar

 

Miżura 4: eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proprjetà immobbli għall-proprjetà immobbli użata għal servizz pubbliku

 

Miżura 5: kumpens eċċessiv ta’ servizzi finanzjarji ta’ interess ġenerali waqt l-ewwel kuntratt ta’ ġestjoni (1992-1997)

 

Miżura 6: żidiet fil-kapital mhux innotifkati magħmula fl-1997 għal ammont totali ta’ EUR 62 miljun

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Fuq l-ammissibbiltà

 

Fuq il-locus standi

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-interess ġuridiku

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-għan tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza u fuq l-ammissibbilità tal-motivi tar-rikors.

 

Fuq l-għan tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark

 

Fuq il-mertu

 

L-argumenti tal-partijiet

 

— Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ħtieġa li tinfetaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE

 

— Fuq it-tielet motiv, sa fejn huwa bbażat fuq il-karattru inkomplet tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni fuq l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji

 

— Fuq ir-raba’ motiv, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura inkompleta tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni fuq il-kanċellazzjoni tal-fond għall-pensjonijiet

 

— Fuq il-ħames motiv, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura inkompleta tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni fuq il-possibbiltà li tibbenefika mill-garanzija tal-Istat għad-dejn li sar

 

— Fuq is-seba’ motiv, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

— Regoli ġenerali dwar il-proċedura prevista mill-Artikolu 88 KE

 

— Fuq l-indizji ta’ diffikultajiet serji li jirriżultaw mit-tul u miċ-ċirkustanzi tal-proċedura ta’ eżami preliminari

 

— Fuq in-natura insuffiċjenti tal-eżami tal-kanċellazzjoni tal-fond għall-pensjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata

 

— Fuq in-natura inkompleta tal-eżami tal-ispiża tal-provvista tas-SIEG fid-deċiżjoni kkontestata

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq