Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62023CJ0370
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 21 November 2024.#Mesto Rimavská Sobota v Ministerstvo pôdohospodárstva a rozvoja vidieka Slovenskej republiky.#Request for a preliminary ruling from the Najvyšší správny súd Slovenskej republiky.#Reference for a preliminary ruling – Environment – Regulation (EU) No 995/2010 – Obligations of operators who place timber and timber products on the market – Article 2(a) to (c) – Concepts of ‘timber and timber products’, ‘placing on the market’ and ‘operator’.#Case C-370/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Novembru 2024.
Mesto Rimavská Sobota vs Ministerstvo pôdohospodárstva a rozvoja vidieka Slovenskej republiky.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Regolament (UE) Nru 995/2010 – Obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam – Artikolu 2(a) sa (c) – Kunċetti ta’ ‘injam u ta’ prodotti tal-injam’, ta’ ‘tqegħid fis-suq’ u ta’ ‘operatur’.
Kawża C-370/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Novembru 2024.
Mesto Rimavská Sobota vs Ministerstvo pôdohospodárstva a rozvoja vidieka Slovenskej republiky.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Regolament (UE) Nru 995/2010 – Obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam – Artikolu 2(a) sa (c) – Kunċetti ta’ ‘injam u ta’ prodotti tal-injam’, ta’ ‘tqegħid fis-suq’ u ta’ ‘operatur’.
Kawża C-370/23.
Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2024:972
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
21 ta’ Novembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Regolament (UE) Nru 995/2010 – Obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam – Artikolu 2(a) sa (c) – Kunċetti ta’ ‘injam u ta’ prodotti tal-injam’, ta’ ‘tqegħid fis-suq’ u ta’ ‘operatur’”
Fil-Kawża C‑370/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika tas-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura
Mesto Rimavská Sobota
vs
Ministerstvo pôdohospodárstva a rozvoja vidieka Slovenskej republiky,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: S. Spyropoulos, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Mejju 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Slovakk, minn E. V. Larišová, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u C. Valero, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tal‑4 ta’ Lulju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU 2010, L 295, p. 23). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Mesto Rimavská Sobota (il-Belt ta’ Rimavská Sobota, is-Slovakkja) u l-Ministerstvo pôdohospodárstva a rozvoja vidieka (il-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali, is-Slovakkja, iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Agrikoltura”) dwar il-legalità ta’ multa imposta fuq l-ewwel waħda minħabba li ma stabbilixxietx sistema ta’ diliġenza dovuta, fis-sens tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 995/2010. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessa 31 tar-Regolament Nru 995/2010 tistipula: “Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u kontra l-kummerċ relatat miegħu, ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri individwalment u jista’ għalhekk, minħabba d-daqs tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 [TUE]. […]” |
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”, jipprevedi li: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu injam u prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern, kif ukoll l-obbligi tal-kummerċjanti.” |
5 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-għanjiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizjonijiet li ġejjin:
[…]
|
6 |
L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Obbligi tal-operaturi”, jipprevedi: “1. Għandu jkun ipprojbit it-tqegħid fis-suq ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam. 2. L-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta meta jqiegħdu fis-suq injam jew prodotti tal-injam. Għal dak il-għan, huma għandhom jużaw qafas ta’ proċeduri u miżuri, minn issa ’l quddiem imsejħa ‘sistema ta’ diliġenza dovuta’ kif dispost fl-Artikolu 6. 3. Kull operatur għandu jżomm u jevalwa regolarment is-sistema ta’ diliġenza dovuta li juża […]” |
7 |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 995/2010, bit-titolu “Sistemi ta’ diliġenza dovuta”, jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu: “Is-sistema ta’ diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 4(2) għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
|
8 |
L-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Pieni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati.” |
9 |
L-Anness tal-imsemmi regolament, intitolat “Injam u prodotti tal-injam kif ikklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 [tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382)], li għalihom japplika dan ir-Regolament” jinkludi l-informazzjoni li ġejja: “4401 Ħatab, fi zkuk, fi zkuk ħoxnin, fi friegħi, f’qatet ta’ għesieleġ jew forom simili; injam f’laqx jew fi frak; serratura u rimi tal-injam u skart, kemm jekk ikunu miġbura fi zkuk, trab tal-faħam ippressat, pritkuna jew forom bħal dawn
|
Id‑dritt Slovakk
10 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1)(a) tagħha, iż-zákon č. 113/2018 Z. z. o uvádzaní dreva a výrobkov z dreva na vnútorný trh a o zmene a doplnení zákona č. 280/2017 Z. z. o poskytovaní podpory a dotácie v pôdohospodárstve a rozvoji vidieka a o zmene zákona č. 292/2014 Z. z. o príspevku poskytovanom z európskych štrukturálnych a investičných fondov a o zmene a doplnení niektorých zákonov v znení neskorších predpisov (il-Liġi Nru 113/2018 dwar it-Tqegħid ta’ Injam u Prodotti tal-Injam fis-Suq Intern u li Temenda l-Liġi Nru 280/2017 dwar l-Għoti ta’ Appoġġ u Sussidji għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u li Temenda l-Liġi Nru 292/2014 dwar is-Sussidji Pprovduti minn Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u li Temenda Ċerti Liġijiet Kif Emendata), tal‑14 ta’ Marzu 2018 (Nru 113/2018 Z. z.), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Injam”), tirregola d-drittijiet u l-obbligi tal-operatur li jqiegħed injam u prodotti tal-injam fis-suq. |
11 |
L-Artikolu 4 tal-Liġi dwar l-Injam jipprovdi: “(1) L-operatur li jqiegħed l-injam u l-prodotti tal-injam fis-suq intern għandu japplika sistema ta’ diliġenza dovuta […]. Is-sistema ta’ diliġenza dovuta għandha tiġi stabbilita fuq karta jew f’forma elettronika qabel it-tqegħid fis-suq intern tal-injam u tal-prodotti tal-injam. (2) L-operatur għandu jkun obbligat li jiġġestixxi u jevalwa regolarment is-sistema ta’ diliġenza dovuta […] (3) Operatur li jqiegħed fis-suq intern injam u prodotti tal-injam li joriġinaw minn siġar jew arbuxelli maħduma fit-territorju tar-Repubblika Slovakka u li huwa l-proprjetarju, l-amministratur jew l-amministratur forestali ta’ art forestali […] għandu wkoll jinkludi fis-sistema ta’ diliġenza dovuta l-informazzjoni, id-dokumenti u r-reġistri previsti mil-leġiżlazzjoni speċifika, kif ukoll informazzjoni dwar il-proċess ta’ estrazzjoni tal-injam, il-manutenzjoni tal-injam u tal-prodotti tal-injam, it-trasport u t-tqegħid fis-suq intern tal-injam u tal-prodotti tal-injam, kif ukoll id-dokumenti relatati. […]” |
12 |
Skont l-Artikolu 17(1)(c) tal-Liġi dwar l-Injam, operatur iwettaq ksur amministrattiv jekk “ma jamministrax sistema ta’ diliġenza dovuta jew ma jżommx regolarment u ma jevalwax is-sistema ta’ diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 4(1), (2), (3) jew (5) [ta’ din il-liġi] […]”. L-Artikolu 17(5)(b) tal-imsemmija liġi jipprevedi li “[l]-awtorità inkarigata mill-kontroll għandha timponi, għal […] ksur amministrattiv imsemmi fil-paragrafu 1 […] (c) […], multa bejn [EUR] 2000 u [EUR] 10000 […]”. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
13 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2019, is-Slovská lesnícko – drevárská inšpekcia (l-Ispettorat Slovakk tal-Foresti u tal-Industrija Forestali, is-Slovakkja) imponiet fuq il-Belt ta’ Rimavská Sobota multa fl-ammont ta’ EUR 2000, abbażi tal-Artikolu 17(5) tal-Liġi dwar l-Injam, minħabba li, bħala operatur, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 995/2010, hija kienet naqset milli timplimenta sistema ta’ diliġenza dovuta, fis-sens tal-Artikolu 4(1) sa (3) tal-Liġi dwar l-Injam. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministeru għall-Agrikoltura tal‑25 ta’ Ġunju 2019. |
14 |
Il-Belt ta’ Rimavská Sobota ppreżentat azzjoni kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar, li ġiet miċħuda permezz ta’ sentenza tal-Krajský súd v Banskej Bystrici (il-Qorti Reġjonali ta’ Banská Bystrica, is-Slovakkja). Il-Belt ta’ Rimavská Sobota adixxiet lin-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika tas-Slovakkja), il-qorti tar-rinviju, b’appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza. |
15 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-Belt ta’ Rimavská Sobota kienet tbigħ l-injam billi sempliċement tindika lix-xerrejja s-siġar li kellhom jinħasdu, jew l-artijiet użati għal dan il-ħsad, li kien isir mix-xerrejja stess, taħt is-superviżjoni tal-impjegati muniċipali. |
16 |
Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Belt ta’ Rimavská Sobota hijiex “operatur” fis-sens tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 995/2010. Din tal-aħħar tqis li din il-kwalifika ma tapplikax għaliha, peress li hija ma kinitx tbigħ injam diġà maħsud, iżda d-dritt li jittieħed l-injam mis-siġar weqfin. |
17 |
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Agrikoltura jsostni li peress li l-Belt ta’ Rimavská Sobota “qiegħdet fis-suq”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 995/2010, injam, hija “operatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ dan ir-regolament, u hija, għaldaqstant, marbuta li tosserva l-obbligi previsti fl-Artikolu 4(2) tiegħu. Skont l-informazzjoni pprovdut mill-qorti tar-rinviju, il-Ministeru għall-Agrikoltura jibbaża ruħu fuq il-fatt li l-Belt ta’ Rimavská Sobota kienet tbigħ direttament injam li x-xerrejja kellhom huma stess jiġbru u jittrasportaw, mingħajr madankollu ma jittrasferixxu lil dawn tal-aħħar id-dritt li jiġbru u jiġġestixxu parti mill-foresta kkonċernata. Fil-fehma tal-Ministeru għall-Agrikoltura, huwa biss f’din l-ipoteżi tal-aħħar li x-xerrejja jistgħu jitqiesu bħala “amministraturi forestali”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Slovakk u għalhekk ikollhom l-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu sistema ta’ diliġenza dovuta, kif jeżiġi l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament. |
18 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kawża li għandha quddiemha tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “tqegħid fis-suq” u ta’ “operatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) u (c) tar-Regolament Nru 995/2010. |
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 2(b) tar-Regolament [Nru 995/2010] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid fis-suq ta’ injam jinkludi wkoll il-bejgħ bi ħlas ta’ injam mhux irfinat jew ta’ ħatab fis-sens tal-anness tal-imsemmi regolament, jekk il-ħsad tal-injam li jsir permezz ta’ kuntratt isir mix-xerrej abbażi tal-istruzzjonijiet tal-bejjiegħ u taħt is-superviżjoni ta’ dan tal-aħħar?” |
Fuq l‑ammissibbiltà
20 |
Il-Gvern Slovakk iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex ammissibbli, minħabba li, kif ġiet ifformulata, id-domanda magħmula tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-Regolament Nru 995/2010 għall-fatti tal-kawża prinċipali. |
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti nazzjonali li tkun adixxietha b’rinviju għal deċiżjoni preliminari l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jirriżultaw neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-imsemmija tilwima u għall-fatti li jikkaratterizzawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
22 |
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda magħmula, skont il-formulazzjoni tagħha stess, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 995/2010. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-fatti tal-kawża prinċipali, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet utli pprovduti għal dan l-għan minnha sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża adita biha (ara, ukoll, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, Chaudfontaine Loisirs, C‑73/23, EU:C:2024:734, punt 38). |
23 |
Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domanda preliminari
24 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) sa (c) tar-Regolament Nru 995/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika jew ġuridika li tikkonkludi kuntratt li permezz tiegħu hija tawtorizza lil parti kontraenti tagħha tiġbor, fuq l-istruzzjonijiet tagħha jew taħt il-kontroll tagħha, injam mhux maħdum jew ħatab, għandha titqies “operatur” li jwettaq “tqegħid fis-suq” ta’ “injam u prodotti tal-injam”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
25 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti tfittex li tilħaq (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, W. GmbH, C‑67/23, EU:C:2024:680, punt 70). |
26 |
Skont l-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 995/2010, il-kunċett ta’ “operatur” jirreferi għal kull persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq injam jew prodotti tal-injam. |
27 |
Skont l-Artikolu 2(b), il-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” ikopri “provvista bi kwalunkwe mezz, irrispettivament mit-teknika ta’ bejgħ użata, ta’ injam jew prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern għad-distribuzzjoni jew l-użu waqt attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas”. |
28 |
It-terminu “provvista”, li jinsab fl-imsemmi Artikolu 2(b) għandu, skont is-sens normali tiegħu, jinftiehem bħala li jindika t-trasferiment tal-proprjetà ta’ kwantità ta’ injam jew ta’ prodotti tal-injam. |
29 |
Il-kunċett ta’ “injam u prodotti tal-injam” ikopri, skont l-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament, “l-injam u l-prodotti tal-injam stabbiliti fl-Anness [ta’ dan ir-regolament], ħlief prodotti tal-injam jew komponenti ta’ dawk il-prodotti manifatturati minn injam jew prodotti tal-injam li temmew iċ-ċiklu tagħhom tal-użu u li kieku jintremew bħala skart, kif definiti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2008/98]”. |
30 |
Mill-Anness tar-Regolament Nru 995/2010 jirriżulta li l-kunċett ta’ “injam u prodotti tal-injam”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jinkludi l-“injam mhux irfinat” u l-“ħatab” iżda mhux “siġar weqfin”, jiġifieri l-injam tas-siġar maħsuba sabiex jitwaqqgħu li jkunu għadhom ma ġewx imwaqqa’, peress li dan it-tip ta’ injam ma jinsabx f’dan l-anness. |
31 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li persuna fiżika jew ġuridika għandha titqies bħala “operatur”, li twettaq “tqegħid fis-suq” ta’ “injam u prodotti tal-injam”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(a) sa (c) tar-Regolament Nru 995/2010, meta, tkun xi tkun it-teknika ta’ bejgħ użata, hija tittrasferixxi, għall-ewwel darba, għal finijiet ta’ distribuzzjoni jew ta’ użu fil-kuntest ta’ attività kummerċjali, id-dritt għall-proprjetà tal-injam mhux irfinat jew tal-ħatab lil persuna li twettaq operazzjonijiet fis-suq intern. |
32 |
Konsegwentement, dan l-injam mhux irfinat u dan il-ħatab għandhom jitqiesu li tqiegħdu fis-suq minn operatur, fis-sens ta’ dan ir-regolament, meta, wara li jkunu ttieħdu, ikunu ġew suġġetti, għall-ewwel darba, irrispettivament mit-teknika ta’ bejgħ użata, għal trasferiment tal-proprjetà għal finijiet ta’ distribuzzjoni jew ta’ użu fil-kuntest ta’ attività kummerċjali. |
33 |
Fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 995/2010, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(1) tiegħu, “[g]ħandu jkun ipprojbit it-tqegħid fis-suq ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam”. Issa, skont l-Artikolu 2(g) ta’ dan ir-regolament, il-kunċett ta’ injam “maħsud b’mod illegali” jirreferi għall-injam “li ġie maħsud b’kontravenzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiż tal-ħsad”. Il-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni applikabbli” jindika, skont l-ewwel u r-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(h) tal-imsemmi regolament, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-pajjiż tal-ħsad, li tkopri, b’mod partikolari, id-dritt li jinġabar injam f’perimetru legalment stabbilit li jkun ġie ppubblikat uffiċjalment kif ukoll id-drittijiet legali ta’ terzi relatati mal-użu u mal-proprjetà li huma affettwati mill-ħsad tal-injam. |
34 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-Regolament Nru 995/2010 ma jirregolax il-kundizzjonijiet għall-kostituzzjoni tad-dritt għall-proprjetà fuq l-injam maħsud permezz tal-qtugħ ta’ siġar u lanqas il-modalitajiet ta’ akkwist jew ta’ trasferiment ta’ dan id-dritt. |
35 |
Dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-modalitajiet jaqgħu, għaldaqstant, taħt id-dritt nazzjonali applikabbli, jiġifieri, id-dritt tal-Istat li fit-territorju tiegħu tinsab l-art ikkonċernata. Huwa għalhekk skont il-konsegwenzi li jirriżultaw, skont dan id-dritt nazzjonali, mill-operazzjoni inkwistjoni li għandu jiġi ddeterminat jekk din l-operazzjoni tikkostitwixxix “tqegħid fis-suq”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 995/2010, ta’ injam jew ta’ prodotti tal-injam. |
36 |
Fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 995/2010, dan huwa kkostitwit, skont kif jirriżulta mill-premessa 31 tiegħu, mill-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u kontra l-kummerċ relatat miegħu. Għal dan l-għan, skont il-kliem tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar jistabbilixxi, b’mod partikolari, l-obbligi tal-“operaturi”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tal-imsemmi regolament, jiġifieri l-persuni li jqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq injam u prodotti tal-injam. |
37 |
Sabiex jiġi ffaċilitat li dan l-għan jintlaħaq, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali għandha tippermetti li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk, f’każ partikolari, persuna fiżika jew ġuridika jkollhiex il-kwalità ta’ proprjetarja tal-injam maħsud fil-mument tal-ewwel bejgħ tiegħu lil terz, b’tali mod li hija għandha tiġi kklassifikata bħala “operatur”, li twettaq “tqegħid fis-suq” ta’ “injam jew ta’ prodotti tal-injam”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) sa (c) ta’ dan ir-regolament, u għandha tassumi l-obbligi li jirriżultaw minn dawn il-kwalifiki legali. |
38 |
Minn dan isegwi li kuntratt, bħal dak li ssemmi l-qorti tar-rinviju, li bis-saħħa tiegħu l-amministratur tal-foresta kkonċernata jawtorizza lill-parti kontraenti tiegħu twaqqa’, fuq l-istruzzjonijiet tiegħu jew taħt il-kontroll tiegħu, ċerti siġar ta’ din il-foresta u li taħsad l-injam li jirriżulta mill-qtugħ ta’ dawn is-siġar, jista’ jikkostitwixxi “tqegħid fis-suq”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 995/2010, peress li dan il-kuntratt għandu l-effett, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, li jwettaq it-trasferiment tal-proprjetà ta’ dan l-injam, wara l-ħsad tiegħu, bejn dan l-amministratur u din il-parti kontraenti. |
39 |
Min-naħa l-oħra, meta, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, l-imsemmi kuntratt ma jkunx iwassal għal tali trasferiment tal-proprjetà tal-injam maħsud, iżda l-parti kontraenti ssir direttament u awtomatikament proprjetarja ta’ dan l-injam minħabba s-sempliċi fatt tal-qtugħ tas-siġar ikkonċernati, il-kuntratt konkluż mal-amministratur tal-art ma jkunx jista’ jwettaq tali “tqegħid fis-suq”. Kemm-il darba jitqies li tali operazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ siġar weqfin, huwa biżżejjed li jitfakkar li kif ġie rrilevat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, is-siġar weqfin ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “injam u ta’ prodotti tal-injam”, fis-sens tar-Regolament Nru 995/2010. F’dan il-każ, it-tqegħid fis-suq iseħħ meta l-persuna li tkun ħasdet l-injam ikkonċernat tkun ittrasferixxiet il-proprjetà tiegħu lil terz għal finijiet ta’ distribuzzjoni jew ta’ użu fil-kuntest ta’ attività kummerċjali. |
40 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li għandha l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża adita biha kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt Slovakk u, b’mod partikolari, ir-regoli li jirregolaw il-kostituzzjoni, l-akkwist u t-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà ta’ kwantità ta’ injam maħsud, li għandha tevalwa jekk il-Belt ta’ Rimavská Sobota, fil-kwalità tagħha ta’ amministratur tal-foresta kkonċernata, saritx, wara l-ħsad tal-injam, proprjetarja tal-injam maħsud mill-parti kontraenti tagħha. Jekk dan huwa l-każ, it-trasferiment sussegwenti tal-proprjetà ta’ dan l-injam lil dawn tal-aħħar, skont il-kuntratti li l-Belt ta’ Rimavská Sobota kkonkludiet magħhom, jikkostitwixxi “tqegħid fis-suq”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 995/2010, sakemm dan it-trasferiment ikun sar għal finijiet ta’ distribuzzjoni jew ta’ użu fil-kuntest ta’ attività kummerċjali, fatt li għandu jiġi vverifikat ukoll mill-qorti tar-rinviju. |
41 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(a) sa (c) tar-Regolament Nru 995/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika jew ġuridika li tikkonkludi kuntratt li permezz tiegħu hija tawtorizza lill-parti kontraenti tagħha tieħu, fuq l-istruzzjonijiet tagħha jew taħt il-kontroll tagħha, injam mhux irfinat jew ħatab, għandha titqies li hija “operatur” li jwettaq “tqegħid fis-suq” ta’ “injam u ta’ prodotti tal-injam”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, din il-parti kontraenti ma ssirx direttament u awtomatikament proprjetarja tal-injam maħsud biss minħabba l-qtugħ tas-siġar, iżda, fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, din il-persuna, li tkun żammet it-titolu tad-dritt għall-proprjetà fuq dan l-injam, tittrasferixxi, wara l-ħsad tal-injam, dan id-dritt għall-proprjetà lill-imsemmija parti kontraenti. |
Fuq l‑ispejjeż
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(a) sa (c) tar-Regolament Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam, |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
persuna fiżika jew ġuridika li tikkonkludi kuntratt li permezz tiegħu hija tawtorizza lill-parti kontraenti tagħha taħsad, fuq l-istruzzjonijiet tagħha jew taħt il-kontroll tagħha, injam mhux maħdum jew ħatab, għandha titqies li hija “operatur” li jwettaq “tqegħid fis-suq” ta’ “injam u ta’ prodotti tal-injam”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, din il-parti kontraenti ma ssirx direttament u awtomatikament proprjetarja tal-injam maħsud biss minħabba l-qtugħ tas-siġar, iżda, fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, din il-persuna, li tkun żammet it-titolu tad-dritt għall-proprjetà fuq dan l-injam, tittrasferixxi, wara l-ħsad tal-injam, dan id-dritt għall-proprjetà lill-imsemmija parti kontraenti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.