Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62022CJ0351

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta’ Settembru 2024.
Neves 77 Solutions SRL vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Antifraudă Fiscală.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) – Miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Deċiżjoni 2014/512/PESK – Artikolu 2(2)(a) – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – L-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE – Artikolu 275 TFUE – Artikolu 215 TFUE – Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-proprjetà – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nulla poena sine lege – Servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir militari – Projbizzjoni li jiġu pprovduti tali servizzi – Assenza ta’ komunikazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti – Ksur amministrattiv – Multa – Konfiska awtomatika tas-somom miġbura inkambju għat-tranżazzjoni pprojbita.
Kawża C-351/22.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2024:723

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) – Miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Deċiżjoni 2014/512/PESK – Artikolu 2(2)(a) – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – L-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE – Artikolu 275 TFUE – Artikolu 215 TFUE – Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-proprjetà – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nulla poena sine lege – Servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir militari – Projbizzjoni li jiġu pprovduti tali servizzi – Assenza ta’ komunikazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti – Ksur amministrattiv – Multa – Konfiska awtomatika tas-somom miġbura inkambju għat-tranżazzjoni pprojbita”

Fil-Kawża C‑351/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

Neves 77 Solutions SRL

vs

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Antifraudă Fiscală,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, T. von Danwitz (Relatur), Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, J.-C. Bonichot, S. Rodin, I. Jarukaitis, A. Kumin u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: K. Hötzel, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Neves 77 Solutions SRL, minn S. Donescu, avocată,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, L. Ghiță u O.-C. Ichim, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, E. Samoilova, bħala aġenti, kif ukoll minn M. Meisel, espert

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Bishop u A. Ştefănuc, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-F. Brakeland, M. Carpus Carcea, L. Gussetti u Y. Marinova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) kif ukoll tal-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, u rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK tat‑8 ta’ Settembru 2014 (ĠU 2014, L 271, p. 54) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2014/512”), moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nulla poena sine lege.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Neves 77 Solutions SRL (iktar ’il quddiem “Neves”) u l-Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Antifraudă Fiscală (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Fiskali – Direttorat Ġenerali Kontra l-Frodi Fiskali, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“ANAF”) dwar proċess verbal ta’ ksur amministrattiv li jimponi fuq din il-kumpannija multa u l-konfiska tas-somom miġbura inkambju għal tranżazzjoni ta’ senserija għan-nuqqas ta’ osservanza, b’mod partikolari, tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

It‑Trattati UE u FUE

3

It-Titolu V tat-Trattat UE huwa intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna ta’ l-Unjoni [Ewropea] u Dispożizzjonijiet Speċifiċi dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni”. Taħt il-Kapitolu 2 ta’ dan it-titolu, intitolat “Dispożizzjonijiet Speċifiċi dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni”, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE jistipula:

“Il-politika estera u ta’ sigurtà komuni hija suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi. Hija għandha tkun definita u implimentata mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill li jaġixxu b’mod unanimu, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor. L-adozzjoni ta’ atti leġislattivi għandha tkun eskluża. Il-politika estera u ta’ sigurtà komuni għandha titwettaq mir-Rappreżentant Għoli ta’ l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Istati Membri, skond it-Trattati. Ir-rwoli speċifiċi tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni [Ewropea] f’dan il-qasam huma definiti mit-Trattati. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandhiex ikollha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ħlief għall-kompetenza tagħha li tissorvelja l-konformità ma’ l-Artikolu 40 [TUE] u sabiex tikkontrolla l-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 275 [TFUE]”.

4

Dejjem taħt dan il-Kapitolu 2, l-Artikolu 40 TUE jipprevedi:

“L-implimentazzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni m’għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa rispettiva tal-kompetenzi ta’ l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 [TFUE].

Bl-istess mod, l-implimentazzjoni tal-politika prevista f’dawk l-Artikoli m’għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa rispettiva tal-kompetenzi ta’ l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni taħt dan il-Kapitolu”.

5

Il-ħames parti tat-Trattat FUE tirrigwarda l-azzjoni esterna tal-Unjoni. Taħt il-Kapitolu IV ta’ din il-ħames parti, intitolat “Il-Miżuri Restrittivi”, l-Artikolu 215 TFUE jipprovdi:

“1.   Meta deċiżjoni, li tiġi adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE], tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli ta’ l-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà u tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa. Għandu jinforma b’dan lill-Parlament Ewropew.

2.   Meta deċiżjoni li tkun adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE] tipprevedi hekk, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri restrittivi taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 1 kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali.

[…]”.

6

Is-sitt parti tat-Trattat FUE tinkludi dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji. It-Titolu I ta’ din is-Sitt Parti huwa intitolat “Dispożizzjonijiet li Jirregolaw l-Istituzzjonijiet”. It-Taqsima 5 ta’ dan it-Titolu I, dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tinkludi l-Artikolu 275 TFUE, li huwa fformulat kif ġej:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandiex tkun kompetenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, u lanqas fir-rigward ta’ l-atti adottati abbażi tagħhom.

Madankollu, il-Qorti għandha tkun kompetenti sabiex timmonitorja r-rispett taa’ l-Artikolu 40 [TUE] u sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 [TFUE] dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE]”.

Id‑Deċiżjoni 2014/512

7

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/512 jistipula:

“1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni dirett jew indirett ta’ armamenti u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u l-partijiet ta’ rikambju għalihom, lir-Russja minn ċittadini ta’ Stati Membri jew li ġejjin minn territorji ta’ Stati Membri jew l-użu ta’ bastimenti jew ajruplani tal-bandiera tagħhom huma pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le.

2.   Għandu jkun projbit:

(a)

li jingħataw għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ armamenti u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż armamenti u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet ta’ rikambju għalihom, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja.

[…]”

8

Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni:

“Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-miżuri msemmija f’din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti hawnhekk”.

9

L-Artikolu 7 tal-imsemmija deċiżjoni jiddisponi:

“1.   L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni fejn il-prestazzjoni ta’ dawn ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a)

entitajiet imsemmijin fil-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 1(1) u fil-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 1(2), jew elenkati fl-Anness I, II, III jew IV;

(b)

kwalunkwe persuna, entità jew korp ieħor Russu; jew

(c)

kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxi permezz ta’ jew f’isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punti (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu.

2.   Fi kwalunkwe proċediment għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-obbligu biex ikun pruvat li mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 li l-pretensjoni tintlaqa’ għandu jkun fuq il-persuna li tkun qed tfittex l-infurzar ta’ dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal reviżjoni ġudizzjarja tal-legalità tan-nuqqas ta’ prestazzjoni ta’ obbligi kuntrattwali skont din id-Deċiżjoni”.

Ir‑Regolament (UE) 833/2014

10

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifiki fill-ĠU 2014, L 246, p. 59, u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)

‘servizzi ta’ senserija’ tfisser:

(i)

in-negozjar jew l-arranġament ta’ tranżazzjonijiet għax-xiri, bejgħ jew provvista ta’ merkanzija u teknoloġija jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi dawk minn pajjiż terz lil kwalunkwe pajjiż terz ieħor; jew

(ii)

il-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija u teknoloġija, jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi fejn jinsabu f’pajjiżi terzi għat-trasferiment tagħhom għal pajjiż terz ieħor

[…]”.

11

Skont l-Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-regolament:

“Għandu jkun pprojbit:

(a)

il-forniment, b’mod dirett jew indirett, ta’ għajnuna teknika relatata mal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni […], jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ prodotti inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja”.

Ir‑Regolament (UE) 2023/1214

12

Il-punt 19 tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1214 tat‑23 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2023, L 159 I, p. 1), issostitwixxa l-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, billi żied il-kliem “u servizzi ta’ senserija”, kif ġej:

“Għandu jkun pprojbit:

(a)

l-għoti, direttament jew indirettament, ta’ assistenza teknika u servizzi ta’ senserija relatata mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni […], jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ oġġetti inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja”.

Il‑Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK

13

Skont l-Artikolu 12 tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat‑8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU 2008, L 335, p. 99):

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom tippermettilhom jikkontrollaw l-esportazzjoni tat-teknoloġija u t-tagħmir li jinsab fil-Lista Militari Komuni tal UE. Il-Lista Militari Komuni tal UE għandha tkun punt ta’ riferiment għal-listi nazzjonali ta’ teknoloġija u tagħmir militari tal Istati Membri, iżda m’għandhiex tissostitwihom direttament”.

Il‑Lista Militari Komuni tal‑Unjoni Ewropea

14

Fis‑26 ta’ Frar 2018, il-Kunsill adotta verżjoni ġdida tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018, C 98, p. 1), imsemmija fl-Artikolu 12 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944. Fit‑18 ta’ Frar 2019, il-Kunsill adotta verżjoni aġġornata ta’ din il-lista (ĠU 2019, C 95, p. 1).

15

Il-punt “ML11” tal-imsemmija lista, f’dawn iż-żewġ verżjonijiet, kien jinkludi lista ta’ materjal elettroniku, ta’ “inġenji spazjali” u ta’ komponenti, li barra minn hekk ma kinux imsemmija fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea.

Id‑dritt Rumen

L‑OUG Nru 202/2008

16

L-Artikolu 1(1) tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 202/2008 privind punerea în aplicare a sancțiunilor internaționale (id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 202/2008 dwar l-Applikazzjoni ta’ Sanzjonijiet Internazzjonali) tal‑4 ta’ Diċembru 2008 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 825 tat‑8 ta’ Diċembru 2008) (iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 202/2008”), jipprovdi:

“Dan id-digriet ta’ emerġenza jirregola l-modalitajiet ta’ applikazzjoni fil-livell nazzjonali tas-sanzjonijiet internazzjonali imposti:

(a)

mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew minn atti oħra adottati abbażi tal-Artikolu 41 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

(b)

mir-regolamenti, mid-deċiżjonijiet, mill-pożizzjonijiet komuni, mill-azzjonijiet komuni u minn strumenti legali oħra tal-Unjoni Ewropea”.

17

Skont l-Artikolu 3 tal-OUG Nru 202/2008:

“1.   L-atti msemmija fl-Artikolu 1(1) huma vinkolanti fid-dritt nazzjonali għall-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi kollha tar-Rumanija, kif ukoll għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi Rumeni jew li jinsabu fit-territorju tar-Rumanija, konformement mar-regolamenti li jistabbilixxu s-sistema legali għal kull kategorija ta’ atti.

2.   Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-sanzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(1)”.

18

L-Artikolu 7 tal-OUG Nru 202/2008 jipprevedi:

“1.   Kull persuna li jkollha data u informazzjoni dwar persuni jew entitajiet indikati, li żżomm jew tikkontrolla beni jew li jkollha data u informazzjoni relatata magħhom, ma’ tranżazzjonijiet marbuta ma’ beni jew li fihom huma involuti persuni jew entitajiet indikati, hija obbligata tinforma lill-awtorità kompetenti b’dan, konformement ma’ dan id-digriet ta’ emerġenza hekk kif issir taf bl-eżistenza tas-sitwazzjoni li teħtieġ din l-informazzjoni.

2.   L-awtorità jew l-istituzzjoni pubblika informata skont il-paragrafu 1, jekk tikkonstata li ma hijiex awtorità kompetenti skont dan id-digriet ta’ emerġenza, għandha tibgħat l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti fi żmien 24 siegħa. Jekk l-awtorità kompetenti ma tkunx tista’ tiġi identifikata, l-informazzjoni għandha tintbagħat lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin bħala koordinatur tal-Kumitat Interistituzzjonali msemmi fl-Artikolu 13.

3.   L-informazzjoni għandha tinkludi indikazzjonijiet minimi li jippermettu li jiġi identifikat u kkuntattjat l-awtur tagħha”.

19

L-Artikolu 24(1) tal-OUG Nru 202/2008 huwa fformulat kif ġej:

“Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, wara li jkunu stabbilixxew relazzjoni legali jew li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ fatt fir-rigward ta’ kwalunkwe beni suġġett għal sanzjoni internazzjonali, isiru jafu bl-eżistenza tas-sitwazzjonijiet li jeħtieġu informazzjoni jew twissija skont l-Artikolu 7 jew l-Artikolu 18, rispettivament, huma obbligati, mingħajr dewmien u mingħajr notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti, li ma jwettqu ebda operazzjoni fir-rigward ta’ dan il-beni minbarra dawk previsti minn dan id-digriet ta’ emerġenza u li immedjatament jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti b’dan”.

20

L-Artikolu 26(1)(b) tal-OUG Nru 202/2008 jipprovdi:

“Ir-reati li ġejjin jikkostitwixxu reati amministrattivi u huma punibbli b’multa bejn 10000 u 30000 [lei Rumeni (RON)] kif ukoll bil-konfiska tal-beni maħsuba għall-ksur, użati għalih jew li jirriżultaw minnu:

[…]

(b)

in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu previst fl-Artikolu 24(1) jekk l-att ma jikkostitwixxix reat kriminali”.

Id‑Digrieti Nru 156/2018 u Nru 901/2019

21

L-Ordinul ministrului afacerilor externe nr. 156/2018 pentru aprobarea Listei cuprinzând produsele militare supuse regimului de control al exporturilor, importurilor și altor operațiuni (id-Digriet tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Nru 156/2018 li japprova l-lista ta’ prodotti militari suġġetti għas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet, importazzjonijiet u operazzjonijiet oħra) tat‑18 ta’ Jannar 2018 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 86 tat‑30 ta’ Jannar 2018, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 156/2018”), fis-seħħ mill‑5 ta’ Marzu 2018 sal‑4 ta’ Lulju 2019, tħassar u ġie ssostitwit mill-Ordinul ministrului afacerilor externe nr. 901/2019 pentru aprobarea Listei cuprinzând produsele militare supuse regimului de control al exporturilor, importurilor și altor operațiuni (id-Digriet tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Nru 901/2019 li japprova l-lista ta’ prodotti militari suġġetti għas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet, importazzjonijiet u operazzjonijiet oħra) tal‑4 ta’ Ġunju 2019 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 477 tat‑12 ta’ Ġunju 2019, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 901/2019”), fis-seħħ mill‑5 ta’ Lulju 2019 sas‑6 ta’ Ottubru 2021.

22

Il-punt “ML11” ta’ dawn id-digrieti kien jinkludi lista ta’ materjal elettroniku, ta’ “inġenji spazjali” u ta’ komponenti, li barra minn hekk ma kinux imsemmija fil-lista stabbilita mill-imsemmija digrieti.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

23

Neves, li l-attività prinċipali tagħha hija s-senserija fil-bejgħ ta’ prodotti fil-qasam tal-avjazzjoni, serviet bħala intermedjarja għal tranżazzjoni bejn SFTE Spetstechnoexport (iktar ’il quddiem “SFTE”), kumpannija Ukrena, u kumpannija Indjana.

24

Fl‑4 ta’ Jannar 2019, Neves, bħala bejjiegħ, ikkonkludiet ma’ SFTE, bħala xerrej, kuntratt dwar it-trasferiment tad-drittijiet tal-proprjetà ta’ 32 sett tar-radju R-800L2E, li kellhom jiġu kkunsinnati fl-Emirati Għarab Magħquda (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal‑4 ta’ Jannar 2019”). Fit‑8 ta’ Jannar 2019, Neves xtrat mingħand kumpannija Portugiża dan it‑32 sett tar-radju, li 20 minnhom ġew immanifatturati fir-Russja u esportati lejn l-Emirati Għarab Magħquda. Sussegwentement, fuq talba ta’ SFTE, Neves ittrasferixxiet l-imsemmija 32 sett tar-radju lil din il-kumpannija Indjana, li rċeviethom fil‑31 ta’ Jannar 2019.

25

Permezz ta’ ittri tas‑26 u tad‑29 ta’ Lulju 2019, id-Departamentul pentru Controlul Exporturilor (ANCEX) din cadrul Ministerului Afacerilor Externe (id-Dipartiment għall-Kontroll tal-Esportazzjonijiet (ANCEX) tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“ANCEX”) informa lil Neves li s-settijiet tar-radju R-800L2E kienu jaqgħu taħt il-kategorija ML11 tal-lista ta’ prodotti militari approvata bid-Digriet Nru 901/2019, li t-tranżazzjonijiet kummerċjali li jirrigwardaw dawn tal-aħħar setgħu jsiru biss abbażi ta’ reġistrazzjoni u ta’ liċenzji maħruġa minn dan id-dipartiment, konformement mal-Ordonanța de urgență a Guvernului Nru 158/1999 privind regimul de control al exporturilor, importurilor și altor operațiuni cu produse militare (id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 158/1999 dwar is-Sistema ta’ Kontroll tal-Esportazzjonijiet, Importazzjonijiet u Operazzjonijiet Oħra ta’ Prodotti Militari), ippubblikat mill-ġdid, u li l-attività ta’ senserija li tirrigwarda dawn is-settijiet tar-radju kienet taqa’ taħt id-Deċiżjoni 2014/512.

26

Bi tweġiba għal dawn l-ittri, Neves ikkontestat in-natura militari tal-imsemmija settijiet tar-radju u argumentat li d-Digriet Nru 901/2019 ma kienx applikabbli fil-mument tal-kunsinna tagħhom. Neves żiedet li lanqas l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 ma kien japplika, peress li l-istess settijiet tar-radju ma kinux ġew mibjugħa fir-Russja, peress li l-imsemmija settijiet kienu ġew ikkunsinnati fl-Indja.

27

Fis‑6 u fid‑9 ta’ Awwissu 2019, Neves irċeviet mingħand SFTE is-somom ta’ EUR 577746,08, bħala ħlas akkont, u ta’ EUR 2407215,32, bħala ħlas tal-beni kkunsinnati, rispettivament, konformement mal-kuntratt tal‑4 ta’ Jannar 2019.

28

Fit‑12 ta’ Mejju 2020, l-ANAF ippreparat proċess verbal ta’ ksur amministrattiv, konformement mal-Artikolu 26(1)(b) tal-OUG Nru 202/2008, li impona fuq Neves, prinċipalment, multa amministrattiva fl-ammont ta’ RON 30000 (madwar EUR 6066) u, addizzjonalment, il-konfiska tas-somma totali ta’ RON 14113003 (madwar EUR 2984961,40), miġbura fis‑6 u fid‑9 ta’ Awwissu 2019 skont il-kuntratt tal‑4 ta’ Jannar 2019.

29

L-ANAF qieset li Neves kienet kisret l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 kif ukoll l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 24(1) tal-OUG Nru 202/2008. Fl-anness ta’ dan il-proċess verbal, hija ppreċiżat, b’mod partikolari, li, għalkemm, permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Neves kienet informat lill-ANCEX li l-pajjiż ta’ oriġini tas-settijiet tar-radju kien il-Federazzjoni Russa, hija kienet kompliet bl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt u rċeviet din is-somma minkejja l-ittri tal-ANCEX tas‑26 u tad‑29 ta’ Lulju 2019.

30

Neves ippreżentat rikors intiż għall-annullament tal-imsemmi proċess verbal quddiem il-Judecătoria Sectorului 1 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tal‑1 Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Novembru 2020.

31

It-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija), il-qorti tar-rinviju, hija adita bl-appell ippreżentat minn Neves minn dik is-sentenza. Neves tikkontesta, prinċipalment, li wettqet il-ksur amministrattiv ikkonstatat kontriha mill-ANAF u ssostni, sussidjarjament, li l-miżura ta’ konfiska imposta fuqha minħabba dan il-ksur ma hijiex proporzjonata u tikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħha, kif iggarantit fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1952 (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Protokoll Addizzjonali”).

32

Il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-ġurisprudenza tagħha, b’mod partikolari fis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma interpretatx l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, u li huwa neċessarju li jiġi ċċarat, b’mod partikolari, jekk din id-deċiżjoni tippermettix miżura ta’ konfiska totali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-imsemmija qorti tistaqsi wkoll dwar in-natura proporzjonata tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-[Deċiżjoni 2014/512], b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 7 tagħha, tista’ tiġi interpretata, fid-dawl tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u nulla poena sine lege, fis-sens li tawtorizza miżura nazzjonali li tippermetti l-konfiska sħiħa tas-somom (bħala piena ċivili) li jirriżultaw minn tranżazzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, fil-każ li jinstab li twettaq att ikkwalifikat mid-dritt nazzjonali bħala reat amministrattiv?

2)

L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/512 għandu jiġi interpretat bħala li jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali li jipprevedu l-konfiska awtomatika ta’ kwalunkwe somma li tirriżulta mill-ksur tal-obbligu ta’ notifika ta’ tranżazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512?

3)

Il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 hija applikabbli fil-każ li l-oġġetti li jirrappreżentaw tagħmir militari li kienu suġġetti għal tranżazzjonijiet ta’ senserija qatt ma ġew fiżikament importati fit-territorju tal-Istat Membru?”

Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

34

Il-Gvern Rumen u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kunsill iqisu li, skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li taqa’ taħt il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) li sservi bħala bażi għal miżuri nazzjonali ta’ sanzjoni, bħall-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512. Min-naħa tagħhom, Neves, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jqisu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta tali dispożizzjoni.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar il-PESK kif ukoll l-atti adottati abbażi tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet jintroduċu deroga mir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati u, għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’mod ristrettiv (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punti 6970, tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill et, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punti 3940, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill, C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punti 2632).

36

Barra minn hekk, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jistabbilixxu espliċitament żewġ eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, jiġifieri l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ, minn naħa, l-osservanza tal-Artikolu 40 TUE kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill, adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, li jipprevedu miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft,C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 6081).

37

Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, għal dak li jirrigwarda l-atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-PESK, hija n-natura individwali ta’ dawn l-atti li tagħti, konformement mal-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, l-aċċess għall-qrati tal-Unjoni (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft,C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Madankollu, l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa ddefinit b’riferiment mhux għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi identifikati, iżda għal kriterji oġġettivi, jikkostitwixxi fi kwalunkwe każ miżura ta’ portata ġenerali li ma taqax taħt il-miżuri restrittivi msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, Ġabra, EU:C:2013:776, punt 99, kif ukoll tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft,C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 9798).

39

Barra minn hekk, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma hija limitata fir-rigward ta’ regolament adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, li jagħti effett għall-pożizzjonijiet tal-Unjoni adottati fil-kuntest tal-PESK. Fil-fatt, tali regolamenti jikkostitwixxu atti tal-Unjoni adottati abbażi tat-Trattat FUE u li fir-rigward tagħhom il-qrati tal-Unjoni għandhom il-ġurisdizzjoni kollha mogħtija lilhom mid-dritt primarju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tar-Regolament Nru 833/2014 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 105107).

41

Madankollu, peress li l-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi ta’ senserija prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, li jservi bħala bażi għall-miżuri nazzjonali ta’ sanzjoni imposti fuq Neves, ma kinitx ġiet implimentata fir-Regolament Nru 833/2014 fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta dan l-Artikolu 2(2)(a).

42

F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta miżura restrittiva ta’ portata ġenerali, bħall-imsemmi Artikolu 2(2)(a), fl-ipoteżi fejn din il-miżura, li sservi bħala bażi għal miżuri nazzjonali ta’ sanzjoni imposti fuq persuna fiżika jew ġuridika, kellha tiġi implimentata f’regolament skont l-Artikolu 215 TFUE, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-imsemmija miżura fil-livell tal-Unjoni.

43

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ l-osservanza tal-Artikolu 40 TUE, għandu jiġi rrilevat li t-trattati ma jipprevedu ebda modalità partikolari sabiex jitwettaq tali stħarriġ ġudizzjarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-istħarriġ jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-trattati (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 62). Billi jipprevedi tali ġurisdizzjoni ġenerali, il-punt (b) tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 19 TUE jindika, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha taġixxi, f’talba għal deċiżjoni preliminari, fuq it-talba tal-qrati nazzjonali, fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-validità ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

44

Fil-kuntest tal-imsemmi stħarriġ, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 TUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li l-implimentazzjoni tal-PESK mill-Kunsill ma taffettwax l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-portata rispettiva tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet previsti mit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni skont it-Trattat FUE.

45

Dan jimplika b’mod partikolari li jiġi żgurat li, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 215 TFUE, li jistabbilixxi rabta bejn l-għanijiet tat-Trattat UE fil-qasam tal-PESK u l-azzjonijiet tal-Unjoni li jinkludu miżuri restrittivi li jaqgħu taħt it-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 59 u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill, C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 38), il-Kunsill ma jistax jevita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ regolament taħt dan l-artikolu.

46

F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 215(1) TFUE, b’mod partikolari mill-użu tal-verb “jadotta”, fil-preżent indikattiv, li huwa distint mill-kliem “jista’ jadotta”, użat fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, isegwi li huwa l-Kunsill li għandu jadotta l-miżuri neċessarji msemmija fl-imsemmi paragrafu 1, sabiex jagħti effett lil deċiżjoni PESK li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-interruzzjoni jew it-tnaqqis tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz. Dik l-istituzzjoni tinsab għalhekk, fl-ipoteżi koperta minn dan il-paragrafu tal-aħħar, f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata.

47

Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi wkoll li, fir-rigward tal-atti tal-Unjoni li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi, l-istħarriġ ġudizzjarju mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-Trattati ma huwiex limitat mill-klassifikazzjoni, min-natura jew mill-forma ta’ dawn l-atti. Għalhekk, fir-rigward tar-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE, peress li dan ir-rikors huwa intiż li jiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati, huwa disponibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, indipendentement min-natura jew mill-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punti 40, 4255, kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol), C‑743/19, EU:C:2022:569, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-Trattati sabiex tiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja ta’ terzi ma tistax tiġi limitata miċ-ċirkustanza li l-Kunsill ma ħax il-miżuri kollha neċessarji abbażi tal-Artikolu 215(1) TFUE, filwaqt li, bħalma ġie enfasizzat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-kompetenza tiegħu f’dan ir-rigward hija relatata.

49

Konsegwentement, il-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari prevista mit-Trattati dwar regolament adottat abbażi tal-Artikolu 215(1) TFUE għandha tkun miftuħa fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha li l-Kunsill kellu jinkludi f’tali regolament u li jservu bħala bażi għal miżura nazzjonali ta’ sanzjoni meħuda fil-konfront ta’ terzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punti 38 sa 40).

50

Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan essenzjali tal-Artikolu 267 TFUE, li huwa li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali. Fil-fatt, fir-rigward ta’ miżuri ta’ portata ġenerali li l-Kunsill kellu jimplimenta f’regolament skont l-Artikolu 215 TFUE, diverġenzi bejn il-qrati tal-Istati Membri fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ tali miżura ta’ portata ġenerali jistgħu jikkompromettu l-unità stess tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jippreġudikaw ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft,C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 80).

51

L-interpretazzjoni adottata fil-punt 49 ta’ din is-sentenza tippermetti wkoll li tiġi żgurata l-koerenza neċessarja tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja prevista mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, bħalma jirriżulta kemm mill-Artikolu 2 TUE, li jinsab fid-dispożizzjonijiet komuni tat-Trattat UE, kif ukoll mill-Artikolu 21 TUE, li jikkonċerna l-azzjoni esterna tal-Unjoni, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 23 TUE, dwar il-PESK, l-Unjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-valur tal-Istat tad-dritt. L-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv maħsub sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza ta’ tali Stat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill, C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punti 3536 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Issa, il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 19(3)(b) TUE u fl-Artikolu 267 TFUE, li tikkostitwixxi l-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, tikkontribwixxi b’mod essenzjali għaż-żamma ta’ dan il-valur (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Għaldaqstant għandu jitqies li, fid-dawl tal-Artikoli 19, 24 u 40 TUE kif ukoll tal-Artikolu 215(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 2 u 21 TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, dwar l-interpretazzjoni ta’ miżura ta’ portata ġenerali ta’ att adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK fil-każ li jkun il-Kunsill li implimenta din il-miżura, li sservi bħala bażi għal miżuri nazzjonali ta’ sanzjoni imposti fuq persuna fiżika jew ġuridika, f’regolament skont l-Artikolu 215 TFUE.

54

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi evalwata l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512.

55

Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir militari, prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, taqax taħt il-miżuri neċessarji, fis-sens tal-Artikolu 215(1) TFUE, li huwa l-Kunsill li għandu jadotta, bħalma jsegwi mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, meta tali deċiżjoni tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar, sabiex jingħata effett lil din id-deċiżjoni.

56

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-projbizzjoni hija intiża li tirrestrinġi l-kapaċità tal-operaturi ekonomiċi li jwettqu operazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE, b’tali mod li tista’ tiġi implimentata fil-livell tal-Unjoni biss jekk tiġi segwita mill-adozzjoni ta’ regolament skont l-Artikolu 215 TFUE, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri kollha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 54).

57

Fil-fatt, l-armi u t-tagħmir militari msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, kif ukoll is-servizzi konnessi, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE. B’mod partikolari, bħalma semmiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-kummerċ ta’ dawn l-armi, ta’ dan it-tagħmir u ta’ dawn is-servizzi jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni skont l-Artikoli 114 u 207 TFUE. L-imsemmija armi u tagħmir, li jinsabu fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 12 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944 u li sservi bħala referenza għal-listi nazzjonali ta’ teknoloġija u tagħmir militari tal-Istati Membri, huma għalhekk suġġetti għat-tariffa doganali komuni, bħalma jikkonferma r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 150/2003 tal‑21 ta’ Jannar 2003 li jissospendi d-dazji fuq l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 15).

58

Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-possibbiltà offruta lill-Istati Membri fl-Artikolu 346(1)(b) TFUE, li tippermetti lil kull Stat Membru, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jieħu l-miżuri li jqis neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu u li huma relatati mal-produzzjoni jew mal-kummerċ ta’ armi, ta’ munizzjon u ta’ materjal tal-gwerra. Bħalma sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta, din il-possibbiltà ma hijiex ta’ natura li tillimita l-kompetenza limitata tal-Kunsill, li tirriżulta mill-Artikolu 215(1) TFUE, li jieħu l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni, fl-Unjoni, tal-interruzzjoni jew tat-tnaqqis tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz prevista fid-deċiżjoni li tadotta l-pożizzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

59

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, bl-adozzjoni tar-Regolament 2023/1214, il-Kunsill implimenta l-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir militari msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, u dan jikkonferma li tali miżura tagħmel parti minn dawk li għandhom jiġu adottati f’regolament ibbażat fuq l-Artikolu 215(1) TFUE.

60

Minn dan isegwi li din il-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir militari taqa’ taħt il-miżuri neċessarji, fis-sens tal-Artikolu 215(1) TFUE, sabiex jingħata effett lil dik id-deċiżjoni fuq il-livell tal-Unjoni, li l-Kunsill kellu jimplimenta fir-Regolament Nru 833/2014.

61

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq it‑tielet domanda

62

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi ttrattata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi ta’ senserija stabbilita f’din id-dispożizzjoni hija applikabbli anki meta t-tagħmir militari li huwa s-suġġett tas-senserija kkonċernata qatt ma ġie importat fit-territorju ta’ Stat Membru.

63

Skont din id-dispożizzjoni, “[għ]andu jkun ipprojbit li jingħataw għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ armamenti u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż armamenti u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet ta’ rikambju għalihom, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja”.

64

Mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “b’mod dirett jew indirett”, isegwi li l-projbizzjoni li hija tipprevedi tapplika b’mod wiesa’, b’mod partikolari meta servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir militari huma pprovduti lil persuna, entità jew korp fir-Russja, mingħajr ma din il-formulazzjoni tipprevedi kundizzjoni li teżiġi l-importazzjoni ta’ dan it-tagħmir fit-territorju ta’ Stat Membru. Skont l-imsemmija formulazzjoni, huwa biżżejjed li dawn is-servizzi jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, lil operatur fir-Russja, indipendentement mid-destinazzjoni finali tal-imsemmi tagħmir, kuntrarjament għal dak li ssostni Neves.

65

Il-kuntest u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li jifforma parti minnha l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 jikkorroboraw tali interpretazzjoni.

66

F’dan ir-rigward, minkejja li din id-deċiżjoni ma tinkludix dispożizzjoni li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizzi ta’ senserija”, ir-Regolament Nru 833/2014, li jimplimenta din id-deċiżjoni fil-livell tal-Unjoni, jiddefinixxi dan il-kunċett fl-Artikolu 1(1)(d) tiegħu, li l-formulazzjoni tiegħu turi b’mod ċar li ebda kundizzjoni dwar l-importazzjoni tal-oġġetti li huma s-suġġett tat-tranżazzjoni ta’ senserija inkwistjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ma hija imposta.

67

Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, is-servizzi ta’ senserija jinkludu n-negozjar jew l-organizzazzjoni ta’ tranżazzjonijiet għax-xiri, għall-bejgħ jew għall-provvista ta’ oġġetti, “inklużi dawk minn pajjiż terz lil kwalunkwe pajjiż terz ieħor”, jew il-bejgħ jew ix-xiri ta’ oġġetti “inklużi fejn jinsabu f’pajjiżi terzi biex jiġu ttrasferiti lejn pajjiż terz ieħor”.

68

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tal-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni 2014/512 u mir-Regolament Nru 833/2014, jiġifieri l-protezzjoni tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll il-promozzjoni ta’ soluzzjoni paċifika għall-kriżi f’dan il-pajjiż, li jaqgħu taħt l-għan iktar wiesa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 150).

69

Issa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-deċiżjoni li l-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni tapplika anki meta s-servizzi ta’ senserija kkonċernati jirrigwardaw armi u tagħmir militari li, indipendentement mid-destinazzjoni finali tagħhom, ma ġewx importati fit-territorju ta’ Stat Membru, tippermetti li jiġi żgurat l-effett utli ta’ din il-projbizzjoni u tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tal-imsemmija deċiżjoni mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tali projbizzjoni tista’ faċilment tiġi evitata jekk ikun biżżejjed, sabiex tiġi evitata din tal-aħħar, li dawn l-armi u tagħmir militari jgħaddu minn tranżitu mingħajr ma jgħaddu mit-territorju tal-Unjoni.

70

L-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 64 ta’ din is-sentenza tippermetti wkoll li tiġi żgurata l-koerenza tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, billi tagħti l-istess portata lill-kunċett ta’ “servizzi ta’ senserija” li jinsab f’diversi atti li jaqgħu taħt il-qasam tal-PESK.

71

Minn dan isegwi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi ta’ senserija stabbilita f’din id-dispożizzjoni hija applikabbli anki meta t-tagħmir militari li huwa s-suġġett tas-senserija kkonċernata qatt ma ġie importat fit-territorju ta’ Stat Membru.

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

72

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien u fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għamel riferiment kemm għall-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 kif ukoll għall-Artikoli 5 u 7 ta’ dik id-deċiżjoni. Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li dawn l-Artikoli 5 u 7 ma humiex rilevanti fid-dawl tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

73

Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 5 sempliċement jindika li l-Unjoni tinkoraġġixxi lill-Istati terzi jadottaw miżuri restrittivi analogi għal dawk previsti fl-imsemmija deċiżjoni. Fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 7, dan jikkonċerna l-eventwali talbiet fl-okkażjoni ta’ kull kuntratt jew kull tranżazzjoni, li l-eżekuzzjoni tagħhom tkun saret bil-miżuri stabbiliti skont id-Deċiżjoni 2014/512, li jkunu ppreżentati minn waħda mill-kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet elenkati fl-istess Artikolu 7(1)(a) sa (ċ). Issa, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, it-tilwima fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax tali talba u Neves ma taqa’ taħt ebda waħda minn dawn il-kategoriji.

74

Min-naħa l-oħra, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dik il-qorti tistaqsi wkoll dwar il-konformità ta’ miżura ta’ konfiska, bħal dik imposta fuq Neves, mad-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali u stabbilit, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

75

Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, moqri fid-dawl tad-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nulla poena sine lege, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali ta’ konfiska tar-rikavat kollu minn tranżazzjoni ta’ senserija msemmija f’dan l-Artikolu 2(2)(a), li sseħħ, b’mod awtomatiku, wara l-konstatazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta’ ksur tal-projbizzjoni li titwettaq din it-tranżazzjoni u tal-obbligu ta’ notifika tagħha.

76

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri, filwaqt li jżommu l-għażla tas-sanzjonijiet, għandhom jiżguraw li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġi ssanzjonat f’kundizzjonijiet, sostantivi u proċedurali, li jkunu analogi għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali ta’ natura u ta’ importanza simili u li, fi kwalunkwe każ, jagħtu lis-sanzjoni natura effettiva, proporzjonata u dissważiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski,C‑255/14, EU:C:2015:475, punt 21 u tat‑2 ta’ Mejju 2018, Scialdone,C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77

B’mod partikolari, il-miżuri ta’ sanzjoni previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni u lanqas ma għandhom ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawn l-għanijiet, u s-severità tas-sanzjonijiet għandha wkoll tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li huma jissanzjonaw, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’ Economia e delle Finanze (C‑452/20, EU:C:2022:111, punti 37 sa 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, “[k]ull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku”.

79

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 17 tal-Karta jikkostitwixxi dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn din tinkludi drittijiet korrispondenti għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea Għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, is-sens tagħhom u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom din il-Konvenzjoni. Madankollu din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar estensiva. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali, li jistabbilixxi l-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà, bħala livell ta’ protezzjoni minima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Kif iddeċidiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’mod kostanti fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 17(1) tal-Karta jinkludi tliet regoli distinti. L-ewwel waħda, li hija espressa fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar u hija ta’ natura ġenerali, tistabbilixxi l-prinċipju tar-rispett tal-proprjetà. It-tieni waħda, li tinsab fit-tieni sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni, tirrigwarda ċ-ċaħda ta’ proprjetà u tissottomettiha għal ċerti kundizzjonijiet. Fir-rigward tat-tielet waħda, li tinsab fit-tielet sentenza tal-istess dispożizzjoni, din tirrikonoxxi lill-Istati s-setgħa, b’mod partikolari, li jirregolaw l-użu tal-proprjetà sa fejn ikun neċessarju għall-interess ġenerali. Għaldaqstant dawn ma humiex regoli mingħajr rabta bejniethom. It-tieni u t-tielet regola jirrigwardaw eżempji partikolari ta’ ksur tad-dritt għall-proprjetà, u għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju stabbilit fl-ewwel waħda minn dawn ir-regoli (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 38).

82

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jsegwi li miżuri ta’ konfiska li jirrigwardaw ir-rikavat minn reat jew minn attività illegali jew strument li serva bħala reat li ma jappartjenix lil terz in bona fide jaqgħu, b’mod ġenerali, taħt il-leġiżlazzjoni tal-użu tal-oġġetti, anki jekk dawn iċaħħdu, min-natura tagħhom stess, lil persuna mill-proprjetà tagħha (ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 24 ta’ Ottubru 1986, Agosi vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:1986:1024JUD000911880, punt 51; il-Qorti EDB, 12 ta’ Mejju 2015, Gogitidze et vs Il‑Ġeorġja, CE:ECHR:2015:0512JUD003686205, punt 94, kif ukoll il-Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2020, Karapetyan vs Il‑Ġeorġja, CE:ECHR:2020:1015JUD006123312, punt 32).

83

F’dan il-każ, il-miżura ta’ konfiska imposta fuq Neves kienet tirrigwarda somma ta’ flus li kienet tħallset lilha bħala pagament għall-kunsinna, b’eżekuzzjoni tal-kuntratt tal‑4 ta’ Jannar 2019, ta’ settijiet tar-radju meqjusa bħala tagħmir militari. Din il-miżura għandha l-għan li tinforza l-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir militari prevista mid-Deċiżjoni 2014/512, bħala miżura restrittiva ta’ portata ġenerali bi tweġiba għall-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina. Għalhekk, l-imsemmija miżura hija marbuta mal-projbizzjoni ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ armi u ta’ materjal militari lir-Russja wkoll prevista minn din id-deċiżjoni kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, mal-leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ tal-armi.

84

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali miżura ta’ konfiska tikkostitwixxi limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà, li taqa’ taħt ir-regolamentazzjoni tal-użu tal-proprjetà, fis-sens tat-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

85

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u Il‑BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 69).

86

Madankollu, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi, tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u tissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn.

87

Issa, l-ewwel, miżura ta’ konfiska bħal dik imposta fuq Neves hija prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fil-fatt, din il-miżura hija bbażata fuq l-OUG Nru 202/2008 kif ukoll fuq il-lista nazzjonali ta’ teknoloġija u ta’ tagħmir militari msemmija fl-Artikolu 12 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944 u stabbilita, fir-rigward tar-Rumanija, permezz tad-Digrieti Nru 156/2018 u Nru 901/2019.

88

It-tieni, peress li, bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, din il-miżura taqa’ taħt ir-regolamentazzjoni tal-użu tal-oġġetti, fis-sens tat-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta u ma tikkostitwixxix ċaħda ta’ proprjetà, fis-sens tat-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu 17(1), hija tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 53).

89

It-tielet, l-imsemmija miżura hija intiża għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni 2014/512, li l-importanza tagħha ġiet enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja, bħalma tfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, u tissodisfa, għalhekk, għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

90

Ir-raba’, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jidher, qabelxejn, li l-limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà li tirriżulta mill-istess miżura hija xierqa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

91

Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li l-miżura ta’ konfiska inkwistjoni fil-kawża prinċipali, komplementari għal miżura ta’ multa, ittieħdet wara l-konstatazzjoni, mill-awtoritajiet Rumeni kompetenti, tan-nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni li titwettaq tranżazzjoni fir-rigward ta’ oġġett li huwa s-suġġett ta’ sanzjoni internazzjonali, li tirriżulta, f’dan il-każ, mid-Deċiżjoni 2014/512, u mill-obbligu li dawn l-awtoritajiet jiġu informati immedjatament b’din it-tranżazzjoni. L-impożizzjoni ta’ din il-miżura ta’ konfiska hija ta’ natura li tiddiswadi lill-operaturi kkonċernati milli jwettqu tali operazzjonijiet u li tinkoraġġihom josservaw kemm din il-projbizzjoni kif ukoll dan l-obbligu ta’ informazzjoni, li jiffaċilita l-kontroll, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-prodotti kkonċernati, f’dan il-każ tagħmir militari.

92

Sussegwentement, fir-rigward tan-natura neċessarja ta’ tali miżura ta’ konfiska, għandu jiġi rrilevat li l-ammont massimu tal-multa prevista bħala sanzjoni prinċipali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ta’ RON 30000 (madwar EUR 6066). Fid-dawl tal-limitu baxx ta’ din il-multa meta mqabbel mal-vantaġġ ekonomiku potenzjalment mistenni mit-tranżazzjonijiet ta’ senserija li jirrigwardaw tagħmir militari, is-sempliċi impożizzjoni ta’ din il-multa ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiddisswadi lill-operaturi ekonomiċi milli jiksru l-projbizzjoni li jipprovdu servizzi ta’ senserija fir-rigward ta’ dan it-tagħmir kif ukoll l-obbligu li jinformaw b’dan lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dan jidher miċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-korrispettiv tat-tranżazzjoni ta’ senserija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jammonta għal somma ta’ kważi EUR 3 miljun.

93

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konfiska tal-korrispettiv sħiħ tar-rikavat mit-tranżazzjoni ta’ senserija pprojbita tidher għalhekk neċessarja sabiex tiskoraġġixxi realment u b’mod effikaċi lill-operaturi ekonomiċi milli jiksru l-projbizzjoni li jipprovdu servizzi ta’ senserija fir-rigward ta’ tagħmir militari.

94

Bl-istess mod, il-fatt li miżura ta’ konfiska sseħħ b’mod awtomatiku, permezz ta’ rapport ta’ konstatazzjoni stabbilit mill-awtorità amministrattiva kompetenti, huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sanzjoni ta’ ksur kemm tal-projbizzjoni li titwettaq tranżazzjoni ta’ senserija li taqa’ taħt l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 kif ukoll tal-obbligu li tiġi nnotifikata, bla ħsara għad-dritt għal rimedju effettiv sabiex tiġi mistħarrġa r-regolarità ta’ dan ir-rapport u sabiex jinkiseb, jekk ikun il-każ, il-ħlas lura tas-somom ikkonfiskati, b’mod partikolari jekk jirriżulta, b’mod definittiv, li t-tranżazzjoni kkonċernata ma taqax taħt din il-projbizzjoni.

95

Fir-rigward ta’ tali rikors, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali jsegwi li, fil-każijiet fejn sanzjoni ta’ konfiska hija imposta indipendentement minn kundanna kriminali, huwa importanti li l-proċedura kollha kemm hi tagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li tiddefendi ruħha kemm quddiem l-awtoritajiet nazzjonali li jkunu imponewlha din is-sanzjoni kif ukoll quddiem il-qrati aditi bir-rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet, sabiex ikunu jistgħu jipproċedu għal eżami globali tad-diversi interessi involuti (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2020, Karapetyan vs Il‑Ġeorġja, CE:ECHR:2020:1015JUD006123312, punt 35).

96

F’dan ir-rigward, il-persuna kkonċernata għandha, b’mod partikolari, tingħata okkażjoni xierqa sabiex tesponi l-każ tagħha lill-awtoritajiet kompetenti, b’mod li tippermetti kontestazzjoni effettiva tal-miżuri inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 368).

97

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha li Neves tibbenefika minn garanziji proċedurali suffiċjenti fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari fir-rigward tal-istabbiliment tal-materjalità tal-ksur amministrattiv li hija akkużata bih. B’mod partikolari, sa fejn din il-kumpannija tikkontesta n-natura ta’ tagħmir militari tas-settijiet tar-radju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dik il-qorti għandha tiżgura ruħha li dawn is-settijiet tar-radju jaqgħu taħt il-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea, imsemmija fl-Artikolu 12 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944, li serviet bħala riferiment għal-lista nazzjonali ta’ dan it-tagħmir stabbilita bid-Digrieti Nru 156/2018 u Nru 901/2019.

98

Bla ħsara għall-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, miżura ta’ konfiska bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija.

99

Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-natura proporzjonata fis-sens strett ta’ tali miżura u, b’mod partikolari, tal-adegwatezza tar-rigorożità tagħha meta mqabbla mal-gravità tal-ksur li hija intiża li tissanzjona, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-imsemmija miżura tirrigwarda r-rikavat kollu tat-tranżazzjoni ta’ senserija pprojbita u sseħħ b’mod awtomatiku, l-ammont tal-multa li jakkumpanja l-istess miżura jista’, min-naħa l-oħra, jiġi aġġustat. Barra minn hekk, dawn is-sanzjonijiet japplikaw biss għall-persuni li jkunu saru jafu li kienu jinsabu f’sitwazzjoni li teżiġi informazzjoni jew twissija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, dwar oġġett li huwa s-suġġett ta’ sanzjoni internazzjonali, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 24(1) u mill-Artikolu 26(1)(b) tal-OUG Nru 202/2008. F’tali sitwazzjoni, dawn il-persuni huma obbligati, mingħajr dewmien u mingħajr notifika minn qabel lil dawn l-awtoritajiet, li ma jwettqu ebda tranżazzjoni li tirrigwarda dan l-oġġett minbarra dawk previsti minn dan id-digriet. Għalhekk huma kkonċernati biss persuni li, b’għarfien sħiħ tal-fatti, astjenew milli jipproċedu għal din it-twissija jew li xorta waħda wettqu tali tranżazzjoni.

100

Minn dawn l-elementi jsegwi li s-severità tas-sanzjonijiet previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija proporzjonata mal-gravità tal-ksur li huma intiżi li jissanzjonaw, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tal-għanijiet leġittimi mfittxija.

101

Għaldaqstant, il-limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà li tirriżulta minn tali miżura ta’ konfiska tidher li tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, konsegwentement, li hija ġġustifikata fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

102

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, dan il-prinċipju jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom. Għalkemm dan il-prinċipju jipprekludi li dispożizzjoni legali ġdida tapplika retroattivament, jiġifieri għal sitwazzjoni li seħħet qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li kull sitwazzjoni ta’ fatt għandha normalment, u ħlief fil-każ ta’ indikazzjoni espressa kuntrarja, tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali li huma kontemporanji għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND, C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, li jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali u li huwa stabbilit fl-Artikolu 49 tal-Karta, dan jimplika, b’mod partikolari, li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jikkastigawhom sabiex tiġi żgurata l-prevedibbiltà kemm fir-rigward tad-definizzjoni tar-reat kif ukoll fir-rigward tad-determinazzjoni tal-piena (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 47 u tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin,C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104

Fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji, il-qorti tar-rinviju sempliċement indikat li Neves sostniet li d-Digriet Nru 901/2019, li stabbilixxa, fir-rigward tar-Rumanija, il-lista nazzjonali ta’ teknoloġija u ta’ tagħmir militari msemmija fl-Artikolu 12 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944, ma kienx fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, b’tali mod li ma kienx applikabbli għas-settijiet tar-radju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għalhekk ma setgħux jitqiesu li huma tagħmir militari li jaqa’ taħt il-kategorija ML11 ta’ din il-lista.

105

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dik id-data, l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, li jipprojbixxi l-provvista ta’ servizzi ta’ senserija fir-rigward ta’ dan it-tagħmir, kif ukoll il-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, kienu fis-seħħ. Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li l-kategorija ML11 tad-Digriet Nru 901/2019, li ħassar u ssostitwixxa d-Digriet Nru 156/2018, fis-seħħ mill‑5 ta’ Marzu 2018 sal‑4 ta’ Lulju 2019, kien identiku għall-kategorija ML11 ta’ dan id-digriet tal-aħħar, b’tali mod li, bħalma osservat il-Kummissjoni, ma jidhirx li l-kwistjoni tirrigwarda l-applikazzjoni retroattiva ta’ dispożizzjoni legali ġdida fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 102 ta’ din is-sentenza.

106

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, konformement mar-regoli tad-dritt Rumen applikabbli fid-data tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li d-determinazzjoni u l-evalwazzjoni tagħhom jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva ta’ dik il-qorti, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt li jinkludu din il-lista kinux fis-seħħ f’dik id-data, kif ukoll jekk ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà mfakkra fil-punti 102 u 103 ta’ din is-sentenza ġewx osservati.

107

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, moqri fid-dawl tad-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nulla poena sine lege, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura nazzjonali ta’ konfiska tar-rikavat kollu minn tranżazzjoni ta’ senserija msemmija f’dan l-Artikolu 2(2)(a), li sseħħ, b’mod awtomatiku, wara l-konstatazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta’ ksur tal-projbizzjoni li titwettaq din it-tranżazzjoni u tal-obbligu ta’ notifika tagħha.

Fuq l‑ispejjeż

108

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK tat‑8 ta’ Settembru 2014,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi ta’ senserija stabbilita f’din id-dispożizzjoni hija applikabbli anki meta t-tagħmir militari li huwa s-suġġett tas-senserija kkonċernata qatt ma ġie importat fit-territorju ta’ Stat Membru.

 

2)

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendat bid-Deċiżjoni 2014/659, moqri fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nulla poena sine lege,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix miżura nazzjonali ta’ konfiska tar-rikavat kollu minn tranżazzjoni ta’ senserija msemmija f’dan l-Artikolu 2(2)(a), li sseħħ, b’mod awtomatiku, wara l-konstatazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta’ ksur tal-projbizzjoni li titwettaq din it-tranżazzjoni u tal-obbligu ta’ notifika tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Fuq