Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62022CJ0133

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Settembru 2023.
LACD GmbH vs BB Sport GmbH & Co. KG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Punt 14 tal-Artikolu 2 – Direttiva (UE) 2019/771 – Punt 12 tal-Artikolu 2 – Garanzija kummerċjali – Speċifikazzjonijiet jew kwalunkwe rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità tal-oġġett mibjugħ, stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-reklamar rilevanti – Impenn minn garanti dwar is-sodisfazzjon tal-konsumatur ikkonċernat fir-rigward tal-oġġett mixtri – Verifika tal-assenza ta’ sodisfazzjon ta’ dan il-konsumatur.
Kawża C-133/22.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2023:710

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

28 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Punt 14 tal-Artikolu 2 – Direttiva (UE) 2019/771 – Punt 12 tal-Artikolu 2 – Garanzija kummerċjali – Speċifikazzjonijiet jew kwalunkwe rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità tal-oġġett mibjugħ, stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-reklamar rilevanti – Impenn minn garanti dwar is-sodisfazzjon tal-konsumatur ikkonċernat fir-rigward tal-oġġett mixtri – Verifika tal‑assenza ta’ sodisfazzjon ta’ dan il-konsumatur”

Fil-Kawża C‑133/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

LACD GmbH

vs

BB Sport GmbH & Co. KG

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal LACD GmbH, minn S. Kuhn, Rechtsanwalt,

għal BB Sport GmbH & Co. KG, minn C. Rohnke, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Noll-Ehlers, I. Rubene u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64), u l-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU 2019, L 136, p. 28, rettifika fil-ĠU 2019, L 305, p. 61).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LACD GmbH u BB Sport GmbH & Co. KG dwar il-legalità ta’ dikjarazzjoni mwaħħla fuq prodotti kkummerċjalizzati minn LACD.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2011/83

3

Il-premessi 4, 5 u 7 tad-Direttiva 2011/83 jipprevedu:

“(4)

[…] L-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-kuntratti tal-konsumatur mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju hija meħtieġa għall-promozzjoni ta’ suq intern realment tal-konsumatur li jsib l-aħjar bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li jiżgura r-rispett għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

(5)

[…] [L]-armonizzazzjoni sħiħa tal-informazzjoni tal-konsumatur u d-dritt ta’ reċess f’kuntratt mill-bogħod u dawk li jseħħu lil hinn mill-post tan-negozju se jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għat-tħaddim aħjar tas-suq intern tan-negozju dirett lejn il-konsumatur.

[…]

(7)

L-armonizzazzjoni sħiħa ta’ wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. […]”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, l-għan tagħha “huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti”.

5

Il-punt 14 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “garanzija kummerċjali” bħala li tfisser “kwalunkwe impenn mill-kummerċjant jew minn produttur (il-‘garanti’) lill-konsumatur, flimkien mal-obbligi tal-liġi dwar il-garanzija ta’ konformità, ta’ rimbors tal-prezz imħallas jew ta’ sostituzzjoni, tiswija jew manutenzjoni ta’ oġġetti fi kwalunkwe mod jekk ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet jew kwalunkwe rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità, stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-riklamar relevanti disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew qablu”.

6

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il‑kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

[…]

(m)

fejn applikabbli, l-eżistenza u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ għall-klijenti, servizzi ta’ wara l-bejgħ u garanziji kummerċjali;

[…]”

Id‑Direttiva 2019/771

7

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2019/771, din għandha l-għan “li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li tipprevedi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur […]”

8

Il-punt 12 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “garanzija kummerċjali” bħala li jfisser “kull impenn mill-bejjiegħ jew minn produttur (il-garanti) lill-konsumatur, flimkien mal-obbligu legali tal-bejjiegħ dwar il-garanzija ta’ konformità, ta’ rimborż tal-prezz imħallas jew ta’ sostituzzjoni, tiswija jew manutenzjoni ta’ oġġetti bi kwalunkwe mod jekk ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet jew kull rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità, stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-reklamar relevanti disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew qablu”.

9

L-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li d-dispożizzjonijiet tagħha ma japplikawx għall-kuntratti konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 2022.

Id‑dritt Ġermaniż

10

Skont l-Artikolu 443(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), l-impenn speċifiku tal-bejjiegħ, tal-produttur jew ta’ terz ieħor, li jkun jinsab f’dikjarazzjoni jew f’reklamar li jkun sar qabel jew fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ, jikkostitwixxi garanzija b’żieda mal-garanzija ta’ konformità, li hija intiża għar-rimbors tal-prezz tax-xiri, is-sostituzzjoni jew it-tiswija tal-oġġett jew tal-provvista ta’ kwalunkwe servizz ieħor relatat mal-oġġett, jekk dan tal-aħħar ma jkunx jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet jew kwalunkwe rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew f’dan ir-reklamar.

11

L-Artikolu 479(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi, minn naħa, li dikjarazzjoni ta’ garanzija, fis-sens tal-Artikolu 443 tal-imsemmi kodiċi, għandha tiġi fformulata fi kliem sempliċi u li jinftiehem b’mod faċli u, min-naħa l-oħra, għandha telenka l-elementi li din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

LACD tiddistribwixxi, permezz ta’ bejjiegħa bl-imnut u kummerċjanti online, prodotti tal-isport u tal-fitness taħt it-trade mark LACD. Hija waħħlet, tal-inqas sal‑2013, Hang‑Tags fuq it-T‑shirts tagħha li fuqhom kien jidher it-test li ġej (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni LACD”):

“Garanzija LACD

Kull prodott LACD huwa akkumpanjat mill-garanzija tagħna stess għall-ħajja. Jekk ma tkunux kompletament issodisfatti minn xi wieħed mill-prodotti tagħna, jekk jogħġobkom irritornawh lid-depożitarju li xtrajtuh mingħandu. Tistgħu wkoll tibagħtuh direttament lil ‘LACD’, iżda tinsewx tindikaw fejn u meta xtrajtuh.”

13

Fix-xahar ta’ Awwissu 2018, BB Sport, li tbigħ prodotti tal-isport u tal-fitness, xtrat online, permezz ta’ klijent “ta’ ttestjar” (“Testkäuferin”), żewġ T‑shirts tat-trade mark LACD li fuqhom kienet twaħħlet tikketta li kien fiha d-dikjarazzjoni LACD.

14

Peress li qieset li l-informazzjoni li tinsab fuq dawn it-tikketti ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti legali applikabbli għal dikjarazzjoni ta’ garanzija, fis-sens tal-Artikoli 443 u 479 tal-Kodiċi Ċivili, BB Sport adixxiet il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), b’azzjoni intiża sabiex LACD tiġi ordnata twaqqaf it-twaħħil tal-imsemmija tikketta fuq il-prodotti tal-ilbies tagħha. Peress li din il-qorti ċaħdet din l-azzjoni, BB Sport ippreżentat appell quddiem l‑Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), li laqgħetu.

15

LACD għalhekk ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, li tqis li l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali jiddependi mill-interpretazzjoni kemm tal-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 kif ukoll tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/771, sa fejn it-talba għal waqfien ta’ prattika kummerċjali żleali bbażata fuq ir-riskju ta’ reċidiva, bħal dik ippreżentata fil-kawża prinċipali, tista’ tintlaqa’ biss jekk l-aġir li bih hija kkritikata l-konvenuta fil-kawża prinċipali jmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni fis-seħħ mhux biss fid-data tal-fatti, iżda wkoll tad-deċiżjoni mogħtija fir-rigward tar-rikors għal reviżjoni.

16

Din il-qorti tirrileva qabelxejn li l-konstatazzjoni tal-ksur, minn LACD, tal-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 479(1) tal-Kodiċi Ċivili tippreżupponi li l-impenn li jittieħed lura l-prodott tal-ilbies mibjugħ fil-każ ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-konsumatur, li jinsab fid-dikjarazzjoni LACD, jikkostitwixxi “garanzija”, fis-sens tal-Artikolu 443(1) ta’ dan il-kodiċi, dispożizzjoni li ttrasponiet fid-dritt Ġermaniż il-kunċett ta’ “garanzija” imsemmi fid-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223), u li, mill‑1 ta’ Jannar 2022, huwa bbażat fuq il-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/771.

17

Il-qorti tar-rinviju tqis li anki jekk is-“sodisfazzjon tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott mixtri” ma jaqax taħt l-“ispeċifikazzjonijiet tal-oġġett mibjugħ”, huwa jista’, madankollu, jikkostitwixxi “rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità”, fis-sens tal-Artikolu 443(1) tal-Kodiċi Ċivili. Hija tippreċiża li dan it-tieni kriterju ġie miżjud ma’ din id-dispożizzjoni b’effett mit‑13 ta’ Ġunju 2014, sabiex il-kunċett ta’ “garanzija kummerċjali” li jinsab fil-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 jiġi traspost fid-dritt Ġermaniż.

18

Skont din il-qorti, la l-formulazzjoni u lanqas il-kuntest ta’ dan il-punt 14 tal-Artikolu 2 jew tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/771 ma jippermettu li jiġi dedott, mingħajr ambigwità, li l-assenza ta’ “sodisfazzjon tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott mixtri” tikkostitwixxi “kwalunkwe rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità stipulat fid-dikjarazzjoni tal-garanzija”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li l-prova tiegħu tista’ twassal għar-rimbors tal-prezz tax-xiri, għas-sostituzzjoni jew għat-tiswija ta’ dan il-prodott, jew għall-provvista ta’ kwalunkwe servizz ieħor fir-rigward tal-imsemmi prodott, mingħajr ma tali assenza ta’ sodisfazzjon għandha tirriżulta mill-istat jew mill-karatteristiċi tiegħu.

19

Madankollu, peress li l-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, previst mid-Direttivi 2011/83 u 2019/771, jimmilita favur tali interpretazzjoni, l-imsemmija qorti tistaqsi b’liema mod din l‑assenza ta’ “sodisfazzjon tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott mixtri” għandha tiġi pprovata sabiex tiġi implimentata l-“garanzija kummerċjali”, fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 u tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/771.

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ikun hemm rekwiżit eventwali ieħor mhux marbut mal-konformità, fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 2 tad‑[Direttiva 2011/83] jew fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tad‑[Direttiva 2019/771] meta l-obbligu tal-garanti jkun marbut ma’ ċirkustanzi inerenti fil-persuna tal-konsumatur, b’mod partikolari mal-attitudni suġġettiva li huwa għandu fir-rigward tal-oġġett li jkun inbiegħ lilu (f’dan il-każ, is-sodisfazzjon li huwa jħoss fir-rigward ta’ dan l-oġġett u li jitħalla fid-diskrezzjoni tiegħu), mingħajr ma jkun neċessarju li dawn iċ-ċirkustanzi personali jkunu marbuta mal-istat jew mal-karatteristiċi tal-oġġett mibjugħ?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

L-assenza ta’ rekwiżiti bbażati fuq ċirkustanzi inerenti fil-persuna tal-konsumatur (f’dan il-każ, is-sodisfazzjon li huwa jħoss fir-rigward tal-oġġetti akkwistati) għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ ċirkustanzi oġġettivi?”

Fuq it‑talba għal ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura

21

Wara l-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, fid‑9 ta’ Marzu 2023, LACD talbet, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ April 2023, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, LACD issostni, minn naħa, li l-Avukat Ġenerali injora l-fatt li hija ma toperax ħanut online. Min-naħa l-oħra, LACD tinsisti fuq ir-rilevanza tal-interpretazzjoni tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/771, mitluba mill-qorti tar-rinviju.

22

Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas ma hija marbuta bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Barra minn hekk, la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedu l-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Beeren-, Wild-, Feinfrucht, C‑825/19, EU:C:2021:869, punti 24 sa 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan il-każ, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, LACD sempliċement tikkontesta ċerti siltiet mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u tippreżenta osservazzjonijiet dwar il-kontenut tagħhom, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id‑domandi preliminari

24

Preliminarjament, sa fejn il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/771, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva, konformement mal-Artikolu 24(2) tagħha, ma tapplikax għall-kuntratti konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 2022. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt dwar il-bejgħ tat-T‑shirts inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fix-xahar ta’ Awwissu 2018.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu eżaminati flimkien iż-żewġ domandi li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “garanzija kummerċjali” jinkludi, bħala “kwalunkwe rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità, stipulat fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-riklamar rilevanti disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew qablu”, impenn, meħud minn garanti fir-rigward tal-konsumatur ikkonċernat, li jirrigwardaw ċirkustanzi inerenti għall-persuna ta’ dan tal-aħħar, bħalma huwa s-sodisfazzjon tiegħu fir-rigward tal-oġġett mixtri, li tħalla għall-evalwazzjoni tiegħu stess, u, fl-affermattiv, b’liema mod dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jiġu pprovati sabiex tiġi implimentata din il-garanzija kummerċjali.

26

Il-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 jiddefinixxi l-“garanzija kummerċjali” bħala “kwalunkwe impenn mill-bejjiegħ jew minn produttur (il-‘garanti’) lill-konsumatur, flimkien mal-obbligu legali tal-bejjiegħ dwar il-garanzija ta’ konformità, ta’ rimbors tal-prezz imħallas jew ta’ sostituzzjoni, tiswija jew manutenzjoni ta’ oġġetti fi kwalunkwe mod jekk ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet jew kwalunkwe rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità, stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-reklamar relevanti disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew qablu”.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-formulazzjoni tal-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 ma tinkludi ebda element li jippermetti li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu impenn minn garanti fir-rigward tas-“sodisfazzjon tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott mixtri”, li tħalla għall-evalwazzjoni suġġettiva ta’ dan il-konsumatur.

28

Fil-fatt, minn naħa, din id-dispożizzjoni tirreferi għal “kwalunkwe impenn” minn garanti fil-konfront tal-konsumatur ikkonċernat, “flimkien mal-obbligi legali tiegħu dwar il-garanzija tal-konformità”. Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-espressjoni newtrali u ġenerika “kwalunkwe rekwiżit ieħor” tista’ tinkludi l-assenza ta’ sodisfazzjon tal-aspettattivi suġġettivi ta’ dan il-konsumatur fir-rigward tal-oġġett mixtri, indipendentement minn kull kunsiderazzjoni oġġettiva marbuta mal-karatteristiċi jew mal-kwalitajiet ta’ dan l-oġġett.

29

Sussegwentement, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-“garanzija kummerċjali”, tagħmel parti, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, mill-obbligi ta’ din id-direttiva sabiex tiġi żgurata l-informazzjoni prekuntrattwali tal-konsumatur ikkonċernat. Għalhekk, dan l-Artikolu 6 jimponi fuq kull kummerċjant li jipprovdi, f’forma ċara u li tinftiehem, lil dan il-konsumatur, qabel ma dan tal-aħħar ikun marbut b’kuntratt mill-bogħod, b’kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, jew b’offerta tal-istess tip, l-informazzjoni dwar l-eżistenza, jekk ikun il-każ, ta’ garanziji kummerċjali kif ukoll il-kundizzjonijiet marbuta miegħu.

30

Issa, interpretazzjoni tal-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 li skontha l-kunċett ta’ “garanzija kummerċjali” jinkludi l-impenn ta’ kummerċjant fir-rigward tas-“sodisdazzjon tal-konsumatur ikkonċernat fir-rigward tal-prodott mixtri” hija konformi ma’ dan l-għan, imfittex minn din id-direttiva, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi tiggarantixxi l-informazzjoni u s-sigurtà ta’ dawn tal-aħħar fit-tranżazzjonijiet mal-kummerċjanti, kif ipprovdut fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessi 4, 5 u 7 tagħha. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tippermetti lil dan il-konsumatur, minn naħa, jieħu konjizzjoni tal-impenn ta’ dan il-kummerċjant u jsir jaf aħjar, minn qabel, il-kundizzjonijiet tal-kuntratt li huwa jkun bi ħsiebu jikkonkludi sabiex jieħu, b’mod informat, id-deċiżjoni li jikkonkludi jew le tali kuntratt u, min-naħa l-oħra, jikseb mingħand l-imsemmi kummerċjant ir-rimbors tal-prezz tax-xiri permezz ta’ sempliċi dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjoni, li jsaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tiegħu fir-rigward tal-istess kummerċjant.

31

Barra minn hekk, l-impenn ta’ kummerċjant li jieħu lura l-oġġett mixtri fil-każ ta’ assenza ta’ sodisfazzjon tal-konsumatur ikkonċernat jikkostitwixxi espressjoni tal-libertà tal-intrapriża ta’ dan il-kummerċjant, stipulata fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandha wkoll tiġi osservata fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/83 fid-dawl tal-għan imsemmi fil-premessa 4 tagħha li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompetittività tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Victorinox, C‑179/21, EU:C:2022:353, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fl-aħħar nett, il-mistoqsija dwar jekk eventwali assenza ta’ sodisfazzjon tal-konsumatur ikkonċernat fir-rigward tal-oġġett mixtri għandhiex tiġi stabbilita b’mod oġġettiv tista’ tingħata biss risposta negattiva, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu. Fil-fatt, l-assenza ta’ sodisfazzjon tal-aspettattivi suġġettivi ta’ dan il-konsumatur fir-rigward ta’ tali oġġett ma tistax, mid-definizzjoni tagħha stess, tkun is-suġġett ta’ verifika oġġettiva. Is-sempliċi affermazzjoni f’dan is-sens tal-imsemmi konsumatur għandha, għaldaqstant, titqies li hija suffiċjenti.

33

Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “garanzija kummerċjali” jinkludi, bħala “kwalunkwe rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità, stipulat fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-riklamar rilevanti disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew qablu”, impenn, meħud minn garanti fir-rigward tal-konsumatur ikkonċernat, li jirrigwarda ċirkustanzi inerenti għall-persuna ta’ dan tal-aħħar, bħalma huwa s-sodisfazzjon tiegħu fir-rigward tal-oġġett mixtri, li tħalla għall-evalwazzjoni tiegħu stess, mingħajr ma l-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi għandha tiġi vverifikata b’mod oġġettiv sabiex tiġi implimentata din il-garanzija kummerċjali.

34

Fid-dawl tal-fatt li, kif ġie kkonstatat fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tindika li hija ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/771 sabiex teżamina l-legalità tad-dikjarazzjoni LACD, għandu jingħad ukoll li l-interpretazzjoni, mogħtija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, tal-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 tapplika għall-interpretazzjoni tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/771, peress li l-kunċett ta’ “garanzija kummerċjali” huwa ddefinit b’mod kważi identiku għal dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet u li, bħad-Direttiva 2011/83, id-Direttiva 2019/771, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

Fuq l‑ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

il-kunċett ta’ “garanzija kummerċjali” jinkludi, bħala “kwalunkwe rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità, stipulat fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-riklamar rilevanti disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew qablu”, impenn, meħud minn garanti fir-rigward tal-konsumatur ikkonċernat, li jirrigwarda ċirkustanzi inerenti għall-persuna ta’ dan tal-aħħar, bħalma huwa s-sodisfazzjon tiegħu fir-rigward tal-oġġett mixtri, li tħalla għall-evalwazzjoni tiegħu stess, mingħajr ma l-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi għandha tiġi vverifikata b’mod oġġettiv sabiex tiġi implimentata din il-garanzija kummerċjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq