Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CJ0682

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Marzu 2023.
Les Mousquetaires u ITM Entreprises SAS vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tordna spezzjoni – Rimedji ġudizzjarji kontra l-iżvolġiment tal-ispezzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 19 – Regolament (KE) Nru 773/2004 – Artikolu 3 – Reġistrazzjoni ta’ intervisti mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tagħha – Bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Kawża C-682/20 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2023:170

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ April 2023]

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tordna spezzjoni – Rimedji ġudizzjarji kontra l-iżvolġiment tal-ispezzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 19 – Regolament (KE) Nru 773/2004 – Artikolu 3 – Reġistrazzjoni ta’ intervisti mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tagħha – Bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni”

Fil-Kawża C‑682/20 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑15 ta’ Diċembru 2020,

Les Mousquetaires SAS, stabbilita f’Pariġi (Franza),

ITM Entreprises SAS, stabbilita f’Pariġi,

irrappreżentati minn N. Jalabert‑Doury u K. Mebarek, avocats,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. P. Berghe, A. Cleenewerck de Crayencour,. A. Dawes u I. V. Rogalski, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A.‑L. Meyer u O. Segnana, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Frar 2022,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Les Mousquetaires SAS u ITM Entreprises SAS (iktar ’il quddiem “Intermarché”) jitolbu l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni (T‑255/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:460) li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1057 final, tad‑9 ta’ Frar 2017, li tordna lil Intermarché u lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (AT.40466 – Tute‑1) (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kontenzjuża”), u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1361 final tal‑21 ta’ Frar 2017 li tordna lil Les Mousquetaires kif ukoll lill-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha biex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (AT.40466 – Tute‑1) (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kontenzjuża”, u, meħuda flimkien mal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2

Skont il-premessa 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205):

“L-skoperta ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni qed tiġi aktar diffiċli, u, Sabiex il-kompetizzjoni tiġi protteta b’mod effettiv, il-poteri investigattivi tal-Kummissjoni [Ewropea] jridu jiġu supplimentati. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari jkollha s-setgħa li tintervista kwalunkwe persuna li tista tkun f’pussess ta’ xi informazzjoni utli u li tirrekordja xi stqarrijiet li saru. Tul xi spezzjoni, uffiċjali awtorizzati mil-Kummissjoni għandhom ikollhom is-setgħa li jwaħħlu siġilli għal perjodu ta’ żmien neċessarju għall-ispezzjoni. Siġilli normalment ma għandhomx jiġu mwaħħla għal aktar min 72 siegħa. Uffiċjali awtorizzati mil-Kummissjoni għandhom ikollhom is-setgħa li jistaqsu għal kwalunkwe informazzjoni rilvanti għas-suġġett u r-raġuni tal-ispezzjoni.”

3

Taħt il-Kapitolu V, intitolat “Poteri ta’ l-Investigazzjoni”, jinstab l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Investigazzjonijiet f’setturi ta’ l-ekonomija u f’tipi ta’ ftehim”, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn it-tendenza tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, ir-riġiditità tal-prezzijiet jew ta’ ċirkostanzi oħra jissuġġerixxu li il-kompetizzjoni tista’ tkun restretta jew distorta fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ tmexxi l-inkjesta fis-settur partikolari tal-ekonomija jew f’tip partikolari ta’ ftehim madwar setturi varji. F’kors ta’ din l-inkjesta, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża kunċernata biex tipprovdi l-infromazzjoni neċessarja biex tagħti effet lill-Artikoli [101] u [102 TFUE] u tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarja tagħha għal dak il-għan.”

4

L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, intitolat “Poter li jiġu meħuda stqarrijiet”, jipprevedi:

“1.   Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tintervista kwalunkwe persuna naturali jew legali li jagħti l-kunsens li jiġi intervistat għall-għan li jinġabar informazzjoni relata mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni.

2.   Fejn l-intervista skond paragrafu 1 tiġi kondotta fuq is-sit ta’ xi impriża, il-Kummissjoni ħa tinforma l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu saret l-intervista. Jekk ikun hekk mitlub mil-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru, l-uffiċjali tagħha jistgħu jassistu l-uffiċjali u persuni oħra li qed jakkompanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni biex tagħmel l-intervista.”

5

L-Artikolu 20 tal-istess regolament, intitolat “Is-setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni”, jipprevedi:

“1.   Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji ta’ l-impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

(a)

li jidħlu f’kwalunkwe siti, art u metodi tat-trasport ta’ l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża;

(b)

li jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ, irrespettivament tal-mod kif innhu maħżun;

(ċ)

li jieħu jew jikseb f’kwalunkwe forma: kopji ta’ jew estratti min dawn il-kotba jew rekords:

(d)

li jagħlqu kwalunkwe post tal-kummerċ u l-kotba jew rekords għal dak il-perjodu u sal-punt neċessarju biex issir l-ispezzjoni;

(e)

li tistaqsi lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tas-staff ta’ l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża għal l-ispjegazzjoni fuq il-fatti jew dokumenti relati mas-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni biex tirrekordja r-risposti.

3.   L-uffiċjali u l-persuni l-oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu l-ispezzjoni ħa jeserċitaw il-poteri tagħhom malli jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li jispeċiefikaw is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-pieni previsti mil-Artikolu 23 f’każ li jipproduċu l-kotba rikjesti u rekords oħra relatati mal-kummerċ jkun inkomplut jew fejn hemm risposti għad-domandi mistoqsija taħt paragrafu 2 tal-preżent Artikolu jkun inkorret jew qarrieqi. F’ħin tajjeb qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni ħa tagħti notifikazzjoni ta’ l-ispezzjoni lill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu qed isseħħ.

4.   Impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriża huma rikjesti li jissottomettu għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni mil-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ħa tispeċifika s-suġġet u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha għandha tibda u tindika l-pieni previsti mil-Artikoli 23 u 24 u d-dritt li tar-reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea]. Il-Kummissjoni ħa tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha isseħħ l-ispezzjoni.

5.   Uffiċjali ta’ kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura mil[l]-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha sseħħ l-ispezzjoni ħa, mat-talba ta’ din l-awtorità jew tal-Kummissjoni, tassisti [jassistu] b’mod attiv lil uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni. Għal dan il-għan, huma ħa jgawdu min poteri speċifikati min paragrafu 2.

6.   Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jsibu li l-impriża topponi xi speżjoni ordnata skond dan l-Artiklu, l-Istat Membru konċernat [għandu] jtihom l-assistenza neċessarja, titlob [billi jitlob] fejn hu approprjat l-assistenza tal-puliżija jew ta’ l-awtorità infurzatura [ta’ infurzar] oħra ekwivalenti, Sabiex tħallihom [iħallihom] jikkonduċu l-ispezzjoni tagħhom.

7.   Jekk l-assistenza prevista min paragrafu 6 tirrikjedi l-awtorizzazzjoni ta’ xi awtorità ġudizzjarja bi qbil mar-regoli nazzjonali, awtorizzazzjoni bħal din trid tapplika għaliha. L-awtorizzazzjoni tista’ tintalab ukoll bħala miżura ta’ prekawzjoni.

8.   Fejn [issir applikazzjoni għal]l-awtorizzazzjoni kif msejħa fil-paragrafu 7 […], l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ħa tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri ta’ sfurzar [koerzjoni] maħsuba huma la ta’ arbitraġġ u lanqas eċċessivi wara li kkunsidraw is-suġġett ta’ l-ispezzjoni. Fil-kontrol tal-proporzjonalità tal-miżuri ta’ sfurzar [koerzjoni], l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ tistaqsi lill-Kummissjoni, direttament jew permezz ta’ l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru, għal spjegazzjonijiet dettaljati b’mod partikolari fuq il-bażi li l-Kummissjoni għandha għal ksur sospett [suspett ta’ ksur] ta’ l-Artikoli [101] u [102 TFUE], kif ukoll għas-serjetà [fuq il-gravità] tal-ksur sospettat u fuq in-natura ta’ involviment ta’ l-impriża konċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ ma tistaqsix [ma tistax tikkontesta] in-neċessità ta’ l-ispezzjoni u lanqas tordna li tkun provduta bl-informazzjoni fil-file tal-Kummissjoni. Id-dritt legali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ħa tkun suġġetta għar-reviżjoni biss mil-Qorti tal-Ġustizzja.”

6

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, bit-titolu “Multi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi fuq l-impriża u l-assoċjazzjonijiet tal-impriża multi li ma jeċċedux aktar mil-1 % tal-valur totali tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti fejn, intenzjonalment jew b’mod negligenti:

[…]

(ċ)

jipproduċu l-kotba u r-rekords rikjesti relatati mal-kummerċ f’forma inkompluta matul l-ispezzjonijiet taħt l-Artikolu 20 jew jirrifjutaw l-għotja ta’ l-ispezzjonijiet ordnati bid-deċiżjoni adottata skond l-Artikolu 20(4);

(d)

b’risposta għad-domanda mistoqsija skond l-Artikolu 20(2)(e),

jagħtu risposta inkorretta jew qarrieqa,

jonqsu milli jikkoreġu fil-limitu ta’ ħin stipulat mil-Kummissjoni risposta inkoretta, inkompluta jew qarrieqa mogħtija min xi membru tas-staff, jew

jonqsu milli jew jiriffjutaw li jiffornixxu risposta kompluta dwar il-fatti relatati mas-suġġett u l-għan ta’ xi spezzjoni ordnata min deċiżjoni adottata skond l-Artikolu 20(4);

(e)

siġilli mwaħlin skond l-Artikolu 20(2)(d) min uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizati mil-Kummissjoni ġew miksurin.”

Ir-Regolament (KE) Nru 773/2004

7

L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-[Artikoli 101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), intitolat “Bidu ta’ proċeduri”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Il-Kummissjoni tista’ teżerċita l-poteri ta’ investigazzjoni tagħha skond il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 qabel tibda l-proċeduri.”

8

Taħt il-Kapitolu III, intitolat “Investigazzjonijiet mill-Kummissjoni”, jinstab l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Poter (setgħa) li tieħu dikjarazzjonijiet”, li jipprovdi:

“1.   Fejn il-Kummissjoni tintervista persuna bil-kunsens tagħha skond l-Artikolu 19 tar-Regolament [Nru 1/2003], hija għandha, fil-bidu ta’ l-intervista, tiddikjara l-bażi legali u l-għan ta’ l-intervista, u tfakkar in-natura volontarja tagħha. Hija għandha wkoll tgħarraf lill-persuna intervistata bl-intenzjoni tagħha li tirrekordja (tirreġistra) l-intervista.

2.   L-intervista tista’ ssir b’kull mezz inkluż telefon jew mezzi elletroniċi.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tirrekordja d-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-persuni intervistati b’kull għamla. Kopja ta’ reġistrazzjoni/rekord għandha tintgħamel disponibbli lill-persuna intervistata għal approvazzjoni. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skeda ta’ żmien li fiha l-persuna intervistata tista’ tikkomunikalha kull korrezzjoni li għandha ssir lid-dikjarazzjoni.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjonijiet kontenzjużi

9

Il-fatti li wasslu għall-kawża, li jinstabu fil-punti 2 sa 11 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

10

Les Mousquetaires hija l-kumpannija holding ta’ grupp li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-settur tad-distribuzzjoni tal-ikel u mhux tal-ikel fi Franza u fil-Belġju. Intermarché hija s-sussidjarja tagħha.

11

Wara li rċeviet informazzjoni dwar skambji ta’ informazzjoni bejn Intermarché u impriżi kompetituri, b’mod partikolari, Casino, il-Kummissjoni, permezz tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, ordnat spezzjoni fil-bini ta’ Intermarché u tas-sussidjarji tagħha.

12

Id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni huwa kif ġej:

“L-Ewwel Artikolu

[…] Intermarché […] kif ukoll il-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha, huma obbligati jissottomettu ruħhom għal spezzjoni li tikkonċerna l-parteċipazzjoni possibbli tagħhom fi prattiki miftiehma kuntrarji għall-Artikolu 101 [TFUE] fis-swieq għall-provvista ta’ oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum, fis-suq għall-bejgħ ta’ servizzi lil manifatturi ta’ prodotti tad-ditta u fis-swieq għall-bejgħ lill-konsumaturi ta’ oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum. Dawn il-prattiki miftiehma jikkonsistu fi:

a)

skambji ta’ informazzjoni, mill-2015, bejn impriżi u/jew assoċjazzjonijiet tan-negozju, b’mod partikolari AgeCore u/jew il-membri tagħha, b’mod partikolari Intermarché, u [International Casino Dia Corporation (ICDC)] […] u/jew il-membri tagħha, b’mod partikolari Casino, dwar l-iskontijiet miksuba minnhom fis-swieq għall-provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti tat-tindif u l-prezzijiet fis-suq għall-bejgħ ta’ servizzi lill-manifatturi tal-prodotti tad-ditta fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, tal-prodotti tal-iġjene u tal-prodotti tat-tindif, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari [fi] Franza, u

b)

skambji ta’ informazzjoni, mill-inqas mill-2016, bejn Casino u Intermarché dwar l-istrateġiji kummerċjali futuri tagħhom, b’mod partikolari f’termini ta’ assortiment, ta’ żvilupp ta’ ħwienet, ta’ kummerċ elettroniku u ta’ politika promozzjonali fis-swieq tal-provvista tal-oġġetti tal-konsum ta’ kuljum u fis-swieq tal-bejgħ lill-konsumaturi ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum, fi Franza.

Din l-ispezzjoni tista’ ssir fi kwalunkwe post tal-impriża […].

Intermarché tawtorizza lill-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni u l-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat biex jassistuhom jew maħtura minn din tal-aħħar għal dan il-għan, biex jaċċedu għall-bini u l-mezzi kollha ta’ trasport tagħha matul il-ħinijiet normali tax-xogħol. Hija għandha tissottometti għal spezzjoni l-kotba kif ukoll kull dokument professjonali ieħor, ikun xi jkun il-mezz, jekk l-uffiċjali u persuni oħra awtorizzati hekk jitolbu u tippermettilhom li jeżaminawhom fuq il-post u li jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma jew kopja jew estratt minn dawn il-kotba jew dokumenti. Hija tawtorizza t-twaħħil ta’ siġilli mal-bini tan-negozju u l-kotba jew id-dokumenti kollha għat-tul tal-ispezzjoni u sakemm dan ikun meħtieġ għall-iskop tal-ispezzjoni. Hija għandha tagħti minnufih spjegazzjonijiet orali fuq il-post dwar l-għan u l-iskop tal-ispezzjoni jekk dawn l-uffiċjali jew persuni hekk jitolbu u tawtorizza lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal biex jagħti tali spjegazzjonijiet. Hija tawtorizza r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet fi kwalunkwe forma tkun xi tkun.

Artikolu 2

L-ispezzjoni tista’ tibda fl-20 ta’ Frar 2017 jew ftit żmien wara.

Artikolu 3

Intermarché […] kif ukoll il-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha huma destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

Din id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata, eżatt qabel l-ispezzjoni, lill-impriża li lilha hija indirizzata, bis-saħħa tal-Artikolu 297(2) [TFUE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

13

Wara li ġiet informata b’din l-ispezzjoni mill-Kummissjoni, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni (Franza) adixxiet lill-juge des libertés et de la détention de tribunal de grande instance (l-Imħallef tal-Libertà u d-Detenzjoni tal-Qorti tal-Ewwel Istanza) ta’ Evry (Franza), sabiex titolbu l-awtorizzazzjoni biex twettaq operazzjonijiet ta’ tfittxija u qbid fil-bini tal-appellanti. B’digriet tas-17 ta’ Frar 2017, l-Imħallef tal-Libertà u d-Detenzjoni awtorizza t-tfittxijiet u l-qbid mitluba għal skopijiet ta’ prevenzjoni. Peress li l-ebda waħda mill-miżuri meħuda matul l-ispezzjoni ma kienet teħtieġ l-użu tas-“setgħat ta’ infurzar” fis-sens tal-Artikolu 20(6) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003, dan id-digriet ma ġiex innotifikat lill-appellanti.

14

L-ispezzjoni bdiet fl-20 ta’ Frar 2017, data li fiha l-ispetturi tal-Kummissjoni, akkumpanjati minn rappreżentanti tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni, marru fil-bini ta’ Intermarché.

15

Wara dubji dwar l-istatus ta’ impjegat ta’ Intermarché ta’ waħda mill-persuni suġġetti għall-ispezzjoni, il-Kummissjoni adottat it-tieni deċiżjoni kontenzjuża, li tordna spezzjoni fil-bini tal-kumpannija holding, Les Mousquetaires, u tas-sussidjarji tagħha, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fl-ewwel deċiżjoni kontenzjuża.

16

Bħala parti minn din l-ispezzjoni, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, żaret uffiċċji, ġabret tagħmir informatiku (laptops, mowbajls, tablets, apparat għall-ħażna), ikkopjat informazzjoni li kien fih u interrogat diversi persuni.

17

Permezz ta’ ittri tal‑24 ta’ Frar 2017, l-appellanti informaw lill-Kummissjoni b’riżervi fir-rigward tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u dwar l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet ordnati minn dawn, billi kkontestaw b’mod partikolari l-ikkopjar ta’ dokumenti li allegatament huma relatati mal-ħajja privata tal-membri tal-persunal tagħhom. Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ April 2017, l-appellanti talbu lill-Kummissjoni sabiex tirritorna wħud minn dawn id-dokumenti.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2017, l-appellanti ppreżentaw, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, rikors intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti essenzjalment invokaw ħames motivi. L-ewwel wieħed kien ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tieni wieħed kien ibbażat fuq l-assenza ta’ notifika regolari tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, it-tielet wieħed fuq iċ-ċaħda tad-dritt tagħhom li jiddefendu ruħhom kontra l-ispezzjoni, ir-raba’ wieħed fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u l-ħames wieħed kien ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-dar.

19

Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi l-indizji ta’ ksur preżunt li hija kellha fid-data tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

20

Bi tweġiba għal din l-istedina, il-Kummissjoni pproduċiet b’mod partikolari l-minuti ta’ intervisti li saru fl-2016 u fl-2017 ma’ tlettax‑il fornitur ta’ prodotti ta’ konsum ta’ kuljum ikkonċernati li kienu jikkonkludu regolarment ftehimiet ma’ Casino u Intermarché (Annessi Q.1 sa Q.13 tar-risposta tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019) (iktar ’il quddiem l-“intervisti mal-fornituri”).

21

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li qieset li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji suffiċjentement serji sabiex tissuspetta li kien hemm ksur li jikkonsisti fi skambji ta’ informazzjoni bejn Casino u Intermarché dwar l-istrateġiji kummerċjali futuri tagħhom, annullat l‑Artikolu 1(b) ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet kontenzjużi u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

It-talbiet tal-partijiet

22

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tilqa’ t-talbiet tagħhom ippreżentati fl-ewwel istanza u tannulla d-deċiżjonijiet kontenzjużi, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-proċedura kollha, inklużi dawk tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

23

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

24

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-ewwel aggravju tal-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-appell.

Fuq l-appell

25

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu ħames aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effettività tar-rimedji ġudizzjarji li jikkonċernaw l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 6 u 8 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ limitazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u ksur tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn il-Qorti Ġenerali kklassifikat fażi proċedurali “qabel l-adozzjoni ta’ miżuri li jinvolvu l-kritika ta’ twettiq ta’ ksur” bħala mhux suġġetta għal dan ir-regolament. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 6 u 8 tal-KEDB u tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn il-Qorti Ġenerali kklassifikat bħala “indizji suffiċjentement serji” elementi affettwati minn irregolaritajiet formali u sostantivi. Fl-aħħar nett, il-ħames aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-assenza ta’ stħarriġ tal-valur probatorju ta’ dawn l-indizji u żball fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “indizju”.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fil-kuntest tal-analiżi tal-effettività tar-rimedji ġudizzjarji li jikkonċernaw l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet

L-argumenti tal-partijiet

26

L-appellanti jikkontestaw il-punti 83 sa 112 tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, ibbażata fuq l-assenza ta’ rimedju effettiv li jippermetti li jiġi kkontestat l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet.

27

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-effettività tar-rimedji ġudizzjarji rigward l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet.

28

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jinvokaw ksur tad-dritt għal rimedju effettiv. Huma jenfasizzaw li, fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Delta Pekárny a.s. vs Ir-Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2014:1002JUD000009711), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-konformità mal-KEDB ta’ ndħil, bħal dak ikkawżat minn spezzjoni, teħtieġ, fost l-oħrajn, rimedju effettiv li jippermetti li tiġi kkontestata, fid-dritt u fil-fatt, mhux biss il-legalità tal-awtorizzazzjoni, iżda wkoll il-kundizzjonijiet ta’ twettiq ta’ spezzjoni li għaliha l-impriża għandha l-obbligu li tissottometti ruħha.

29

Permezz tal-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jikkontestaw il-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali, fil-punti 83 u 87 tas-sentenza appellata, qieset li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tippermetti li jiġi vverifikat ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv kontra l-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ spezzjoni, billi titwettaq analiżi mhux individwali, iżda globali ta’ dawn ir-rimedji.

30

F’dan ir-rigward, mill-punt 42 tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal‑21 ta’ Diċembru 2010, Société Canal Plus et vs Franza (CE:ECHR:2010:1221JUD002940808), jirriżulta li kemm ir-rikors sabiex tiġi kkontestata l-legalità tal-awtorizzazzjoni ta’ spezzjoni kif ukoll ir-rikors għal kontestazzjoni tal-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ dawn l-ispezzjonijiet għandhom ikunu effettivi.

31

Konsegwentement, qed jingħad li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 83 u 99 sa 111 tas-sentenza appellata, meta eżaminat, flimkien, dawn ir-rimedji ġudizzjarji u meta qieset li l-inkonvenjenzi ta’ wieħed minn dawn ir-rimedji ġudizzjarji setgħu jiġu kkumpensati bil-vantaġġi tal-ieħor.

32

Skont l-appellanti, kieku l-Qorti Ġenerali wettqet eżami separat tal-imsemmija rimedji ġudizzjarji, hija kellha teskludi tlieta mis-sitt rimedji ġudizzjarji li hija rrikonoxxiet bħala effettivi, jiġifieri r-rikors kontra d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni u, fl-aħħar nett, ir-rikors għad-danni mhux kuntrattwali. L-appellanti jsostnu li r-rimedji ġuridiċi l-oħra kollha huma parzjali u ma jippermettux li jiġi vverifikat, fid-dritt u fil-fatt, li l-kundizzjonijiet kollha tal-iżvolġiment ta’ spezzjoni ssodisfaw l-Artikolu 8 tal-KEDB, anki jekk jinbdew kollha kemm huma.

33

Permezz tat-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li rimedji parzjali huma effettivi, timponi fuq il-parti fil-kawża l-obbligu li toħloq il-kundizzjonijiet neċessarji li jippermettu l-użu ta’ dawn ir-rimedji ġuridiċi kollha.

34

Issa, kemm il-proċeduri għal miżuri provviżorji kif ukoll l-azzjoni ex post fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u r-rimedju abbażi tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287), fil-qasam tal-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti allegatament jippreżupponu li l-impriża, meta tevita l-ispezzjoni pendenti tagħha mill-ispezzjoni pendenti, jirnexxilha tipprovoka deċiżjoni espliċita jew impliċita tal-Kummissjoni li tikser id-dritt li tiġi ppreżervata l-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn avukati u klijenti jew, jekk ikun il-każ, ir-rispett tal-ħajja privata. Dawn ir-rimedji ġudizzjarji huma allegatament ibbażati wkoll fuq il-qbil tal-Kummissjoni li tqiegħed id-data f’envelopp issiġillat sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, il-proċeduri għal miżuri provviżorji matul l-ispezzjoni jippreżupponu li l-impriża tevita l-ispezzjoni pendenti tagħha, li hija għandha l-obbligu li tikkoopera b’mod attiv fiha.

35

Fir-rigward tar-rikors kontra deċiżjoni li tissanzjona każ ta’ xkiel tal-ispezzjoni, l-eżistenza ta’ dan ir-rimedju ġudizzjarju tirrikjedi li l-impriża tinstab ħatja ta’ xkiel sal-punt li tiġi imposta sanzjoni fuqha. Issa, tali rekwiżit imur kontra l-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

36

Permezz tat-tielet ilment tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jenfasizzaw li fil-punti 94 u 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat il-possibbiltà li jiġu ammessi żewġ rimedji ġudizzjarji sal-lum ġodda, jiġifieri, minn naħa, proċeduri għal miżuri provviżorji intiżi għas-sospensjoni tal-ispezzjoni nfisha u, min-naħa l-oħra, rikors ex post dwar il-protezzjoni tad-data privata tad-diretturi u tal-impjegati. Fil-fatt, ir-rimedji ipotetiċi ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala rimedji effettivi.

37

Il-Kummissjoni u l-Kunsill iqisu li l-argumenti tal-appellanti huma infondati. Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni huwa inammissibbli, peress li l-appellanti ma jidentifikawx bil-preċiżjoni meħtieġa l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata u lanqas ma jiżviluppaw argumenti legali ssostanzjati insostenn ta’ dan l-ilment.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-effettività tar-rimedji ġudizzjarji dwar l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet.

39

Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ din il-parti li hija kkontestata mill-Kunsill, għandu jitfakkar, qabelxejn, li hija ġurisprudenza stabbilita li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jaqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34, kif ukoll tat‑28 ta’ Jannar 2016, Quimitécnica.com u de Mello vs Il-Kummissjoni, C‑415/14 P, EU:C:2016:58, punt 57). Minn dan isegwi li l-argumenti tal-Kunsill dwar l-inammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda.

40

Fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-parti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-każ, fil-punti 78 sa 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qabel kollox fakkret li d-dritt għal rimedju effettiv kien stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB. Wara li fakkret li l-KEDB ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma tkunx aderixxiet magħha, strument legali formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li l-istħarriġ tal-legalità għandu jsir biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, hija enfasizzat li kemm mill-Artikolu 52 tal-Karta kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet dwar dan l-artikolu jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta f’każ speċifiku.

42

F’dan ir-rigward, hija qieset li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv għandu jiġi eżaminat, fil-qasam ta’ żjarat domiċiljarji, fid-dawl tal-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin, jiġifieri, l-ewwel, għandu jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju effettiv, fil-fatt u fid-dritt, tar-regolarità tad-deċiżjoni li jsiru tali żjarat jew tal-miżuri meħuda fil-kuntest tagħhom, it-tieni, ir-rimedju jew ir-rimedji disponibbli għandhom jippermettu, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ irregolarità, jew li jipprevjenu t-twettiq tal-operazzjoni, jew, fil-każ li operazzjoni irregolari tkun diġà seħħet, li l-persuna kkonċernata tingħata rimedju xieraq, it-tielet, l-aċċessibbiltà tar-rimedju kkonċernat għandha tkun ċerta u, ir-raba’, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jsir f’terminu raġonevoli.

43

Il-Qorti Ġenerali sussegwentement osservat, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-iżvolġiment ta’ operazzjoni ta’ spezzjoni kellu jkun jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u li l-istħarriġ kellu jkun effettiv fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni, li jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rimedji ġuridiċi kollha għad-dispożizzjoni ta’ impriża li tkun is-suġġett ta’ spezzjoni u b’hekk analiżi globali ta’ dawn ir-rimedji ġuridiċi. Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 86 u 87 tas-sentenza appellata, li, peress li l-verifika tar-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv għandha tkun ibbażata fuq analiżi globali tar-rimedji ġuridiċi li jistgħu jagħtu lok għall-istħarriġ tal-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ spezzjoni, ma kienx rilevanti li, meħuda individwalment, kull wieħed mir-rimedji ġuridiċi eżaminati ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi ammessa l-eżistenza ta’ dritt għal rimedju effettiv.

44

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk indikat, fil-punti 88 u 89 tas-sentenza appellata, li, minbarra l-possibbiltà li jiġu indirizzati talbiet lill-uffiċjal tas-smigħ tal-Kummissjoni, kienu jeżistu sitt rimedji ġuridiċi li jippermettu li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Unjoni kontestazzjonijiet rigward operazzjoni ta’ spezzjoni, jiġifieri r-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni, ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona xkiel għall-ispezzjoni abbażi tal-Artikolu 23(1)(ċ) sa (e) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikors kontra kwalunkwe att li jissodisfa l-kundizzjonijiet ġurisprudenzjali tal-att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors, adottat mill-Kummissjoni wara d-deċiżjoni ta’ spezzjoni u fil-kuntest tal-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni, bħal deċiżjoni li tiċħad talba għal protezzjoni ta’ dokumenti abbażi tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, ir-rikors kontra d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 101 TFUE, ir-rikors għal miżuri provviżorji u r-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali.

45

Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punti 90 sa 98 tas-sentenza appellata, għalfejn hija qieset li dawn ir-rimedji ġuridiċi kienu jippermettu li jitressqu quddiem il-qorti tal-Unjoni kontestazzjonijiet rigward l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet.

46

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara analiżi mwettqa fil-punti 100 sa 110 tas-sentenza appellata, li s-sistema ta’ stħarriġ tal-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni kkostitwita mir-rimedji ġuridiċi kollha elenkati fil-punt 44 ta’ din is-sentenza setgħet titqies li tissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

47

Għalhekk, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, ibbażata fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ rimedju effettiv fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ żvolġiment tal-ispezzjonijiet, jirriżultaw b’mod ċar u inekwivoku mill-punti 78 sa 111 tas-sentenza appellata, miġbura fil-qosor fil-punti 41 sa 47 ta’ din is-sentenza. Dawn il-motivi ppermettew lill-appellanti jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tas-sentenza appellata, kif jirriżulta, mill-bqija, mill-kontenut tal-appell tagħhom, u ppermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

49

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju bbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

50

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jinvokaw ksur tad-dritt għal rimedju effettiv.

51

Fir-rigward tal-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kellha twettaq eżami individwali tad-diversi rimedji ġudizzjarji sabiex tivverifika jekk id-dritt għal rimedju effettiv kontra l-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ spezzjoni huwiex iggarantit, għandu jitfakkar li d-dritt għal rimedju effettiv huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

52

Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jispeċifika li, sa fejn din tal-aħħar tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, is-sens u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 116).

53

Issa, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 47 tal-Karta, li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar, l-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ dan l-Artikolu 47 jikkorrispondu rispettivament mal-Artikolu 13 u mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 117). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel mal-Artikolu 13 ta’ din il-konvenzjoni, peress li r-rekwiżiti tat-tieni jinsabu inklużi f’dawk, iktar stretti, tal-ewwel wieħed (Qorti EDB, 15 ta’ Marzu 2022, Grzęda vs Il-Polonja, CE:ECHR:2022:0315JUD004357218, punt 352 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija kellha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiggarantixxi livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 13 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst vs Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell), C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 35).

55

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-protezzjoni offruta mill-Artikolu 13 tal-KEDB ma tmurx sal-punt li teżiġi forma partikolari ta’ rimedju (Qorti EDB, 20 ta’ Marzu 2008, Boudaïeva et vs Ir-Russja, CE:ECHR:2008:0320JUD001533902, punt 190) u li anki jekk l-ebda rimedju offrut mid-dritt intern, meħud waħdu, ma jissodisfax huwa stess ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu 13, dan jista’ jkun il-każ ta’ dawn ir-rimedji, meħuda fil-globalità tagħhom (Qorti EDB, 10 ta’ Lulju 2020, Mugemangango vs Il-Belġju, CE:ECHR:2020:0710JUD000031015, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Barra minn hekk, fil-każ ta’ ksur tad-dritt għar-rispett tad-domiċilju, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB, rimedju jkun effettiv, fis-sens tal-Artikolu 13 tal-KEDB, jekk ir-rikorrent ikollu aċċess għal proċedura li tippermettilu jikkontesta r-regolarità tat-tfittxijiet u tal-qbid imwettqa u jikseb rimedju xieraq jekk dawn ikunu ġew ordnati jew eżegwiti b’mod illegali (Qorti EDB, 19 ta’ Jannar 2017, Posevini vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2017:0119JUD006363814, punt 84).

57

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(1) jew l-Artikolu 8 tal-KEDB jirriżulta li, fil-qasam ta’ żjarat domiċiljarji, l-assenza ta’ ħruġ minn qabel ta’ awtorizzazzjoni ta’ spezzjoni minn qorti, li setgħet tillimita jew tikkontrolla l-iżvolġiment ta’ din l-ispezzjoni, tista’ tiġi kkontrobilanċjata minn stħarriġ ġudizzjarju ex post facto tal-legalità u n-neċessità ta’ tali miżura istruttorja bil-kundizzjoni li dan l-istħarriġ ikun effikaċi fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni. Dan jimplika li l-persuni kkonċernati jistgħu jiksbu stħarriġ ġudizzjarju effettiv, fil-fatt u fid-dritt, tal-miżura kontenzjuża u tal-iżvolġiment tagħha. Meta operazzjoni meqjusa irregolari tkun diġà seħħet, ir-rimedju jew ir-rimedji disponibbli għandhom jippermettu li l-persuna kkonċernata tingħata rimedju xieraq (Qorti EDB, 2 ta’ Ottubru 2014, Delta Pekárny a.s. vs Ir-Repubblika Ċeka, CE:ECHR:2014:1002JUD000009711, punti 86 u 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

B’dan il-mod, peress li l-istħarriġ ġudizzjarju a posteriori tal-ispezzjoni jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jikkontrobilanċja l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju minn qabel u li għandu jiġi pprovdut rimedju xieraq permezz tar-“rimedju jew rimedji disponibbli”, għandu jitqies li, bħala prinċipju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rimedji kollha disponibbli sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta humiex issodisfatti.

59

Barra minn hekk, peress li l-appellanti invokaw, permezz ta’ eċċezzjoni, l-illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, kienet obbligata, sabiex tiddeċiedi dwar din l-eċċezzjoni, li twettaq evalwazzjoni globali tas-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri meħuda fil-kuntest tal-ispezzjonijiet, li tmur lil hinn miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni.

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li huwa b’mod żbaljat li l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta għamlet analiżi globali tar-rimedji ġuridiċi kollha disponibbli sabiex jiġi kkontestat l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet.

61

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbilanċja l-inkonvenjenzi ta’ rimedju kontra l-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ spezzjoni bil-vantaġġi ta’ rikors għal kontestazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, biżżejjed jiġi osservat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan l-argument jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, mill-punti 90 sa 98 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat sa liema punt id-diversi rimedji ġudizzjarji disponibbli għall-appellanti, inkluż r-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni, kienu jippermettu li jitressqu quddiem qorti lmenti rigward ir-regolarità tal-iżvolġiment tal-ispezzjoni, u għalhekk sa liema punt, minkejja l-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju wieħed u uniku, dan l-iżvolġiment seta’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 55 sa 57 ta’ din is-sentenza.

62

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li jgħid li, kieku l-Qorti Ġenerali kienet wettqet eżami separat tad-diversi rimedji ġuridiċi, hija kellha, minn naħa, teskludi tlieta mis-sitt rimedji ġudizzjarji li hija rrikonoxxiet bħala effettivi, jiġifieri r-rikors kontra d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni u, fl-aħħar nett, ir-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, tqis li r-rimedji ġuridiċi l-oħra kollha kienu parzjali, biżżejjed jiġi osservat li dan l-argument għandu jiġi miċħud ladarba huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx twettaq analiżi globali tar-rimedji ġuridiċi kollha disponibbli sabiex jiġi kkontestat l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet.

63

Għalhekk l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

64

Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet ilmenti, ibbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li rimedji parzjali u li d-disponibbiltà tagħhom ma hijiex ċara huma effettivi, qiegħdet fuq il-parti fil-kawża l-oneru li toħloq il-kundizzjonijiet li jippermettu li jinbdew dawn ir-rikorsi, li ċ-ċertezza tagħhom ma hijiex iggarantita, biżżejjed jiġi osservat, minn naħa, li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem imfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, ma huwiex meħtieġ li l-ilmenti kollha li jistgħu jitqajmu kontra l-miżuri meħuda mill-awtorità pubblika abbażi tad-deċiżjoni li tordna ż-żjara jsiru fil-kuntest ta’ lment uniku u, min-naħa l-oħra, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-assenza ta’ prassi ġudizzjarja stabbilita ma tistax tkun deċiżiva sabiex tiġi miċħuda n-natura deċiżiva ta’ rimedju ġudizzjarju.

65

Minn dan jirriżulta li dawn l-ilmenti ma humiex fondati.

66

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud, kollu kemm huwa, bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tar-regolarità formali tal-indizji li jiġġustifikaw l-ispezzjonijiet

L-argumenti tal-partijiet

67

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi u li kisret ir-Regolament Nru 1/2003, minn naħa, meta ddeċidiet, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tosserva r-regoli li jirregolaw is-setgħat investigattivi tagħha, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti, li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, meta ebda investigazzjoni ma tkun għadha ġiet mibdija formalment, u, min-naħa l-oħra, meta rrifjutat, fil-punt 206 tas-sentenza appellata, li teskludi l-indizji li joħorġu mill-intervisti mal-fornituri bħala vvizzjati b’irregolarità formali.

68

Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, fil-punti 189, 192, 193, 196 u 198 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement serja tal-indizji għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni taqa’ fil-kuntest tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, qabel ma ebda investigazzjoni, fis-sens tal-Kapitolu V tar-Regolament Nru 1/2003, tkun għadha formalment miftuħa, li jiġġustifika li l-Kummissjoni ma tkunx obbligata li tosserva ċerti regoli imperattivi ta’ dan ir-regolament, fosthom dawk rigward l-obbligu li jiġu rreġistrati l-intervisti li minnhom jirriżultaw dawn l-indizji. Huma jikkritikaw id-distinzjoni hekk magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn il-miżuri ta’ wara l-ftuħ formali ta’ investigazzjoni, li huma rregolati mir-Regolament Nru 1/2003, u dawk, preċedenti għal dan il-ftuħ, li ma jaqgħux taħt dan ir-regolament.

69

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li din id-distinzjoni hija bbażata fuq qari żbaljat tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 194 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza allegatament tagħmel distinzjoni bejn il-fażi ta’ investigazzjoni qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u s-segwitu tal-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza tiddefinixxi l-punt tat-tluq, mhux tal-investigazzjoni, iżda tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tul tal-proċedura kienx raġonevoli.

70

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, li r-Regolament Nru 1/2003 ma kienx japplika qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni.

71

Fil-fatt, mill-premessa 25 tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 773/2004 jirriżulta li r-Regolament Nru 1/2003 japplika għall-atti kollha tal-Kummissjoni adottati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, sa mill-istadju minn meta jinkixfu l-prattiki kkonċernati. Huma jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, li dan l-aħħar regolament japplika għall-investigazzjonijiet settorjali u għad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza, mingħajr ma ebda miżura li timplika l-akkuża ta’ twettiq ta’ ksur tkun ġiet adottata mill-Kummissjoni. Li l-atti ta’ investigazzjoni mwettqa qabel deċiżjoni ta’ spezzjoni jiġu eżentati mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 għandu mnejn iċaħħad lill-impriżi u lit-terzi mid-drittijiet proċedurali tagħhom kif ukoll mid-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra tali deċiżjoni.

72

Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jikkontestaw id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, bejn il-provi ta’ ksur u l-indizji li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni, distinzjoni li tgħid li l-indizji ma jistgħux ikunu suġġetti għall-istess grad ta’ formalità bħall-provi. Skont l-appellanti, l-indizji u l-provi għandhom ikunu suġġetti għall-istess formalitajiet u għall-istess regoli proċedurali intiżi sabiex jiggarantixxu l-awtentiċità, il-lealtà u l-kredibbiltà tal-prova.

73

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

74

Preliminarjament, il-Kummissjoni tispeċifika li l-ftuħ tal-investigazzjoni huwa differenti kemm mill-ftuħ ta’ fajl kif ukoll mill-ftuħ tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004. Il-ftuħ tal-investigazzjoni jseħħ sa mill-ewwel użu tas-setgħat investigattivi tagħha u l-adozzjoni ta’ miżuri li jimplikaw l-akkuża ta’ twettiq ta’ ksur u li jwasslu għal riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-entitajiet issuspettati. Il-ftuħ tal-fajl huwa att intern meħud mir-Reġistru tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni meta jalloka numru tal-każ, u li l-unika portata tiegħu hija l-protezzjoni tad-dokumenti. Il-ftuħ tal-proċedura jikkorrispondi għad-data li fiha l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004, sabiex tieħu deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003.

75

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li hija ma hijiex obbligata tosserva l-formalitajiet tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni.

76

L-ewwel, il-Kummissjoni tiċħad li tali obbligu jirriżulta mill-ġurisprudenza u ssostni li l-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 194 tas-sentenza appellata. Il-fatt li din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-evalwazzjoni tat-tul raġonevoli tal-proċedura huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

77

It-tieni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li mir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 ma jirriżultax li hija obbligata tosserva l-formalitajiet ta’ dawn ir-regolamenti jerġa’ qabel ma tkun fetħet investigazzjoni.

78

Barra minn hekk, l-argument tal-appellanti, ibbażat fuq l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 773/2004, jirriżulta minn konfużjoni bejn il-ftuħ tal-investigazzjoni u l-ftuħ tal-proċedura li madankollu jseħħu f’mumenti differenti u jwasslu għal konsegwenzi ġuridiċi distinti.

79

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, huma irrilevanti r-riferimenti magħmula mill-appellanti kemm għall-premessa 25 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll għall-investigazzjonijiet settorjali jew għad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza.

80

It-tielet, l-appellanti ma jistgħux jallegaw li jekk il-Kummissjoni titħalla tevita l-formalitajiet tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni, dan jippreġudika d-dritt tagħhom għal rimedju effettiv li jippermetti li tiġi mistħarrġa, fid-dritt u fil-fatt, il-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni. Minn naħa, din l-affermazzjoni hija kontradetta mill-istħarriġ tal-indizji mwettaq f’dan il-każ mill-Qorti Ġenerali, li wassal għall-annullament parzjali tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Min-naħa l-oħra, anki meta xhieda orali ma tkunx ġiet irreġistrata, il-Qorti Ġenerali għandha l-possibbiltà li tisma’ xhieda, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

81

L-applikazzjoni tal-formalitajiet tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni tippreġudika l-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni, billi tipprekludiha milli tiġbor u milli tuża indizji rċevuti taħt forma orali. Jekk il-Kummissjoni tiġi prekluża milli tiġbor indizji f’forma orali, dan ikun jippreġudika l-effettività tal-investigazzjonijiet billi jdewwem id-data tal-ispezzjonijiet.

82

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni, qabelxejn, li peress li l-għan tal-ispezzjoni huwa li jinġabru l-elementi neċessarji sabiex jiġu vverifikati r-realtà u l-portata tal-ksur issuspettat abbażi tal-indizji fil-pussess tagħha, l-indizji huma neċessarjament suġġetti għal grad ta’ formalità inqas mill-provi u, b’mod partikolari, hija ma hijiex obbligata tirreġistra tali indizji skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004.

83

Sussegwentement, din l-istituzzjoni ssostni li l-issuġġettar tal-indizji għal grad inqas ta’ formalità mill-provi jippermetti li jiġu rrikonċiljati, minn naħa, il-ħtieġa ta’ ħeffa li tiggwida l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni u l-effikaċja tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-preżervazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati.

84

Fil-fatt, l-awtentiċità ta’ prova ma hijiex prerekwiżit neċessarju għall-kredibbiltà tagħha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punti 65 sa 69 tas-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni (C 99/17 P, EU:C:2018:773) li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi, li minnu jirriżulta li l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi prodotti regolarment jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Konsegwentement, il-valur probatorju ta’ prova għandu jiġi evalwat b’mod globali, b’tali mod li t-tressiq ta’ sempliċi dubji mhux issostanzjati dwar l-awtentiċità ta’ prova ma huwiex biżżejjed sabiex jikkomprometti l-kredibbiltà tagħha. Dawn il-prinċipji japplikaw, a fortiori, għall-indizji, li l-valur probatorju tagħhom huwa, mid-definizzjoni tagħhom stess, inqas.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

85

Permezz tat-tielet aggravju, meħud fit-tliet partijiet tiegħu, l-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tosserva l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 qabel ma tkun fetħet formalment investigazzjoni u għamlet użu mis-setgħat ta’ investigazzjoni mogħtija lilha b’mod partikolari mill-Artikoli 18 sa 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

86

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li hija tagħmel parti minnu kif ukoll l-għanijiet u l-iskop tal-att li minnu tifforma parti (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, HOLD Alapkezelő, C‑352/20, EU:C:2022:606, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni nfisha tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż li japplika għal kull intervista intiża għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 84).

88

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, li jissuġġetta l-intervisti bbażati fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għall-osservanza ta’ ċerti formalitajiet, ma jippreċiżax il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

89

Issa, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu li tirreġistra, fil-forma magħżula minnha, kull intervista mwettqa minnha, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, għall-finijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni min-naħa tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 90 u 91).

90

Għaldaqstant, għandu jiġi speċifikat li għandha ssir distinzjoni abbażi tal-għan tal-intervisti li tagħmel il-Kummissjoni, u huma biss dawk intiżi sabiex jiġbru informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u, għaldaqstant, taħt l-obbligu ta’ reġistrazzjoni.

91

Dan premess, l-ebda element ibbażat fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jew tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 ma jippermetti li jiġi dedott li l-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-intervista mwettqa mill-Kummissjoni seħħitx qabel il-ftuħ formali ta’ investigazzjoni, sabiex jinġabru indizji ta’ ksur, jew wara, sabiex jinġabru provi ta’ ksur.

92

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jipprevedu li l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni li tikkostitwixxi s-suġġett tiegħu tistax tiġi kklassifikata bħala indizji jew provi. Għall-kuntrarju, minħabba n-natura ġenerali tat-terminu “informazzjoni”, li jinsab fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għal kull waħda minn dawn il-kategoriji.

93

Huwa minnu li l-kunċetti ta’ “indizji” u ta’ “provi” ma jistgħux jiġu imfixkla, peress li indizju ma jistax, min-natura tiegħu u b’mod differenti minn prova, ikun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit fatt speċifiku.

94

Jibqa’ l-fatt li l-klassifikazzjoni bħala indizju jew bħala prova ma tiddependix minn stadju speċifiku tal-proċedura, iżda mill-valur probatorju tal-informazzjoni kkonċernata, minn indizji suffiċjentement serji u konsistenti, miġbura f’“serje”, li jistgħu huma stess jipprovaw ksur u jintużaw fid-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 47).

95

Għalhekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 141 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti ma jistax jiddependi mill-klassifikazzjoni tal-informazzjoni miġbura bħala indizji jew provi, peress li l-valur probatorju ta’ din l-informazzjoni jista’ jiġi evalwat mill-Kummissjoni biss wara dawn l-intervisti, matul il-fażijiet sussegwenti tal-proċedura.

96

Barra minn hekk, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 lanqas ma jipprevedu li l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tiddependi mill-istadju tal-proċedura li fih isiru l-intervisti. Huwa minnu li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-intervisti bbażati fuq din id-dispożizzjoni huma dawk imwettqa għall-finijiet tal-ġbir ta’ informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni, li jippreżupponi li investigazzjoni tkun għadha għaddejja. Min-naħa l-oħra, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li dawn l-intervisti għandhom iseħħu wara l-ftuħ formali ta’ investigazzjoni, kif iddefinit mill-Qorti Ġenerali fil-punt 193 tas-sentenza appellata, bħala l-mument li fih il-Kummissjoni tadotta miżura li timplika l-akkuża ta’ twettiq ta’ ksur.

97

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi osservat, minn naħa, li dan l-artikolu jinsab fil-Kapitolu V ta’ dan ir-regolament, dwar is-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Issa, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu ma hijiex neċessarjament suġġetta għall-adozzjoni, minn din l-istituzzjoni, ta’ miżura li timplika l-akkuża ta’ twettiq ta’ ksur.

98

Għalhekk, il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, twettaq investigazzjonijiet settorjali, li ma jeħtiġux, minn qabel, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ din in-natura fir-rigward ta’ impriżi.

99

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 773/2004, li jipprovdi li “[i]l-Kummissjoni tista’ teżerċita l-poteri ta’ investigazzjoni tagħha skond il-Kapitolu V tar-Regolament [Nru 1/2003] qabel tibda l-proċeduri” isostni l-interpretazzjoni li tgħid li d-dispożizzjonijiet dwar is-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni elenkati fl-imsemmi kapitolu — inkluż l-Artikolu 19 — jistgħu jiġu applikati qabel ma tkun infetħet formalment investigazzjoni, bil-kontra ta’ dak li jirriżulta mill-punt 193 tas-sentenza appellata.

100

Huwa minnu li fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 182) kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punt 38), iċċitati fil-punt 194 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat il-punt ta’ tluq tal-investigazzjoni preliminari mwettqa mill-Kummissjoni, fil-qasam tal-kompetizzjoni, bħala d-data li fiha din l-istituzzjoni, billi tagħmel użu mis-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tieħu miżuri li jimplikaw l-akkuża ta’ twettiq ta’ ksur u li jwasslu għal riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati.

101

Madankollu, il-kawżi li taw lok għal dawk is-sentenzi kienu jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-bidu tal-proċedura amministrattiva sabiex tiġi vverifikata l-osservanza, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. Issa, din il-verifika teħtieġ li jiġi eżaminat jekk din l-istituzzjoni aġixxietx b’mod diliġenti sa mid-data li fiha hija informat bl-eżistenza ta’ investigazzjoni lill-impriża ssuspettata li wettqet ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

102

Min-naħa l-oħra, din id-data ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat minn meta l-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 150 tal-konklużjonijiet tiegħu, impriża tista’ tkun koperta mid-dikjarazzjonijiet ta’ terz miġbura matul tali intervisti, mingħajr ma tkun taf bihom. Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija data jwassal għall-posponiment tal-applikazzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni u tal-garanziji proċedurali marbuta miegħu, previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet għall-benefiċċju ta’ terzi interrogati u tal-impriża ssuspettata, sakemm il-Kummissjoni tadotta miżura li tinforma lil din l-impriża bl-eżistenza ta’ suspetti fil-konfront tagħha. Minħabba dan il-posponiment, l-intervisti mat-terzi mwettqa qabel tali miżura ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti u tal-garanziji proċedurali applikabbli għalihom.

103

Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-iskop tar-Regolament Nru 1/2003, mill-premessa 25 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li peress li l-kxif tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni qed isir dejjem iktar diffiċli, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa intiż sabiex jikkompleta s-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni billi jippermetti, b’mod partikolari, lil din tal-aħħar tinterroga lil kull persuna li jista’ jkollha informazzjoni utli u li tirreġistra d-dikjarazzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 85). Issa, l-espressjoni “skoperta [kxif] tal-ksur”, li tinsab fl-imsemmija premessa, issostni l-interpretazzjoni li tgħid li l-intervisti mwettqa mill-Kummissjoni, fi stadju preliminari, sabiex jinġabru indizji relatati mas-suġġett ta’ investigazzjoni jaqgħu wkoll taħt l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

104

Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tirreġistra l-intervisti fi kwalunkwe forma. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax validament issostni li l-fatt li jiġi impost fuqha obbligu ta’ reġistrazzjoni jipprekludiha milli tiġbor u tuża indizji meta dawn jista’ jkollhom biss forma orali u jikkomprometti l-effikaċja tal-investigazzjonijiet billi jittardja d-data tal-ispezzjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax issostni li tali obbligu għandu effett dissważiv peress li hija għandha l-possibbiltà li tipproteġi l-identità tal-persuni interrogati.

105

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, li kellhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 l-intervisti li matulhom inġabru indizji li sussegwentement servew bħala bażi għal deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni ta’ impriża, minħabba li l-ebda investigazzjoni fis-sens tal-Kapitolu V ta’ dan ir-regolament ma kienet miftuħa f’dak iż-żmien, peress li l-Kummissjoni ma adottatx miżura li timplika, fir-rigward ta’ din l-impriża, l-akkuża ta’ twettiq ta’ ksur. Sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn l-intervisti kinux jaqgħu taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk dawn kinux intiżi sabiex jiġbru informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut tagħhom u l-kuntest tagħhom.

106

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 205 u 206 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-indizji li joħorġu mill-intervisti mal-fornituri ma jistgħux jiġu esklużi bħala vvizzjati b’irregolarità formali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, b’mod partikolari, għaliex dawn l-intervisti seħħew qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003 u ma kinux jinvolvu, fir-rigward tal-appellanti u a fortiori fir-rigward tal-fornituri, akkuża kwalunkwe ta’ twettiq ta’ ksur.

107

Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 155 tal-konklużjonijiet tiegħu, biżżejjed jiġi indikat, f’dan ir-rigward, li, meta l-Kummissjoni twettaq intervisti, li l-għan tagħhom huwa ddefinit minn qabel u li l-għan tagħhom huwa bil-miftuħ dak li tinkiseb informazzjoni dwar il-funzjonament ta’ suq speċifiku u dwar l-aġir tal-atturi ta’ dan is-suq sabiex jinkixef eventwali aġir li jikkostitwixxi ksur jew sabiex hija tikkonsolida s-suspetti tagħha dwar l-eżistenza ta’ tali aġir, il-Kummissjoni teżerċita s-setgħa tagħha li tiġbor dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003.

108

Konsegwentement, l-intervisti mal-fornituri kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Kummissjoni kienet obbligata li tirreġistra dawn id-dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004.

109

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 206 tas-sentenza appellata, li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni, previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, ma kienx japplika għall-intervisti mal-fornituri u li l-indizji li rriżultaw minn dawn l-intervisti ma kinux ivvizzjati b’irregolarità formali.

110

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-tliet partijiet tat-tielet aggravju huma fondati u li, konsegwentement, hemm lok li l-appell jintlaqa’ u li jiġi annullat il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-aggravji l-oħra tal-appell. Għaldaqstant, hemm lok ukoll li jiġi annullat il-punt 3, dwar il-ispejjeż, tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

111

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

112

Dan huwa l-każ hawnhekk.

113

Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat l-ilment, imqajjem mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-motiv tagħhom dwar ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju, ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li l-indizji li jirriżultaw mill-intervisti mal-fornituri għandhom jiġu esklużi minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004.

114

Insostenn ta’ dan l-ilment, l-appellanti jsostnu li l-minuti tal-intervisti mal-fornituri ma kinux reġistrazzjonijiet konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet peress li, b’mod partikolari, ma kinux ġew suġġetti għall-approvazzjoni tal-persuni intervistati.

115

Il-Kummissjoni tirribatti li hija ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ reġistrazzjoni billi rrediġiet minuti eżawrjenti li jirriflettu fedelment il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri u billi qegħdithom fil-fajl, taħt numru ta’ identifikazzjoni uffiċjali. Dan it-tip ta’ minuti jikkostitwixxi waħda mill-forom ta’ reġistrazzjoni li l-Kummissjoni tista’ tuża skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, l-istess bħalma huma reġistrazzjonijiet awdjo jew awdjoviżivi jew traskrizzjonijiet mill-ġdid verbatim.

116

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, li tispeċifika li l-Kummissjoni “tista’ tirrekordja d-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-persuni intervistati b’kull għamla”, timplika li, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, bil-kunsens tal-persuna intervistata, li twettaq intervista abbażi tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, hija għandha l-obbligu li tirreġistra din l-intervista fl-intier tagħha, bla ħsara għall-għażla li titħalla lill-Kummissjoni dwar il-forma ta’ din ir-reġistrazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 90).

117

Barra minn hekk, mit-tieni u mit-tielet sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna intervistata għall-approvazzjoni tagħha kopja tar-reġistrazzjoni u li hija tistabbilixxi, jekk ikun hemm bżonn, terminu li matulu din il-persuna tista’ tikkomunika kull korrezzjoni li għandha ssir fid-dikjarazzjoni.

118

F’dan il-każ, il-Kummissjoni la allegat u lanqas a fortiori pprovat li hija kienet qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-fornituri, għall-approvazzjoni tagħhom, il-minuti li hija kienet irrediġiet.

119

Issa, l-obbligu tal-Kummissjoni li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna intervistata, għall-approvazzjoni tagħha, kopja tar-reġistrazzjoni, previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata l-awtentiċità tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna intervistata, billi jiggarantixxi li dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu effettivament attribwiti lilha u li l-kontenut tagħhom jirrifletti b’mod fidil u fl-intier tiegħu l-imsemmija dikjarazzjonijiet u mhux l-interpretazzjoni tagħhom magħmula mill-Kummissjoni.

120

Għaldaqstant, indizju, ibbażat fuq dikjarazzjoni miġbura mill-Kummissjoni, mingħajr ma dan ir-rekwiżit, impost mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, jiġi osservat, għandu jitqies li huwa inammissibbli u, konsegwentement, għandu jiġi miċħud.

121

Għalhekk, dawn il-minuti, ta’ natura purament interna, ma jistgħux jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004 li japplika għall-intervisti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003.

122

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata mil-punti 65 sa 69 tas-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773).

123

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju prevalenti fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi, li minnu jirriżulta li l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi debitament prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom u li, għaldaqstant, il-valur probatorju ta’ prova għandu jiġi evalwat b’mod globali, b’tali mod li t-tqajjim ta’ sempliċi dubji mhux issostanzjati fir-rigward tal-awtentiċità ta’ prova ma huwiex biżżejjed biex jikkomprometti l-kredibbiltà tagħhom (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punti 65 sa 69).

124

Madankollu, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-prova li l-awtentiċità tagħha kienet ikkontestata kienet messaġġ elettroniku intern għal impriża u mhux ir-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni miġbura mill-Kummissjoni vvizzjata bi ksur tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004.

125

Għalhekk, il-prinċipju tal-evalwazzjoni libera tal-provi ma jistax jiġi invokat sabiex jiġu evitati r-rekwiżiti proċedurali applikabbli għar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet miġbura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-konstatazzjoni ta’ irregolarità fil-ġbir ta’ indizji, fid-dawl tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, tinsab fl-impossibbiltà għall-Kummissjoni li tuża dawn l-indizji fl-istadji sussegwenti tal-proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

126

F’dan il-każ, peress li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 208 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-informazzjoni li tirriżulta mill-intervisti mal-fornituri kienet tikkostitwixxi l-parti essenzjali tal-indizji li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet kontenzjużi u peress li hija vvizzjata b’irregolarità formali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kellhiex, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, indizji suffiċjentement serji li hija setgħet tuża u li kienu jiġġustifikaw il-preżunzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-imsemmija deċiżjonijiet għandhom jiġu annullati fl-intier tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

127

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

128

L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, jipprevedi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti talbu sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell. Barra minn hekk, peress li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ġew annullati, il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż kollha sostnuti mill-appellanti fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza.

129

Bis-saħħa tal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta huwa stess l-appell, huwa jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali intervenjent jipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. Peress li l-Kunsill, intervenjent fl-ewwel istanza, ipparteċipa fil-fażi bil-miktub u fil-fażi orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi deċiż li huwa għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati kemm mal-proċedura tal-appell kif ukoll mal-proċedura tal-ewwel istanza.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Les Mouosquetaires u ITM Enterprises vs Il-Kummissjoni (T‑255/17, EU:T:2020:460) huwa annullat sa fejn huwa ċaħad il-kumplament tar-rikors tal-appellanti kontra d-Deċiżjoni Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1057 final, tad‑9 ta’ Frar 2017, li tordna lil Intermarché u lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (AT.40466 – Tute 1), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1361 final tal‑21 ta’ Frar 2017 li tordna lil Les Mousquetaires kif ukoll lill-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha biex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (AT.40466 – Tute 1).

 

2)

Il-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni (T‑255/17, EU:T:2020:460), huwa annullat sa fejn iddeċieda fuq l-ispejjeż.

 

3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1057 final, tad‑9 ta’ Frar 2017, li tordna lil Intermarché u lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (AT.40466 – Tute 1), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1361 final tal‑21 ta’ Frar 2017 li tordna lil Les Mousquetaires kif ukoll lill-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha biex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (AT.40466 – Tute 1), huma annullati.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn Les Mousquetaires SAS u minn ITM Entreprises SAS, relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

 

5)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq