Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CJ0219

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-10 ta’ Frar 2022.
LM vs Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema – Direttiva 96/71/KE – Artikolu 3(1)(ċ) – Kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg – Remunerazzjoni – Artikolu 5 – Sanzjonijiet – Terminu ta’ preskrizzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41 – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Artikolu 47 – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
Kawża C-219/20.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2022:89

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

10 ta’ Frar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema – Direttiva 96/71/KE – Artikolu 3(1)(ċ) – Kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg – Remunerazzjoni – Artikolu 5 – Sanzjonijiet – Terminu ta’ preskrizzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41 – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Artikolu 47 – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑219/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Mejju 2020, fil-proċedura

LM

vs

Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld,

fil-preżenza ta’:

Österreichische Gesundheitskasse,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, N. Jääskinen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal LM, minn P. Cernochova, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u C. Leeb, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, M. Van Regemorter u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) u tal-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn LM u l-Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Hartberg-Fürstenfeld, l-Awstrija) dwar il-multa li ġiet imposta fuqu minn din tal-aħħar minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi previsti mid-dritt Awstrijak fil-qasam tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema kkollokati.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 96/71/KE

3

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431 u rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66), jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, irrispettivament mil-liġi li tkun tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema stazzjonati fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

skond liġi, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi,

u/jew

bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness:

[…]

(ċ)

ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi komplimentari għall-irtirar mixxogħol;

[…]

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas imsemmija fil-paragrafu 1(ċ) huwa definit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem jiġi stazzjonat.”

4

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ ta’ non-konformità mad-Direttiva

[…]”

Id‑Direttiva 2014/67/UE

5

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU 2014, L 159, p. 11), jistabbilixxi:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu biss rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll meħtieġa sabiex jiżguraw monitoraġġ effettiv tal-konformità mal-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva u d-Direttiva [96/71], dment li dawn ikunu ġustifikati u proporzjonati skont il-liġi tal-Unjoni.

Għal dawn il-finijiet l-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jimponu l-miżuri li ġejjin:

[…]

(b)

obbligu li jinżammu jew ikunu disponibbli […] riċevuti tal-paga, reġistri tal-ħinijiet li jindikaw il-bidu, it-tmiem u l-ħin totali tax-xogħol tal-ġurnata u prova ta’ ħlas ta’ pagi jew kopji ta’ dokumenti ekwivalenti […]

(c)

obbligu li d-dokumenti msemmija taħt punt (b) jitwasslu, wara l-perijodu ta’ stazzjonament, fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti, fi żmien perijodu ta’ żmien raġonevoli;

[…]”

Id‑dritt Awstrijak

6

L-Artikolu 7i(5) u (7) tal-Arbeitsvertragsrechts-Anpassungsgesetz (il-Liġi li Temenda l-Liġi tal-Kuntratti tax-Xogħol, BGBl., 459/1993), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AVRAG”), huwa fformulat kif ġej:

“5.   Dak li, bħala persuna li timpjega, jimpjega ħaddiem jew impjegah mingħajr ma ħallsu tal-inqas ir-remunerazzjoni prevista skont il-liġi, id-dispożizzjonijiet regolamentari jew il-ftehim kollettiv, bl-eċċezzjoni tal-elementi ta’ remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 49(3) tal-Liġi Federali Awstrijaka dwar is-Sistema Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, huwa ħati ta’ reat amministrattiv u huwa suġġett għal multa imposta mill-awtorità amministrattiva tad-distrett. Ir-remunerazzjoni insuffiċjenti li tkopri b’mod kontinwu diversi perijodi ta’ ħlas tagħti lok għal reat amministrattiv uniku. […] Jekk mhux iktar minn tliet ħaddiema huma kkonċernati mir-remunerazzjoni insuffiċjenti, il-multa titla’ għal kull ħaddiem għal somma ta’ bejn EUR 1000 sa EUR 10000, u fil-każ ta’ reċidiva, minn EUR 2000 sa EUR 20000. Jekk iktar minn tliet ħaddiema huma kkonċernati, il-multa għal kull ħaddiem tvarja minn EUR 2000 sa EUR 20000, u fil-każ ta’ reċidiva, minn EUR 4000 sa EUR 50000.

[…]

7.   It-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni (proċeduri legali) (previst fl-Artikolu 31(1) tal-Liġi dwar is-Sanzjonijiet Amministrattivi) huwa ta’ tliet snin li jibdew jiddekorru mid-data tal-eżiġibbiltà tar-remunerazzjoni. Fil-każ ta’ remunerazzjoni insuffiċjenti li tkopri diversi perijodi ta’ ħlas b’mod kontinwu, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-proċeduri legali fis-sens tal-ewwel sentenza jibda jiddekorri mid-data tal-eżiġibbiltà tar-remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-aħħar perijodu ta’ ħlas tas-salarju insuffiċjenti. It-terminu ta’ preskrizzjoni tas-sanzjonijiet (previst fl-Artikolu 31(2) tal-Liġi dwar is-Sanzjonijiet Amministrattivi) huwa f’dan il-każ ta’ ħames snin. Fir-rigward tal-pagamenti eċċezzjonali, it-termini msemmija fl-ewwel żewġ sentenzi jibdew jiddekorru mill-aħħar tas-sena kalendarja kkonċernata (it-tielet sentenza tal-paragrafu 5).”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

7

GVAS s. r. o., kumpannija stabbilita fis-Slovakkja, ikkollokat diversi ħaddiema fl-Awstrija.

8

Abbażi ta’ konstatazzjonijiet magħmula waqt kontroll li sar fid‑19 ta’ Ġunju 2016, l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Hartberg-Fürstenfeld imponiet multa fl-ammont ta’ EUR 6600 fuq LM, fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant ta’ GVAS, abbażi tal-Artikolu 7i(5) tal-AVRAG, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, fir-rigward ta’ erba’ ħaddiema kkollokati, ta’ obbligi fil-qasam tar-remunerazzjoni.

9

Dik id-deċiżjoni ġiet innotifikata lil LM fl‑20 ta’ Frar 2020.

10

LM ippreżenta rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark, l-Awstrija).

11

Din il-qorti tippreċiża li għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 7i(7) tal-AVRAG, li jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għall-allegat reat fil-konfront ta’ LM skont l-Artikolu 7i(5) tal-AVRAG. Hija tqis li tali terminu huwa partikolarment twil fir-rigward ta’ reat minuri ta’ dritt kriminali amministrattiv imwettaq b’negliġenza u li ma huwiex ċert li persuna tista’ tiddefendi ruħha b’mod xieraq, b’mod partikolari meta din id-difiża sseħħ kważi ħames snin wara l-allegati fatti.

12

F’dan il-kuntest, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[L-Artikolu] 6 tal-[KEDB] kif ukoll [l-Artikolu] 41(1) u t-tieni paragrafu [tal-Artikolu] 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu dispożizzjoni li tipprevedi b’mod imperattiv terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin f’każ ta’ reat ta’ negliġenza f’proċeduri kriminali amministrattivi?”

Fuq id‑domanda preliminari

Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

13

Il-Gvern Awstrijak u dak Belġjan isostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

14

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali li jorbtu lil Stati Membri f’kuntest li ma jaqax fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni (digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, EOS Matrix, C‑234/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:986, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-KEDB, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja għandha min-naħa l-oħra ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkorrispondi, kif jippreċiżaw l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob, C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 37).

16

Barra minn hekk, il-Gvern Awstrijak jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

17

Dan il-gvern iqis li din it-talba ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

18

Huwa jsostni, minn naħa, li l-motivazzjoni tad-domanda hija qasira u essenzjalment tirrigwarda l-proporzjonalità tal-pieni, filwaqt li d-domanda magħmula tirrigwarda t-terminu ta’ preskrizzjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

19

Min-naħa l-oħra, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix espożizzjoni tar-rabta bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba u dawk tad-dritt nazzjonali inkwistjoni.

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, INPS (Allowances tat-twelid u tal-maternità għad-detenturi ta’ permess uniku), C‑350/20, EU:C:2021:659, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi, skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

22

F’din il-kawża, billi tesponi d-dubji li hija għandha dwar il-kompatibbiltà tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-qorti tar-rinviju ssemmi r-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

23

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tidentifika, bħala dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu, fil-fehma tagħha, interpretazzjoni, l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, dispożizzjoni din li tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma tesponix liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li timplimenta.

26

Madankollu, jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li din il-kawża sseħħ f’kuntest ta’ kollokament ta’ ħaddiema u li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċerna reat relatat mar-remunerazzjoni insuffiċjenti ta’ ħaddiema kkollokati.

27

Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda s-sanzjoni imposta minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu relatat mar-rata ta’ salarju minimu previst fil-punt (ċ) tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71.

28

Fil-fatt, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tan-nukleu ta’ regoli obbligatorji ta’ protezzjoni minima, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din d-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, indipendentement mil-liġi applikabbli għar-relazzjoni tax-xogħol, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, l-impriżi għandhom jiggarantixxu lill-ħaddiema kkollokati fit-territorju tagħhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg li jikkonċernaw l-oqsma elenkati f’din id-dispożizzjoni, fosthom, ir-rati ta’ salarju minimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Isbir, C‑522/12, EU:C:2013:711, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw is-sanzjonijiet xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu.

30

F’dan il-kuntest, jirriżulta mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissanzjona r-remunerazzjoni insuffiċjenti ta’ ħaddiema kkollokati u li tiffissa t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal dan ir-reat, tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Minn dan isegwi li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, dawn l-inidikazzjonijiet huma suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita rabta bejn il-Karta, li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju, u din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

31

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ssodisfat l-obbligi msemmija fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

32

Għaldaqstant, id-domanda magħmula għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

Fuq il‑mertu

33

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tgħinha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha u, f’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-qorti tar-rinviju fformulat domanda billi għamlet riferiment biss għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li hija adita biha, irrispettivament minn jekk hija għamlitx jew le riferiment għalihom fit-test tad-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad‑deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X, C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissanzjona r-remunerazzjoni insuffiċjenti ta’ ħaddiema kkollokati u li tistabbilixxi t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal dan ir-reat, tiddetermina s-sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu relatat mar-rata ta’ salarju minimu previst fil-punt (ċ) tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 u għalhekk tikkostitwixxi implimentazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

36

Barra minn hekk, l-Artikolu 41 tal-Karta, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju, ma huwiex rilevanti sabiex din tingħata kjarifiki fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li din ma hijiex indirizzata lill-Istati Membri, iżda biss lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Minħabba f’hekk, għandu wkoll jitfakkar li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni intiż li japplika għall-Istati Membri meta dawn jimplimentaw dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrispondi d-domanda preliminari fid-dawl ta’ dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/71, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta u fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni relatat mad-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għal nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi relatati mar-remunerazzjoni tal-ħaddiema kkollokati.

39

Kif jirriżulta mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw is-sanzjonijiet xierqa sabiex jiżguraw, inter alia, l-eżekuzzjoni tal-obbligu relatat mar-rata ta’ salarju minimu previst fil-punt (ċ) tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.

40

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-istess direttiva ma tistabbilixxix regoli ta’ preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva 96/71, b’mod partikolari tal-Artikolu 3 tagħha.

41

Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, tali modalitajiet jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Dawn madankollu ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas għandhom jitmexxew b’mod li jirrendu fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punti 4546 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

L-Istati Membri huma obbligati wkoll, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, li jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju titlob li r-regola kkonċernata tapplika mingħajr distinzjoni għall-proċeduri bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq ksur tad-dritt intern li jkollhom għan u kawża simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Land Sachsen-Anhalt (Remunerazzjoni tal-Uffiċjali u Mħallfin), C‑773/18 sa C‑775/18, EU:C:2020:125, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari bl-ebda mod ma jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikser dan il-prinċipju. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika kull ksur eventwali tal-imsemmi prinċipju.

45

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi enfasizzat li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, li jiggarantixxu l-osservanza, minn naħa, ta’ prinċipju li jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod utli f’dak li jirrigwarda l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, tad-dritt ta’ kull persuna li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod ġust, pubbliku u f’terminu raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, The Trustees of the BT Pension Scheme, C‑628/15, EU:C:2017:687, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2017, Ispas, C‑298/16, EU:C:2017:843, punt 31).

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li jagħmel parti integrali mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, stabbilit f’din id-dispożizzjoni, inkwantu huwa korollarju, bħal, b’mod partikolari, l-prinċipju ta’ kontradittorju, tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq, jimplika l-obbligu li kull parti tingħata l-possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż il-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ sostanzjali meta mqabbla mal-avversarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni li tissanzjona r-remunerazzjoni insuffiċjenti ta’ ħaddiema kkollokati u li tistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għal tali reat hija intiża sabiex tiżgura l-osservanza tal-obbligu relatat mar-rata ta’ salarju minimu previst fil-punt (ċ) tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

48

Issa, in-natura transkonfinali ta’ sitwazzjoni ta’ kollokament ta’ ħaddiema u tal-proċeduri għal tali reat tista’ tirrendi relattivament kumpless ix-xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u b’hekk tiġġustifika l-iffissar ta’ terminu ta’ preskrizzjoni suffiċjentement twil sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jipproċedu legalment kontra u jissanzjonaw tali reat.

49

Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza mogħtija, mid-Direttiva 96/71, lill-obbligu relatat mar-rata ta’ salarju minimu, jista’ jkun raġonevolment mistenni mill-fornituri tas-servizzi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru li huma jżommu l-provi relatati mal-ħlas tas-salarji lil dawn il-ħaddiema għal diversi snin.

50

Għandu jiġi rrilevat ukoll, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2014/67 espressament jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jobbligaw lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jipprovdu ċerti dokumenti, fosthom il-provi tal-ħlas tas-salarji, wara l-perijodu ta’ kollokament, fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, f’terminu raġonevoli.

51

Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fiż-żewġ punti preċedenti, ma jidhirx li huwa irraġonevoli li, minħabba l-effett ta’ terminu ta’ preskrizzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra għandhom ikunu obbligati li jżommu u li jipproduċu l-provi ta’ ħlas tas-salarji għal perijodu ta’ ħames snin.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iffissar ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għal reat relatat mar-remunerazzjoni insuffiċjenti ta’ ħaddiema kkollokati ma jidhirx li huwa ta’ natura li jesponi lil operatur ekonomiku diliġenti għar-riskju li ma jkunx f’pożizzjoni li jesprimi b’mod utli l-perspettiva tiegħu fir-rigward tal-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha li tissanzjonah għat-twettiq ta’ tali reat u lanqas għal dak li ma jkunx f’pożizzjoni li jippreżenta l-kawża tiegħu, inklużi l-provi tiegħu, quddiem qorti.

53

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/71, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta u fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni relatat mad-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għal nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi relatati mar-remunerazzjoni tal-ħaddiema kkollokati.

Fuq l‑ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni relatat mad-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għal nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi relatati mar-remunerazzjoni tal-ħaddiema kkollokati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq