EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CJ0391

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Settembru 2022.
Boriss Cilevičs et vs Latvijas Republikas Saeima.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Satversmes tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Organizzazzjoni tas-sistema edukattiva – Istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla – Obbligu li l-korsijiet ta’ studju jiġu mgħallma bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat – Artikolu 4(2) TUE – Identità nazzjonali ta’ Stat Membru – Difiża u promozzjoni tal-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru – Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-391/20.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2022:638

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Organizzazzjoni tas-sistema edukattiva – Istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla – Obbligu li l-korsijiet ta’ studju jiġu mgħallma bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat – Artikolu 4(2) TUE – Identità nazzjonali ta’ Stat Membru – Difiża u promozzjoni tal-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑391/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura mibdija minn

Boriss Cilevičs,

Valērijs Agešins,

Vjačeslavs Dombrovskis,

Vladimirs Nikonovs,

Artūrs Rubiks,

Ivans Ribakovs,

Nikolajs Kabanovs,

Igors Pimenovs,

Vitālijs Orlovs,

Edgars Kucins,

Ivans Klementjevs,

Inga Goldberga,

Evija Papule,

Jānis Krišāns,

Jānis Urbanovičs,

Ļubova Švecova,

Sergejs Dolgopolovs,

Andrejs Klementjevs,

Regīna Ločmele-Luņova,

Ivars Zariņš

fil-preżenza ta’:

Latvijas Republikas Saeima,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal B. Cilevičs, V. Agešins, V. Dombrovskis, V. Nikonovs, A. Rubiks, I. Ribakovs, N. Kabanovs, I. Pimenovs, V. Orlovs, E. Kucins, I. Klementjevs, I. Goldberga, E. Papule, J. Krišāns, J. Urbanovičs, Ļ. Švecova, S. Dolgopolovs, E. Klementjevs, R. Ločmele-Luņova et I. Zariņš, minn B. Cilevičs,

għall-Gvern Latvjan, minn K. Pommere u V. Soņeca, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u N. Vincent, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. H. S. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, E. Samoilova u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, I. Rubene u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità tal-Augstskolu likums (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla), miftuħa fuq ir-rikors ta’ Boriss Cilevičs, Valērijs Agešins, Vjačeslavs Dombrovskis, Vladimirs Nikonovs, Artūrs Rubiks, Ivans Ribakovs, Nikolajs Kabanovs, Igors Pimenovs, Vitālijs Orlovs, Edgars Kucins, Ivans Klementjevs, Inga Goldberga, Evija Papule, Jānis Krišāns, Jānis Urbanovičs, Ļubova Švecova, Sergejs Dolgopolovs, Andrejs Klementjevs, Regīna Ločmele-Luņova u Ivars Zariņš, Membri tal-Latvijas Republikas Saeima (il-Parlament tar-Repubblika tal-Latvja, iktar ’il quddiem il-“Parlament Latvjan”).

Il‑kuntest ġuridiku

Il‑Kostituzzjoni Latvjana

3

Skont l-Artikolu 1 tal-Latvijas Republikas Satversme (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni Latvjana”), il-Latvja hija Repubblika Demokratika indipendenti.

4

L-Artikolu 4 tal-Kostituzzjoni Latvjana huwa fformulat kif ġej:

“Il-lingwa uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja hija l-Latvjan. […]”

5

L-Artikolu 105 ta’ din il-kostituzzjoni jiddisponi:

“Kull persuna għandha d-dritt għall-proprjetà. Id-dritt għall-proprjetà ma jistax jiġi eżerċitat b’mod li jmur kontra l-interess pubbliku. Id-dritt għall-proprjetà jista’ jiġi limitat biss skont il-liġi. L-esproprjazzjoni minħabba użu pubbliku hija awtorizzata biss f’każijiet eċċezzjonali, bis-saħħa ta’ liġi speċifika u b’kumpens ġust.”

6

L-Artikolu 112 tal-imsemmija kostituzzjoni jipprevedi:

“Kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni. L-Istat għandu jiggarantixxi l-aċċess mingħajr ħlas għall-edukazzjoni primarja u sekondarja. L-edukazzjoni primarja hija obbligatorja.”

7

L-Artikolu 113 tal-istess kostituzzjoni huwa fformulat kif ġej:

“L-Istat għandu jirrikonoxxi l-libertà ta’ ħolqien xjentifiku, artistiku u forom oħra ta’ ħolqien, u għandu jiżgura l-protezzjoni għad-drittijiet tal-awtur u tal-privattivi.”

Il‑Liġi dwar l‑Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla

8

L-Artikolu 5 tal-Augstskolu likums (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla) tat‑2 ta’ Novembru 1995 (Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 179) kien jipprovdi li r-rwol tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla kien li jippromwovu kif ukoll li jiżviluppaw ix-xjenzi u l-arti. Il-Likums “Grozījumi Augstskolu likumā” (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla) tal‑21 ta’ Ġunju 2018 (Latvijas Vēstnesis, 2018, Nru 132), emendat it-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla kif ġej:

“Bħala parti mill-attivitajiet tagħhom, [l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla] għandhom jippromwovu u jiżviluppaw ix-xjenzi, l-arti u l-lingwa uffiċjali.”

9

Skont l-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla, l-Istat u persuni ġuridiċi jew fiżiċi oħra, inklużi persuni ġuridiċi jew fiżiċi barranin, jistgħu jistabbilixxu istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla fil-Latvja.

10

Il-Liġi li temenda l-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla emendat ukoll l-Artikolu 56 ta’ din tal-aħħar. Bħala riżultat, l-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla kien ifformulat kif ġej:

“F’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni teknika u vokazzjonali ogħla, il-korsijiet ta’ studju għandhom jiġu mgħallma bil-lingwa uffiċjali. Dawn il-korsijiet ta’ studju jistgħu jsiru biss b’lingwa barranija fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

1) Il-korsijiet ta’ studju segwiti minn studenti barranin fil-Latvja u korsijiet ta’ studju organizzati bħala parti mill-kooperazzjoni prevista mill-programmi tal-Unjoni Ewropea u l-ftehimiet internazzjonali jistgħu jiġu mgħallma bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Fejn il-kors ta’ studju li għandu jsir fil-Latvja jdum iktar minn sitt xhur jew jirrappreżenta iktar minn 20 kreditu, in-numru ta’ sigħat ta’ klassijiet obbligatorji li għandhom jittieħdu minn studenti barranin għandu jinkludi t-tagħlim tal-lingwa uffiċjali;

2) Il-klassijiet mgħallma bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni ma jistgħux jammontaw għal iktar minn wieħed minn ħamsa tal-krediti għall-kors tal-istudju; eżamijiet finali, eżamijiet tal-Istat, xogħol ta’ korsijiet evalwat u teżijiet għal grad ta’ baċellerat jew master’s ma jiġux ikkunsidrati għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu;

3) Il-korsijiet ta’ studju jistgħu jittieħdu f’lingwi barranin sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom […] għall-kategoriji ta’ korsijiet li ġejjin: studji lingwistiċi u kulturali kif ukoll korsijiet tal-lingwa. […]

4) Il-korsijiet ta’ studju konġunti jistgħu jiġu mgħallma bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.”

11

Il-Liġi li temenda l-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla żiedet il-punt 49 mad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ din tal-aħħar, li huwa fformulat kif ġej:

“L-emendi tal-Artikolu 56(3) ta’ din il-liġi, dwar il-lingwa li fiha l-korsijiet ta’ studju jiġu mgħallma, jidħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2019. L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u l-kulleġġi li joffru korsijiet ta’ studju b’lingwa li ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56(3) ta’ din il-liġi jistgħu jkomplu joffru dawn il-korsijiet ta’ studju bil-lingwa kkonċernata sal‑31 ta’ Diċembru 2022. Mill‑1 ta’ Jannar 2019, huwa pprojbit li l-istudenti jiġu ammessi f’korsijiet ta’ studju mgħallma b’lingwa li ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56(3) ta’ din il-liġi.”

Il‑Liġi dwar l‑Iskola tal‑Ekonomija f’Riga

12

L-Artikolu 19(1) tal-Likums Likums « Par Rīgas Ekonomikas augstskolu » (il-Liġi dwar l-Iskola tal-Ekonomija f’Riga) tal‑5 ta’ Ottubru 1995 (Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 164), jiddisponi:

“Il-korsijiet [tal-Iskola tal-Ekonomija f’Riga] għandhom jiġu mgħallma bl-Ingliż. Ix-xogħol kollu li għandu jiġi sottomess għall-għoti ta’ grad ta’ baċellerat, master’s jew dottorat għandu jinkiteb u jiġi difiż bl-Ingliż, u l-eżamijiet professjonali għandhom isiru bl-Ingliż.”

Il‑Liġi dwar il‑Kulleġġ Ogħla tad‑Dritt ta’ Riga

13

L-Artikolu 21 tar-Rīgas Juridiskās augstskolas likums (il-Liġi dwar il-Kulleġġ Ogħla tad-Dritt ta’ Riga) tal‑1 ta’ Novembru 2018 (Latvijas Vēstnesis, 2018, Nru 220), jipprevedi:

“[Il-Kulleġġ Ogħla tad-Dritt ta’ Riga] joffri korsijiet ta’ studju li jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni rilevanti u jkunu ngħataw l-akkreditazzjoni skont il-leġiżlazzjoni. Il-korsijiet għandhom jiġu mgħallma bl-Ingliż jew b’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

Il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) għandha quddiemha rikors ippreżentat minn 20 Membru tal-Parlament Latvjan. Dan ir-rikors huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-kompatibbiltà tat-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla kif ukoll tal-punt 49 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ din il-liġi mal-Kostituzzjoni Latvjana, u b’mod partikolari mal-Artikoli 1, 105 u 112 ta’ din tal-aħħar.

15

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu f’dan ir-rigward li dawn id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla jippreġudikaw id-dritt għall-edukazzjoni. Fil-fatt, sa fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet jimponu fuq l-istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla li jikkultivaw u li jiżviluppaw il-lingwa uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja, billi jillimitaw b’hekk il-possibbiltajiet għal dawn tal-aħħar li jipproponu korsijiet ta’ studju mgħallma b’lingwi barranin, dawn jillimitaw l-awtonomija ta’ dawn l-istituzzjonijiet kif ukoll il-libertà akkademika tal-għalliema u tal-istudenti tagħhom.

16

Barra minn hekk, huwa limitat ukoll id-dritt tal-istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla li jeżerċitaw attività kummerċjali u li jipprovdu, bi ħlas, servizz ta’ edukazzjoni ogħla skont l-awtorizzazzjoni miksuba.

17

L-istess dispożizzjonijiet jiksru, barra minn hekk, il-prinċipju ta’ legalità, stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni Latvjana, peress li l-fundaturi ta’ istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla seta’ jkollhom aspettattivi leġittimi li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-operat tal-istituzzjonijiet li huma proprjetarji tagħhom.

18

Barra minn hekk, bil-ħolqien ta’ ostakolu għad-dħul fis-suq tal-edukazzjoni ogħla kif ukoll billi jipprekludu liċ-ċittadini u lill-impriżi ta’ Stati Membri oħra milli jipprovdu servizzi ta’ edukazzjoni ogħla f’lingwi barranin, it-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla kif ukoll il-punt 49 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ din il-liġi jippreġudikaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti rispettivament fl-Artikolu 49 TFUE u fl-Artikolu 56 TFUE, kif ukoll il-libertà ta’ intrapriża, stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta.

19

Il-Parlament Latvjan isostni li dawn id-dispożizzjonijiet huma konformi mal-Artikoli 1, 105 u 112 tal-Kostituzzjoni Latvjana, sa fejn dawn ma jikkostitwixxux limitazzjoni għal dawn id-drittijiet fundamentali. L-imsemmija dispożizzjonijiet ma jillimitawx id-drittijiet tal-istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla, peress li d-dritt għall-edukazzjoni jkopri biss il-protezzjoni tad-drittijiet tal-istudenti. Huma lanqas ma jillimitaw id-dritt għall-proprjetà, peress li dan ma jiggarantixxi l-ebda dritt, għall-individwi, li jiksbu profitti.

20

Anki jekk jitqies li dawn id-drittijiet huma s-suġġett ta’ limitazzjoni, din tal-aħħar hija prevista mil-liġi u hija intiża sabiex tilħaq għan leġittimu li fir-rigward tiegħu hija tkun proporzjonata.

21

Il-Parlament Latvjan iqis, barra minn hekk, li d-dritt tal-Unjoni ma jillimitax is-setgħa tal-Istati Membri li jadottaw, fil-qasam tal-edukazzjoni, ir-regoli neċessarji għall-protezzjoni tal-valuri kostituzzjonali ta’ dawn l-Istati. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Latvja ma hijiex obbligata tiżgura li l-edukazzjoni ogħla tkun tista’ tingħata b’lingwa differenti mil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru.

22

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla jipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni ta’ kors ta’ studju bil-lingwi tal-Unjoni u ma jmurx lil hinn mill-għan li tinħoloq żona Ewropea tal-edukazzjoni.

23

Fil‑11 ta’ Ġunju 2020, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) tat sentenza li permezz tagħha hija ddeċidiet li taqsam l-eżami tal-kawża prinċipali fi tnejn.

24

Minn naħa, billi qieset li t-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istabbilimenti ta’ Edukazzjoni Ogħla kif ukoll il-punt 49 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ din il-liġi jirregolaw qasam li, bis-saħħa tal-Artikolu 165 TFUE, jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u li barra minn hekk ma kienx mixtieq li eventwali rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jħalli l-kwistjoni tal-konformità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Latvjan mal-Kostituzzjoni Latvjana sospiża, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjonijiet mal-Artikoli 112 u 113 ta’ din il-kostituzzjoni.

25

Il-qorti tar-rinviju għalhekk iddeċidiet li t-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla kienet konformi mal-Kostituzzjoni Latvjana. Għall-kuntrarju, hija ddeċidiet li l-Artikolu 56(3) ta’ din il-liġi u l-punt 49 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tagħha, sa fejn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet japplikaw għall-istituzzjonijiet ogħla privati, għall-għalliema tagħhom u għall-istudenti tagħhom, ma kinux konformi mal-Artikoli 112 u 113 tal-imsemmija kostituzzjoni.

26

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kompatibbiltà tat-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla kif ukoll tal-punt 49 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ din il-liġi mal-Artikoli 1 u 105 tal-Kostituzzjoni Latvjana, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tkompli bl-eżami tal-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, hija tqis li d-dritt għall-proprjetà stabbilit f’dan l-Artikolu 105 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment, stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE, u li huwa neċessarju li jiġi ppreċiżat il-kontenut ta’ din il-libertà fundamentali.

27

Din il-qorti tqis li, għalkemm, minn naħa, mill-Artikolu 4(2) TUE jirriżulta li l-Unjoni tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, li l-lingwa uffiċjali tagħhom hija waħda mill-espressjonijiet tagħha, u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 165 TFUE jirriżulta li l-kontenut u l-organizzazzjoni tal-edukazzjoni ogħla jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-libertà ta’ stabbiliment kienet tapplika wkoll fl-oqsma li għalihom dawn l-Istati Membri jibqgħu kompetenti.

28

Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kwistjoni jekk leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi, fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla, inkluż fi ħdan istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla, l-użu tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li tipprevedi ċerti limiti għal dan l-obbligu, tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE.

29

Barra minn hekk, dik il-qorti tfakkar li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma japplikawx għal żewġ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, jiġifieri l-Iskola tal-Ekonomija f’Riga u l-Kulleġġ Ogħla tad-Dritt ta’ Riga, li jibqgħu rregolati b’liġijiet speċjali.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Leġiżlazzjoni bħal dik kontenzjuża fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 [TFEU] jew, sussidjarjament, għal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi ggarantita fl-Artikolu 56 TFUE, kif ukoll għal-libertà ta’ intrapriża rrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-[Karta]?

2)

Liema kunsiderazzjonijiet għandhom jittieħdu biex tiġi evalwata n-natura ġustifikata, adegwata u proporzjonata ta’ leġiżlazzjoni tali b’rabta mal-għan leġittimu tagħha li lingwa uffiċjali tiġi protetta bħala manifestazzjoni tal-indentità nazzjonali?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà u l‑persistenza tas‑suġġett tal‑kawża prinċipali

31

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma japplikawx għal sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47).

32

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-qorti tar-rinviju adixxietha fil-kuntest ta’ proċedura għal annullament ta’ dispożizzjonijiet applikabbli mhux biss għaċ-ċittadini nazzjonali, iżda wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, id-deċiżjoni li dik il-qorti ser tadotta wara d-deċiżjoni preliminari tagħha ser tipproduċi l-istess effetti fir-rigward ta’ dawn iċ-ċittadini tal-aħħar, liema fatt jiġġustifika li hija tirrispondi għad-domandi li sarulha b’rabta mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet fundamentali minkejja l-fatt li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati fi Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 35, kif ukoll tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 51).

33

Issa, dan huwa l-każ tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla, li hija inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, din il-proċedura tagħti lok għal stħarriġ astratt ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, li huwa intiż li jeżamina l-konformità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma’ regoli legali ta’ livell ogħla, fid-dawl tal-persuni kollha li għalihom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija liġi, l-Istat u l-persuni ġuridiċi jew fiżiċi oħra, inklużi persuni ġuridiċi jew fiżiċi barranin, jistgħu jistabbilixxu istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla fil-Latvja.

34

Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju indikat l-elementi konkreti, imsemmija fil-punt preċedenti, li jippermettu li tiġi stabbilita rabta bejn is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li ċ-ċirkustanzi kollha tagħha huma limitati ġewwa l-Istat Membru kkonċernat, u l-Artikoli 49 u 56 TFUE, b’tali mod li l-interpretazzjoni ta’ dawn il-libertajiet fundamentali hija neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 54).

35

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-persistenza tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni Ewropea esprimiet dubji dwar l-utilità ta’ risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula sa fejn il-qorti tar-rinviju qieset li l-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla u l-punt 49 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ din il-liġi ma kinux konformi mal-Kostituzzjoni Latvjana.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, u kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet, permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, li taqsam l-eżami tal-kawża prinċipali fi tnejn.

37

Minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 25 ta’ din is-sentenza, hija ddeċidiet li t-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla kienet konformi mal-Artikoli 112 u 113 tal-Kostituzzjoni Latvjana. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla u l-punt 49 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ din il-liġi, sa fejn dawn japplikaw għall-istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla, għall-għalliema tagħhom u għall-istudenti tagħhom, ma kinux konformi mal-imsemmija Artikoli 112 u 113.

38

Min-naħa l-oħra, dik il-qorti ddeċidiet li tkompli bl-eżami tal-kawża prinċipali f’dak li jirrigwarda l-konformità tat-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla kif ukoll tal-punt 49 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ din il-liġi mal-Artikoli 1 u 105 tal-Kostituzzjoni Latvjana, peress li qieset li d-dritt għall-proprjetà stabbilit f’dan l-aħħar artikolu kellu jiġi interpretat fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE li l-kontenut tagħha kellu jiġi ppreċiżat.

39

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet, sabiex tħalli terminu raġonevoli lil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jadotta leġiżlazzjoni ġdida, li żżomm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li kienu ġew ikkunsidrati bħala antikostituzzjonali u li tipposponi d-dħul fis-seħħ tal-invalidità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet sal‑1 ta’ Mejju 2021.

40

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu ssodisfatti mhux biss fid-data li fiha tressqet il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll matul il-proċedura kollha. Fil-fatt, meta n-nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali mal-kostituzzjoni nazzjonali, iddikjarat mill-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, ikollu l-effett li jeskludihom mill-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar id-domandi magħmula lilha. Fid-dawl tal-evoluzzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali u mingħajr preċiżazzjoni min-naħa tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tar-rilevanza tad-domandi magħmula għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, dawn tal-aħħar huma kkunsidrati bħala ipotetiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Di Donna, C‑492/11, EU:C:2013:428, punti 27 sa 32).

41

Madankollu, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domanda li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, INPS (Allokazzjonijiet tat-twelid u tal-maternità għad-detenturi ta’ permess uniku), C‑350/20, EU:C:2021:659, punt 38).

42

Konsegwentement, fil-każ li d-domanda magħmula tkun tikkonċerna l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domanda hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et, C‑426/16, EU:C:2018:335, punti 3031).

43

F’dan il-każ, anki jekk il-qorti tar-rinviju ddikjarat li t-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla kienet konformi mal-Artikoli 112 u 113 tal-Kostituzzjoni Latvjana, xorta jibqa’ l-fatt li dik il-qorti tista’, fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi li hija għamlitilha, tasal għall-konklużjoni opposta fir-rigward tal-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikoli 1 u 105 ta’ din il-kostituzzjoni, interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi kif ukoll tal-Artikolu 16 tal-Karta.

44

Barra minn hekk, bi tweġiba għal talba għal kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-neċessità li tinżamm it-talba għal deċiżjoni preliminari, fid-dawl tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tal-Kostituzzjoni Latvjana tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma s-suġġett tad-domandi magħmula, li l-effetti tagħhom jibdew jiddekorru mill‑1 ta’ Mejju 2021, u fid-dawl b’mod partikolari tal-adozzjoni tal-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla, li daħlet fis-seħħ f’dik id-data, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li hija kienet għadha kompetenti sabiex tevalwa l-kostituzzjonalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

45

Dik il-qorti tenfasizza f’dan ir-rigward li l-imsemmija dispożizzjonijiet, għalkemm iddikjarati antikostituzzjonali, kienu fis-seħħ matul ċertu perijodu u, għaldaqstant, setgħu jipproduċu effetti legali sfavorevoli għall-persuni ġuridiċi li għalihom kienu applikati, kif ukoll jagħtu lok għal tilwim.

46

Peress li l-imsemmija qorti hija mitluba, b’mod partikolari, tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhomx jiġu esklużi mill-ordinament ġuridiku Latvjan anki għall-perijodu qabel id-dħul fis-seħħ tal-invalidità tagħhom, għandu jiġi kkunsidrat li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula tibqa’ utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

47

Għaldaqstant, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq il‑mertu

48

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll l-Artikolu 16 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi, bħala prinċipju, fuq l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, l-obbligu li l-edukazzjoni tingħata esklużivament bil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru.

Osservazzjonijiet preliminari

49

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tirreferi għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi, bħal dawk tal-Karta.

50

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-libertajiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta miżura nazzjonali tkun marbuta simultanjament ma’ diversi minn dawn il-libertajiet, il-Qorti tal-Ġustizzja teżaminaha, bħala prinċipju, fid-dawl ta’ waħda biss mill-imsemmija libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-oħrajn ikunu kompletament sekondarji meta mqabbla ma’ tal-ewwel u jistgħu jkunu marbuta magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 47).

51

Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta wkoll li, sabiex tiġi ddeterminata l-libertà fundamentali predominanti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni kkonċernata (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 51).

52

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-organizzazzjoni, bi ħlas, ta’ kors ta’ edukazzjoni ogħla hija attività ekonomika li taqa’ taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE dwar id-dritt ta’ stabbiliment meta titwettaq minn ċittadin ta’ Stat Membru fi Stat Membru ieħor, b’mod stabbli u kontinwu, minn istituzzjoni prinċipali jew sekondarja f’dan l-aħħar Stat Membru (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla), C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 160, u tat‑13 ta’ Novembru 2003, Neri, C‑153/02, EU:C:2003:614, punt 39).

53

Mill-banda l-oħra, huma “[provvisti ta’] servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, il-provvisti kollha li ma humiex offruti b’mod stabbli u kontinwu, minn istituzzjoni fl-Istat Membru destinatarju, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma tippermetti li jiġi ddeterminat, b’mod astratt, it-tul jew il-frekwenza li abbażi tagħha l-provvista ta’ servizz jew ta’ ċertu tip ta’ servizz ma jkunx jista’ jibqa’ jitqies bħala provvista ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Duomo Gpa et, C‑357/10 sa C‑359/10, EU:C:2012:283, punti 3132).

54

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla jirregola l-possibbiltà għall-Istat u persuni ġuridiċi jew fiżiċi oħra, inklużi persuni ġuridiċi jew fiżiċi barranin, li joħolqu istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla fil-Latvja. Barra minn hekk, in-natura partikolari tas-servizzi kkonċernati, jiġifieri l-attivitajiet ta’ edukazzjoni ogħla, timplika li dawn l-attivitajiet huma, b’mod ġenerali, eżerċitati b’mod stabbli u kontinwu.

55

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’, b’mod predominanti, taħt il-libertà ta’ stabbiliment.

56

Fir-rigward ta’ eżami possibbli ta’ din il-leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 16 tal-Karta, għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, eżami tar-restrizzjoni stabbilita minn leġiżlazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 49 TFUE jkopri wkoll l-eventwali restrizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet previsti fl-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta, b’tali mod li ma huwiex neċessarju eżami separat tal-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet, C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 50).

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tingħata fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE biss.

Fuq ir‑restrizzjoni għal‑libertà ggarantita mill‑Artikolu 49 TFUE

58

Skont l-Artikolu 6 TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza sabiex tieħu azzjonijiet sabiex issostni, tikkoordina jew tikkompleta l-azzjoni tal-Istati Membri b’mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni.

59

Għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax din il-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward, minn naħa, tal-kontenut tat-tagħlim u tal-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva kif ukoll tad-diversità kulturali u lingwistika tagħhom u, min-naħa l-oħra, tal-kontenut u tal-organizzazzjoni tat-taħriġ professjonali, kif jirriżulta mill-Artikolu 165(1) u mill-Artikolu 166(1) TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 70).

60

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE jipprovdi li, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom jiġu pprojbiti.

61

Għandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ggarantita fl-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2015, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 45).

62

F’dan il-każ, minkejja li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jistgħu jistabbilixxu ruħhom fil-Latvja u joffru korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla, tali possibbiltà hija, bħala prinċipju, ikkundizzjonata mill-obbligu li dawn il-programmi jiġu offruti biss bil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru.

63

Issa, tali obbligu jista’ jagħmel inqas attraenti, għal dawn iċ-ċittadini, l-istabbiliment tagħhom fl-Istat Membru li jimponi dan l-obbligu, li jikkostitwixxi għalhekk restrizzjoni għal-libertà ggarantita mill-Artikolu 49 TFUE. B’mod partikolari, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali ċittadini, meta jkollhom istituzzjoni fi Stat Membru ieħor, ma jkunux jistgħu jużaw parti kbira mill-persunal amministrattiv u ta’ tagħlim impjegati f’din l-istituzzjoni, li jinvolvi għalhekk spejjeż sinjifikattivi.

64

Bl-istess mod, tali restrizzjoni teżisti wkoll fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li, qabel l-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla, eżerċitaw din il-libertà billi fetħu istituzzjonijiet fil-Latvja li joffru kors ta’ studju b’lingwa li ma hijiex il-Latvjan. Fil-fatt, wara t-tmiem tal-perijodu tranżitorju, dawn iċ-ċittadini jkollhom jadattaw il-kors ta’ studju tagħhom għar-rekwiżiti ta’ din il-liġi, li jista’ jwassal għal spejjeż sinjifikattivi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ parti kbira mill-persunal amministrattiv tagħhom u tal-għalliema tagħhom.

Fuq il‑ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà ggarantita mill‑Artikolu 49 TFUE

65

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss bil-kundizzjoni, fl-ewwel lok, li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u, fit-tieni lok, li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 178).

– Fuq l‑eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

66

Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-obbligu li korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla jiġu offruti bil-lingwa Latvjana, li jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla, huwa intiż sabiex jiddefendi u jippromwovi l-użu tal-lingwa uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja.

67

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ politika intiża għad-difiża u għall-promozzjoni ta’ lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ Stat Membru (sentenza tas‑16 ta’ April 2013, Las, C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 25).

68

Hija għalhekk iddeċidiet li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE kif ukoll skont l-Artikolu 22 tal-Karta, l-Unjoni tosserva r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha. B’mod konformi mal-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tosserva wkoll l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, li minnha tagħmel parti wkoll il-protezzjoni tal-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat (sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 86, kif ukoll tas‑16 ta’ April 2013, Las, C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 26).

69

Għandha tiġi rrikonoxxuta l-importanza li għandu t-tagħlim sabiex titwettaq tali politika ta’ difiża u ta’ promozzjoni tal-prattika tal-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 1989, Groener, C‑379/87, EU:C:1989:599, punt 20).

70

Għalhekk, l-għan intiż li jippromwovi u jistimula l-prattika ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Stat Membru għandu jitqies bħala għan leġittimu ta’ natura li jiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni għall-obbligi imposti mil-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ April 2013, Las, C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 27, u tal‑21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar, C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 50).

– Fuq il‑kapaċità tar‑restrizzjoni kkonċernata li tiggarantixxi t‑twettiq tal‑għan li għandu jintlaħaq

71

Kif jirriżulta mill-punt 65 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi evalwat ukoll jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tistax tiggarantixxi t-twettiq ta’ dan l-għan leġittimu u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

72

F’dan ir-rigward, hija finalment il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk u kemm din il-leġiżlazzjoni tissodisfa dawn ir-rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 64).

73

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba sabiex tagħti risposta utli lil dik il-qorti, hija kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub li saru quddiemha, b’tali mod li jippermettu lill-imsemmija qorti tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 65).

74

F’dan il-każ, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi obbligu għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla li jużaw, bħala prinċipju, il-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru tidher xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ difiża u ta’ promozzjoni ta’ din il-lingwa. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tiffavorixxi l-prattika tal-imsemmija lingwa mill-popolazzjoni kollha kkonċernata u tiggarantixxi li l-istess lingwa tintuża wkoll fil-kuntest tat-taħriġ universitarju.

75

Madankollu, għandu jitfakkar li l-imsemmija leġiżlazzjoni tista’ titqies li hija ta’ natura li tiggarantixxi dan l-għan biss jekk verament tissodisfa l-intenzjoni li dan jintlaħaq u jekk tiġi implimentata b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑377/17, EU:C:2019:562, punt 89).

76

Fid-dawl tal-portata limitata tagħhom, l-eċċezzjonijiet previsti mill-istess leġiżlazzjoni ma humiex ta’ natura li jostakolaw it-twettiq tal-għan ta’ difiża u ta’ promozzjoni tal-lingwa uffiċjali tal-imsemmi Stat Membru.

77

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, kif tippreċiża l-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Latvjana tipprevedi li l-użu obbligatorju tal-lingwa Latvjana ma jikkonċernax żewġ istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla li l-funzjonament tagħhom huwa rregolat minn liġijiet speċjali, li jippermetti għalhekk li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet ikomplu joffru korsijiet ta’ studju bil-lingwa Ingliża jew, jekk ikun il-każ, b’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

78

Kif jirriżulta mit-tweġiba bil-miktub tal-Gvern Latvjan għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija żewġ istituzzjonijiet ġew stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali konklużi bejn ir-Repubblika tal-Latvja u r-Renju tal-Isvezja. Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-punt 1 tal-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla jipprevedi preċiżament li kors ta’ studju li jsir fil-Latvja jista’ jingħata b’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li ma hijiex il-lingwa Latvjana meta dan il-kors ikun organizzat fil-kuntest ta’ ftehimiet internazzjonali.

79

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm, ċertament, iż-żewġ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla li l-funzjonament tagħhom huwa rregolat minn liġijiet speċjali jibbenefikaw minn status speċjali, peress li t-tagħlim jingħata bil-lingwa Ingliża jew, jekk ikun il-każ, b’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni, madankollu xejn ma jipprekludi li istituzzjonijiet oħra jipprovdu t-taħriġ tagħhom b’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li ma hijiex il-lingwa Latvjana, sakemm il-funzjonament tagħhom jaqa’ taħt ftehim internazzjonali konkluż bejn ir-Repubblika tal-Latvja u Stati oħra.

80

Minn dan isegwi li s-sistema derogatorja applikabbli għal dawn iż-żewġ istituzzjonijiet tista’ tapplika għal kull istituzzjoni li tinsab f’sitwazzjoni simili. Barra minn hekk, din il-kategorija ta’ istituzzjonijiet hija differenti b’mod rilevanti mill-istituzzjonijiet suġġetti għall-obbligu, bħala prinċipju, li jgħallmu f’dan il-każ bil-lingwa Latvjana, sa fejn dawk tal-ewwel jagħmlu parti minn loġika ta’ kooperazzjoni universitarja internazzjonali partikolari. Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan speċifiku li huma jsegwu u fid-dawl tal-portata limitata tagħhom, l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu li ċerti istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla jibbenefikaw minn sistema derogatorja fil-kuntest ta’ kooperazzjoni prevista minn programmi tal-Unjoni u minn ftehimiet internazzjonali ma hijiex ta’ natura li tneħħi l-koerenza tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

– Fuq in‑neċessità u l‑proporzjonalità tar‑restrizzjoni kkonċernata

81

Għandu jitfakkar li l-miżuri li jirrestrinġu libertà fundamentali ma jistgħux ikunu ġġustifikati biss sakemm l-għan imfittex ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein, C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 90).

82

Barra minn hekk, ma huwiex indispensabbli li l-miżura restrittiva stabbilita mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru tikkorrispondi għal kunċett kondiviż mill-Istati Membri kollha f’dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali jew tal-interess leġittimu kkonċernat. Għall-kuntrarju, in-neċessità u l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati f’dan il-qasam ma humiex esklużi minħabba l-fatt biss li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata fi Stat ieħor (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein, C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 91).

83

Ċertament, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet tal-politika tagħhom intiża sabiex tipproteġi l-lingwa uffiċjali, peress li tali politika tikkostitwixxi l-espressjoni tal-identità nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ April 2013, Las, C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 26). Madankollu, jibqa’ l-fatt li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax jiġġustifika li jiġu serjament ippreġudikati d-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jistabbilixxu l-libertajiet fundamentali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 78).

84

Għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi, mingħajr ebda eċċezzjoni, li l-korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla jingħataw bil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru teċċedi dak li huwa neċessarju u proporzjonat sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri d-difiża u l-promozzjoni ta’ din il-lingwa. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni twassal, fir-realtà, għall-obbligu, b’mod assolut, tal-użu ta’ din il-lingwa fil-korsijiet kollha ta’ edukazzjoni ogħla, bl-esklużjoni ta’ kull lingwa oħra u mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw li korsijiet differenti ta’ edukazzjoni ogħla jiġu offruti b’lingwi oħra.

85

Għall-kuntrarju, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, bħala prinċipju, obbligu li tintuża l-lingwa uffiċjali tagħhom fil-kuntest ta’ dawn il-korsijiet, sakemm tali obbligu jkun suġġett għal eċċezzjonijiet, sabiex jiżguraw li lingwa li ma hijiex il-lingwa uffiċjali tkun tista’ tintuża fil-kuntest tat-taħriġ universitarju.

86

F’dan il-każ, tali eċċezzjonijiet għandhom, sabiex ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-għan, jippermettu l-użu ta’ lingwa li ma hijiex il-lingwa Latvjana, tal-inqas fir-rigward tal-korsijiet offruti fil-kuntest ta’ kooperazzjoni Ewropea jew internazzjonali u ta’ korsijiet relatati mal-kultura u mal-lingwi li ma humiex il-Latvjan.

87

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġu interpretat fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi, bħala prinċipju, fuq l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, l-obbligu li l-edukazzjoni tingħata esklużivament bil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, sakemm tali leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata minn raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-identità nazzjonali tiegħu, jiġifieri li tkun neċessarja u proporzjonata għall-protezzjoni tal-għan leġittimament imfittex.

Fuq l‑ispejjeż

88

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġu interpretat fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi, bħala prinċipju, fuq l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, l-obbligu li l-edukazzjoni tingħata esklużivament bil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, sakemm tali leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata minn raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-identità nazzjonali tiegħu, jiġifieri li tkun neċessarja u proporzjonata għall-protezzjoni tal-għan leġittimament imfittex.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Latvjan.

Fuq