EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CJ0410

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Mejju 2022.
Banco Santander, SA vs J.A.C. u M.C.P.R.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Provincial de La Coruña.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/59/UE – Riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u impriżi ta’ investiment – Prinċipji ġenerali – Artikolu 34(1) – Rikapitalizzazzjoni interna – Effetti – Artikolu 53(1) u (3) – Deprezzament ta’ strumenti ta’ fondi proprji – Il-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) – Artikoli 73 sa 75 – Protezzjoni tad-drittijiet tal-azzjonisti u tal-kredituri – Direttiva 2003/71/KE – Prospett għall-pubblikazzjoni fil-każ ta’ offerta għall-pubbliku ta’ titoli jew bil-ħsieb li titoli jiġu ammessi għall-kummerċ – Artikolu 6 – Informazzjoni żbaljata tal-prospett – Azzjoni għad-danni mressqa wara deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni – Azzjoni intiża għan-nullità tal-kuntratt ta’ akkwist ta’ azzjonijiet imressqa kontra s-suċċessur universali tal-istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għal deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.
Kawża C-410/20.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2022:351

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/59/UE – Riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u impriżi ta’ investiment – Prinċipji ġenerali – Artikolu 34(1) – Rikapitalizzazzjoni interna – Effetti – Artikolu 53(1) u (3) – Deprezzament ta’ strumenti ta’ fondi proprji – Il-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) – Artikoli 73 sa 75 – Protezzjoni tad-drittijiet tal-azzjonisti u tal-kredituri – Direttiva 2003/71/KE – Prospett għall-pubblikazzjoni fil-każ ta’ offerta għall-pubbliku ta’ titoli jew bil-ħsieb li titoli jiġu ammessi għall-kummerċ – Artikolu 6 – Informazzjoni żbaljata tal-prospett – Azzjoni għad-danni mressqa wara deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni – Azzjoni intiża għan-nullità tal-kuntratt ta’ akkwist ta’ azzjonijiet imressqa kontra s-suċċessur universali tal-istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għal deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni”

Fil-Kawża C‑410/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de A Coruña (il-Qorti Provinċjali ta’ A Coruña, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

Banco Santander SA

vs

J.A.C.,

M.C.P.R.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Jääskinen, M. Safjan, N. Piçarra (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Banco Santander SA, minn J. M. Rodríguez Cárcamo u A. M. Rodríguez Conde, abogados,

għal J.A.C. u M.C.P.R., minn C. Camba Méndez, procuradora, u X. A. Pérez-Lema López, abogado,

għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn J. Rodríguez de la Rúa Puig, A. Gavela Llopis u S. Centeno Huerta, sussegwentement minn J. Rodríguez de la Rúa Puig u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, J. Cunha Marques, P. Barros da Costa u S. Jaulino, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn D. Triantafyllou, A. Nijenhuis, J. Rius Riu u A. Steiblytė, sussegwentement minn D. Triantafyllou, A. Nijenhuis u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑2 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 34(1)(a), tal-Artikolu 53(1) u (3) u tal-punti (b) u (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Banco Santander SA, fil-kwalità tagħha ta’ suċċessur ta’ Banco Popular Español SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”), u J.A.C. u M.C.P.R., żewġ investituri, dwar ir-responsabbiltà ċivili ta’ Banco Santander minħabba informazzjoni pprovduta fil-prospett maħruġ skont id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 356), kif emendata bid-Direttiva 2008/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008, L 76, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/71”), li abbażi tiegħu dawn l-investituri ssottoskrivew azzjonijiet ta’ Banco Popular.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2003/71

3

Id-Direttiva 2003/71 ġiet imħassra, b’effett mill‑21 ta’ Lulju 2019, bir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (ĠU 2017, L 168, p. 12). Madankollu, fiż-żmien tat-tilwima fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/71 kienu għadhom fis-seħħ.

4

Il-premessa 18 ta’ din id-direttiva kienet tipprovdi:

“Il-provvediment ta’ tagħrif sħiħ li jirrigwarda t-titoli u lil dawk li joħorġu dawn it-titoli jippromwovi, flimkien mar-regoli dwar il-kondotta tan-negozju, il-protezzjoni ta’ l-investituri. Barra minn hekk, dan it-tagħrif jipprovdi mezz effettiv sabiex tiżdied il-fiduċja fit-titoli u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament u l-iżvilupp xierqa tas-swieq tat-titoli. Il-manjiera approprjata għalbiex dak it-tagħrif jintgħamel disponibbli hija li jiġi ppubblikat prospett.”

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ir-responsabbiltà annessa mal-prospett”, kien jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi r-responsabbiltà rigward it-tagħrif mogħti fi prospett ikollu x’jaqsam mill-inqas ma’ min joħroġ it-titoli jew il-korpi tiegħu amministrattivi, tal-ġestjoni jew tas-sorveljanza, ma’ min joffrihom, mal-persuna li titlob għall-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat jew il-garanti, skond kif ikun il-każ. Il-persuni responsabbli għandhom ikunu identifikati biċ-ċar fil-prospett b’isimhom u l-funzjonament tagħhom jew, fil-każ ta’ persuni legali, isimhom u l-uffiċċji reġistrati tagħhom, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tagħhom li, safejn ikunu jafu, it-tagħrif li jkun jinsab fil-prospett ikun skond il-fatti u li l-prospett ma jħalli barra xejn li x’aktarx jaffettwa l-importanza tiegħu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi dwar ir-responsabbiltà ċivili japplikaw għal dawk il-persuni responsabbli mit-tagħrif mogħti fi prospett.

[…]”

Id‑Direttiva 2014/59

6

Il-premessi 45, 49, 51 u 120 tad-Direttiva 2014/59 jipprovdu:

“(45)

Sabiex jiġi evitat periklu morali, kwalunkwe istituzzjoni li tkun qed tfalli għandha tkun tista’ toħroġ mis-suq, irrispettivament mid-daqs u l-interkonnettività tagħha, mingħajr ma tikkawża taqlib sistemiku. Istituzzjoni li tkun qed tfalli għandha fil-prinċipju tiġi likwidata skont proċeduri normali ta’ insolvenza. Madankollu, il-likwidazzjoni skont proċeduri normali ta’ insolvenza tista’ tipperikola l-istabbiltà finanzjarja, titterrompi l-provvista ta’ servizzi essenzjali, u taffettwa l-protezzjoni tad-depożituri. F’dan il-każ huwa wisq probabbli li jkun hemm interess pubbliku li l-istituzzjoni titqiegħed taħt riżoluzzjoni u li jiġu applikati għodod ta’ riżoluzzjoni flok rikors għal proċeduri normali ta’ insolvenza. […]

[…]

(49)

Il-limitazzjonijiet fuq id-drittijiet tal-azzjonisti u l-kredituri għandhom ikunu f’konformità mal-Artikolu 52 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea]. L-għodod tar-riżoluzzjoni għandhom għalhekk jiġu applikati biss lil dawk l-istituzzjonijiet li jkunu qed ifallu jew probabbli li jfallu, u dan biss meta jkun neċessarju biex jintlaħaq l-għan tal-istabbiltà finanzjarja fl-interess ġenerali. Partikolarment, l-għodod ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu applikati fejn l-istituzzjoni ma tistax tiġi stralċjata taħt proċeduri normali ta’ insolvenza mingħajr ma tiġi distabbilizzata s-sistema finanzjarja u l-miżuri jkunu neċessarji sabiex jiġi żgurat trasferiment rapidu u l-kontinwazzjoni ta’ funzjonijiet sistemikament importanti u fejn ma hemm l-ebda prospett raġonevoli għal kwalunkwe soluzzjoni privata alternattiva, inklużi kwalunkwe żieda fil-kapital mill-azzjonisti eżistenti jew minn kwalunkwe parti terza biżżejjed biex tiġi restawrata l-vijabbiltà sħiħa tal-istituzzjoni. […]

[…]

(51)

Għall-iskop li jiġi protett id-dritt tal-azzjonisti u l-kredituri, għandhom jiġu stabbiliti obbligi ċari fir-rigward tal-valwazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u fejn meħtieġ skont din id-Direttiva l-valutazzjoni tat-trattament li kienu jirċievu l-azzjonisti u l-kredituri kieku l-istituzzjoni ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza. Għandu jkun possibbli li valutazzjoni tinbeda diġà fil-fażi ta’ intervent bikri. Qabel tittieħed kwalunkwe azzjoni ta’ riżoluzzjoni, għandha titwettaq valutazzjoni ġusta u realistika u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni. Tali valwazzjoni għandha tkun soġġetta għal dritt ta’ appell flimkien mad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni biss. Barra minn hekk, fejn meħtieġ skont din id-Direttiva, paragun ex post bejn it-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri jkunu fil-fatt ġew mogħtija u t-trattament li kienu jirċievu skont proċeduri normali ta’ insolvenza għandu jitwettaq wara li jkunu ġew applikati għodda ta’ riżoluzzjoni. Jekk ikun determinat li l-azzjonisti u l-kredituri jkunu rċevew, fil-ħlas, jew kumpens, għall-pretensjonijiet tagħhom, l-ekwivalenti ta’ inqas mill-ammont li kienu jirċievu taħt proċeduri normali ta’ insolvenza, huma għandhom ikunu intitolati għal ħlas tad-differenza fejn meħtieġ skont din id-Direttiva. B’kuntrast mal-valutazzjoni ta’ qabel l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, għandu jkun possibbli li dak il-paragun jiġi kontestat separatament mid-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni. […]

[…]

(120)

Id-direttivi tal-Unjoni dwar il-liġi tal-kumpanniji jinkludu regoli mandatorji għall-protezzjoni tal-azzjonisti u l-kredituri ta’ istituzzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ dawn id-direttivi. F’sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jeħtieġ jaġixxu b’mod rapidu, dawk ir-regoli jistgħu jfixklu l-azzjoni effettiva u l-użu ta’ għodod u setgħat ta’ riżoluzzjoni minn awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u derogi xierqa għandhom jiġu inklużi f’din id-Direttiva. Sabiex tiġi garantita ċertezza legali massima għall-partijiet interessati, id-derogi għandhom jiġu definiti b’mod ċar u strett, u għandhom jintużaw biss fl-interess pubbliku u meta jiġu sodisfatti l-iskattaturi tar-riżoluzzjoni. […]”

7

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-direttiva japplikaw id-definizzjonjiet li ġejjin:

[…]

(47)

‘proċeduri normali ta’ insolvenza’ tfisser il-proċeduri kollettivi ta’ insolvenza li jinvolvu divestiment parzjali jew totali ta’ debitur u l-ħatra ta’ likwidatur jew amministratur, normalment applikabbli għal istituzzjonijiet skont il-liġi nazzjonali u, jew speċifiċi għal dawk l-istituzzjonijiet jew ġeneralment applikabbli għal kwalunkwe persuna naturali jew ġuridika;

[…]

(57)

‘għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna’ tfisser il-mekkaniżmu biex jiġi effettwat l-eżerċizzju minn awtorità tar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 37 tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u l-konverżjoni fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet [ta’] istituzzjoni taħt riżoluzzjoni skont l-Artikolu 43;

[…]

(62)

‘azzjonisti’ tfisser detenturi ta’ strumenti ta’ sjieda;

[…]

(76)

‘kreditur affettwat’ tfisser kreditur li l-pretensjoni tiegħu tirrelata ma’ obbligazzjoni li ġiet imnaqqsa jew ikkonvertita fi strumenti ta’ sjieda permezz tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni skont l-użu tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna;

[…]”

8

L-Artikolu 34 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni u jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tittieħed skont il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-azzjonisti tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jġarrbu l-ewwel telf;

(b)

il-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jġarrbu t-telf wara l-azzjonisti skont l-ordni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet tagħhom taħt proċeduri normali ta’ insolvenza, ħlief kif altrimenti previst espressament f’din id-Direttiva;

[…]

(g)

l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf ikbar milli kien iġarrab kieku l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) ġiet stralċjata taħt proċeduri ta’ insolvenza normali f’konformità mas-salvagwardji fl-Artikoli 73 sa 75; kif ukoll

[…]”

9

Skont l-Artikolu 53 tal-istess direttiva, intitolat “Effett tar-rikapitalizzazzjoni interna”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn awtorità ta’ riżoluzzjoni teżerċita setgħa msemmija fl-Artikolu 59(2) u fil-punti (e) sa (i) tal-Artikolu 63(1), it-tnaqqis fil-kapital jew fl-ammont pendenti dovut, il-konverżjoni jew il-kanċellazzjoni jidħlu fis-seħħ u jkunu immedjatament vinkolanti fuq l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u l-kredituri u l-azzjonisti affettwati.

[…]

3.   Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tnaqqas għal żero l-ammont kapitali prinċipali ta’, jew l-ammont pendenti pagabbli fir-rigward ta’ obbligazzjoni permezz tas-setgħa msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 63(1), dik l-obbligazzjoni u kwalunkwe obbligu jew pretensjoni li tirriżulta f’relazzjoni magħha li mhumiex dovuti fil-mument meta tiġi eżerċitata s-setgħa għandhom jiġu ttrattati bħala mħallsa għal għanijiet kollha, u ma għandhomx ikun jistgħu jiġu ppruvati fi kwalunkwe proċedura sussegwenti fir-rigward l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew kwalunkwe entità suċċessur fi kwalunkwe stralċ sussegwenti.

[…]”

10

L-Artikolu 60 tad-Direttiva 2014/59, intitolat “Dispożizzjonijiet li jirregolaw il-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali”, jipprovdi, fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu:

“Meta l-ammont prinċipali ta’ strument kapitali rilevanti jiġi valwat negattivament:

[…]

(b)

l-ebda obbligazzjoni lejn id-detentur tal-istrument kapitali rilevanti ma għandha tibqa’ taħt jew marbuta mal-ammont tal-istrument li jkun ġie valwat negattivament, ħlief għal xi obbligazzjoni diġà dovuta, u kwalunkwe obbligazzjoni għal danni li jistgħu jinħolqu bħala riżultat ta’ appel li jikkontesta l-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa tal-valwazzjoni negattiva;

(c)

ebda kumpens ma jitħallas lil ebda detentur tal-istrumenti kapitali rilevanti għajr skont il-paragrafu 3.”

11

L-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva, intitolat “Trattament tal-azzjonisti u l-kredituri f’każ ta’ trasferimenti parzjali u l-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna” jipprovdi, fil-punt (b) tiegħu, li, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, b’mod partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 75, “fejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni japplikaw l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, l-azzjonisti u l-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu ġew valwati negattivament jew ikkonvertiti f’ekwità ma jġarrbux telf akbar milli kienu jġarrbu kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza immedjatament jew meta d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 82 ittieħdet.”

12

L-Artikolu 74 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Valwazzjoni tad-differenza fit-trattament”, jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet tal-valutazzjoni dwar jekk l-azzjonisiti u l-kredituri jkunux ħadu trattament aħjar kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni kienet daħlet fi proċeduri normali ta’ insolvenza, inkluż iżda mhux limitat għall-finijiet tal-Artikolu 73, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li titwettaq valwazzjoni minn persuna indipendenti mill-aktar fis possibbli wara li titwettaq azzjoni jew azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni. […]”

13

Skont l-Artikolu 75 tal-istess direttiva, intitolat “Salvagwardja tal-azzjonisti u l-kredituri”:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk il-valwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 74 tiddetermina li kwalunkwe azzjonista jew kreditur imsemmi fl-Artikolu 73 […] ikun ġarrab telf akbar milli kieku kien iġarrab fi stralċ taħt proċeduri normali ta’ insolvenza, huwa jkollu d-dritt għal pagament tad-differenza mill-arranġamenti tal-finanzjament ta’ riżoluzzjoni.”

Id‑deċiżjoni tal‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

14

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni adotta fid-deċiżjoni tiegħu SRB/EES/2017/08 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 l-iskema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular, approvata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha (UE) 2017/1246 (ĠU 2017, L 178, p. 15).

Id‑dritt Spanjol

Il‑Kodiċi Ċivili

15

L-Artikolu 1307 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jipprovdi:

“Meta l-parti kontraenti li tkun meħtieġa li tirrestitwixxi l-oġġett bis-saħħa tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ma tkunx tista’ tagħmel dan minħabba t-telf tal-oġġett, hija għandha tirrestitwixxi l-frott miksub u l-valur li l-oġġett kellu fiż-żmien tat-telf tiegħu, kif ukoll l-interessi mill-istess data.”

Il‑Liġi 11/2015

16

Il-Ley 11/2015 de recuperación y resolución de entidades de crédito y empresas de servicios de inversión (il-Liġi 11/2015 dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u tal-Impriżi ta’ Investiment) tat‑18 ta’ Ġunju 2015 (BOE Nru 146 tad‑19 ta’ Ġunju 2015, p. 50797), tittrasponi fid-dritt Spanjol id-Direttiva 2014/59.

Id‑deċiżjoni tal‑Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnata tal‑Istituzzjonijiet Bankarji

17

Id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni SRB/EES/2017/08 ġiet implimentata bid-deċiżjoni tal-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (il-Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnata tal-Istituzzjonijiet Bankarji) (BOE Nru 155, tat‑30 ta’ Ġunju 2017, p. 55470), li t-tielet bażi legali tagħha tindika:

“Fir-rigward tal-portata tal-miżura ta’ deprezzament adottata permezz ta’ din id‑deċiżjoni, skont l-Artikolu 39(2) tal-Liġi 11/2015 […], dan huwa deprezzament permanenti, u ma għandu jitħallas l-ebda kumpens lid-detenturi [tal-azzjonijiet deprezzati] […]. L-ebda obbligu ma għandu jibqa’ fil-konfront tad-detentur tal‑azzjonijiet deprezzati, ħlief għall-obbligi diġà dovuti jew ir-responsabbiltà li tista’ tirriżulta minn rikors ippreżentat kontra l-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ deprezzament.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

18

Fix-xahar ta’ Ġunju 2016, J.A.C. u M.C.P.R. akkwistaw azzjonijiet fil-kuntest ta’ offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni, fil-kuntest ta’ żieda fil-kapital imnedija mill-Banco Popular.

19

Skont id-deċiżjoni tal-Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnata tal-Istabbilimenti Bankarji tas‑7 ta’ Ġunju 2017, il-valur nominali tal-kapital azzjonarju ta’ Banco Popular tnaqqas għal żero u l-azzjonijiet kollha li jifformaw dan il-kapital azzjonarju ġew kompletament iddeprezzati mingħajr ebda kumpens.

20

Banco Santander akkwista l-azzjonijiet kollha ta’ Banco Popular maħruġa mill-ġdid wara din id-deċiżjoni u wettaq operazzjoni ta’ amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist matul is-sena 2018. Din l-operazzjoni wasslet għat-terminazzjoni tal-personalità ġuridika ta’ Banco Popular u għamlet il-Banco Santander is-suċċessur tal-ewwel wieħed.

21

Fix-xahar ta’ Marzu 2018, J.A.C. u M.C.P.R. ippreżentaw rikors kontra Banco Popular, sabiex jiksbu n-nullità tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet fuq il-bażi ta’ żball, sa fejn dan il-kuntratt kien ġie ffirmat abbażi ta’ informazzjoni ta’ kontabbiltà u patrimonjali pprovduta b’mod inkomplet u ineżatt fil-prospett ippubblikat skont id-Direttiva 2003/71, jew fuq il-bażi ta’ aġir doluż, sa fejn l-informazzjoni patrimonjali pprovduta kienet iffalsifikata u moħbija.

22

Il-Juzgado de Primera Instancia no 2 de A Coruña (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 2 ta’ A Coruña, Spanja) ikkonstatat, permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2019, in-nullità tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet u ordnat ir-restituzzjoni lil J.A.C. u lil M.C.P.R. tal-investiment korrispondenti flimkien mal-interessi. Banco Santander appella minn din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de A Coruña (il-Qorti Provinċjali ta’ A Coruña, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

23

Dik il-qorti tqis neċessarju li jiġi ddeterminat jekk ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili minħabba l-informazzjoni pprovduta fil-prospett, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Hirmann (C‑174/12, EU:C:2013:856), jistgħux jipprevalu fuq il-prinċipji li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-impriżi ta’ investiment, stabbiliti mid-Direttiva 2014/59, b’mod partikolari l-prinċipju li l-azzjonisti ta’ istituzzjoni jew ta’ impriża, suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni għandhom ikunu tal-ewwel li jbatu t-telf sostnut.

24

L-imsemmija qorti tistaqsi, senjatament, dwar il-possibbiltà li tintlaqa’ azzjoni għad-danni minħabba l-informazzjoni pprovduta fil-prospett, imressqa skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71, wara l-għeluq tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu jew tal-impriża ta’ investiment emittenti, jew talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità, minħabba difett fil-kunsens, tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet akkwistati abbażi ta’ prospett żbaljat, abbażi b’mod partikolari tal-Artikolu 1307 tal-Kodiċi Ċivili, anki wara l-għeluq ta’ tali proċedura. Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li n-natura retroattiva tad-dikjarazzjoni ta’ nullità prevista mid-dritt nazzjonali timplika li l-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet konkluż minn J.A.C. u M.C.P.R. qatt ma kellu effett, b’tali mod li dawn għandhom, b’mod definittiv, jiġu ttrattati bħala kredituri u mhux bħala azzjonisti tal-istabbiliment bankarju kkonċernat.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de A Coruña (il-Qorti Provinċjali ta’ A Coruña) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Meta, fl-ambitu ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ entità finanzjarja, ikun ġie mifdi [ddeprezzat] l-valur tal-azzjonijiet kollha li fihom kien diviż il-kapital azzjonarju, l-Artikoli 34(1)(a), 53(1) u (3) u [l-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2)] tad-Direttiva 2014/59[…] għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu lil kull min ikun akkwista l-azzjonijiet tal-imsemmija entità xi xhur qabel il-bidu tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, fl-okkażjoni ta’ żieda tal-kapital permezz ta’ offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni, milli jressaq kontra l-entità tal-ħruġ jew kontra l-entità li tirriżulta minn amalgamazzjoni suċċessiva permezz ta’ inkorporazzjoni, talbiet għar-riżarċiment tad-danni jew talbiet li għandhom effett ekwivalenti billi jinvoka l-ineżattezza tal-informazzjoni inkluża fil-prospett tal-ħruġ?

2)

Fl-istess każ li hemm riferiment għalih [fl-ewwel] domanda […], l-Artikoli 34(1)(a), 53(3) u [l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 60(2)] tad-Direttiva 2014/59[…], jipprekludu l-impożizzjoni b’mod ġudizzjarju fuq l-entità tal-ħruġ, jew fuq l-entità li tissuċċediha b’titolu universali, ta’ obbligi ta’ ħlas lura tal-kontrovalur tal-azzjonijiet sottoskritti, flimkien mal-ħlas tal-interessi, bħala konsegwenza tad-dikjarazzjoni ta’ nullità, b’effetti retroattivi (ex tunc), tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni tal-azzjonijiet, skont talbiet imressqa wara r-riżoluzzjoni tal-entità?”

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

26

Wara l-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, fit-2 ta’ Diċembru 2021, J.A.C. u M.C.P. R. talbu, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ April 2022, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27

Insostenn tat-talba tagħhom, J.A.C. u M.C.P. R. jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li dawn il-konklużjonijiet jinkludu affermazzjonijiet li jmorru kontra l-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) u jikkritikaw l-interpretazzjoni proposta tad-Direttiva 2014/59.

28

Ċertament, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma tkunx informata biżżejjed, jew meta parti tkun ressqet fatt ġdid ta’ natura li jkollu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie ttrattat mill-partijiet jew mill-persuni interessati previsti fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 20).

29

Madankollu, il-kontenut tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistax jikkostitwixxi, bħala tali, fatt ġdid li bl-invokazzjoni tiegħu l-partijiet ikunu jistgħu jwieġbu għal dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tenfasizza li, skont l-Artikolu 252 TFUE, ir-rwol tal-Avukat Ġenerali huwa dak li jippreżenta pubblikament, b’imparzjalità sħiħa u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati fuq il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu, sabiex jassistiha fit-twettiq tal-missjoni tagħha li hija dik li tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati. Sa fejn jinsabu barra mid-dibattitu ta’ bejn il-partijiet, il-konklużjonijiet jiftħu l-fażi tad-deliberazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk dawn ma jikkostitwixxux opinjoni intiża għall-Imħallfin jew għall-partijiet li toriġina minn awtorità esterna għall-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-opinjoni individwali, motivata u espressa pubblikament, ta’ membru tal-istituzzjoni stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistgħux jiġu ttrattati mill-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 21).

30

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-punti mressqa minn J.A.C. u M.C.P. R. ma jqajmu ebda fatt ġdid ta’ natura li għandu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li hija mitluba tagħti f’din il-kawża u li din ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex ittrattat mill-partijiet jew il-persuni interessati. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji u hija informata biżżejjed sabiex tagħti deċiżjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id‑domandi preliminari

31

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 34(1)(a), tal-Artikolu 53(1) u (3) u tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, wara d-deprezzament totali tal-azzjonijiet tal-kapital azzjonarju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ investiment suġġetta għal proċedura ta’ xoljiment, il-persuni li jkunu akkwistaw azzjonijiet, fil-kuntest ta’ offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni maħruġa minn din l-istituzzjoni jew din l-impriża, qabel il-ftuħ ta’ tali proċedura ta’ riżoluzzjoni, jippreżentaw, kontra l-imsemmija istituzzjoni jew l-imsemmija impriża, jew kontra l-entità suċċessur tagħha, azzjoni għad-danni minħabba l-informazzjoni pprovduta fil-prospett, kif previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71, jew azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, skont id-dritt nazzjonali, li, fid-dawl tal-effett retroattiv tagħha, twassal għall-ħlas lura tal-kontrovalur tal-imsemmija azzjonijiet, flimkien mal-interessi dekorribbli mid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

32

Għandu qabelxejn jitfakkar li l-Artikolu 34(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/59 jistabbilixxi l-prinċipju li huma l-azzjonisti, segwiti mill-kredituri, ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ investiment suġġetta għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni li għandhom ibatu bi prijorità t-telf sostnut minħabba l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura.

33

Meta l-proċedura ta’ riżoluzzjoni timplika rikapitalizzazzjoni interna, fis-sens tal-punt 57 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, l-Artikolu 53(1) tagħha jipprevedi li l-miżuri ta’ tnaqqis tal-kapital jew ta’ konverżjoni jew ta’ annullament permessi minn din ir-rikapitalizzazzjoni interna jorbtu immedjatament lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati. Kif stabbilit fl-Artikolu 53(3) ta’ din id-direttiva, meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tnaqqas għal żero l-ammont prinċipali jew is-somom dovuti abbażi ta’ element ta’ passiv, kull obbligu jew dejn li jirriżulta minn dan li ma jkunx dovut fil-mument tar-riżoluzzjoni jitqies li tħallas għal kull fini u ma jistax jiġi invokat kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-impriża ta’ investiment suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni jew kontra kull entità suċċessur tagħha, fil-kuntest ta’ stralċ sussegwenti.

34

L-Artikolu 60 tad-Direttiva 2014/59, li jirrigwarda d-deprezzament jew il-konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji, jippreċiża, fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu, li ebda obbligu fil-konfront tad-detentur tal-istrumenti ta’ fondi proprji deprezzati, skont id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, ma jissussisti, bl-eċċezzjoni tal-obbligi diġà dovuti u r-responsabbiltajiet li jistgħu jirriżultaw minn azzjoni li tikkontesta l-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ deprezzament. Bl-istess mod, skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) ta’ din id-direttiva, ebda kumpens ma jitħallas, bħala prinċipju, lid-detenturi tal-istrumenti ta’ fondi proprji rilevanti.

35

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati, b’mod partikolari, fid-dawl tal-premessa 49 tad-Direttiva 2014/59, li tindika li l-istrumenti ta’ riżoluzzjoni għandhom japplikaw biss, sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ urġenza estrema, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-impriżi ta’ investiment li fallew jew li x’aktarx ser ifallu u biss jekk dan ikun neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja fl-interess ġenerali. Tali proċedura għandha għalhekk tapplika meta l-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-impriża ta’ investiment inkwistjoni ma tkunx tista’ tiġi llikwidata skont proċedura normali ta’ insolvenza mingħajr ma tiddestabbilizza s-sistema finanzjarja. Il-proċedura ta’ riżoluzzjoni, skont kif ipprovdut fil-premessa 45 ta’ din id-direttiva, tfittex li tnaqqas il-perikolu morali fis-settur finanzjarju billi tipprovdi li t-telf subit minħabba l-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ investiment jiġi prinċipalment sostnut mill-azzjonisti, b’mod li jiġi evitat li dan l-istralċ jippreġudika r-riżorsi tal-Istat u l-protezzjoni tad-depożitanti.

36

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-għanijiet li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja u finanzjarja kif ukoll li jiġi evitat riskju sistematiku jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali segwit mill-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, għalkemm hemm interess ġenerali ċar li, fl-Unjoni kollha, tiġi żgurata protezzjoni b’saħħitha u konsistenti tal-investituri, dan l-interess ma jistax jitqies li jipprevali fiċ-ċirkustanzi kollha fuq l-interess ġenerali li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 91, u tat‑8 ta’ Novembru 2016, Dowling e.a., C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 54).

37

Id-direttiva 2014/59 tipprevedi għalhekk l-użu, f’kuntest ekonomiku eċċezzjonali, ta’ proċedura li tista’ taffettwa b’mod partikolari d-drittijiet tal-azzjonisti u tal-kredituri ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ investiment, sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri, billi toħloq sistema ta’ insolvenza li tidderoga mid-dritt komuni tal-proċeduri ta’ insolvenza, li l-implimentazzjoni tagħha hija awtorizzata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u għandha tkun iġġustifikata minn interess ġenerali superjuri. In-natura derogatorja ta’ din is-sistema timplika li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi eskluża meta dawn tal-aħħar jistgħu jċaħħdu mill-effettività jew jostakolaw l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

38

F’dan ir-rigward, huwa ppreċiżat, fil-premessa 120 tad-Direttiva 2014/59, li d-derogi previsti minn din id-direttiva għar-regoli obbligatorji għall-protezzjoni tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji, li jistgħu jostakolaw l-azzjoni effettiva u l-użu ta’ strumenti u ta’ setgħat ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, għandhom ikunu mhux biss xierqa iżda wkoll iddefiniti b’mod ċar u strett, sabiex jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati ċertezza legali massima.

39

Id-direttiva 2003/71, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 18 tagħha, kellha bħala għan il-protezzjoni tal-investituri fil-mument meta jiddeċiedu li jixtru titoli ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ investiment. Il-ħruġ ta’ prospett ta’ bejgħ ta’ titoli, sa fejn dan joffri informazzjoni sħiħa, affidabbli u faċilment aċċessibbli dwar dawn it-titoli, jippermetti t-tisħiħ tal-fiduċja tal-pubbliku fl-imsemmija titoli u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb u għall-iżvilupp tas-swieq ikkonċernati, billi jevita li dawn jiġu mxekkla b’irregolaritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Almer Beheer u Daedalus Holding, C‑441/12, EU:C:2014:2226, punt 33).

40

Għalhekk din id-direttiva taqa’ materjalment taħt id-“direttivi tal-Unjoni dwar il-liġi tal-kumpanniji”, fis-sens tal-premessa 120 tad-Direttiva 2014/59. Issa, din tal-aħħar tippermetti derogi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huma dawk tad-Direttiva 2003/71, sa fejn l-applikazzjoni tagħhom tista’ ċċaħħad l-effettività jew tostakola l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex espressament imsemmija fid-Direttiva 2014/59 bħala li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ derogi li hija tipprevedi.

41

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-azzjoni għad-danni minħabba l-informazzjoni pprovduta fil-prospett tal-bejgħ ta’ titoli previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-azzjoni taqa’ taħt il-kategorija ta’ obbligi jew ta’ krediti li huma meqjusa li tħallsu għal kull fini, jekk dawn ma jkunux dovuti fil-jum tar-riżoluzzjoni, u għalhekk ma jistgħux jiġu invokati kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-impriża ta’ investiment suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, jew l-entità suċċessur tagħha, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 53(3) tad-Direttiva 2014/59 u impliċitament, tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) ta’ din id-direttiva.

42

L-istess japplika fir-rigward ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet, imressqa kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-impriża ta’ investiment li toħroġ il-prospett jew kontra l-entità suċċessur tagħha, wara l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

43

Fil-fatt, kemm l-azzjoni għad-danni kif ukoll l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità jeżiġu effettivament li l-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-impriża ta’ investiment suġġetta għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni, jew is-suċċessur ta’ dawn l-entitajiet, tikkumpensa lill-azzjonisti għat-telf sostnut minħabba l-eżerċizzju, minn awtorità ta’ riżoluzzjoni, tas-setgħa ta’ deprezzament u ta’ konverżjoni fir-rigward tal-elementi tal-passiv ta’ din l-istituzzjoni jew ta’ din l-impriża, jew jeżiġu li din tipproċedi bir-rimbors totali tas-somom investiti waqt is-sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet li ġew iddeprezzati minħabba din il-proċedura ta’ riżoluzzjoni. Tali azzjonijiet iqiegħdu inkwistjoni l-valutazzjoni kollha li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni peress li l-kompożizzjoni tal-kapital tagħmel parti mid-data oġġettiva ta’ din il-valutazzjoni. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 u 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċedura stess ta’ riżoluzzjoni kif ukoll l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2014/59 jiġu b’hekk imxekkla.

44

Fid-dawl tal-premess, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 34(1)(a), tal-Artikolu 53(1) u (3) u tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59 teskludi li azzjoni għad-danni prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71, jew azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet, prevista mid-dritt nazzjonali, tiġi ppreżentata, kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-impriża ta’ investiment li toħroġ il-prospett jew l-entità suċċessur tagħha, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

45

Din il-konstatazzjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Hirmann (C‑174/12, EU:C:2013:856, punti 2328), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset inter alia li d-dispożizzjonijiet tat-tieni Direttiva tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru tal-1976 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu [54 TFUE], dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 8), dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw iż-żamma tal-kapital tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata u l-ugwaljanza fit-trattament tal-azzjonisti, ma humiex ta’ natura li jipprekludu miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/71 li, minn naħa, tipprevedi r-responsabbiltà ta’ kumpannija emittenti minħabba l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni ineżatta u, min-naħa l-oħra, tobbliga lil din tal-aħħar, minħabba din ir-responsabbiltà, tirrimborsa lill-akkwirent ammont li jikkorrispondi għall-prezz tal-akkwist tal-azzjonijiet u tieħu dawn tal-aħħar lura.

46

Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, kienu inkwistjoni d-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji li l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun, sa fejn possibbli, irrikonċiljata, filwaqt li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59, li, kif intqal fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, tistabbilixxi sistema li tidderoga mid-dritt komuni tal-proċeduri tal-insolvenza, li taqa’ taħt id-dritt komuni tal-kumpanniji sabiex jiġi ppreżervat l-interess ġenerali li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

47

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li la d-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u lanqas id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja ggarantit fl-Artikolu 47 ta’ din il-karta ma huma drittijiet assoluti (ara, f’dan is-sens, għad-dritt għall-proprjetà, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, għad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2014/59 tipprevedi wkoll mekkaniżmu ta’ salvagwardja għall-azzjonisti u għall-kredituri ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ investiment suġġetta għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni. Skont l-Artikolu 73(b) ta’ din id-direttiva, li għalih jirreferi l-Artikolu 34(1)(g) tagħha, l-azzjonisti u l-kredituri jingħataw id-dritt, f’din il-proċedura, għal rimbors jew għal kumpens tal-krediti tagħhom li ma jkunx inqas mill-istima ta’ dak li kienu jirkupraw kieku l-intier tal-istituzzjoni jew tal-impriża inkwistjoni kienet ġiet illikwidata fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza.

49

L-Artikolu 74 tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 51 tagħha, jipprovdi għalhekk li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux ibbenefikaw minn trattament aħjar fil-każ fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-impriża ta’ investiment inkwistjoni jkunu ġew suġġetti għal proċedura normali ta’ insolvenza, għandu jsir paragun a posteriori bejn it-trattament fil-fatt mogħti lill-azzjonisti u lill-kredituri u t-trattament li dawn kienu jingħataw fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ssir valutazzjoni, fl-iqsar żmien possibbli, minn persuna indipendenti wara l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ riżoluzzjoni. Tali paragun jista’ jiġi kkontestat indipendentement mid-deċiżjoni sabiex issir riżoluzzjoni.

50

L-Artikolu 75 tad-Direttiva 2014/59 jippreċiża li, jekk jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, l-azzjonisti u l-kredituri rċevew, bħala ħlas jew bħala kumpens għall-krediti tagħhom, inqas minn dak li kienu jirċievu fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, huma għandhom dritt għall-ħlas tad-differenza. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa biss il-ħlas tad-differenza bejn it-telf sostnut fil-kuntest tar-riżoluzzjoni u dak li kien sostnut fil-kuntest ta’ stralċ normali li huwa ggarantit.

51

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 34(1)(a), tal-Artikolu 53(1) u (3) u tal-punti (b) u (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, wara d-deprezzament totali tal-azzjonijiet tal-kapital azzjonarju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ investiment suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, il-persuni li jkunu akkwistaw azzjonijiet, fil-kuntest ta’ offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni maħruġa minn din l-istituzzjoni jew minn din l-impriża, qabel il-ftuħ ta’ tali proċedura ta’ riżoluzzjoni, jippreżentaw, kontra l-imsemmija istituzzjoni jew l-imsemmija impriża jew kontra l-entità suċċessur tagħha, azzjoni għad-danni minħabba informazzjoni pprovduta fil-prospett, kif previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71, jew azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, li, fid-dawl tal-effett retroattiv tagħha, twassal għall-ħlas lura tal-kontrovalur tal-imsemmija azzjonijiet, flimkien mal-interessi dekorribbli mid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

Fuq l‑ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 34(1)(a), tal-Artikolu 53(1) u (3) u tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d‑Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, wara d-deprezzament totali tal-azzjonijiet tal-kapital azzjonarju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ investiment suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, il-persuni li jkunu akkwistaw azzjonijiet, fil-kuntest ta’ offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni maħruġa minn din l-istituzzjoni jew minn din l-impriża, qabel il-ftuħ ta’ tali proċedura ta’ riżoluzzjoni, jippreżentaw, kontra l-imsemmija istituzzjoni jew l-imsemmija impriża jew kontra l-entità suċċessur tagħha, azzjoni għad-danni minħabba informazzjoni pprovduta fil-prospett, kif previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE, kif emendata bid-Direttiva 2008/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2008, jew azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, li, fid-dawl tal-effett retroattiv tagħha, twassal għall-ħlas lura tal-kontrovalur tal-imsemmija azzjonijiet, flimkien mal-interessi dekorribbli mid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq