Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62019CJ0437
Judgment of the Court (Third Chamber) of 25 November 2021.#État du Grand-duché de Luxembourg v L.#Request for a preliminary ruling from the Cour administrative (Luxembourg).#Reference for a preliminary ruling – Administrative cooperation in the field of taxation – Directive 2011/16/EU – Article 1(1), Article 5 and Article 20(2) – Request for information – Decision ordering that information be provided – Refusal to comply with the order – Penalty – ‘Foreseeable relevance’ of the requested information – Absence of identification of the taxpayers concerned individually and by name – Concept of ‘identity of the person under examination or investigation’ – Statement of reasons of the request for information – Scope – Charter of Fundamental Rights of the European Union – Article 47 – Right to an effective remedy against the decision ordering that information be provided – Article 52(1) – Limitation – Respect for the essence of the right.#Case C-437/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Novembru 2021.
État luxembourgeois vs L.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour administrative (Il-Lussemburgu).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – Direttiva 2011/16/UE – Artikolu 1(1), Artikolu 5 u Artikolu 20(2) – Talba għal informazzjoni – Deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni – Rifjut li wieħed jikkonforma ruħu ma’ deċiżjoni ta’ ordni – Sanzjoni – Natura ‘prevedibbilment rilevanti’ tal-informazzjoni mitluba – Assenza ta’ identifikazzjoni bl-isem u individwalment tal-persuni taxxabbli kkonċernati – Kunċett ta’ ‘identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni’ – Motivazzjoni tat-talba għal informazzjoni – Portata – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni – Artikolu 52(1) – Limitazzjoni – Osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt.
Kawża C-437/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Novembru 2021.
État luxembourgeois vs L.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour administrative (Il-Lussemburgu).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – Direttiva 2011/16/UE – Artikolu 1(1), Artikolu 5 u Artikolu 20(2) – Talba għal informazzjoni – Deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni – Rifjut li wieħed jikkonforma ruħu ma’ deċiżjoni ta’ ordni – Sanzjoni – Natura ‘prevedibbilment rilevanti’ tal-informazzjoni mitluba – Assenza ta’ identifikazzjoni bl-isem u individwalment tal-persuni taxxabbli kkonċernati – Kunċett ta’ ‘identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni’ – Motivazzjoni tat-talba għal informazzjoni – Portata – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni – Artikolu 52(1) – Limitazzjoni – Osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt.
Kawża C-437/19.
Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:953
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
25 ta’ Novembru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat‑tassazzjoni – Direttiva 2011/16/UE – Artikolu 1(1), Artikolu 5 u Artikolu 20(2) – Talba għal informazzjoni – Deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni – Rifjut li wieħed jikkonforma ruħu ma’ deċiżjoni ta’ ordni – Sanzjoni – Natura ‘prevedibbilment rilevanti’ tal‑informazzjoni mitluba – Assenza ta’ identifikazzjoni bl-isem u individwalment tal‑persuni taxxabbli kkonċernati – Kunċett ta’ ‘identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni’ – Motivazzjoni tat-talba għal informazzjoni – Portata – Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni – Artikolu 52(1) – Limitazzjoni – Osservanza tal‑kontenut essenzjali tad-dritt”
Fil-Kawża C‑437/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura
État luxembourgeois
vs
L,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatriċi) u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal L, minn F. Trevisan u P. Mellina, avocats, |
|
– |
għall-Gvern Lussemburgiż, minn C. Schiltz, T. Uri u A. Germeaux, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge, J. Quaney u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn S Horan, BL, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis, M. Tassopoulou u Z. Chatzipavlou, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, inizjalment minn A.‑L. Desjonquères u C. Mosser, sussegwentement minn A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Galluzzo, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn W. Roels u N. Gossement, sussegwentement minn W. Roels, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta”) kif ukoll tal-Artikolu 1(1), tal-Artikolu 5 u tal-punt (a) tal‑Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal‑15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id‑direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 274, p. 58). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-État luxembourgeois (l‑Istat Lussemburgiż) u l-kumpannija L, kumpannija inkorporata taħt id-dritt Lussemburgiż, dwar il-legalità ta’ sanzjoni pekunjarja li ġiet imposta fuqha talli rrifjutat li tikkomunika ċerta informazzjoni, wara talba għal skambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 1, 2 u 6 sa 9 tad-Direttiva 2011/16 jistabbilixxu:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/16, intitolat “Suġġett”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li taħthom l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien bil-ħsieb tal-iskambju ta’ informazzjoni li hija prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2”. |
|
5 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […] 11. ‘persuna’ tfisser:
[…]”. |
|
6 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċedura għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba”, jipprevedi: “Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika lill-awtorità rikjedenti kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li tikseb b’riżultat ta’ indaġnijiet amministrattivi”. |
|
7 |
L-Artikolu 20 tal-istess direttiva, intitolat “Formoli standard u formati elettroniċi”, huwa fformulat kif ġej: “1. It-talbiet għal informazzjoni u għal indaġnijiet amministrattivi skont l-Artikolu 5 u t-tweġibiet għalihom, il-konfermi ta’ rċevuta, it-talbiet għal informazzjoni kuntestwali addizzjonali, l-inabbiltà jew ir-rifjut skont l-Artikolu 7 għandhom, kemm jista’ jkun possibbli, jintbagħtu permezz ta’ formola standard adotatta mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2). Il-formoli standard jistgħu jiġu akkumpanjati minn rapporti, dikjarazzjonijiet jew kwalunkwe dokument ieħor, jew veri kopji jew siltiet minnhom. 2. Il-formola standard li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja li għandha tiġi pprovduta mill-awtorità rikjedenti:
L-awtorità rikjedenti tista’, safejn ikun magħruf u f’konformità mal-iżviluppi internazzjonali, tipprovdi l-isem u l-indirizz ta’ kwalunkwe persuna li hu maħsub li għandha fil-pussess tagħha l-informazzjoni rikjesta kif ukoll kwalunkwe element li jista’ jiffaċilita l-ġbir ta’ informazzjoni mill-awtorità rikjesta. […]”. |
Id-dritt Lussemburgiż
Il-Liġi tad‑29 ta’ Marzu 2013
|
8 |
L-Artikolu 6 tal-loi du 29 mars 2013 portant transposition de la directive 2011/16 et portant 1) modification de la loi générale des impôts, 2) abrogation de la loi modifiée du 15 mars 1979 concernant l’assistance administrative internationale en matière d’impôts directs (il-Liġi tad‑29 ta’ Marzu 2013 dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/16 u li (1) Temenda l-Liġi Ġenerali dwar it-Taxxi, (2) Tħassar il-Liġi Emendata tal‑15 ta’ Marzu 1979 dwar l-Assistenza Amministrattiva Internazzjonali fil-Qasam tat-Taxxi Diretti (Mémorial A 2013, p. 756)), jipprevedi: “Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta Lussemburgiża għandha tikkomunikalha kwalunkwe informazzjoni prevedibbilment rilevanti għall‑amministrazzjoni u għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni interna tal-Istat Membru rikjedenti dwar it-taxxi u d-dazji […], li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li hija tikseb permezz ta’ investigazzjonijiet amministrattivi.” |
Il-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014
|
9 |
Il-loi du 25 novembre 2014 prévoyant la procédure applicable à l’échange de renseignements sur demande en matière fiscale et modifiant la loi du 31 mars 2010 portant approbation des conventions fiscales et prévoyant la procédure y applicable en matière d’échange de renseignements sur demande (il-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014 dwar il-Proċedura Applikabbli għall-Iskambju ta’ Informazzjoni fuq Talba fil-Qasam tat-Tassazzjoni u li Temenda l-Liġi tal‑31 ta’ Marzu 2010 li Tapprova l-Konvenzjonijiet Fiskali u li Tipprovdi l-Proċedura Applikabbli Għalihom fil-Qasam tal-Iskambju ta’ Informazzjoni fuq Talba (Mémorial A 2014, p. 4170, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014”)) hija applikabbli, b’mod partikolari, għat-talbiet għal skambju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 tal-Liġi tad‑29 ta’ Marzu 2013, iċċitata fil-punt ta’ qabel dan. |
|
10 |
Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014: “(1) L-amministrazzjonijiet fiskali huma awtorizzati li jitolbu kull tip ta’ informazzjoni li tkun mitluba għall-applikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni kif previst mill-[k]onvenzjonijiet u liġijiet mingħand il-possessur ta’ din l‑informazzjoni. (2) Il-possessur tal-informazzjoni huwa obbligat jipprovdi l-informazzjoni mitluba, kollha kemm hi, b’mod preċiż, mingħajr alterazzjoni, u dan fi żmien xahar min-notifika tad-deċiżjoni li tordna l-għoti tal-informazzjoni mitluba. Dan l‑obbligu jinkludi t-trażmissjoni mingħajr alterazzjoni tal-fajls li fuqhom tkun ibbażata l-informazzjoni. […]”. |
|
11 |
L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprevedi: “(1) L-amministrazzjoni fiskali kompetenti għandha tivverifika r-regolarità formali tat-talba għal skambju ta’ informazzjoni. Il-forma tat-talba għal skambju ta’ informazzjoni tkun regolari jekk hija tkun tinkludi l-indikazzjoni tal-bażi legali u tal-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba kif ukoll l-indikazzjonijiet l-oħra previsti mill-[k]onvenzjonijiet u liġijiet. […] (3) Jekk l-amministrazzjoni fiskali kompetenti ma jkollhiex l-informazzjoni mitluba, id-direttur tal-amministrazzjoni fiskali kompetenti jew id-delegat tiegħu għandu jinnotifika b’ittra rreġistrata indirizzata lill-possessur tal-informazzjoni d‑deċiżjoni tiegħu li tordna li tingħata l-informazzjoni mitluba. […] […]”. |
|
12 |
L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija liġi jiddisponi li: “Jekk l-informazzjoni mitluba ma tingħatax fit-terminu ta’ xahar min-notifika tad‑deċiżjoni li tordna l-għoti tal-informazzjoni mitluba, multa amministrattiva fiskali sa massimu ta’ EUR 250000 tista’ tiġi imposta fuq il-possessur tal‑informazzjoni. L-ammont għandu jiġi ffissat mid-direttur tal-awtorità fiskali kompetenti jew mid-delegat tiegħu”. |
|
13 |
L-Artikolu 6 tal-istess liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, kien ifformulat kif ġej: “(1) Ma tista’ tiġi ppreżentata l-ebda azzjoni għal rimedju kontra t-talba għal skambju ta’ informazzjoni u d-deċiżjoni ta’ ordni msemmija fl-Artikolu 3(1) u (3). (2) Il-possessur tal-informazzjoni għandu jkollu l-possibbiltà ta’ rikors għal bidla tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 quddiem it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu). Dan ir-rikors għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahar min-notifika tad-deċiżjoni lid-detentur tal-informazzjoni mitluba. Ir-rikors għandu jkollu effett sospensiv. […]”. |
Il-Liġi tal-1 ta’ Marzu 2019
|
14 |
Il-loi du 1er mars 2019 portant modification de la loi du 25 novembre 2014 prévoyant la procédure applicable à l’échange de renseignements sur demande en matière fiscale (il-Liġi tal‑1 ta’ Marzu 2019 li Temenda l-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014 li Tipprovdi l-Proċedura Applikabbli għall-Iskambju tal‑Informazzjoni fuq Talba fil-Qasam tat-Tassazzjoni) (Mémorial A 2019, p. 112, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑1 ta’ Marzu 2019”) daħlet fis-seħħ fid‑9 ta’ Marzu 2019. |
|
15 |
L-Artikolu 6 tal-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014, kif emendata bil-Liġi tal‑1 ta’ Marzu 2019, fl-ewwel u t-tieni paragrafu tiegħu jipprevedi: “(1) Il-possessur tal-informazzjoni għandu jkollu l-possibbiltà ta’ rikors għal annullament quddiem it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv) kontra d-deċiżjoni ta’ ordni msemmija fl-Artikolu 3(3). […] (2) Ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ordni msemmija fl-Artikolu 3(3) u d‑deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 5 għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahar min-notifika tad-deċiżjoni lid-detentur tal-informazzjoni mitluba. Ir-rikors għandu jkollu effett sospensiv. […]”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
16 |
Fis-27 ta’ April 2017, l-amministrazzjoni fiskali Franċiża bagħtet, abbażi b’mod partikolari tad-Direttiva 2011/16, lill-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża talba għal informazzjoni (iktar ’il quddiem it-“talba għal informazzjoni tas‑27 ta’ April 2017”). |
|
17 |
Din it-talba indikat lil F, kumpannija rregolata mid-dritt ċivili li tinnegozja fi proprjetà immobbli inkorporata taħt id-dritt Franċiż, bħala persuna ġuridika fl‑Istat li jagħmel it-talba u lil L, kumpannija inkorporata taħt id-dritt Lussemburgiż, kemm bħala kumpannija omm indiretta ta’ F kif ukoll bħala persuna ġuridika fl-Istat rikjest. Fir-rigward tal-iskop tat-taxxa tal-imsemmija talba, din tal-aħħar ippreċiżat li F kellha proprjetà immobbli fi Franza u li L kellha wkoll direttament proprjetà immobbli oħra fi Franza. L-istess talba spjegat, f’dan ir-rigward, li, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, persuni fiżiċi li direttament jew indirettament għandhom proprjetà immobbli li tinsab fi Franza għandhom jiddikjarawha u li l-amministrazzjoni fiskali Franċiża trid tkun taf l-azzjonisti u l‑benefiċjarji attwali ta’ L. |
|
18 |
Fit‑28 ta’ Frar 2018, id-directeur de l’administration des contributions directes (id‑Direttur tal-Amministrazzjoni tat-Taxxi Diretti, il-Lussemburgu) laqa’ t-talba għal informazzjoni tas‑27 ta’ April 2017, billi bagħat lil-L deċiżjoni li ordnatilha tikkomunika, sa mhux iktar tard mill‑5 ta’ April 2018, informazzjoni dwar il‑perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2012 sal‑31 ta’ Diċembru 2016 u li tirrigwarda informazzjoni varja, jiġifieri l-ismijiet u l-indirizzi tal-azzjonisti kif ukoll tal‑benefiċjarji attwali, kemm diretti kif ukoll indiretti irrispettivament mit-tip ta’ struttura li ġiet implimentata, minn L, it-tqassim tal-kapital azzjonarju ta’ din il‑kumpannija u kopja tar-reġistru tat-titoli ta’ din tal-aħħar (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni ta’ ordni tat‑28 ta’ Frar 2018”). Din id-deċiżjoni ppreċiżat li hija ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ rikors, skont l-Artikolu 6 tal-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali. |
|
19 |
Fil‑5 ta’ April 2018, L ippreżentat azzjoni legali formali kontra l-imsemmija deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ġunju 2018, id-Direttur tal‑Amministrazzjoni tat-Taxxi Diretti ddikjara dan ir-rimedju ġudizzjarju inammissibbli. Rikors għal annullament ippreżentat minn L kontra din l-aħħar deċiżjoni huwa attwalment pendenti quddiem t-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu). |
|
20 |
Fis‑6 ta’ Awwissu 2018, id-Direttur tal-Amministrazzjoni tat-Taxxi Diretti indirizza lil L deċiżjoni li tikkonstata li hija ma kinitx ikkonformat ruħha mad‑deċiżjoni ta’ ordni tat‑28 ta’ Frar 2018 u li imponiet lilha multa amministrattiva fiskali, skont l-Artikolu 5 tal-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ sanzjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2018”). |
|
21 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat mir-Reġistru tat-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv) fil‑5 ta’ Settembru 2018, L ippreżentat rikors intiż sabiex jikseb, prinċipalment, il-bidla ta’ din id-deċiżjoni u, sussidjarjament, l-annullament tagħha. |
|
22 |
Permezz tas-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2018, it-tribunal administratif (it‑Tribunal Amministrattiv) annulla l-imsemmija deċiżjoni, minħabba li teżisti kontradizzjoni bejn, minn naħa, l-identità tal-persuna taxxabbli ddikjarata fid‑deċiżjoni ta’ ordni tat‑28 ta’ Frar 2018 u, min-naħa l-oħra, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fit-talba għal informazzjoni tas‑27 ta’ April 2017 fir-rigward tal-iskop li għalih din l-informazzjoni hija mitluba, b’tali mod li jibqa’ dubju dwar l-identità tal-persuna taxxabbli msemmija f’din it-talba. Fil-fatt, skont it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv), dawn l-ispjegazzjonijiet iwasslu għall‑konklużjoni li l-investigazzjoni mmexxija mill-amministrazzjoni fiskali Franċiża ma tirrigwardax lil F, għalkemm imsemmija fit-talba għal informazzjoni tas‑27 ta’ April 2017 bħala persuna li hija s-suġġett ta’ din l-investigazzjoni, iżda pjuttost il-benefiċjarji ekonomiċi, persuni fiżiċi, ta’ L, li huma, skont il‑leġiżlazzjoni Franċiża, suġġetti għal obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-proprjetà immobbli li tinsab fi Franza. Din l-inċertezza dwar l-identità tal-persuna taxxabbli msemmija f’din it-talba jkollha bħala konsegwenza li l-informazzjoni mitluba għandha titqies li hija manifestament nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli. |
|
23 |
Permezz ta’ appell ippreżentat fir-Reġistru tal-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu) fl‑21 ta’ Diċembru 2018, l-Istat Lussemburgiż appella minn dik is-sentenza. |
|
24 |
Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) tqis, fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba, li, kuntrarjament għal dak li jsostni it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv), ma teżistix kontradizzjoni bejn l-identità tal-persuna taxxabbli indikata fid-deċiżjoni ta’ ordni tat‑28 ta’ Frar 2018 u l-iskop tat-taxxa mfittex mit‑talba għal informazzjoni tas‑27 ta’ April 2017. |
|
25 |
Fil-fatt, mill-kontenut globali ta’ din it-talba jirriżulta li F u L huma l-persuni ġuridiċi kkonċernati mill-investigazzjoni fiskali mwettqa fl-Istat li jagħmel it‑talba, bħala kumpanniji li għandhom proprjetajiet immobbli fi Franza. Fid-dawl tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni impost fuq l-azzjonisti u l-benefiċjarji ekonomiċi persuni fiżiċi ta’ tali kumpanniji skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) tqis li tali investigazzjoni tista’ validament testendi għall-istabbiliment tal-identità ta’ dawn il-persuni fiżiċi, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-azzjonisti u l-benefiċjarji ekonomiċi ta’ L huma wkoll, fid-dawl tal-istruttura tal-kumpannija inkwistjoni, il-benefiċjarji ekonomiċi ta’ F. Minn dan isegwi li l-informazzjoni mitluba fuq dan l-aspett ma hijiex manifestament nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli. |
|
26 |
Il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) madankollu tosserva li t-talba għal informazzjoni tas‑27 ta’ April 2017 ma tipproċedix għal identifikazzjoni bl‑isem u individwalment tal-azzjonisti u tal-benefiċjarji effettivi ta’ L, iżda ssemmi lil dawn il-persuni bħala grupp ta’ persuni li qegħdin jiġu indikati flimkien abbażi ta’ kriterji komuni ddefiniti mill-awtorità li tagħmel it-talba. |
|
27 |
Issa, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373), l-indikazzjoni tal-identità tal-persuna taxxabbli li hija s-suġġett tal-investigazzjoni fl-Istat li jagħmel it-talba hija element li t-talba għal informazzjoni għandha obbligatorjament tinkludi sabiex tiġġustifika r‑rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba, li tikkostitwixxi, min-naħa tagħha, kundizzjoni ta’ legalità ta’ tali talba. |
|
28 |
Skont il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva), jekk din id-direttiva ma tippreċiżax b’mod ieħor il-kontenut ta’ dan l-obbligu li tiġi identifikata l-persuna taxxabbli permezz tal-investigazzjoni fl-Istat li jagħmel it-talba, ma huwiex biżżejjed li l-identità ta’ din il-persuna taxxabbli tista’ tkun determinabbli sabiex jiġi osservat ir-rekwiżit ta’ identifikazzjoni impost mill-imsemmija direttiva. Fil‑fatt, fis-sens komun tagħha, l-identifikazzjoni ta’ persuna tippreżupponi l‑indikazzjoni ta’ elementi suffiċjenti sabiex tippermetti l-individwalizzazzjoni tagħha. |
|
29 |
Għalhekk, il-kunċett ta’ “identità” tal-persuna taxxabbli, fis-sens tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-talba għal informazzjoni għandha hija stess diġà tinkludi indikazzjonijiet suffiċjenti li jippermettu li jiġu identifikati individwalment il-persuna jew il-persuni taxxabbli kkonċernati mill‑investigazzjoni fl-Istat li jagħmel it-talba u li ma huwiex biżżejjed li din it‑talba sempliċement tipprovdi elementi komuni li jippermettu li jiġi ddeterminat grupp ftit jew wisq estiż ta’ persuni mhux identifikati sabiex tinkiseb preċiżament l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġu identifikati. |
|
30 |
Ċertament, mis-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373), jirriżulta li, sabiex jiġi interpretat dan il-kunċett ta’ “identità”, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall‑Iżvilupp Ekonomiku (OECD) dwar id-dħul u l-kapital kif ukoll il‑kummentarju dwaru. Issa, fil-verżjoni tal-kummentarju li tirriżulta mill‑aġġornament li sar wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/16, dan il‑kummentarju jippermetti li jitqies li talba għal informazzjoni li tirrigwarda grupp ta’ persuni taxxabbli mhux identifikati individwalment tista’ madankollu tissodisfa l-kundizzjoni tar-rilevanza prevedibbli fil-każ ta’ investigazzjoni mmirata rigward grupp limitat, ibbażata fuq l-eżami tal-osservanza ta’ obbligu legali speċifiku, u mhux sempliċi investigazzjoni ta’ sorveljanza fiskali ġenerali. |
|
31 |
Madankollu, anki jekk jiġi aċċettat li l-emendi suċċessivi magħmula lill‑imsemmija kummentarju jkunu applikabbli u rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, sa fejn dawn jirriflettu l-iżviluppi fl-interpretazzjoni tal‑istandard ġenerali tar-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) xorta tiddubita dwar jekk dan l-iżvilupp jistax ikollu l-effett li jinjora r-rekwiżit ta’ identifikazzjoni individwali tal-persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni, stabbilit mill-imsemmija direttiva. |
|
32 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju tal-persuna fil‑pussess ta’ informazzjoni kontra deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni maħruġa fir-rigward tagħha, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) tirrileva li, f’dan il-każ, fl-assenza ta’ rimedji diretti kontra tali deċiżjoni, L ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ sanzjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2018, sabiex tikkontesta b’mod inċidentali l-legalità tad-deċiżjoni ta’ ordni tat‑28 ta’ Frar 2018. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) tenfasizza li l‑Artikolu 6(2) tal-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014 jagħti lil dan ir-rikors effett sospensiv tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ sanzjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2018, sal‑adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l‑imsemmi rikors. Madankollu hija tosserva li, wara l-eventwali rikonoxximent definittiv tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ ordni tat‑28 ta’ Frar 2018 u dik ta’ sanzjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2018 wara l-ipproċessar tal-imsemmi rikors, L ser tkun marbuta f’dak il-mument li tipprovdi l-informazzjoni mitluba u li tħallas is-sanzjoni pekunjarja. |
|
34 |
Issa, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) tikkonstata li, f’tali sitwazzjoni, il-persuna fil-pussess ta’ informazzjoni ma tkunx kisbet għarfien tal‑informazzjoni minima li tikkonċerna b’mod partikolari l-iskop tat-taxxa tat‑talba għal informazzjoni li tat lok għad-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 20(2) tad‑Direttiva 2011/16, ħlief fil-kuntest tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni ta’ sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-ordni. Għaldaqstant, din il-persuna fl-ebda mument ma kellha terminu utli sabiex tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ ta’ din l‑informazzjoni minima, jekk tikkonforma ruħha jew le mad-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni. |
|
35 |
Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl‑Artikolu 47 tal-Karta jimplikax li, wara l-eventwali rikonoxximent definittiv tal‑legalità tad-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni u tad‑deċiżjoni ta’ sanzjoni minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-ordni, il‑persuna fil-pussess ta’ informazzjoni għandha tingħata ċertu terminu sabiex tkun tista’ tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni u li s-sanzjoni ma tistax isir dovuta ħlief jekk din il-persuna ma tkunx tat segwitu għad-deċiżjoni f’dan it-terminu. |
|
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
37 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Jannar 2020, il-proċedura ġiet sospiża f’din il-kawża, skont l-Artikolu 55(1)(b) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sal-għoti tas-sentenza fil-Kawżi magħquda C‑245/19 u C‑246/19, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni). |
|
38 |
Is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795), ġiet innotifikata lill-qorti tar-rinviju f’din il‑proċedura sabiex tivverifika jekk dik il-qorti xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Novembru 2020, li waslet fir‑Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Novembru 2020, l-imsemmija qorti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li xtaqet iżżomm din it-talba. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Novembru 2020, it‑tkomplija ta’ din il-proċedura ġiet b’hekk deċiża. |
|
39 |
Fit‑2 ta’ Frar 2021, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet interessati l-oħra msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġew mistiedna jwieġbu għal ċerti mistoqsijiet bil-miktub, skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Gvern Lussemburgiż, l-Irlanda, il-Gvern Grieg, Spanjol, Franċiż, Taljan, Pollakk u Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni, irrispondew għal dawn il-mistoqsijiet. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
|
40 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1), l‑Artikolu 5 u l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2011/16 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li talba għal informazzjoni għandha titqies li tirrigwarda informazzjoni li ma tidhirx, b’mod manifest, nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli, meta l-persuni li jkunu s-suġġett ta’ eżami jew ta’ investigazzjoni fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma jkunux identifikati b’isimhom u individwalment minn din it‑talba, iżda li l-awtorità li tagħmel it-talba tistabbilixxi, abbażi ta’ spjegazzjonijiet ċari u suffiċjenti, li hija qiegħda twettaq investigazzjoni mmirata rigward grupp limitat ta’ persuni, iġġustifikata b’suspetti bbażati fuq nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu legali speċifiku. |
|
41 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jirriżulta mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 li r-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba minn Stat Membru lil Stat Membru ieħor tikkostitwixxi rekwiżit li kull talba għal informazzjoni għandha tissodisfa sabiex jiskatta l-obbligu tal-Istat Membru rikjest li jeħtieġlu li jottempra ruħu ma’ dik it-talba u, fl-istess ħin, kundizzjoni ta’ legalità tad-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni indirizzat minn dan l-Istat Membru lil persuna li għandha din l-informazzjoni u tal-miżura ta’ sanzjoni imposta fuq din tal-aħħar għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 74). |
|
42 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16 li l-għan ta’ din il-kundizzjoni ta’ rilevanza prevedibbli ta’ informazzjoni mitluba hi li tippermetti lill-awtorità li tagħmel it-talba titlob u tikseb l-informazzjoni kollha li hija tista’ raġonevolment tqis li ser tkun rilevanti għall-finijiet tal-investigazzjoni tagħha, mingħajr madankollu ma tawtorizzaha tmur lil hinn b’mod manifest il-kuntest tagħha, jew timponi oneru eċċessiv fuq l-awtorità rikjesta (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 68, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat‑tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 110). |
|
43 |
Inkunsiderazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali stabbilit mid-Direttiva 2011/16, li, kif jirriżulta mill-premessi 2, 6 u 8 tagħha, huwa bbażat fuq regoli intiżi li jistabbilixxu fiduċja bejn l-Istati Membri, li jippermettu kooperazzjoni effikaċi u rapida, l-awtorità rikjesta għandha bħala prinċipju, tafda lill-awtorità li tagħmel it-talba u tippreżumi li t-talba għal informazzjoni mibgħuta lilha tkun kemm konformi mad-dritt nazzjonali tal‑awtorità li tagħmel it-talba u neċessarja għall-ħtiġijiet tal-investigazzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, l-awtorità rikjesta ma tistax tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tagħha tal-utilità eventwali tal-informazzjoni mitluba għal dik tal‑awtorità li tagħmel it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 77). |
|
44 |
Għalkemm l-awtorità li tagħmel it-talba, li hija inkarigata mill-investigazzjoni li twassal għat-talba għal informazzjoni, għandha, għalhekk, marġni ta’ diskrezzjoni sabiex, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, tevalwa r-rilevanza prevedibbli tal‑informazzjoni mitluba, madankollu hija ma tistax titlob lill-awtorità rikjesta informazzjoni li ma hija ta’ ebda rilevanza għal din l-investigazzjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
B’hekk, l-informazzjoni li tintalab għall-finijiet ta’ tali tiftix ta’ informazzjoni (“fishing expedition”), kif imsemmija fil-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16, ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies li hija “prevedibbilment rilevanti”, fis-sens tal‑Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 113 u 114). |
|
46 |
L-awtorità rikjesta għandha, għalhekk, tivverifika li l-motivazzjoni għat-talba għal informazzjoni li ntbagħtitilha mill-awtorità li tagħmel it-talba hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-informazzjoni inkwistjoni ma tidhirx prevedibbilment irrilevanti fir-rigward tal-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata mill‑investigazzjoni li wasslet għal din it-talba, fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ tali investigazzjoni u, fil-każ li jkun neċessarju tinkiseb l-informazzjoni inkwistjoni mingħand persuna li jkollha din l-informazzjoni, fir-rigward tal-identità ta’ din tal‑aħħar (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 115 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16 li, fost l‑elementi rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-istħarriġ li l-awtorità li tagħmel it-talba hija obbligata twettaq hemm b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni u l-għan fiskali tal-informazzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 79). |
|
48 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu għalhekk jitqies li jirriżulta minn qari flimkien tal‑Artikolu 1(1), tal-Artikolu 5 u tal-punt (a) tal-Artikolu 20(2) tad‑Direttiva 2011/16, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 41 sa 47 ta’ din is-sentenza, li l-indikazzjoni tal-“identità tal‑persuna taħt eżami jew investigazzjoni”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, tikkostitwixxi waħda mill-elementi li l-motivazzjoni tat-talba għal informazzjoni għandha neċessarjament tinkludi sabiex tippermetti lill-awtorità rikjesta tistabbilixxi li l-informazzjoni mitluba ma tidhirx prevedibbilment irrilevanti u, kif ukoll, sabiex jiskatta l-obbligu tal-Istat Membru rikjest li jeħtieġlu li jottempra ruħu ma’ din it-talba. |
|
49 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-punt (a) tal-Artikolu 20(2) tad‑Direttiva 2011/16 ma jagħmel ebda riferiment għad-drittijiet nazzjonali fir‑rigward tat-tifsira li għandha tiġi adottata għal kunċett ta’ “identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni”. |
|
50 |
Għalhekk, dan il-kunċett għandu jiġi kkunsidrat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest li minnu tifforma parti u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill, (Inċidenza għal Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Fir-rigward, qabel kollox, tal-formulazzjoni tal-punt (a) tal-Artikolu 20(2) tad‑Direttiva 2011/16, għandu jiġi rrilevat li l-kelma “identità” tindika, fis-sens komuni tagħha, id-data kollha li tippermetti li persuna tiġi individwalizzata mingħajr ma tiġi ridotta għall-identifikazzjoni individwali tagħha permezz ta’ isimha, kif essenzjalment qieset l-Avukata Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal‑konklużjonijiet tagħha. |
|
52 |
Fir-rigward, sussegwentement, tal-kuntest li fih tinsab l-imsemmija dispożizzjoni, għandu, minn naħa, jiġi enfasizzat li l-punt 11 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kelma “persuna” b’mod wiesa’, sa fejn hija tirreferi mhux biss għall‑persuni fiżiċi, iżda wkoll għall-persuni ġuridiċi, l-assoċjazzjonijiet ta’ persuni li lilhom hija rrikonoxxuta l-kapaċità li jwettqu atti ġuridiċi, jew anki kull kostruzzjoni ġuridika oħra tkun xi tkun in-natura u l-forma tagħha, li għandha jew ma għandhiex personalità ġuridika. |
|
53 |
Għaldaqstant, din id-definizzjoni tinkludi wkoll grupp ta’ persuni ġuridiċi li l‑identità tagħhom ma tistax tiġi stabbilita abbażi ta’ data personali bħal dik li tirrigwarda l-istat ċivili ta’ persuna fiżika. Għall-finijiet tal-verifikazzjoni tal‑element relatat mal-identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, dawn il-persuni għandhom, għaldaqstant, ikunu jistgħu jiġu identifikati permezz ta’ numru ta’ karatteristiċi distintivi ta’ natura fattwali u ġuridika. |
|
54 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, konformement mal-premessa 9 tad‑Direttiva 2011/16, peress li l-istandard ta’ “rilevanza prevedibbli” tal‑informazzjoni mitluba huwa maħsub biex jipprovdi għall-iskambju ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet ta’ taxxa sa fejn hu possibbli, ir-regoli proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod liberali sabiex ma jfixklux l-iskambju effettiv ta’ informazzjoni. |
|
55 |
Konsegwentement, ir-rekwiżit, imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 20(2) tal‑imsemmija direttiva, li jiġu pprovduti, fit-talba għal informazzjoni, elementi ta’ motivazzjoni dwar l-identità tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ eżami jew ta’ investigazzjoni għandu, huwa wkoll, jiġi interpretat b’mod liberali, fis-sens li ma jeżiġix neċessarjament identifikazzjoni individwali u tal-isem ta’ dawn il-persuni. |
|
56 |
Fir-rigward, fl-aħħar lok, tal-għanijiet tad-Direttiva 2011/16, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali internazzjonali mfittxija minn din id-direttiva huwa rifless b’mod partikolari, fl-Artikoli 5 sa 7 tagħha, permezz tal-istabbiliment ta’ proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkooperaw b’mod effikaċi u b’mod rapidu bejniethom, bil-għan li jiġbru informazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet li jikkonċernaw lil persuni taxxabbli partikolari (ara, f’dan is‑sens, sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 86 u 89 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Għal dan il-għan, l-imsemmija direttiva tiddikjara, fil-premessa 7 tagħha, li hi tibni fuq il-kisbiet tad-Direttiva 77/799/KEE billi tipprevedi regoli iktar ċari u iktar preċiżi li jirregolaw il-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri fejn meħtieġ, sabiex tkun stabbilita portata usa’ ta’ kooperazzjoni amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 47). B’mod partikolari, minn din il-premessa jirriżulta li dawn ir-regoli għandhom b’mod partikolari jippermettu li jiġu koperti l-persuni ġuridiċi u fiżiċi kollha fl-Unjoni, b’kont meħud tal-firxa dejjem tiżdied ta’ arranġamenti legali li jistgħu jiġu stabbiliti mill-persuni taxxabbli fl-Istati Membri. |
|
58 |
Issa, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, fid-dawl tal-kumplessità dejjem tiżdied tal-arranġamenti finanzjarji u legali eżistenti, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni”, li twassal għall-projbizzjoni ta’ kull talba għal informazzjoni li ma tirrigwardax persuni li b’isimhom u individwalment ġew identifikati mill‑awtorità li tagħmel it-talba, tirriskja li ċċaħħad l-istrument ta’ kooperazzjoni li tikkostitwixxi t-talba għal informazzjoni mill-effettività tagħha u għalhekk tmur kontra l-għan ta’ ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali internazzjonali li dan l‑istrument jipprova jikseb. |
|
59 |
Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex tiġi pprojbita kull talba għal informazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala għan, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fiskali li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa diġà ddeterminat mill-awtorità li tagħmel it-talba, li tindividwalizza, bl-għajnuna ta’ sett komuni ta’ kwalitajiet jew ta’ karatteristiċi li jiddistingwuhom, il-membri ta’ grupp limitat ta’ persuni ssuspettati li wettqu l-allegat ksur jew l-allegata ommissjoni. |
|
60 |
Issa, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li t-talba għal informazzjoni, bħal fil-każ tad-deċiżjoni li tordna l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni, isseħħ matul il-fażi preliminari ta’ dan l-eżami jew ta’ din l-investigazzjoni, li l-għan tagħha huwa li tiġbor informazzjoni li l-awtorità li tagħmel it-talba ma għandhiex, ipotetikament, konoxxenza preċiża u kompleta tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil‑qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 121). |
|
61 |
Għaldaqstant, minn interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-kunċett ta’ “identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni”, fis-sens tal-punt (a) tal‑Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2011/16 jirriżulta li dan il-kunċett jinkludi mhux biss l-isem u d-data personali l-oħra, iżda wkoll numru ta’ kwalitajiet jew ta’ karatteristiċi distintivi li jippermettu li tiġi identifikata l-persuna jew il-persuni li huma s-suġġett ta’ dan l-eżami jew ta’ din l-investigazzjoni. |
|
62 |
Minn dan isegwi li l-indikazzjoni tal-“identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħala element li l-motivazzjoni tat-talba għal informazzjoni għandha neċessarjament tinkludi sabiex tippermetti lill-awtorità rikjesta tistabbilixxi li l-informazzjoni mitluba ma tidhirx prevedibbilment irrilevanti, fis-sens tal-punt 48 ta’ din is-sentenza, tista’ tirrigwarda mhux biss persuni li b’isimhom u individwalment ġew identifikati mill-awtorità li tagħmel it-talba, iżda wkoll grupp limitat ta’ persuni identifikabbli minħabba sett komuni ta’ kwalitajiet jew ta’ karatteristiċi li jiddistingwuhom. |
|
63 |
Madankollu, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza jirriżulta, li l-awtorità li tagħmel it-talba, filwaqt li għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa r-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba, ma tistax madankollu titlob lill-awtorità rikjesta informazzjoni għall-finijiet ta’ tali tiftix ta’ informazzjoni (“fishing expedition”), kif imsemmija fil-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16, peress li din l-informazzjoni ma tistax titqies li hija “prevedibbilment rilevanti” fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva. |
|
64 |
Għalhekk, fir-rigward ta’ talba għal informazzjoni li ma tirrigwardax persuni identifikati b’isimhom u individwalment, għandhom jiġu ppreċiżati, fit-tielet lok, l-elementi li l-awtorità li tagħmel it-talba għandha tipprovdi lill-awtorità rikjesta sabiex tkun tista’ tistabbilixxi li l-informazzjoni ma hijiex mitluba għall-finijiet ta’ tali tiftix ta’ informazzjoni (“fishing expedition”) u, għaldaqstant, ma tidhirx prevedibbilment irrilevanti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ din is‑sentenza. Fil-fatt, kif, essenzjalment, irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil‑punt 54 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-riskju ta’ tiftix ta’ informazzjoni (“fishing expedition”) huwa partikolarment għoli meta t-talba għal informazzjoni tikkonċerna grupp ta’ persuni taxxabbli mhux identifikati b’isimhom u individwalment. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, hemm lok, qabel kollox, li jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-elementi ta’ motivazzjoni relatati mal‑“identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni”, fis-sens tal-punt (a) tal‑Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2011/16, jiżdiedu ma’ dawk relatati mal-għan fiskali ta’ din it-talba, fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva. |
|
66 |
Sussegwentement, minn qari flimkien tal-premessa 9 u tal-Artikolu 20 tad‑Direttiva 2011/16, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 42 sa 45 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li awtorità li tagħmel it-talba ma tistax titlob informazzjoni li tmur lil hinn b’mod manifest mill-kuntest tal‑investigazzjoni fiskali mmexxija minnha u lanqas timponi oneru eċċessiv fuq l‑awtorità rikjesta. |
|
67 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies, kif irrilevat ukoll, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 58 sa 62 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-awtorità li tagħmel it‑talba għandha, fl-ewwel lok, tipprovdi deskrizzjoni kemm jista’ ikun iddettaljata u kompleta tal-grupp ta’ persuni taxxabbli li jkunu s-suġġett ta’ eżami jew ta’ investigazzjoni, billi tippreċiża s-sett komuni ta’ kwalitajiet jew ta’ karatteristiċi distintivi tal-persuni li jagħmlu parti minnu b’mod li tippermetti lill-awtorità rikjesta tipproċedi għall-identifikazzjoni tagħhom, fit-tieni lok, li tispjega l-obbligi fiskali speċifiċi li huma imposti fuq dawn il-persuni u, fit-tielet lok, li tesponi r‑raġunijiet li għalihom l-imsemmija persuni huma ssuspettati li wettqu l-allegati ommissjonijiet jew l-allegat ksur li huma jew huwa s-suġġett tal-eżami jew tal‑investigazzjoni. |
|
68 |
F’dan il-każ, kif irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tagħha, il-motivazzjoni tat-talba għal informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif tirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju u mqassra fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, tidher li tissodisfa r-rekwiżiti esposti fil‑punt preċedenti ta’ din is-sentenza, fatt li, madankollu, għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tal-kontenut ta’ din it‑talba. |
|
69 |
Fl-aħħar lok, għandu jingħad ukoll li din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16 tikkorrispondi għal dik tal-kunċett ta’ “rilevanza prevedibbli” tal-informazzjoni mitluba, użata għall-Artikolu 26(1) tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD dwar id-dħul u l-kapital, kif tirriżulta mill‑kummentarju relatat ma’ dan l-artikolu adottat mill-Kunsill tal-OECD fis‑17 ta’ Lulju 2012. |
|
70 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li l-kunċett ta’ “rilevanza prevedibbli” tal-informazzjoni mitluba msemmi b’mod partikolari fil-premessa 9 tad‑Direttiva 2011/16, jirrifletti dak użat fl-Artikolu 26(1) ta’ dan il-Mudell ta’ Konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 67). |
|
71 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punti 5.1 u 5.2 tal-kummentarju relatat mal-Artikolu 26 tal-imsemmi Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa jindikaw li “talba għal informazzjoni ma tikkostitwixxix tiftix ta’ informazzjoni (“fishing expedition”) sempliċement minħabba li ma tinkludix l-isem jew l-indirizz (jew it‑tnejn) tal-persuna taxxabbli li lilha jirrigwarda l-eżami jew tirrigwarda l‑investigazzjoni”, sakemm l-Istat li jagħmel it-talba jinkludi f’din it-talba “iktar informazzjoni li tippermetti li l-persuna taxxabbli tiġi identifikata”. Barra minn hekk, dawn il-punti jispeċifikaw li l-kundizzjoni ta’ rilevanza prevedibbli tal‑informazzjoni mitluba tista’ tiġi ssodisfatta wkoll f’“każijiet li jikkonċernaw lil diversi persuni taxxabbli (kemm jekk ikunu identifikati permezz ta’ isimhom jew permezz ta’ mezz ieħor)”. |
|
72 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat‑tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 5 u l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati fis-sens li talba għal informazzjoni għandha titqies li tirrigwarda informazzjoni li ma tidhirx, b’mod manifest, nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli, meta l-persuni li jkunu s-suġġett ta’ eżami jew ta’ investigazzjoni fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma jkunux identifikati b’isimhom u individwalment minn din it-talba, iżda li l-awtorità li tagħmel it-talba tistabbilixxi, abbażi ta’ spjegazzjonijiet ċari u suffiċjenti, li hija qiegħda twettaq investigazzjoni mmirata rigward grupp limitat ta’ persuni, iġġustifikata b’suspetti bbażati fuq nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu legali speċifiku. |
Fuq it-tielet domanda
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
73 |
Il-Gvern Lussemburgiż jikkontesta b’mod impliċitu l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tat-tielet domanda. Dan il-gvern essenzjalment isostni li din id-domanda tirrigwarda aspetti li purament jikkonċernaw l-ordinament intern, li għandhom jiġu sottomessi għall‑applikazzjoni ta’ regoli proċedurali nazzjonali fis-seħħ fiż-żmien inkwistjoni u li, konsegwentement, ma għandhom ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni. Issa, peress li l-Artikolu 47 tal-Karta jista’ jiġi applikat għal tilwima nazzjonali biss jekk din tal-aħħar ikollha rabta suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija kwistjoni ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
74 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014, sa fejn tispeċifika l-modalitajiet tal-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba stabbilita bid-Direttiva 2011/16, u b’mod partikolari dawk dwar l-eżekuzzjoni u l‑eżami tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni u ta’ sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-ordni adottati sabiex jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb ta’ din il-proċedura, tikkostitwixxi implimentazzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 34 sa 41, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 45 u 46). |
|
75 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa applikabbli, konformement mal‑Artikolu 51(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 42 u 50, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 46) u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tielet domanda. |
Fuq l-ammissibbiltà
|
76 |
Il-Gvern Lussemburgiż jesprimi wkoll dubji dwar l-ammissibbiltà tat-tielet domanda. Minn naħa, huwa jikkunsidra li għalkemm, skont l-Artikolu 6(1) tal‑Liġi tat‑25 ta’ Novembru 2014, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, il-persuna fil-pussess ta’ informazzjoni kellha biss dritt għal rimedju kontra d-deċiżjoni ta’ sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni, il-Liġi tal‑1 ta’ Marzu 2019 introduċiet rikors għal annullament kontra din l-aħħar deċiżjoni. |
|
77 |
Issa, peress li l-Liġi tal‑1 ta’ Marzu 2019 tipprevedi regoli proċedurali, hija għandha tapplika għas-sitwazzjonijiet pendenti mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Konsegwentement, sa fejn din il-liġi hija applikabbli għall-kawża prinċipali, it‑tielet domanda ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, peress li l‑persuna fil-pussess ta’ informazzjoni issa jkollha, skont l-imsemmija liġi, id-dritt li tippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni sabiex tikkontesta direttament il-legalità tagħha. |
|
78 |
Min-naħa l-oħra, dan il-gvern isostni li, f’dan il-każ, il-kumpannija fil-pussess ta’ informazzjoni kellha, anki taħt il-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, dritt għal rimedju effettiv li jippermettilha tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni ta’ ordni tat‑28 ta’ Frar 2018 permezz ta’ mezz dirett. |
|
79 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, din il-kumpannija, b’mod parallel mar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ sanzjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2018, ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tad-Direttur tal‑Amministrazzjoni tat-Taxxi Diretti li tiddikjara inammissibbli l-azzjoni legali formali li hija kienet ressqet kontra d-deċiżjoni ta’ ordni tat‑28 ta’ Frar 2018. Dan ir-rikors għal annullament, li huwa stabbilit li ma kellux effett sospensiv ta’ din l‑aħħar deċiżjoni, huwa attwalment pendenti quddiem it-tribunal administratif (it‑Tribunal Amministrattiv), li ddeċieda li jissospendi l-proċeduri sakemm tingħata r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula f’din il-kawża. |
|
80 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor Din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 115 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
81 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor Din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 116 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
82 |
B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id‑deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l‑qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu aditi biha. Għalhekk, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li tilwima tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jintalbu jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor Din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 117 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
83 |
F’dan il-każ, fir-rigward, minn naħa, ta’ mezz ta’ rimedju dirett kontra d‑deċiżjonijiet ta’ ordnijiet għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni stabbilit mil‑Liġi tal‑1 ta’ Marzu 2019, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrileva l-qorti tar‑rinviju fit-tweġiba tagħha dwar iż-żamma ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, din il-liġi ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, din il‑kawża tippreċedi d-dħul fis-seħħ tagħha u toriġina minn rikors imressaq mhux kontra deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni, iżda kontra deċiżjoni ulterjuri ta’ sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-ordni. |
|
84 |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tar-rikors għal annullament imsemmi fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif jindika l-Gvern Lussemburgiż stess fit-tweġiba bil-miktub tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rikors għal annullament, jekk jitqies ammissibbli, isir fi kwalunkwe każ mingħajr għan wara l-eventwali rikonoxximent definittiv, b’mod inċidentali, tal‑legalità tad-deċiżjoni ta’ ordni tat‑28 ta’ Frar 2018 u d-deċiżjoni ta’ sanzjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2018 fl-eżitu tal-kawża prinċipali. |
|
85 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda tibqa’ rilevanti u neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, fis-sens tal‑ġurisprudenza mfakkra fil-punti 80 sa 82 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li din id-domanda hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
86 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna fil-pussess ta’ informazzjoni, li:
għandha tingħata, wara r-rikonoxximent definittiv tal-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet maħruġa kontra tagħha, terminu sospensiv għall-ħlas tas-sanzjoni sabiex tkun tista’ tikkonforma ruħha, wara li tkun kisbet għarfien tal-elementi marbuta mar-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba b’mod definittiv mill-qorti kompetenti, mad-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni. |
|
87 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni tal‑persuni, kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, kontra interventi tas-setgħa pubblika fl‑isfera ta’ attività privata tagħhom li jkunu arbitrarji jew sproporzjonati, tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, din il‑protezzjoni tista’ tiġi invokata minn persuna ġuridika, bħala dritt iggarantit mid‑dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, bil‑għan li tikkontesta, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, att li jikkawżalha preġudizzju bħalma hija deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew deċiżjoni ta’ sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-ordni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 57 u 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
88 |
Minn dan isegwi li persuna ġuridika li lilha l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun indirizzat dawn id-deċiżjonijiet, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, għandha tiġi rrikonoxxuta l-benefiċċju tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta fil-preżenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet, fejn l-eżerċizzju ma jistax jiġi limitat, mill-Istati Membri, jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal‑Karta jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil‑qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 59, 60 u 64). |
|
89 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qorti nazzjonali, adita b’rikors kontra s-sanzjoni amministrattiva pekunjarja imposta fuq il-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi għal nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni għandha teżamina l-legalità ta’ din tal-aħħar sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta. Konsegwentement, persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi li tiġi imposta fuqha sanzjoni pekunjarja għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni li tobbligaha tipprovdi informazzjoni fil-kuntest ta’ skambju bejn amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali skont id-Direttiva 2011/16 għandha dritt li tikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 56 u 59). |
|
90 |
F’dan il-kuntest, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-motivazzjoni pprovduta mill-awtorità li tagħmel it-talba tqiegħed lill-qorti nazzjonali f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tat-talba għal informazzjoni. Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-awtorità li tagħmel it-talba fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 42 u 44 ta’ din is-sentenza, l-limiti applikabbli għall-istħarriġ tal-awtorità rikjesta, stabbiliti fil-punti 43 u 46 ta’ din is-sentenza, japplikaw bl‑istess mod għall-istħarriġ tal-qorti. Għalhekk, il-qorti għandha tivverifika biss jekk id-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni hijiex ibbażata fuq talba suffiċjentement motivata tal-awtorità li tagħmel it-talba fir-rigward ta’ informazzjoni li ma tidhirx, b’mod manifest, nieqsa minn kwalunkwe rilevanza prevedibbli, fid-dawl tal-elementi msemmija fl-Artikolu 20(2) tad‑Direttiva 2011/16, dwar l-identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni u l-għan fiskali tal-informazzjoni mitluba (ara f’dan is-sens, sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 84 sa 86). |
|
91 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għalkemm, sabiex il-qorti tal‑Istat Membru rikjest tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, huwa importanti li hija tkun tista’ jkollha aċċess għat-talba għal informazzjoni trażmessa mill-Istat Membru li jagħmel it-talba lill-Istat Membru rikjest, ma huwiex neċessarju għall-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi kkonċernata, sabiex ikollha smigħ xieraq dwar ir-rekwiżit ta’ rilevanza prevedibbli ta’ informazzjoni mitluba, li jkollha aċċess għat-talba għal informazzjoni sħiħa. Għal dan il-fini, huwa suffiċjenti li hija jkollha aċċess, fil‑kuntest tar-rimedju ġudizzjarju tagħha kontra d-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni u dik ta’ sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-ordni, għall-informazzjoni minima msemmija fl-Artikolu 20(2) tad‑Direttiva 2011/16, jiġifieri l-identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni u l-għan fiskali tal-informazzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 92, 99 u 100). |
|
92 |
Madankollu għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li d-destinatarju ta’ deċiżjoni meħuda fil-konfront tiegħu minn awtorità amministrattiva jkun jista’ jkun jaf ir-raġunijiet li fuqhom din tkun ibbażata, jew minn qari tad-deċiżjoni stess, jew minn komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq talba tiegħu, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk ikunx utli li tersaq quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata). |
|
93 |
B’hekk, deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni għandha tkun ibbażata mhux biss fuq talba għal informazzjoni valida fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 41 sa 47 ta’ din is-sentenza, iżda wkoll debitament motivata, sabiex id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni jkun jista’ jifhem l-portata tagħha u tippermettilu jiddeċiedi jopponix id-deċiżjoni b’mezz ġudizzjarju. |
|
94 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jinkludi, fost elementi oħra, dak li jikkonsisti, għall-persuna li għandha dan id-dritt, f’li tkun tista’ jkollha aċċess għal qorti kompetenti sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantilha u, għal dan il-għan, sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex issolvi l-kawża li tkun tinsab adita biha, mingħajr ma tiġi mġiegħla tikser regola jew obbligu legali u tesponi ruħha għas-sanzjoni marbuta ma’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 66). |
|
95 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fid-dawl tal-istess leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, li, konformement ma’ din il‑leġiżlazzjoni, huwa biss jekk il-persuna destinatarja ta’ deċiżjoni li tordna l‑komunikazzjoni ta’ informazzjoni ma tosservax din id-deċiżjoni, minn naħa, u jekk sussegwentement tiġi imposta fuqha sanzjoni għal din ir-raġuni, min-naħa l‑oħra, li hija jkollha possibbiltà li tikkontesta b’mod inċidentali l-imsemmija deċiżjoni, fil-kuntest tal-azzjoni ġudizzjarja li tkun miftuħa għaliha kontra tali sanzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 67). |
|
96 |
B’hekk, fil-preżenza ta’ deċiżjoni li tordna l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tkun arbitrarja jew sproporzjonata tali persuna ma tistax taċċedi għal qorti, sakemm ma tiksirx din id-deċiżjoni billi tirrifjuta li tikkonforma mal-ordni li hija tinkludi u b’hekk tesponi ruħha għas-sanzjoni marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tagħha. Għaldaqstant, din il-persuna ma tistax titqies li tgawdi minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 68). |
|
97 |
Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn teskludi l-possibbiltà, għal persuna li għandha informazzjoni li lilha l-awtorità nazzjonali kompetenti tindirizza deċiżjoni li tordna l‑komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, li tressaq azzjoni ġudizzjarja diretta kontra din id-deċiżjoni, ma tosservax il-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta u, għaldaqstant, li l-Artikolu 52(1) tagħha jipprekludi tali leġiżlazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil‑qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 69). |
|
98 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-destinatarju tad‑deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni għandu, ladarba l‑legalità ta’ din id-deċiżjoni tkun eventwalment ikkonfermata mill-qorti kompetenti, jingħata l-possibbiltà li jikkonforma ruħu mal-imsemmija deċiżjoni fit-terminu inizjalment previst għal dan il-għan mid-dritt nazzjonali, mingħajr ma dan iwassal għaż-żamma tas-sanzjoni li huwa kellu jġarrab sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv. Huwa biss jekk dan id-destinatarju ma jsegwix l‑istess deċiżjoni f’dan it-terminu li s-sanzjoni imposta ssir dovuta b’mod leġittimu. |
|
99 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fil-pussess ta’ informazzjoni, li:
għandha, wara r-rikonoxximent definittiv tal-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet maħruġa kontra tagħha, tingħata l-possibbiltà li tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni ta’ ordni għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni fit-terminu inizjalment previst għal dan il-għan mid-dritt nazzjonali, mingħajr ma dan iwassal għaż-żamma tas‑sanzjoni li hija kellha ġġarrab sabiex teżerċita d-dritt tagħha għal rimedju effettiv. Huwa biss jekk din il-persuna ma ssegwix din id-deċiżjoni f’dan it‑terminu li s-sanzjoni imposta ssir dovuta b’mod leġittimu. |
Fuq l-ispejjeż
|
100 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.