Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62019CJ0833
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 23 November 2021.#Council of the European Union v Hamas.#Appeal – Common foreign and security policy – Fight against terrorism – Restrictive measures against certain persons and entities – Freezing of funds – Common Position 2001/931/CFSP – Regulation (EC) No 2580/2001 – Continued inclusion of an organisation on the list of persons, groups and entities involved in terrorist acts – Statement of individual reasons notified to the organisation set out in a separate document from that containing a general statement of reasons – Authentication of the statement of individual reasons – Article 297(2) TFEU.#Case C-833/19 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Novembru 2021.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Hamas.
Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġlieda kontra t-terroriżmu – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċertu persuni u entitajiet – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Żamma tal-inklużjoni ta’ organizzazzjoni fil-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti ta’ terroriżmu – Espożizzjoni tal-motivi individwali nnotifikati lill-organizzazzjoni u li jinsabu f’dokument separat mill-att li jinkludi motivazzjoni ta’ natura ġenerali – Awtentifikazzjoni tal-espożizzjoni tal-motivi individwali – Artikolu 297(2) TFUE.
Kawża C-833/19 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Novembru 2021.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Hamas.
Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġlieda kontra t-terroriżmu – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċertu persuni u entitajiet – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Żamma tal-inklużjoni ta’ organizzazzjoni fil-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti ta’ terroriżmu – Espożizzjoni tal-motivi individwali nnotifikati lill-organizzazzjoni u li jinsabu f’dokument separat mill-att li jinkludi motivazzjoni ta’ natura ġenerali – Awtentifikazzjoni tal-espożizzjoni tal-motivi individwali – Artikolu 297(2) TFUE.
Kawża C-833/19 P.
Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:950
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
23 ta’ Novembru 2021 ( *1 )
“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġlieda kontra t-terroriżmu – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċertu persuni u entitajiet – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Żamma tal-inklużjoni ta’ organizzazzjoni fil-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti ta’ terroriżmu – Espożizzjoni tal-motivi individwali nnotifikati lill-organizzazzjoni u li jinsabu f’dokument separat mill-att li jinkludi motivazzjoni ta’ natura ġenerali – Awtentifikazzjoni tal-espożizzjoni tal-motivi individwali – Artikolu 297(2) TFUE”
Fil-Kawża C‑833/19 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑14 ta’ Novembru 2019,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u S. Van Overmeire, bħala aġenti,
appellant,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Hamas, stabbilita f’Doha (il-Qatar), irrappreżentata minn L. Glock, avukata,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, A. Prechal, E. Regan, S. Rodin u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz (Relatur), M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑4 ta’ Settembru 2019, Hamas vs Il‑Kunsill (T‑308/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:557), li permezz tagħha dik il-qorti annullat:
(iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lill-Hamas, inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti
|
2 |
Fit‑28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), li tistabbilixxi strateġiji sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu b’kull mod possibbli u, b’mod partikolari, sabiex jiġi miġġieled il-finanzjament tiegħu. Il-punt 1(c) ta’ din ir-riżoluzzjoni jiddisponi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw immedjatament il-fondi u l-assi finanzjarji jew ir-riżorsi ekonomiċi l-oħra tal-persuni li jwettqu, jew li jipprovaw iwettqu, li jiffaċilitaw jew li jipparteċipaw f’atti terroristiċi, tal-entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew li huma kkontrollati minnhom, u tal-persuni u tal-entitajiet li jaġixxu f’isem, jew fuq l-ordnijiet, ta’ dawn il-persuni u entitajiet. |
|
3 |
Din ir-riżoluzzjoni ma tipprevedix lista tal-persuni li għalihom għandhom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi. |
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK
|
4 |
Sabiex jimplimenta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), il-Kunsill adotta, fis‑27 ta’ Diċembru 2001, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217). |
|
5 |
L-Artikolu 1 ta’ din il-pożizzjoni komuni jipprevedi, fil-paragrafi 1, 4 u 6 tiegħu: “1. Din il-Pożizzjoni Komuni taħdem flimkien mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin lill-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness. […] 4. Il-lista f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. Il-persuni, gruppi jew entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li huma relatati mat-terroriżmu u kontra min tkun ordnat is-sanzjonijiet jistgħu jkunu inklużi fil-lista. Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorita kompetenti’ għandha tfisser awtorita ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompeteneti ekwivalenti f’dak il-qasam. […] 6. Għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.” |
|
6 |
L-isem tal-“Hamas-Izz al-Din al-Qassem (fergħa terroristika tal-Hamas)” kien jinsab fl-“[e]wwel lista list tal-persuni, gruppi u entitajiet msejħa fl-Artikolu 1” tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, annessa ma’ din tal-aħħar. |
Ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001
|
7 |
Biex jimplimenta, fil-livell Komunitarju, il-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2580/2001 tas‑27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1 p. 207). B’mod partikolari, l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament jiddisponi li l-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika l-imsemmi regolament, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. |
|
8 |
Fl-istess jum, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2001/927/KE, li tistabbilixxi l-lista stipulata fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2001, L 344, p. 83), li fiha kien hemm, bħal fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, l-isem tal-“Hamas-Izz al-Din al-Qassem”. |
|
9 |
Il-listi ta’ persuni, gruppi u entitajiet annessi mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u mad-Deċiżjoni 2001/927 ġew aġġornati regolarment, skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. L-isem tal-“Hamas-Izz al-Din al-Qassem”, sussegwentement tal-“Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” (iktar ’il quddiem il-“Hamas”), baqa’ inkluż fil-listi annessi għall-atti sussegwenti. |
Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill
|
10 |
Il-preambolu tad-Deċiżjoni 2009/937/UE tal-Kunsill tal‑1 ta’ Diċembru 2009 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU 2009, L 325, p. 35, rettifiki fil-ĠU 2010, L 55, p. 83, fil-ĠU 2010, L 175, p. 38, u fil-ĠU 2017, L 44, p. 8), jistabbilixxi:
|
|
11 |
Taħt it-titolu “Proċedura ordinarja bil-miktub u proċedura ta’ silenzju”, l-Artikolu 12 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, anness ma’ din id-deċiżjoni, jipprevedi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “1. L-atti tal-Kunsill dwar xi kwistjoni urġenti jistgħu jiġu adottati b’vot bil-miktub fejn il-Kunsill jew il-[Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper)] jiddeċiedu b’mod unanimu li jużaw dik il-proċedura. F’ċirkostanzi speċjali, il-President jista’ jipproponi wkoll l-użu ta’ dik il-proċedura; f’każ bħal dan, fejn il-membri kollha tal-Kunsill jaqblu ma’ dik il-proċedura, jistgħu jintużaw voti bil-miktub. […] 3. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jistabbilixxi li l-proċeduri bil-miktub ġew mitmuma.” |
|
12 |
Skont l-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, intitolat “Iffirmar tal-atti”: “It-test tal-atti adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill konformement mal-proċedura leġislattiva ordinarja, kif ukoll dak tal-atti adottati mill-Kunsill, għandhom jiġu ffirmati mill-President-in-Kariga fil-ħin tal-adozzjoni tagħhom u mis-Segretarju-Ġenerali. Is-Segretarju-Ġenerali jista’ jiddelega s-setgħa tiegħu li jiffirma lid-Diretturi-Ġenerali tas-Segretarjat Ġenerali.” |
L-atti kontenzjużi
Id-Deċiżjoni 2018/475 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/468
|
13 |
Fil‑21 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2018/475 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/468. L-isem tal-Hamas kien inżamm fil-listi annessi ma’ dawn l-atti. |
|
14 |
Il-premessi 2 sa 6 tad-Deċiżjoni 2018/475 kienu fformulati kif ġej:
|
|
15 |
Fir-rigward tal-premessi 1 sa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/468, dawn esponew dan li ġej:
|
|
16 |
Id-deċiżjoni 2018/475, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/468 kif ukoll l-espożizzjoni tal-motivi relatati ma’ dawn l-atti ġew adottati mill-Kunsill fil-kuntest ta’ proċedura bil-miktub, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura ta’ din l-istituzzjoni. |
|
17 |
Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill ikkomunika lill-avukat tal-Hamas l-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw ż-żamma tal-Hamas fil-listi annessi mad-Deċiżjoni 2018/475 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/468. |
|
18 |
Minn din l-espożizzjoni tal-motivi jirriżulta li, sabiex iżomm il-Hamas f’dawn il-listi, il-Kunsill ibbaża ruħu, minn naħa, fuq deċiżjoni tas-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit), tad‑29 ta’ Marzu 2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001”) u, min-naħa l-oħra, fuq tliet deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika fit‑23 ta’ Jannar 1995, fit‑8 ta’ Ottubru 1997 u fil‑31 ta’ Ottubru 2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti”). Fil-parti prinċipali tal-espożizzjoni tal-motivi, il-Kunsill indika, wara li eżamina b’mod separat l-informazzjoni li tinsab f’dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali, li kull waħda minnhom kienet tipprovdi motivi suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni tal-Hamas fl-imsemmija listi. F’dan ir-rigward, huwa ppreċiża li dawn l-istess deċiżjonijiet nazzjonali kienu jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li dawn kienu għadhom fis-seħħ. Sussegwentement huwa enfasizza li r-raġunijiet li ġġustifikaw l-inklużjoni tal-Hamas f’dawn l-istess listi baqgħu validi u li għalhekk kien adattat li ismiha jinżamm fihom. |
|
19 |
Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi tinkludi Anness A, dwar id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001, u Anness B, dwar id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti. Kull wieħed minn dawn l-annessi kien jinkludi deskrizzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom kienu ġew adottati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali, preżentazzjoni tad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “terroriżmu” li kienu jinsabu f’dawn il-leġiżlazzjonijiet, deskrizzjoni tal-proċeduri għall-eżami mill-ġdid tal-imsemmija deċiżjonijiet, deskrizzjoni tal-fatti li fuqhom kienu bbażaw ruħhom l-imsemmija awtoritajiet u l-konstatazzjoni li dawn il-fatti kienu jikkostitwixxu atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. |
Id-Deċiżjoni 2018/1084 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1071
|
20 |
Fit‑30 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2018/1084 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1071. Il-Hamas inżammet fil-listi annessi ma’ dawn l-atti. |
|
21 |
Il-motivazzjoni li tinsab fil-premessi 2 sa 6 tad-Deċiżjoni 2018/1084 u fil-premessi 1 sa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1071 tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik li, rispettivament tinsab fil-premessi 2 sa 6 tad-Deċiżjoni 2018/475 u fil-premessi 1 sa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/468, riprodotti fil-punti 14 u 15 ta’ din is-sentenza. Bl-istess mod, id-Deċiżjoni 2018/1084 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1071 kif ukoll l-espożizzjoni tal-motivi dwar dawn l-atti ġew adottati mill-Kunsill fil-kuntest ta’ proċedura bil-miktub, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura ta’ din l-istituzzjoni. |
|
22 |
Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill ikkomunika lill-avukat tal-Hamas l-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw ż-żamma ta’ din l-organizzazzjoni fil-listi annessi mad-Deċiżjoni 2018/1084 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1071. Din l-espożizzjoni tal-motivi kienet, essenzjalment, identika għal dik ikkomunikata lill-Hamas sabiex tiġġustifika ż-żamma tagħha fil-listi annessi mad-Deċiżjoni 2018/475 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/468, imsemmija fil-punti 17 sa 19 ta’ din is-sentenza. |
Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
23 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Mejju 2018, il-Hamas ippreżentat azzjoni intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni 2018/475 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/468. Peress li dawn l-atti tħassru u ġew issostitwiti, rispettivament, mid-Deċiżjoni 2018/1084 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1071, il-Hamas emendat it-talbiet inizjali tagħha b’mod li l-azzjoni tagħha titlob ukoll l-annullament ta’ dawn l-aħħar atti, sa fejn jikkonċernawha. |
|
24 |
Insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tal-atti kontenzjużi, il-Hamas invokat seba’ motivi, li huma bbażati, l-ewwel wieħed fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, it-tieni wieħed fuq żbalji dwar il-materjalità tal-fatti, it-tielet wieħed fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-natura terroristika ta’ din l-organizzazzjoni, ir-raba’ wieħed fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil, il-ħames wieħed fuq teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni minħabba l-mogħdija taż-żmien, is-sitt wieħed fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u s-seba’ wieħed fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fit-tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Hamas qajmet it-tmien motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ awtentifikazzjoni tal-espożizzjonijiet tal-motivi. |
|
25 |
Il-Qorti Ġenerali, qabel kollox, fil-punti 42 sa 261 tas-sentenza appellata, eżaminat l-ewwel sas-seba’ motiv. Fil-punt 76 tas-sentenza appellata, hija qieset li, f’dan il-każ, il-motivazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti kienet insuffiċjenti, b’tali mod li dawn tal-aħħar ma setgħux iservu ta’ bażi għall-atti kontenzjużi. Il-Qorti Ġenerali minn dan iddeduċiet, fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, li kellu jitkompla l-eżami tar-rikors billi dan l-eżami jiġi llimitat għall-atti kontenzjużi sa fejn huma bbażati fuq id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001. Fi tmiem l-imsemmi eżami, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-ewwel sas-seba’ motiv bħala infondati. |
|
26 |
Il-Qorti Ġenerali sussegwentement eżaminat it-tmien motiv li hija qieset, fil-punt 269 tas-sentenza appellata, bħala ta’ ordni pubbliku. Wara li rreferiet, fil-punti 270 u 271 tas-sentenza appellata, għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE u għall-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 272 sa 277 ta’ din is-sentenza, li r-regoli stabbiliti fir-rigward tal-atti tal-Kummissjoni fis-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF”), li jipprovdu li l-awtentifikazzjoni tal-atti ta’ istituzzjoni permezz tal-iffirmar tagħhom għandha bħala għan li tiżgura ċ-ċertezza legali u tikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali, kellhom jiġu trasposti għall-atti tal-Kunsill. Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll, fil-punti 278 sa 280 tas-sentenza appellata, li, minn naħa, l-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kontenzjużi trażmessi lill-Hamas ma kinux jinkludu firma u li, min-naħa l-oħra, dawn l-atti, iffirmati mill-President u mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, ma kinux jinkludu l-espożizzjonijiet tal-motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tagħhom. |
|
27 |
Issa, fil-punti 281 u 282 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, skont l-Artikolu 296 TFUE u fid-dawl tat-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF, l-atti adottati mill-Kunsill għandhom ikunu motivati u li d-dispożittiv u l-motivazzjoni jikkostitwixxu ħaġa waħda indiviżibbli, b’tali mod li l-att u l-espożizzjoni tal-motivi għandhom ikunu awtentifikati meta, bħal f’dan il-każ, it-tnejn li huma jinsabu f’dokumenti distinti, mingħajr ma l-preżenza ta’ firma fuq wieħed minnhom tista’ tagħti lok għall-preżunzjoni li t-tieni ġie, ukoll, awtentifikat. |
|
28 |
Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti mressqa mill-Kunsill billi ppreċiżat, fil-punti 297 u 299 tas-sentenza appellata, li l-formalità essenzjali li tikkostitwixxi din il-firma ma tistax tiġi ssostitwita bid-deskrizzjoni tal-proċedura segwita fi ħdan il-Kunsill sabiex jiġu adottati l-atti kkonċernati u li l-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali huwa kkostitwit mis-sempliċi nuqqas ta’ awtentifikazzjoni ta’ att. |
|
29 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 305 tas-sentenza appellata, laqgħet it-tmien motiv u annullat l-atti kontenzjużi, sa fejn dawn jikkonċernaw lill-Hamas. Barra minn hekk, din il-qorti ddeċidiet li l-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Hamas. |
It-talbiet tal-partijiet
|
30 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
31 |
Il-Hamas titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
|
32 |
Il-Kunsill qajjem żewġ aggravji insostenn tal-appell tiegħu. Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, huwa sostna li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tat-tmien motiv tar-rikors, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ awtentifikazzjoni tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti kontenzjużi. Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, il-Kunsill jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonkludiet b’mod żbaljat li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti ma kinux jikkostitwixxu bażi suffiċjenti għall-inklużjoni tal-Hamas fil-listi annessi mal-atti kontenzjużi (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”). |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
33 |
Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, il-Kunsill isostni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li permezz tiegħu din tal-aħħar ikkonkludiet, fil-punti 65 sa 76 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti ma setgħux iservu bħala bażi għall-atti kontenzjużi huwa żbaljat. |
|
34 |
Il-Kunsill jesponi f’dan ir-rigward li dawn id-deċiżjonijiet ġew ippubblikati u li l-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti kontenzjużi jispjegaw b’mod suffiċjenti l-proċeduri li permezz tagħhom ġew adottati, il-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid kif ukoll ir-rimedji ġudizzjarji li l-Hamas għandha skont id-dritt Amerikan. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma teżiġix li d-deċiżjoni nazzjonali li sservi bħala bażi għall-inklużjoni fil-lista kkonċernata tkun ittieħdet taħt forma ġuridika partikolari jew li tkun ġiet ippubblikata jew innotifikata. Fl-aħħar lok, ċertu numru ta’ inċidenti li fuqhom ibbażaw ruħhom dawn l-awtoritajiet huma msemmija fl-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti kontenzjużi. |
|
35 |
Il-Hamas tqis li t-tieni aggravju huwa inammissibbli, billi ssostni, b’mod partikolari abbażi tad-digriet tat‑8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑503/07 P, EU:C:2008:207, punt 48), li l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tippreżupponi li l-appell jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, iwassal għal benefiċċju għal min iressqu. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kienet, ċertament, qieset li l-Kunsill ma kienx immotiva b’mod suffiċjenti l-użu tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti bħala bażi tal-atti kontenzjużi. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kompliet bl-eżami tagħha sa fejn dawn l-atti kienu bbażati fuq id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001 u ddeċidiet li l-Kunsill ma kienx kiser id-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, b’tali mod li din l-istituzzjoni ma setgħetx tieħu ebda benefiċċju minn din il-kontestazzjoni tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, dan l-aggravju huwa infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
36 |
Skont l-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet ta’ appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni. |
|
37 |
Din id-dispożizzjoni timplimenta l-prinċipju fundamentali tal-qasam tal-appell li bih l-appell għandu jkun dirett kontra d-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u ma jistax ikun intiż esklużivament għat-tibdil ta’ ċerti motivi ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il‑Kummissjoni,C‑122/16 P, EU:C:2017:861, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, permezz tat-tieni aggravju tal-appell tiegħu, il-Kunsill, peress li kien ta’ suċċess fl-ewwel seba’ motivi mqajma mill-Hamas quddiem il-Qorti Ġenerali, ma huwiex intiż li jikseb l-annullament, anki jekk parzjali, tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, iżda biss it-tibdil ta’ wħud mill-motivi tiegħu li jikkonċernaw dawn l-ewwel sas-seba’ motiv. |
|
39 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 77 tas-sentenza appellata, li ma ġiex ikkritikat mill-Kunsill fil-kuntest tal-appell tiegħu, l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li jipprovdi li deċiżjoni għandha tkun ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet kkonċernati, ma jeżiġix li l-atti tal-Kunsill għandhom ikunu bbażati fuq iktar minn deċiżjoni waħda tal-awtoritajiet kompetenti. Għaldaqstant, peress li qieset li l-atti kontenzjużi setgħu, fir-rigward tal-inklużjoni tal-Hamas fil-listi kontenzjużi jirreferu biss għad-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tal‑2001, il-Qorti Ġenerali kompliet bl-eżami tar-rikors billi llimitat dan l-eżami għall-atti kontenzjużi sa fejn dawn kienu bbażati fuq din id-deċiżjoni u, billi laqgħet l-argumenti tal-Kunsill, ċaħdet l-ewwel sas-seba’ motiv tal-Hamas. |
|
40 |
Minn dan isegwi li t-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
41 |
Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kunsill isostni li l-atti kontenzjużi ġew debitament awtentifikati u li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-punti 270 sa 305 tas-sentenza appellata fiha diversi żbalji ta’ liġi. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, il-Kunsill jesponi, qabelxejn, li la l-Artikolu 297 TFUE u lanqas l-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ma jindikaw li d-dokument li jinkludi l-espożizzjoni tal-motivi ta’ att għandu jiġi ffirmat. Sussegwentement, il-Kunsill josserva li huwa għandu bħala prattika, fl-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li jissepara l-atti kkonċernati mill-espożizzjonijiet tal-motivi relatati miegħu, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tirriżulta mis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill (T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 147). |
|
43 |
Il-Kunsill jikkunsidra wkoll li l-Qorti Ġenerali ttrasponiet b’mod żbaljat il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF għal din il-kawża. Fil-fatt, filwaqt li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kienu ġew ikkonstatati diversi tibdiliet fl-espożizzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni fir-rigward tat-test ippreżentat lill-kulleġġ tal-Kummissarji u diskuss u adottat minnu, huwa stabbilit li, f’din il-kawża, l-atti kontenzjużi, inkluża l-espożizzjoni tal-motivi tagħhom, ġew adottati mill-Kunsill fl-istess mument u skont l-istess proċedura deċiżjonali, b’din l-espożizzjoni tal-motivi tkun inseparabbli minn dawn l-atti, u tikkorrispondi għar-rieda tagħhom. Barra minn hekk, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF, it-test tal-espożizzjoni tal-motivi li ġie nnotifikat lill-Hamas huwa identiku għall-espożizzjoni tal-motivi adottata mill-Kunsill. |
|
44 |
Mill-bqija, is-sistemi ta’ pproċessar tad-dokumenti użati, li jinkludu firma, timbru u timbru tal-ħin elettroniku, għamlu impossibbli t-tibdil tagħhom wara l-adozzjoni tagħhom, u l-firma magħmula mill-President tal-Kunsill u mis-Segretarju Ġenerali tiegħu fil-qiegħ tal-atti kontenzjużi għandha l-effett li tawtentifika dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi. Taħt dawn is-sistemi, l-atti kontenzjużi, inklużi l-espożizzjonijiet tal-motivi nnotifikati lill-Hamas, huma stabbli u ma jistgħux jinbidlu, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtur tagħhom u tal-kontenut tagħhom fil-lingwi kollha kkonċernati, fejn barra minn hekk, il-Hamas bl-ebda mod ma sostniet li t-test tal-espożizzjoni tal-motivi indirizzati lilha kien differenti minn dak adottat mill-Kunsill. Il-Kunsill iżid f’dan ir-rigward li l-ittri ta’ notifika indirizzati lill-Hamas, li jakkumpanjaw dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi, ġew ittimbrati mis-segretarjat ġenerali ta’ din l-istituzzjoni. |
|
45 |
Il-Hamas tqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, il-Hamas issostni li l-argument tal-Kunsill li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF ma hijiex trasponibbli f’dan il-każ, minħabba l-prattika tagħha ta’ implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, tad-differenzi eżistenti fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza u minħabba l-użu ta’ sistemi ta’ ġestjoni integrata tad-dokumenti, huwa inammissibbli. Fil-fatt, il-Kunsill ma jidentifikax, b’mod preċiż, l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata u ma jesponix kif l-argument tiegħu jikkontradixxi l-motivi ta’ din is-sentenza. |
|
47 |
Fuq il-mertu, il-Hamas issostni li l-Qorti Ġenerali qieset ġustament li, peress li l-motivazzjoni ta’ att hija inseparabbli mid-dispożittiv tiegħu, l-awtentifikazzjoni għandha tirrigwarda mhux biss id-dispożittiv iżda wkoll il-motivi tiegħu. Il-Kunsill mhux biss injora l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF iżda jikkontradixxi lilu nnifsu sa fejn jammetti huwa stess din in-natura inseparabbli. Il-Hamas iżżid li, peress li l-Artikolu 297 TFUE u l-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ma jipprevedux deroga mir-regoli ta’ awtentifikazzjoni, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi proċeduri li jippermettu li dawn ir-regoli jiġu ssodisfatti fil-kuntest tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. |
|
48 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, minn naħa, li l-firma prevista mill-imsemmija dispożizzjonijiet hija intiża b’mod partikolari li tippermetti lit-terzi jiżguraw ruħhom li l-atti li ġew innotifikati lilhom kienu effettivament adottati mill-istituzzjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, li l-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali huwa kkostitwit mis-sempliċi nuqqas ta’ awtentifikazzjoni ta’ att. Mill-perspettiva ta’ terzi, l-iżvolġiment tal-proċedura fi ħdan il-Kunsill huwa irrilevanti, peress li l-uniku element importanti huwa li l-att li jikkonċernahom jiġi awtentifikat, kemm fil-motivi tiegħu kif ukoll fid-dispożittiv tiegħu. Issa, f’dan il-każ, l-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kontenzjużi li ġew ikkomunikati lill-Hamas ma jinkludux firma u lanqas data li tippermetti li jiġu identifikati bħala atti li joriġinaw mill-Kunsill u li jiġi ddeterminat il-mument li fih dawn ġew adottati. Barra minn hekk, il-Kunsill ma sostniex li kien impossibbli għalih li jipproċedi bl-awtentifikazzjoni tal-espożizzjonijiet tal-motivi inkwistjoni. L-argumenti tiegħu dwar l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura huma għalhekk ineffettivi u infondati, bħalma huwa ineffettiv il-fatt li l-espożizzjonijiet tal-motivi kkomunikati lill-Hamas huma konformi ma’ dawk adottati mill-Kunsill. |
|
49 |
Il-Hamas targumenta wkoll li l-firma, it-timbru u t-timbru tal-ħin elettroniku ma humiex previsti la fl-Artikolu 297 TFUE u lanqas fl-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill u li, peress li dan tal-aħħar jikkomunika l-espożizzjonijiet tal-motivi permezz tal-posta, minbarra l-posta elettronika, huwa ma jistax jipprevalixxi ruħu minn firma elettronika. Fl-aħħar lok, il-Hamas tesponi li ma għandha l-ebda ċertezza li l-espożizzjonijiet tal-motivi li ġew ikkomunikati lilha kienu awtentiċi. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
50 |
Preliminarjament, jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, Hamas vs Il‑Kunsill, C‑122/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:690, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Hamas, l-appell jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza appellata fil-kuntest tal-ewwel aggravju, u jesponi l-motivi li minħabba fihom dawn il-punti huma, skont il-Kunsill, ivvizzjati bi żball ta’ liġi, li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. |
|
52 |
Barra minn hekk, sa fejn il-Hamas tikkritika lill-Kunsill li sempliċement jirrepeti l-argumenti li huwa espona quddiem il-Qorti Ġenerali u li jitlob, għalhekk, sempliċi eżami mill-ġdid ta’ dawn l-argumenti, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel aggravju tal-appell tiegħu, il-Kunsill jikkontesta l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, li wassalha sabiex tikkonstata, minkejja l-argumenti tal-Kunsill imressqa quddiemha, il-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali waqt l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi. |
|
53 |
Issa, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża b’dan il-mod l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti mqajma diġà quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda parzjalment mis-sens tagħha (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, C‑225/17 P, EU:C:2019:82, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju tal-appell huwa ammissibbli. |
|
55 |
Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li kull att tal-amministrazzjoni li jipproduċi effetti ġuridiċi għandu jkun ċert b’mod partikolari fir-rigward tal-awtur tiegħu u tal-kontenut tiegħu. L-istħarriġ tal-osservanza tal-formalità tal-awtentifikazzjoni u, b’hekk, tan-natura ċerta tal-att huwa prerekwiżit għal kull stħarriġ ieħor bħal dak tal-kompetenza tal-awtur tal-att, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ kolleġjalità jew inkella dak tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti (sentenza tas‑6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punti 45 u 46). |
|
56 |
L-awtentifikazzjoni tikkostitwixxi formalità essenzjali, li l-ksur tagħha jista’ jwassal għall-annullament tal-att ikkonċernat u jitqajjem ex officio mill-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-firma miktuba bl-idejn ta’ att, b’mod partikolari mill-President tal-istituzzjoni li adottatu, tikkostitwixxi mezz ta’ awtentifikazzjoni tiegħu, li għandha l-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali billi tistabbilixxi, fil-lingwi awtentiċi, it-test adottat minn din l-istituzzjoni. Tali awtentifikazzjoni tippermetti għalhekk li jiġi vverifikat, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-qbil perfett tat-testi nnotifikati jew ippubblikati ma’ dan tal-aħħar u, bl-istess mod, mar-rieda tal-awtur tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF, punti 74 u 75). |
|
58 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punti 66 u 163), li l-awtentifikazzjoni tal-atti ta’ organu tal-Unjoni tista’ tiddependi mill-applikazzjoni ta’ proċeduri interni speċifiċi implimentati għal dan il-għan minn dan l-organu u li, f’din il-kawża, il-firma miktuba bl-idejn imqiegħda mill-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) fuq l-iskeda tal-progress li tirreferi b’mod partikolari għal anness tad-deċiżjoni ta’ dan l-organu inkwistjoni fl-imsemmija kawża hija biżżejjed, fid-dawl tal-elementi kollha li tressqu għall-konjizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ggarantita l-awtentifikazzjoni tal-imsemmi anness. |
|
59 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF, il-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, fakkret, fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li d-dispożittiv u l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni jikkostitwixxu ħaġa waħda indiviżibbli u kkonstatat, fil-punt 77 tal-imsemmija sentenza, li d-deċiżjoni inkwistjoni, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE, ma kinitx is-suġġett ta’ awtentifikazzjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, li kienu fis-seħħ dak iż-żmien, skont liema “[l]-atti adottati mill-Kummissjoni […] għandhom jiġu awtentifikati, fil-lingwa jew lingwi li fihom huma awtentiċi, permezz tal-firem tal-President u tas-Segretarju Eżekuttiv”, minħabba n-nuqqas ta’ korrispondenza bejn, minn naħa, it-test adottat mill-kulleġġ tal-Kummissarji, u min-naħa l-oħra, it-test tal-istess deċiżjoni kif ippubblikata u nnotifikata lid-destinatarji tagħha, kif ukoll l-eżistenza ta’ differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tat-test adottat minn dan il-kulleġġ. |
|
60 |
Madankollu, minn naħa, huwa stabbilit li, kif ikkonstatat essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punt 279 tas-sentenza appellata, l-atti kontenzjużi huma, b’differenza għad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF, bil-firma tal-President tal-istituzzjoni li adottathom, jiġifieri l-Kunsill, u tas-Segretarju Ġenerali tagħha. Issa, l-imsemmija atti, kif ġew ippubblikati, jinkludu motivazzjoni ġenerali li tiġġustifika l-adozzjoni tagħhom, skont liema, kif jirriżulta mill-punti 14, 15 u 21 ta’ din is-sentenza, il-Kunsill, wara eżami mill-ġdid, ikkonkluda li l-persuni, gruppi u entitajiet li jinsabu fil-listi kontenzjużi kellhom jibqgħu suġġetti għal miżuri restrittivi. |
|
61 |
Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kwistjoni mqajma ma kinitx dik dwar jekk it-totalità tal-motivazzjoni ta’ att għandhiex tiġi awtentifikata permezz ta’ firma miktuba bl-idejn meta parti minn din il-motivazzjoni tkun tinsab f’dokument separat, li miegħu huwa marbut l-imsemmi att, iżda tan-nuqqas ta’ korrispondenza bejn, minn naħa, it-test ta’ deċiżjoni adottata mill-kulleġġ tal-Kummissarji u, min-naħa l-oħra, it-test tal-istess deċiżjoni kif ippubblikata u nnotifikata lil ċerti destinatarji, kif ukoll l-eżistenza ta’ differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tat-test adottat minn dan il-kulleġġ. |
|
62 |
Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF ma jistgħux jiġu trasposti għal din il-kawża. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet l-argument ibbażat fuq id-differenza tal-kuntest fattwali ma’ din is-sentenza invokata mill-Kunsill, imsemmija fil-punt 298 tas-sentenza appellata. |
|
63 |
Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat, fit-tielet lok, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE u l-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill jimponux, fir-rigward ta’ atti bħall-atti kontenzjużi, l-iffirmar mhux biss tal-att innifsu flimkien ma’ motivazzjoni ġenerali, li kienet is-suġġett ta’ pubblikazzjoni, iżda wkoll tal-espożizzjoni tal-motivi li tispeċifika r-raġunijiet individwali tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi adottata fir-rigward tal-persuna jew tal-entità kkonċernata, li ġiet innotifikata lil din tal-aħħar f’dokument separat. |
|
64 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, l-atti mhux leġiżlattivi adottati fl-għamla ta’ regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet, meta dawn ma jindikawx destinatarju, għandhom ikunu ffirmati mill-Presidenti tal-istituzzjoni li tkun adottathom. Fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, dan jiddisponi, fost l-oħrajn, li r-regolamenti u d-deċiżjonijiet, meta dawn tal-aħħar ma jindikawx destinatarju, għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar lok, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, id-deċiżjonijiet li jindikaw destinatarju għandhom, min-naħa tagħhom, ikunu suġġetti biss għal obbligu ta’ notifika. |
|
65 |
Fir-rigward tal-każ partikolari tal-atti li jipprevedu miżuri restrittivi bħalma huma l-atti kontenzjużi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali atti huma ta’ natura partikolari peress li huma simili, fl-istess ħin, għall-atti b’portata ġenerali, sa fejn jipprojbixxu lil kategorija ta’ destinatarji ddeterminati b’mod ġenerali u astratt, b’mod partikolari, milli jqiegħdu fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom ikun jinsab fil-listi li jinsabu fl-annessi tagħhom, u kif ukoll sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ dawn il-persuni u entitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 241 sa 244, kif ukoll tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 56). |
|
66 |
Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mir-regola stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, li atti bħall-atti kontenzjużi, li jikkostitwixxu atti mhux leġiżlattivi adottati fil-forma jew ta’ regolamenti, jew ta’ deċiżjonijiet li ma jindikawx destinatarju, għandhom jiġu ffirmati mill-President tal-Kunsill, sa fejn dawn huma simili għal atti ta’ portata ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti. |
|
67 |
F’dan il-każ, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, l-atti kontenzjużi, hekk kif ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ġew iffirmati sew mill-President tal-Kunsill, kif ukoll, kif jeżiġi l-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura ta’ din l-istituzzjoni, mis-Segretarju Ġenerali tagħha. |
|
68 |
Għall-kuntrarju, sa fejn l-atti kontenzjużi huma simili għal sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali, dawn ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ firma mill-President tal-Kunsill li jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, iżda biss għall-obbligu ta’ notifika li jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, li jirrigwarda, kif imfakkar fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjonijiet li jindikaw destinatarju u li għalhekk huma ta’ natura individwali. |
|
69 |
Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-espożizzjonijiet tal-motivi li jakkumpanjaw l-inklużjoni ta’ persuna, ta’ grupp jew ta’ entità fil-listi ta’ persuni, gruppi u entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi jirrigwardaw il-motivi individwali li jiġġustifikaw tali inklużjoni. Għaldaqstant, dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi, bħal dawk li jakkumpanjaw l-atti kontenzjużi u nnotifikati lill-Hamas, ma jirreletawx man-natura ġenerali ta’ dawn l-atti iżda mal-aspett tagħhom li jixbah lil sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali. |
|
70 |
Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li, fir-rigward ta’ atti li jistabbilixxu jew li jżommu miżuri restrittivi, bħall-atti kontenzjużi, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punt 288 tas-sentenza appellata, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE ma jobbligax lill-President tal-Kunsill jiffirma, minbarra l-att li jinkludi motivazzjoni ta’ natura ġenerali ta’ dawn il-miżuri restrittivi, l-espożizzjoni tal-motivi individwali li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ persuna, ta’ grupp jew ta’ entità fil-listi ta’ persuni, gruppi u entitajiet imsemmija minnhom. Huwa biżżejjed li din l-espożizzjoni tal-motivi tkun debitament awtentifikata b’mezzi oħra. |
|
71 |
L-istess japplika għall-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill. |
|
72 |
F’dan ir-rigward, billi jillimita ruħu sabiex jippreċiża li t-“test” tal-atti adottati mill-Kunsill għandu jkun iffirmat mill-President u mis-Segretarju Ġenerali ta’ din l-istituzzjoni, dan l-artikolu ma jippreċiżax x’ikopri dan it-terminu. |
|
73 |
Issa, jirriżulta mill-preambolu tad-Deċiżjoni 2009/937, essenzjalment, li r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ġew adottati sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aġġustamenti magħmula mit-Trattat ta’ Lisbona lid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni li jirrigwardaw il-funzjonament tal-Kunsill u tal-presidenza tiegħu kif ukoll l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ atti minnhom. Minn dan isegwi li l-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, li jirrigwarda b’mod partikolari l-iffirmar tal-atti tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati dwar dan il-funzjonament u din il-proċedura, li fosthom hemm l-Artikolu 297 TFUE. Konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 15 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-President u s-Segretarju Ġenerali ta’ din l-istituzzjoni rekwiżit ta’ firma iktar strett minn dak li jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE. |
|
74 |
Għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 281 sa 283 tas-sentenza appellata, tali obbligu formali ta’ firma tal-espożizzjoni tal-motivi individwali lanqas ma jista’ jiġi dedott mill-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teżiġi li l-motivazzjoni turi b’mod ċar u mingħajr ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-individwi kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, filwaqt li din il-motivazzjoni tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, C‑225/17 P, EU:C:2019:82, punti 68 u 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jiġu konfużi ma’ dawk marbuta mal-awtentifikazzjoni ta’ att tal-Unjoni, peress li l-istħarriġ tal-osservanza ta’ din l-aħħar formalità huwa prerekwiżit għal kull stħarriġ ieħor ta’ dan l-att. |
|
75 |
Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 283 u 305 tas-sentenza appellata, li, peress li l-espożizzjonijiet tal-motivi relatati maż-żamma tal-Hamas fil-listi annessi mal-atti kontenzjużi ma ġewx iffirmati mill-President u mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, it-tmien motiv imqajjem quddiemha kellu jintlaqa’ u kellhom jiġu annullati l-atti kontenzjużi, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lil din l-organizzazzjoni. |
|
76 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju tal-appell huwa fondat u li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn tilqa’ t-tmien motiv invokat fl-ewwel istanza, konsegwentement tannulla l-atti kontenzjużi u tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
77 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. |
|
78 |
F’dan il-każ, ir-rikors intiż għall-annullament tal-atti kontenzjużi, ippreżentat mill-Hamas fl-ewwel istanza, huwa fi stat li jiġi deċiż u għalhekk għandha tingħata deċiżjoni definittiva dwar dan, fil-limiti tat-tilwima li biha l-Qorti tal-Ġustizzja hija adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 108). |
|
79 |
F’dan ir-rikors, il-Hamas invokat tmien motivi, kif imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza. |
|
80 |
Fir-rigward tal-ewwel seba’ motivi, il-Qorti Ġenerali ċaħdithom u, kif jirriżulta mill-punti 36 sa 40 ta’ din is-sentenza, it-tieni aggravju ta’ dan l-appell, intiż sabiex jinkiseb it-tibdil ta’ wħud mill-motivi tas-sentenza appellata dwar l-imsemmija motivi, huwa inammissibbli. |
|
81 |
Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-Hamas ma kkontestatx, fil-kuntest ta’ appell inċidentali, il-fondatezza ta’ din il-parti tas-sentenza appellata, b’tali mod li l-annullament ta’ din is-sentenza, deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jqiegħedx inkwistjoni lil din tal-aħħar sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 109). |
|
82 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Hamas setgħet ippreżentat appell inċidentali sabiex tikkontesta ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-ewwel seba’ motivi imressqa fl-ewwel istanza, peress li l-Artikolu 178(1) tar-Regoli tal-Proċedura jiddisponi li t-talbiet tal-appell inċidentali għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jillimitaw il-portata ta’ dawn it-talbiet għad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali hekk kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, bid-differenza tal-Artikolu 169(1) ta’ dawn ir-regoli, relatat mat-talbiet tal-appell. Fl-assenza ta’ tali appell inċidentali, is-sentenza appellata hija mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel seba’ motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 110). |
|
83 |
Fir-rigward tat-tmien motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ awtentifikazzjoni tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti kontenzjużi, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ipproduċa l-kopji tad-dokumenti differenti trażmessi b’mod konġunt b’mezz elettroniku lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri msejħa sabiex jivvotaw kif ukoll ir-ritratti tal-iskrin li kellhom il-firma u t-timbru elettroniku tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, minbarra t-timbru tal-ħin li jikkonferma d-data u l-ħin ta’ din il-firma, li juru li dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi kienu ġew adottati, fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub prevista fl-Artikolu 12(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill, fl-istess waqt mal-atti kontenzjużi ffirmati mill-President u mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li magħhom kienu mehmuża, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, b’mod inseparabbli. |
|
84 |
Barra minn hekk, il-Hamas ma tinvoka ebda indizju jew element preċiż ta’ natura li jikkontesta l-korrispondenza perfetta bejn it-test tal-espożizzjonijiet tal-motivi li ġew innotifikati lilha u dak adottat mill-Kunsill. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl ukoll tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 63 sa 74 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jitqies li l-awtentiċità ta’ dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi ma ġietx validament ikkontestata u, għaldaqstant, li t-tmien motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
85 |
Minn dan isegwi li r-rikors ippreżentat mill-Hamas għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
86 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138 ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, jiddisponi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
87 |
Peress li l-Kunsill talab li l-Hamas tiġi kkundannata u din tal-aħħar tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill f’dan l-appell kif ukoll dawk sostnuti fl-ewwel istanza. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.