Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62019CJ0324
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 4 February 2021.#eurocylinder systems AG v Hauptzollamt Hamburg.#Reference for a preliminary ruling – Common commercial policy – Anti-dumping duties – Regulation (EC) No 384/96 – Article 3(9) – Threat of material injury – Factors – Article 9(4) – Regulation (EC) No 926/2009 – Imports of certain seamless pipes and tubes of iron or steel originating in the People’s Republic of China – Invalidity.#Case C-324/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-4 ta’ Frar 2021.
eurocylinder systems AG vs Hauptzollamt Hamburg.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali komuni – Dazji antidumping – Regolament (KE) Nru 384/96 – Artikolu 3(9) – Theddida ta’ dannu materjali – Fatturi – Artikolu 9(4) – Regolament (KE) Nru 926/2009 – Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Invalidità.
Kawża C-324/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-4 ta’ Frar 2021.
eurocylinder systems AG vs Hauptzollamt Hamburg.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali komuni – Dazji antidumping – Regolament (KE) Nru 384/96 – Artikolu 3(9) – Theddida ta’ dannu materjali – Fatturi – Artikolu 9(4) – Regolament (KE) Nru 926/2009 – Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Invalidità.
Kawża C-324/19.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:94
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
4 ta’ Frar 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali komuni – Dazji antidumping – Regolament (KE) Nru 384/96 – Artikolu 3(9) – Theddida ta’ dannu materjali – Fatturi – Artikolu 9(4) – Regolament (KE) Nru 926/2009 – Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Invalidità”
Fil-Kawża C‑324/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ April 2019, fil-proċedura
eurocylinder systems AG
vs
Hauptzollamt Hamburg‑Stadt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal eurocylinder systems AG, minn C. Salder u M. Oldiges, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn H. Marcos Fraile u J. Bauerschmidt, bħala aġenti, assistiti minn N. Tuominen, avukat, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn A. Demeneix u M. N. Kuplewatzky, imbagħad minn P. Němečková, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 262, p. 19, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn eurocylinder systems AG (iktar ’il quddiem “eurocylinder”) u l-Hauptzollamt Hamburg-Stadt (l-uffiċċju doganali prinċipali tal-belt ta’ Hamburg, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità doganali”) dwar il-legalità ta’ dazju antidumping imħallas minn eurocylinder, skont ir-Regolament ikkontestat, fuq l-importazzjoni ta’ pajpijiet mingħajr saldatura tal-azzar mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iktar ’il quddiem ir-“RPĊ”). |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament bażiku
3 |
Il-premessi 2, 4 u 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat bir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 tat‑8 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150) (iktar ’il quddiem, ir‑“Regolament bażiku”), li fuq il-bażi tiegħu ġie adottat ir-Regolament ikkontestat, jistipulaw:
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku jipprovdi: “1. Dazju kontra xiri taħt il-prezz jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott mixtri taħt il-prezz li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa [fl-Unjoni] tikkawża ħsara. 2. Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala mixtri taħt il-prezz jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur. […] |
5 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tistabbilixxi l-ħsara”, jipprevedi: “1. Skond dan ir-Regolament, it-terminu “ħsara” għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija tal-[Unjoni], theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-[Unjoni] jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija [tal-Unjoni] u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu. […] 5. L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-[Unjoni] konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ xiri taħt il-prezz jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-xiri taħt il-prezz, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet [fl-Unjoni]; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva. […] 7. Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija [tal-Unjoni] għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom, tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi [tal-Unjoni] u ta’ pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l-atteġġament ta’ l-esportazzjoni u l-produttività ta’ l-industrija [tal-Unjoni]. […] 9. Theddida ta’ ħsara materjali għandha tkun tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazjoni, tbassir jew possibilità remota. Il-bidla fiċ-ċirkustanzi li kieku toħloq sitwazzjoni fejn il-bejgħ taħt il-prezz kien jikkawża ħsara għandha tkun imbassra b’mod ċar u imminenti. Meta qed ikun stabbilit teżistix theddida ta’ ħsara materjali, għandha tingħata attenzjoni għal fatturi bħal:
Ebda wieħed mill-fatturi elenkat hawn fuq waħdu ma jista’ neċessarjament jagħti gwida deċiżiva iżda t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandha twassal għall-konklużjoni li aktar esportazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping huma imminenti u li, jekk ma tiġix meħuda azzjoni ta’ protezzjoni, sejra tiġri ħsara materjali.” |
6 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-Investigazzjoni”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Wara l-bidu tal-proċeduri, il-Kummissjoni, li taġixxi f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tibda investigazzjoni fil-livell [tal-Unjoni]. Investigazzjoni bħal din għandha tkopri kemm il-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara u dawn għandhom jiġu investigati fl-istess ħin. Għall-iskop ta’ sejba rappreżentattiva, perjodu ta’ investigazzjoni għandu jiġi magħżul li, fil-każ ta’ bejgħ taħt il-prezz għandu, normalment, ikopri perjodu ta’ mhux inqas min sitt xhur immedjatament qabel l-bidu tal-proċeduri. Informazzjoni li għandha x’taqsam ma perjodu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni ma għandhiex, normalment, tiġi kkunsidrata.” |
7 |
Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament bażiku, intitolat “Miżuri proviżjonali”: “1. Dazji proviżjonali jistgħu jiġu imposti jekk ikunu nbdew proċeduri skond l-Artikolu 5, jekk notifikazzjoni ġiet mogħtija b’dak l-effett u l-partijiet interessati ġew mogħtija biżżejjed opportunitajiet biex jissottomettu informazzjoni u jagħmlu kummenti skond l-Artikolu 5(10), jekk ikun sar stabbiliment proviżjonali pożittiva ta’ bejgħ taħt il-prezz u tkun saret ħsara konsegwenti lill-industrija [tal-Unjoni], u jekk l-interess [tal-Unjoni] jirrikjedi intervenzjoni biex tiġi pprevenuta ħsara bħal din. Id-dazji proviżjonali għandhom jiġu imposti mhux aktar kmieni minn 60 ġurnata mill-bidu tal-proċeduri imma mhux aktar tard minn disa xhur mill-bidu tal-proċeduri. […] 4. Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni proviżjonali wara konsultazzjoni jew, fil-każijiet ta’ urġenza estrema, wara li tinforma lill-Istati Membri. F’dan il-każ ta’ l-aħħar, il-konsultazzjonijiet għandhom iseħħu 10t’jiem, l-aktar tard, wara n-notifikazzjoni lill-Istati Membri ta’ l-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni. […] 7. Dazji proviżjonali jistgħu jiġu imposti għal sitt xhur u estiżi għal tlett xhur oħra jew jistgħu jiġu imposti għal disa’ xhur. […]” |
8 |
L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Terminazzjoni mingħajr miżuri; impożizzjoni ta’ dazji definittivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu: “Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess [tal-Unjoni] jitlob li jkun hemm intervent skond l-Artikolu 21, dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta għandha tiġi adottata mill-Kunsill, sakemm ma jiddeċidix b’maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xhar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. Fejn ikunu jseħħu dazji provviżorji, għandha tiġi sottomessa proposta għal azzjoni definittiva mhux aktar tard minn xhar qabel ma jiskadu dawn id-dazji. L-ammont tad-dazju ta’ kontra d-dumping ma għandux ikun ogħla mill-marġni tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun anqas mill-marġni jekk dan id-dazju inqas ikun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara lill-industrija [tal-Unjoni].” |
9 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament: “Miżura definittiva kontra l-bejgħ taħt il-prezz għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni ta’ l-iktar reviżjoni riċenti li kopriet kemm il-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara, sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. Reviżjoni ta’ skadenza bħal din għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn, jew għan-nom ta’, produtturi [tal-Unjoni], u l-miżura għandha tibqa’ infurzata fl-istennija tar-riżultat ta’ reviżjoni bħal din.” |
10 |
Ir-Regolament bażiku ġie revokat u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, ĠU 2011, L 293, p. 39, u ĠU 2016, L 44, p. 20) li ġie huwa stess revokat u ssostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21). |
Ir-Regolament provviżorju
11 |
Fis-7 ta’ April 2009, il-Kummissjoni adottat abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament bażiku, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 289/2009 li jimponi dazju provviżorju anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 94, p. 48, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”). |
12 |
Ir-rati tad-dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar (iktar ’il quddiem it-“TTSS”) ġew iffissati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament provviżorju għal 15.6 % għal Hubei Xinyegang Steel Co., Ltd (iktar ’il quddiem “Hubei”), għal 15.1 % għal Shandong Luxing Steel Pipe Co., Ltd, għal 22.3 % għall-kumpanniji msemmija fl-anness ta’ dan ir-regolament, u għal 24.2 % għall-kumpanniji l-oħra kollha. |
13 |
Fil-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni indikat li l-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”), u l-eżami tat-tendenzi rilevanti sabiex tiġi evalwata din il-ħsara fuq il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem il-“perijodu meqjus”). |
14 |
Fil-premessi 89 u 126 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kinitx saret ħsara sinjifikanti lill-industrija tal-Unjoni iżda li kienet teżisti theddida sinjifikattiva ta’ ħsara għal din l-industrija, jekk ma jkunux adottati l-miżuri antidumping. |
Ir-Regolament ikkontestat
15 |
Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament bażiku, ir-Regolament ikkontestat stabbilixxa, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti TTSS li joriġinaw mir-RPĊ, u stabbilixxa, fil-paragrafu 2, ir-rata ta’ dan id-dazju għal 17.7 % għal Shandong Luxing Steel Pipe Co. Ltd, għal 27.2 % għall-kumpanniji l-oħra li kkooperaw, imsemmija fl-anness ta’ dan ir-regolament, u għal 39.2 % għall-kumpanniji l-oħra kollha. |
16 |
Ir-Regolament ikkontestat ikkonferma, fil-premessi 35 sa 81 tiegħu, il-konklużjoni li tinsab fir-Regolament provviżorju li, minn naħa, l-industrija tal-Unjoni kienet f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, anki jekk hija ma kinitx ġarrbet dannu matul dan il-perijodu, u, min-naħa l-oħra, li kieku ma ġewx adottati miżuri antidumping, l-importazzjonijiet ta’ dumping ta’ ċerti TTSS li joriġinaw mir-RPĊ jikkawżaw fi żmien qasir dannu sinjifikattiv lil din l-industrija. Dan ir-regolament ħa inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar il-perijodu mix-xahar ta’ Lulju 2008 sax-xahar ta’ Marzu 2009 (iktar ’il quddiem il-“perijodu wara l-perijodu ta’ investigazzjoni”). |
17 |
Ir-Regolament ikkontestat ġie annullat permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill (T‑528/09, EU:T:2014:35), sa fejn kien jimponi dazju antidumping fuq il-prodotti mmanifatturati minn Hubei. L-appelli ppreżentati kontra din is-sentenza ġew miċħuda permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209). |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2272
18 |
Fit-3 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni fetħet reviżjoni minħabba l-iskadenza tal-miżuri antidumping stabbiliti mir-Regolament ikkontestat, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1225/2009. Din ir-reviżjoni kienet intiża sabiex tevalwa l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping bħala konsegwenza tal-iskadenza ta’ dawn il-miżuri u kienet tirrigwarda l-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Lulju 2013 u t-30 ta’ Ġunju 2014. |
19 |
Fis-7 ta’ Diċembru 2015, bħala riżultat ta’ din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2272, li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1225/2009 (ĠU 2015, L 322, p. 21). Ir-rati tad-dazju antidumping iffissati minn dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni kienu l-istess bħal dawk previsti mir-Regolament ikkontestat. |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/928
20 |
Fit-28 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/928 li ttemm il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni marbuta mas-sentenzi mogħtija fil-Kawżi magħquda C‑186/14 P u C‑193/14 P f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 926/2009 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 (ĠU 2018, L 164, p. 51). |
21 |
Fil-premessi 7, 36 u 37 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni enfasizzat, essenzjalment, li l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid konformement mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1225/2009, li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, ma kellux bħala għan li jeżamina l-validità tar-Regolament ikkontestat fir-rigward tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi minbarra Hubei, iżda li jiddetermina jekk it-tħassir tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kienx neċessarju fid-dawl tas-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2014,Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill (T‑528/09, EU:T:2014:35), kif ukoll tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209). |
22 |
Barra minn hekk, fil-premessa 67 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li ma kienx hemm lok li jitħassru d-dazji antidumping stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, applikabbli għall-produtturi-esportaturi Ċiniżi minbarra Hubei, fid-dawl tal-effett negattiv li tali tħassir għandu fuq l-industrija tal-Unjoni. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
23 |
Fl-4 ta’ Novembru 2014, eurocylinder, produttur ta’ fliexken tal-azzar bi pressjoni għolja, importat TTSS mir-RPĊ, immanifatturati minn Tianjin Pipe (Group) Corporation. |
24 |
Permezz ta’ avviż ta’ ffissar tad-dazji fuq l-importazzjoni tal-4 ta’ Novembru 2014, l-awtorità doganali imponiet fuq eurocylinder dazju antidumping fl-ammont ta’ EUR 22 123.10, b’applikazzjoni tar-rata ta’ 27.2 % prevista fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ikkontestat. |
25 |
Fis-6 ta’ Novembru 2017, eurocylinder talbet lill-awtorità doganali r-rimbors ta’ dan id-dazju antidumping, minħabba li r-Regolament ikkontestat kien ġie parzjalment annullat permezz tas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill (T‑528/09, EU:T:2014:35), ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209). Skont eurocylinder, il-motivi tal-annullament mill-Qorti Ġenerali huma ta’ natura ġenerali, b’tali mod li ma jikkonċernawx biss lil Hubei. |
26 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2017, l-awtorità doganali ċaħdet it-talba ta’ eurocylinder, minħabba li l-Qorti Ġenerali kienet annullat ir-Regolament ikkontestat biss sa fejn kien jimponi dazju antidumping fir-rigward tal-prodotti mmanifatturati minn Hubei, rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill (T‑528/09, EU:T:2014:35). |
27 |
Peress li l-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fit-23 ta’ Awwissu 2018 mill-awtorità doganali, eurocylinder ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), fejn sostniet in-nullità, b’effett erga omnes, tar-Regolament ikkontestat. |
28 |
Il-Qorti tar-rinviju tfakkar li, sabiex tannulla dan ir-regolament sa fejn kien jistabbilixxi dazji antidumping fuq il-prodotti mmanifatturati minn Hubei, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill (T‑528/09, EU:T:2014:35), li l-imsemmi regolament kien ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni, bi ksur tal-Artikolu 3(9) u tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Issa, sa fejn tali motiv għandu portata ġenerali, ikun biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità erga omnes ta’ dan l-istess regolament. |
29 |
Il-Qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li eurocylinder ma kellhiex locus standi sabiex tippreżenta rikors dirett kontra r-Regolament ikkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE, peress li hija ma kinitx is-suġġett tal-investigazzjoni antidumping li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, din il-kumpannija tista’ teċċepixxi, insostenn tar-rikors tagħha ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-awtorità doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-invalidità tal-imsemmi regolament. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Ir-regolament [ikkontestat] huwa validu?” |
Dwar l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari
31 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-annullament parzjali tar-Regolament ikkontestat permezz tas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill (T‑528/09, EU:T:2014:35), mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn Hubei skont l-Artikolu 263 TFUE, ma affettwax il-legalità tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari ta’ dawk li jimponu dazji antidumping fuq il-prodotti li ma humiex dawk immanifatturati, esportati jew importati minn din il-kumpannija. Sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew minħabba eċċezzjoni ta’ illegalità, dawn ikollhom l-effett legali sħiħ tagħhom fir-rigward ta’ kull persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punti 183 u 184 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali li jiggarantixxi lil kull parti fil-kawża d-dritt li teċċepixxi, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra miżura nazzjonali li tikkawżalha preġudizzju, l-invalidità tal-att tal-Unjoni li jservi ta’ bażi għal din il-miżura jippreżupponi li dan l-individwu ma għandux id-dritt li jitlob direttament l-annullament ta’ dan l-att lill-qorti tal-Unjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE. Għall-kuntrarju, individwu huwa prekluż milli jeċċepixxi l-invalidità tal-imsemmi att quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti jekk jista’ jitqies li din il-parti f’kawża setgħet, mingħajr ebda dubju, titlob l-annullament tal-istess att quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Trace Sport, C‑251/18, EU:C:2019:766, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Issa, f’dan il-każ, kif osservat il-qorti tar-rinviju, eurocylinder hija importatur li la kien is-suġġett tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat u lanqas ma ssemma fih. Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li eurocylinder hija importatur assoċjat mal-esportatur tat-TTSS inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-kwalità ta’ importatur, anki jekk assoċjat mal-esportaturi tal-prodott ikkonċernat, ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jitqies li importatur huwa individwalment ikkonċernat minn regolament li jistabbilixxi dazju antidumping (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Trace Sport, C‑251/18, EU:C:2019:766, punt 37). |
34 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, mingħajr ebda dubju, eurocylinder ma kinitx ammissibbli titlob l-annullament tar-Regolament ikkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE. |
35 |
Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id-domanda preliminari
36 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk ir-Regolament ikkontestat, sa fejn jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti TTSS li joriġinaw mir-RPĊ, huwiex validu fid-dawl tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 9(4) u tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku. |
37 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li huma għandhom jeżaminaw (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Trace Sport, C‑251/18, EU:C:2019:766, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
L-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju ta’ tali setgħa għandu, fil-kuntest kemm ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE kif ukoll ta’ talba għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità, skont l-Artikolu 267 TFUE, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 162 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, meta jirriżulta mill-konstatazzjoni definittiva tal-fatti li jkun hemm dumping u ħsara sinjifikattiva jew theddida ta’ ħsara materjali għal industrija tal-Unjoni, dazju antidumping definittiv huwa impost mill-Kunsill. Konformement mal-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 3(9) tal-imsemmi regolament, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali għal industrija tal-Unjoni, għandhom jiġu eżaminati, fost l-oħrajn, l-erba’ fatturi espressament imsemmija minn din id-dispożizzjoni, u li ma jibbażawx biss fuq allegazzjonijiet, tbassir jew possibbiltà remota. |
40 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara, bħal dik ta’ ħsara, għandha tiġi stabbilita fid-data tal-adozzjoni tal-miżura antidumping, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni f’din id-data. Fil-fatt, huwa biss fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jiddeterminaw jekk iż-żieda imminenti tal-importazzjonijiet futuri li jkunu s-suġġett ta’ dumping tikkawżax dannu materjali għal din l-industrija, fl-ipoteżi fejn ebda miżura ta’ difiża kummerċjali ma tittieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel, C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punti 31 u 71). |
41 |
Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati li jieħdu inkunsiderazzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, l-informazzjoni ta’ wara perijodu tal-investigazzjoni. Din l-awtorizzazzjoni hija ġġustifikata iktar u iktar fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet li għandhom bħala għan mhux il-konstatazzjoni ta’ ħsara iżda d-determinazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara li, min-natura tagħha, timplika analiżi prospettiva. Din l-informazzjoni tista’ għalhekk tintuża sabiex tikkonferma jew tinvalida l-previżjonijiet li jinsabu fir-Regolament tal-Kummissjoni li jimponi dazju antidumping provviżorju u tippermetti, fl-ewwel ipoteżi, li jiġi stabbilit dazju antidumping definittiv. Madankollu, l-użu, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni ma jistax jevita l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel, C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punti 71 sa 73). |
42 |
Fl-aħħar nett, il-konklużjoni tal-Kunsill fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, stabbilita fil-kuntest tal-analiżi ta’ ħsara materjali kkawżata lil industrija tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, tibqa’, bħala prinċipju, rilevanti fil-kuntest tal-analiżi tat-theddida ta’ ħsara materjali għal din l-industrija, fis-sens tal-Artikolu 3(9) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel, C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punt 31). |
43 |
Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi evalwata l-validità tar-Regolament ikkontestat, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 9(4) u tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku. |
44 |
F’dan il-każ, il-Kunsill ikkonferma, fil-premessi 47 sa 49 tar-Regolament ikkontestat, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li kienet tinsab fil-premessi 88 u 89 tar-Regolament provviżorju, li jgħid li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx ġarrbet ħsara materjali matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, anki jekk din l-industrija kienet f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà fi tmiem dan il-perijodu. Madankollu, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-eżami tal-fatti li seħħew wara l-imsemmi perijodu, il-Kunsill qies, fil-premessi 76 sa 81 tar-Regolament ikkontestat, li kienet teżisti, f’dik id-data, theddida ta’ ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni, bħalma rrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 126 tar-Regolament provviżorju. |
Fuq l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni fi tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni
45 |
Sabiex tikkonkludi, fil-premessa 89 tar-Regolament provviżorju, li l-industrija tal-Unjoni kienet, fi tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni, f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà, il-Kummissjoni pproċediet, fil-premessi 66 sa 87 ta’ dan ir-regolament, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, għall-evalwazzjoni tal-fatturi u tal-indizji ekonomiċi rilevanti li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni ta’ din l-industrija, bħall-produzzjoni, il-kapaċitajiet u r-rata ta’ użu tagħhom, il-ħażniet, il-volum tal-bejgħ, l-ishma mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, is-salarji, il-fatturi li jaffettwaw il-prezz tal-bejgħ, il-profittabbiltà u r-redditu fuq l-investiment, il-fluss ta’ flus u l-abbiltà li żżid il-kapital u l-investimenti, u, fl-aħħar nett, id-daqs tal-marġni ta’ dumping u l-irkupru tal-industrija tal-Unjoni, wara l-prattika tad-dumping preċedenti. |
46 |
B’mod partikolari, fir-rigward ta’ dan l-aħħar fattur, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessa 87 tar-Regolament provviżorju, li, għalkemm miżuri antidumping kienu ġew imposti matul is-sena 2006 sabiex jikkumpensaw għad-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping minn diversi pajjiżi, l-industrija tal-Unjoni madankollu ma setgħetx tibbenefika bis-sħiħ mill-espansjoni eċċezzjonali tas-suq osservata matul il-perijodu ta’ analiżi, peress li l-ishma tas-suq preċedentement miżmuma mill-importazzjonijiet suġġetti għal miżuri kienu ġew issostitwiti minn importazzjonijiet Ċiniżi. Il-Kummissjoni ppreċiżat li din l-evoluzzjoni kienet ostakolat l-irkupru komplet tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll id-dispożizzjoni tagħha li tinvesti u tiżviluppa l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, sabiex tiġi segwita l-espansjoni tas-suq. |
47 |
Il-Kunsill, min-naħa tiegħu, ikkonferma, fil-premessi 47 sa 49 tar-Regolament ikkontestat, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni fi tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni. Sabiex jagħmel dan, huwa rrileva, b’mod partikolari li, għalkemm l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx ħsara materjali matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, minkejja kollox hija kienet ġiet esposta, minħabba l-parti sostanzjali tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fis-suq tal-Unjoni, għall-effetti dannużi ta’ dawn l-importazzjonijiet, u li s-sehem tagħha mis-suq kien naqas b’ħames punti perċentwali fuq il-perijodu kkunsidrat. |
48 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-Kunsill li, essenzjalment, l-industrija tal-Unjoni ma kinitx irkuprat kompletament mill-prattiki ta’ dumping preċedenti għas-sena 2006 ma hija sostnuta minn ebda element konkret u ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi dedotta mill-indizji u mill-fatturi ekonomiċi identifikati fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, peress li għall-kuntrarju dawn juru, kollha kemm huma, evoluzzjoni pożittiva tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu kkunsidrat. |
49 |
L-ewwel nett, il-fatt li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’ħames punti matul il-perijodu kkunsidrat ma għandux jiġi kkunsidrat b’mod iżolat. Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt, minn naħa, li dan is-sehem mis-suq baqa’ sinjifikattiv matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri 63.6 % (premessa 75 tar-Regolament provviżorju), u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija industrija rat il-volum u l-prezz tal-bejgħ tagħha li żdied matul dan il-perijodu (premessi 73 u 80 tar-Regolament provviżorju). |
50 |
It-tieni nett, l-evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-impatt tal-importazzjonijiet mir-RPĊ fuq l-investimenti tal-industrija tal-Unjoni u fir-rigward tal-kapaċità tagħha li tiżviluppa kapaċitajiet ta’ produzzjoni hija f’kontradizzjoni diretta mal-fatt li l-investimenti ta’ din l-industrija żdiedu b’madwar 185 % matul il-perijodu meqjus (premessa 85 tar-Regolament provviżorju). |
51 |
It-tielet nett, għalkemm il-Kummissjoni indikat li, f’dawrien bil-kontra tat-tendenza ekonomika, l-industrija tal-Unjoni ssib ruħha quddiem l-effetti potenzjalment dannużi tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping (premessa 89 tar-Regolament provviżorju), tali ċirkustanza, sa fejn tippermetti li tiġi identifikata, jekk ikun il-każ, biss sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà għall-futur, ma tistax tistabbilixxi li din l-industrija kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà fi tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni. |
52 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonferma l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-industrija tal-Unjoni kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà fi tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni, sa fejn tali konklużjoni ma hijiex sostnuta mid-data rilevanti tal-każ inkwistjoni. |
Fuq l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali fi tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni
53 |
Sabiex jikkonkludi li, fi tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni, kien hemm theddida ta’ ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni, il-Kunsill ipproċeda, fil-premessi 66 sa 74 tar-Regolament ikkontestat, billi rrikorra essenzjalment għall-erba’ fatturi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku, għall-eżami tal-iżvilupp tal-volum tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping, tar-riżerva tal-kapaċitajiet disponibbli fost l-esportaturi, tal-prezz tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u tal-livell tal-ħażniet. |
54 |
Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-iżvilupp tal-volum tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping, għandu jitfakkar li l-fattur imsemmi fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku jikkonċerna l-eżistenza ta’ “rata sinifikanti ta’ żjieda fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fis-suq [tal-Unjoni] li tindika ż-żjieda x’aktarx sostanzjali ta’ importazzjonijiet”. |
55 |
Issa, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 115 u 116 tar-Regolament provviżorju, li jgħidu li s-sitwazzjoni ġenerali tas-suq tal-Unjoni ma għandhiex impatt “konsiderevoli” fuq “l-iżvilupp tal-volumi” ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ u li l-pressjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq is-suq tal-Unjoni x’aktarx li tiżdied “sostanzjalment”, ikkonfermati mill-Kunsill fil-premessi 66 sa 68 tar-Regolament ikkontestat, huma kontradetti mill-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, li wkoll ittieħdet inkunsiderazzjoni f’dan ir-regolament. |
56 |
B’mod iktar partikolari, fil-premessa 52 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill irrileva li l-importazzjonijiet provenjenti mir-RPĊ kienu “naqsu konsiderevolment” f’volum assolut, peress li dawn għaddew, kif turi t-tabella li tinsab f’din il-premessa, minn 542840 tunnellata matul il-perijodu ta’ investigazzjoni għal 306866 tunnellata matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni. |
57 |
Ċertament, fil-premessa 68 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill enfasizza li, “[k]if ġie indikat ukoll fil-premessa (52) […] minkejja t-tnaqqis tagħhom fil-volum assolut, l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat żiedu b’kemxejn sehemhom fis-suq matul il-perjodu ta’ wara l-[perijodu tal-investigazzjoni]”. Madankollu, din iż-“żied[a] b’kemxejn”, li kienet tikkorrispondi biss għal 0.7 % tas-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet, ma tippermettix, waħedha, li jiġi konkluż li kienet teżisti rata ta’ żieda sinjifikattiva tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni, li turi l-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali tal-importazzjonijiet. Barra minn hekk, kif indika l-Kunsill fil-premessa 53 tar-Regolament ikkontestat, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas biss b’ 0.1 % bejn il-perijodu ta’ investigazzjoni u l-perijodu wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, minn 63.6 % fl-ewwel għal 63.5 % fit-tieni wieħed. |
58 |
F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi enfasizzata l-importanza tal-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni fil-kuntest tal-analiżi prospettiva tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara, peress li din l-informazzjoni tista’ tintuża sabiex jiġu kkonfermati jew invalidati l-previżjonijiet li jinsabu fir-Regolament provviżorju. |
59 |
Issa, f’dan il-każ, l-imsemmija data, imfakkra fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, ma tikkonfermax l-eżistenza ta’ rata ta’ żieda sinjifikattiva tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni, li kienet turi l-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali tal-importazzjonijiet, fis-sens tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku. |
60 |
Fir-rigward, it-tieni nett, tar-riżerva tal-kapaċitajiet mhux użati fost l-esportaturi, għandu jitfakkar li l-fattur imsemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku jikkonċerna “kapaċità libera biżżejjed ta’ l-esportatur jew żjieda imminenti u sostanzjali f’kapaċità bħal din li tindika ż-żjieda ta’ xiri taħt il-prezz ta’ esportazzjonijiet x’aktarx sostanzjali lejn [l-Unjoni], jingħata kas tad-disponnibiltà tas-swieq l-oħra għall-esportazzjoni biex jassorbu kwalunkwe esportazzjonijiet addizzjonali”. |
61 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 118 tar-Regolament provviżorju, li, “matul il-perjodu kkunsidrat l-esportaturi Ċiniżi [kienu] żiedu b’mod sostanzjali l-inklinazzjoni tagħhom li jesportaw, u dan [kien] fisser żieda konsiderevoli ħafna ta’ esportazzjonijiet f’termini assoluti”. Fil-premessa 119 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, li “[i]l-perċentwali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn [l-Unjoni] (bħala perċentwali tal-esportazzjonijiet totali [tal-RPĊ]) [kienet] żdiedet b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat”, li kien jikkonferma “li matul il-perjodu kkunsidrat diġà kien hemm ċaqliq konsiderevoli fl-attivitajiet ta’ esportazzjoni u l-[Unjoni] [kienet] kisbet importanza fl-istrateġija ġenerali tas-suq tal-esportaturi Ċiniżi” u, min-naħa l-oħra, li “[is]-swieq ewlenin l-oħra [kienu] l-Istati Uniti b’36 % (minn 31 % fl-2007), l-Alġerija (6 %, minn 2 % fl-2006) u l-Korea ta’ Isfel (6 %, minn 3 % fl-2005)”. |
62 |
Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li “wieħed jista’ jistenna li parti sinifikanti tal-kapaċità żejda maħluqa dan l-aħħar se tkun diretta lejn is-suq [Ewropew]” u “tnaqqis sinifikanti ta’ xi uħud minn dawn is-swieq, u b’mod partikolari tas-suq tal-Istati Uniti, u għalhekk il-volumi meħlusa minn dawn is-swieq jistgħu malajr jiġu diretti mill-ġdid lejn [l-Unjoni]”. Dawn il-konklużjonijiet ġew ikkonfermati mill-Kunsill fil-premessi 69 sa 71 tar-Regolament ikkontestat. |
63 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, madankollu, li l-analiżi, imwettqa mir-Regolament ikkontestat, dwar il-probabbiltà tal-orjentazzjoni tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn is-suq tal-Unjoni ma hijiex kompleta minn żewġ aspetti. Minn naħa, din l-analiżi ma ħaditx inkunsiderazzjoni elementi li kienu madankollu rilevanti sabiex tiġi spjegata ż-żieda tal-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni. B’mod partikolari, ir-Regolament ikkontestat ma semmiex il-fatt, imsemmi fil-premessa 130 tar-Regolament provviżorju, li kienet teżisti “koinċidenza ċara fiż-żmien bejn iż-żieda rapida fis-sehem tas-suq tal-prodotti Ċiniżi u t-tagħwir sostanzjali korrispondenti tal-ishma tas-suq tal-importazzjonijiet mir-Russja u l-Ukraina, li kienu l-eqreb kompetituri għal dawk li huma prezzijiet”, filwaqt li din iċ-ċirkustanza kienet rilevanti sabiex tiġi spjegata, tal-inqas parzjalment, iż-żieda fil-perċentwali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni matul il-perijodu meqjus. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament ikkontestat ma ħax inkunsiderazzjoni l-kapaċità tas-swieq l-oħra tal-esportazzjoni identifikati sabiex jassorbu esportazzjonijiet addizzjonali. Issa, kif jirriżulta mid-data msemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, l-iżvilupp tal-esportazzjonijiet lejn dawn is-swieq żdied matul l-istess perijodu. |
64 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatti tal-każ ma jippermettux li jiġi konkluż li l-fattur imsemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku kien issodisfatt. |
65 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-prezz tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, għandu jitfakkar li l-fattur imsemmi fil-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku jirrigwarda “jekk l-importazzjonijiet jkunu qegħdin jidħlu bi prezzijiet li kienu, sa grad sinifikati, jnaqqsu l-prezzijiet jew iżommu ż-żjiediet fil-prezzijiet li f’każ ieħor xorta kienu jiġru, u kienu probabbliment iżidu d-domanda għal aktar importazzjonijiet”. |
66 |
F’dan il-każ, fil-premessi 120 u 121 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, li, matul il-perijodu meqjus, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu nettament iktar baxxi mill-prezzijiet mhux biss tal-industrija tal-Unjoni iżda wkoll ta’ pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, li ma kien hemm ebda raġuni sabiex jiġi preżunt li, f’ambjent ekonomiku kkaratterizzat minn tnaqqis sostanzjali fid-domanda, il-prezzijiet baxxi jkollhom tendenza li jitilgħu. Fil-premessa 122 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni enfasizzat li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu ftit wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, u dan il-fatt kien jirrifletti qabel kollox żieda dinjija tal-prezzijiet ta’ ċerti materji primi importanti. Fil-premessa 123 tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-“prezzijiet baxxi ħafna tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping instab li huwa doppju”, jiġifieri “min-naħa l-waħda, id-differenzjali sinifikanti fil-prezz x’aktarx li ġġib ċaqliq lejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping”, u, min-naħa l-oħra, “effett ta’ depressjoni f’termini kemm ta’ volumi dejjem jonqsu kif ukoll ta’ prezzijiet iktar baxxi” mill-produtturi tal-Unjoni u sorsi oħra. |
67 |
Fir-Regolament ikkontestat il-Kunsill ikkonstata li, wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet provenjenti minn sorsi differenti, u b’mod partikolari mir-RPĊ, kienu żdiedu b’mod sostanzjali, bħall-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Huwa kkonferma l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni mfakkra fil-punt preċedenti, billi indika, fil-premessa 73 ta’ dan ir-regolament, li analiżi tat-tariffi tal-industrija tal-Unjoni u tal-prezzijiet ta’ prodotti komparabbli importati mir-RPĊ, imwettqa wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, kienet “[u]riet li l-movimenti fil-prezzijiet seħħew b’mod parallel”. |
68 |
Madankollu, tali “parallel[iżmu]” fil-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet ma huwiex ikkorroborat mill-informazzjoni ekonomika tal-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, kif jidher fir-Regolament ikkontestat stess. Fil-fatt, mill-premessi 52 u 53 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, minn naħa, id-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u l-prezz tal-bejgħ tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqset b’madwar 10 % bejn il-perijodu ta’ investigazzjoni u l-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni, minn madwar 40 % għall-ewwel wieħed (EUR 476 għal kull tunnellata) għal madwar 30 % għat-tieni wieħed (EUR 448 għal kull tunnellata). Min-naħa l-oħra, filwaqt li, matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni żdiedu bi 18.7 %, dawk tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b’iktar minn 35 %. |
69 |
Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li tali paralleliżmu fit-tibdil fil-prezzijiet seta’ ġie stabbilit u li ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat għall-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni setgħet tiġi spjegata minn żieda fil-prezzijiet tal-materji primi, dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux isostnu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu fil-premessa 123 tar-Regolament provviżorju u kkonfermati mill-Kunsill fil-premessa 73 tar-Regolament ikkontestat, dwar l-eżistenza ta’ effett negattiv tal-prezzijiet “baxxi ħafna” tal-importazzjonijiet mir-RPĊ fuq il-prezzijiet u l-volumi tal-industrija tal-Unjoni. |
70 |
Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tal-effett fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, il-fattur imsemmi fil-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku huwa l-“importazzjonijiet jkunu qegħdin jidħlu bi prezzijiet li kienu, sa grad sinifikati, jnaqqsu l-prezzijiet jew iżommu ż-żjiediet fil-prezzijiet”. Issa, tali konklużjoni ma hijiex ikkorroborata mill-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, kif imsemmija fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-effett depressiv tal-prezzijiet “baxxi ħafna” fuq il-volumi tal-industrija tal-Unjoni, għandu jitfakkar li s-sehem mis-suq ta’ din l-industrija matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni naqas biss b’ 0.1 %, kif jirriżulta mill-premessa 53 tar-Regolament ikkontestat. |
71 |
Għalhekk, mill-fatti tal-każ ma jirriżultax li l-fattur imsemmi fil-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku jista’ jitqies li huwa ssodisfatt. |
72 |
Fir-rigward, fir-raba’ u l-aħħar lok, tal-livell tal-ħażniet tal-prodott li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni, espressament previst fil-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku bħala wieħed mill-fatturi rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni, ir-Regolament ikkontestat ikkonferma, fil-premessa 74 tiegħu, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 124 tar-Regolament provviżorju, li “[d]an il-fattur ma għandux xi tifsira partikolari għall-analiżi billi normalment il-prodotti maħżuna jinżammu mill-kummerjanti (sidien tal-imħażen) u mhux mill-produtturi [u li] ebda xhieda ma setgħet tinstab li setgħu seħħew xi attivitajiet ta’ żamma tal-istokk b’tali mod li tista’ tinfluwenza b’mod sinifikanti s-suq fil-ġejjieni qrib”. |
73 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kien b’mod żbaljat li, fir-Regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkunsidra li kien hemm, fir-rigward tal-fatturi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku, theddida ta’ ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni, b’tali mod li huwa kiser ukoll l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(9) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li, minn naħa, id-determinazzjoni ta’ tali theddida għandha tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazzjonijiet, suppożizzjonijiet jew possibbiltajiet imbiegħda, u, min-naħa l-oħra, it-tibdil fiċ-ċirkustanzi li joħloq sitwazzjoni fejn id-dumping jikkawża ħsara għandha tkun kjarament prevedibbli u imminenti. |
74 |
Din il-konklużjoni ma tista’ tiġi invalidata minn ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni u mill-Kunsill fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
75 |
Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li interpretazzjoni tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku b’mod konformi mal-Ftehim antidumping tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tippermetti li jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni jħalli lill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni antidumping il-libertà li tagħżel dak jew dawk tal-fatturi stabbiliti f’din id-dispożizzjoni sabiex tibbaża fuqhom il-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni, bil-kundizzjoni biss li tali konklużjoni tkun ibbażata “fuq fatti u mhux biss fuq allegazjoni, tbassir jew possibilità remota”. Il-Kummissjoni żżid li għandha tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u mhux biss tal-erba’ fatturi msemmija fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, hija tosserva li, għalkemm huwa minnu li l-fattur relatat mat-tnaqqis fid-domanda fis-suq tal-Unjoni, kif eżaminat fil-premessi 91 sa 111 u 126 tar-Regolament provviżorju, ma huwiex espressament imsemmi minn din id-dispożizzjoni, jibqa’ rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni. |
76 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni tfittex, fir-realtà, li tikkontesta l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill (T‑528/09, EU:T:2014:35), minkejja li dik is-sentenza, ikkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209), saret definittiva u l-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li tikkontestaha permezz ta’ appell, li hija ma għamlitx. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-osservazzjonijiet li hija pproduċiet fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità sabiex tikkontesta indirettament dik is-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġu eżaminati dawn l-argumenti tal-Kummissjoni fuq il-mertu. |
77 |
Fit-tieni lok, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/928 jistabbilixxu, minn naħa, l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li tali theddida sseħħ jekk l-invalidità tar-Regolament ikkontestat tiġi ddikjarata b’effett erga omnes. |
78 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-validità ta’ att, li għandha ssir mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha normalment tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni li tkun teżisti fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan l-att (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Donex Shipping and Forwarding, C‑104/19, EU:C:2020:539, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
79 |
Min-naħa l-oħra, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punt 71), l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita fid-data tal-adozzjoni ta’ miżura antidumping, peress li din id-data tikkorrispondi, f’dan il-każ, għad-data tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. |
80 |
Minn dan isegwi li l-adozzjoni kemm tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 kif ukoll tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/928 li intervjeniet wara l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, ma setax ikollha effett fuq il-validità ta’ dan tal-aħħar. |
81 |
Barra minn hekk, la jista’ jiġi dedott minn dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni u lanqas minn din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li, fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, kienet teżisti theddida ta’ ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni. |
82 |
Konsegwentement, sa fejn, kif jirriżulta mill-punti 45 sa 73 ta’ din is-sentenza, meta adotta r-Regolament ikkontestat, il-Kunsill kiser id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 3(9),u tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament ikkontestat huwa invalidu. |
Dwar l-ispejjeż
83 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina huwa invalidu. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.