EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0748

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Novembru 2021.
Proċeduri kriminali kontra WB et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà għall-Ministru għall-Ġustizzja li jikkolloka mħallfin fi ħdan qrati ta’ grad superjuri u li jirrevoka dawn il-kollokamenti – Kulleġġi ġudikanti f’kawżi kriminali li jinkludu mħallfin ikkollokati mill-Ministru għall-Ġustizzja – Direttiva (UE) 2016/343 – Preżunzjoni ta’ innoċenza.
Kawżi magħquda C-748/19 sa C-754/19.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:931

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà għall-Ministru għall-Ġustizzja li jikkolloka mħallfin fi ħdan qrati ta’ grad superjuri u li jirrevoka dawn il-kollokamenti – Kulleġġi ġudikanti f’kawżi kriminali li jinkludu mħallfin ikkollokati mill-Ministru għall-Ġustizzja – Direttiva (UE) 2016/343 – Preżunzjoni ta’ innoċenza”

Fil-Kawżi magħquda C‑748/19 sa C‑754/19,

li għandhom bħala suġġett seba’ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Settembru 2019 (C‑749/19), tas‑16 ta’ Settembru 2019 (C‑748/19), tat‑23 ta’ Settembru 2019 (C‑750/19 u C‑754/19), tal‑10 ta’ Ottubru 2019 (C‑751/19) u tal‑15 ta’ Ottubru 2019 (C‑752/19 u C‑753/19), li waslu fil-Qorti tal‑Ġustizzja fil‑15 ta’ Ottubru 2019, fil-proċeduri kriminali kontra

WB (C‑748/19),

XA,

YZ (C‑749/19),

DT (C‑750/19),

ZY (C‑751/19),

AX (C‑752/19),

BV (C‑753/19),

CU (C‑754/19),

fil-preżenza ta’:

Prokuratura Krajowa,

li qabel kienet

Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim (C‑748/19),

Prokuratura Rejonowa Warszawa-Żoliborz w Warszawie (C‑749/19),

Prokuratura Rejonowa Warszawa ‑ Wola w Warszawie (C‑750/19, C‑753/19 u C‑754/19),

Prokuratura Rejonowa w Pruszkowie (C‑751/19),

Prokuratura Rejonowa Warszawa ‑ Ursynów w Warszawie (C‑752/19),

kif ukoll Pictura sp. z o.o. (C‑754/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin u I. Jarukaitis (Relatur), Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim, minn J. Ziarkiewicz, prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin,

għall-Prokuratura Rejonowa Warszawa-Żoliborz w Warszawie, il-Prokuratura Rejonowa Warszawa ‑ Wola w Warszawie, il-Prokuratura Rejonowa w Pruszkowie u l-Prokuratura Rejonowa Warszawa - Ursynów w Warszawie, minn A. Szeliga u F. Wolski, prosekuturi tal-Provinċja ta’ Varsavja,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, P. J. O. Van Nuffel, R. Troosters u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE, kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), moqri fid-dawl tal-premessa 22 ta’ din id-direttiva.

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra WB (C‑748/19), XA u YZ (C‑749/19), DT (C‑750/19), ZY (C‑751/19), AX (C‑752/19), BV (C‑753/19) u CU (C‑754/19).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 22 tad-Direttiva 2016/343 tistipula:

“L-oneru tal-prova għall-istabbiliment tal-ħtija ta’ persuni suspettati u akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni, u kwalunkwe dubju għandu jibbenefika lill-persuna suspettata jew akkużata. Il-preżunzjoni tal-innoċenza tinkiser jekk l-oneru tal-prova jkun trasferit mill-prosekuzzjoni għad-difiża, mingħajr preġudizzju għal kull setgħa ex officio għad-determinazzjoni tal-fatti mill-qorti, għall-indipendenza tal-ġudikatura meta tiġi vvalutata l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għall-użu ta’ preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi dwar ir-responsabbiltà kriminali ta’ persuna suspettata jew akkużata. Tali preżunzjonijiet għandhom ikunu limitati, f’limiti raġonevoli, b’kunsiderazzjoni tal-importanza tar-riskji involuti u ż-żamma tad-drittijiet tad-difiża, u l-mezzi użati għandhom ikunu raġonevolment proporzjonati għall-għan leġittimu li jrid jintlaħaq. Tali preżunzjonijiet għandhom ikunu kontestabbli u fi kwalunkwe każ għandhom ikunu użati biss fejn id-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati.”

4

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Oneru tal-prova”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe dubju dwar il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata, inkluż fejn il-qorti tivvaluta jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi assolta.”

Id-dritt Pollakk

Il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur

5

Skont l-Artikolu 1(2) tal-ustawa Prawo o prokuraturze (il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal‑Prosekutur), tat-28 ta’ Jannar 2016 (Dz. U. tal-2016, punt 177), fil‑verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ matul il-kawża prinċipali, il-Prosekutur Ġenerali għandu l-ogħla funzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur, u l-funzjoni ta’ Prosekutur Ġenerali hija okkupata mill-Ministru għall-Ġustizzja.

6

Skont l-Artikolu 13(2) ta’ din il-liġi, il-Prosekutur Ġenerali għandu taħt l-awtorità tiegħu l-prosekuturi tad-Diviżjoni Ordinarja u l-prosekuturi tal-Instytut Pamięci Narodowej (l-Istitut tal-Memorja Nazzjonali, il-Polonja).

Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji

7

Skont l-Artikolu 47a(1) tal-ustawa Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), tas‑27 ta’ Lulju 2001, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ matul il-kawżi prinċipali (Dz. U. tal-2019, punt 52) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji”), il-kawżi jiġu assenjati lill-qrati u lill-assessuri permezz ta’ tlugħ bix-xorti.

8

Skont l-Artikolu 47b(1) ta’ din il-liġi, il-bidla fil-kompożizzjoni ta’ qorti tista’ tiġi ammessa biss fil-każ li ma jkunx possibbli li l-kawża tiġi ttrattata fil-kompożizzjoni attwali tagħha jew jekk ikun hemm ostakolu fit-tul għall-eżami tal-kawża fil-kompożizzjoni attwali tagħha. F’każ bħal dan, l-Artikolu 47a japplika għall-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawża. L-Artikolu 47b(3) tal-imsemmija liġi jindika li d-deċiżjoni li tiġi emendata l-kompożizzjoni ta’ qorti għandha tittieħed mill-President tal-qorti jew minn imħallef awtorizzat minnu.

9

L-Artikolu 77 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jipprevedi:

“1.   Il-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jikkolloka mħallef, bil-kunsens tiegħu jew tagħha, sabiex jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji jew kompiti amministrattivi:

1)

għal qorti oħra tal-istess grad jew ta’ grad inferjuri jew, f’każijiet partikolarment iġġustifikati, għal qorti superjuri, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-użu razzjonali ta’ persunal tal-qrati ordinarji u l-bżonnijiet li jirriżultaw mill-piż ta’ xogħol tad-diversi qrati,

għal perijodu determinat, li ma jistax jeċċedi sentejn, jew għal perijodu indeterminat.

[…]

4.   Fejn imħallef jiġi kkollokat, abbażi tal-punti 2, sa 2b tal-paragrafu 1 u tal-paragrafu 2a, għal perijodu indeterminat, il-kollokament ta’ dan l-imħallef jista’ jiġi rrevokat jew il-persuna kkonċernata tista’ tirriżenja mill-kariga li għaliha tkun ġiet ikkollokata, sakemm jingħata avviż ta’ tliet xhur. F’każijiet oħra fejn jiġi kkollokat imħallef, tali revoka jew riżenja ma teħtieġx avviż minn qabel.”

10

Bis-saħħa tal-Artikolu 112(3) ta’ din il-liġi, il-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jaħtar ir-Rzecznik Dyscyplinarny Sędziów Sądów Powszechnych ((l-Uffiċjal tad-Dixxiplina għal Imħallfin tal-Qrati Ordinarji, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċjal Dixxiplinari”) kif ukoll iż-żewġ assistenti tiegħu għal mandat ta’ erba’ snin, li jista’ jiġġedded. Id-dritt Pollakk ma jipprevedix kriterji li abbażi tagħhom għandhom isiru dawn il-ħatriet.

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

11

Skont l-Artikolu 29(1) tal-kodeks postępowania karnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali):

“Waqt is-seduta tal-appell u tal-kassazzjoni, il-qorti għandha tiddeċiedi bħala kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.”

12

Skont l-Artikolu 519 tal-istess kodiċi, is-sentenza finali tal-qorti tal-appell li ttemm l-istanza tista’ tkun is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni.

13

L-Artikolu 439(1) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Indipendentement mil-limiti tar-rikors u tal-motivi mqajma, kif ukoll mill-effett tan-nuqqas fuq il-kontenut tad-deċiżjoni, il-qorti tal-appell għandha tannulla d-deċiżjoni kkontestata seduta stante jekk:

1)

persuna li ma tkunx awtorizzata tieħu deċiżjoni jew li ma jkollhiex il-kapaċità jew li tkun is-suġġett ta’ rikuża skont l-Artikolu 40 tkun ħadet sehem fid-deċiżjoni;

2)

il-kompożizzjoni tal-qorti ma tkunx xierqa jew wieħed mill-membri tagħha ma kienx preżenti matul is-seduta kollha;

[…]”

14

Skont l-Artikolu 523(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, appell ta’ kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat biss abbażi tan-nuqqasijiet indikati fl-Artikolu 439 tiegħu jew ta’ ksur flagranti tad-dritt meta dan seta’ kellu effett sinjifikattiv fuq il-kontenut tad-deċiżjoni.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

15

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) fil-kuntest tal-eżami ta’ seba’ kawżi kriminali assenjati lill-Għaxar Sezzjoni tal-Appell Kriminali tagħha.

16

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti msejħa sabiex jiddeċiedu dwar dawn il-kawżi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, fid-dawl tal-preżenza f’tali kulleġġi ġudikanti ta’ mħallef ikkollokat bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja skont l-Artikolu 77(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, peress li dan l-imħallef ikkollokat jista’ jkun li ġie, f’uħud mill-imsemmija kawżi, minn qorti distrettwali, jiġifieri minn qorti ta’ grad inferjuri.

17

Il-qorti tar-rinviju tispjega li r-regoli dwar il-kollokament tal-imħallfin joffru lill-Ministru għall-Ġustizzja, li huwa wkoll il-Prosekutur Ġenerali li taħt l-awtorità tiegħu jitqiegħdu, b’mod partikolari, il-prosekuturi tad-Diviżjoni Ordinarja, il-mezzi li bihom jinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni ta’ qorti kriminali. Fil-fatt, il-Ministru għall-Ġustizzja jassenja permezz ta’ kollokament imħallef lil qorti ta’ grad superjuri fuq il-bażi ta’ kriterji li ma humiex magħrufa uffiċjalment, u mingħajr ma d-deċiżjoni ta’ kollokament tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, u jista’ jtemm dan il-kollokament f’kull mument mingħajr ma tali revoka tkun suġġetta għal kriterji ddefiniti minn qabel fid-dritt u mingħajr ma tkun motivata. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-possibbiltà li tali revoka tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju hija inċerta. Issa, dawn l-elementi jippermettu lill-Ministru għall-Ġustizzja jeżerċita influwenza doppja fuq l-imħallfin ikkollokati fi ħdan il-kulleġġi ġudikanti bħal dawk li għandhom jiddeċiedu l-kawżi prinċipali. Minn naħa, billi jikkolloka mħallef fi ħdan qorti ta’ grad superjuri, huwa jista’ “jippremja” lil dan tal-aħħar għall-azzjoni tiegħu mwettqa f’funzjonijiet preċedenti, jew saħansitra jifformula ċerti aspettattivi fir-rigward tal-mod ta’ kif dan l-imħallef jagħti deċiżjonijiet fil-futur, fejn din id-delega tikkostitwixxi għaldaqstant sostituzzjoni għal promozzjoni. Min-naħa l-oħra, billi jipproċedi għar-revoka tal-kollokament tiegħu, huwa jista’ “jissanzjona” lil imħallef ikkollokat talli jkun adotta deċiżjoni ġudizzjarja li huwa ma japprovax, u l-qorti tar-rinviju tenfasizza b’mod partikolari, fuq dan il-punt, ir-riskju attwali għoli li tali sanzjoni tingħata jekk l-imħallef ikkonċernat ikun iddeċieda li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari jew li jeskludi l-applikazzjoni tad-dritt Pollakk li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Tali sistema toħloq għalhekk inċentiv għall-imħallfin ikkollokati li jagħtu deċiżjonijiet konformement mar-rieda tal-Ministru għall-Ġustizzja, minkejja li din ir-rieda ma tkunx espressa b’mod espliċitu, fatt li jippreġudika b’mod definittiv id-dritt tal-persuna akkużata għal smigħ xieraq, peress li dan id-dritt huwa wieħed mill-espressjonijiet tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

18

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ li s-sentenzi li għandhom jingħataw fil-kawżi prinċipali jkunu s-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), dwar il-kompatibbiltà tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-Awla Kriminali ta’ din l-aħħar qorti mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

19

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, fid-dawl ta’ dan il-kuntest, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippreġudikax il-preżunzjoni ta’ innoċenza li tirriżulta mid-Direttiva 2016/343.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati b’mod kważi identiku f’kull waħda mill-Kawżi C‑748/19 sa C‑754/19:

“1)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u tal-Artikolu 2[TUE], u l-valur tal-Istat ta’ dritt li jiddikjara, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva [2016/343] moqrija fid-dawl tal-premessa 22 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom l-indipendenza tal-ġustizzja, kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-preżunzjoni ta’ innoċenza jiġu miksura ladarba proċedura ġudizzjarja, bħal fil-każ ta’ proċeduri kriminali kontra persuna akkużata b’reat li jaqa’ taħt [dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali jew tal-Kodiċi Kriminali Fiskali], [jew kontra persuna li kienet suġġetta għal kundanna b’talba għal għoti ta’ deċiżjoni globali,] tkun organizzata b’tali mod li:

Imħallef […] iddelegat [ikkollokat] fuq il-bażi ta’ deċiżjoni unilaterali tal-Ministru għall-Ġustizzja u li jappartjeni għal qorti ta’ livell ġerarkiku immedjatament inferjuri jkun sedenti fil-formazzjoni ġudikanti mingħajr ma jkunu magħrufa l-kriterji applikati mill‑Ministru għall-Ġustizzja għall-finijiet tad-delega [tal-kollokament] ta’ dan l-imħallef, u mingħajr ma d-dritt nazzjonali jipprevedi stħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjoni filwaqt li jawtorizza lill-Ministu għall-Ġustizzja jirrevoka fi kwalunkwe mument id-delega [il-kollokament] tal-[imsemmi] mħallef?

2)

Ir-rekwiżiti msemmija fl-ewwel domanda jiġu miksura meta, sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bħal dik deskritta fl-ewwel domanda, il-partijiet ikollhom rimedju ġudizzjarju straordinarju quddiem qorti, bħas-Sąd Najwyższy (il‑Qorti Suprema, il-Polonja), li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal appell ġudizzjarju taħt id-dritt intern, u fejn id-dritt nazzjonali jimponi fuq il-President taċ-ċellola organizzattiva ta’ din il-qorti (l-Awla), kompetenti sabiex teżamina r-rikors, li jalloka l-kawżi billi josserva l-lista alfabetika tal-Imħallfin ta’ din l-Awla, bil-projbizzjoni espliċita ta’ esklużjoni ta’ kwalunkwe mħallef, u fejn kawżi jistgħu jiġu allokati wkoll lil persuna maħtura fuq proposta ta’ organu kolleġjali, bħalma huwa l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Membri tal-Ġudikatura, il‑Polonja) [iktar ’il quddiem il-“KRS”], li l-kompożizzjoni tiegħu hija maħluqa b’tali mod li l-membri tiegħu huma mħallfin:

eletti minn kamra tal-Parlament li tivvota kollettivament fuq lista ta’ kandidati stabbilita minn qabel minn kummissjoni parlamentari minn fost il-kandidati proposti mill-gruppi parlamentari jew minn organu ta’ din il-kamra, fuq il-bażi ta’ proposti sottomessi minn gruppi ta’ mħallfin jew ta’ ċittadini – bil-konsegwenza li matul din il-proċedura ta’ elezzjoni, fi tliet okkażjonijiet il-kandidati jirċievu s-sostenn ta’ atturi politiċi;

li jirrappreżentaw maġġoranza tal-membri ta’ dan l-organu suffiċjenti sabiex tadotta deċiżjonijiet ta’ proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef, kif ukoll sabiex jadottaw deċiżjonijiet oħra vinkolanti meħtieġa mid-dritt nazzjonali?

3)

Xi jkun l-effett, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-dispożizzjonijiet u r-rekwiżiti msemmija fl-ewwel domanda, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja adottata fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja organizzata skont il-modalitajiet deskritti fl-ewwel domanda, u ta’ deċiżjoni ġudizzjarja adottata fil-kuntest ta’ proċedura quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), meta l-persuna msemmija fit-tieni domanda tkun ipparteċipat fl-adozzjoni tagħha?

4)

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel domanda, jissuġġetta l-effetti tad-deċiżjonijiet imsemmija fit-tielet domanda għall-kwistjoni dwar jekk il-qorti kkonċernata ddeċidietx f’sens favorevoli jew mhux favorevoli għall-persuna akkużata?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Ottubru 2019, il-Kawżi C‑748/19 sa C‑754/19 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u għall-finijiet tas-sentenza.

22

Fit‑30 ta’ Lulju 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku tat-tilwim fil-kawżi prinċipali. Fit‑3 ta’ Settembru 2020, il-qorti tar-rinviju wieġbet għal din it-talba.

Fuq it-talbiet għal proċedura mħaffa

23

Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-kawzi preżenti jiġu suġġetti għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talbiet tagħha, hija ressqet, essenzjalment, l-istess raġunijiet bħal dawk li għalihom hija ddeċidiet li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

24

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

25

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jwieġeb għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fil-każ ineżami, fit‑2 ta’ Diċembru 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet għal proċedura mħaffa. Fil-fatt, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma ressqitx motivi speċifiċi li kienu jeħtieġu li tingħata deċiżjoni fi żmien qasir dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-kawżi prinċipali jaqgħu taħt id-dritt kriminali ma jiġġustifikax, fih innifsu, il-proċedura mħaffa.

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

27

Permezz ta’ att ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Ġunju 2021, il-Gvern Pollakk talab il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

28

Insostenn tat-talba tiegħu, il-Gvern Pollakk jindika, essenzjalment, li ma jaqbilx mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li mill-formulazzjoni tad-domandi preliminari u mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ddeduċa b’mod żbaljat li l-kollokament ta’ mħallef f’qorti ta’ grad superjuri jinvolvi għal dan l-imħallef vantaġġi addizzjonali fil-forma ta’ promozzjoni u ta’ trattament ogħla. Barra minn hekk, l-Avukat Ġenerali ma indikax iċ-ċirkustanzi legali u fattwali li ppermettewlu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta bejn, minn naħa, il-kollokament ta’ mħallef fi ħdan qorti oħra u, min-naħa l-oħra, prospetti aħjar ta’ karriera u trattament iktar għoli. Fi kwalunkwe każ, dawn l-elementi, bi ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, la tqajmu mill-qorti tar-rinviju u lanqas ma kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet min-naħa tal-partijiet.

29

Barra minn hekk, il-Gvern Pollakk isostni li teżisti kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-punt 178 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li fih huwa indika li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-Istati Membri jirrikorru għal sistema li permezz tagħha l-imħallfin ikunu jistgħu, fl-interess tas-servizz, jiġu kkollokati temporanjament minn qorti għal oħra, irrispettivament minn jekk din tkunx tal-istess livell jew ta’ grad ogħla, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li, f’dawn l-istess konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali wettaq evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni Pollakka fid-dawl tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar l-Istat tad-dritt, bi ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri, imsemmi fl-Artikolu 4(2) TUE.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiha, jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ikunu jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li biha huwa jkun wasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta parti tkun ippreżentat, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jkollu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie ttrattat mill-partijiet ikkonċernati.

33

Madankollu, fil-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li hija għandha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi u li dawn il-kawżi ma għandhomx jiġu deċiżi abbażi ta’ argument li ma ġiex ittrattat bejn il-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma tinkludi ebda fatt ġdid ta’ natura li jista’ jeżerċita influwenza fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti fl-imsemmija kawżi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

34

Skont il-Gvern Pollakk, il-Prokuratura Regionalna w Lublinie (il-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin, il-Polonja) u l-Prokuratura Regionalna w Warszawie (il-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja, il-Polonja), li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja f’isem l-uffiċċji tal-prosekutur tad-distrett li bdew il-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kuntesti legali u fattwali msemmija mid-domandi preliminari ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-elaborazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-ġustizzja, b’mod partikolari l-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin, il-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti jew il-kollokament ta’ mħallfin f’qorti oħra għajr dik fejn jeżerċitaw abitwalment, kif ukoll l-effetti legali tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva ta’ kull Stat Membru.

35

Il-prosekuturi tal-Provinċji ta’ Lublin u ta’ Varsavja jenfasizzaw, b’mod partikolari, li l-Qorti tal-Ġustizzja la għandha s-setgħa li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiġi ammess il-kollokament tal-imħallfin, u lanqas li tevalwa l-effettività tal-ħatra ta’ persuna fil-pożizzjoni ta’ mħallef, kif ukoll lanqas li tiddeċiedi dwar il-kwalità tagħha ta’ mħallef, jew li tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula fil-kawżi prinċipali.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’, ċertament, taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw għalihom mid-dritt tal-Unjoni u li jista’ jkun hekk, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-ħatra ta’ mħallfin u, jekk ikun il-każ, minn regoli relatati mal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli fil-kuntest ta’ tali proċeduri ta’ ħatra (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika fir-rigward tar-regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ kollokament ta’ mħallfin għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji f’qorti oħra.

37

Barra minn hekk, l-oġġezzjonijiet hekk imressqa mill-Gvern Pollakk, mill-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin u l-Prosekutur tal-Provincja ta’ Varsavja essenzjalment jirrigwardaw il-portata stess tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi magħmula u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, tali interpretazzjoni taqa’ manifestament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

Fuq l-ewwel domanda

39

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE, kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2016/343 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu li l-Ministru għall-Ġustizzja ta’ Stat Membru jkun jista’, fuq il-bażi ta’ kriterji li ma jsirux pubbliċi, minn naħa, jikkolloka mħallef fi ħdan qorti kriminali fi grad superjuri għal żmien determinat jew indeterminat u, min-naħa l-oħra, f’kull mument u permezz ta’ deċiżjoni li ma tkunx motivata, jirrevoka dan il-kollokament, indipendentement mill-fatt li l-imsemmi kollokament ikun għal żmien determinat jew indeterminat.

Fuq l-ammissibbiltà

40

Il-Gvern Pollakk, il-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin u l-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja jqisu li din id-domanda hija inammissibbli.

41

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin u l-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja josservaw li d-deċiżjonijiet li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari ġew adottati mill-presidenta tal-kulleġġ ġudikanti, li tat id-deċiżjoni mingħajr il-parteċipazzjoni taż-żewġ membri l-oħra tagħha. Madankollu, skont l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, qorti tal-appell għandha tiddeċiedi bħala kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, u fil-kawżi prinċipali ma jeżisti ebda element li jiġġustifika r-rikors għal kompożizzjoni ġudikanti oħra. Għalhekk, il-presidenta tal-kulleġġ ġudikanti ma għandha ebda kompetenza sabiex tiddeċiedi waħedha dwar kwalunkwe kwistjoni, la prinċipalment u lanqas inċidentalment, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titqies li ġiet adita minn “qorti jew tribunal” ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk l-organu tar-rinviju inkwistjoni jkollux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant sabiex jiġi evalwat jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari tkunx ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħall-oriġini legali ta’ dan l-organu, in-natura permanenti tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-organu, tad-dispożizzjonijiet legali kif ukoll l-indipendenza tiegħu (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 43).

43

Fil-każ ineżami, dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu mill-Għaxar Sezzjoni Kriminali tal-Appell tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), permezz tal-presidenta tal-kulleġġ ġudikanti fis-seba’ kawżi prinċipali. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 42 tas-sentenza preżenti.

44

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tat-tqassim tal-funzjonijiet bejnha u l-qorti nazzjonali, li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju ttiħditx skont ir-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għad-deċiżjoni tar-rinviju maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru, sakemm ma tkunx ġiet irrevokata fil-kuntest tar-rimedji li jistgħu jkunu previsti mid-dritt nazzjonali (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 1982, Reina, 65/81, EU:C:1982:6, punt 7).

45

Għaldaqstant, l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin u mill-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja, kif esposti fil-punt 41 tas-sentenza preżenti, ma huma tali li jikkontestaw il-fatt li l-ewwel domanda hija magħmula minn “qorti jew tirbunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

46

Fit-tieni lok, il-Gvern Pollakk jenfasizza li l-kawżi prinċipali jaqgħu taħt id-dritt kriminali u taħt il-proċedura kriminali, jiġifieri oqsma li ma humiex armonizzati mid-dritt tal-Unjoni. Ir-rabta mad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju qiegħda tipprova tistabbilixxi u li tirriżulta, fil-fehma tagħha, mill-fatt li hija mitluba teżamina kawżi kriminali, li kull persuna akkużata għandu jkollha d-drittijiet tad-difiża tagħha rrispettati u li dawn huma wkoll protetti skont id-Direttiva 2016/343, ma hijiex reali biżżejjed sabiex tippermetti li jitqies li risposta għal din id-domanda hija neċessarja sabiex jiġu riżolti l-kawżi mressqa quddiemha.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, saħansitra qabel ma l-kawżi prinċipali jiġu eżaminati fil-mertu, jekk ir-regoli nazzjonali li abbażi tagħhom imħallef ikkollokat jagħmel parti mill-kulleġġ ġudikanti li jintalab jieħu konjizzjoni ta’ dawn il-kawżi humiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin.

48

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġa’ enfasizzat li risposta għal domandi preliminari tista’ tkun neċessarja sabiex il-qrati tar-rinviju jingħataw interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermettilhom jaqtgħu kwistjonijiet proċedurali tad-dritt nazzjonali qabel ma jkunu jistgħu jiddeċiedu fuq il-mertu tal-kawżi mressqa quddiemhom. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fil-każ ineżami, l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-effetti tagħhom, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-supremazija marbuta ma’ dan id-dritt, fuq ir-regolarità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti li quddiemhom tressqu l-kawżi prinċipali. Għaldaqstant, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tirriżulta neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ taqta’ kwistjoni li qamet in limine litis, qabel ma l-kulleġġ ġudikanti jiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawżi prinċipali.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oġġezzjoni tal-Gvern Pollakk għandha tiġi miċħuda.

51

Fit-tielet lok, il-Gvern Pollakk isostni li d-domanda preliminari hija ta’ natura ipotetika, sa fejn ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda’ ma jista jkollha ebda effett fuq it-tkomplija tal-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fuq livell proċedurali, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni dwar id-delegazzjoni tal-imħallfin imorru kontra d-dritt tal-Unjoni, ikun impossibbli għall-presidenta tal-kulleġġ ġudikanti li tapplika tali interpretazzjoni, peress li hija ma tkunx tista’ ċċaħħad membru ieħor tal-imsemmi kulleġġ ġudikanti mid-dritt li jagħti deċiżjoni, inkluż fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Sussegwentement, fil-punt 36 tas-sentenza preżenti tfakkar li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, l-Istati Membri huma obbligati, b’mod partikolari waqt ir-redazzjoni ta’ regoli nazzjonali dwar il-kollokament tal-imħallfin għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji f’qorti oħra jew anki dwar l-istħarriġ tar-regolarità tal-kulleġġ ġudikanti, li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mill-Gvern Pollakk jirrigwardaw, essenzjalment, il-portata u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tal-ewwel domanda, kif ukoll l-effetti li jistgħu jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-supremazija marbuta ma’ dan id-dritt. Tali argumenti, li jikkonċernaw il-mertu tad-domanda magħmula, ma jistgħux għalhekk, min-natura tagħhom stess, iwasslu għal inammissibbiltà ta’ din id-domanda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Gvern Pollakk, il-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin u l-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja jsostnu li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma jinkludux l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, f’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju la ddefinixxiet is-suġġett tal-kawżi prinċipali u lanqas il-fatti rilevanti, kif ukoll lanqas ma esponiet, anki jekk fil-qosor, l-informazzjoni fattwali li fuqha huma bbażati d-domandi preliminari.

56

Barra minn hekk, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma humiex suffiċjentement motivati f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom qiegħda tintalab l-interpretazzjoni u l-prova tal-eżistenza ta’ rabta bejn l-imsemmija dispożizzjonijiet u r-regoli nazzjonali applikabbli fil-proċeduri prinċipali. Il-qorti tar-rinviju sempliċement iċċitat dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u esponiet fil-qosor l-interpretazzjoni ta’ wħud minnhom, mingħajr ma eżaminat la l-interdipendenza tagħhom u lanqas ir-rilevanza tad-diversi regoli li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali.

57

F’dan ir-rigward, mill-elementi msemmija fil-punti 5 sa 14 u 16 sa 19 tas-sentenza preżenti jirriżulta li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari, kif ippreċiżati mill-qorti tar-rinviju fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, jinkludu l-informazzjoni kollha neċessarja, b’mod partikolari l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw fil-każ ineżami, ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 39 tas-sentenza preżenti kif ukoll ir-rabtiet stabbiliti minn din il-qorti bejn l-imsemmija dispożizzjonijiet u r-regoli nazzjonali invokati, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni tagħti deċiżjoni dwar l-ewwel domanda.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda magħmula hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

59

L-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja r-responsabbiltà li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet f’kawża jisiltu minn dan id-dritt (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 108 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Fid-dawl ta’ dan u hekk kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li tiżgura lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 109 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih jagħmel riferiment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 u li huwa issa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 110 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tirreferi għal “oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l‑Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 111 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu b’mod partikolari jiżgura li l-istanzi, bħal “qrati jew tribunali” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, li jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u li jistgħu, għaldaqstant, jagħtu deċiżjoni, f’din il-kapaċità, dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Fil-każ ineżami, huwa stabbilit li l-qrati ordinarji Pollakki, li fosthom jinsabu l-qrati reġjonali, bħas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), jistgħu jintalbu jagħtu deċiżjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li huma jagħmlu parti, bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, mis-sistema Pollakka ta’ rimedji fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li huma għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Sabiex jiġi żgurat li tali qrati jkunu jistgħu jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva hekk meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-ħarsien tal-indipendenza tagħhom huwa primordjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Hekk kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament, dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u mill-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tar-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għat-tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu l-esklużjoni ta’ kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 109 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68

B’mod partikolari, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li huwa karatteristika tal-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha b’mod partikolari tiġi żgurata fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u dak eżekuttiv (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-imħallfin ikunu protetti kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-imħallfin u għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ta’ mħallef għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretti li jistgħu jindirizzaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u għalhekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema ‑ Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Fil-każ ineżami, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-possibbiltà tal-Ministru għall-Ġustizzja ta’ Stat Membru, minn naħa, fuq il-bażi ta’ kriterji li ma jsirux pubbliċi, li jikkolloka mħallef fi ħdan qorti kriminali oħra għal żmien determinat jew indeterminat u, min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe waqt u permezz ta’ deċiżjoni li ma tkunx motivata, li jirrevoka dan il-kollokament, indipendentement miż-żmien determinat jew indeterminat tal-imsemmi kollokament.

71

F’dan ir-rigward, hekk kif tfakkar fil-punt 67 tas-sentenza preżenti, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa, skont id-dritt tal-Unjoni, min-naħa tal-qrati li jistgħu jagħtu deċiżjoni dwar l-applikabbiltà jew l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli li jirregolaw il-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-tul tal-funzjonijiet kif ukoll il-kawżi għat-tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu l-esklużjoni ta’ kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha. Issa, tali regoli jinkludu neċessarjament dawk li jikkonċernaw il-kollokament tal-imħallfin, peress li, bħalma huwa l-każ tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 77 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-imsemmija regoli jistgħu jaffettwaw kemm il-kompożizzjoni tal-istanza li jkollha tieħu konjizzjoni tal-kawża kif ukoll it-tul tal-funzjonijiet tal-imħallfin hekk ikkollokati u li dawn jipprevedu l-possibbiltà li jiġi rrevokat il-kollokament ta’ membru wieħed tagħha jew ta’ iktar.

72

Huwa ċertament minnu li l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għal sistema li permezz tagħha l-imħallfin jistgħu, fl-interess tas-servizz, jiġu kkollokati temporanjament minn qorti għal oħra (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 25 ta’ Ottubru 2011, Richert vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2011:1025JUD005480907, punt 44, u tal‑20 ta’ Marzu 2012, Dryzek vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2012:0320DEC001228509, punt 49).

73

Madankollu, l-osservanza tar-rekwiżit ta’ indipendenza timponi li r-regoli li jirregolaw il-kollokament tal-imħallfin jagħtu l-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità neċessarji sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju li tali kollokament jintuża bħala għodda ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 198 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, fl-aħħar analiżi, tiddeċiedi, fid-dawl tal-prinċipji kollha mfakkra fil-punti 59 sa 73 tas-sentenza preżenti, u wara li tkun għamlet l-evalwazzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan, dwar jekk il-kundizzjonijiet kollha li fihom il-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jikkolloka mħallef fi ħdan qorti ta’ grad superjuri u jirrevoka dan il-kollokament, humiex ta’ natura li jwasslu għall-konklużjoni li, matul il-perijodu li matulu dawn l-imħallfin jiġu kkollokati, huma ma jibbenefikawx minn garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 131).

75

Fil-fatt, l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda sempliċement jawtorizzaha tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, billi tipprovdi mill-proċess li hija jkollha, b’mod partikolari, lill-qorti tar-rinviju, l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 132133 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-fatt li, skont l-Artikolu 77(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jikkolloka mħallef fi ħdan qorti oħra għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji jew ta’ kompiti amministrattivi biss bil-kunsens tiegħu jikkostitwixxi salvagwardja proċedurali importanti.

77

Madankollu, għal dak li jikkonċerna r-regoli Pollakki li jirregolaw il-kollokament tal-imħallfin u l-kundizzjonijiet stess li fihom imħallfin ġew ikkollokati fi ħdan is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), il-qorti tar-rinviju ssemmi sensiela ta’ elementi li, fil-fehma tagħha, jawtorizzaw lill-Ministru għall-Ġustizzja jinfluwenza lil dawn l-imħallfin b’tali mod li jistgħu jitqajmu dubji dwar l-indipendenza tagħhom.

78

Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif spjegat il-qorti tar-rinviju, il-kriterji applikati mill-Ministru għall-Ġustizzja għall-finijiet tal-kollokament tal-imħallfin ma humiex pubbliċi. Barra minn hekk, il-Ministru għall-Ġustizzja għandu s-setgħa li jtemm tali kollokamenti, f’kull mument, mingħajr ma l-kriterji li eventwalment jirregolaw din is-setgħa jkunu magħrufa u mingħajr ma tali deċiżjoni tkun motivata.

79

Issa, sabiex jiġu evitati l-arbitrarjetà u r-riskju ta’ manipulazzjoni, id-deċiżjoni dwar il-kollokament ta’ qorti u d-deċiżjoni li ttemm dan il-kollokament, b’mod partikolari meta jkun involut kollokament fi ħdan qorti ta’ grad superjuri, għandhom jittieħdu abbażi ta’ kriterji magħrufa minn qabel u jkunu debitament motivati.

80

Fit-tieni lok, mill-Artikolu 77(4) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jirriżulta li l-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jirrevoka l-kollokament ta’ mħallef, indipendentement minn jekk kienx għal żmien determinat jew indeterminat, u li, fil-każ partikolari fejn l-imħallef ikun ġie kkollokat għal żmien determinat, ir-revoka tista’ anki sseħħ mingħajr avviż minn qabel. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Ministru għall-Ġustizzja jiddeċiedi li jirrevoka l-kollokament ta’ mħallef ikkollokat fi kwalunkwe mument. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprevedix kundizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw ir-revoka tal-kollokament.

81

Għaldaqstant, il-possibbiltà li għandu l-Ministru għall-Ġustizzja li jirrevoka f’kull mument il-kollokament ta’ mħallef, b’mod partikolari fil-każ ta’ kollokament fi ħdan qorti ta’ grad superjuri, tista’ tagħti lill-partijiet fil-kawża l-impressjoni li l-evalwazzjoni tal-imħallef ikkollokat li jkun ser jieħu konjizzjoni tal-każ tagħha jiġi influwenzat mill-ħsieb li l-kollokament jiġi rrevokat.

82

Barra minn hekk, din il-possibbiltà li l-kollokament ta’ mħallef jiġi rrevokat f’kull mument u mingħajr raġuni magħrufa pubblikament tista’ wkoll toħloq fi ħdan l-imħallef ikkollokat is-sens li għandu jissodisfa l-aspettattivi tal-Ministru għall-Ġustizzja, ħaġa li tista’ tnissel fl-imħallfin innifishom l-impressjoni li huma “subordinati” għall-Ministru għall-Ġustizzja, b’mod inkompatibbli mal-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin.

83

Fl-aħħar nett, peress li r-revoka tal-kollokament ta’ mħallef mingħajr il-kunsens tiegħu tista’ jkollha effetti, għal dan tal-aħħar, analogi għal dawk ta’ sanzjoni dixxiplinari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi li s-sistema applikabbli għal tali miżura jkollha l-garanziji kollha neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li tali sistema tintuża bħala strument ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, ħaġa li tippreżupponi b’mod partikolari li l-imsemmija miżura tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti, konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 115118).

84

Fit-tielet lok, filwaqt li l-Ministru għall-Ġustizzja jista’, hekk kif tfakkar fil-punt 80 tas-sentenza preżenti, billi jirrevoka l-kollokament ta’ mħallef, jieħu deċiżjoni li jkollha effett fuq il-kompożizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti, dan l-istess ministru għandu barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(2) tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-funzjoni ta’ Prosekutur Ġenerali u għandu, f’din il-kapaċità, skont l-Artikolu 13(2) ta’ din il-liġi, awtorità fuq, b’mod partikolari, il-prosekuturi tad-Diviżjoni Ordinarja. Għaldaqstant, il-Ministru għall-Ġustizzja għandu, f’kawża kriminali partikolari, setgħa kemm fuq il-prosekutur tad-Diviżjoni Ordinarja kif ukoll fuq l-imħallfin ikkollokati, ħaġa li hija tali li tista’ tqajjem dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża fir-rigward tal-imparzjalità tal-imsemmija mħallfin ikkollokati meta huma jagħtu deċiżjoni f’tali kawża.

85

Fir-raba’ lok, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li mħallfin ikkollokati f’kulleġġi ġudikanti mitluba jagħtu deċiżjoni fil-kawżi prinċipali għandhom jeżerċitaw b’mod simultanju l-funzjonijiet, li huma kienu jeżerċitaw qabel il-kollokament tagħhom, ta’ assistenti tal-Uffiċjal Dixxiplinari, fejn dan tal-aħħar huwa l-korp inkarigat sabiex jinvestiga, jekk ikun il-każ taħt l-awtorità tal-Ministru għall-Ġustizzja, il-proċeduri dixxiplinari li jkunu jistgħu jinbdew kontra l-imħallfin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 233).

86

Issa, kif irrileva wkoll essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 190 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kumulu fi ħdan l-istess persuna tal-funzjonijiet ta’ mħallef ikkollokat u dawk ta’ assistent tal-Uffiċjal Dixxiplinari f’kuntest fejn, skont l-Artikolu 112 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-assistenti tal-Uffiċjal Dixxiplinari jinħatru wkoll mill-Ministru għall-Ġustizzja, huwa ta’ natura li jqajjem dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-membri l-oħra tal-kulleġġ ġudikanti kkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 67 u 68 tas-sentenza preżenti, peress li dawn il-membri jistgħu jaħsbu li l-imħallef ikkollokat jipparteċipa fi proċeduri dixxiplinari fil-konfront tagħhom.

87

Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li, meqjusa flimkien, iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 76 sa 86 tas-sentenza preżenti huma, bla ħsara għall-evalwazzjonijiet finali li għandhom isiru, f’dan ir-rigward, mill-qorti tar-rinviju, ta’ natura li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li l-Ministru għall-Ġustizzja, li huwa wkoll il-Prosekutur Ġenerali, għandu, abbażi ta’ kriterji li ma humiex uffiċjalment magħrufa, is-setgħa li jikkolloka imħallfin fi ħdan qrati ta’ grad superjuri kif ukoll li jtemm il-kollokament tagħhom, f’kull mument, u mingħajr ma jimmotiva din id-deċiżjoni, bl-effett li, matul il-perijodu li dawn l-imħallfin ikunu kkollokati, huma ma jibbenefikawx minn garanziji u mill-indipendenza li minnhom normalment l-imħallfin kollha għandhom jibbenefikaw fi Stat tad-dritt. Tali setgħa ma tistax titqies li hija kompatibbli mal-obbligu li jiġi osservat ir-rekwiżit ta’ indipendenza, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 tas-sentenza preżenti.

88

Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-preżunzjoni tal-innoċenza, li għaliha jagħmlu riferiment il-premessa 22 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343, imsemmija wkoll fl-ewwel domanda preliminari, din tippreżumi li l-imħallef ikun ħieles minn kull parzjalità a priori meta jeżamina r-responsabbiltà kriminali tal-akkużat. L-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin huma għaldaqstant kundizzjonijiet essenzjali sabiex il-preżunzjoni ta’ innoċenza tiġi ggarantita.

89

Issa, fil-każ ineżami, jidher li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deskritti fil-punt 87 tas-sentenza preżenti, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin u, konsegwentement, il-preżunzjoni ta’ innoċenza jistgħu jiġu kompromessi.

90

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE, kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu li l-Ministru għall-Ġustizzja ta’ Stat Membru jkun jista’, abbażi ta’ kriterji li ma humiex pubbliċi, minn naħa, jikkolloka mħallef fi ħdan qorti kriminali ta’ grad superjuri għal żmien determinat jew indeterminat u, min-naħa l-oħra, f’kull mument u permezz ta’ deċiżjoni li ma tkunx motivata, jirrevoka dan il-kollokament indipendentement minn jekk l-imsemmi kollokament ikunx għal żmien determinat jew indeterminat.

Fuq it-tieni sar-raba’ domanda

91

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li fosthom hemm l-indipendenza tal-ġustizzja, kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-preżunzjoni ta’ innoċenza jinkisrux minħabba l-fatt li, fil-każ li s-sentenzi li għandhom jingħataw fil-kawżi prinċipali jkunu s-suġġett ta’ appelli quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), dawn l-appelli jistgħu jiġu assenjati lil imħallef maħtur fuq proposta tal-KRS. Permezz tat-tielet domanda tagħha, hija essenzjalment tistaqsi dwar l-effetti legali ta’ dawn is-sentenzi li għandhom jingħataw fil-każ li jiġu adottati minn kulleġġ ġudikanti li minnu jagħmlu parti mħallef jew diversi mħallfin ikkollokati mill-Ministru għall-Ġustizzja u, fil-każ ta’ appell, dwar l-effetti legali ta’ deċiżjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) adottata bil-parteċipazzjoni ta’ mħallef maħtur fuq proposta tal-KRS. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-fatt li l-qorti kkonċernata tkun iddeċidiet b’mod favorevoli jew sfavorevoli għall-persuna akkużata jistax ikollu influwenza fuq ir-risposta għat-tielet domanda.

92

Peress li l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi hija kkontestata mill-Gvern Pollakk, mill-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin, mill-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja u mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

93

Fil-każ ineżami, it-tieni sar-raba’ domanda magħmula huma purament ipotetiċi sa fejn jippreżupponu li ser jitressaq quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) appell mis-sentenzi li għandhom jingħataw fil-kawżi prinċipali. Barra minn hekk, sa fejn it-tielet u r-raba’ domanda jirrigwardaw l-effetti legali ta’ dawn l-aħħar sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għal dawn id-domandi, peress li l-qorti tar-rinviju naqset milli tippreċiża l-eventwali rilevanza ta’ tali risposta għad-deċiżjonijiet li għandha tieħu fil-kawżi prinċipali.

94

Minn dan isegwi li t-tieni sar-raba’ domanda preliminari huma inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

95

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE, kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu li l-Ministru għall-Ġustizzja ta’ Stat Membru jkun jista’, abbażi ta’ kriterji li ma humiex pubbliċi, minn naħa, jikkolloka mħallef fi ħdan qorti kriminali ta’ grad superjuri għal żmien determinat jew indeterminat u, min-naħa l-oħra, f’kull mument u permezz ta’ deċiżjoni li ma tkunx motivata, jirrevoka dan il-kollokament indipendentement minn jekk l-imsemmi kollokament ikunx għal żmien determinat jew indeterminat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Fuq