Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0570

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-2 ta’ Settembru 2021.
    Irish Ferries Ltd vs National Transport Authority.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (L-Irlanda).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport marittimu – Drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar jew permezz ta’ navigazzjoni interna – Regolament (UE) Nru°1177/2010 – Artikoli 18 u 19, Artikolu 20(4) u Artikoli 24 u 25 – Kanċellazzjoni tas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri – Provvista tardiva ta’ vapur lit-trasportatur – Notifika qabel id-data ta’ tluq prevista inizjalment – Konsegwenzi – Dritt għal rotta alternattiva – Modalitajiet – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż addizzjonali – Dritt għall-kumpens – Kalkolu – Kunċett ta’ prezz tal-biljett – Organu nazzjonali inkarigat mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 – Kompetenza – Kunċett ta’ lment – Evalwazzjoni tal-validità – Artikoli 16, 17, 20 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament.
    Kawża C-570/19.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:664

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

    Werrej

     

    Il-kuntest ġuridiku

     

    Id-dritt tal-Unjoni

     

    Ir‑Regolament (UE) Nru 1177/2010

     

    Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004

     

    Id-dritt Irlandiż

     

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

     

    Fuq id-domandi preliminari

     

    Fuq l-ewwel domanda

     

    Fuq it-tielet domanda

     

    Fuq it-tieni u r-raba’ domanda kif ukoll fuq il-punt (a) tal-ħames domanda

     

    Fuq il-punt (b) tat-tieni domanda

     

    Fuq is-sitt domanda

     

    Fuq is-seba’ domanda

     

    Fuq it-tmien domanda

     

    Fuq id-disa’ domanda

     

    Fuq l-għaxar domanda

     

    Fuq l-ispejjeż

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport marittimu – Drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar jew permezz ta’ navigazzjoni interna – Regolament (UE) Nru°1177/2010 – Artikoli 18 u 19, Artikolu 20(4) u Artikoli 24 u 25 – Kanċellazzjoni tas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri – Provvista tardiva ta’ vapur lit-trasportatur – Notifika qabel id-data ta’ tluq prevista inizjalment – Konsegwenzi – Dritt għal rotta alternattiva – Modalitajiet – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż addizzjonali – Dritt għall-kumpens – Kalkolu – Kunċett ta’ prezz tal-biljett – Organu nazzjonali inkarigat mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 – Kompetenza – Kunċett ta’ lment – Evalwazzjoni tal-validità – Artikoli 16, 17, 20 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament”

    Fil-Kawża C‑570/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

    Irish Ferries Ltd

    vs

    National Transport Authority,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby (Relatur), S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2020,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Irish Ferries Ltd, minn V. Power, T. O’Donnell u B. McGrath kif ukoll minn E. Roberts, solicitors, C. Donnelly u P. Sreenan, SC,

    għal National Transport Authority, minn M. Collins u D. McGrath, SC, S. Murray, BL, M. Doyle u K. Quigley kif ukoll minn E. O’Hanrahan, solicitors,

    għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge u J. Quaney kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn P. McGarry, SC, u M. Finan, BL,

    għall-Parlament Ewropew, minn L. G. Knudsen u A. Tamás, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn O. Segnana u R. Meyer, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Yerrell u L. Armati kif ukoll minn S. L. Kalėda, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Marzu 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 19, tal-Artikolu 20(4) u tal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2010, L 334, p. 1), kif ukoll il-validità ta’ dan ir-regolament.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Irish Ferries Ltd u n-National Transport Authority (l-Awtorità Nazzjonali tat-Trasport, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tat-Trasport Irlandiża”), dwar il-kundizzjonijiet għal kumpens tal-passiġġieri kkonċernati mill-kanċellazzjoni tat-traġitti bejn Dublin (l-Irlanda) u Cherbourg (Franza).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir‑Regolament (UE) Nru 1177/2010

    3

    Il-premessi 1, 2, 3, 12 sa 15, 17 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 jipprovdu:

    “(1)

    L-azzjoni mill-Unjoni fil-qasam tat-trasport bil-baħar u minn passaġġi fuq l-ilma interni għandha timmira, fost l-oħrajn, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri li jkun komparabbli mal-modalitajiet l-oħra tat-trasport. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

    (2)

    Ladarba l-passiġġier fuq il-baħar u f’passaġġi fuq l-ilma interni huwa l-aktar parti dgħajfa taħt kuntratt tat-trasport, il-passiġġieri kollha għandhom jingħataw livell minimu ta’ protezzjoni. Xejn m’għandu jostakola lit-trasportaturi milli joffru kondizzjonijiet kuntrattwali aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-kondizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament. Fl-istess ħin, l-għan ta’ dan ir-Regolament mhux li jindaħal fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn in-negozji rigward it-trasport tal-merkanzija. B’mod partikolari, ftehimiet bejn kumpanija tat-trasport bit-trakkijiet u trasportatur m’għandhomx jitqiesu bħal kuntratti ta’ trasport għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għaldaqstant m’għandhomx jagħtu lill-kumpanija tat-trasport bit-trakkijiet jew lill-impjegati tagħha d-dritt għal kumpens taħt dan ir-Regolament fil-każ ta’ ttardjar.

    (3)

    Il-protezzjoni tal-passiġġieri għandha tkopri mhux biss is-servizzi tal-passiġġieri bejn portijiet li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri, iżda wkoll servizzi tal-passiġġieri bejn tali portijiet u portijiet li jinsabu barra t-territorju tal-Istati Membri, filwaqt li jitqies ir-riskju tat-tfixkil ta’ kompetizzjoni fis-suq tat-trasport tal-passiġġieri. Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘trasportatur tal-Unjoni’ għandu jkun interpretat b’mod wiesa’ kemm jista’ jkun, iżda mingħajr ma jaffetwa atti legali oħra tal-Unjoni, bħar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4056/86 tat‑22 ta’ Diċembru 1986 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 241] u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10].

    [...]

    (12)

    Il-passiġġieri għandhom jiġu infurmati b’mod adegwat fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ittardjar ta’ kwalunkwe servizz tal-passiġġieri jew kruċiera. Din l-informazzjoni għandha tgħin lill-passiġġieri biex jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa u jekk meħtieġ biex jiksbu informazzjoni dwar konnessjonijiet alternattivi.

    (13)

    L-inkonvenjenza li jgħaddu minnha l-passiġġieri minħabba l-kanċellazzjoni jew l-ittardjar fit-tul tal-vjaġġ tagħhom għandha titnaqqas. Għal dan il-għan għandu jittieħed ħsieb il-passiġġieri kif jistħoqq u għandhom ikunu jistgħu jikkanċellaw il-vjaġġ tagħhom u jiġu rimborżati tal-biljetti jew tinbidlilhom ir-rotta b’kondizzjonijiet sodisfaċenti. Akkomodazzjoni xierqa għall-passiġġieri mhijiex partikolarment meħtieġa li tkun tikkonsisti fi kmamar f’lukanda iżda tista’ wkoll tkun fi kwalunkwe akkomodazzjoni xierqa oħra li tkun disponibbli, skont, b’mod partikolari, iċ-ċirkostanzi relatati ma’ kull sitwazzjoni speċifika, il-vetturi tal-passiġġieri u l-karatteristiċi tal-vapur. F’dan ir-rigward u f’każijiet ġustifikati kif jistħoqq ta’ ċirkostanzi straordinarji u urġenti, it-trasportaturi għandhom ikunu jistgħu jgawdu b’mod sħiħ mill-faċilitajiet relevanti disponibbli, b’koperazzjoni mal-awtoritajiet ċivili.

    (14)

    It-trasportaturi għandhom jipprovdu għall-ħlas ta’ kumpens lill-passiġġieri f’każ ta’ kanċellazzjoni jew ittardjar ta’ servizz tal-passiġġieri abbażi ta’ perċentwali tal-prezz tal-biljett, minbarra meta l-kanċellazzjoni jew l-ittardjar iseħħu minħabba kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operazzjoni sikura tal-vapur jew minħabba ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk ittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

    (15)

    Skont il-prinċipji ġeneralment aċċettati, it-trasportaturi għandhom ikollhom l-oneru tal-prova rigward il-fatt li l-kanċellazzjoni jew l-ittardjar kienu kkawżati mit-tali kondizzjonijiet tat-temp jew ċirkostanzi straordinarji.

    [...]

    (17)

    Ċirkostanzi straordinarji għandhom jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal, diżastri naturali bħal niriem u terremoti, attakki terroristiċi, gwerer u konflitti armati militari jew ċivili, irvellijiet, konfiska militari jew illegali, konflitti tax-xogħol, żbarkar ta’ kwalunkwe persuna marida, feruta jew mejta, operazzjonijiet ta’ tiftix jew salvataġġ fuq il-baħar jew f’passaġġi fuq l-ilma interni, miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-ambjent, deċiżjonijiet meħudin minn korpi tal-ġestjoni tat-traffiku jew minn awtoritajiet tal-port, jew deċiżjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ordni u s-sigurtà pubblika kif ukoll biex ikopru ħtiġijiet urġenti tat-trasport.

    [...]

    (19)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà ddeċidiet li l-problemi li jwasslu għal kanċellazzjonijiet jew ittardjar jistgħu jkunu koperti mill-kunċett ta’ ċirkostanzi straordinarji biss sa fejn jirriżultaw minn avvenimenti li mhumiex inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur ikkonċernat u ma jkunux jaqgħu fl-ambitu tal-kontroll effettiv tiegħu. Għandu jiġi nnutat jekk il-kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operat tal-vapur ikunux tabilħaqq lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur.”

    4

    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1177/2010, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fir-rigward ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw:

    (a)

    fuq servizzi tal-passiġġieri fejn il-port tal-imbark jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru;

    (b)

    fuq servizzi tal-passiġġieri fejn il-port tal-imbark jinsab barra t-territorju ta’ Stat Membru u l-port tal-iżbark jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm is-servizz ikun operat minn trasportatur tal-Unjoni kif definit fl-Artikolu 3(e);

    (c)

    fuq kruċiera fejn il-port tal-imbark jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Madankollu, l-Artikoli 16(2), 18, 19 u 20(1) u (4) m’għandhomx japplikaw għal dawk il-passiġġieri.

    2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika fir-rigward ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw:

    (a)

    fuq vapuri ċċertifikati biex iġorru sa 12-il passiġġier;

    (b)

    fuq vapuri li jkollhom ekwipaġġ responsabbli għall-operat tal-vapur magħmul minn mhux aktar minn tliet persuni jew fejn id-distanza tas-servizz globali tal-passiġġieri tkun inqas minn 500 metru, f’direzzjoni waħda;

    (c)

    fuq eskursjonijiet u tours turistiċi apparti l-kruċieri; jew

    (d)

    fuq vapuri li ma jimxux b’mezzi mekkaniċi kif ukoll vapuri tal-passiġġieri storiċi, oriġinali jew repliki individwali tagħhom, imfassla qabel l-1965, mibnija b’mod predominanti bil-materjali oriġinali, ċertifikati li jġorru sa 36 passiġġier.

    3.   L-Istati Membri jistgħu, għal perijodu ta’ sentejn mit‑18 ta’ Diċembru 2012, jeżentaw vapuri tat-tbaħħir ta’ inqas minn 300 tunnellata grossa mħaddmin fit-trasport domestiku mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sakemm id-drittijiet tal-passiġġieri skont dan ir-Regolament ikunu żgurati b’mod adegwat skont il-liġi nazzjonali.

    4.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament servizzi tal-passiġġieri koperti mill-obbligi tas-servizz pubbliku, kuntratti tas-servizz pubbliku jew servizzi integrati, sakemm id-drittijiet tal-passiġġieri skont dan ir-Regolament ikunu ggarantiti b’mod kumparabbli skont il-liġi nazzjonali.

    [...]”

    5

    L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “[...]

    (f)

    ‘servizz tal-passiġġieri’ tfisser servizz tat-trasport tal-passiġġieri kummerċjali fuq il-baħar jew f’passaġġi fuq l-ilma interni mħaddem skont skeda pubblikata;

    [...]

    (m)

    ‘kuntratt ta’ trasport’ tfisser kuntratt ta’ ġarr bejn trasportatur u passiġġier għall-forniment ta’ servizz wieħed jew aktar tal-passiġġieri jew kruċieri;

    (n)

    ‘biljett’ tfisser dokument validu jew evidenza oħra ta’ kuntratt ta’ trasport;

    [...]

    (r)

    ‘prenotazzjoni’ tfisser ibbukkjar ta’ tluq speċifiku ta’ servizz tal-passiġġieri jew kruċiera;

    [...]”

    6

    L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Biljetti u kondizzjonijiet nondiskriminatorji fil-kuntratt”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Mingħajr preġudizzju għat-tariffi soċjali, il-kondizzjonijiet tal-kuntratt u t-tariffi applikati minn trasportaturi jew bejjiegħa tal-biljetti għandhom jiġu offruti lill-pubbliku ġenerali mingħajr ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità tal-konsumatur finali jew fuq il-post tal-istabbiliment tat-trasportaturi jew tal-bejjiegħa tal-biljetti fl-Unjoni.”

    7

    Taħt il-Kapitolu II tal-istess regolament, intitolat “Drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà ridotta”, l-Artikolu 7 tiegħu, huwa stess intitolat “Dritt għat-trasport”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Il-prenotazzjonijiet u biljetti għandhom jiġu offruti lil persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa mingħajr spejjeż żejda u bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għall-passiġġieri l-oħra kollha.”

    8

    Taħt il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1177/2010, intitolat “Obbligi tat-trasportaturi u tal-operaturi tat-terminali fil-każ ta’ vjaġġ interrott”, l-Artikolu 18 tiegħu, huwa stess intitolat “Bdil tar-rotta u rimborż fil-każ ta’ tluq ikkanċellat jew tluq tard”, jipprovdi:

    “1.   Fejn trasportatur ikun qiegħed raġonevolment jipprevedi li xi servizz tal-passiġġieri jkun ser jiġi kkanċellat jew ittardjat fit-tluq minn terminal ta’ port għal aktar minn 90 minuta, il-passiġġier għandu immedjatament jiġi offrut l-għażla bejn:

    (a)

    il-bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali, taħt kondizzjonijiet komparabbli, kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, mal-ewwel opportunità u mingħajr ebda spiża addizzjonali;

    (b)

    ir-rimborż tal-prezz tal-biljett u, fejn rilevanti, servizz ta’ ritorn mingħajr ħlas lejn l-ewwel punt tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, mal-ewwel opportunità.

    2.   Meta servizz tal-passiġġieri jiġi kkanċellat jew jittardja fit-tluq minn port għal aktar minn 90 minuta, il-passiġġieri għandhom ikollhom id-dritt għal tali bdil tar-rotta jew rimborż tal-prezz tal-biljett mit-trasportatur.

    3.   Il-ħlas tar-rimborż previst fil-paragrafi 1(b) u 2 għandu jsir fi żmien sebat ijiem, imħallas f’kontanti, permezz ta’ trasferiment bankarju elettroniku, ordnijiet bankarji jew ċekkijiet bankarji, tal-ħlas kollu tal-biljett għall-prezz li bih inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux, u għall-parti jew il-partijiet li diġà saru fejn il-vjaġġ ma jkunx għad fadallu skop fir-rigward tal-pjan oriġinali tal-vjaġġ tal-passiġġier. Fejn il-passiġġier ikun jaqbel, ir-rimborż totali tal-biljett jista’ jsir ukoll permezz ta’ vawċers u/jew servizzi oħrajn li jammontaw daqs il-prezz tax-xiri tiegħu, kemm-il darba l-kondizzjonijiet ikunu flessibbli, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-perjodu ta’ validità u d-destinazzjoni.”

    9

    L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, intitolat “Kumpens tal-prezz tal-biljett fil-każ ta’ ittardjar fil-wasla”, jipprovdi:

    “1.   Mingħajr ma jitilfu d-dritt għat-trasport, il-passiġġieri jistgħu jitolbu kumpens mingħand it-trasportatur jekk ikunu qed jiffaċċaw ittardjar fil-wasla fid-destinazzjoni finali kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport. Il-livelli minimi ta’ kumpens għandhom ikunu 25 % tal-prezz tal-biljett f’każ ta’ ittardjar ta’ għall-inqas:

    (a)

    siegħa fil-każ ta’ vjaġġ skedat sa erba’ sigħat;

    (b)

    sagħtejn fil-każ ta’ vjaġġ skedat ta’ aktar minn erba’ sigħat, iżda li ma jeċċedix tmien sigħat;

    (c)

    tliet sigħat fil-każ ta’ vjaġġ skedat ta’ aktar minn tmien sigħat, iżda li ma jeċċedix l-24 siegħa; or [jew]

    (d)

    sitt sigħat fil-każ ta’ vjaġġ skedat ta’ aktar minn 24 siegħa.

    Jekk l-ittardjar jeċċedi d-doppju tal-ħin stabbilit fil-punti (a) sa (d), il-kumpens għandu jkun 50 % tal-prezz tal-biljett.

    2.   Il-passiġġieri li jkollhom pass tal-ivvjaġġar jew biljett staġunali u li jiffaċċaw ittardjar rikorrenti fil-wasla matul il-perijodu ta’ validità tagħhom jistgħu jitolbu kumpens adegwat skont l-arranġamenti ta’ kumpens tat-trasportatur. Dawn l-arranġamenti għandhom jistabbilixxu l-kriterji għad-determinazzjoni tal-ittardjar fil-wasla u għall-kalkolu tal-kumpens.

    3.   Il-kumpens għandu jkun ikkalkulat f’relazzjoni mal-prezz li l-passiġġier ikun fil-fatt ħallas għas-servizz ittardjat tal-passiġġieri.

    4.   Fejn it-trasport ikun għal vjaġġ bir-ritorn, il-kumpens għal ittardjar fil-wasla, kemm fil-vjaġġ tat-tluq kif ukoll tar-ritorn, għandu jkun ikkalkulat f’relazzjoni ma’ nofs il-prezz imħallas għat-trasport minn dak is-servizz tal-passiġġieri.

    5.   Il-kumpens għandu jitħallas fi żmien xahar wara li tkun tressqet it-talba għall-kumpens. Il-kumpens jista’ jitħallas b’vawċers u/jew servizzi oħra, kemm-il darba l-kundizzjonijiet ikunu flessibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodu tal-validità u d-destinazzjoni. Il-kumpens għandu jitħallas fi flus fuq talba tal-passiġġier.

    6.   Il-kumpens tal-prezz tal-biljett m’għandux jitnaqqas permezz ta’ spejjeż ta’ transazzjonijiet finanzjarji bħal miżati, spejjeż tat-telefon jew bolol. It-trasportaturi jistgħu jintroduċu livell minimu li taħtu ma jsirux ħlasijiet ta’ kumpens. Dan il-livell ma jistax ikun aktar minn EUR 6.”

    10

    L-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, intitolat “Eżenzjonijiet”, huwa redatt kif ġej:

    “1.   Ħlief għall-passiġġieri li jkollhom pass tal-ivvjaġġar jew biljett staġunali, l-Artikoli 17, 18 u 19 m’għandhomx japplikaw għal passiġġieri b’biljetti miftuħin, sakemm il-ħin tat-tluq ma jkunx speċifikat.

    2.   L-Artikoli 17 u 19 m’għandhomx japplikaw jekk il-passiġġier ikun informat bil-kanċellazzjoni jew bl-ittardjar qabel ix-xiri tal-biljett jew jekk il-kanċellazzjoni jew l-ittardjar ikun minħabba t-tort tal-passiġġier.

    3.   L-Artikolu 17(2) m’għandux japplika meta t-trasportatur jista’ jagħti prova li l-kanċellazzjoni jew l-ittardjar jiġu kkawżati minn kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operazzjoni sigura tal-vapur.

    4.   L-Artikolu 19 m’għandux japplika fejn t-trasportatur jagħti prova li l-kanċellazzjoni jew l-ittardjar jiġu kkawżati minn kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operazzjoni sigura tal-vapur jew minn ċirkostanzi eċċezzjonali li jfixklu t-twettiq tas-servizz tal-passiġġieri li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli.”

    11

    Fil-Kapitolu IV tal-istess regolament, intitolat “Regoli ġenerali dwar l-informazzjoni u l-ilmenti”, l-Artikolu 24 tiegħu, huwa stess intitolat “Ilmenti”, jipprovdi:

    “1.   It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom jistabbilixxu jew ikollhom fis-seħħ mekkaniżmu aċċessibbli għat-trattament tal-ilmenti għad-drittijiet u l-obbligi koperti minn dan ir-Regolament.

    2.   Fejn passiġġier kopert minn dan ir-Regolament ikun irid iressaq ilment lit-trasportatur jew lill-operatur tat-terminali, għandu jagħmel dan fi żmien xahrejn mid-data li fiha twettaq is-servizz jew meta servizz kellu jitwettaq. Fi żmien xahar minn meta jirċievi l-ilment, it-trasportatur jew operatur tat-terminali għandu jinnotifika lill-passiġġier li l-ilment tiegħu ġie sostanzjat, miċħud jew għadu qed jiġi kkunsidrat. Iż-żmien li jittieħed biex tingħata t-tweġiba finali m’għandux ikun itwal minn xahrejn minn meta jiġi riċevut ilment.”

    12

    L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1177/2010, intitolat “Korpi nazzjonali tal-infurzar”, li jinsab fil-Kapitolu V tiegħu, intitolat “Infurzar u l-korpi nazzjonali tal-infurzar”, jipprovdi:

    “1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew korpi ġodda jew eżistenti responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri u l-kruċieri minn portijiet li jinsabu fit-territorju tiegħu u servizzi tal-passiġġieri minn pajjiż terz għal tali portijiet. Kull korp għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

    Kull entità għandha, fl-organizzazzjoni, fid-deċiżjonijet ta’ finanzjament, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, tkun indipendenti mill-interessi kummerċjali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-korp jew il-korpi maħtura skont dan l-Artikolu.

    3.   Kwalunkwe passiġġier jista’ jressaq ilment, skont il-liġi nazzjonali, lill-korp kompetenti maħtur skont il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe korp adatt ieħor maħtur minn Stat Membru, dwar ksur allegat ta’ dan ir-Regolament. Il-korp kompetenti għandu jipprovdi lill-passiġġieri b’risposta ssostanzjata għall-ilment taħghom f’perjodu taz-zmien raġonevoli.

    Stat Membru jista’ jiddeċiedi:

    (a)

    li l-passiġġier bħala l-ewwel pass għandu jippreżenta l-ilment kopert minn dan ir-Regolament għat-trasportatur jew għall-operatur tat-terminal; u/jew

    (b)

    li l-korp nazzjonali ta’ infurzar jew kwalunkwe korp adatt ieħor maħtur mill-Istat Membru għandu jaġixxi bħala korp tal-appell għall-ilmenti li mhumiex riżolti taħt l-Artikolu 24.

    L-Istati Membri li jkunu għażlu li jeżentaw ċerti servizzi skont l-Artikolu 2(4) għandhom jiżguraw li jkun hemm mekkaniżmu komparabbli tal-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri.”

    Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004

    13

    Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10), jinkludi l-Artikolu 5, intitolat “Kanċellazzjoni”, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

    “Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

    [...]

    (ċ)

    jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm]:

    i)

    huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

    ii)

    huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

    iii)

    huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.”

    Id-dritt Irlandiż

    14

    Il-European Union (Rights of Passengers when Travelling by Sea and Inland Waterway) Regulations 2012 (ir-Regolament tal-2012 dwar l-Unjoni Ewropea (Drittijiet ta’ Passiġġieri meta Jivvjaġġaw bil-Baħar jew Permezz ta’ Navigazzjoni Interna)) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2012”), adottat fl‑10 ta’ Ottubru 2012, jiddenomina, fl-Artikolu 3 tiegħu, l-Awtorità Irlandiża tat-Trasport bħala organu inkarigat mill-applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1177/2010.

    15

    Konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-2012, l-Awtorità Irlandiża tat-Trasport tista’, ex officio jew wara lment imressaq minn passiġġier, jekk hija tqis li fornitur ma josservax ir-Regolament Nru 1177/2010, tindirizza lil dan il-fornitur “notifika li tippreċiża l-inadempjenza jew il-ksur inkwistjoni, li tobbliga lil dan tal-aħħar jieħu l-miżuri speċifikati fin-notifika, fl-imsemmi terminu, sabiex jikkonforma ruħu ma’ din in-notifika”.

    16

    L-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-2012 jipprevedi li, fil-każijiet fejn notifika hija indirizzata skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, fornitur jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Awtorità Irlandiża tat-Trasport fi żmien 21 jum. Din l-awtorità teżamina dawn l-osservazzjonijiet u tikkonferma, temenda jew tirtira din in-notifika.

    17

    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-2012, fornitur li tkun ġiet indirizzata notifika lilu skont dan ir-regolament u li ma josservahiex iwettaq reat punibbli, fil-każ ta’ kundanna sommarja, b’multa ta’ EUR 5000, jew, fil-każ ta’ kundanna sussegwenti għall-akkuża, għal multa li ma teċċedix EUR 250000.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18

    Matul is-sena 2016, Irish Continental Group plc, il-kumpannija omm ta’ Irish Ferries, ikkonkludiet kuntratt mal-kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż Flensburger Schiffbau‑Gesellschaft (iktar ’il quddiem it-“tarzna”) għall-kostruzzjoni ta’ vapur b’kunsinna skedata ta’ dan il-vapur iċċertifikat b’mod sħiħ għan-navigazzjoni iffisata għal mhux iktar tard mis‑26 ta’ Mejju 2018.

    19

    L-imsemmi bastiment kellu jidħol fis-servizz għall-istaġun tas-sajf tas-sena 2018 sabiex jiżgura rotot differenti, fosthom rotta ġdida kkostitwita min traġitti bir-ritorn kontinwi bejn Dublin u Cherbourg (iktar ’il quddiem ir-“rotta Dublin‑Cherbourg”).

    20

    Fid-dawl tat-tul tal-vjaġġ, madwar 18-il siegħa, Irish Ferries kienet ipprevediet li tuża dan il-vapur sabiex tiżgura r-rotta Dublin-Cherbourg darba kull jumejn alternattivament ma’ vapur ieħor li hija użat matul l-istaġun 2018 fuq rotot bejn Rosslare (l-Irlanda) u Cherbourg, u bejn Rosslare u Roscoff (Franza), u toffri b’hekk servizz ta’ kuljum bejn l-Irlanda u Franza, iżda bi tluq minn u destinazzjoni lejn portijiet differenti.

    21

    Fix-xahar ta’ Jannar 2017, it-tarzna informat oralment lil Irish Ferries li hija kienet qiegħda tipprevedi l-kunsinna tal-vapur inkwistjoni mhux iktar tard mit‑22 ta’ Ġunju 2018.

    22

    Fis‑27 ta’ Ottubru 2017, Irish Ferries fetħet ir-reġistrazzjoni ta’ prenotazzjonijiet għall-istaġun tas-sena 2018 peress li l-maġġoranza tal-passiġġieri jipprenotaw it-traġitti minn qabel. It-tarzna kkonfermat, fl‑1 ta’ Novembru 2017, li l-vapur inkwistjoni kien ser jiġi kkunsinnat fit‑22 ta’ Ġunju 2018 b’tali mod li dan ikun lest għall-ewwel traġitt previst fit‑12 ta’ Lulju 2018.

    23

    Madankollu, fit‑18 ta’ April 2018, it-tarzna informat lil Irish Ferries li l-vapur inkwistjoni ma kienx ser jiġi kkunsinnat qabel it‑13 ta’ Lulju 2018 minħabba d-dewmien min-naħa tal-manifatturi esterni mqabbda fil-kwalità ta’ subappaltaturi. Konsegwentement, it-traġitti ma setgħux jinbdew, kif previst, fit‑12 ta’ Lulju 2018, u ċerti traġitti oħra kienu wkoll affettwati.

    24

    Wara li fl‑20 ta’ April 2018 ikkonstatat li ma setgħetx tissostitwixxi dan il-vapur b’vapur tal-flotta tagħha u lanqas billi tinnolleġġa vapur alternattiv permezz ta’ aġent marittimu, Irish Ferries ħassret it-traġitti previsti bil-vapur inkwistjoni sad-data tal-kunsinna l-ġdida, flimkien ma’ perijodu ta’ sigurtà. Irish Ferries b’hekk ikkanċellat it-traġitti bejn it‑12 u d‑29 ta’ Lulju 2018.

    25

    Fil-kuntest ta’ din il-kanċellazzjoni, Irish Ferries ħadet diversi passi. L-ewwel, hija nnotifikat lill-passiġġieri kollha kkonċernati bil-kanċellazzjoni tat-traġitti bi preavviż ta’ tnax-il ġimgħa. It-tieni, hija pproponiet lil dawn il-passiġġieri rimbors sħiħ immedjat tal-prezz tal-biljett jew il-possibbiltà li jipprenotaw traġitti oħra tal-għażla tagħhom (iktar ’il quddiem it-“traġitti sostituttivi”). Peress li ma kienx jeżisti servizz ta’ trasport ieħor identiku għar-rotta Dublin‑Cherbourg, Irish Ferries ipproponiet lill-passiġġieri kkonċernati serje sħiħa ta’ traġitti alternattivi bi tluq minn u destinazzjoni lejn portijiet differenti bejn l-Irlanda u Franza b’mod dirett jew b’mod indirett, jiġifieri billi jittraversaw il-Gran Brittanja (ir-Renju Unit). Madankollu, quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Awtorità Irlandiża tat-Trasport tikkontesta l-fatt li Irish Ferries kienet ipproponiet lill-passiġġieri kollha rotta alternattiva permezz tal-pont terrestri.

    26

    Fir-rigward tal-passiġġieri ttrasportati mill-ġdid lejn jew bi tluq minn Rosslare, minflok Dublin, u/jew lejn jew bi tluq minn Roscoff, minflok Cherbourg, Irish Ferries ma pproponietx li tħallas lura l-kontribuzzjonijiet eventwalment sostnuti minnhom. Fil-fatt, Irish Ferries qieset li mhux il-passiġġieri kollha kienu jsostnu spejjeż addizzjonali peress li wħud minnhom kienu jinsabu iktar viċin Roscoff milli Cherbourg.

    27

    Fid‑9 ta’ Mejju 2018, l-Awtorità Irlandiża tat-Trasport indikat lil Irish Ferries li hija kienet ser teżamina ċ-ċirkustanzi tal-kanċellazzjoni tat-traġitti mit‑12 sad‑29 ta’ Lulju 2018 “sabiex tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-[Regolament Nru 1177/2010] f’dan il-każ” u talbitha tispjega r-raġunijiet li għalihom Irish Ferries qieset li din il-kanċellazzjoni kienet imputabbli għal ċirkustanzi straordinarji li ma kellhiex kontroll fuqhom.

    28

    Fl‑1 ta’ Ġunju 2018, l-Awtorità Irlandiża tat-Trasport talbet lil Irish Ferries informazzjoni addizzjonali dwar l-osservanza minn din tal-aħħar tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010.

    29

    Fl‑11 ta’ Ġunju 2018, it-tarzna informat lil Irish Ferries li l-kunsinna tal-vapur kienet ser tittardja għal data indeterminata f’Settembru minħabba ttardjar min-naħa ta’ subappaltatur fix-xogħlijiet relattivi għall-komunikazzjoni elettrika u l-installazzjoni tas-sistema elettrika fil-buq u fil-kamra ta’ fuq il-gverta, kif ukoll ittardjar fil-kunsinni ta’ materjali interni għaż-żoni pubbliċi. Fl-aħħar nett, il-vapur kien ikkunsinnat fit‑12 ta’ Diċembru 2018, jiġifieri b’tardività ta’ madwar 200 jum.

    30

    Peress li tqiegħdet fl-impossibbiltà li topera l-vapur inkwistjoni u peress li ma setgħetx tinnolleġġa vapur sostituttiv, Irish Ferries iddeċidiet li tikkanċella t-traġitti kollha previsti wara t‑30 ta’ Lulju 2018.

    31

    Fil-kuntest tal-ewwel kanċellazzjoni, Irish Ferries ħadet diversi passi. L-ewwel, hija ħabbret l-imsemmija kanċellazzjoni lill-passiġġieri kollha kkonċernati malli kellha konferma li ma kienx possibbli li jinkera vapur sostituttiv, filwaqt li osservat preavviż minn seba’ sa tnax-il ġimgħa. It-tieni, hija offriet lil dawn il-passiġġieri l-possibbiltà li jikkanċellaw u jiksbu rimbors sħiħ immedjat tal-prezz tal-biljett. It-tielet, hija pproponiet lill-imsemmija passiġġieri l-possibbiltà li jirrikorru għal traġitti sostituttivi lejn Franza mingħajr rimbors tal-eventwali supplimenti. Hija pproponiet ukoll lill-passiġġieri li tirritornahom permezz tal-pont terrestri tal-għażla tagħhom minn fost dawk li kienet tipproponi, bi tluq minn kwalunkwe port għall-bastimenti tat-trasport Irlandiż lejn portijiet Franċiżi bħal Cherbourg, Roscoff, Calais u Caen. L-ispejjeż tal-karburant sostnuti sabiex jittraversaw il-Gran Brittanja kienu għalhekk irrimborsati lill-passiġġier.

    32

    Minn dawn il-passi rriżulta li, mill-20 000 passiġġier affettwat b’dawn il-kanċellazzjonijiet, 82 % minnhom għażlu t-traġitti alternattivi ma’ Irish Ferries jew ma’ trasportaturi oħra, u 3 % ppreferew jirrikorru għall-pont terrestri u r-rimanenti 15 % għażlu li jaċċettaw rimbors sħiħ tal-prezz tal-biljett.

    33

    Fir-rigward tal-passiġġieri li għażlu t-traġitti alternattivi, l-eventwali spejjeż addizzjonali ma kinux sostnuti mill-passiġġieri, iżda minn Irish Ferries. Barra minn hekk, l-eventwali differenzi fil-prezz tal-biljett kienu rrimborsati minn Irish Ferries.

    34

    Fir-rigward tal-passiġġieri li għażlu pont terrestri, Irish Ferries irrimborsathom l-ispiża tal-karburant neċessarju sabiex jittraversaw il-Gran Brittanja.

    35

    Madankollu, Irish Ferries ma ħallsitx kumpens għall-ittardjar tal-wasla fid-destinazzjoni finali lill-passiġġieri li kienu għamlu talba għal dan, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, sa fejn, mill-perspettiva tagħha, hija kienet ipproponiet rotta alternattiva u rimbors tal-prezz tal-biljett skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament. Irish Ferries fil-fatt qieset li l-Artikoli 18 u 19 tal-imsemmi regolament ma japplikawx simultanjament.

    36

    Fl‑1 ta’ Awwissu 2018, l-Awtorità Irlandiża tat-Trasport bagħtet “notifika preliminari” lil Irish Ferries dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 għat-traġitti kkanċellati li għaliha Irish Ferries irrispondiet billi ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fil‑15 ta’ Awwissu 2018.

    37

    Fid‑19 ta’ Ottubru 2018, l-Awtorità Irlandiża tat-Trasport adottat deċiżjoni li permezz tagħha hija qieset, l-ewwel, li r-Regolament Nru 1177/2010 kien japplika għall-annullamenti tat-traġitti bejn Dublin u Cherbourg matul is-sajf tal-2018, it-tieni, li Irish Ferries kienet kisret ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, u t-tielet, li dan it-trasportatur marittimu ma kienx osserva l-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament. Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-2012, din id-deċiżjoni rriżultat fil-ħruġ ta’ żewġ komunikazzjonijiet skont rispettivament l-Artikolu 18 u l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010.

    38

    Irish Ferries ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din id-deċiżjoni matul ix-xahar ta’ Novembru 2018 skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-2012.

    39

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2019, wara proċedura kontradittorja, l-Awtorità Irlandiża tat-Trasport ikkonfermat in-notifiki maħruġa skont l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010. Hija qieset, minn naħa, li Irish Ferries kienet kisret l-obbligu ta’ rotta alternattiva previst fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010 u talbitha tirrimborsa s-supplimenti eventwali sostnuti mill-passiġġieri affettwati bit-traġitti kkanċellati li kienu għażlu rotta alternattiva lejn jew minn Rosslare, minflok Dublin, u/jew lejn jew minn Roscoff, minflok Cherbourg.

    40

    Min-naħa l-oħra, hija qieset li Irish Ferries kienet kisret l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 u talbitha tħallas kumpens lill-passiġġieri kkonċernati minħabba ttardjar tal-wasla fid-destinazzjoni finali kif stabbilita fil-kuntratt ta’ trasport.

    41

    Irish Ferries ikkontestat id-deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2019 kif ukoll il-komunikazzjonijiet maħruġa skont l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), billi sostniet, fl-ewwel lok, li dan ir-regolament ma huwiex applikabbli meta l-kanċellazzjoni sseħħ diversi ġimgħat qabel id-data skedata tat-traġitti. Fit-tieni lok, Irish Ferries ikkontestat l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni magħmula mill-Awtorità Irlandiża tat-Trasport tal-Artikoli 18 sa 20 ta’ dan ir-regolament. B’mod iktar partikolari, hija sostniet li l-ittardjar fil-kunsinna tal-vapur kien jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li teżentaha mill-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament. Fit-tielet lok, Irish Ferries allegat li l-Awtorità Irlandiża tat-Trasport kisret l-Artikolu 25 ta’ dan l-istess regolament billi wettqet eċċess ta’ poter. Fil-fatt, l-Awtorità Irlandiża tat-Trasport eżerċitat il-kompetenza tagħha fuq servizzi ta’ trasport minn Franza lejn l-Irlanda meta dawn is-servizzi kienu jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-awtorità Franċiża. Fir-raba’ lok, Irish Ferries tilmenta li l-Awtorità Irlandiża tat-Trasport kisret l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1177/2010 billi ma llimitatx l-effett tad-deċiżjoni tagħha għall-passiġġieri li kienu ressqu lment fil-forma u fit-termini previsti fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament. Fil-ħames u l-aħħar lok, Irish Ferries ikkontestat il-validità tal-imsemmi regolament fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u tal-ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll tal-Artikoli 16, 17 u 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    42

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “[...]

    1)

    Ir-[Regolament Nru 1177/2010] (b’mod partikolari l-Artikoli 18 u/jew 19 tiegħu) japplika fil-każ fejn passiġġieri għamlu prenotazzjoni minn qabel u kkonkludew kuntratti ta’ trasport u fil-każ li s-servizzi ta’ passiġġieri tħassru b’notifika ta’ mill-inqas seba’ ġimgħat qabel it-tluq skedat minħabba t-tardività tal-kunsinna ta’ vapur ġdid lill-operatur tal-laneċ? F’dan ir-rigward, huma rilevanti, parzjalment jew kompletament, il-fatti li ġejjin għall-applikabbiltà tar-regolament:

    a)

    il-kunsinna spiċċat ġiet imdewma b’200 ġurnata;

    b)

    l-operatur tal-laneċ kellu jħassar staġun sħiħ ta’ vjaġġi;

    c)

    l-ebda vapur alternattiv ma seta’ jinkiseb;

    d)

    iktar minn 20000 passiġġier kienu bbukkjati mill-ġdid mill-operatur tal-laneċ fuq vjaġġi differenti jew irċevew rimbors tat-tariffi tagħhom;

    e)

    il-vjaġġi twettqu fuq rotta ġdida li nfetħet mill-operatur tal-laneċ b’ebda servizz alternattiv simili fuq ir-rotta?

    [...]

    2)

    Fil-każ li passiġġier jingħata rotta differenti skont l-Artikolu 18, dan ifisser li jibda jeżisti kuntratt tat-trasport ġdid b’tali mod li d-dritt għal kumpens taħt l-Artikolu 19 għandu jiġi ddeterminat skont dan il-kuntratt il-ġdid minflok il-kuntratt tat-trasport oriġinali?

    3)

    a)

    Fil-każ li japplika [l-imsemmi] Artikolu 18, jekk vjaġġ jitħassar u ma kien hemm l-ebda servizz alternattiv li kien qed jopera fuq dik ir-rotta (jiġifieri ma kien hemm l-ebda servizz dirett bejn dawk iż-żewġ portijiet), il-provvista ta’ vjaġġ alternattiv fuq kwalunkwe rotta jew rotot oħra li kienu disponibbli u magħżula mill-passiġġier, inkluż b’rotta fuq l-art (pereżempju, l-ivvjaġġar mill-Irlanda sar-Renju Unit b’lanċa u mbagħad permezz tas-sewqan, bir-rimbors tal-ispejjeż tal-karburanti lill-passiġġier mill-operatur tal-laneċ, lejn port tar-Renju Unit b’konnessjoni għal Franza u l-ivvjaġġar minn hemm lejn Franza fejn il-passiġġier jagħżel kull wieħed mill-vjaġġi) tammonta għall-‘bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali’ għall-finijiet tal-Artikolu 18? Jekk le, liema kriterji għandhom jiġu applikati fid-determinazzjoni dwar jekk l-għoti ta’ rotta differenti huwiex ‘taħt kondizzjonijiet komparabbli’?

    b)

    Jekk ma hemm l-ebda vjaġġ alternattiv fuq ir-rotta li tħassret, b’tali mod li l-passiġġier affettwat ma jistax jiġi akkomodat bi vjaġġ dirett mill-port oriġinali ta’ imbark lejn id-destinazzjoni finali skont il-kuntratt tat-trasport, it-trasportatur huwa obbligat li jħallas kwalunkwe spejjeż addizzjonali sostnuti minn passiġġier li ngħata rotta differenti sabiex jivvjaġġa lejn u mill-port ta’ imbark il-ġdid u/jew lejn u mill-port ta’ destinazzjoni l-ġdid?

    [...]

    4)

    a)

    Jista’ japplika l-Artikolu 19 [tar-Regolament Nru 1177/2010] meta, infatti, il-vjaġġ diġà tħassar mill-inqas seba’ ġimgħat qabel it-tluq skedat? Jekk l-Artikolu 19 japplika, dan japplika meta l-Artikolu 18 ġie applikat u l-passiġġier ingħata rotta ġdida mingħajr ħlas addizzjonali u/jew ġie rrimborsat u/jew għażel vjaġġ iktar tard?

    b)

    Jekk l-Artikolu 19 [tar-Regolament Nru 1177/2010] effettivament japplika, liema hi d-‘destinazzjoni finali’ għall-finijiet tal-Artikolu 19?

    5)

    Jekk jista’ japplika l-Artikolu 19 [tar-Regolament Nru 1177/2010]:

    a)

    kif għandu jitkejjel il-perijodu ta’ dewmien f’tali ċirkustanzi?

    b)

    kif għandu jiġi kkalkulat il-prezz skont it-tifsira tal-Artikolu 19 meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat il-livell ta’ kumpens li għandu jitħallas u, b’mod partikolari, dan jinkludi l-ispejjeż marbuta ma’ opzjonijiet addizzjonali (pereżempju kabini, postijiet fejn jinżammu l-klieb u swali tal-ogħla klassi)?

    [...]

    6)

    Jekk ir-regolament effettivament japplika, iċ-ċirkustanzi u l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fl-ewwel domanda jammontaw għal ‘ċirkostanzi eċċezzjonali […] li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli’ għall-finijiet tal-Artikolu 20(4) tar-regolament?

    [...]

    7)

    L-Artikolu 24 għandu l-effett li jimponi obbligu mandatorju fuq kwalunkwe passiġġier li jixtieq jibbenefika minn kumpens skont l-Artikolu 19 tar-regolament li jagħmel ilment fi żmien xahrejn mid-data meta s-servizz ġie pprovdut jew kellu jiġi pprovdut?

    [...]

    8)

    Il-kompetenza tal-korp nazzjonali kompetenti responsabbli għall-eżekuzzjoni tar-regolament hija limitata għal vjaġġi li jinvolvu l-portijiet speċifikati fl-Artikolu 25 tar-regolament jew tista’ testendi għal vjaġġ ta’ ritorn mill-port ta’ Stat Membru ieħor lejn l-istat tal-korp nazzjonali kompetenti?

    [...]

    9)

    a)

    Liema prinċipji u regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu applikati mill-qorti tar-rinviju meta din tevalwa l-validità tad-deċiżjoni u/jew tan-notifiki tal-korp nazzjonali ta’ eżekuzzjoni b’riferiment għall-Artikoli 16, 17, 20 u/jew 47 tal-Karta u/jew għall-prinċipji ta’ proporzjonalità, ċertezza legali, u trattament ugwali?

    b)

    It-test ta’ natura irraġonevoli li għandu jiġi applikat mill-qorti nazzjonali huwa dak tal-iżball manifest?

    [...]

    10)

    Ir-Regolament 1177/2010 huwa validu skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, fir-rigward:

    a)

    tal-Artikoli 16, 17 u 20 tal-Karta?

    b)

    tal-fatt li l-operaturi tal-linji tal-ajru ma għandhom l-ebda obbligu li jħallsu kumpens jekk jinformaw lill-passiġġier tal-linja tal-ajru dwar it-tħassir mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat [il-punt (i) tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament 261/2004]?

    c)

    tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ċertezza legali u trattament ugwali?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    43

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1177/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli fil-każ fejn trasportatur jikkanċella servizz ta’ trasport tal-passiġġieri billi josserva preavviż ta’ diversi ġimgħat qabel it-tluq previst inizjalment, peress li l-vapur li kellu jopera dan is-servizz kien is-suġġett ta’ provvista tardiva u ma setax jiġi ssostitwit.

    44

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li kemm mill-kliem ta’ din id-domanda kif ukoll mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tirreferi għal numru ta’ ċirkustanzi li jistgħu, skont din il-qorti, ikunu rilevanti għall-finijiet tar-risposta għall-imsemmija domanda, bħall-impossibbiltà għat-trasportatur li jsib vapur sostituttiv, in-nuqqas ta’ servizz ta’ trasport alternattiv simili fuq ir-rotta kkonċernata minħabba l-ftuħ mill-ġdid ta’ din ir-rotta jew inkella n-numru kunsiderevoli ta’ passiġġieri affettwati mill-kanċellazzjoni tat-traġitti kkawżati b’kunsinna tardiva tal-vapur inkwistjoni jew li ġew irrimborsati jew ittrasferiti fuq rotta oħra b’vapuri oħra bi traġitti oħra jew permezz ta’ mezzi oħra tat-trasport. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-qorti fir-realtà tistaqsi dwar l-argumenti mressqa quddiemha minn Irish Ferries dwar jekk ir-Regolament Nru 1177/2010 huwiex applikabbli meta t-trasportatur ikun informa lill-passiġġieri bil-kanċellazzjoni tas-servizz ta’ trasport bi preavviż ta’ diversi ġimgħat. Fil-fatt, skont Irish Ferries, dan ir-regolament japplika biss għal żewġ kategoriji ta’ passiġġieri, jiġifieri, minn naħa, il-passiġġieri li t-traġitt imminenti tagħhom huwa kkanċellat jew tardiv u li jkunu jinsabu fiżikament fil-port, u min-naħa l-oħra, il-passiġġieri li huma fuq il-vapur fil-fażi ta’ kruċiera.

    45

    Fid-dawl ta’ din il-preċiżjoni, għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 huwa ddelimitat fl-Artikolu 2 tiegħu. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi l-prinċipju li dan ir-regolament japplika għal tliet kategoriji ta’ passiġġieri, jiġifieri, l-ewwel, dawk li jużaw servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri meta l-port tal-imbark ikun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, it-tieni, dawk li jużaw servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri meta l-port tal-imbark ikun jinsab barra mit-territorju ta’ Stat Membru u meta l-port tal-iżbark ikun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru sakemm is-servizz ikun operat minn trasportatur tal-Unjoni, u t-tielet, dawk li jipparteċipaw fi kruċiera meta l-port tal-imbark ikun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Il-paragrafi 2 sa 4 tal-imsemmi artikolu jelenkaw, min-naħa tagħhom, il-każijiet li fihom l-imsemmi regolament ma japplikax.

    46

    Minn qari tal-Artikolu 2 kollu tar-Regolament Nru 1177/2010 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fir-rigward ta’ żewġ kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod kumulattiv, jiġifieri, minn naħa, il-post tal-imbark jew tal-iżbark tas-servizz ta’ trasport ikkonċernat, u min-naħa l-oħra, “l-użu” tas-servizz ta’ trasport mill-passiġġier jew il-“parteċipazzjoni” ta’ dan il-passiġġier fi kruċiera.

    47

    F’dan il-każ, ir-risposta għall-ewwel domanda teħtieġ l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu” ta’ servizz ta’ trasport marittimu ta’ passiġġieri. Għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett la huwa ddefinit f’dan l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1177/2010 u lanqas f’dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li skont is-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, l-imsemmi kunċett jista’ jkun is-suġġett kemm ta’ qari strett, fis-sens li huma biss il-passiġġieri li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati abbord bastiment li jużaw tali servizz, kif ukoll ta’ interpretazzjoni iktar wiesgħa, li tinkludi wkoll il-passiġġieri li jipprevedu l-użu ta’ servizz ta’ trasport marittimu u li jkunu diġà wettqu l-passi neċessarji f’dan ir-rigward, bħal prenotazzjoni jew ix-xiri ta’ biljett.

    48

    Għaldaqstant, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi kunċett ta’ użu għandu jiġi interpretat mhux biss b’kunsiderazzjoni għall-formulazzjoni tiegħu iżda wkoll għall-kuntest tiegħu u għall-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kamin und Grill Shop, C‑289/16, EU:C:2017:758, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    F’dan ir-rigward, l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1177/2010 timmilita favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “użu” ta’ servizz ta’ trasport marittimu. Fil-fatt, dan ir-regolament jinkludi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, dispożizzjonijiet applikabbli għal sitwazzjonijiet li jseħħu fi stadju qabel il-provvista ta’ servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri. Għalhekk, l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament jipprojbixxi, essenzjalment, lit-trasportatur tal-passiġġieri milli jipproponi lill-pubbliku kundizzjonijiet kuntrattwali u tariffarji diskriminatorji minħabba n-nazzjonalità tal-passiġġier. Bl-istess mod, l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-prenotazzjonijiet u l-biljetti għandhom jiġu offruti lil persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa mingħajr spejjeż żejda u bl-istess kundizzjonijiet applikabbli għall-passiġġieri l-oħra kollha.

    50

    Barra minn hekk, l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 jitilfu parti kbira mis-sens tagħhom jekk il-kunċett ta’ passiġġier “li juża servizzi ta’ trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, jinkludi biss il-passiġġieri li jinsabu diġà abbord vapur.

    51

    L-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett fis-sens li tinkludi wkoll il-passiġġieri li jkunu għamlu prenotazzjoni jew xtraw biljett għal servizz ta’ trasport marittimu hija kkonfermata wkoll mill-għanijiet tar-Regolament Nru 1177/2010. Kif jistabbilixxu l-premessi 1, 2 u 13 ta’ dan ir-regolament, l-għan tiegħu huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi b’mod ġenerali, billi jingħataw livell minimu ta’ protezzjoni minħabba l-kwalità tagħhom ta’ parti dgħajfa fil-kuntratt ta’ trasport. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried għalhekk isaħħaħ id-drittijiet ta’ dawn il-passiġġieri f’ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet li jwasslu għal inkonvenjenzi serji kif ukoll billi jirrimedja lil dawn tal-aħħar b’mod standardizzat u immedjat.

    52

    Tali għanijiet jippreżentaw, għall-persuni li jkunu għamlu prenotazzjoni jew xtraw biljett għal servizz ta’ trasport marittimu ta’ passiġġieri, tal-inqas l-istess importanza bħal dik għall-passiġġieri li jkunu diġà abbord vapur li jwettaq tali trasport.

    53

    F’dan il-kuntest, ma jistax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jissuġġetta, mingħajr ma jipprevedi dispożizzjoni speċifika f’dan ir-rigward għall-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1177/2010, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għal kundizzjonijiet addizzjonali bħal dawk previsti fl-ewwel domanda, relatati mal-osservanza ta’ terminu ta’ preavviż minimu sabiex jinforma lill-passiġġier bil-kanċellazzjoni ta’ servizz ta’ trasport, mal-preżenza fiżika tal-passiġġier fil-port jew abbord vapur tat-trasport jew anki mad-disponibbiltà ta’ dan il-vapur.

    54

    Barra minn hekk, xejn fix-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 ma jippermetti li jiġi ssostanzjat l-argument ta’ Irish Ferries li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament bil-kundizzjonijiet supplimentari msemmija fil-punt preċedenti.

    55

    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, mill-formulazzjoni rispettiva tagħhom ma jirriżultax li l-applikabbiltà tagħhom hija limitata minn waħda mill-kundizzjonijiet addizzjonali msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza.

    56

    Il-fatt li l-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament jinsabu fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Obbligi tat-trasportaturi u tal-operaturi tat-terminali fil-każ ta’ interruzzjoni tal-vjaġġ”, ma jistax isostni interpretazzjoni restrittiva fis-sens li dawn l-artikoli japplikaw biss fil-każ fejn parti mill-vjaġġ tkun diġà seħħet qabel l-interruzzjoni tiegħu u li, għaldaqstant, il-passiġġieri jkunu fiżikament preżenti fil-port jew abbord il-vapur. Fil-fatt, minbarra l-fatt li tali limitazzjoni ma hijiex riflessa fil-premessi 13 u 14 tal-imsemmi regolament, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kunċett ta’ vjaġġ ma huwiex iddefinit mir-Regolament Nru 1177/2010 u ma jistax, għaldaqstant, iservi bħala mezz sabiex jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

    57

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament Nru 1177/2010 jipprevedi li l-Artikoli 18 u 19 tiegħu ma japplikawx meta passiġġier jipparteċipa fi kruċiera, l-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament ma jipprevedix deroga paragunabbli għas-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri. Barra minn hekk, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1177/2010, intitolat “Eżenzjonijiet”, jistabbilixxi s-sitwazzjonijiet li fihom l-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament ma japplikawx. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-interruzzjoni tal-vjaġġ ma tinsabx fost dawn is-sitwazzjonijiet li jeskludu l-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli.

    58

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għall-każ fejn trasportatur jikkanċella servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri billi josserva preavviż ta’ diversi ġimgħat qabel it-tluq inizjalment previst, minħabba li l-vapur li kellu jiżgura dan is-servizz kien is-suġġett ta’ dewmien ta’ kunsinna u ma setax jiġi ssostitwit.

    Fuq it-tielet domanda

    59

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri jiġi kkanċellat u meta ma jeżisti ebda servizz ta’ trasport alternattiv fuq l-istess rotta, it-trasportatur huwa obbligat jipproponi lill-passiġġier, skont id-dritt ta’ dan tal-aħħar għal rotta alternattiva f’kundizzjonijiet paragunabbli għad-destinazzjoni finali prevista f’din id-dispożizzjoni, servizz ta’ trasport alternattiv li juża rotta differenti minn dik tas-servizz ikkanċellat jew servizz ta’ trasport marittimu konness ma’ mezzi oħra tat-trasport, bħal trasport stradali jew ferrovjarju, u fl-affermattiv, jekk it-trasportatur huwiex marbut jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż supplimentari eventwali sostnuti mill-passiġġier fil-kuntest ta’ din ir-rotta alternattiva lejn id-destinazzjoni finali.

    60

    Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-kunċett ta’ destinazzjoni finali la huwa ddefinit fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010 u lanqas f’dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament. Madankollu, mill-Artikolu 18(1)(a) tal-imsemmi regolament jirriżulta li d-destinazzjoni finali hija stabbilita fil-kuntratt ta’ trasport u tikkorrispondi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 79 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-post miftiehem bejn it-trasportatur u l-passiġġier waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasport, fejn il-passiġġier għandu jiġi ttrasportat permezz tas-servizz ta’ trasport, jiġifieri l-port tal-iżbark indikat f’dan il-kuntratt.

    61

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jindika l-Artikolu 3(f) tar-Regolament Nru 1177/2010, is-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri jikkonsisti f’servizz kummerċjali ta’ trasport ta’ passiġġieri bil-baħar jew permezz ta’ navigazzjoni interna żgurat skont skeda ppubblikata. Il-kuntratt ta’ trasport huwa ddefinit, min-naħa tiegħu, fl-Artikolu 3(m) ta’ dan ir-regolament bħala kuntratt ta’ trasport konkluż bejn trasportatur u passiġġier għall-forniment ta’ servizz wieħed jew iktar ta’ passiġġieri jew ta’ kruċieri. Skont l-Artikolu 3(r) tal-imsemmi regolament, il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasport isseħħ minħabba l-fatt li passiġġier jagħmel prenotazzjoni ta’ tluq partikolari fuq servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri żgurat mit-trasportatur, li joħroġ biljett li, skont l-Artikolu 3(n) tal-istess regolament, jikkostitwixxi prova tal-eżistenza tal-kuntratt ta’ trasport.

    62

    Mill-punt preċedenti jirriżulta li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ trasport, att ta’ natura sinallagmatika, tagħti lill-passiġġier, bħala korrispettiv għall-prezz li jħallas, dritt li jiġi ttrasportat mit-trasportatur li l-elementi essenzjali tiegħu huma stabbiliti, jiġifieri, b’mod partikolari, il-postijiet tat-tluq u tal-wasla fid-destinazzjoni finali, il-ġranet u l-ħinijiet ta’ dan is-servizz ta’ trasport kif ukoll it-tul tiegħu.

    63

    Fit-tieni lok, peress li l-kunċett ta’ rotta alternattiva la huwa ddefinit fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010 u lanqas f’dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi rrilevat li, konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, dan il-kunċett jirreferi għall-fatt li l-passiġġier jiġi ttrasportat lejn id-destinazzjoni finali f’ċirkustanzi differenti minn dawk previsti inizjalment, mingħajr madankollu ma jeżiġi li l-itinerarju segwit u l-mezz ta’ trasport ikunu identiċi għal dawk previsti inizjalment.

    64

    Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “rotta alternattiva lejn id-destinazzjoni finali”, fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010, jimplika li l-passiġġier jiġi ttrasportat lejn il-post kuntrattwalment previst, mingħajr ma l-itinerarju segwit u l-mezz ta’ trasport ma jkunu neċessarjament identiċi għal dawk inizjalment miftiehma. Minn dan jirriżulta li bħala prinċipju t-trasportatur għandu ċertu marġni ta’ manuvra sabiex joffri rotta alternattiva lejn id-destinazzjoni finali lill-passiġġier li s-servizz ta’ trasport tiegħu huwa kkanċellat. Għalhekk, it-trasportatur jista’ joffri rotta alternattiva permezz, l-ewwel, ta’ servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri sostituttivi bi tluq minn port tal-imbark u/jew lejn port tal-iżbark b’intinerarju differenti minn dak inizjalment previst fil-kuntratt tat-trasport, jew, it-tieni, ta’ tali servizz ta’ trasport b’korrispondenza, jew, it-tielet, ta’ servizz ta’ trasport marittimu ta’ passiġġieri konness ma’ mezzi oħra ta’ trasport, bħal trasport stradali jew ferrovjarju.

    65

    Fit-tielet lok, din il-possibbiltà offruta lit-trasportatur hija madankollu rregolata mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010, jiġifieri li din ir-rotta alternattiva għandha titwettaq mingħajr ebda suppliment, taħt kundizzjonijiet paragunabbli u mill-iktar fis possibbli.

    66

    Fir-rigward, qabelxejn, tar-rekwiżit li jipprovdi li r-rotta alternattiva għandha ssir “mingħajr ebda suppliment”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 18, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li r-rotta alternattiva ma tesponix lill-passiġġier għal spejjeż supplimentari meta mqabbla ma’ dawk li huwa kien neċessarjament isostni fil-kuntest tas-servizz ta’ trasport ikkanċellat sabiex imur, b’mod partikolari, fil-port tal-imbark miftiehem inizjalment. Għalhekk, it-trasportatur għandu jħallas l-ispejjeż supplimentari possibbli bħal spejjeż ta’ karburant jew ta’ tariffi stradali li l-passiġġier ħallas sabiex imur fil-port tal-imbark sostituttiv jew sabiex jitlaq mill-port tal-iżbark sostituttiv u jmur lura għall-port tal-iżbark inizjalment previst jew inkella l-ispejjeż sostnuti mill-passiġġier waqt it-trasport stradali jew ferrovjarju fil-kuntest ta’ pont terrestri. Dan premess, għalkemm ir-rotta alternattiva ma għandhiex issir għad-detriment tal-passiġġier, din ma għandhiex madankollu tqiegħed lil dan tal-aħħar f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn dik prevista mill-kuntratt tat-trasport, b’tali mod li huwa l-passiġġier li għandu juri l-eżistenza ta’ spejjeż supplimentari li jkun ġie espost għalihom minħabba r-rotta alternattiva.

    67

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rekwiżit ta’ rotta alternattiva “mingħajr ebda suppliment” għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasportatur għandu jieħu responsabbiltà għall-ispejjeż supplimentari possibbli sostnuti mill-passiġġier fil-kuntest tar-rotta alternattiva lejn id-destinazzjoni finali.

    68

    Sussegwentement, l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 1177/2010 jipprovdi li t-trasportatur għandu joffri rotta alternattiva mwettqa taħt kundizzjonijiet paragunabbli. F’dan ir-rigward, il-premessa 13 ta’ dan ir-regolament issemmi li t-trasportatur għandu jipproponi lill-passiġġier rotta alternattiva taħt kundizzjonijiet sodisfaċenti.

    69

    Minn qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni impona fuq it-trasportatur li jipproponi lill-passiġġier rotta alternattiva mhux f’kundizzjonijiet identiċi, iżda taħt kundizzjonijiet paragunabbli u sodisfaċenti, li jimplika paragun, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, tal-kundizzjonijiet tal-offerta ta’ rotta alternattiva ma’ dawk miftiehma inizjalment fil-kuntratt ta’ trasport. F’dan ir-rigward, l-eżami tal-paragunabbiltà tal-kundizzjonijiet ta’ trasport għandu jirrigwarda l-elementi essenzjali tal-kuntratt ta’ trasport bħall-postijiet tat-tluq u tal-wasla fid-destinazzjoni finali, il-jiem u l-ħinijiet tas-servizz ta’ trasport kif ukoll it-tul tiegħu, in-numru ta’ konnessjonijiet possibbli, il-klassi tal-biljett kif ukoll it-tip ta’ kabina rriżervata mill-passiġġier, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, dan l-eżami għandu jsir mill-perspettiva tal-passiġġier peress li, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010, moqri fid-dawl tal-premessi 12 u 13 ta’ dan ir-regolament, huwa fid-dawl tal-informazzjoni li jittrażmettilu t-trasportatur li l-passiġġier jista’ jkun f’pożizzjoni li jiddeċiedi li jiġi ttrasportat jew li jiġi rrimborsat il-prezz tal-biljett.

    70

    Fl-aħħar nett, billi jirreferi għal rotta alternattiva “fl-iqsar żmien possibbli”, l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 1177/2010, jeżiġi li t-trasportatur jipproponi lill-passiġġier rotta alternattiva li tippermetti lil dan tal-aħħar jilħaq id-destinazzjoni finali tiegħu fl-iqsar żmien possibbli u, għaldaqstant, huwa intiż li jevita li dan it-trasportatur jillimita ruħu li jipproponi rotta alternattiva permezz ta’ servizz ta’ trasport marittimu iktar tardiv skont l-istess rotta minkejja li jkunu jeżistu modalitajiet oħra ta’ rotta alternattiva li jippermettu lill-passiġġier jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu fl-iqsar żmien.

    71

    L-interpretazzjoni sostnuta fil-punt 64 ta’ din is-sentenza tal-kunċett ta’ “rotta alternattiva lejn id-destinazzjoni finali”, fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010, hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament.

    72

    Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, dan ir-regolament, kif jirriżulta mill-premessi 1, 2 u 13 tiegħu, huwa intiż li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri billi jsaħħaħ id-drittijiet tagħhom f’ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet li jwasslu għal inkonvenjenzi serji, kif ukoll billi jirrimedja lil dawn tal-aħħar b’mod standardizzat u immedjat.

    73

    Madankollu, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ rotta alternattiva lejn id-destinazzjoni finali, li tikkonsisti fil-limitazzjoni ta’ dan il-kunċett għall-unika offerta ta’ rotta alternattiva fl-istess rotta bħal dik tas-servizz ta’ trasport ikkanċellat, tikkomprometti dan l-għan għaliex din tneħħi l-effett utli tad-dritt għal rotta alternattiva tal-passiġġier previst fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010 meta ma jkun jeżisti ebda servizz ta’ trasport sostituttiv fuq ir-rotta kkonċernata.

    74

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri jiġi kkanċellat u meta ma jkun jeżisti ebda servizz ta’ trasport sostituttiv fuq l-istess rotta, it-trasportatur huwa obbligat jipproponi lill-passiġġier, skont id-dritt ta’ dan tal-aħħar għal rotta alternattiva f’kundizzjonijiet paragunabbli u fl-iqsar żmien possibbli lejn id-destinazzjoni finali prevista f’din id-dispożizzjoni, servizz ta’ trasport sostituttiv li jirrikorri għal tali itinerarju differenti minn dak tas-servizz ikkanċellat jew servizz ta’ trasport marittimu konness ma’ mezzi oħra tat-trasport, bħal trasport stradali jew ferrovjarju, u huwa marbut isostni l-ispejjeż supplimentari possibbli sostnuti mill-passiġġier fil-kuntest ta’ din ir-rotta alternattiva lejn id-destinazzjoni finali.

    Fuq it-tieni u r-raba’ domanda kif ukoll fuq il-punt (a) tal-ħames domanda

    75

    Permezz tat-tieni u tar-raba’ domanda kif ukoll tal-punt (a) tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta trasportatur jikkanċella servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri billi josserva preavviż ta’ diversi ġimgħat qabel it-tluq inizjalment previst, il-passiġġier li jiddeċiedi, skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, li jiġi rrimborsat il-prezz tal-biljett jew jingħata rotta alternattiva lejn id-destinazzjoni finali bħal dik stabbilita fil-kuntratt, jista’ jitlob ukoll kumpens skont l-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament.

    76

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 fil-każ ta’ passiġġier li s-servizz ta’ trasport tiegħu ġie kkanċellat, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm xejn fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li jindika li din ma hijiex applikabbli f’tali sitwazzjoni. Barra minn hekk, mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 1177/2010 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jimponi fuq it-trasportaturi li jirrimborsaw lill-passiġġieri mhux biss fil-każ ta’ dewmien ta’ servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri, iżda wkoll fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ tali servizz.

    77

    Minn dan isegwi li passiġġier li s-servizz ta’ trasport tiegħu huwa kkanċellat jista’, bħala prinċipju, jitlob kumpens skont dan l-artikolu.

    78

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010. Fil-fatt, l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, li jelenka l-każijiet li fihom ma japplikax dan l-Artikolu 19, jipprevedi, minn naħa, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-imsemmi Artikolu 19 ma japplikax jekk il-passiġġier kien informat bil-kanċellazzjoni qabel ix-xiri tal-biljett jew jekk il-kanċellazzjoni kienet dovuta għal nuqqas tiegħu, u, min-naħa l-oħra, fil-paragrafu 4 tiegħu, li t-trasportatur jista’ jeżonera ruħu mill-ħlas tal-kumpens previst fl-istess Artikolu 19, meta juri li l-kanċellazzjoni tas-servizz ta’ trasport kienet dovuta għal kundizzjonijiet meteoroloġiċi li jikkompromettu l-użu ta’ vapur f’sigurtà totali jew l-okkorrenza ta’ ċirkustanzi straordinarji.

    79

    Bl-istess mod, l-imsemmija interpretazzjoni tirriżulta li hija konformi mal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1177/2010, jiġifieri, kif ġie rrilevat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri.

    80

    Fit-tieni lok, għandhom jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom passiġġier jista’ jitlob il-kumpens previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 wara l-kanċellazzjoni ta’ servizz ta’ trasport.

    81

    F’dan ir-rigward, jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament Nru 1177/2010, li meta servizz ta’ trasport jiġi kkanċellat jew it-trasportatur jista’ raġonevolment jistenna tali kanċellazzjoni, il-passiġġieri għandhom dritt għal rotta alternattiva jew għar-rimbors tal-prezz tal-biljett min-naħa tat-trasportatur.

    82

    Kif tistabbilixxi l-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġu llimitati l-inkonvenjenzi kkawżati lill-passiġġieri minħabba kanċellazzjoni tal-vjaġġ tagħhom, dawn tal-aħħar għandhom ikunu f’pożizzjoni jew li jikkanċellaw il-vjaġġ tagħhom u li jiġu rrimborsati l-biljetti tagħhom, jew li jiksbu rotta alternattiva taħt kundizzjonijiet sodisfaċenti.

    83

    Minn qari flimkien ta’ dan l-Artikolu 18 u ta’ din il-premessa 13 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-kanċellazzjoni ta’ servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri mit-trasportatur ma twassalx għall-ħall unilaterali tal-kuntratt tat-trasport, iżda għall-għażla għall-passiġġier bejn it-tkomplija tar-relazzjoni kuntrattwali fil-forma ta’ rotta alternattiva u t-terminazzjoni ta’ din ir-relazzjoni kuntrattwali permezz tat-talba għar-rimbors tal-prezz tal-biljett.

    84

    B’hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Irish Ferries fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-għażla magħmula mill-passiġġier li jagħżel rotta alternattiva meta jiġi informat bil-kanċellazzjoni tas-servizz ta’ trasport ma tistax tiġi assimilata mal-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid ta’ trasport, peress li din l-għażla tikkostitwixxi biss l-implimentazzjoni ta’ prerogattiva mogħtija lill-passiġġier fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010.

    85

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi essenzjalment li l-passiġġier jista’, mingħajr ma jitlef id-dritt tiegħu għat-trasport, jitlob kumpens lit-trasportatur meta jġarrab dewmien tal-wasla fid-destinazzjoni finali.

    86

    Billi jsemmi f’dan l-Artikolu 19(1) li tali passiġġier jista’ jitlob lit-trasportatur il-ħlas ta’ kumpens mingħajr ma jitlef id-dritt tiegħu għat-trasport, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jissuġġetta l-ħlas tal-kumpens previst f’din id-dispożizzjoni għall-fatt li l-passiġġier għandu dritt għat-trasport. Għalhekk, peress li l-passiġġier ma għandux jew ma għandux iktar dritt għat-trasport, huwa ma jistax jitlob il-ħlas ta’ kumpens skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010.

    87

    Minn dan isegwi li għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tal-passiġġier li talab ir-rimbors tal-biljett tiegħu u s-sitwazzjoni tal-passiġġier li talab li jiġi ttrasportat lejn id-destinazzjoni finali kif stabbilita fil-kuntratt tat-trasport mill-iktar fis possibbli jew f’data sussegwenti.

    88

    Fil-fatt, fir-rigward tal-passiġġier li, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010, jitlob li jiġi rrimborsat il-prezz tal-biljett, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 108 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, f’tali sitwazzjoni, permezz ta’ din it-talba, il-passiġġier juri r-rieda tiegħu li jeħles mill-obbligu tiegħu li jħallas il-prezz u, għaldaqstant, jitlef id-dritt tiegħu għat-trasport lejn id-destinazzjoni finali. Għaldaqstant, dan il-passiġġier ma jistax jitlob il-ħlas ta’ kumpens skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament.

    89

    Madankollu, meta passiġġier ma jagħżilx rimbors, iżda rotta alternattiva għad-destinazzjoni finali fl-iqsar żmien possibbli jew f’data sussegwenti, għandu jitqies li dan tal-aħħar itenni r-rieda tiegħu li jiġi ttrasportat u, għaldaqstant, ma jirrinunzjax id-dritt tiegħu għat-trasport lejn id-destinazzjoni finali li jkun ħallas għalih. Dan il-passiġġier jista’, għalhekk, jitlob il-ħlas ta’ kumpens skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 meta jinqabżu l-limiti previsti f’dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, peress li l-passiġġier ikun wasal fid-destinazzjoni finali kif stabbilita fil-kuntratt tat-trasport, jiġifieri, kif jirriżulta mill-punt 60 ta’ din is-sentenza, il-port tal-iżbark indikat f’dan il-kuntratt, b’dewmien ikbar minn dak stabbilit fl-imsemmi artikolu, huwa jista’ jinvoka kumpens skont l-istess artikolu fid-dawl tal-inkonvenjenzi serji li jkun suġġett għalihom.

    90

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni u għar-raba’ domanda kif ukoll għall-punt (a) tal-ħames domanda għandha tkun li l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta trasportatur jikkanċella servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri filwaqt li josserva preavviż ta’ diversi ġimgħat qabel it-tluq inizjalment previst, il-passiġġier għandu dritt għal kumpens skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament meta jiddeċiedi, konformement mal-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, favur rotta alternattiva mill-iktar fis possibbli jew anki li jipposponi l-vjaġġ tiegħu għal data sussegwenti u jasal fid-destinazzjoni finali prevista inizjalment b’dewmien iktar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 19 tal-istess regolament. Min-naħa l-oħra, meta passiġġier jiddeċiedi li jiġi rrimborsat il-prezz tal-biljett, huwa ma jkollux tali dritt għal kumpens skont dan l-artikolu.

    Fuq il-punt (b) tat-tieni domanda

    91

    Permezz tal-punt (b) tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “prezz tal-biljett” jinkludi l-ispejjeż marbuta mas-servizzi fakultattivi addizzjonali magħżula mill-passiġġier, bħall-prenotazzjoni ta’ kabina jew kenn għall-klieb, jew anki l-aċċess għal swali tal-ogħla klassi.

    92

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 jipprevedi l-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens minimu li għalih huwa intitolat passiġġier li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu, u li l-ammont tiegħu huwa ekwivalenti għal perċentwali ddeterminat tal-prezz tal-biljett, la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma tippreċiża x’għandu jinftiehem bi “prezz tal-biljett”.

    93

    Madankollu, mill-Artikolu 3(n) tal-imsemmi regolament, jirriżulta, minn naħa, kif tfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza li l-biljett huwa dokument li jiċċertifika l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ trasport konkluż bejn trasportatur u passiġġier għall-provvista ta’ servizz wieħed jew iktar ta’ trasport ta’ passiġġieri.

    94

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 1177/2010 jipprovdi li l-kumpens għandu jiġi kkalkolat skont il-prezz li l-passiġġier ikun fil-fatt ħallas għas-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri.

    95

    Mis-sens abitwali fil-lingwa ta’ kuljum tal-kliem “fil-fatt ħallas” jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirreferi, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-ammont totali mħallas mill-passiġġier bħala korrispettiv għas-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri li t-trasportatur impenja ruħu li jeżegwixxi u skont il-kundizzjonijiet previsti fil-kuntratt. Għalhekk, il-kunċett tal-prezz tal-biljett ikopri s-servizzi kollha li t-trasportatur impenja ruħu li jipprovdi lill-passiġġier inkambju għall-prezz imħallas, jiġifieri mhux biss is-servizz ta’ trasport bħala tali, iżda wkoll is-servizzi kollha li jiżdiedu mat-trasport, bħall-prenotazzjoni ta’ kabina jew ta’ kenn għall-klieb jew ukoll l-aċċess għal swali tal-ogħla klassi. Għall-kuntrarju, dan il-kunċett ma jinkludix l-ammonti korrispondenti għas-servizzi indipendenti tas-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri, li huma identifikabbli b’mod ċar, bħall-ispejjeż irċevuti mill-aġent tal-ivvjaġġar waqt il-prenotazzjoni.

    96

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan imfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri. Fil-fatt, hija tippermetti lill-passiġġier ikkonċernat jidentifika faċilment l-ammont tal-kumpens li għandu dritt għalih dan il-passiġġier fil-każ ta’ kanċellazzjoni tas-servizz ta’ trasport.

    97

    L-imsemmija interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1177/2010, li minnu jirriżulta li, għalkemm il-Parlament kien ippropona li jiġi limitat il-kunċett tal-prezz tal-biljett għall-ispejjeż sostnuti għat-trasport u għall-akkomodazzjoni abbord, bl-esklużjoni tal-ispejjeż marbuta mal-ikliet, mal-attivitajiet l-oħra u max-xiri mwettaq abbord, il-leġiżlatur tal-Unjoni xjentement irrifjuta li jiddeduċi l-kunċett tal-prezz tal-biljett f’diversi komponenti. B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-kumpens kellu jiġi kkalkolat fid-dawl tal-prezz imħallas mill-passiġġier inkambju għal servizz ta’ trasport li ma twettaqx konformement mal-kuntratt tat-trasport.

    98

    Fl-aħħar nett, din l-istess interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument ta’ Irish Ferries li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens li passiġġier għandu dritt għalih, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ servizzi fakultattivi addizzjonali magħżula minn dan il-passiġġier ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn dan joħloq konsegwenzi kunsiderevoli fuq l-ispejjeż finanzjarji tat-trasportaturi li huma sproporzjonati meta mqabbla mal-għan ta’ protezzjoni tal-passiġġieri. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inkluż il-passiġġieri tat-trasport marittimu, jista’ jiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, u saħansitra kunsiderevoli għal ċerti operaturi ekonomiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 81).

    99

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (b) tal-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “prezz tal-biljett”, li jinsab f’dan l-artikolu, jinkludi l-ispejjeż marbuta mas-servizzi fakultattivi addizzjonali magħżula mill-passiġġier, bħall-prenotazzjoni ta’ kabina jew ta’ kenn għall-klieb, jew anki l-aċċess għal swali tal-ogħla klassi.

    Fuq is-sitt domanda

    100

    Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm fil-formulazzjoni tas-sitt domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal numru ta’ ċirkustanzi, bħall-impossibbiltà għat-trasportatur li jsib vapur sostituttiv, l-assenza ta’ servizz ta’ trasport sostituttiv simili fuq ir-rotta kkonċernata minħabba l-ftuħ mill-ġdid ta’ din ir-rotta jew inkella n-numru kunsiderevoli ta’ passiġġieri affettwati mill-kanċellazzjoni tat-traġitti kkawżata mill-kunsinna tardiva tal-vapur inkwistjoni u li ġew irrimborsati jew ittrasportati mill-ġdid minn vapuri oħra fuq traġitti oħra jew permezz ta’ mezzi ta’ trasport oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta madankollu li dawn iċ-ċirkustanzi kollha joriġinaw minn avveniment komuni intiż għall-kunsinna tardiva tal-vapur inkwistjoni, b’mod li s-sitt domanda għandha tinftiehem fis-sens li tikkonċerna biss il-punt dwar jekk il-provvista tardiva ta’ vapur tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi staordinarji” fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010.

    101

    Minn dan isegwi li, permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunsinna tardiva ta’ bastiment tat-trasport tal-passiġġieri li implikat il-kanċellazzjoni tat-traġitti kollha li għandhom isiru minn dan il-vapur fil-kuntest ta’ rotta ġdida marittima ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    102

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 90 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 japplika meta, wara l-kanċellazzjoni ta’ servizz ta’ trasport, il-passiġġier jiddeċiedi, skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, li jiġi ttrasportat fl-iqsar żmien possibbli jew li jipposponi l-vjaġġ tiegħu għal data sussegwenti.

    103

    Madankollu, l-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-Artikolu 19 tiegħu ma għandux japplika fejn it-trasportatur jagħti prova li l-kanċellazzjoni jew it-tardività huma dovuti għal kundizzjonijiet meteoroloġiċi li jikkompromettu l-operat sigur tal-vapur jew għal ċirkustanzi eċċezzjonali li jfixklu t-twettiq tas-servizz tal-passiġġieri li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli.

    104

    Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-kunċett ta’ ċirkustanzi straordinarji la huwa ddefinit fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010 u lanqas fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi ċertu numru ta’ kunċetti għall-finijiet tiegħu, il-preambolu tal-imsemmi regolament jista’ jippreċiża l-kontenut ta’ dan il-kunċett.

    105

    Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika, kif jirriżulta mill-premessa 17 tar-Regolament Nru 1177/2010, li tali ċirkustanzi għandhom jinkludu, mingħajr ma huma limitati għal, għadd ta’ avvenimenti, mingħajr madankollu ma jipprevedu l-kunsinna tardiva ta’ vapur. Minn din l-indikazzjoni fil-preambolu tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li dawn l-avvenimenti, li l-lista tagħhom hija sempliċement indikattiva, jikkostitwixxu fihom infushom ċirkustanzi straordinarji, iżda sempliċement li jistgħu jipproduċu tali ċirkustanzi.

    106

    Fil-premessa 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fiha din tal-aħħar iddeċidiet li l-kunċett ta’ ċirkustanzi straordinarji jinkludi l-avvenimenti li ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur ikkonċernat u li ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar. Permezz ta’ dan ir-riferiment għall-ġurisprudenza dwar dan il-kunċett, żviluppata fil-kuntest tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jadotta approċċ unifikat tal-kunċett ta’ ċirkustanzi straordinarji.

    107

    Bħal ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-drittijiet tal-passiġġieri tat-trasport bl-ajru, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010 jirreferi għall-avvenimenti li, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur ikkonċernat u ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv tiegħu, peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi u l-osservanza tagħhom għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni każ b’każ (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    108

    Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1177/2010, li huwa li jiġi żgurat, kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, u tal-fatt li l-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-regolament jidderoga mill-prinċipju tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni għandu jiġi interpretat b’mod strett.

    109

    Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi evalwat jekk il-kunsinna tardiva ta’ vapur, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax tiġi kklassifikata bħala “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 20(4) tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 19 tal-istess regolament.

    110

    F’dan il-każ, minkejja li l-kostruzzjoni ta’ vapur ma taqax, bħala prinċipju, taħt l-attività ta’ trasportatur marittimu ta’ passiġġieri, iżda taħt dik ta’ tarzna, xorta jibqa’ l-fatt li l-ordni u r-riċezzjoni ta’ bastiment tat-trasport tal-passiġġieri jikkostitwixxu avvenimenti ċertament rari, iżda indubjament inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur marittimu ta’ passiġġieri. Fil-fatt, fil-kuntest tal-attività ta’ trasport tiegħu, dan tal-aħħar għandu, fost il-miżuri ordinarji ta’ amministrazzjoni marbuta mal-organizzazzjoni u mal-manutenzjoni tal-flotta tiegħu, jagħmel l-ordni ta’ vapuri.

    111

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-kuntratt ta’ ordni u ta’ kunsinna ta’ vapur jista’ jinkludi mekkaniżmu ta’ kumpens li jkopri r-riskju ta’ dewmien fil-kunsinna, kif kien il-każ ineżami u kif ikkonfermat Irish Ferries waqt is-seduta. L-istabbiliment ta’ tali mekkaniżmu jikkonferma li tali dewmien jikkostitwixxi riskju abitwali li t-trasportatur huwa espost għalih fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attivitajiet tiegħu ta’ trasport ta’ passiġġieri.

    112

    Għaldaqstant, id-dewmien fil-kunsinna ta’ vapur għandu jitqies li jikkostitwixxi avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur marittimu ta’ passiġġieri. Għaldaqstant, sa fejn waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 107 ta’ din is-sentenza tkun nieqsa, għandu jitqies li tali dewmien ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk tali avveniment jevitax il-kontroll effettiv tat-trasportatur.

    113

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunsinna tardiva ta’ bastiment tat-trasport tal-passiġġieri li implikat il-kanċellazzjoni tat-traġitti kollha li għandhom isiru minn dan il-bastiment fil-kuntest ta’ rotta ġdida marittima ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq is-seba’ domanda

    114

    Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-passiġġier li jitlob li jibbenefika minn kumpens skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament li jressaq it-talba tiegħu fil-forma ta’ lment quddiem it-trasportatur f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha s-servizz ta’ trasport twettaq jew kellu jitwettaq.

    115

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 jimponi fuq it-trasportatur li jistabbilixxi mekkaniżmu aċċessibbli għat-trattament tal-ilmenti dwar id-drittijiet u l-obbligi previsti minn dan ir-regolament, filwaqt li dan l-Artikolu 24(2) jistabbilixxi proċedura sommarja għat-trattament tal-ilmenti li tinkludi ċerti termini. Għalhekk, il-passiġġier li jixtieq iressaq ilment quddiem it-trasportatur għandu jippreżentah f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha s-servizz ta’ trasport ikun twettaq jew kellu jitwettaq, filwaqt li t-trasportatur ikollu terminu ta’ xahar sabiex jinforma lil dan il-passiġġier dwar l-aċċettazzjoni, iċ-ċaħda jew it-tkomplija tal-eżami tal-ilment tiegħu u għandu, fi kwalunkwe każ, jikkomunika lill-imsemmi passiġġier ir-risposta definittiva tiegħu f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mill-jum li fih ikun irċieva l-ilment.

    116

    Mir-riferiment għad-“drittijiet u għall-obbligi msemmija f’dan ir-Regolament” jirriżulta li lment jista’ jirrigwarda d-drittijiet u l-obbligi previsti kemm fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “Drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà ridotta”, kif ukoll fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Obbligi tat-trasportaturi u tal-operaturi tat-terminals fil-każ ta’ interruzzjoni tal-ivjaġġar”, li fih jinsab l-Artikolu 19 tal-istess regolament dwar il-kumpens lill-passiġġier fil-każ ta’ dewmien tal-wasla.

    117

    Madankollu, talba ta’ passiġġier intiża sabiex jibbenefika mill-kumpens previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 ma tistax tiġi assimilata ma’ lment, fis-sens tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament u lanqas, konsegwentement, ma tista’ tiġi suġġetta għall-osservanza tat-termini previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni.

    118

    Fil-fatt, filwaqt li lment, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1177/2010, jikkonsisti f’senjalazzjoni ta’ ksur allegat mit-trasportatur ta’ wieħed mill-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn dan ir-regolament u li dan it-trasportatur ikollu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tas-segwitu li għandu jingħata lil din is-senjalazzjoni, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 164 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament jagħti kreditu ta’ natura pekunjarja lill-passiġġier li jista’ jitlob il-ħlas tiegħu lit-trasportatur minħabba s-sempliċi fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-aħħar artikolu huma ssodisfatti, mingħajr ma dan tal-aħħar ikollu l-istess setgħa diskrezzjonali.

    119

    Barra minn hekk, l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1177/2010 jimponi fuq it-trasportatur l-obbligu li jħallas il-kumpens mitlub fix-xahar ta’ wara l-preżentata ta’ tali talba. Din id-dispożizzjoni, sa fejn tipprevedi terminu iqsar mit-terminu ta’ xahrejn li, konformement mal-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament, għandu t-trasportatur sabiex jinforma lill-passiġġier bid-deċiżjoni definittiva tiegħu dwar l-azzjoni li għandha tittieħed għall-ilment, tikkonferma li talba għall-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament ma tistax tiġi assimilata ma’ lment, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-istess regolament.

    120

    L-għan imfittex mir-Regolament Nru 1177/2010, imfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti fil-garanzija lill-passiġġieri ta’ livell għoli ta’ protezzjoni, jikkonferma din l-interpretazzjoni. Tali livell ta’ protezzjoni ma jistax jiġi kkonċiljat mal-impożizzjoni ta’ terminu daqshekk qasir ta’ xahrejn sabiex titressaq talba għal kumpens.

    121

    Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jissuġġetta d-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 għall-osservanza tat-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament għat-tressiq ta’ lment.

    122

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-passiġġier li jitlob li jibbenefika minn kumpens skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament li jressaq it-talba tiegħu fil-forma ta’ lment quddiem it-trasportatur f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha s-servizz ta’ trasport twettaq jew kellu jitwettaq.

    Fuq it-tmien domanda

    123

    Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ organu nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament innominat minn Stat Membru mhux biss is-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri mwettaq minn port li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, iżda wkoll servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri mwettaq minn port li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor lejn port li jinsab fit-territorju tal-ewwel Stat Membru meta dan l-aħħar imsemmi servizz jagħmel parti minn vjaġġ bir-ritorn li jkun ġie kkanċellat kollu kemm hu.

    124

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 jipprovdi li kull Stat Membru għandu jaħtar organu jew diversi organi inkarigati mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri u tal-kruċieri minn portijiet li jinsabu fit-territorju tiegħu u tas-servizzi tal-passiġġieri minn pajjiż terz lejn tali portijiet.

    125

    Minn dan jirriżulta li, għalkemm din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġi preżunt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 169 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-organu nazzjonali kompetenti għal servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri assigurat bejn Stati Membri huwa bħala prinċipju dak tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-port tal-imbark, il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu qies li r-rabta li teżisti bejn l-Istat Membru fejn jinsab il-port tal-iżbark u s-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri li ġejjin minn pajjiż terz kienet suffiċjenti sabiex tagħti lill-organu nazzjonali ta’ dan l-aħħar imsemmi Stat Membru l-kompetenza sabiex jeżerċita l-missjoni tiegħu li jiżgura l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010.

    126

    Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 199 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried b’hekk jattribwixxi l-kompetenza ta’ sorveljanza ta’ natura ġenerali lill-organu nazzjonali skont kriterju relatat mal-prossimità bejn it-territorju tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-port tal-imbark jew tal-iżbark u s-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri kkonċernat.

    127

    Minn dan isegwi li fil-każ ta’ servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri kkanċellat, l-organu nazzjonali kompetenti huwa bħala prinċipju dak tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab il-port tal-imbark.

    128

    Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ traġitt bir-ritorn li jinvolvi servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri fid-direzzjoni tat-tluq u servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri fid-direzzjoni tar-ritorn, li ġie kkanċellat kollu kemm hu, ir-rabta bejn is-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri fid-direzzjoni tar-ritorn u t-territorju tal-Istat Membru fejn jinsab il-port tal-imbark ta’ dan is-servizz ma hijiex iktar stretta minn dik eżistenti bejn it-territorju tal-Istat Membru fejn jinsab il-port tal-iżbark u l-imsemmi servizz. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 200 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-aħħar port jikkostitwixxi wkoll, bħala prinċipju, il-port tal-imbark fid-direzzjoni tat-tluq u jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 1177/2010 għas-servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri kkanċellati.

    129

    Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, kif ġie rrilevat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, sa fejn din tippermetti li jiġi evitat li l-passiġġier jimmultiplika l-proċeduri ma’ organi nazzjonali distinti, meta l-fatt li jagħti lok għall-kanċellazzjoni tas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri, fid-direzzjoni tat-tluq u fid-direzzjoni tar-ritorn, ikun l-istess.

    130

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tmien domanda għandha tkun li l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ organu nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament innominat minn Stat Membru mhux biss is-servizz tat-trasport ta’ passiġġieri mwettaq minn port li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, iżda wkoll servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri mwettaq minn port li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor lejn port li jinsab fit-territorju tal-ewwel Stat Membru meta dan l-aħħar imsemmi servizz jagħmel parti minn vjaġġ bir-ritorn li jkun ġie kkanċellat kollu kemm hu.

    Fuq id-disa’ domanda

    131

    Permezz tad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-validità tad-deċiżjoni meħuda minn organu nazzjonali inkarigat mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010, il-qorti nazzjonali għandhiex tapplika l-Artikoli 16, 17, 20 u 47 tal-Karta kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament u jekk l-istħarriġ tagħha għandux ikun limitat għal dak tal-iżball manifest.

    132

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑152/17, EU:C:2018:264, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    133

    Għaldaqstant, huwa indispensabbli, kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tinkludi l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑152/17, EU:C:2018:264, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    134

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tippermetti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura li din il-possibbiltà tiġi ssalvagwardata, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Szoja, C‑89/16, EU:C:2017:538, punt 49).

    135

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda waħda miż-żewġ partijiet inklużi fid-disa’ domanda li jirrigwardaw, l-ewwel, id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li għandha tapplika l-qorti nazzjonali u, it-tieni, il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jitwettaq minn din tal-aħħar, ma tissodisfa manifestament dawn ir-rekwiżiti.

    136

    Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel parti, il-qorti tar-rinviju ma tesponix ir-raġunijiet speċifiċi li wassluha tagħmel din id-domanda fid-dawl tad-domandi l-oħra magħmula, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti risposta utli għal din il-parti.

    137

    Bl-istess mod, fir-rigward tat-tieni parti, billi naqqset milli tippreċiża l-kriterju bbażat fuq in-natura raġonevoli li hija għandha l-intenzjoni li tapplika fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-validità tad-deċiżjoni tal-korp nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010, il-qorti tar-rinviju tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-impossibbiltà li tipprovdilha risposta utli.

    138

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti risposta utli għad-disa’ domanda. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li din id-domanda hija inammissibbli.

    Fuq l-għaxar domanda

    139

    Permezz tal-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 humiex invalidi sa fejn la huma konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali u lanqas mal-Artikoli 16, 17 u 20 tal-Karta.

    140

    Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 humiex invalidi fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikolu 20 tal-Karta.

    141

    Irish Ferries tallega b’mod ġenerali li dan ir-regolament jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-Artikolu 20 tal-Karta billi jimponi numru ta’ obbligi fuq it-trasportaturi marittimi li għalihom it-trasportaturi tal-ajru u t-trasportaturi ferrovjarji ta’ passiġġieri ma humiex suġġetti għalihom, minkejja li dawn it-trasportaturi kollha jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. F’dan ir-rigward, Irish Ferries tenfasizza b’mod iktar partikolari li, filwaqt li t-trasportatur tal-ajru jista’, skont l-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004, jevita l-ħlas tal-kumpens meta jinforma lill-passiġġier bil-kanċellazzjoni tat-titjira mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat, tali possibbiltà ma tirriżultax mir-Regolament Nru 1177/2010 għat-trasportatur marittimu.

    142

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 95, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 48).

    143

    Qabelxejn, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-sitwazzjoni tal-impriżi li joperaw fis-settur tal-attività ta’ diversi mezzi ta’ trasport ma hijiex paragunabbli sa fejn, b’kunsiderazzjoni għall-metodi ta’ operat tagħhom, għall-kundizzjonijiet ta’ aċċessibbiltà tagħhom u għat-tqassim tan-networks tagħhom, dawn id-diversi mezzi ta’ trasport ma humiex interkambjabbli fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ użu tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu d-dritt jistabbilixxi regoli li jipprovdu livell ta’ protezzjoni lil konsumatur li jvarja skont is-settur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 96, kif ukoll tas‑26 ta’ Settembru 2013, ÖBB-Personenverkehr, C‑509/11, EU:C:2013:613, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    144

    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, fil-qasam tat-trasport marittimu, il-passiġġieri li jġarrbu kanċellazzjoni jew dewmien sostanzjali jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-passiġġieri ta’ mezzi oħra tat-trasport. Fil-fatt, minħabba l-lokalizzazzjoni tal-portijiet u n-numru ristrett ta’ rotot assigurati li l-frekwenza tagħhom tista’ tvarja wkoll skont l-istaġuni, l-inkonvenjenzi mġarrba mill-passiġġieri waqt l-okkorrenza ta’ tali inċidenti ma humiex paragunabbli.

    145

    Fl-aħħar nett, għalkemm il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1177/2010 hija ċertament intiża sabiex tiżgura livell ta’ protezzjoni tal-passiġġieri marittimi paragunabbli għal dak tal-passiġġieri ta’ mezzi oħra ta’ trasport, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni Irish Ferries, li jqis li d-diversi mezzi ta’ trasport kienu huma stess paragunabbli u lanqas li jiżguraw livell ta’ protezzjoni identiku għal kull mezz ta’ trasport.

    146

    Għaldaqstant, ir-raġunijiet ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-mezzi ta’ trasport ta’ passiġġieri għajr it-trasport marittimu, bħal dak previst fl-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004 għat-trasport bl-ajru ta’ passiġġier, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet.

    147

    Minn dan isegwi li l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 ma jiksrux il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u lanqas l-Artikolu 20 tal-Karta.

    148

    Fit-tieni lok, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    149

    F’dan ir-rigward, Irish Ferries tallega, essenzjalment, li l-obbligi imposti fuq it-trasportaturi marittimi ta’ passiġġieri skont l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ servizz ta’ trasport, jimponu fuq dawn it-trasportaturi spejjeż finanzjarji kunsiderevoli li huma totalment sproporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex minn dan ir-regolament. B’mod iktar partikolari, ikun sproporzjonat, minn naħa, li t-trasportatur jiġi obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, meta dan it-trasportatur ikun informa lill-passiġġier bil-kanċellazzjoni ta’ servizz ta’ trasport billi josserva preavviż ta’ diversi ġimgħat. Min-naħa l-oħra, ikun ukoll sproporzjonat li passiġġier li s-servizz ta’ trasport tiegħu jkun ġie kkanċellat ikun jista’ jakkumula rotta differenti għad-destinazzjoni finali skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament kif ukoll kumpens skont l-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament.

    150

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-motivi implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 79).

    151

    Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lil-leġiżlatur tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’oqsma li jimplikaw minn naħa tiegħu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa jintalab jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fil-qasam tal-politika komuni tat-trasport (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 80)

    152

    Kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa, konformement mal-premessi 1, 2, 13 u 14 tar-Regolament Nru 1177/2010, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri vittmi ta’ inkonvenjenzi serji kkawżati mill-kanċellazzjoni jew mid-dewmien twil li jaffettwa s-servizz ta’ trasport tagħhom. Għal dan il-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament, li jiġu rrimedjati, b’mod standardizzat u immedjat, uħud mill-inkonvenjenzi kkawżati lill-passiġġieri li jinsabu f’tali sitwazzjonijiet.

    153

    Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa jekk il-miżuri adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni humiex manifestament inadegwati fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 1177/2010 li huwa t-tisħiħ tal-protezzjoni tal-passiġġieri, u li l-leġittimità tiegħu ma hijiex ikkontestata fiha nnifisha.

    154

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat mill-bidu li l-miżuri previsti fl-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 huma fihom infushom ta’ natura li jirrimedjaw immedjatament ċerti inkonvenjenzi mġarrba mill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ servizz ta’ trasport u li jippermettu għalhekk li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, kif previst f’dan ir-regolament.

    155

    Fil-fatt, il-miżuri previsti fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament huma intiżi li jagħtu għażla lill-passiġġier bejn li jilħaq id-destinazzjoni finali kif stabbilita fil-kuntratt tat-trasport fil-kuntest ta’ rotta alternattiva mingħajr ebda żieda f’kundizzjonijiet paragunabbli u fl-iqsar żmien possibbli jew jirrinunzja għat-trasport tiegħu billi jitlob ir-rimbors tal-prezz tal-biljett, akkumpanjat, jekk ikun il-każ, minn ritorn bla ħlas fl-iqsar żmien fil-punt tat-tluq inizjali kif stabbilit fil-kuntratt tat-trasport.

    156

    Fir-rigward tal-kumpens previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, għandu jiġi rrilevat li dan ivarja fil-prinċipju tiegħu u fl-ammont tiegħu skont it-tul tad-dewmien fil-wasla fid-destinazzjoni finali kif stabbilit fil-kuntratt tat-trasport fir-rigward tat-tul tas-servizz tat-trasport. Meta passiġġier, wara l-kanċellazzjoni tas-servizz tiegħu ta’ trasport, jagħżel rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tiegħu, liema rotta differenti tista’, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tas-settur tat-trasport marittimu, twassal għal dewmien twil fid-destinazzjoni finali minħabba l-istennija tas-servizz ta’ trasport alternattiv jew minħabba n-neċessità li jimbarka jew li jiżbarka f’portijiet differenti minn dawk inizjalment previsti, dawn il-kriterji użati sabiex jiġi ddeterminat id-dritt tal-passiġġieri għall-benefiċċju ta’ dan il-kumpens ma jidhrux li huma estranji għar-rekwiżit ta’ proporzjonalità.

    157

    Barra minn hekk, il-fatt li l-kalkolu tal-kumpens previst fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament huwa bbażat fuq il-prezz tal-biljett realment imħallas mill-passiġġier jimplika fih innifsu li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta approċċ proporzjonat sabiex jirrimedja l-konsegwenzi dannużi kkawżati mid-dewmien jew il-kanċellazzjoni li l-imsemmi regolament huwa intiż li jirrimedja.

    158

    Għalkemm Irish Ferries issostni li l-miżuri ta’ kumpens previsti fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 jirriskjaw li jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-ispejjeż finanzjarji tat-trasportaturi u ma humiex xierqa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-qasam tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, li tali konsegwenzi ma jistgħux jitqiesu bħala sproporzjonati meta mqabbla mal-għan ta’ protezzjoni għolja tal-passiġġieri. Fil-fatt, l-importanza tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi għalhekk il-passiġġieri marittimi, tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punti 47 u 48).

    159

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-obbligi imposti skont ir-Regolament Nru 1177/2010 huma bla ħsara għall-fatt li t-trasportaturi marittimi jitolbu kumpens mingħand kull persuna, inklużi terzi, konformement mad-dritt nazzjonali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Tali kumpens għaldaqstant jista’ jnaqqas, u saħansitra jeskludi, l-ispiża finanzjarja tal-imsemmija trasportaturi bħala riżultat ta’ dawn l-obbligi. Barra minn hekk, ma jidhirx irraġonevoli li dawn l-obbligi jkunu, bla ħsara għad-dritt għal kumpens imsemmi iktar ’il fuq, inizjalment imqiegħda fuq it-trasportaturi marittimi li l-passiġġieri kkonċernati huma marbuta magħhom b’kuntratt ta’ trasport li jagħtihom dritt għal servizz ta’ trasport li la għandu jiġi kkanċellat u lanqas ikun tardiv.

    160

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kumpens previst fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1177/2010, għandu jiġi rrilevat, konformement mal-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-regolament, li t-trasportaturi marittimi tal-ajru jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu li jħallsu dan il-kumpens jekk jipproduċu prova li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien huma dovuti għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk ittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Fid-dawl tal-eżistenza ta’ tali kawża eżonerenti u tal-kundizzjonijiet restrittivi tal-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ kumpens li għandu jiġi ssodisfatt mit-trasportaturi marittimi, l-imsemmi obbligu ma jidhirx li huwa manifestament inadegwat fid-dawl tal-għan imfittex.

    161

    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 ma humiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    162

    Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 humiex konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    163

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-argument imressaq quddiemha minn Irish Ferries li, minn naħa, l-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali billi jimponu obbligi iebsa fuq it-trasportaturi fin-nuqqas ta’ bażi legali ċara u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament jikser b’mod iktar partikolari dan il-prinċipju billi jimponi fuq it-trasportaturi l-obbligu li jħallsu kumpens ugwali għal perċentwali tal-prezz tal-biljett mingħajr ma jiddefinixxi dan l-aħħar kunċett.

    164

    Għandu jitfakkar mill-bidu li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex il-partijiet fil-kawża jkollhom għarfien mingħajr ambigwità tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom u jiddeċiedu konsegwentement (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    165

    F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel, l-allegazzjoni ġenerali ta’ Irish Ferries li r-Regolament Nru 1177/2010 jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi jimponi obbligi iebsa wisq fuq it-trasportaturi fin-nuqqas ta’ bażi ġuridika ċara f’dan ir-regolament, din għandha tiġi miċħuda, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 223 tal-konklużjonijiet tiegħu, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 132 sa 134 ta’ din is-sentenza sa fejn, minħabba n-natura vaga u ġenerali tagħha, hija ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondiha b’mod utli.

    166

    It-tieni, fir-rigward tal-allegazzjoni dwar in-natura impreċiża tal-kunċett ta’ “prezz tal-biljett”, li jinsab fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1177/2010, huwa ċertament minnu li l-kunċett ta’ prezz tal-biljett li fuqu huwa bbażat il-kalkolu tal-kumpens previst fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament la huwa ddefinit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u lanqas fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament.

    167

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett ta’ natura ġenerali huwa intiż li japplika għal numru indefinit ta’ sitwazzjonijiet li huwa impossibbli li jiġu previsti minn qabel u mhux għal biljetti preċiżi li l-komponenti tagħhom jistgħu jiġu deskritti minn qabel f’att normattiv tad-dritt tal-Unjoni. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippreċiża, fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 1177/2010, li l-kumpens dovut mit-trasportatur huwa kkalkolat “meta mqabbel mal-prezz li l-passiġġier ikun realment ħallas għas-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri” b’tali mod li għandu jitqies li l-imsemmi kunċett ma jistax jitqies li ma huwiex preċiż biżżejjed. F’dan ir-rigward, il-fatt li din kienet is-suġġett ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif esposta fil-punti 95 sa 98 ta’ din is-sentenza, ma jistax ikun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għaliex dan iwassal, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 224 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-esklużjoni ta’ kull metodu ta’ interpretazzjoni differenti mill-interpretazzjoni letterali ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali.

    168

    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 ma jiksirx il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali billi jirreferi għall-kunċett tal-prezz tal-biljett mingħajr ma jiddefinixxi dan il-kunċett.

    169

    Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 humiex konformi mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, li jiggarantixxu, rispettivament, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà tat-trasportaturi marittimi.

    170

    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li l-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 60).

    171

    Barra minn hekk, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jirrikonoxxi li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet stipulati minnha sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu meħtieġa u jissodisfaw b’mod effettiv l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor.

    172

    Fl-aħħar, fil-każ ta’ kunflitt bejn diversi drittijiet protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, din l-evalwazzjoni għandha ssir b’osservanza tal-konċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn id-diversi drittijiet u ta’ bilanċ ġust bejniethom (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 62).

    173

    Fil-każ ineżami, għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikoli 1 u 17 tal-Karta, għandu madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 38 tagħha li, bħall-Artikolu 169 TFUE, huwa intiż li jiżgura, fil-politika tal-Unjoni, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi l-passiġġieri marittimi. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-protezzjoni ta’ dawn il-passiġġieri tinsab fost l-għanijiet prinċipali tar-Regolament Nru 1177/2010.

    174

    Mill-punti 150 sa 161 ta’ din is-sentenza, dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jirriżulta li l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2004 għandhom jitqiesu li huma konformi mar-rekwiżit ta’ konċiljazzjoni tad-diversi drittijiet fundamentali eżistenti u ta’ stabbiliment ta’ bilanċ ġust bejniethom.

    175

    Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jiksrux l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

    176

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hemm lok li jiġi kkonstatat li l-eżami tal-għaxar domanda ma rrileva ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010.

    Fuq l-ispejjeż

    177

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għall-każ fejn trasportatur jikkanċella servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri billi josserva preavviż ta’ diversi ġimgħat qabel it-tluq inizjalment previst, minħabba li l-vapur li kellu jiżgura dan is-servizz kien is-suġġett ta’ dewmien ta’ kunsinna u ma setax jiġi ssostitwit.

     

    2)

    L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri jiġi kkanċellat u meta ma jkun jeżisti ebda servizz ta’ trasport sostituttiv fuq l-istess rotta, it-trasportatur huwa obbligat jipproponi lill-passiġġier, skont id-dritt ta’ dan tal-aħħar għal rotta alternattiva f’kundizzjonijiet paragunabbli u fl-iqsar żmien possibbli lejn id-destinazzjoni finali prevista f’din id-dispożizzjoni, servizz ta’ trasport sostituttiv li jirrikorri għal tali itinerarju differenti minn dak tas-servizz ikkanċellat jew servizz ta’ trasport marittimu konness ma’ mezzi oħra tat-trasport, bħal trasport stradali jew ferrovjarju, u huwa marbut isostni l-ispejjeż supplimentari possibbli sostnuti mill-passiġġier fil-kuntest ta’ din ir-rotta alternattiva lejn id-destinazzjoni finali.

     

    3)

    L-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta trasportatur jikkanċella servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri filwaqt li josserva preavviż ta’ diversi ġimgħat qabel it-tluq inizjalment previst, il-passiġġier għandu dritt għal kumpens skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament meta jiddeċiedi, konformement mal-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, favur rotta alternattiva mill-iktar fis possibbli jew anki li jipposponi l-vjaġġ tiegħu għal data sussegwenti u jasal fid-destinazzjoni finali prevista inizjalment b’dewmien iktar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 19 tal-istess regolament. Għall-kuntrarju, meta passiġġier jiddeċiedi li jiġi rrimborsat il-prezz tal-biljett, huwa ma jkollux tali dritt għal kumpens skont dan l-artikolu.

     

    4)

    L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz tal-biljett jinkludi l-ispejjeż marbuta mas-servizzi fakultattivi addizzjonali magħżula mill-passiġġier, bħall-prenotazzjoni ta’ kabina jew kenn għall-klieb, jew anki l-aċċess għal swali tal-ogħla klassi.

     

    5)

    L-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunsinna tardiva ta’ bastiment tat-trasport tal-passiġġieri li implikat il-kanċellazzjoni tat-traġitti kollha li għandhom isiru minn dan il-bastiment fil-kuntest ta’ rotta ġdida marittima ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    6)

    L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-passiġġier li jitlob li jibbenefika minn kumpens skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament li jressaq it-talba tiegħu fil-forma ta’ lment quddiem it-trasportatur f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha s-servizz ta’ trasport twettaq jew kellu jitwettaq.

     

    7)

    L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ organu nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament innominat minn Stat Membru mhux biss is-servizz tat-trasport ta’ passiġġieri mwettaq minn port li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, iżda wkoll servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri mwettaq minn port li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor lejn port li jinsab fit-territorju tal-ewwel Stat Membru meta dan l-aħħar imsemmi servizz ta’ trasport jagħmel parti minn vjaġġ bir-ritorn li jkun ġie kkanċellat kollu kemm hu.

     

    8)

    L-eżami tal-għaxar domanda ma rrileva ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq