Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62019CJ0383
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 29 April 2021.#Powiat Ostrowski v Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny.#Request for a preliminary ruling from the Sąd Rejonowy w Ostrowie Wielkopolskim.#Reference for a preliminary ruling – Compulsory insurance against civil liability in respect of the use of motor vehicles – Directive 2009/103/EC – Article 3, first paragraph – Obligation to take out a contract of insurance – Scope – Local government authority which has acquired a vehicle by judicial means – Registered vehicle which is on private land and intended to be destroyed.#Case C-383/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ April 2021.
Powiat Ostrowski vs Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Ostrowie Wielkopolskim.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Obbligu li jiġi konkluż kuntratt ta’ assigurazzjoni – Portata – Awtorità lokali li tkun xtrat vettura b’mod ġudizzjarju – Vettura rreġistrata, li tinsab f’art privata u intiża li tinqered.
Kawża C-383/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ April 2021.
Powiat Ostrowski vs Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Ostrowie Wielkopolskim.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Obbligu li jiġi konkluż kuntratt ta’ assigurazzjoni – Portata – Awtorità lokali li tkun xtrat vettura b’mod ġudizzjarju – Vettura rreġistrata, li tinsab f’art privata u intiża li tinqered.
Kawża C-383/19.
Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:337
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
29 ta’ April 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Obbligu li jiġi konkluż kuntratt ta’ assigurazzjoni – Portata – Awtorità lokali li tkun xtrat vettura b’mod ġudizzjarju – Vettura rreġistrata, li tinsab f’art privata u intiża li tinqered”
Fil-Kawża C‑383/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Ostrowie Wielkopolskim (il-Qorti Distrettwali ta’ Ostrów Wielkopolski, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura
Powiat Ostrowski
vs
Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny, minn M. Piwińska, radca prawny, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann, E. Lankenau, U. Bartl u D. Klebs, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe, B. Sasinowska u S. L. Kalėda, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Diċembru 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Powiat Ostrowski (id-Distrett ta’ Ostrów, il-Polonja) (iktar ’il quddiem id-“Distrett”) u l-Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny (il-Fond ta’ Garanzija tal-Assigurazzjoni, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“Fond ta’ Garanzija”) dwar l-eventwali obbligu għad-Distrett li jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur għal vettura li d-Distrett akkwista b’mod ġudizzjarju u li hija intiża li tinqered. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 1 u 2 tad-Direttiva 2009/103 jgħidu li:
|
4 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103 jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
|
5 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi”, jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li: “Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.” |
6 |
Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, dwar il-“[s]pezzjonijiet dwar l-assigurazzjoni”: “L-Istati Membri għandhom jastjenu milli jagħmlu spezzjonijiet dwar l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bbażati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u fir-rigward ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ pajjiż terz li jkunu deħlin fit-territorju tagħhom mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Madankollu, jistgħu jwettqu spezzjonijiet mhux sistematiċi tal-assigurazzjoni sakemm ma jkunux diskriminatorji u li jitwettqu bħala parti minn kontroll mhux immirat esklusivament għal verifika tal-assigurazzjoni.” |
7 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/103, intitolat “Deroga mill-obbligazzjonijiet fir-rigward ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi”, jipprevedi li: “1. Stat Membru jista’ jaġixxi b’deroga tal-Artikolu 3 fir-rigward ta’ ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati; il-lista ta’ dawn il-persuni għandha titfassal mill-Istat konċernat u tiġi komunikata lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni [Ewropea]. Stat Membru li jidderoga b’dan il-mod għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jiżgura li jsir il-ħlas ta’ kumpens għat-telf u l-korriment ikkawżat fit-territorju tiegħu u fit-territorju ta’ Stati Membri oħra minn vetturi li jkunu japprtjenu lil dawk il-persuni. […] 2. Stat Membru jista’ jaġixxi b’deroga tal-Artikolu 3 fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ vetturi jew ċerti vetturi li jkollhom pjanċa speċjali; il-lista tagħhom għandha titfassal mill-Istat ikkonċernat u tiġi komunikata lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. F’dak il-każ l-Istati Membri għandhom jiżguraw li vetturi kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu huma trattati bl-istess mod bħal vetturi li għalihom l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-Artikolu 3 ma jkunx ġie sodisfatt. […]” |
8 |
L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, li huwa intitolat “Korp responsabbli għall-għoti ta’ kumpens”, jippreċiża, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li: “Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jawtorizza korp bil-kompitu li jipprovdi kumpens, mill-inqas sal-limiti tal-obbligu ta’ assigurazzjoni għal ħsara lill-proprjetà jew danni persunali kkawżati minn vettura li ma tkunx identifikata jew vettura li għaliha l-obbligu ta’ assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 ma jkunx ġie sodisfatt.” |
Id-dritt Pollakk
9 |
L-ustawa o ubezpieczeniach obowiązkowych, Ubezpieczeniowym Funduszu Gwarancyjnym i Polskim Biurze Ubezpieczycieli Komunikacyjnych (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, il-Fond ta’ Garanzija tal-Assigurazzjoni u l-Uffiċċju Pollakk tal-Assiguraturi tal-Vetturi bil-Mutur), tat‑22 ta’ Mejju 2003, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 473) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja”), tipprevedi, fl-Artikolu 10(2) tagħha, li: “Tista’ titressaq kawża quddiem qorti ordinarja intiża sabiex tiġi stabbilita l-konformità ma’, jew l-assenza, tal-obbligu ta’ assigurazzjoni.” |
10 |
L-Artikolu 23(1) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja jistabbilixxi li d-detentur ta’ vettura bil-mutur huwa obbligat jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili għal detenturi ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ ħsara li tirriżulta mill-użu tal-vettura bil-mutur fil-pussess tiegħu. |
11 |
Skont l-Artikolu 31(3) ta’ din il-liġi: “Fil-każ ta’ mgħoddija jew ta’ trasferiment tad-dritt għall-proprjetà ta’ vettura bil-mutur irreġistrata, li d-detentur tagħha ma kkonkludiex kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għad-detenturi ta’ vetturi bil-mutur, minkejja l-obbligu li jagħmel dan, id-detentur li lilu ġie mgħoddi jew ittrasferit id-dritt għall-proprjetà huwa obbligat jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għad-detenturi ta’ vetturi bil-mutur fid-data ta’ mgħoddija jew ta’ trasferiment tad-dritt għall-proprjetà tal-vettura bil-mutur, u sa mhux iktar tard minn meta l-vettura bil-mutur titqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni. […]” |
12 |
L-Artikolu 33 tal-imsemmija liġi jippreċiża li l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili tad-detenturi ta’ vettura bil-mutur tintemm, b’mod partikolari, fil-mument tat-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-vettura bil-mutur jew permezz tal-konsenja ta’ vettura inkompleta lil impriża ta’ żarmar jew ta’ riċiklaġġ ta’ vetturi, abbażi ta’ ċertifikat ta’ riċezzjoni ta’ vettura inkompleta msemmi mill-ustawa o recyklingu pojazdów wycofanych z eksploatacji (il-Liġi dwar ir-Riċiklaġġ tal-Vetturi Rtirati mill-Użu), tal‑20 ta’ Jannar 2005 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 578), jew abbażi ta’ dokument ekwivalenti maħruġ fi Stat Membru ieħor. |
13 |
Skont l-Artikolu 84(1) tal-istess liġi, il-Fond ta’ Garanzija huwa l-korp awtorizzat sabiex jivverifika l-osservanza, mid-detenturi ta’ vetturi bil-mutur, tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili. Barra minn hekk, l-Artikolu 88(7) tagħha jimponi fuq kull min jonqos milli jikkonkludi tali kuntratt il-ħlas ta’ multa lill-Fond ta’ Garanzija. |
14 |
L-ustawa Prawo o ruchu drogowym (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Triq), tal‑20 ta’ Ġunju 1997, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 1990), tistabbilixxi, fl-Artikolu 130a tagħha, il-kundizzjonijiet għat-tneħħija ta’ vettura bi spejjeż tal-proprjetarju tagħha. Il-paragrafu 10 ta’ dan l-artikolu jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li: “Fir-rigward ta’ vettura li tneħħiet mit-toroq, fiċ-ċirkustanzi ddefiniti fil-paragrafi 1 jew 2 [b’mod partikolari fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-parkeġġ jew meta l-istat tekniku tal-vettura jipperikola s-sigurtà fit-toroq], l-istarosta (il-president tad-distrett) għandu jressaq quddiem il-qorti talba għall-konfiska tal-vettura lill-powiat (id-distrett) jekk il-proprjetarju jew il-persuna awtorizzata, debitament innotifikata, ma tkunx ġabret il-vettura fi żmien tliet xhur mid-data tat-tneħħija tagħha. In-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ġbir ta’ vettura.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2018, is-Sąd Rejonowy w Ostrowie Wielkopolskim (il-Qorti Distrettwali ta’ Ostrów Wielkopolski, il-Polonja) ordnat il-konfiska, għall-benefiċċju tad-Distrett, ta’ vettura rreġistrata fil-Polonja, konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 130(10) tal-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Triq. Din id-deċiżjoni kisbet l-awtorità ta’ res judicata fis‑7 ta’ Frar 2018, data li fiha d-Distrett sar il-proprjetarju tagħha. |
16 |
Id-Distrett ressaq talba għall-komunikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni akkumpanjata b’ċertifikat li jistabbilixxi n-natura definittiva tagħha kif ukoll talba sabiex jiġi anness it-titolu eżekuttiv. Dawn it-talbiet intlaqgħu fl‑20 ta’ April 2018. Peress li dan il-jum kien il-Ġimgħa, id-Distrett assigura l-vettura sa mill-jum tal-ftuħ li jmiss tal-amministrazzjoni, jiġifieri t-Tnejn 23 ta’ April 2018. |
17 |
Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-vettura inkwistjoni ġiet eżaminata minn espert fit‑2 ta’ Mejju 2018. Din l-evalwazzjoni stabbilixxiet li kien impossibbli li l-vettura tiġi mqabbda, li kienet fi stat tekniku ħażin, li kienet tikkostitwixxi ruttam tal-metall u li kellha valur tas-suq ta’ 400 zlote Pollakki (PLN)(madwar EUR 89). |
18 |
Fid-dawl ta’ dan l-istat tekniku, id-Distrett iddeċieda li jibgħat din il-vettura sabiex tinqered. Din tal-aħħar ingħatat, għall-finijiet tal-qerda tagħha, lil impjant ta’ żarmar, li ħareġ ċertifikat relatat maż-żarmar tagħha. Abbażi ta’ dan iċ-ċertifikat, it-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-vettura seħħ fit‑22 ta’ Ġunju 2018. |
19 |
Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Lulju 2018, il-Fond ta’ Garanzija informa lid-Distrett li kien ikkonstata li l-imsemmija vettura ma kinitx ġiet assigurata sat‑22 ta’ April 2018 u li huwa kellu jħallas multa ta’ PLN 4200 (madwar EUR 933) talli naqas mill-obbligu tiegħu li jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ din il-vettura matul il-perijodu bejn is‑7 ta’ Frar u t‑22 ta’ April 2018 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kontenzjuż”). |
20 |
Fil‑25 ta’ Settembru 2018, id-Distrett adixxa lis-Sąd Rejonowy w Ostrowie Wielkopolskim (il-Qorti Distrettwali ta’ Ostrów Wielkopolski), il-qorti tar-rinviju, b’rikors sabiex jiġi kkonstatat li, matul il-perijodu kkontestat, ma kienx obbligat li joħroġ assigurazzjoni għall-vettura. F’dan ir-rigward, id-Distrett isostni li, minn naħa, huwa ma setax jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni qabel ma kiseb, fl‑20 ta’ April 2018, il-kopja tal-ordni ta’ konfiska u, min-naħa l-oħra, matul dan il-perijodu, il-vettura kienet tinsab f’parkeġġ issorveljat u ma kinitx fi stat ta’ użu, b’tali mod li l-ebda dannu ma seta’ jiġi kkawżat mill-użu tagħha. |
21 |
Il-Fond ta’ Garanzija jitlob li dan ir-rikors jiġi miċħud, peress li l-istat tekniku tal-vettura huwa, fil-fehma tiegħu, mingħajr importanza fir-rigward tal-obbligu tad-detenturi ta’ vetturi bil-mutur li jikkonkludu kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tagħhom. |
22 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li l-vetturi li għalihom inħarġet ordni ta’ konfiska huma suġġetti għal eżami tekniku minn espert u li vettura rrikonoxxuta bħala li ma għadhiex adatta li tintuża tintbagħat, permezz ta’ rapport ta’ konsenja-riċezzjoni, lil impjant ta’ żarmar għall-finijiet tal-qerda tagħha, fejn l-impjant ta’ żarmar jistabbilixxi ċertifikat relatat maż-żarmar li jikkostitwixxi l-bażi tat-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-vettura. |
23 |
Hija tippreċiża li l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-Artikolu 23(1) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja japplika irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-vettura kkonċernata tkunx adattata li tintuża jew jekk tkunx intiża li tinqered minħabba l-istat tekniku tagħha li jipprekludi li tintuża bħala mezz ta’ trasport u li, bl-istess mod, l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-Artikolu 31(3) ta’ din il-liġi fil-każ ta’ mgħoddija jew ta’ trasferiment tad-dritt għall-proprjetà ta’ vettura rreġistrata li tagħha d-detentur inizjali ma jkunx, minkejja l-obbligu tiegħu f’dan is-sens, ikkonkluda tali kuntratt, bħal fil-kawża li biha hija adita, japplika irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-vettura inkwistjoni tistax tintuża bħala mezz ta’ trasport u anki jekk il-proprjetarju l-ġdid ikollu l-intenzjoni li din il-vettura tinqered. |
24 |
Għal dak li jirrigwarda l-fatti, hija tosserva li, minn naħa, għall-perijodu kontenzjuż kollu, il-vettura inkwistjoni kienet immobilizzata f’parkeġġ issorveljat u, fid-dawl tal-istat tekniku tagħha, kull ċaqliq biha kien impossibbli. Min-naħa l-oħra, konformement mar-rieda tal-proprjetarju tagħha, din il-vettura kienet intiża li tinqered, liema distruzzjoni effettivament seħħet, peress li l-istat tekniku tagħha kien ġie ddefinit bħala “ruttam tal-metall”. |
25 |
F’dan il-kuntest, hija tistaqsi dwar il-possibbiltà li jiġi eskluż l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur meta l-vettura kkonċernata hija immobilizzata fuq art privata, saret il-proprjetà ta’ awtorità lokali bis-saħħa ta’ deċiżjoni definittiva ta’ qorti, ma hijiex adattata sabiex tintuża u hija intiża li tinqered minħabba d-deċiżjoni tal-proprjetarju tagħha. |
26 |
F’dan ir-rigward, u fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana (C‑80/17, EU:C:2018:661), hija tistaqsi jekk il-fatt li vettura tkun adatta sabiex tintuża bħala mezz ta’ trasport huwiex element neċessarju għall-klassifikazzjoni ta’ “vettura”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/103. Fil-fehma tagħha, skont din is-sentenza, ma kienx hemm obbligu għad-Distrett li joħroġ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, peress li, mill-mument tal-akkwist tal-vettura inkwistjoni, id-Distrett ma kellux l-intenzjoni li jużaha u li, minn dak il-mument sad-distruzzjoni tagħha, din il-vettura ma kinitx fi stat li tintuża u lanqas kienet intiża li tintuża u għalhekk ma setgħetx taqdi l-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport. Madankollu, skont l-Artikolu 31(3) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, id-Distrett kien marbut li joħroġ tali assigurazzjoni għall-vettura inkwistjoni. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Ostrowie Wielkopolskim (il-Qorti Distrettwali ta’ Ostrów Wielkopolski) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
28 |
Il-Fond ta’ Garanzija jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li, sa fejn huma relatati mal-istatus tal-entità proprjetarja tal-vettura u mal-mod ta’ akkwist tagħha, dawn ma għandhomx rabta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 u jirrigwardaw, fir-realtà, l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u li, sa fejn dawn jirrigwardaw l-istat tekniku tal-vettura, il-post ta’ parkeġġ tagħha u l-intenzjoni tal-proprjetarju tagħha li jeqred il-vettura, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondietha, b’mod li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta mill-ġdid. |
29 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni (sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti),C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 25). |
30 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod effettiv għad-domandi magħmula lilha (sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26). |
31 |
F’dan il-każ, id-domandi magħmula jirrigwardaw espressament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-portata tal-obbligu li tinħareġ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif previst f’dan l-artikolu. |
32 |
Barra minn hekk, huwa evidenti li din il-kawża ma taqa’ taħt ebda waħda mit-tliet ipoteżijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, peress li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Fond ta’ Garanzija ma huwa, barra minn hekk, ta’ natura li jistabbilixxi li waħda minnhom tkun issodisfatta u, għalhekk, li tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha jibbenefikaw id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni. |
33 |
Fit-tieni lok, ma huwa bl-ebda mod ipprojbit għal qorti nazzjonali li tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fl-opinjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-risposta ma tħalli ebda dubju raġonevoli. Għalhekk, anki jekk wieħed jassumi li dan huwa l-każ, din id-domanda ma ssirx inammissibbli (sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 64 u 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Vueling Airlines, C‑86/19, EU:C:2020:538, punt 22). |
34 |
Konsegwentement, għandu jitqies li d-domandi magħmula huma ammissibbli. |
Fuq il-mertu
35 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103. Issa, id-Direttiva 2009/103 ikkodifikat, kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, id-direttivi preċedenti dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni għal din ir-responsabbiltà, mingħajr ma emendathom fis-sustanza. Il-ġurisprudenza dwar dawn id-direttivi preċedenti tista’ għalhekk tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva 2009/103. |
36 |
Min-naħa l-oħra, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, kull Stat Membru għandu, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jieħu l-miżuri xierqa kollha sabiex ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni. |
37 |
Madankollu, għalkemm l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/103 jipprevedi li kull Stat Membru jista’, taħt il-kundizzjonijiet speċifikati minn dan l-artikolu, jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva għal dak li jirrigwarda, skont l-Artikolu 5(1), ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati, jew, skont l-Artikolu 5(2), ċerti tipi ta’ vetturi jew ċerti vetturi li għandhom pjanċa speċjali, jidher li r-Repubblika tal-Polonja ma eżerċitatx din il-possibbiltà fir-rigward tal-vetturi akkwistati mill-awtoritajiet lokali bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Konsegwentement, il-fatt li din il-vettura nxtrat minn awtorità lokali bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja huwa, f’dan il-każ, irrilevanti fir-rigward tal-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vettura bil-mutur hijiex obbligatorja meta l-vettura kkonċernata tkun irreġistrata fi Stat Membru, li tkun tinsab f’art privata, li ma tkunx adatta sabiex tintuża minħabba l-istat tekniku tagħha u li, permezz tal-għażla tal-proprjetarju tagħha, tkun intiża li tinqered. |
39 |
Kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, ifformulat f’termini ġenerali ħafna, jimponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu, fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, obbligu ġenerali ta’ assigurazzjoni tal-vetturi (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
B’hekk, kull Stat Membru għandu jiżgura li, suġġett għad-derogi previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, kull vettura normalment ipparkjata fit-territorju tiegħu tkun koperta b’kuntratt konkluż ma’ kumpannija ta’ assigurazzjoni sabiex jiggarantixxi, fil-limiti ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-imsemmija vettura (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “vettura” huwa ddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103 bħala “kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le”. |
42 |
Kif iddeċidiet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-definizzjoni hija indipendenti mill-użu li jsir jew li jista’ jsir mill-vettura inkwistjoni (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li tali definizzjoni timmilita favur interpretazzjoni oġġettiva tal-kunċett ta’ “vettura”, li ma tiddependix mill-intenzjoni tal-proprjetarju tal-vettura jew ta’ persuna oħra li effettivament tintuża (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 39). |
44 |
Barra minn hekk, hija enfasizzat li l-kwistjoni tal-portata tal-obbligu li tinħareġ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur għandha, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, tiġi ddeterminata minn qabel, jiġifieri qabel involviment eventwali tal-vettura kkonċernata f’inċident (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 40). |
45 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan li l-fatt li hija essenzjalment ddeċidiet, fis-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146), tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908), u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro (C‑334/16, EU:C:2017:1007), li huma biss il-każijiet ta’ użu tal-vettura assigurata li jaqgħu taħt l-użu tagħha bħala mezz ta’ trasport u, għaldaqstant, taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, li jistgħu jagħtu lok għat-teħid ta’ responsabbiltà mill-assiguratur, skont il-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ din il-vettura, għad-dannu kkawżat minn dan tal-aħħar bl-ebda mod ma jfisser li l-eżistenza tal-obbligu li tinħareġ tali assigurazzjoni għandha tiġi ddeterminata skont l-użu effettiv tal-vettura inkwistjoni bħala mezz ta’ trasport f’mument partikolari (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 41). |
46 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet minn dak li ntqal preċedentement li vettura li tkun irreġistrata u li għalhekk ma tkunx ġiet irtirata regolarment mill-użu, u li tkun adatta sabiex tintuża, tissodisfa l-kunċett ta’ “vettura”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, u, konsegwentement, ma tieqafx milli taqa’ taħt l-obbligu ta’ assigurazzjoni stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għas-sempliċi raġuni li l-proprjetarju tagħha ma jkunx iktar bi ħsiebu jsuqha u jimmobilizzaha fuq art privata (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 42). Sussegwentement, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vettura bil-mutur hija obbligatorja, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, meta l-vettura kkonċernata tkun dejjem irreġistrata fi Stat Membru u tkun adatta sabiex tintuża, iżda tkun tinsab, bl-għażla biss tal-proprjetarju tagħha li ma jkollux iktar l-intenzjoni li jsuqha, ipparkjata f’art privata (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 52). |
47 |
L-istess għandu japplika, bħala prinċipju, għal vettura li hija rreġistrata fi Stat Membru, li tinsab f’art privata u li hija intiża li tinqered minħabba l-għażla tal-proprjetarju tagħha, anki meta din il-vettura ma tkunx, f’mument partikolari, adatta sabiex tintuża minħabba l-istat tekniku tagħha. |
48 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif tfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “vettura”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, huwa kunċett oġġettiv. Issa, l-istat tekniku ta’ vettura, u, konsegwentement, il-kapaċità tagħha li tintuża, jistgħu jvarjaw maż-żmien u t-tiswija eventwali tagħha tiddependi, tal-inqas fil-parti l-kbira, fuq fatturi suġġettivi, bħal, b’mod partikolari, ir-rieda tal-proprjetarju tagħha jew tad-detentur tagħha li jwettaq jew li jordna li jitwettqu t-tiswijiet meħtieġa u d-disponibbiltà tal-baġit neċessarju għal dan il-għan. Konsegwentement, jekk is-sempliċi fatt li vettura ma tkunx, f’mument partikolari, adatta sabiex tintuża ikun biżżejjed sabiex iċaħħadha mill-kwalità tagħha ta’ vettura, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, u għalhekk ikun suffiċjenti sabiex din ma taqax taħt l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, in-natura oġġettiva ta’ dan il-kunċett ta’ “vettura” titqiegħed inkwistjoni. |
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-obbligu ta’ assigurazzjoni kif previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 ma huwiex marbut mal-użu tal-vettura bħala mezz ta’ trasport f’mument partikolari u lanqas mal-kwistjoni dwar jekk il-vettura kkonċernata kkawżatx, jekk ikun il-każ, danni. |
50 |
Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tipprevedi l-qorti tar-rinviju, is-sempliċi fatt li vettura rreġistrata ma tkunx, f’mument partikolari, adatta sabiex tintuża minħabba l-istat tekniku tagħha, anki jekk dan ikun il-każ sa mit-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà, u għalhekk, jekk ikun il-każ, ma tkunx adatta sabiex tikkawża dannu li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, ma jistax jippermetti li din tiġi eskluża mill-obbligu ta’ assigurazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni. |
51 |
Bl-istess mod, peress li l-imsemmi kunċett ta’ “vettura” huwa, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, indipendenti mill-intenzjoni tal-proprjetarju tagħha jew ta’ persuna oħra li effettivament tintuża, il-fatt li dan il-proprjetarju jew persuna oħra jkollhom l-intenzjoni li jeqirdu din il-vettura lanqas ma jista’ jippermetti li jitqies li l-imsemmija vettura titlef, minħabba s-sempliċi fatt ta’ din l-intenzjoni, il-kwalità tagħha ta’ “vettura”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, u għalhekk ma taqax taħt dan l-obbligu ta’ assigurazzjoni, sakemm ma tiġix ppreġudikata wkoll in-natura oġġettiva ta’ dan il-kunċett. |
52 |
Barra minn hekk, jekk il-klassifikazzjoni ta’ “vettura”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, konsegwentement, il-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 tkun tiddependi fuq tali fatturi suġġettivi, dan iwassal sabiex jiġu ppreġudikati wkoll il-prevedibbiltà, l-istabbiltà u l-kontinwità ta’ dan l-obbligu, li l-osservanza tiegħu hija madankollu neċessarja sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza. |
53 |
Fit-tieni lok, għalkemm l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2009/103 jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu korp li jkollu bħala missjoni li jikkumpensa, tal-inqas fil-limiti tal-obbligu ta’ assigurazzjoni previst mid-dritt tal-Unjoni, id-danni materjali jew personali kkawżati b’mod partikolari minn vettura li għaliha ma jkunx ġie ssodisfatt l-obbligu ta’ assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, l-intervent ta’ tali organu ġie maħsub bħala miżura tal-aħħar għażla, prevista biss fil-każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, u ma tistax titqies li hija l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ garanzija tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi barra mill-imsemmija każijiet (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Fil-fatt, il-portata tal-intervent obbligatorju tal-korp ta’ kumpens imsemmi f’dan l-Artikolu 10(1) tikkoinċidi, fir-rigward tad-danni kkawżati minn vettura identifikata, mal-portata tal-obbligu ġenerali ta’ assigurazzjoni stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, b’tali mod li l-intervent obbligatorju ta’ dan il-korp f’tali sitwazzjoni ma jistax jiġi estiż għal każijiet fejn il-vettura involuta f’inċident ma taqax taħt l-obbligu ta’ assigurazzjoni (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 46). |
55 |
Minn dan isegwi li l-intervent eventwali tal-korp ta’ kumpens imsemmi fl-Artikolu 10(1), li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, unikament taħt id-dritt nazzjonali, f’ċirkustanzi differenti minn dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103. |
56 |
Minn dan isegwi wkoll li, peress li l-intervent ta’ dan il-korp huwa previst biss, skont id-Direttiva 2009/103 u fir-rigward ta’ vettura identifikata, fil-każijiet fejn il-konklużjoni tal-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 tkun obbligatorja, l-interpretazzjoni adottata fil-punt 47 ta’ din is-sentenza hija meħtieġa wkoll sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku kkawżati mill-vetturi bil-mutur, meta din l-interpretazzjoni tiggarantixxi li dawn il-vittmi jiġu, fi kwalunkwe każ, ikkumpensati jew mill-assiguratur, abbażi ta’ kuntratt konkluż għal dan il-għan, jew mill-korp imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/103 fil-każ li ma jkunx ġie ssodisfatt l-obbligu ta’ assigurazzjoni tal-vettura involuta fl-inċident jew meta din il-vettura ma tkunx ġiet identifikata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dan l-għan, imsemmi fid-direttivi suċċessivi dwar l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ tali vetturi, ġie mfittex u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea u li huwa affermat mill-ġdid fil-premessa 2 tad-Direttiva 2009/103 (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza tippermetti wkoll li tiġi żgurata bl-aħjar mod l-osservanza tal-għan intiż li jiggarantixxi l-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ipparkjati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li jkunu abbord tagħhom, li jinsab ukoll fost l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 2 tad-Direttiva 2009/103. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa biss billi tiġi żgurata protezzjoni msaħħa tal-eventwali vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-vetturi bil-mutur li huwa possibbli li l-Istati Membri jintalbu, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/103, li jastjenu milli jwettqu kontroll sistematiku tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi li jidħlu fit-territorju tagħhom mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li huwa essenzjali sabiex jiġi ggarantit dan il-moviment liberu. |
58 |
Fir-raba’ lok, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-reġistrazzjoni ta’ vettura turi, bħala prinċipju, il-kapaċità tagħha li tintuża u, għalhekk, li tintuża bħala mezz ta’ trasport, ma jistax jiġi eskluż li vettura rreġistrata tkun, b’mod oġġettiv, definittivament mhux adatta sabiex tintuża minħabba l-istat tekniku ħażin tagħha. Issa, f’tali ċirkustanza, sabiex il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 48 sa 52 ta’ din is-sentenza jiġu osservati, il-konstatazzjoni ta’ din l-inkapaċità definittiva sabiex tintuża u, konsegwentement, dik tat-telf tal-kwalità tagħha ta’ “vettura”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, għandhom isiru b’mod oġġettiv. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, huwa għalhekk neċessarju, sabiex tali vettura tiġi eskluża mill-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, li hija kienet is-suġġett ta’ rtirar uffiċjali mill-użu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. |
59 |
F’dan ir-rigward, għalkemm it-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-vettura inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi tali konstatazzjoni oġġettiva, għandu madankollu jiġi osservat li d-Direttiva 2009/103 ma tirregolax il-mod kif tali vettura, definittivament mhux adatta għall-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport, tista’ tiġi rtirata legalment mill-użu. Għaldaqstant, din id-direttiva ma tipprojbixxix li l-irtirar regolari ta’ tali vettura mill-użu jkun, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ikkonstatat b’mod ieħor għajr mit-tħassir tar-reġistrazzjoni tal-vettura inkwistjoni. |
60 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jitqies li vettura li hija rreġistrata fi Stat Membru tibqa’ suġġetta għall-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 sakemm ma tkunx ġiet irtirata regolarment mill-użu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. |
61 |
F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għalkemm, matul il-perijodu kontenzjuż, il-vettura inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet immobilizzata f’parkeġġ issorveljat u ma kinitx adatta sabiex tintuża minħabba l-istat tekniku ħażin tagħha, hija madankollu kienet għadha rreġistrata fi Stat Membru, fejn għalhekk kienet normalment ipparkjata, fis-sens tal-punt 4(a) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, u fl-ebda mument matul dan il-perijodu ma kienet is-suġġett ta’ rtirar regolari mill-użu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Konsegwentement, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jidher li, matul l-imsemmi perijodu kollu, din il-vettura kompliet taqa’ taħt l-obbligu ta’ assigurazzjoni stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, irrispettivament mill-fatt li kienet tinsab fuq art privata, li ma kinitx adatta sabiex tintuża minħabba l-istat tekniku tagħha u li d-Distrett kellu l-intenzjoni li jeqred l-imsemmija vettura. |
62 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vettura bil-mutur hija obbligatorja meta l-vettura kkonċernata tkun irreġistrata fi Stat Membru, meta din il-vettura ma tkunx ġiet irtirata regolarment mill-użu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. |
Fuq l-ispejjeż
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vettura bil-mutur hija obbligatorja meta l-vettura kkonċernata tkun irreġistrata fi Stat Membru, meta din il-vettura ma tkunx ġiet irtirata regolarment mill-użu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.