Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0772

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-25 ta’ Frar 2021.
    Bartosch Airport Supply Services GmbH vs Zollamt Wien.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestaturi tariffarji 8701 u 8705 – Interpretazzjoni – Irmonkatur tal-ajruplani.
    Kawża C-772/19.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:141

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    25 ta’ Frar 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestaturi tariffarji 8701 u 8705 – Interpretazzjoni – Irmonkatur tal-ajruplani”

    Fil-Kawża C‑772/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

    Bartosch Airport Supply Services GmbH

    vs

    Zollamt Wien,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Bartosch Airport Supply Services GmbH, minn U. Schrömbges u J. Gesinn, Rechtsanwälte,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Pethke u M. Salyková, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestatura 8705 tan-Nomenklatura Magħquda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 294, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 329, p. 119 u fil-ĠU 2017, L 150, p. 19) (iktar ’il quddiem, in-“NM”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Bartosch Airport Supply Services (iktar ’il quddiem “Bartosch”) u z-Zollamt Wien (l-Uffiċċju Doganali ta’ Vjenna, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità doganali”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ “irmonkatur ta’ ajruplani, elettriku u mingħajr vireg għall-irmonk”, maħsub sabiex jiġbed u jimbotta inġenji tal-ajru (iktar ’il quddiem “irmonkatur tal-ajruplani”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Is-SA

    3

    Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni tal-merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) twaqqfet mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (OMD), u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

    4

    In-nomenklatura tas-SA tinkludi t-Taqsima XVII, intitolata “Vetturi, Biċċiet ta’ l-Ajru, Bastimenti u Tagħmir tat-Trasport Assoċjat”, li fiha l-Kapitolu 87, li huwa intitolat “Vetturi ħlief Magni u Vaguni (Rolling-Stock) ta’ Ferroviji jew Linji tat-Tramm; u Bċejjeċ u Aċċessorji tagħhom”. F’dan il-kapitolu jidhru, b’mod partikolari, l-intestaturi 8701 “Trakters (ħlief trakters ta’ titlu 8709)” u 8705 “Vetturi bil-mutur b’għanijiet speċjali, ħlief dawk prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni u oġġetti (per eżempju, trakkijiet għall-ħsarat, trakkijiet krejn, vetturi għat-tifi tan-nar, trakkijiet tal-miksers tal-konkos, trakkijiet għall-knis tat-toroq, trakkijiet biex ibexxu, ħwienet tax-xogħol mobbli, unitajiet radjoloġiċi mobbli)”.

    5

    In-nota ta’ spjega tas-SA dwar dan il-Kapitolu 87 hija fformulata kif ġej:

    “Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    Bl-eċċezzjoni ta’ ċertu makkinarju mobbli li jaqa’ taħt it-Taqsima XVI (ara f’dan ir-rigward in-noti ta’ spjega tan-numri 8701, 8705 u 8716), dan il-kapitolu jinkludi l-vetturi kollha ta’ fuq l-art. Għaldaqstant, huwa jinkludi:

    1)

    It-trakters (Nru 8701).

    2)

    Il-vetturi bil-mutur għat-trasport tan-nies (Nri 8702 u 8703), tal-merkanzija (Nru 8704) jew għal għanijiet speċjali (Nru 8705).

    3)

    It-trakkijiet mingħajr apparat għat-tagħbija, tat-tip użat fil-fabbriki, f’imħażen, fil-portijiet jew fl-ajruporti għat-trasport ta’ merkanzija fuq distanza qasira u t-tratturi industrijali tat-tip użat fl-istazzjonijiet (Nru 8709).

    […]”

    6

    In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8701 u s-subintestaturi tagħha jipprovdu:

    “Bi tratturi, fis-sens ta’ dan it-titolu, wieħed jifhem il-vetturi b’mutur bir-roti jew b’katina maħsuba essenzjalment biex jiġbdu jew jimbuttaw magni oħra, vetturi jew tagħbija. Huma jistgħu madankollu jinkludu pjattaforma aċċessorja jew dispożittiv simili, li jippermetti t-trasport, flimkien mal-użu prinċipali tagħhom, ta’ għodda, ta’ żrieragħ, ta’ fertilizzanti, eċċ., jew ukoll tagħmir aċċessorju sabiex jirċievu għodda tax-xogħol.

    […]

    Bl-eċċezzjoni ta’ tratturi industrijali tat-tip użat fl-istazzjonijiet ta’ Nru 8709, dan it-titolu jinkludi t-tratturi ta’ kull tip u għal kull użu (tratturi għall-agrikoltura, tratturi forestali, tratturi bir-roti, tratturi għax-xogħolijiet pubbliċi, tratturi bil-winċ, eċċ.), tkun liema tkun is-sors ta’ enerġija li tħaddimhom (magna bil-pistons mixgħula bi spark jew bil-kompressjoni, bl-elettriku, eċċ.) […]

    Il-vetturi hawn imsemmija ġeneralment huma mgħammra b’karrozzerija jew jistgħu jkollhom kabina tas-sewqan jew sitijiet għas-sewwieqa. Min-naħa l-oħra, huma jistgħu jkunu mgħammra b’kaxxa tal-għodda, apparat li jippermetti li l-għodod tax-xogħol jittellgħu jew jitniżżlu, b’mezz ta’ rmonk għal trejlers jew semi-trejlers (b’mod partikolari fuq it-trakters u inġenji simili) jew b’konnessjoni motorizzata li tippermetti li s-saħħa tal-magna tiġi trażmessa lil diversi magni (tagħmir użat sabiex jifred il-qamħ, srieraq ċirkolari, eċċ).

    […]

    Din l-intestatura tkopri wkoll it-tratturi mgħammra b’winċijiet jew b’kapstin (imsejħa tratturi tal-winċ) li jippermettu, pereżempju, l-irmonk ta’ vettura li tkun weħlet, jew il-qtugħ jew it-trasport tas-siġar jew ukoll l-irmonk mill-bogħod ta’ makkinarju agrikolu.

    Barra minn hekk, huma esklużi minn din l-intestatura t-trakkijiet għal waqfien minħabba ħsara mgħammra bi krejnijiet, tagħmir għall-irfigħ, winċijiet, eċċ. (Nru 8705).

    […] 8701.91/95

    Dawn is-subintestaturi jinkludu l-vetturi intiżi sabiex jiġbdu semi-trejlers fuq distanzi qosra. Dawn it-tipi ta’ vetturi huma magħrufa taħt ismijiet differenti (pereżempju, ‘trakters tat-terminals’, ‘tractors tal-port’, eċċ.) u huma intiżi sabiex iqiegħdu jew iċaqilqu semi-trejlers f’żona ddefinita. Huma ma humiex adattati għat-trasport fuq distanzi twal li għalihom huma maħsuba t-trakters tat-triq tal-intestatura 8701.20. Huma distinti mit-tratturi tat-triq sa fejn huma ġeneralment mgħammra b’magni diesel, peress li l-veloċità massima tagħhom ġeneralment ma taqbiżx it-50 km fis-siegħa u li normalment ikollhom kabina żgħira magħluqa b’sit wieħed għas-sewwieq biss”.

    7

    In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8705 u s-subintestaturi tagħha jindikaw:

    “Din l-intestatura tinkludi sett ta’ karozzi, mibnija apposta jew ikkonvertiti, mgħammra b’apparat jew bi strumenti oħra adegwati għat-twettiq ta’ ċerti funzjonijiet, b’distinzjoni mit-trasport innifsu. Għaldaqstant dawn huma vetturi mhux primarjament maħsuba għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija.

    Dawn li ġejjin jaqgħu f’din l-intestatura:

    1.

    Il-vetturi għall-irmunkar li jikkonsistu minn xażi ta’ trakk jew ta’ vann, bi jew mingħajr pjanċa, mgħammar b’tagħmir ta’ rfigħ, bħal krejnijiet mhux rotanti, arbli, paranki, taljoli, maħsuba sabiex jgħollu u jirmonkaw il-karozzi bil-ħsara.

    […]”.

    In-NM

    8

    Il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM. Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2658/87, din tal-aħħar tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

    9

    L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi t-Taqsima I, li tirrigwarda r-regoli ġenerali, li l-punt A tagħha, intitolat “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, jipprevedi:

    “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.

    1.

    It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

    […]

    3.

    Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

    a)

    it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk t-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

    […]

    ċ)

    meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati fit-titlu li jiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.

    […]

    6.

    Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

    10

    It-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana”, tinkludi, fost l-oħrajn, it-Taqsima XVII, bit-titolu “Vetturi, Biċċiet ta’ l-ajru, Bastimenti u Tagħmir tat-Trasport Assoċjat”, u li l-Kapitolu 87 jirreferi għal vetturi ħlief magni u vaguni (rolling-stock) ta’ ferroviji jew linji tat-tramm; u partijiet u aċċessorji tagħhom. In-nota 2 ta’ dan il-Kapitolu 87, dwar l-intestatura 8701, tipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ dan il-kapitlu, ‘trakters’ tfisser vetturi essenzjalment mibnijin għal irmonkar jew imbuttar ta’ vettura, mezz jew tagħbija oħra, fihom jew ma fihomx proviżjon sussidjarju għat-trasport, li jkollu x’jaqsam ma’ l-użu prinċipali tat-trakter, ta’ għodod, żrieragħ, fertilizzanti jew oġġetti oħrajn.

    […]”

    11

    L-intestaturi 8701 u 8705, li jinsabu f’dan il-Kapitolu 87, huma fformulati kif ġej:

    “8701

    Trakters (ħlief trakters ta’ titlu 8709)

    8701 10 00

    – Tratturi b’fus wieħed

    8701 20

    Trakters għat-triq għal semi-trejlers

    8701 20 10

    – – Ġodda

    8701 20 90

    – – Użati

    8701 30 00

    – Trakters għat-tqegħid tal-linji

     

    – Oħrajn, b’qawwa ta’ magna

    8701 91

    – – Ta’ mhux aktar minn 18 kW

    8701 91 10

    – – – Trakters agrikoli u trakters għal xogħol fil-foresti, fuq ir-roti

    8701 91 90

    – – – Oħrajn

    8701 92

    – – Ta’ aktar minn 18 kW iżda mhux aktar minn 37 kW

    8701 92 10

    – – – Trakters agrikoli u trakters għal xogħol fil-foresti, fuq ir-roti

    8701 92 90

    – – – Oħrajn

    […]

    8705

    Vetturi bil-mutur b’għanijiet speċjali, ħlief dawk prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni u oġġetti (per eżempju, trakkijiet għall-ħsarat, trakkijiet krejn, vetturi għat-tifi tan-nar, trakkijiet tal-miksers tal-konkos, trakkijiet għall-knis tat-toroq, trakkijiet biex ibexxu, ħwienet tax-xogħol mobbli, unitajiet radjoloġiċi mobbli):

    8705 10 00

    – Trakkijiet krejn

    8705 20 00

    – Deriks mobbli għat-tħaffir

    8705 30 00

    – Vetturi għat-tifi tan-nar

    8705 40 00

    – Trakkijiet tal-miksers tal-konkos

    8705 90

    – Oħrajn

    8705 90 30

    – – Vetturi li jippumpjaw il-konkos

    8705 90 80

    – – oħrajn”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    12

    Fit-23 ta’ Frar 2017, Bartosch talbet, mingħand l-awtorità doganali, il-ħruġ ta’ informazzjoni tariffarja vinkolanti dwar irmonkatur tal-ajruplani. Dan tal-aħħar huwa deskritt fit-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inġenju li kapaċi jirmonka inġenji tal-ajru li jiżnu mhux iktar minn 54432 kg u li jikkonsisti minn pjattaforma metallika b’erba’ roti, minn magna elettrika b’kapaċità ta’ 33.8 kW, minn apparat għas-sewqan, għall-ibbrekjar u għall-immanuvrar, u b’żewġ sitijiet għas-sewwieqa mqiegħda wieħed quddiem l-ieħor u mgħammra, fuq kull naħa, b’livers biex dan jiġi operat. Huwa mgħammar ukoll b’winċ tal-irmonk mgħammar b’ċinturin għall-ġbid u tagħmir elettro-idrawliku għall-irfigħ. Permezz tal-winċ, ir-rota ta’ quddiem tal-inġenju tal-ajru tinġibed fuq it-tagħmir elettro-idrawliku għall-irfigħ u mbagħad tintrefa’ permezz ta’ dan it-tagħmir. Ladarba f’din il-pożizzjoni, l-ajruplan ikun jista’ jiġi rmonkat jew mbuttat.

    13

    Bartosch sostniet li tali vettura kellha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 87059080 tan-NM, li tikkorrispondi għall-vetturi bil-mutur b’għanijiet speċjali, minbarra dawk intiżi għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija, li għalihom tapplika rata ta’ dazju doganali ta’ 3.7 %.

    14

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2017, l-awtorità doganali ħarġet informazzjoni tariffarja vinkolanti li tikklassifika l-imsemmija vettura fis-subintestatura 87019290 tan-NM, bħala tratturi “oħrajn”. Rata ta’ 7 % hija applikabbli għall-merkanzija li taqa’ taħt din is-subintestatura.

    15

    Wara ċ-ċaħda tal-oppożizzjoni tagħha kontra din id-deċiżjoni, Bartosch ippreżentat rikors quddiem il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija). Dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, billi qieset li biss il-vetturi li l-karatteristika essenzjali tagħhom hija li terfa’ u tirmonka vetturi bi ħsara jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni ta’ “bi ħsara”, fis-sens tal-intestatura 8705 tan-NM. Skont dik il-qorti, irmonkatur tal-ajruplani jaqa’ taħt l-intestatura 8701 tan-NM, għaliex din tkopri b’mod wiesa’ u inekwivoka t-“tratturi”.

    16

    Allianz ippreżentat appell fuq punt ta’ liġi kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija).

    17

    Din tal-aħħar tindika, qabelxejn, li, skont in-noti ta’ spjega tas-SA, l-intestatura 8701 tan-NM tinkludi t-tratturi ta’ kull tip u għal kull użu, tkun xi tkun is-sors tal-enerġija li tħaddimhom. Din l-intestatura ma tinkludix it-trakkijiet għal waqfien minħabba ħsara mgħammra bi krejnijiet, tagħmir għall-irfigħ, u winċijiet, li jaqgħu taħt l-intestatura 8705 tan-NM. L-intestatura 8705 tan-NM tinkludi sett ta’ karozzi, mibnija apposta jew ikkonvertiti, mgħammra b’apparat jew bi strumenti oħra li jirrenduhom xierqa għat-twettiq ta’ ċerti funzjonijiet, distinti mit-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija. Dawn huma, b’mod partikolari, vetturi intiżi għall-irmonk maħsuba sabiex jerfgħu u jirmonkaw il-vetturi bil-ħsara. Minn dan, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li l-intestatura 8705 tan-NM tkopri kategorija iktar speċifika ta’ vetturi mill-intestatura 8701 ta’ din in-nomenklatura.

    18

    Din il-qorti mbagħad iżżid li rmonkatur tal-ajruplani, sa fejn huwa intiż li jiġbed jew jimbotta ajruplani fl-ajruporti, ma huwiex prinċipalment intiż għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija. Madankollu, huwa ma jikkorrispondi għal ebda waħda mill-użi elenkati, bħala eżempji, fl-intestatura 8705.

    19

    Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li fil-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża u b’dik Franċiża tan-NM, il-vetturi msemmija fl-intestatura 8705 u rispettivament imsejħa “break down lorries” u “dépanneuses” huma intiżi biss sabiex jirmonkaw vetturi bil-ħsara, u dan ma jimmilitax favur il-klassifikazzjoni tal-irmonkaturi tal-ajruplani taħt din l-intestatura tariffarja.

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-intestatura 8705 tan-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħt din l-intestatura vetturi bil-mutur mingħajr vireg għall-irmunkar li għandhom winċ tal-irmunkar mgħammar b’ċinturin għall-ġbid li jservi għall-ġbid ta’ inġenji tal-ajru u li għandhom tagħmir għall-irfigħ elettro‑idrawliku li jservi għall-imbuttar ta’ inġenji tal-ajru?”

    Fuq id-domanda preliminari

    21

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-intestatura 8705 ta’ din in-nomenklatura tkopri vetturi intiżi sabiex jirmonkaw u jimbuttaw inġenji tal-ajru, imsejħa “rmonkaturi tal-ajruplani”.

    22

    Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tal-oġġetti, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura u tas-subintestatura tan-NM u min-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, qabel ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet l-oħra tar-regoli ġenerali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2008, Kip Europe et, C‑362/07 u C‑363/07, EU:C:2008:710, punt 39; tat-12 ta’ Lulju 2012, TNT Freight Management (Amsterdam), C‑291/11, EU:C:2012:459, punt 31; tad-19 ta’ Diċembru 2019, Amoena, C‑677/18, EU:C:2019:1142, punti 39 u 40, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 2020, Pfizer Consumer Healthcare, C‑182/19, EU:C:2020:243, punt 37).

    23

    Fit-tieni lok, minkejja l-assenza tas-saħħa vinkolanti tagħhom, in-noti ta’ spjega mfassla, f’dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni Ewropea u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Data I/O, C‑297/13, EU:C:2014:331, punt 33, u tal-15 ta’ Mejju 2019, Korado, C‑306/18, EU:C:2019:414, punt 35).

    24

    Fit-tielet lok, meta l-klassifikazzjoni ma tistax issir fuq il-bażi biss tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott ikkonċernat, id-destinazzjoni tiegħu tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni, bil-kundizzjoni li tkun inerenti għall-imsemmi prodott. L-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-prodotti oġġettivi ta’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2019, TDK-Lambda Germany, C‑559/18, EU:C:2019:667, punt 27, u tas-26 ta’ Marzu 2020, Pfizer Consumer Healthcare, C‑182/19, EU:C:2020:243, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    Fir-rigward tad-dubju tal-qorti tar-rinviju rigward il-klassifikazzjoni tariffarja tal-irmonkatur tal-ajruplani, għandu jiġi osservat li dan id-dubju huwa marbut mill-qrib mal-użu tat-terminu “Abschleppwagen”, fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-intestatura 8705 tan-NM. Fil-fatt, dan it-terminu jindika t-tratturi intiżi għall-irmonk ta’ vetturi oħra, indipendentement minn jekk dawn l-aħħar ikunu bil-ħsara jew le, filwaqt li l-kliem “dépanneuses” u “break down lorries”, fil-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża u b’dik Ingliża ta’ din in-nomenklatura, jindikaw biss vetturi li jservu għall-irmonk ta’ vetturi bil-ħsara.

    26

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata preċedenza fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. B’dan il-mod, in-neċessità ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi ta’ kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teskludi li din titqies b’mod iżolat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tagħha, iżda tirrikjedi li hija tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 14, u tat-8 ta’ Ġunju 2017, Sharda Europe, C‑293/16, EU:C:2017:430, punt 21).

    27

    Issa, kemm mill-għan kif ukoll mill-istruttura tal-intestatura 8705 tan-NM, interpretata fid-dawl tan-noti ta’ spjega tas-SA, jirriżulta li din l-intestatura tkopri biss il-vetturi li jservu għall-irmonk ta’ vetturi bil-ħsara, filwaqt li dawk li jservu għall-irmonk ta’ vetturi li ma humiex bil-ħsara jaqgħu taħt l-intestatura 8701 ta’ din in-nomenklatura.

    28

    Qabel kollox, in-nota 2 tal-Kapitolu 87 tan-NM dwar l-intestatura 8701 ta’ din tal-aħħar, bħan-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 8701 tas-SA, tindika li l-kelma “tratturi” tindika l-vetturi bil-mutur essenzjalment maħsuba sabiex jiġbdu jew jimbuttaw inġenji, vetturi jew tagħbijiet oħra, anki jekk ikunu jinkludu ċertu tagħmir aċċessorju li jippermetti t-trasport, b’konnessjoni mal-użu prinċipali tagħhom, ta’ għodda, ta’ żrieragħ, ta’ fertilizzanti eċċ. In-nota ta’ spejga tas-SA tgħid ukoll li l-intestatura 8701 tinkludi t-tratturi ta’ kull tip u għal kull tip ta’ użu, b’mod partikolari tratturi tal-winċ li huma mgħammra b’winċijiet jew b’kapstin li jippermettu, pereżempju, l-irmonk ta’ vettura li tkun weħlet, jew l-irmonk mill-bogħod ta’ makkinarju agrikolu. Skont din l-istess nota ta’ spjega, huma, min-naħa l-oħra, esklużi mill-intestatura 8701 it-trakkijiet għal waqfien minħabba ħsara – li jservu għall-irmonk tal-vetturi bil-ħsara – mgħammra bi krejnijiet, b’tagħmir għall-irfigħ u b’winċijiet li jaqgħu taħt l-intestatura 8705.

    29

    Barra minn hekk, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar, b’mod iktar partikolari, is-subintestaturi 8701.91 sa 95 jippreċiżaw li dawn tal-aħħar jinkludu l-vetturi maħsuba sabiex jiġbdu semi-trejlers fuq distanzi qosra, bħal trakters fil-portijiet.

    30

    Sussegwentement, skont ir-regola ġenerali 3(a) għall-interpretazzjoni tan-NM, meta l-merkanzija tidher li għandha tiġi kklassifikata taħt żewġ intestaturi jew iktar, il-klassifikazzjoni ssir billi tingħata prijorità lill-intestatura l-iktar speċifika fuq l-intestaturi ta’ portata ġenerali.

    31

    Issa, mill-punti 26 sa 28 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-intestatura 8701 tan-NM, li tirrigwarda t-tratturi, hija iktar speċifika mill-intestatura 8705 ta’ din in-nomenklatura, li tirreferi, b’mod iktar wiesa’, għall-vetturi b’għanijiet speċjali minbarra dawk intiżi prinċipalment għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija.

    32

    Tali interpretazzjoni tal-intestatura 8701 tan-NM hija, fl-aħħar nett, ikkorroborata mis-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe (C‑15/05, EU:C:2006:259), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ vettura għal kull art. Fil-fatt, mill-punt 46 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kapaċità ta’ rmonkar ta’ vettura tikkostitwixxi l-proprjetà oġġettiva li tippermetti li jiġi stabbilit jekk hijiex essenzjalment maħsuba għall-irmonk jew għall-imbuttar ta’ magni, vetturi jew tagħbija oħra jew, min-naħa l-oħra, għat-trasport ta’ persuni. Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fil-punt 55 tal-imsemmija sentenza, li l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ta’ dawn il-vetturi jikkorrispondu għall-indikazzjonijiet mogħtija fin-nota 2 tal-Kapitolu 87 tan-NM sa fejn huma kienu ġew essenzjalment maħsuba għall-irmonk jew għall-imbuttar ta’ vetturi oħra. L-applikazzjoni tar-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM twassal, konsegwentement, sabiex l-imsemmija vetturi jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8701 ta’ din in-nomenklatura.

    33

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jitqies li vettura li għandha l-karatteristiċi tal-irmonkatur tal-ajruplani inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-intestatura 8701 tan-NM, peress li din il-vettura ma sservix għall-irmonk ta’ vetturi bil-ħsara u peress li ma għandhiex funzjoni partikolari oħra ħlief dik li tiġbed u timbotta ajruplani fuq distanzi qosra.

    34

    Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-intestatura 8705 ta’ din in-nomenklatura ma tkoprix il-vetturi maħsuba sabiex jirmonkaw u jimbuttaw inġenji tal-ajru, imsejħa “rmonkaturi tal-ajruplani”, peress li dawn tal-aħħar jaqgħu taħt l-intestatura 8701 tal-imsemmija nomenklatura.

    Fuq l-ispejjeż

    35

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-intestatura 8705 ta’ din in-nomenklatura ma tkoprix il-vetturi maħsuba sabiex jirmonkaw u jimbuttaw inġenji tal-ajru, imsejħa “rmonkaturi tal-ajruplani”, peress li dawn tal-aħħar jaqgħu taħt l-intestatura 8701 tal-imsemmija nomenklatura.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq