Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CJ0203

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2021.
Proċeduri kriminali kontra AB et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Okresný súd Bratislava III.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 51 – Implimentazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja – Rinviju mwettaq qabel il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew – Ammissibbiltà – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 50 – Kunċetti ta’ ‘liberazzjoni’ u ta’ ‘kundanna’ – Amnestija fl-Istat Membru emittenti – Deċiżjoni definittiva ta’ interruzzjoni tal-proċeduri kriminali – Revoka tal-amnestija – Annullament tad‑deċiżjoni ta’ interruzzjoni tal-proċeduri kriminali – Tkomplija tal‑proċeduri – Neċessità ta’ deċiżjoni mogħtija wara evalwazzjoni tar‑responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għall‑informazzjoni fil‑kuntest tal-proċeduri kriminali – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘proċeduri kriminali’ – Proċedura leġiżlattiva għall‑adozzjoni ta’ riżoluzzjoni dwar ir‑revoka ta’ amnestija – Proċedura ġudizzjarja ta’ stħarriġ tal‑konformità ta’ din ir‑riżoluzzjoni mal-Kostituzzjoni nazzjonali.
Kawża C-203/20.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:1016

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Diċembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 51 – Implimentazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja – Rinviju mwettaq qabel il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew – Ammissibbiltà – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 50 – Kunċetti ta’ ‘liberazzjoni’ u ta’ ‘kundanna’ – Amnestija fl-Istat Membru emittenti – Deċiżjoni definittiva ta’ interruzzjoni tal-proċeduri kriminali – Revoka tal-amnestija – Annullament tad‑deċiżjoni ta’ interruzzjoni tal-proċeduri kriminali – Tkomplija tal‑proċeduri – Neċessità ta’ deċiżjoni mogħtija wara evalwazzjoni tar‑responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għall‑informazzjoni fil‑kuntest tal-proċeduri kriminali – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘proċeduri kriminali’ – Proċedura leġiżlattiva għall‑adozzjoni ta’ riżoluzzjoni dwar ir‑revoka ta’ amnestija – Proċedura ġudizzjarja ta’ stħarriġ tal‑konformità ta’ din ir‑riżoluzzjoni mal-Kostituzzjoni nazzjonali”

Fil-Kawża C‑203/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Mejju 2020, fil-proċeduri kriminali kontra

AB,

CD,

EF,

NO,

JL,

GH,

IJ,

LM,

PR,

ST,

UV,

WZ,

BC,

DE,

FG,

fil-preżenza ta’:

HI,

Krajská prokuratúra v Bratislave,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatriċi) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Mejju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal AB, minn M. Mandzák, M. Para, Ľ. Hlbočan u Ľ. Kaščák, advokáti,

għal CD, EF, NO u JL, minn M. Krajčí u M. Para, advokáti,

għal IJ, minn M. Totkovič u M. Pohovej, advokáti,

għall-Krajská prokuratúra v Bratislave, minn R. Remeta u V. Pravda, bħala aġenti,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikolu 82 TFUE, tal-Artikoli 47, 48 u 50 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tad‑Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il‑mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), u tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra AB, CD, EF, NO, JL, GH, IJ, LM, PR, ST, UV, WZ, BC, DE u FG (iktar ’il quddiem il‑“persuni akkużati”), li fihom il-qorti tar-rinviju qiegħda tikkunsidra l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kontra waħda minn dawn il-persuni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

3

L-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Limiti ta’ żmien u proċeduri għad-deċiżjoni ta’ l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza.”

Id-Direttiva 2012/13

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/13, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas‑suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom. Hija tistabbilixxi wkoll regoli rigward id‑dritt għall-informazzjoni ta’ persuni soġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew relatat mad-drittijiet tagħhom.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.”

Id-dritt Slovakk

Il-Kostituzzjoni emendata

6

Skont l-Artikolu 86 tal-Ústava Slovenskej republiky (il-Kostituzzjoni tar‑Repubblika Slovakka), kif emendata bl-ústavný zákon č. 71/2017 Z. z. (il-Liġi Kostituzzjonali Nru 71/2017) tat‑30 ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem il‑“Kostituzzjoni emendata”):

“In-Národná rada Slovenskej republiky (il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka) għandu l-kompetenza, b’mod partikolari, sabiex:

[…]

(i)

jiddeċiedi dwar l-annullament ta’ deċiżjoni tal-President [tar-Repubblika Slovakka] adottata skont l-Artikolu 102(1)(j) jekk dan imur kontra l‑prinċipji ta’ Stat demokratiku u tad-dritt; ir-riżoluzzjoni adottata għandha portata ġenerali u hija ppubblikata bl-istess mod bħal liġi,

[…]”

7

L-Artikolu 129a ta’ din il-Kostituzzjoni jipprevedi:

“L-Ústavný súd Slovenskej republiky [(il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka)] għandha tieħu deċiżjoni dwar il-kostituzzjonalità ta’ riżoluzzjoni tal‑Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka li tirrevoka amnestija jew maħfriet individwali adottati skont l-Artikolu 86(i). Il-Qorti Kostituzzjonali għandha tniedi ex officio proċedura skont l-ewwel sentenza […]”.

8

L-Artikolu 154f tal-imsemmija Kostituzzjoni jipprovdi:

“(1)   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(i), tal-Artikolu 88a u tal-Artikolu 129a japplikaw ukoll għall-Artikolu V u għall-Artikolu VI tad-Deċiżjoni tal-President tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka tat‑3 ta’ Marzu 1998 li toħroġ amnestija, ippubblikata bin-numru 55/1998, għad-deċiżjoni tal-President tal-Gvern tar‑Repubblika Slovakka tas‑7 ta’ Lulju 1998 li toħroġ amnestija, ippubblikata bin-numru 214/1998 kif ukoll għad-Deċiżjoni tal-President tar-Repubblika Slovakka tat‑12 ta’ Diċembru 1997 li tagħti maħfra lil imputat […]

(2)   Ir-revoka ta’ amnestiji u maħfriet skont il-paragrafu 1

a)

tannulla d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi sa fejn dawn ikunu ġew adottati u motivati abbażi tal-amnestiji u maħfriet imsemmija fil-paragrafu 1, u

b)

tneħħi l-ostakoli legali għall-proċeduri bbażati fuq l-amnestiji u l-maħfriet imsemmija fil-paragrafu 1; it-tul ta’ dawn l-ostakoli legali ma huwiex inkluż fil-kalkolu tat-termini ta’ preskrizzjoni għall-fatti koperti mill-amnestiji u mill-maħfriet imsemmija fil-paragrafu 1.”

Il-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali emendata

9

L-Artikolu 48b fis-Sitt Taqsima tat-Tieni Titolu tat-Tielet Parti taż-zákon č. 38/1993 Z. z. o organizácii Ústavného súdu Slovenskej republiky, o konaní pred ním a o postavení jeho sudcov (il-Liġi Nru 38/1993 dwar l-Organizzazzjoni, ir‑Regoli tal-Proċedura u l-Istatut tal-Imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali tar‑Repubblika Slovakka), kif emendata biż-zákon č. 72/2017 Z. z. (il‑Liġi Nru 72/2017) tat‑30 ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali emendata”), kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“(1)   Il-Qorti Kostituzzjonali għandha tniedi ex officio l-proċedura fuq il-mertu skont l-Artikolu 129a tal-Kostituzzjoni, filwaqt li l-proċedura li tibda fil-jum tal‑pubblikazzjoni fiż-Zbierka zákonov [(Il-Ġurnal Uffiċjali)] tar-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka skont l-Artikolu 86(i) tal-Kostituzzjoni.

(2)   Huwa biss il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka li huwa parti fil‑proċedura.

(3)   Il-parti l-oħra fil-proċedura hija l-Gvern tar-Repubblika Slovakka, irrappreżentat mill-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka, jekk il‑proċedura tirrigwarda riżoluzzjoni li tkun irrevokat amnestija, jew mill‑President tar-Repubblika Slovakka, jekk il-proċedura tirrigwarda riżoluzzjoni li tkun irrevokat maħfra individwali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Il-persuni akkużati kienu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fis-Slovakkja għal sensiela ta’ reati li twettqu matul l‑1995.

11

Fit‑3 ta’ Marzu 1998, il-President tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka, li, minħabba l-iskadenza tal-mandat tal-President tar-Repubblika Slovakka, kien jeżerċita, dak iż-żmien, is-setgħat ta’ dan, ħareġ amnestija għal dawn ir-reati (iktar ’il quddiem l-“amnestija tal‑1998”).

12

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2001, l-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III, is-Slovakkja) għalqet l-imsemmija proċeduri abbażi, b’mod partikolari, ta’ din il-amnestija. Din id-deċiżjoni, li saret definittiva, ipproduċiet, fid-dritt Slovakk, l-istess effetti bħal dawk li kienet twassal għalihom sentenza ta’ liberazzjoni.

13

Fl‑4 ta’ April 2017 daħlu fis-seħħ il-Liġi Kostituzzjonali 71/2017 kif ukoll il‑Liġi 72/2017.

14

Permezz ta’ riżoluzzjoni tal‑5 ta’ April 2017, il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka, abbażi tal-Artikolu 86(i) tal-Kostituzzjoni emendata, irrevoka l‑amnestija tal‑1998.

15

Permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2017, l-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet, skont l‑Artikolu 129a tal-Kostituzzjoni emendata, li din ir-riżoluzzjoni kienet konformi mal-Kostituzzjoni.

16

Konformement mal-Artikolu 154f(2) tal-Kostituzzjoni emendata, ir-riżoluzzjoni tal‑5 ta’ April 2017 timplika l-annullament tad-deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2001 tal-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III), b’tali mod li tkomplew il-proċeduri kriminali kontra l-persuni akkużati.

17

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fuq talba tal-Krajská prokuratúra v Bratislave (il‑Prosekutur Reġjonali ta’ Bratislava, is-Slovakkja), hija ħarġet mandat ta’ arrest internazzjonali kontra ST, minħabba li dan jista’ jinsab fil‑Mali. Hija żżid li, peress li ma tistax teskludi li din il-persuna tinsab fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, hija għandha l-intenzjoni li toħroġ ukoll mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward tagħha.

18

Madankollu, dik il-qorti tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludix il‑ħruġ ta’ tali mandat ta’ arrest Ewropew fil-kawża prinċipali.

19

F’dan ir-rigward, wara li indikat li, mill-perspettiva tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, sussegwentement, il-Karta huma applikabbli f’dan il-każ, il‑qorti tar-rinviju tispjega li hija għandha tiżgura b’mod partikolari, qabel ma toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal‑persuna kkonċernata tkun iggarantita. Għal dan l-għan, hija tixtieq tkun taf, qabel kollox, jekk deċiżjoni definittiva li ttemm il-proċeduri kriminali taqax taħt il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, b’mod partikolari f’kuntest fejn tali deċiżjoni ttieħdet abbażi ta’ amnestija u hija sussegwentement annullata permezz tal-effett ta’ miżura leġiżlattiva li tirrevoka din l-amnestija, mingħajr deċiżjoni ġudizzjarja speċifika jew proċedura ġudizzjarja.

20

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk proċedura leġiżlattiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-għan tagħha huwa r-revoka ta’ amnestija, bl‑effett tal-annullament ta’ deċiżjoni definittiva individwali li interrompiet il‑proċeduri kriminali, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13, li tistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna akkużata li tikseb, f’kull stadju tal-proċeduri kriminali, l-informazzjoni relatata ma’ dawn il-proċeduri sa fejn din hija neċessarja sabiex jiġi ggarantit smigħ xieraq kif ukoll id-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, dik il-qorti tosserva li kemm il-proċedura quddiem il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka kif ukoll il-proċedura quddiem l-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar‑Repubblika Slovakka) jipprekludu li parti involuta f’waħda jew oħra minn dawn il-proċeduri tkun tista’ teżerċita d-drittijiet proċedurali fundamentali tagħha, fatt li jista’ jikser mhux biss id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll l-Artikoli 47 u 50 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 82 TFUE.

21

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-istħarriġ mill-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva li tirrevoka amnestija huwa limitat għall-evalwazzjoni tal-konformità tagħha mal-kostituzzjoni nazzjonali biss, mingħajr ma tista’ tiġi evalwata barra minn hekk il-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 267 TFUE, mad-drittijiet fundamentali ggarantiti, b’mod partikolari, mill-Artikoli 47 u 50 tal-Karta, kif ukoll mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE. Barra minn hekk, il-“mekkaniżmu nazzjonali” ta’ revoka ta’ amnestija jista’ jkun f’kunflitt mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività, li jillimitaw l‑awtonomija proċedurali tal-Istati Membri waqt l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali interni.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludi l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fis-sens tad-Deċiżjoni [Qafas 2002/584], fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-[Karta], meta l-kawża kriminali tkun ġiet definittivament konkluża permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li twaqqaf jew tinterrompi l-proċedura, jekk dawn id-deċiżjonijiet ikunu ġew adottati fuq il-bażi ta’ amnestija li tkun ġiet irrevokata mil-leġiżlatur wara li dawn id-deċiżjonijiet ikunu saru definittivi u l-ordinament ġuridiku intern jipprevedi li r-revoka ta’ tali amnestija tagħti lok għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi sa fejn dawn ikunu ġew adottati u mmotivati fuq il-bażi ta’ amnestiji u ta’ maħfriet u ma jibqgħux preżenti l-ostakoli legali tal-proċeduri kriminali li kienu bbażati fuq amnestija li tkun ġiet irrevokata, u dan mingħajr deċiżjoni ġudizzjarja jew proċedura ġudizzjarja speċifika?

2)

Dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tannulla direttament, mingħajr deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, id-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tinterrompi l-proċedura kriminali, li, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, għandha n-natura ta’ deċiżjoni definittiva li tagħti lok għall-waqfien u li fuq il-bażi tagħha l-proċedura kriminali tkun ġiet definittivament interrotta wara l-amnestija mogħtija konformement ma’ liġi nazzjonali, hija konformi mad-dritt għal qorti imparzjali, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-[Karta], kif ukoll mad-dritt għal ne bis in idem għal reat kriminali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-[Karta] u fl-Artikolu 82 TFUE?

3)

Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tillimita l-istħarriġ mill-Qorti Kostituzzjonali tar-riżoluzzjoni tan-Národná rada Slovenskej republiky (il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka) li tirrevoka amnestija jew maħfriet individwali u adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 86(i) tal-[Kostituzzjoni emendata] għal sempliċi evalwazzjoni tal-kostituzzjonalità tagħha, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-atti vinkolanti adottati mill-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-[Karta], it-Trattat [FUE] kif ukoll it-Trattat [TUE], hija konformi mal-prinċipju ta’ lealtà fis-sens tal-Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 82 TFUE, mad-dritt għal qorti imparzjali, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-[Karta], kif ukoll mad-dritt għal ne bis in idem għal reat kriminali, iggarantit mill-Artikolu 50 tal-[Karta]?”

Fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-talba għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

23

Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Ġustizzja, billi rreferiet għall-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jipprovdi li “[m]andat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza”.

24

Fit‑3 ta’ Ġunju 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tilqa’ din it-talba, peress li dik il-qorti ma kienet ipprovdiet l-ebda element li jippermetti li jiġu evalwati r-raġunijiet speċifiċi għalfejn kien ikun urġenti li tingħata deċiżjoni dwar din il-kawża. B’mod partikolari, l-imsemmija qorti la semmiet sitwazzjoni ta’ detenzjoni tal-persuni akkużati u lanqas a fortiori esponiet ir-raġunijiet li għalihom ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja setgħu jkunu determinanti għal eventwali liberazzjoni tal-imsemmija persuni.

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

25

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Ġunju 2021, AB talab li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

26

Insostenn tat-talba tiegħu, AB josserva li l-Avukata Ġenerali rrilevat, fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tagħha, l-eżistenza ta’ ċertu ammont ta’ impreċiżjonijiet li jivvizzjaw it-talba għal deċiżjoni preliminari. F’dan il-kuntest, AB jixtieq jippreċiża, bħala fatt ġdid, li, fid-deċiżjoni tagħha tad‑29 ta’ Ġunju 2001, l‑Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III) immotivat l‑għeluq tal-proċeduri kriminali mhux minħabba amnestija, iżda abbażi tal‑prinċipju tad-dritt nazzjonali ta’ ne bis in idem.

27

Bis-saħħa tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal‑fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill‑partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

28

Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din is-sitwazzjoni.

29

Fil-fatt, fit-talba tiegħu, AB sempliċement jipprovdi l-interpretazzjoni tiegħu tal‑fatti li wasslu għall-kawża u, b’mod partikolari, għad-deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2001 tal-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III).

30

Issa, minbarra li tali interpretazzjoni ma tikkostitwixxix ċirkustanza ġdida, fis‑sens tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal‑Ġustizzja, il-qorti nazzjonali biss għandha ġurisdizzjoni li tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tagħti deċiżjonijiet fuq l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal‑Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali kif deskritta mill-qorti tar‑rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-informazzjoni utli għas-soluzzjoni tat‑tilwima li tressqet quddiemha (sentenzi tas‑27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 35, kif ukoll tal‑14 ta’ Novembru 2019, Dilly’s Wellnesshotel, C‑585/17, EU:C:2019:969, punt 45 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

31

Barra minn hekk, sa fejn, permezz tat-talba tiegħu għall-ftuħ mill-ġdid tal‑proċedura orali, AB jixtieq jirrispondi għall-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li lanqas il-kontenut tal-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali ma jista’ jikkostitwixxi tali fatt ġdid, li mingħajru jkun possibbli għall-partijiet, permezz tal-invokazzjoni ta’ tali fatt, li jirrispondu għall‑imsemmija konklużjonijiet. Issa, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistgħux jiġu diskussi mill-partijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk kellha l‑okkażjoni tenfasizza li, skont l-Artikolu 252 TFUE, ir-rwol tal-Avukat Ġenerali huwa li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu, sabiex jassistiha fit-twettiq tal‑missjoni tagħha li hija li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl‑applikazzjoni tat-Trattati. Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20 ta’ dan l‑Istatut u l-Artikolu 82(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali għandhom itemmu l-proċedura orali. Barra mid-dibattitu bejn il-partijiet, il-konklużjonijiet jiftħu l-fażi tad-deliberazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk din ma hijiex opinjoni intiża għall-imħallfin jew għall-partijiet li tirriżulta minn awtorità esterna għall-Qorti tal-Ġustizzja, iżda opinjoni individwali, motivata u espressa pubblikament, ta’ membru tal-istituzzjoni stess (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-elementi mressqa minn AB ma jiżvelaw l-ebda fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li hija mitluba tagħti f’din il-kawża u li din tal-aħħar ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, peress li għandha, fi tmiem il-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura, l-elementi kollha neċessarji, il‑Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tagħti deċiżjoni.

33

Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal‑proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kontra persuna li kienet is-suġġett ta’ proċeduri kriminali inizjalment interrotti minħabba deċiżjoni ġudizzjarja definittiva adottata abbażi ta’ amnestija, u li tkomplew wara l-adozzjoni ta’ liġi li tirrevoka din l‑amnestija u li tannulla l-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

35

Il-Gvern Slovakk jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq l-ewwel domanda preliminari għar-raġuni li, peress li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma hija applikabbli għall-kawża inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, il-Karta lanqas ma hija applikabbli. Fir-realtà, il-qorti tar‑rinviju tfittex li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina d-dritt nazzjonali Slovakk fil‑qasam tal-amnestija, u dan imur lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha. Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma huwiex applikabbli ratione temporis, peress li l-fatti kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel domanda preliminari ssemmi l‑Artikolu 50 tal-Karta.

37

Issa, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, għal dak li jirrigwarda l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lejn l-Istati Membri biss meta huma jimplimentaw id‑dritt tal-Unjoni.

38

Mill-bqija, dan l-Artikolu 51(1) tal-Karta jikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl‑ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura – Haskovo u Apelativna prokuratura – Plovdiv, C‑393/19, EU:C:2021:8, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għaldaqstant, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom innifishom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura – Haskovo u Apelativna prokuratura – Plovdiv, C‑393/19, EU:C:2021:8, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, huwa minnu li, kif tirrileva l-Kummissjoni Ewropea, il-proċedura fil‑kawża prinċipali tikkonċerna ksur li ma huwiex armonizzat fid-dritt tal-Unjoni u li, barra minn hekk, dan id-dritt ma jirregolax l-adozzjoni u r-revoka ta’ amnestija.

41

Madankollu, l-ewwel domanda ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna dawn ir-reati jew din l-amnestija, iżda dik tal-Artikolu 50 tal-Karta fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li l-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni li tibda.

42

Issa, tali proċedura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’tali mod li, peress li din id‑deċiżjoni tista’ tapplika għall-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew li l-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni li tibda, il-Karta tista’ tapplika wkoll għal din il-proċedura.

43

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għall-ewwel domanda preliminari.

Fuq l-ammissibbiltà

44

Il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni jenfasizzaw li l-qorti tar-rinviju għadha ma ħarġitx mandat ta’ arrest Ewropew u li ma huwiex ċert li hija ser tagħmel dan, peress li ma huwiex stabbilit li l-persuna li fir-rigward tagħha għandu jinħareġ dan il-mandat tinsab fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri. Issa, l-Istati Membri ma jimplimentawx id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, ħlief meta l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għalhekk, huwa biss il-ħruġ effettiv ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jista’ jitqies li huwa implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għall‑kuntrarju, is-sempliċi intenzjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ma hijiex suffiċjenti sabiex il-proċedura kriminali kkonċernata titqies li hija implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bil-konsegwenza tal-applikazzjoni tal-Karta għad-domandi kollha relatati mal-legalità ta’ din il-proċedura. Għaldaqstant, l‑ewwel domanda preliminari hija irrilevanti u ipotetika u, għaldaqstant, inammissibbli.

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in‑neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l‑problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad‑domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III) tqis li l-kundizzjonijiet għall‑ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kontra waħda mill-persuni akkużati huma, bħala prinċipju, issodisfatti u li hija għandha l-intenzjoni toħroġ tali mandat ta’ arrest Ewropew, peress li huwa possibbli li din il-persuna tinsab fi Stat Membru ieħor jew tista’ tmur hemmhekk. Barra minn hekk, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħruġ mill-qorti tar-rinviju ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jiddependi mir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għall-ewwel domanda preliminari.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi allegat li hija l-qorti nazzjonali li għandha dubji dwar il-legalità, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li għandha toħroġ tali mandat sabiex imbagħad tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari jmur manifestament kontra l-iskop tal-imsemmi Artikolu 267 TFUE.

49

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-mekkaniżmu ta’ deċiżjoni preliminari stabbilit minn din id-dispożizzjoni huwa intiż sabiex jiżgura li f’kull ċirkustanza d-dritt tal-Unjoni jkollu l-istess effett fl-Istati Membri kollha u b’hekk jipprevjeni diverġenzi fl-interpretazzjoni tiegħu li l-qrati nazzjonali għandhom japplikaw u huwa intiż sabiex jiżgura din l-applikazzjoni, billi jagħti lill-qorti nazzjonali mezz sabiex jiġu eliminati d-diffikultajiet li jista’ jqajjem ir-rekwiżit li jingħata effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri. Għalhekk, il-qrati nazzjonali għandhom setgħa mill-iktar wiesgħa, jew saħansitra l-obbligu, li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem domandi dwar l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal‑validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħhom (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 28 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

50

Dan huwa iktar u iktar minnu f’dan il-każ peress li s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u tad‑drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna mfittxija, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell, fil-kuntest tal‑adozzjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied dik li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand‑Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 59 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

51

Għalhekk, fir-rigward ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija tali li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il‑protezzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 68).

52

Konsegwentement, billi tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżgura li l-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha l-intenzjoni li tikkonforma ruħha mal-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, għaldaqstant, li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal‑Artikolu 51(1) tal-Karta.

53

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tosserva l-Kummissjoni, tali kunsiderazzjoni ma għandhiex il-konsegwenza li tirrendi d-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-proċeduri kriminali li fil-kuntest tagħhom dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ, peress li dawn il-proċeduri kriminali huma distinti mill-proċedura ta’ ħruġ ta’ tali mandat li għaliha tapplika d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u għalhekk id-dritt tal-Unjoni biss.

54

Għaldaqstant l-ewwel domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

55

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 50 tal-Karta, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ne bis in idem fid-dritt tal-Unjoni, “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”.

56

Sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni ġudizzjarja tikkostitwixxix deċiżjoni li taqta’ l-każ ta’ persuna b’mod finali, għandu jiġi żgurat b’mod partikolari li din id-deċiżjoni tkun ingħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2005, Miraglia, C‑469/03, EU:C:2005:156, punt 30; tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M, C‑398/12, EU:C:2014:1057, punt 28; u tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 42).

57

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, minn naħa, mill-formulazzjoni tal‑Artikolu 50 tal-Karta peress li, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 51 tal‑konklużjonijiet tagħha, il-kunċetti ta’ “kundanna” u ta’ “liberazzjoni” li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni jimplikaw neċessarjament li r‑responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata tkun ġiet eżaminata u li deċiżjoni f’dan ir-rigward tkun ġiet adottata.

58

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija interpretazzjoni hija konformi mal-għan leġittimu li tiġi evitata l-impunità tal-persuni li wettqu reat, għan li jaqa’ fil-kuntest tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni li fi ħdanu huwa żgurat il‑moviment liberu tal-persuni, previst fl-Artikolu 3(2) TUE (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 3637; tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 60; kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar ta’ Interpol), C‑505/19, EU:C:2021:376, punt 86).

59

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, ċertament, li d-deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2001 li permezz tagħha l-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III) għalqet il-proċeduri mibdija kontra l-persuni akkużati għandha, skont id-dritt nazzjonali, l-effetti ta’ deċiżjoni ta’ liberazzjoni.

60

Madankollu, indipendentement min-natura u mill-effetti ta’ din id-deċiżjoni fid‑dritt Slovakk, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li l-imsemmija deċiżjoni, li ġiet adottata abbażi, b’mod partikolari, l‑amnestija tal‑1998, kellha biss l-effett li tinterrompi l-imsemmija proċeduri kriminali, qabel ma l-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III) jew kwalunkwe qorti Slovakka oħra setgħet tiddeċiedi dwar ir‑responsabbiltà kriminali tal-persuni akkużati, li huwa fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall‑ewwel domanda hija li l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis‑sens li ma jipprekludix il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kontra persuna li kienet is-suġġett ta’ proċeduri kriminali inizjalment interrotti minħabba deċiżjoni ġudizzjarja definittiva adottata abbażi ta’ amnestija, u li tkomplew wara l‑adozzjoni ta’ liġi li tirrevoka din l-amnestija u li tannulla l-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja, meta din tal-aħħar tkun ġiet adottata qabel kwalunkwe evalwazzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata.

Fuq it-tieni domanda

62

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl‑Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il‑perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, PL Holdings, C‑109/20, EU:C:2021:875, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Għalhekk, fid-dawl tal-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari, kif miġbura fil‑qosor fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, it-tieni domanda preliminari għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2012/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija applikabbli għal proċedura ta’ natura leġiżlattiva dwar ir-revoka ta’ amnestija kif ukoll għal proċedura ġudizzjarja intiża għall-istħarriġ tal-konformità ta’ din ir-revoka mal-Kostituzzjoni nazzjonali u, fil‑każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk din id-direttiva, moqrija b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikoli 47 u 50 tal-Karta, tipprekludix tali proċeduri.

64

Anki jekk ifformulata mill-ġdid, din id-domanda hija, skont il-Gvern Slovakk u l‑Kummissjoni, inammissibbli. Fil-fatt, peress li d-Direttiva 2012/13 tikkonċerna biss il-proċeduri kriminali, hija ma tapplikax għall-proċeduri mibdija mill-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka jew mill-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka) konformement mad-dritt Slovakk applikabbli. B’mod partikolari, il-proċedura quddiem din l-aħħar qorti ma tirrigwardax id-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi speċifiċi u ma għandhiex l-għan li teżamina r-responsabbiltà kriminali tagħhom. L-uniku għan ta’ din il-proċedura huwa li tiġi evalwata l-konformità mal-Kostituzzjoni ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka skont l‑Artikolu 86(i) tal-Kostituzzjoni emendata.

65

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-oġġezzjonijiet imressqa b’dan il-mod għall-ammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari jirrigwardaw essenzjalment il-portata stess tad-dritt tal‑Unjoni, b’mod partikolari l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13 u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tagħha. Tali argumenti, li għalhekk jikkonċernaw il-mertu tad-domanda magħmula, ma jistgħux iwasslu b’hekk, min-natura tagħhom stess, għall-inammissibbiltà ta’ din id-domanda (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Għaldaqstant, it-tieni domanda preliminari, kif irriformulata fil-punt 63 ta’ din is‑sentenza, hija ammissibbli.

67

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li, skont l‑Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2012/13 tiddefinixxi regoli li jikkonċernaw, minn naħa, id-dritt tal-persuni ssuspettati jew akkużati li jiġu informati bid-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u bl-akkuża kontrihom u, min-naħa l‑oħra, id-dritt tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jiġu informati bid-drittijiet tagħhom.

68

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(1) tagħha, din id-direttiva tapplika mill‑mument li fih il-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat, u sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali, inkluż, fejn applikabbli, il-kundanna u d-deċiżjoni mogħtija fuq kwalunkwe appell.

69

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-imsemmija direttiva tapplika għall‑proċeduri dwar il-mandati ta’ arrest Ewropej kif ukoll għall-proċeduri kriminali sa fejn dawn tal-aħħar huma intiżi li jiddeterminaw jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata wettqitx reat kriminali.

70

Minn dan isegwi li proċedura li ma għandhiex bħala suġġett id-determinazzjoni tar-responsabbiltà kriminali ta’ persuna ma tistax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13.

71

B’mod partikolari, din id-direttiva la tista’, għaldaqstant, tapplika għal proċedura ta’ natura leġiżlattiva dwar ir-revoka ta’ amnestija u lanqas għal proċedura ġudizzjarja intiża għall-istħarriġ tal-konformità ta’ din ir-revoka mal-kostituzzjoni nazzjonali. Fil-fatt, indipendentement ukoll mill-effetti tagħhom fuq is-sitwazzjoni proċedurali ta’ persuna, tali proċeduri ma humiex intiżi li jistabbilixxu r‑responsabbiltà kriminali potenzjali ta’ din il-persuna.

72

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari hija li id-Direttiva 2012/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li la hija applikabbli għal proċedura ta’ natura leġiżlattiva dwar ir-revoka ta’ amnestija u lanqas għal proċedura ġudizzjarja intiża għall-istħarriġ tal-konformità ta’ din ir‑revoka mal-Kostituzzjoni nazzjonali.

Fuq it-tielet domanda

73

Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikoli 82 u 267 TFUE kif ukoll l‑Artikoli 47 u 50 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-istħarriġ mill-Qorti Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva li tirrevoka amnestija huwa limitat għall-evalwazzjoni tal-konformità tagħha mal‑Kostituzzjoni biss, mingħajr ma tista’ tiġi evalwata barra minn hekk il‑konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

74

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat qabel kollox li, kif ġustament osserva l‑Gvern Slovakk u kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi proċedura ta’ natura leġiżlattiva marbuta mar-revoka ta’ amnestija kif ukoll proċedura ġudizzjarja intiża għall‑istħarriġ tal-konformità ta’ din ir-revoka mal-Kostituzzjoni ma timplimentax id-dritt tal-Unjoni, peress li tali proċeduri ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt.

75

Peress li d-dritt tal-Unjoni għalhekk ma huwiex applikabbli għal tali leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil‑punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza, ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għat-tielet domanda preliminari.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kontra persuna li kienet is-suġġett ta’ proċeduri kriminali inizjalment interrotti minħabba deċiżjoni ġudizzjarja definittiva adottata abbażi ta’ amnestija, u li tkomplew wara l-adozzjoni ta’ liġi li tirrevoka din l-amnestija u li tannulla l‑imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja, meta din tal-aħħar tkun ġiet adottata qabel kwalunkwe evalwazzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata.

 

2)

Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali għandha tiġi interpretata fis-sens li la hija applikabbli għal proċedura ta’ natura leġiżlattiva dwar ir-revoka ta’ amnestija u lanqas għal proċedura ġudizzjarja intiża għall-istħarriġ tal-konformità ta’ din ir‑revoka mal-Kostituzzjoni nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.

Fuq