Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0704

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Frar 2020.
Proċeduri kriminali kontra Nikolay Kolev et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja – Setgħa li tingħata ordni ta’ qorti superjuri fir-rigward ita-modalitajiet ta’ implimentazzjoni – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ effettività – Rispett tad-drittijiet tad-difiża.
Kawża C-704/18.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:92

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Frar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja – Setgħa li tingħata ordni ta’ qorti superjuri fir-rigward ita-modalitajiet ta’ implimentazzjoni – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri– Prinċipju ta’ effettività – Rispett tad-drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża C‑704/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Novembru 2018, fil-proċeduri kriminali kontra

Nikolay Kolev et

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher u R. Troosters kif ukoll minn Y. Marinova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra Nikolay Kolev et (iktar ’il quddiem il-“persuni akkużati”), tmien persuni akkużati li wettqu diversi reati kriminali bħala aġenti tad-dwana Bulgari.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.”

4

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt tal-aċċess għall-materjal tal-każ”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-aċċess għall-materjal imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jingħata fiż-żmien debitu biex ikun jista’ jsir l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża u mhux iktar tard mill-preżentazzjoni tal-merti tal-akkuża għall-eżami ta’ qorti. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiġu fil-pussess ta’ aktar provi materjali, għandu jingħata aċċess għalihom fi żmien debitu biex ikun jista’ jiġi kkunsidrat.”

Id-dritt Bulgaru

5

Skont l-Artikolu 249 tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), qorti tista’ tagħlaq il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali u tibgħat lura l-kawża lill-Prosekutur sabiex tirrimedja d-difetti proċedurali li jirrigwardaw il-fażi preliminari ta’ din il-proċedura, dwar l-informazzjoni lill-persuna akkużata għall-finijiet tal-akkuża miġjuba kontriha kif ukoll l-għoti ta’ aċċess għall-atti tal-proċess.

6

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali tipprekludi li deċiżjoni ġudizzjarja, adottata abbażi tal-Artikolu 249 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, tkun tista’ tiġi emendata wara l-adozzjoni tagħha.

7

L-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kienu jipprevedu mekkaniżmu li jippermetti lill-persuni suġġetti għal proċeduri kriminali jiksbu, minħabba ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali min-naħa tal-Prosekutur Pubbliku, l-għeluq definittiv tal-proċedura kriminali kollha kemm hi, jiġifieri mhux biss il-fażi ġudizzjarja, iżda wkoll il-fażi preliminari ta’ din il-proċedura.

8

Skont l-Artikolu 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, fuq talba tal-persuna akkużata, il-qorti, wara li kkonstatat li l-fażi preliminari tal-proċedura kriminali ma ngħalqitx f’terminu ta’ sentejn mill-akkuża, kellha tibgħat lura l-kawża quddiem il-Prosekutur Pubbliku filwaqt li tagħtih terminu sabiex tintemm l-investigazzjoni tal-kawża u sabiex tintemm din il-fażi preliminari, jew billi ttemm il-proċeduri jew billi tiftaħ il-kawża għal sentenza. F’dan l-aħħar każ, il-Prosekutur Pubbliku kellu terminu addizzjonali sabiex jistabbilixxi att ta’ akkuża finali u jippreżentah lill-qorti.

9

Fil-każ li l-Prosekutur Pubbliku ma kienx josserva dawn it-termini ġodda, il-qorti kellha tieħu konjizzjoni tal-kawża hija stess u tagħlaq il-proċedura kriminali. Għall-kuntrarju, fil-każ li l-Prosekutur Pubbliku kien itemm il-fażi preliminari tal-proċedura u kien jippreżenta att ta’ akkuża finali lill-qorti fit-termini mogħtija, din tal-aħħar kienet teżamina r-regolarità tal-proċedura u kienet tiżgura b’mod partikolari li ma kienx hemm ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali. Fil-każ li kienet tqis li kien hemm tali ksur, il-qorti kienet terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Prosekutur Pubbliku, filwaqt li kienet tagħtih terminu addizzjonali ta’ xahar sabiex jirrimedja l-ksur ikkonstatat. Fil-każ li l-Prosekutur Pubbliku ma kienx josserva dan it-terminu, jekk ma kienx jirrimedja l-imsemmi ksur jew kien iwettaq ksur ġdid, il-qorti kien ikollha tagħlaq il-proċedura kriminali.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Il-persuni akkużati huma suġġetti, sa mis-sena 2012, għal proċeduri kriminali talli pparteċipaw, bħala aġenti tad-dwana Bulgari, f’organizzazzjoni kriminali. Peress li l-qorti tar-rinviju, is-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), qieset li l-atti ta’ akkuża ma kinux ġew adottati mill-organu kompetenti u li kienu jinkludu ksur formali, il-kawża ntbagħtet quddiem il-Prosekutur Pubbliku kompetenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur speċjalizzat sabiex dan iħejji atti ta’ akkuża ġodda fil-konfront tal-persuni akkużati. Madankollu, il-proċedura ġiet interrotta u t-termini stabbiliti għall-investigazzjoni ġew estiżi diversi drabi.

11

Matul is-sena 2014, il-qorti tar-rinviju ġiet adita b’talba intiża għall-implimentazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, din il-qorti l-ewwel nett irrinvijat il-kawża quddiem il-Prosekutur Pubbliku, filwaqt li tagħtih terminu sabiex jispiċċa l-istruttorja tal-kawża, jifformula atti ta’ akkuża ġodda, jikkomunikalhom kif ukoll l-elementi tal-investigazzjoni lill-persuni akkużati u ttemm il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, u sussegwentement il-Prosekutur Pubbliku għandu terminu addizzjonali sabiex jistabbilixxi att ta’ akkuża finali u jippreżentah lill-qorti.

12

Wara li ġew stabbiliti atti ta’ akkuża ġodda mill-Prosekutur u l-preżentazzjoni ta’ att ta’ akkuża finali fit-termini stabbiliti, l-imsemmija qorti kkonstatat irregolaritajiet proċedurali ġodda għad-detriment tal-persuni akkużati u rrinvijat il-kawża għal darba oħra quddiem il-Prosekutur Pubbliku.

13

Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Mejju 2015, l-istess qorti kkonstatat li l-Prosekutur Pubbliku ma kienx irrimedja l-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali kkonstatat preċedentement u kien wettaq ksur ġdid. Għaldaqstant, hija qieset li l-kundizzjonijiet tal-għeluq tal-proċedura kriminali kienu ssodisfatti u li dan l-għeluq kien għalhekk fid-dritt għall-imsemmija persuni.

14

Madankollu, minkejja dawn il-konstatazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju ma ordnatx l-għeluq tal-proċedura kriminali, konformement mal-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iżda, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża, abbażi tal-Artikolu 249 ta’ dan il-kodiċi, iddeċidiet li tagħlaq il-fażi ġudizzjarja u li tirrinvija mill-ġdid il-kawża lill-Prosekutur Pubbliku, sabiex dan jirrimedja d-difetti proċedurali relatati, minn naħa, mal-informazzjoni tal-persuni akkużati fir-rigward tal-akkuża mressqa kontrihom, u min-naħa l-oħra, li l-kawża tintbagħat lura lill-Prosekutur Pubbliku.

15

Il-qorti adita bl-appell ippreżentat kontra dan id-digriet tat-22 ta’ Mejju 2015 qieset, permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Ottubru 2015, li l-qorti tar-rinviju kellha tagħlaq il-proċeduri kriminali, skont l-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, u rrinvijat il-kawża quddiem din il-qorti.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2015, il-qorti tar-rinviju ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kolev, EU:C:2018:392).

17

Fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 325(1) TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċedura għall-għeluq tal-proċedura kriminali, bħal dik prevista fl-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tapplika fi proċeduri miftuħa fil-konfront ta’ każijiet ta’ frodi gravi jew ta’ attività illegali gravi oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fil-qasam doganali. Hija żiedet, fl-istess punt, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti effett sħiħ lill-Artikolu 325(1) TFUE billi tħalli l-imsemmija leġiżlazzjoni, jekk ikun hemm bżonn, mhux applikata, filwaqt li tiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni akkużati, filwaqt li ppreċiżat, fil-punt 70 tal-imsemmija sentenza, li dawn id-drittijiet jinkludu d-dritt ta’ dawn il-persuni li l-kawża tagħhom tinstema’ f’terminu raġonevoli.

18

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 67 tal-istess sentenza, li, fil-każ li diversi miżuri jkunu prevedibbli sabiex jiġu implimentati l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) TFUE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina liema minn dawn il-miżuri għandha tiġi applikata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja pprevediet b’mod partikolari l-possibbiltà, għall-qorti tar-rinviju, peress li l-Prosekutur Pubbliku ppreżenta att ta’ akkuża finali quddiemha fit-termini imposti, li tiftaħ il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali u li tirrimedja hija stess l-eventwali irregolaritajiet imwettqa matul il-fażi preliminari ta’ din il-proċedura.

19

Fir-rigward tar-rispett tad-dritt tal-persuni akkużati li l-kawża tagħhom tinstema’ f’terminu raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 74 tas-sentenza Kolev, li hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dan id-dritt, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-rimedji proċedurali kollha offruti mid-dritt nazzjonali tagħha, ikkunsidrat fl-intier tiegħu u interpretat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Fil-każ li jkunu possibbli diversi soluzzjonijiet sabiex jagħtu effett sħiħ lill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) TFUE, hija l-imsemmija qorti li għandha tagħżel dawk li, fost dawn id-diversi soluzzjonijiet, jippermettu li jiġi ggarantit f’dan il-każ id-dritt fundamentali inkwistjoni.

20

Fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza Kolev, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2012/13, li jistabbilixxu d-drittijiet tal-persuna akkużata li tiġi informata bl-akkuża miġjuba kontriha u li jkollha aċċess għall-atti tal-proċess.

21

B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża tiġi kkomunikata lid-difiża wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali li jiftaħ il-kawża quddiem il-qorti, iżda qabel ma din tibda teżamina l-mertu tal-akkuża u qabel ma tibda t-trattazzjoni quddiemha, jew inkella wara li tinbeda din it-trattazzjoni quddiemha iżda qabel il-fażi tad-deliberazzjonijiet meta l-informazzjoni kkomunikata b’dan il-mod tkun is-suġġett ta’ tibdil ulterjuri, bil-kundizzjoni li l-qorti tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċeduri jiġu rispettati.

22

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2012/13, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura li d-difiża tingħata l-possibbiltà effettiva li jkollha aċċess għall-atti tal-proċess, fejn tali aċċess jista’, jekk ikun il-każ, jingħata wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali li jiftaħ il-kawża quddiem il-qorti, iżda qabel ma din tibda teżamina l-mertu tal-akkuża u qabel ma tibda t-trattazzjoni quddiemha, jew inkella wara li tinbeda din it-trattazzjoni iżda qabel il-fażi tad-deliberazzjonijiet meta provi ġodda jiġu inklużi fil-proċess matul il-kawża, bil-kundizzjoni li l-qorti tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċeduri.

23

Fil-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza Kolev, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċeduri kriminali u fi proċeduri ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1).

24

Il-qorti tar-rinviju tindika li, permezz tad-digrieti tat-13 ta’ Ġunju u tal-14 ta’ Settembru 2018, hija implimentat, rispettivament, il-punti 3 u 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Kolev.

25

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hija kkonfrontata b’regola ta’ proċedura nazzjonali li tostakola l-implimentazzjoni tagħha fil-kawża li għandha quddiemha.

26

Fil-fatt, hija tindika li, f’dan il-każ, il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali diġà ngħalqet permezz tad-digriet tat-22 ta’ Mejju 2015, adottat abbażi tal-Artikolu 249 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u li fil-frattemp sar definittiv. Din il-qorti hija għalhekk prekluża, skont id-dritt nazzjonali tagħha, milli twettaq kull att ulterjuri, li jippermettilha tapplika fil-kawża prinċipali l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2012/13 adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

27

Fid-dawl tal-punti 67 u 74 tas-sentenza Kolev, il-qorti tar-rinviju hija madankollu tal-fehma li d-dritt nazzjonali tagħha għandu jiġi interpretat b’mod li dan l-ostakolu proċedurali ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

28

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li d-deċiżjoni definittiva li tagħlaq il-fażi ġudizzjarja għandha tifsira proċedurali sa fejn din timplika r-rinviju tal-kawża quddiem il-Prosekutur Pubbliku sabiex jitwettqu atti proċedurali u ma tagħtix, fiha nnifisha, drittijiet materjali lill-persuni akkużati. Hija tqis li din id-deċiżjoni tagħti lil dawn il-persuni vantaġġ sa fejn il-kawża tkun ittardjata li ma tistax tiġi difiża minnha peress li din twassal għal ksur tal-prinċipju tal-eżami tal-akkuża kriminali f’terminu raġonevoli, kif previst mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 70 sa 74 tas-sentenza Kolev. Barra minn hekk, hija tosserva li huwa possibbli, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura, li jiġu ssodisfatti d-drittijiet proċedurali kollha li l-persuni akkużati jgawdu taħt id-Direttiva 2012/13, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kolev.

29

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Settembru 2018, iddeċidiet li tipprekludi d-dispożizzjoni nazzjonali li ma tippermettix li tinbidel deċiżjoni ta’ għeluq tal-fażi ġudizzjarja adottata skont l-Artikolu 249 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

30

Tnejn mill-persuni akkużati appellaw minn dan id-digriet, li ġie annullat mill-qorti adita minħabba, minn naħa, li s-sentenza Kolev ma tapplikax fir-rigward tal-fażi ġudizzjarja diġà magħluqa u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar il-konformità tal-Artikolu 249 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali mal-Artikolu 325 TFUE.

31

Il-qorti tal-appell irrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn ordnatilha tagħlaq il-fażi ġudizzjarja u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Prosekutur Pubbliku. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija għalhekk tinsab ikkonfrontata bi projbizzjoni espliċita milli tapplika l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza Kolev.

32

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ din is-sentenza mogħtija mill-qorti tal-appell. Din tal-aħħar fil-fatt ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq fatti li kienu magħrufa mill-Qorti tal-Ġustizzja meta tat is-sentenza tagħha, jiġifieri l-għeluq tal-proċedura ġudizzjarja permezz tad-digriet tat-22 ta’ Mejju 2015. Issa, huwa fir-rigward ta’ dawn il-fatti li l-Qorti tal-Ġustizzja ġustament b’mod espliċitu pprevediet il-possibbiltà, għall-qorti tar-rinviju, li timplimenta l-imsemmija sentenza billi tiftaħ il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura u tirrimedja hija stess l-irregolaritajiet proċedurali.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-qorti nazzjonali tastjeni milli tapplika deċiżjoni preliminari, fil-kuntest tal-kawża prinċipali li fiha tkun ingħatat din id-deċiżjoni preliminari, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi fattwali li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja meta tat id-deċiżjoni preliminari?”

Fuq id-domanda preliminari

34

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Mejju 2015, adottat abbażi tal-Artikolu 249 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-qorti tar-rinviju kienet għalqet il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali, deċiżjoni li, skont id-dritt nazzjonali, tipprekludi li l-fażi ġudizzjarja tkun tista’ tinfetaħ mill-ġdid. Peress li deċiżjoni meħuda fuq tali bażi twassal għar-rinviju tal-kawża lill-Prosekutur Pubbliku, il-qorti tal-appell ikkundannat lill-qorti tar-rinviju talli ddeċidiet, fl-14 ta’ Settembru 2018, wara s-sentenza Kolev, li ma tapplikax l-Artikolu 249 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali sabiex tirrimedja hija stess l-irregolaritajiet proċedurali mwettqa matul il-fażi preliminari ta’ din il-proċedura. Barra minn hekk, din l-istanza tal-appell ordnatilha, abbażi tal-imsemmi Artikolu 249, tibgħat lura l-kawża lill-Prosekutur Pubbliku.

35

Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li tali ordni timplika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza Kolev.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża sabiex isir magħruf, essenzjalment, jekk, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2012/13 adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza Kolev, l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola tad-dritt nazzjonali li tobbliga lill-qorti tar-rinviju li tikkonforma ruħha ma’ ordni, li tiġi indirizzata lilha minn qorti superjuri, li tirrinvija l-kawża prinċipali lill-Prosekutur Pubbliku, wara l-għeluq tal-proċedura ġudizzjarja, li tiġi rrimedjata l-proċedura kriminali.

37

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 267 TFUE jeżiġi li qorti tar-rinviju tagħti effett sħiħ lill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza mogħtija b’mod preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1977, Benedetti, 52/76, EU:C:1977:16, punt 26, u tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 28).

38

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandha, għalhekk, fl-ewwel lok, tiġi ppreċiżata l-portata tas-sentenza Kolev f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2012/13 li hija s-suġġett tal-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, u sussegwentement, fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk ir-regola tad-dritt proċedurali nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prevista fl-Artikolu 249 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, fis-sens li, ladarba l-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali tingħalaq, l-imħallef jitneħħa u l-kawża trid tintbagħat lura lill-Prosekutur Pubbliku sabiex l-irregolaritajiet proċedurali mwettqa matul il-fażi preliminari ta’ din il-proċedura jkunu jistgħu jiġu rrimedjati, hija ta’ natura li tipprekludi l-implimentazzjoni tal-imsemmi punt 2.

39

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-portata tas-sentenza Kolev, għandu jiġi rrilevat, li fil-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, kif jirriżulta mill-punti 20 sa 22 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, ippreċiżat il-mument li fih il-benefiċċju tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 6(3) u fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2012/13 għandu jiġi żgurat, jiġifieri, bħala prinċipju, mhux iktar tard qabel ma l-qorti kriminali tibda teżamina l-mertu tal-akkuża u li tiftaħ biss id-dibattitu dwar il-mertu.

40

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza Kolev ma tispeċifikax l-awtorità nazzjonali inkarigata li tiżgura li l-persuni akkużati jibbenefikaw mid-drittijiet inkwistjoni u lanqas il-proċedura li għandha tiġi segwita għal dan il-għan.

41

Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika, l-iktar l-iktar, fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tiġi ggarantita l-effettività tal-prosekuzzjonijiet u tar-repressjoni tar-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll dik li tiżgura li l-proċedura tiżvolġi f’terminu raġonevoli.

42

Għandu jiġi rrilevat li obbligu simili huwa impost ukoll, neċessarjament, fuq il-Prosekutur Pubbliku, matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali.

43

Fil-punti 72 u 73 tas-sentenza Kolev, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li n-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura ma tistax tiġi stabbilita b’riferiment għal limitu massimu preċiż, stabbilit b’mod astratt, iżda għandu jiġi evalwat każ b’każ skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, bħalma huma l-importanza u l-kumplessità tat-tilwima jew ukoll l-aġir tal-awtoritajiet kompetenti u tal-partijiet, peress li n-numru ta’ persuni akkużati kif ukoll it-tul u l-gravità tal-fatti li huma akkużati bihom dawn il-persuni, peress li l-kumplessità tat-tilwima jew aġir li jikkawża dewmien min-naħa tad-difiża jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ġġustifikat perijodu li prima facie jkun twil wisq.

44

Minn dan isegwi li s-sentenza Kolev ma tipprekludix li d-drittijiet tal-persuni akkużati u tal-avukati tagħhom li jiġu informati bl-akkuża u li jaċċedu għall-atti tal-proċess jiġu żgurati jew mill-Prosekutur Pubbliku wara r-rinviju tal-kawża għall-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, jew mill-qorti tar-rinviju meta l-kawża tiġi deċiża.

45

Minn dan jirriżulta, fiha nnifisha, li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju mill-formulazzjoni tad-domanda preliminari tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, bl-ebda mod ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali kienet ingħalqet minn din il-qorti permezz tad-digriet tagħha tat-22 ta’ Mejju 2015 adottat abbażi tal-Artikolu 249 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

46

Għall-kuntrarju, mill-punti 41 u 67 tas-sentenza Kolev jirriżulta li l-qorti tar-rinviju stess kienet ipprevediet, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-possibbiltà li tiftaħ il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura, minkejja l-adozzjoni tad-digriet tagħha tat-22 ta’ Mejju 2015. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma eżaminat, u wisq inqas ċaħdet bħala kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 249 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali mogħtija mill-istanza tal-appell.

47

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-effett ta’ din ir-regola ta’ dritt proċedurali nazzjonali fuq l-implimentazzjoni tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza Kolev, huwa paċifiku li d-digriet tat-22 ta’ Mejju 2015 adottat mill-qorti tar-rinviju abbażi ta’ din id-dispożizzjoni kellu l-effett li jagħlaq il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali u jibgħat lura l-kawża lill-Prosekutur Pubbliku. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk tali regola tistax tipprekludi lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, bħalma tesprimi l-biża’ tagħha l-qorti tar-rinviju, milli jwettqu kull att ulterjuri li jippermetti li tiġi applikata l-interpretazzjoni li tinsab fl-imsemmi punt 2.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta mill-punti 67 u 74 tas-sentenza Kolev, ma stabbilixxietx modalitajiet konkreti ta’ implimentazzjoni tal-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza fil-kuntest tal-kawża prinċipali. B’mod iktar partikolari, peress li l-ftuħ tal-fażi ġudizzjarja tal-proċedura mill-qorti tar-rinviju sabiex tirrimedja hija stess l-irregolaritajiet, huwa biss waħda mill-possibbiltajiet fost oħrajn previsti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, l-għażla ta’ dawn il-modalitajiet taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-imsemmija modalitajiet, bil-kundizzjoni madankollu li r-regoli nazzjonali ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punti 56, tat-28 ta’ Settembru 1994, Fisscher, C‑128/93, EU:C:1994:353, punt 39 kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 171).

50

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rinviju tal-kawża lill-Prosekutur sabiex jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet proċedurali mwettqa matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali jistax jippreġudika dawn il-prinċipji, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2012/13, adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza Kolev.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li mit-talba għal deċiżjoni preliminari bl-ebda mod ma jirriżulta li l-ordni mogħtija mill-qorti tal-appell lill-qorti tar-rinviju tikser dan il-prinċipju.

52

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu qabel kollox jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li qorti tar-rinviju tkun obbligata ssegwi l-indikazzjonijiet ta’ qorti superjuri fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ sentenza preliminari, peress li dawn l-indikazzjonijiet ma jippreġudikawx, b’mod partikolari, l-effettività tad-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li, bil-kundizzjoni li tiġi ggarantita l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet individwali dderivati mid-dritt tal-Unjoni, ma huwiex il-kompitu tagħha li tintervjeni fis-soluzzjoni tal-problemi ta’ kompetenza li tista’ tqajjem, fuq il-livell tal-organizzazzjoni ġudizzjarja nazzjonali, il-klassifikazzjoni ta’ ċerti sitwazzjonijiet legali bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 47).

53

Dan premess, mill-prinċipju ta’ effettività jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ma tistax tkun obbligata tikkonforma ruħha mal-ordni indirizzata lilha mill-qorti tal-appell li tirrinvija l-kawża prinċipali lill-Prosekutur Pubbliku jekk din l-ordni tippreġudika l-effettività tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2012/13, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kolev.

54

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi osservat li, għalkemm il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħalqet, l-istess ma jgħoddx għal din il-proċedura fl-intier tagħha, peress li l-kawża ġiet irrinvijata lill-Prosekutur Pubbliku.

55

Issa, xejn ma jippermetti li jitqies li r-rinviju tal-kawża prinċipali lill-Prosekutur Pubbliku jista’ jippreġudika jew jipprekludi l-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 6(3) u fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2012/13 u li b’hekk jippreġudika l-effettività ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sakemm il-Prosekutur Pubbliku, fil-kuntest tal-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, jew il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-fażi ġudizzjarja li ser tiġi segwita, jiżgura li dawn id-dispożizzjonijiet, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza Kolev, jiġu applikati.

56

Fir-rigward tat-tħassib li tesprimi l-qorti tar-rinviju dwar l-implikazzjonijiet ta’ tali rinviju fuq it-tul tal-proċedura, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, huwa l-Prosekutur Pubbliku, bħall-qorti nazzjonali, li għandu jiżgura, matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, bilanċ ġust bejn, minn naħa, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effettività tal-prosekuzzjonijiet u tar-repressjoni tar-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll dik li tiżvolġi ruħha f’dan ir-rigward.

57

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2012/13 adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza Kolev, l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola ta’ dritt proċedurali nazzjonali li tobbliga lill-qorti tar-rinviju l-kawża li wasslet għal din is-sentenza sabiex tikkonforma ruħha ma’ ordni, li tiġi indirizzata lilha minn qorti superjuri, li tibgħat il-kawża lura lill-Prosekutur Pubbliku, wara li tintemm il-proċedura kriminali, sabiex jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet proċedurali mwettqa matul il-fażi preliminari ta’ din il-proċedura, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-paragrafu 2 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza, jiġu osservati f’din fil-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali jew fil-fażi ġudizzjarja li ssegwi.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 6(3) u l-Artikoli 7(3) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392), l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola ta’ dritt proċedurali nazzjonali li tobbliga lill-qorti tar-rinviju tikkonforma ruħha ma’ ordni, li tiġi indirizzata lilha minn qorti superjuri, li tibgħat il-kawża lura lill-Prosekutur Pubbliku, wara li tintemm il-proċedura kriminali, sabiex jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet proċedurali mwettqa matul il-fażi preliminari ta’ din il-proċedura, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 2 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza, jiġu osservati f’din fil-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali jew fil-fażi ġudizzjarja li ssegwi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Fuq