Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62019CJ0265
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 8 September 2020.#Recorded Artists Actors Performers Ltd v Phonographic Performance (Ireland) Ltd and Others.#Request for a preliminary ruling from the High Court (Irlande).#Reference for a preliminary ruling – Intellectual property – Rights related to copyright – Directive 2006/115/EC – Article 8(2) – Use of phonograms in the European Union – Right of the performers to equitable remuneration shared with the phonogram producers – Applicability to nationals of third States – Performances and Phonograms Treaty – Articles 4 and 15 – Reservations notified by third States – Limitations of the right to equitable remuneration that may, on the basis of reciprocity, follow, in the European Union, for nationals of third States from those reservations – Article 17(2) and Article 52(1) of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Fundamental right to the protection of intellectual property – Requirement that any limitation must be provided for by law, respect the essence of the fundamental right and be proportionate – Division between the European Union and the Member States of competences to set those limitations – Division of competences in relations with third States – Article 3(2) TFEU – Exclusive competence of the European Union.#Case C-265/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Settembru 2020.
Recorded Artists Actors Performers Ltd vs Phonographic Performance (Ireland) Ltd et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(2) – Użu ta’ fonogrammi fl-Unjoni – Dritt tal-artisti għal ħlas ekwu maqsum mal-produtturi ta’ fonogrammi – Applikabbiltà għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi – Trattat dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi – Artikoli 4 u 15 – Riżervi nnotifikati minn Stati terzi – Limitazzjonijiet tad-dritt għal ħlas ekwu li jistgħu, permezz ta’ reċiproċità, jirriżultaw minn dawn ir-riżervi għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi fl-Unjoni – Artikolu 17(2) u Artikolu 52(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali – Rekwiżit li kull limitazzjoni tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali u tkun proporzjonata – Tqassim tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti dawn il-limitazzjonijiet – Tqassim tal-kompetenzi fir-relazzjonijiet mal-Istati terzi – Artikolu 3(2) TFUE – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Unjoni.
Kawża C-265/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Settembru 2020.
Recorded Artists Actors Performers Ltd vs Phonographic Performance (Ireland) Ltd et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(2) – Użu ta’ fonogrammi fl-Unjoni – Dritt tal-artisti għal ħlas ekwu maqsum mal-produtturi ta’ fonogrammi – Applikabbiltà għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi – Trattat dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi – Artikoli 4 u 15 – Riżervi nnotifikati minn Stati terzi – Limitazzjonijiet tad-dritt għal ħlas ekwu li jistgħu, permezz ta’ reċiproċità, jirriżultaw minn dawn ir-riżervi għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi fl-Unjoni – Artikolu 17(2) u Artikolu 52(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali – Rekwiżit li kull limitazzjoni tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali u tkun proporzjonata – Tqassim tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti dawn il-limitazzjonijiet – Tqassim tal-kompetenzi fir-relazzjonijiet mal-Istati terzi – Artikolu 3(2) TFUE – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Unjoni.
Kawża C-265/19.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:677
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
8 ta’ Settembru 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(2) – Użu ta’ fonogrammi fl-Unjoni – Dritt tal-artisti għal ħlas ekwu maqsum mal-produtturi ta’ fonogrammi – Applikabbiltà għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi – Trattat dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi – Artikoli 4 u 15 – Riżervi nnotifikati minn Stati terzi – Limitazzjonijiet tad-dritt għal ħlas ekwu li jistgħu, permezz ta’ reċiproċità, jirriżultaw minn dawn ir-riżervi għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi fl-Unjoni – Artikolu 17(2) u Artikolu 52(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali – Rekwiżit li kull limitazzjoni tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali u tkun proporzjonata – Tqassim tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti dawn il-limitazzjonijiet – Tqassim tal-kompetenzi fir-relazzjonijiet mal-Istati terzi – Artikolu 3(2) TFUE – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Unjoni”
Fil-Kawża C‑265/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura
Recorded Artists Actors Performers Ltd
vs
Phonographic Performance (Ireland) Ltd,
Minister for Jobs, Enterprise and Innovation,
Ireland,
Attorney General,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan, M. Safjan, P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič (Relatur), L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Toader, D. Šváby u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: C. Strömholm, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Frar 2020,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Recorded Artists Actors Performers Ltd, minn Y. McNamara, BL, L. Scales, solicitor, u M. Collins, SC, |
|
– |
għal Phonographic Performance (Ireland) Ltd, minn H. Sheehy, solicitor, P. Gallagher u J. Newman, SC, u J. O’Connell, BL, |
|
– |
għall-Irlanda, minn M. Browne, P. Clifford u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn P. McCann u J. Bridgeman, SC, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda, J. Norris, É. Gippini Fournier u A. Biolan, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Lulju 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28), moqri fid-dawl, b’mod partikolari, tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi, adottat f’Genève fl‑20 ta’ Diċembru 1996 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas‑16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208, iktar ’il quddiem il-“WPPT”). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Recorded Artists Actors Performers Ltd (iktar ’il quddiem “RAAP”) u Phonographic Performance (Ireland) Ltd (iktar ’il quddiem “PPI”) kif ukoll il-Minister for Jobs, Enterprise and Innovation (il-Ministru għax-Xogħol, għall-Intrapriża u għall-Innovazzjoni), Ireland (l-Irlanda) u l-Attorney General (il-Prosekutur Pubbliku), dwar id-dritt ta’ ċittadini ta’ Stati terzi għal ħlas ekwu u uniku meta huma kkontribwew għal fonogramma użat fl-Irlanda. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati
|
3 |
L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), jistabbilixxi: “Meta jiffirma, jirratifika, jaċċetta, japprova jew jaderixxi ma’ trattat, Stat jista’ jifformula riżerva […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
4 |
L-Artikolu 21 ta’ din il-konvenzjoni jiddisponi: “1. Riżerva stabbilita fir-rigward ta’ parti oħra konformement mal-Artikoli 19, 20 u 23:
2. Ir-riżerva ma temendax id-dispożizzjonijiet tat-Trattat għall-partijiet l-oħra tat-Trattat fir-rapporti bejniethom. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il-Konvenzjoni ta’ Ruma
|
5 |
Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Artisti, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, ġiet konkluża f’Ruma fis‑26 ta’ Ottubru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”). |
|
6 |
L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti għal din il-konvenzjoni. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri kollha tagħha, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Malta, huma parti. |
|
7 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija konvenzjoni jiddisponi: “1. Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, trattament nazzjonali jfisser it-trattament li l-Istat Kontraenti li fit-territorju tiegħu tintalab il-protezzjoni jagħti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu:
[…] 2. It-trattament nazzjonali għandu jingħata, bla ħsara għall-protezzjoni espliċitament iggarantita u għal-limiti espliċitament previsti f’din il-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
8 |
Skont l-Artikolu 4 tal-istess konvenzjoni: “Kull Stat Kontraenti għandu jagħti trattament nazzjonali lil artisti fil-każ li tiġi ssodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
9 |
L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jiddisponi: “1. Kull Stat Kontraenti għandu jagħti trattament nazzjonali lil produtturi ta’ fonogrammi jekk tiġi ssodisfatta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:
2. Jekk fonogramma tkun ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fi Stat mhux Kontraenti iżda tkun ġiet ippubblikata wkoll, fi żmien tletin jum mill-ewwel pubblikazzjoni tagħha, fi Stat Kontraenti (pubblikazzjoni simultanja), hija għandha titqies li ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-Istat Kontraenti. 3. Permezz ta’ notifika mibgħuta lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, kull Stat Kontraenti jista’ jiddikjara li ma jkunx ser japplika l-kriterju ta’ pubblikazzjoni jew, minflok, il-kriterju ta’ reġistrazzjoni. Tali notifika tista’ tintbagħat waqt ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-adeżjoni, jew f’kull waqt wara; fl-aħħar każ hija jkollha effett sitt xhur wara li tkun ġiet iddepożitata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
10 |
L-Artikolu 17 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi: “Kull Stat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, fis-seħħ fis‑26 ta’ Ottubru 1961, tagħti lill-produtturi ta’ fonogrammi protezzjoni stabbilita skont l-uniku kriterju ta’ reġistrazzjoni jista’, permezz ta’ notifika ddepożitata lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti flimkien mal-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ adeżjoni tiegħu, jiddikjara li huwa ser japplika biss dan il-kriterju ta’ reġistrazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 5 […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il-WPPT
|
11 |
L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma partijiet għall-WPPT. Dan il-ftehim internazzjonali daħal fis-seħħ għall-Unjoni kif ukoll għal ċerti Stati Membri, fosthom l-Irlanda, fl‑14 ta’ Marzu 2010. Għall-Istati Membri l-oħra, dan daħal fis-seħħ f’data preċedenti. B’kollox, madwar mitt Stat huma parti għall-WPPT. |
|
12 |
L-Artikolu 1(1) tal-WPPT huwa fformulat kif ġej: “Xejn f’dan it-Trattat ma jnaqqas minn obbligi eżistenti li l-Partijiet Kontraenti għandhom lejn xulxin taħt il-[Konvenzjoni ta’ Ruma].” |
|
13 |
L-Artikolu 2 tal-WPPT jistabbilixxi: “Għall-għanijiet tat-Trattat:
[…]” |
|
14 |
Skont l-Artikolu 3 tal-WPPT, intitolat “Benefiċjarji tal-protezzjoni f’dan it-Trattat”: “1. Il-partijiet kontraenti jagħtu l-protezzjoni f’dan it-Trattat lill-prestaturi u lill-Produtturi tal-fonogrammi li huma ċittadini ta’ partijiet kontraenti oħrajn. 2. Iċ-ċittadini ta’ partijiet kontraenti oħrajn se jkunu dawk il-prestaturi jew produtturi ta’ fonogrammi li jilħqu l-kriterji ta’ eliġibiltà għall-protezzjoni ipprovduti mill-Konvenzjoni ta’ Ruma, kienu l-partijiet kontraenti kollha dan it-Trattat Partijiet Kontraenti ta’ dik il-konvenzjoni. Skond dawn il-kriterji ta’ eliġibilità, il-Partijiet Kontraenti japplikaw id-definizjonijiet rilevanti fl-Artikolu 2 ta’ dan it-Trattat. 3. Jekk Parti Kontraenti tuża l-possibbilitajiet ipprovduti fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jew, għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 5 ta’ l-istess Konvenzjoni, l-Artikolu 17 tiegħu jinnotifika kif previst f’dawk id-disposizzjonijiet lid-Direttur-Ġenerali ta’ l-[WIPO].” |
|
15 |
L-Artikolu 4 tal-WPPT, intitolat “Trattament Nazzjonali”, jipprevedi: “1. Kull Parti Kontraenti tagħti liċ-ċittadini ta’ Partijiet Kontraenti, kif iddefinit fl-Artikolu 3(2), it-trattament li tagħti liċ-ċittadini tagħha stess rigward id-drittijiet esklussivi mogħtija speċifikatament f’dan it-Trattat, u d-dritt ta’ ħlas ġust previst fl-Artikolu 15 ta’ dan it-Trattat. 2. L-obbligu fil-Paragrafu 1 [ta’ dan l-artikolu] ma jistax ikun applikat b’tali mod li Parti Kontraenti oħra tuża r-riservazzjoni permessi bl-Artikolu 15(3) ta’ dan it-Trattat.” |
|
16 |
L-Artikolu 15 tal-WPPT, intitolat “Id-Dritt ta’ ħlas għal xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”, huwa fformulat kif ġej: “1. Prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi għandhom id-dritt ta’ ħlas xieraq ta’ darba għall-użu dirett jew indirett ta’ fonogrammi ippubblikati għal skopijiet kummerċjali ta’ xandir jew kull komunikazzjoni lill-pubbliku. 2. Partijiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li l-ħlas xieraq ta’ darba se jintalab lill-utent mill-prestatur jew mill-produttur ta’ fonogramma jew mit-tnejn. Partijiet kontraenti jistgħu jgħaddu leġislazzjoni naturali [nazzjonali] li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-prestatur u l-produttur ta’ fonogramma, tqiegħed termini dwar kif prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi jaqsmu l-ħlas xieraq ta’ darba. 3. Kull Parti Kontraenti tista’, b’notifika mogħtija lid-Direttur Ġenerali ta’l-WIPO, tiddikjara li se tibda tapplika d-disposizzjonijiet fil-Paragrafu 1 [ta’ dan l-artikolu] fir-rigward ta’ xi utenti biss, jew li b’xi mod se tillimita l-applikazzjoni tagħhom, jew li m’hi se tapplika xejn minn dawn id-disposizzjonijiet. 4. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu fonogrammi li jkunu disponibbli għall-pubbliku b’mezzi ta’ fili jew mingħajr, b’tali mod li membri tal-pubbliku ikollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul minnhom, se jkunu meqjusin li kienu ppublikati għal għanijiet kummerċjali.” |
|
17 |
L-Artikolu 23(1) tal-WPPT jiddisponi: “Partijiet kontraenti jiħduha fuqhom li jadottaw, skond is-sistemi legali tagħhom, il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat.” |
|
18 |
Skont l-Artikolu 33 tal-WPPT: “Id-Direttur Ġenerali tal-WIPO huwa d-depositarju ta’ dan it-Trattat.” |
|
19 |
Għalkemm ir-ratifiki tal-WPPT mill-Istati Membri tal-Unjoni, mill-Unjoni stess u minn diversi Stati terzi ma ġewx akkumpanjati minn riżerva skont l-Artikolu 15(3) ta’ dan il-ftehim internazzjonali, ċerti Stati terzi, fosthom l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Repubblika taċ-Ċilì, ir-Repubblika ta’ Singapor, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Commonwealth tal-Awstralja, il-Federazzjoni Russa, ir-Repubblika tal-Korea t’Isfel, il-Kanada, ir-Repubblika tal-Indja u n-New Zealand, min-naħa l-oħra, ifformulaw tali riżervi. |
|
20 |
Għalhekk, b’mod partikolari, in-notifiki Nri 8, 66 u 92 dwar il-WPPT jinkludu d-dikjarazzjonijiet li ġejjin: “Konformement mal-[Artikolu 15(3) tal-WPPT], l-Istati Uniti tal-Amerika japplikaw [l-Artikolu 15(1) ta’ dan it-trattat] biss fir-rigward ta’ ċerti atti ta’ xandir u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ mezzi diġitali li għalihom tariffa diretta jew indiretta tinġabar abbażi tar-riċezzjoni, jew għal trażmissjonijiet mill-ġdid u komunikazzjonijiet oħra fuq fonogramma diġitali, kif tipprevedi l-liġi tal-Istati Uniti tal-Amerika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] “[…] Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma tqisx ruħha marbuta mal-Artikolu 15(1) tal-[WPPT]. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] “[…] Konformement mal-[Artikolu 15(3) tal-WPPT], […] ir-Repubblika tal-Indja tiddikjara li d-dispożizzjoni tal-[Artikolu 15(1) ta’ dan it-trattat] dwar il-ħlas ekwu u uniku lill-artisti u l-produtturi ta’ fonogrammi ma għandhiex tiġi applikata fl-Indja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-Direttiva 2006/115
|
21 |
Il-premessi 5 sa 7, 12 u 13 tad-Direttiva 2006/115 jiddikjaraw:
[…]
|
|
22 |
L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, li jaqa’ taħt il-Kapitolu II tagħha, intitolat “Drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk jintuża fonogramm ippubblikat għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom.” |
|
23 |
L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjoni kronoloġika”, jistabbilixxi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika fir-rigward ta’ xogħlijiet, wirjiet, fonogrammi, xandiriet u l-ewwel iffissar ta’ films protetti mid-drittijiet ta’ l-awtur imsemmija f’din id-Direttiva li kienu, fl‑1 ta’ Lulju 1994, għadhom protetti bil-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri fil-qasam ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati jew li ssodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva f’dik id-data. 2. Din id-Direttiva għandha tapplika bla ħsara għal kull att ta’ sfruttament imwettaq qabel l‑1 ta’ Lulju 1994. […]” |
|
24 |
Id-Direttiva 2006/115 ikkodifikat u ħassret id-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/100/KEE tad‑19 ta’ Novembru 1992 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120). Hija ma tistabbilixxix terminu ta’ traspożizzjoni, iżda tirreferi, fl-Artikolu 14 fil-Parti B tal-Anness I tagħha, għat-termini ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 92/100 u tad-direttivi li emendawha. Dawn it-termini skadew, rispettivament, fl‑1 ta’ Lulju 1994, fit‑30 ta’ Ġunju 1995 u fil‑21 ta’ Diċembru 2002. |
|
25 |
L-ifformular tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 huwa identiku għall-ifformular tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100. |
Id-dritt Irlandiż
|
26 |
Il-Copyright and Related Rights Act 2000 (l-Att Irlandiż dwar id-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet Relatati tal‑2000), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ċ-“CRR Act”), jipprevedi, fl-Artikolu 38(1) tiegħu: “[…] meta persuna tipproponi li —
hija tkun tista’ tagħmel hekk bħala dritt meta —
|
|
27 |
L-Artikolu 184 taċ-CRR Act, li jinsab fit-Taqsima II tiegħu, jipprovdi: “1. Xogħol letterarju, drammatiku, mużikali jew artistiku, reġistrazzjoni awdjo, film, arranġament tipografiku ta’ edizzjoni ppubblikata jew ta’ database oriġinali għandhom jikkwalifikaw għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur meta jkunu tqiegħdu legalment għall-ewwel darba għad-dispożizzjoni tal-pubbliku —
2. Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, it-tqegħid b’mod legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol f’pajjiż, territorju, stat jew żona partikolari għandu jitqies li jkun l-ewwel tqegħid legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħol anki meta x-xogħol ikun tqiegħed b’mod legali simultanjament għall-pubbliku xi mkien ieħor; u għal dan il-fini, it-tqegħid legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xi mkien ieħor fiż-żmien it-tletin jum preċedenti għandu jitqies li jkun simultanju.” |
|
28 |
L-Artikolu 208(1) ta’ dan l-att, li jaqa’ taħt it-Taqsima III tiegħu, jistabbilixxi: “Artista għandu d-dritt li jirċievi, mingħand il-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq reġistrazzjoni awdjo, ħlas ekwu meta r-reġistrazzjoni awdjo ta’ prestazzjoni sħiħa jew ta’ parti sostanzjali minnha li tissodisfa l-kundizzjonijiet u li tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet kummerċjali,
|
|
29 |
L-Artikolu 287 tal-imsemmi att, li wkoll jaqa’ taħt din it-Taqsima III, jiddisponi: “F’din it-Taqsima, u fit-Taqsima IV ‘pajjiż ikkwalifikat’ tfisser:
‘individwu kkwalifikat’ tfisser ċittadin jew suġġett ta’ pajjiż ikkwalifikat, jew individwu ddomiċiljat jew ordinarjament residenti fih; u ‘persuna kkwalifikata’ tfisser ċittadin Irlandiż, jew individwu ddomiċiljat jew ordinarjament residenti fl-Istat.” |
|
30 |
L-Artikolu 288 tal-istess att jippreċiża: “Prestazzjoni tkun prestazzjoni kkwalifikata għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima [III] u tat-Taqsima IV jekk tingħata minn individwu kkwalifikat jew minn persuna kkwalifikata, jew li sseħħ f’pajjiż, territorju, stat jew żona kwalifikati, skont dan il-Kapitolu.” |
|
31 |
L-Artikolu 289(1) taċ-CRR att jistabbilixxi: “Il-Gvern jista’, permezz ta’ digriet, jindika bħala pajjiż ikkwalifikat li jkollu protezzjoni skont din it-Taqsima [III] u t-Taqsima IV, kull pajjiż, territorju, stat jew żona li fir-rigward tagħhom il-gvern ikun issodisfatt li hemm provvediment jew li ser ikun hemm provvediment skont il-liġi tagħhom li jagħti protezzjoni adegwata lil prestazzjonijiet Irlandiżi.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
32 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, RAAP, kumpannija rregolata mid-dritt Irlandiż, hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-artisti. |
|
33 |
L-ewwel konvenuta fil-kawża prinċipali, PPI, ukoll kumpannija rregolata bid-dritt Irlandiż, hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi. |
|
34 |
RAAP u PPI kkonkludew kuntratt li jistipula l-modalitajiet li bihom id-drittijiet dovuti, fl-Irlanda, għax-xandir lill-pubbliku, fil-bars u f’postijiet oħra aċċessibbli għall-pubbliku, jew għax-xandir ta’ mużika rreġistrata għandhom, wara li jitħallsu mill-utenti lil PPI, jinqasmu mal-artisti u, għal dan il-għan, jitħallsu parzjalment minn PPI lil RAAP. Madankollu, huma ma jaqblux dwar il-portata ta’ dan il-kuntratt fir-rigward tad-drittijiet imħallsa lil PPI fil-każijiet fejn il-mużika mxandra hija riżultat ta’ prestazzjoni minn artist li la huwa ċittadin u lanqas resident ta’ Stat Membru taż-ŻEE. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, RAAP tqis li d-drittijiet kollha dovuti għandhom, konformement mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u l-ftehimiet internazzjonali li għalihom tirreferi din id-direttiva, jinqasmu bejn il-produttur tal-fonogramma u l-artist. Skont din, in-nazzjonalità u l-post ta’ residenza tal-artist huma irrilevanti f’dan ir-rigward. |
|
36 |
Min-naħa l-oħra, skont PPI, is-sistema stabbilita miċ-CRR Act, skont liema l-artisti li la huma ċittadini u lanqas residenti ta’ Stat Membru taż-ŻEE, u li l-prestazzjonijiet tagħhom lanqas ma joriġinaw minn reġistrazzjoni awdjo magħmula fiż-ŻEE, ma għandhomx id-dritt li jirċievu sehem mid-drittijiet li jsiru eżiġibbli meta dawn il-prestazzjonijiet jixxandru fl-Irlanda, hija kompatibbli kemm mad-Direttiva 2006/115 kif ukoll mal-ftehimiet internazzjonali li għalihom tirreferi din id-direttiva. Il-ħlas ta’ dawn l-artisti għall-operat fl-Irlanda tal-fonogrammi li għalihom ikkontribwixxew jikser l-approċċ ta’ reċiproċità internazzjonali leġittimament adottat mill-Irlanda. B’mod partikolari, jekk tiġi segwita l-pożizzjoni ta’ RAAP, l-artisti tal-Istati Uniti jitħallsu fl-Irlanda, anki jekk, skont PPI, dan l-Istat terz jagħti biss parzjalment dan id-dritt ta’ ħlas ekwu lill-artisti Irlandiżi. |
|
37 |
Minħabba dan in-nuqqas ta’ qbil, RAAP tqis li s-somom li PPI tħallasha huma insuffiċjenti u ppreżentat rikors kontra din tal-aħħar quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), il-qorti tar-rinviju. |
|
38 |
Din il-qorti tosserva li, bl-effett ikkombinat tal-Artikoli 38, 184, 208, 287 u 288 tiegħu, iċ-CRR Act jeskludi, ħlief fis-sitwazzjoni, li għadha ma seħħitx, mill-adozzjoni ta’ digriet skont l-Artikolu 289 tiegħu, li l-artisti, ċittadini ta’ Stati terzi għaż-ŻEE u li ma għandhomx id-domiċilju jew ir-residenza tagħhom fiż-ŻEE, jistgħu jirċievu sehem mid-drittijiet li huma dovuti għax-xandir fl-Irlanda tal-prestazzjonijiet tagħhom irreġistrati barra miż-ŻEE, bil-konsegwenza li l-produttur ta’ fonogrammi kollha, inklużi dawk li huma stabbiliti barra miż-ŻEE, jistgħu jirċievu parti mid-drittijiet. |
|
39 |
Għalhekk, fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet awdjo li jinvolvu produtturi ta’ fonogrammi u artisti mill-Istati Uniti tal-Amerika, dawn il-produtturi jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet kollha li għandhom jitħallsu fl-Irlanda mill-utenti. |
|
40 |
L-imsemmija qorti tesponi li din is-sitwazzjoni hija marbuta mal-fatt li l-kriterji ta’ eliġibbiltà għal ħlas, li jinsabu fiċ-CRR Act, huma differenti għall-produtturi ta’ fonogrammi u għall-artisti. Issa, huwa dubjuż jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex kompatibbli mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, peress li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-Istati Membri jipprevedu ħlas ekwu u uniku mħallas mill-utent li għandu jinqasam bejn il-produttur tal-fonogramma u l-artist. |
|
41 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva f’dan ir-rigward li ċ-CRR Act, li jittratta b’mod ugwali l-artisti kollha li huma ċittadini jew residenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni, jew taż-ŻEE, josserva r-regoli tat-Trattat FUE li jipprojbixxu kull diskriminazzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li ċ-CRR Act għandu wkoll ikun kompatibbli mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, li jipprovdi f’termini ġenerali li kull Stat Membru għandu jiżgura li ħlas ekwu jinqasam “bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti”. Għandu jiġi ddeterminat sa fejn u b’liema mod din id-direttiva għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li minnha l-Irlanda hija parti, u l-WPPT, li għaliha huma partijiet kemm l-Irlanda kif ukoll l-Unjoni. |
|
42 |
Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat liema huma l-konsegwenzi tar-riżervi espressi minn ċerti Stati terzi, bħall-Istati Uniti tal-Amerika, skont il-WPPT. Din il-problema tqajjem b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk Stat Membru tal-Unjoni għandux setgħa diskrezzjonali sabiex jirreaġixxi għal dawn ir-riżervi. |
|
43 |
Fid-dawl tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Ministru għax-Xogħol, għall-Intrapriża u għall-Innovazzjoni, kif ukoll l-Irlanda u l-Prosekutur Pubbliku, ġew assoċjati mal-proċedura bħala t-tieni, it-tielet u r-raba’ konvenuta fil-kawża prinċipali. |
|
44 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
|
45 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandux, fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u/jew tal-WPPT, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jeskludi, fil-kuntest tat-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni tiegħu tal-kliem “artisti […] relevanti” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni u li jindikaw l-artisti li għandhom dritt għal parti mill-ħlas ekwu u uniku msemmija fih, l-artisti li huma ċittadini ta’ Stati terzi għaż-ŻEE, bl-unika eċċezzjoni ta’ dawk li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza tagħhom fiż-ŻEE u dawk li l-kontribuzzjoni tagħhom għall-fonogramma saret fiż-ŻEE. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, mill-ewwel għandu jitfakkar li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-kuntest li fih tinsab u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, EU:C:2000:468, punt 43; tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 29, kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49, C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 47). |
|
47 |
B’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li ma humiex l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kunċetti li jinsabu mingħajr riferiment espliċitu fid-dritt tal-Istati Membri fid-direttivi fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, bħall-kunċetti ta’ “pubbliku” u ta’ “ħlas ekwu” (sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2003, SENA, C‑245/00, EU:C:2003:68, punt 24; tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 31, u tat‑30 ta’ Ġunju 2011, VEWA, C‑271/10, EU:C:2011:442, punti 25 u 26). |
|
48 |
L-istess japplika għall-kliem “artisti […] relevanti” li jinsabu fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Peress li din id-direttiva ma tagħmel ebda riferiment għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tal-portata ta’ dawn il-kliem, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Unjoni kollha, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva. |
|
49 |
Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax espressament jekk il-kliem “artisti […] relevanti” jirreferux biss għall-artisti li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat li fit-territorju tiegħu tapplika din id-direttiva jew jekk jirreferux ukoll għall-artisti li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat ieħor. |
|
50 |
Fir-rigward tal-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni u tal-għanijiet tad-Direttiva 2006/115, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 5 sa 7 tagħha jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża sabiex tiżgura l-kontinwità tax-xogħol kreattiv u artistiku tal-awturi u l-artisti, billi tipprevedi protezzjoni legali armonizzata li tiggarantixxi l-possibbiltà li jiġi rċevut dħul adegwat u li jiġu rkuprati l-investimenti, “b’tali mod li ma tmurx kontra l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati d-drittijiet ta’ l-awtur u l-liġijiet tad-drittijiet relatati ta’ bosta Stati Membri”. |
|
51 |
Minn dan isegwi li l-kunċetti li jinsabu f’din id-direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mal-kunċetti ekwivalenti li jinsabu f’dawn il-konvenzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 55; tal‑10 ta’ Novembru 2016, Vereniging Openbare Bibliotheken, C‑174/15, EU:C:2016:856, punt 33, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et, C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 53). |
|
52 |
Fost l-imsemmija konvenzjonijiet hemm il-WPPT, li l-Unjoni u l-Istati Membri kollha tagħha huma partijiet kontraenti. |
|
53 |
Skont l-Artikolu 2(a) tal-WPPT, il-kunċett ta’ “artisti” jirreferi għall-persuni kollha “atturi, kantanti, mużiċisti, żeffiena, u atturi, iwasslu, [u persuni oħra li jippreżentaw, ikantaw], jirreċtaw, [jiddeklamaw], jieħdu sehem, jinterpretaw jew b’xi mod ieħor jaħdmu f’xogħlijiet letterarji jew artistiċi jew espressjonijiet ta’ folklor”. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(b) ta’ dan il-ftehim internazzjonali jirriżulta li fonogramma tikkonsisti b’mod partikolari fir-reġistrazzjoni ta’ ħsejjes li jirriżultaw minn tali prestazzjoni. |
|
54 |
L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jagħti lil dawn il-persuni dritt ta’ natura kumpensatorja, li l-element li jwassal għalih huwa l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-prestazzjoni tax-xogħol irreġistrat fuq fonogramma ppubblikata għal finijiet kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punti 30 u 32). |
|
55 |
B’mod iktar preċiż, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru għandha tiżgura, minn naħa, li ħlas ekwu u uniku għandu jitħallas mill-utent meta fonogramma ppubblikata għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma, tintuża għal xandir mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku u, min-naħa l-oħra, li dan il-ħlas għandu jinqasam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramma kkonċernata. |
|
56 |
Filwaqt li jħalli l-possibbiltà lil kull Stat Membru li jiddetermina, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogrammi, il-modalitajiet ta’ tqassim tal-imsemmi ħlas, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jinkludi madankollu l-obbligu ċar u inkundizzjonat li jagħti lil dawn l-artisti u dawn il-produtturi d-dritt għal ħlas ekwu, li għandu jiġi kondiviż bejniethom. Kif jirriżulta mill-premessi 5, 12 u 13 ta’ din id-direttiva, is-sehem tal-ħlas imħallas lill-artist għandu jkun xieraq billi jirrifletti l-importanza tal-kontribuzzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-fonogramma. |
|
57 |
Dan id-dritt ta’ natura kumpensatorja jikkostitwixxi, kif jixhed it-titolu tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2006/115, li taħtu jaqa’ l-Artikolu 8 tagħha, dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur. |
|
58 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 li jiġi żgurat ħlas ekwu u li jinqasam bejn il-produttur tal-fonogramma u l-artist, japplika meta l-użu tal-fonogramma jew riproduzzjoni tagħha sseħħ fl-Unjoni. |
|
59 |
Dan huwa l-każ meta l-komunikazzjoni tal-fonogramma, bħala element li jagħti lok għad-dritt relatat imsemmi iktar ’il fuq, tkun indirizzata lil pubbliku li jinsab fi Stat Membru wieħed jew iktar. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni f’din id-direttiva fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħha, dan tal-aħħar jikkorrispondi għal dak tat-Trattati, stabbilit fl-Artikolu 52 TUE (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, El Dakkak u Intercontinental, C‑17/16, EU:C:2017:341, punti 22 u 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Bla ħsara għall-Artikolu 355 TFUE, dan il-kamp ta’ applikazzjoni jikkonsisti fit-territorji tal-Istati Membri. |
|
60 |
Barra minn hekk, sabiex dan l-obbligu previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 japplika, il-fonogramma għandha tissodisfa l-kriterji ta’ applikazzjoni ratione temporis stabbiliti fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva. |
|
61 |
Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva, li tirreferi mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra għall-“artisti” u għall-“produtturi ta’ fonogrammi”, ma tistabbilixxi ebda kundizzjoni li tipprovdi li l-artist jew il-produttur tal-fonogramma għandu jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru taż-ŻEE, jew id-domiċilju tiegħu jew il-post ta’ residenza f’tali Stat, jew inkella kundizzjoni li l-post tat-twettiq tax-xogħol kreattiv jew artistiku għandu jintrabat mat-territorju ta’ Stat Membru taż-ŻEE. |
|
62 |
Għall-kuntrarju, il-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u l-għanijiet ta’ din id-direttiva, imfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, kif ukoll is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq il-kategoriji l-oħra ta’ atti tad-dritt sekondarju, li jirriżultaw mill-Artikolu 216(2) TFUE (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 50), jeżiġu li l-imsemmi Artikolu 8(2) jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mal-WPPT (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, Z, C‑363/12, EU:C:2014:159, punt 72). Issa, dan il-ftehim internazzjonali, li jifforma parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punt 5, u tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punti 28 sa 30), jobbliga, bħala prinċipju, lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jagħtu d-dritt għal ħlas ekwu u uniku kemm lill-artisti u lill-produtturi ta’ fonogrammi li huma ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni kif ukoll lil dawk li huma ċittadini ta’ partijiet oħra kontraenti għall-WPPT. |
|
63 |
Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 15(1) tal-WPPT, il-partijiet kontraenti għal dan tal-aħħar għandhom jagħtu lill-artisti u lill-produtturi ta’ fonogrammi d-dritt għal ħlas ekwu u uniku meta fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali jintużaw għax-xandir jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku. Kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 u 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-traspożizzjoni ta’ dan l-obbligu fid-dritt tal-Unjoni kien, meta daħal fis-seħħ il-WPPT għall-Unjoni, jiġifieri fl‑14 ta’ Marzu 2010, diġà żgurat mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, li ssostitwixxa mingħajr emenda l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100. |
|
64 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(1) tal-WPPT jippreċiża li kull parti kontraenti għandha tagħti dan id-dritt mingħajr distinzjoni liċ-ċittadini tagħha stess u liċ-“ċittadini ta’ partijiet kontraenti oħrajn”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tiegħu. |
|
65 |
Din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi li l-espressjoni “ċittadini ta’ partijiet kontraenti oħrajn” tirreferi għall-artisti u għall-produtturi li jissodisfaw il-kriterji meħtieġa sabiex jibbenefikaw mill-protezzjoni prevista mill-Konvenzjoni ta’ Ruma jekk il-partijiet kontraenti kollha għall-WPPT kienu Stati kontraenti ta’ din il-konvenzjoni, peress li l-kliem li jinsab f’dawn il-kriterji għandhom il-portata ddefinita fl-Artikolu 2 tal-WPPT. |
|
66 |
Peress li l-WPPT, permezz tal-effett konġunt tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 4(1) tagħha, jirriproduċi l-kriterji li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Ruma, dawn il-kriterji huma rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 15 tal-WPPT, li miegħu l-Artikolu 4(1) huwa espressament marbut. |
|
67 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, kull artist ċittadin ta’ Stat kontraenti għal din il-konvenzjoni għandu jibbenefika mit-trattament nazzjonali mogħti mill-Istati kontraenti l-oħra liċ-ċittadini tagħhom stess meta, b’mod partikolari, il-prestazzjoni tiġi rreġistrata fuq fonogramma li hija protetta skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija konvenzjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ, kif jirriżulta mill-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu 5, meta l-produttur tal-fonogramma jkun ċittadin ta’ Stat kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Ruma li ma huwiex dak li fit-territorju tiegħu tintuża l-fonogramma. |
|
68 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li d-dritt għal ħlas ekwu u uniku, irrikonoxxut fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, li jiżgura, fid-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tal-WPPT, ma jistax jiġi rriżervat, mil-leġiżlatur nazzjonali, biss għaċ-ċittadini tal-Istati Membri taż-ŻEE. |
|
69 |
Ċertament, mill-Artikolu 15(3) tal-WPPT jirriżulta li kull parti f’dan il-ftehim internazzjonali tista’, billi tinnotifika riżerva lid-Direttur Ġenerali tal-WIPO, tiddikjara li hija ma tirrikonoxxix id-dritt għal ħlas ekwu previst fl-Artikolu 15(1) tal-imsemmi ftehim jew li, filwaqt li tirrikonoxxi dan id-dritt, hija ser tillimita l-applikazzjoni tiegħu fit-territorju tagħha. Hekk kif jipprovdi l-Artikolu 4(2) tal-WPPT, l-obbligu previst fl-Artikolu 15(1) ta’ dan il-ftehim internazzjonali ma japplikax sa fejn tali riżervi jkunu ġew innotifikati. |
|
70 |
Madankollu, kif jirriżulta mir-reġistru tan-notifiki tal-WIPO, l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u numru kbir ta’ Stati terzi partijiet kontraenti għal-WPPT ma nnotifikawx riżervi skont l-Artikolu 15(3) tal-WPPT u huma, konsegwentement, reċiprokament marbuta bl-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 15(1) ta’ dan il-ftehim internazzjonali. |
|
71 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jistax, mingħajr ma jikser l-imsemmi ftehim, jiġi implimentat minn Stat Membru b’mod li jeskludi mid-dritt għal ħlas ekwu l-artisti kollha ċittadini ta’ Stati terzi għaż-ŻEE, bl-unika eċċezzjoni ta’ dawk li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza tagħhom fiż-ŻEE jew li l-kontribuzzjoni tagħhom għall-fonogramma tkun twettqet fiż-ŻEE. |
|
72 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li ċerti Stati Membri nnotifikaw riżerva skont l-Artikolu 5(3) jew l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u bagħtuha lid-Direttur Ġenerali tal-WIPO skont l-Artikolu 3(3) tal-WPPT. Fil-fatt, għalkemm mill-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim internazzjonali jirriżulta li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu ma tista’ teżenta lill-Istati Membri mill-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni ta’ Ruma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 50), xorta jibqa’ l-fatt li, min-natura tagħha, tali riżerva tippermetti biss li jiġu ristretti l-impenji meħuda minn Stat Membru taħt din il-konvenzjoni, iżda ma toħloq ebda obbligu għal dan tal-aħħar. Minn dan isegwi li din fl-ebda każ ma tista’ titqies bħala obbligu tal-imsemmi Stat li jista’ jiġi ostakolat mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 esposta fil-punt 68 ta’ din is-sentenza. |
|
73 |
Il-konklużjoni fformulata fil-punt 71 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija invalidata mill-fatt, invokat mill-Irlanda fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li individwi, bħall-artisti jew is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tagħhom, ma jistgħux jinvokaw direttament l-Artikoli 4 u 15 tal-WPPT quddiem il-qrati Irlandiżi minħabba l-assenza, irrilevata mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 48), li għandha effett dirett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
74 |
Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 127 tal-konklużjonijiet tiegħu, din iċ-ċirkustanza bl-ebda mod ma tnaqqas il-ħtieġa li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jiġi interpretat b’mod konformi ma’ dan il-ftehim internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 48, 51 u 52). Kull individwu kkonċernat jista’ jinvoka l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva quddiem il-qrati Irlandiżi sabiex jikkontesta, fil-kuntest ta’ tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha l-Irlanda hija barra minn hekk assoċjata bħala konvenuta, il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Irlandiża ma’ din id-dispożizzjoni. Fil-kuntest ta’ tali kawża, il-qrati Irlandiżi għandhom l-obbligu li jinterpretaw l-imsemmija dispożizzjoni b’mod konformi mal-WPPT. |
|
75 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, fid-dawl tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 15(1) tal-WPPT, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jeskludi, fil-kuntest tat-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni tiegħu tal-kliem “artisti […] relevanti” li jinsabu f’dan l-Artikolu 8(2) u li jindikaw l-artisti li għandhom dritt għal parti mill-ħlas ekwu u uniku msemmija fih, l-artisti li huma ċittadini ta’ Stati terzi għaż-ŻEE, bl-unika eċċezzjoni ta’ dawk li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza tagħhom fiż-ŻEE u dawk li l-kontribuzzjoni tagħhom għall-fonogramma saret fiż-ŻEE. |
Fuq it-tielet domanda
|
76 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(3) tal-WPPT u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-riżervi nnotifikati minn Stati terzi skont dan l-Artikolu 15(3), li għandhom bħala effett il-limitazzjoni, fit-territorji tagħhom, tad-dritt għal ħlas ekwu u uniku previst fl-Artikolu 15(1) tal-WPPT iwasslu, fl-Unjoni, għal limitazzjonijiet, li jistgħu jiġu stabbiliti minn kull Stat Membru, tad-dritt previst f’dan l-Artikolu 8(2) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati terzi. |
|
77 |
Kif ġie espost fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rilevanza ta’ din id-domanda għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tinsab fiċ-ċirkustanza li r-riżervi nnotifikati konformement mal-Artikolu 15(3) tal-WPPT minn ċerti Stati terzi, fosthom l-Istati Uniti tal-Amerika, jistgħu inaqqsu l-portata tal-obbligi tal-Irlanda u għalhekk jikkostitwixxu element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi eżaminata l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tas-sitwazzjoni, maħluqa biċ-CRR Act, fejn l-użu fl-Irlanda ta’ fonogrammi li jinkludu reġistrazzjonijiet awdjo ta’ artisti ċittadini ta’ Stati terzi jaf jagħti lok għal ħlas lill-produttur li ma huwiex maqsum mal-artist. Iċ-CRR Act għandu, b’mod partikolari, l-effett li jillimita d-dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur tal-artisti tal-Istati Uniti fit-territorju Irlandiż. |
|
78 |
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li, kif irrileva fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza, diversi Stati terzi, permezz ta’ riżerva bbażata fuq l-Artikolu 15(3) tal-WPPT, iddikjaraw li huma ma kinux jikkunsidraw ruħhom marbuta bl-Artikolu 15(1) tagħha. Stati terzi oħra, fosthom l-Istati Uniti tal-Amerika, iddikjaraw li japplikaw dan l-Artikolu 15(1) b’mod limitat. |
|
79 |
Kull waħda minn dawn ir-riżervi tnaqqas bl-istess mod, għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, l-obbligu previst fl-Artikolu 15(1) tal-WPPT fir-rigward tal-Istat terz li għamel ir-riżerva. Din il-konsegwenza hija stabbilita fl-Artikolu 4(2) tal-WPPT, li għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 43, u tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign, C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 58). Fost dawn ir-regoli hemm il-prinċipju ta’ reċiproċità kkodifikat fl-Artikolu 21(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati. Skont dan il-prinċipju, riżerva fformulata minn parti kontraenti fir-rigward tal-partijiet kontraenti l-oħra temenda d-dispożizzjoni tal-ftehim internazzjonali li hija tirrigwarda għall-Istat awtur tar-riżerva fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ dawn il-partijiet l-oħra u temenda din id-dispożizzjoni bl-istess mod għall-imsemmija partijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Istat awtur tar-riżerva. |
|
80 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li, skont ir-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma humiex obbligati jagħtu, mingħajr limitazzjoni, id-dritt għal ħlas ekwu u uniku previst fl-Artikolu 15(1) tal-WPPT liċ-ċittadini ta’ Stat terz li jeskludi jew jillimita, permezz ta’ riżerva nnotifikata konformement mal-Artikolu 15(3) ta’ dan il-ftehim internazzjonali, l-għoti ta’ tali dritt fit-territorju tiegħu. |
|
81 |
L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha lanqas ma huma obbligati jagħtu, mingħajr limitazzjoni, id-dritt għal ħlas ekwu u uniku liċ-ċittadini ta’ Stat terz li ma huwiex parti kontraenti mill-WPPT. |
|
82 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rifjut ta’ Stati terzi li jagħtu, għall-użu kollu jew għal uħud mit-territorji tagħhom ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali, id-dritt għal ħlas ekwu u uniku lill-produtturi tal-fonogrammi u lill-artisti li jkunu kkontribwixxew għalihom, jista’ jkollu l-konsegwenza li ċ-ċittadini tal-Istati Membri attivi fil-kummerċ, spiss internazzjonali, tal-mużika rreġistrata ma jirċievux dħul adegwat u jiġu rkuprati iktar faċilment l-investimenti tagħhom. |
|
83 |
Tali rifjut jista’, barra minn hekk, jippreġudika l-possibbiltà għall-artisti u l-produtturi ta’ fonogrammi tal-Istati Membri tal-Unjoni li jipparteċipaw f’dan il-kummerċ fuq livell ugwali mal-artisti u mal-produtturi ta’ fonogrammi tal-Istat terz li jkunu nnotifikaw riżerva konformement mal-Artikolu 15(3) tal-WPPT, li toħloq sitwazzjoni li fiha dawn l-aħħar artisti u produtturi jirċievu dħul fil-każijiet kollha fejn il-mużika rreġistrata tagħhom hija mxandra fl-Unjoni filwaqt li dan l-Istat terz jiddistakka ruħu, permezz ta’ din ir-riżerva nnotifikata skont l-Artikolu 15(3) tal-WPPT, minn dan il-ftehim internazzjonali, iżda wkoll mill-Artikolu 4(1) tiegħu, li jipprevedi l-obbligu ta’ trattament ugwali fir-rigward tad-dritt għal ħlas ekwu għall-użu ta’ fonogrammi ppubblikati għal skopijiet kummerċjali. |
|
84 |
Minn dan isegwi li l-ħtieġa li jiġu ppreżervati kundizzjonijiet ġusti ta’ parteċipazzjoni fil-kummerċ tal-mużika rreġistrata tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika limitazzjoni tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stat terz li ma jagħtux jew li jagħtu biss parzjalment dan id-dritt. |
|
85 |
Madankollu, dan id-dritt għal ħlas ekwu u uniku jikkostitwixxi, fl-Unjoni, kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur. Għaldaqstant, huwa jagħmel parti integrali mill-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali stabbilita fl-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 47; tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 41, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et, C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 32). |
|
86 |
Konsegwentement, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur għandha tkun prevista mil-liġi, li jimplika li l-bażi legali li tippermetti l-indħil fl-imsemmi dritt għandha tiddefinixxi hija stess, b’mod ċar u preċiż, il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 81; opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 139 u s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punti 175 u 176). |
|
87 |
Is-sempliċi eżistenza ta’ riżerva nnotifikata debitament konformement mal-Artikolu 15(3) tal-WPPT ma tissodisfax dan ir-rekwiżit, għaliex tali riżerva ma tippermettix liċ-ċittadini tal-Istat terz inkwistjoni li jkunu jafu b’liema mod preċiż id-dritt tagħhom għal ħlas ekwu u uniku huwa, konsegwentement, limitat fl-Unjoni. Għal dan il-għan, hija meħtieġa regola ċara tad-dritt tal-Unjoni nnifsu. |
|
88 |
Peress li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jikkostitwixxi regola armonizzata, huwa biss il-leġiżlatur tal-Unjoni u mhux il-leġiżlaturi nazzjonali li għandu jiddetermina jekk hemmx lok li jiġi limitat l-għoti, fl-Unjoni, ta’ dan id-dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati terzi u, fl-affermattiv, li jiddefinixxi din il-limitazzjoni b’mod ċar u preċiż. Issa, kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma tinkludi, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni ta’ din in-natura. |
|
89 |
Għandu jingħad ukoll li l-Unjoni għandha l-kompetenza esterna esklużiva msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE sabiex tinnegozja ma’ Stati terzi impenji reċiproċi ġodda, fil-kuntest tal-WPPT jew barra minn dan, dwar id-dritt għal ħlas ekwu u uniku għall-produtturi ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali u l-artisti li jikkontribwixxu għal dawn il-fonogrammi. |
|
90 |
Kull ftehim dwar dan is-suġġett jista’, fil-fatt, ibiddel il-portata tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, li hija regola komuni tal-Unjoni. Teżisti konkordanza kompleta bejn is-suġġett intiż minn tali ftehim immirat u dak, identiku, imsemmi f’dan l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. L-eżistenza ta’ tali konkordanza kompleta tikkostitwixxi waħda mis-sitwazzjonijiet, fost oħrajn, fejn l-Unjoni għandha l-kompetenza esterna esklużiva msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punti 68 sa 70, u tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB Antartiku), C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 113). |
|
91 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(3) tal-WPPT u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandhom, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, jiġu interpretati fis-sens li r-riżervi nnotifikati minn Stati terzi skont dan l-Artikolu 15(3), li għandhom bħala effett il-limitazzjoni, fit-territorji tagħhom, tad-dritt għal ħlas ekwu u uniku previst fl-Artikolu 15(1) tal-WPPT ma jwasslux, fl-Unjoni, għal limitazzjonijiet tad-dritt previst f’dan l-Artikolu 8(2) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati terzi, madankollu, tali limitazzjonijiet jistgħu jiġu introdotti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. L-imsemmi Artikolu 8(2) jipprekludi għalhekk li Stat Membru jillimita d-dritt għal ħlas ekwu u uniku fir-rigward tal-artisti u produtturi ta’ fonogrammi ċittadini tal-imsemmija Stati terzi. |
Fuq ir-raba’ domanda
|
92 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li d-dritt għal ħlas ekwu u uniku previst fih jiġi limitat b’mod li jkun biss il-produttur tal-fonogramma li jirċievi ħlas, mingħajr ma jaqsam dan il-ħlas mal-artist li kkontribwixxa għall-fonogramma. |
|
93 |
F’dan ir-rigward, peress li, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, kemm l-artisti kif ukoll il-produtturi ta’ fonogrammi għandhom dritt għal ħlas ekwu u uniku, l-esklużjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ artisti mill-benefiċċju ta’ kwalunkwe ħlas għall-użu ta’ fonogrammi jew ta’ riproduzzjonijiet tagħhom li għalihom ikkontribwixxew dawn l-artisti, tippreġudika neċessarjament ir-rispett ta’ dan id-dritt. |
|
94 |
Peress li dan il-ħlas għandu bħala karatteristika essenzjali li jkun “maqsum” bejn il-produttur tal-fonogramma u l-artist, dan għandu jagħti lok għal tqassim bejniethom. Għalkemm, kif ġie stabbilit fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jagħti lil kull Stat Membru l-possibbiltà li jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ dan it-tqassim, din id-dispożizzjoni ma tippermettix, min-naħa l-oħra, lil Stat Membru jeskludi t-tqassim tal-ħlas fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ artisti u li hekk jippermetti lill-produtturi tal-fonogrammi, li għalihom dawn l-artisti kkontribwixxew, jibbenefikaw mill-ħlas kollu ġġenerat mill-użu ta’ dawn il-fonogrammi jew ta’ riproduzzjonijiet tagħhom. |
|
95 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li tali esklużjoni tikkomprometti l-għan tad-Direttiva 2006/115, imfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-kontinwità tax-xogħol kreattiv u artistiku tal-awturi u l-artisti, billi tipprevedi protezzjoni legali armonizzata li tiggarantixxi l-possibbiltà għal dawn tal-aħħar li jirċievu dħul adegwat u li jirkupraw l-investimenti tagħhom. |
|
96 |
Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li d-dritt għal ħlas ekwu u uniku previst fih jiġi limitat b’mod li jkun biss il-produttur tal-fonogramma kkonċernat li jirċievi ħlas, mingħajr ma jaqsam dan il-ħlas mal-artist li kkontribwixxa għal dan il-fonogramma. |
Fuq l-ispejjeż
|
97 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.